SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 2(1)(e) – Kunċett ta’ ‘remunerazzjoni’ – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess”
Fil-Kawża C‑314/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura
Sindicato de Tripulantes Auxiliares de Vuelo de Líneas Aéreas (STAVLA),
Ministerio Fiscal
vs
Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA,
Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO),
Unión General de Trabajadores (UGT),
Unión Sindical Obrera (USO),
Comité de empresa de Air Nostrum Líneas Aéreas del Mediterráneo SA,
Dirección General de Trabajo u Instituto de las Mujeres
fil-preżenza ta’:
Sindicato Español de Pilotos de Líneas Aéreas (SEPLA),
Sindicato Unión Profesional de Pilotos de Aerolíneas (UPPA),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2024,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Ministerio Fiscal, minn M. Campoy Miñarro, bħala aġent, |
|
– |
għal Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA, minn N. Navarro Moreno, abogada, |
|
– |
għall-Unión General de Trabajadores (UGT), minn C. Cortés Suárez, abogada, |
|
– |
għas-Sindicato Español de Pilotos de Líneas Aéreas (SEPLA), minn E. López García u Ó. Orgeira Rodríguez, abogados, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u M. Morales Puerta, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, M. Jespersen, J. Kronborg u C. A.‑S. Maertens, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u E. Schmidt, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sindicato de Tripulantes Auxiliares de Vuelo de Líneas Aéreas (STAVLA) (is-Sindakat tal-Persunal tal-Kabina tal-Kumpanniji tal-Ajru (STAVLA), Spanja) u l-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja) ma’ Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA (iktar ’il quddiem “Air Nostrum”), mal-Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), mal-Unión General de Trabajadores (UGT), mal-Unión Sindical Obrera (USO), mal-Comité de empresa de Air Nostrum Líneas Aéreas del Mediterráneo SA, mad-Dirección General de Trabajo u mal-Instituto de las Mujeres, dwar il-ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal tal-kabina ta’ Air Nostrum. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2006/54 tiddikjara: “Skond il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi stmat jekk ħaddiema humiex jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jiġi determinat jekk, meħud kont ta’ firxa ta’ fatturi inklużi n-natura tax-xogħol u t-taħriġ u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, dawk il-ħaddiema jistgħux jitqiesu li huma f’sitwazzjoni kumparabbli.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal: […]
[…]” |
Id‑dritt Spanjol
|
7 |
Ir-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2015 dwar l-Approvazzjoni tat-Test Rivedut tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema”), jiddisponi, fl-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Sorsi tar-relazzjoni ta’ xogħol”: “1. Id-drittijiet u l-obbligi li jirrigwardaw ir-relazzjoni ta’ xogħol huma rregolati:
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 4(2)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi: “Fir-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiema għandhom id-dritt: […]
|
|
9 |
Skont l-Artikolu 26(2) ta’ dan l-istatut: “Huma esklużi mill-kunċett ta’ pagi s-somom li l-ħaddiem jirċievi bħala allowances jew rimbors tal-ispejjeż li huwa jsostni waqt l-attività professjonali tiegħu, il-benefiċċji u allowances tas-sigurtà soċjali u l-allowances korrispondenti għal trasferimenti, sospensjonijiet jew tkeċċijiet.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
10 |
Ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn, minn naħa, Air Nostrum u, min-naħa l-oħra, il-persunal tagħha fuq l-art u l-persunal tal-kabina tagħha, huma rregolati minn ftehim kollettiv, iffirmat mid-direttorat ta’ din l-impriża u ċerti sindakati u ppubblikat fil-Boletín Oficial del Estado (BOE) fl‑14 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem il-“ftehim TCP”). |
|
11 |
Ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn Air Nostrum u l-piloti tagħha huma rregolati minn ftehim kollettiv ieħor, iffirmat mid-direttorat ta’ din l-impriża u minn sindakati oħra u ppubblikat fil-BOE fit‑13 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem il-“ftehim piloti”). |
|
12 |
L-Artikolu 93 tal-ftehim TCP u l-Artikolu 16.19 tal-ftehim piloti jirregolaw l-allowances ta’ kuljum li jkopru l-ispejjeż, minbarra dawk dwar akkomodazzjoni u trasport, sostnuti, rispettivament, mill-membri tal-persunal tal-kabina u mill-piloti waqt l-ivvjaġġar professjonali tagħhom (iktar ’il quddiem l-“allowances ta’ kuljum”). |
|
13 |
Fit‑8 ta’ Novembru 2022, STAVLA ppreżenta rikors quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tal-Artikolu 93 tal-ftehim TCP. Fil-fatt, skont STAVLA, sostnut mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, dan l-artikolu jintroduċi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, ipprojbita mill-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54. |
|
