European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1213

19.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1213

tat-12 ta’ Ġunju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC, International Olive Council) fir-rigward tal-istandard kummerċjali għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(2)

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) jista’ jieħu deċiżjonijiet u jadotta rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

(3)

Matul il-121 sessjoni tiegħu, li għandha ssir f’Lulju 2025, il-Kunsill tal-Membri jrid jadotta deċiżjoni li temenda l-istandard kummerċjali għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ.

(4)

Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-121 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Dik id-deċiżjoni se tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u se tistabbilixxi qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjoni emendatorja li għandha tiġi adottata se jkollha effetti legali fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) u se tkun tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt għaż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-121 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi posposta, minħabba li ċerti Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, il-pożizzjoni stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tittieħed f’isem l-Unjoni fil-qafas ta’ proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim, dment li tali proċedura tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Novembru 2025.

(7)

Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli għar-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri li jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew għal dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi relatati mar-reviżjoni tal-istandard kummerċjali.

(8)

Sabiex jitħares l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ, madankollu, li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jkunu jistgħu jitolbu l-posponiment tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda l-istandard kummerċjali, jekk il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-121 sessjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) waqt il-121 sessjoni tiegħu, li għandha ssir f’Lulju 2025, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza mibdi qabel is-sessjoni regolari li jmiss f’Novembru tal-2025, hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jistgħu jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew għal dokumenti oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi relatati mar-reviżjoni tal-istandard kummerċjali għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ.

Artikolu 3

Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata mill-Kumitat dwar il-kimika u l-istandardizzazzjoni qabel il-121 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom jitolbu li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda l-istandard kummerċjali għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni ġdida.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BODNAR


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1892/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).


ANNESS

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-emendi li ġejjin tal-istandard kummerċjali tal-IOC (L-istandard kummerċjali COI/T.15/NC Nru 4 li japplika għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ) fil-121 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC li għandha ssir f'Lulju 2025 jew fil-qafas ta' proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta' skambju ta' korrispondenza mibdi qabel is-sessjoni regolari tiegħu li jmiss f'Novembru 2025:

—

L-inklużjoni tar-reviżjoni 4 tal-metodu ta' analiżi biex jiġi ddeterminat il-kontenut ta' xama' u ta' ester etiliku ta' aċidi xaħmin permezz tal-kromatografija b'fażi gassuża f'kolonna kapillari (COI/T.20/Dok. Nru 28/Rev. 4);

—

L-inklużjoni tal-metodu biex jiġi ddeterminat il-kontenut ta' digliċeridi u trigliċeridi (COI/T.20/Dok. Nru 32);

—

L-inklużjoni ta' nota f'qiegħ il-paġna li tbiddel il-limitu għall-isteroli totali għaż-żjut taż-żebbuġa monovarjetali miksuba mill-varjetajiet taż-żebbuġ Koroneiki jew Nocellara del Belice, sakemm isiru aktar studji xjentifiċi;

—

It-tħassir tas-sejbien ta' traċċi ta' solventi aloġenati fl-istandard kummerċjali.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC jistgħu jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew għal dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi msemmija fl-ewwel paragrafu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1213/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)