14 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabel kollox, li l-ammont tal-allowances ta’ kuljum previst mill-ftehim TCP huwa kunsiderevolment inqas minn dak previst mill-ftehim piloti. Sussegwentement, minn diversi studji jirriżulta li 94 % tal-membri tal-persunal tal-kabina huma ta’ sess femminili filwaqt li 93.71 % tal-piloti huma ta’ sess maskili. Fl-aħħar nett, l-allowances ta’ kuljum ma jistgħux jitqiesu bħala salarji, la fid-dritt tax-xogħol Spanjol, fid-dawl tal-Artikolu 26(2) tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema li jeskludihom espressament minn dan il-kunċett, kif ukoll fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 157 TFUE u tal-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2006/54. Peress li dawn l-allowances ma jirremunerawx xogħol speċifiku, huma jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’tali mod li l-valur differenti tax-xogħol imwettaq mill-piloti u mill-membri tal-persunal tal-kabina ma jistax jiġġustifika differenza fl-ammont bejn l-imsemmija allowances. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-fatt li [AIR NOSTRUM] tikkumpensa grupp [ta’ ħaddiema], li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kompost minn nisa, għall-ispejjeż li jkollhom isostnu waqt l-ivvjaġġar, għajr dawk relatati mat-trasport u mal-akkomodazzjoni, b’ammont inferjuri għal dak li huwa rċevut għall-istess spejjeż minn grupp ieħor ta’ impjegati li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kompost minn irġiel, bħal ma huwa dak tal-piloti, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u li hija pprojbita mill-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva [2006/54], meta r-raġuni għal tali trattament differenti tkun li kull grupp huwa suġġett għal ftehim kollettiv differenti, u ż-żewġ ftehimiet ikunu ġew innegozjati mill-istess kumpannija iżda ma’ rappreżentanti sindakali differenti, skont l-Artikolu 87 tal-[Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema]?” |
Fuq il‑persistenza tas‑suġġett tal‑kawża prinċipali
|
16 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Settembru 2023, is-Sindicato Español de Pilotos de Líneas Aéreas (SEPLA) tqis li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li STAVLA rrinunzjat għal dan ir-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fil‑21 ta’ Settembru 2023. |
|
17 |
Madankollu, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li, minkejja l-irtirar ta’ STAVLA, il-kawża quddiemha ma kinitx mingħajr skop, peress li d-dritt proċedurali nazzjonali kien jippermetti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur jissostitwixxi ruħu għal STAVLA bħala rikorrent. |
|
18 |
Minn dan isegwi li, peress li l-kawża prinċipali żammet l-iskop tagħha, hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
19 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tistrieħ fuq tliet premessi. |
|
20 |
Għalhekk, l-ewwel nett, din il-qorti tikkonstata li, fi ħdan Air Nostrum, il-membri tal-persunal tal-kabina huma fil-parti l-kbira ħaddiema ta’ sess femminili filwaqt li l-parti l-kbira tal-piloti huma ħaddiema ta’ sess maskili. |
|
21 |
It-tieni nett, l-imsemmija qorti tirrileva li l-ammont tal-allowances ta’ kuljum imħallsa fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-membri tal-persunal tal-kabina għal ċerti spejjeż sostnuti minnhom fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-servizzi previsti mill-kuntratt ta’ xogħol tagħhom huwa sostanzjalment inqas mill-ammont tal-allowances ta’ kuljum imħallsa fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-piloti għall-istess spejjeż. |
|
22 |
Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ dawn iż-żewġ premessi ta’ natura fattwali, kull evalwazzjoni tal-fatti tirriżulta mill-kompetenza tal-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE,C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30, u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Adient,C‑533/22, EU:C:2024:501, punt 33). |
|
23 |
Madankollu, id-domanda tistrieħ fuq it-tielet premessa li, fid-dawl tal-għan tagħhom, l-allowances ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati, fis-sens kemm tad-dritt nazzjonali kif ukoll tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, u mhux tar-remunerazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(e) u tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. |
|
24 |
Issa, minn-naħa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija din l-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ssottomessi lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Juan,C‑164/22, EU:C:2023:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/54 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprojbixxi differenza fit-trattament fir-remunerazzjoni tal-ħaddiema, biss sa fejn din tikkonċerna l-istess xogħol jew xogħol li għalih huwa attribwit valur ugwali. |
|
26 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok għalhekk li tiġi vverifikata l-premessa li fuqha tistrieħ id-domanda magħmula, li l-allowances inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux parti mir-remunerazzjoni tal-piloti u tal-persunal tal-kabina, fis-sens tad-Direttiva 2006/54. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(e) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, l-allowances ta’ kuljum li jikkumpensaw, fil-forma ta’ somma f’daqqa, ċerti spejjeż sostnuti minn ħaddiema minħabba l-ivvjaġġar professjonali tagħhom jagħmlu parti mir-remunerazzjoni tagħhom jew, għall-kuntrarju, mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u, min-naħa l-oħra, differenza fit-trattament bejn l-ammont ta’ tali allowances, skont jekk dawn jingħatawx lil grupp ta’ ħaddiema kompost fil-parti l-kbira minn rġiel jew lil grupp ta’ ħaddiema kompost fil-parti l-kbira minn nisa, jikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess ipprojbita minn din id-direttiva. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” ddefinit fl-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2006/54 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1996, Freers u Speckmann, C‑278/93, EU:C:1996:83, punt 16, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi,C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 33). |
|
29 |
Mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi Artikolu 2(1)(e) jirriżulta li, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-“remunerazzjoni” tkopri mhux biss is-salarju, iżda wkoll “kwalunkwe benefiċċju ieħor, imħallas direttament jew indirettament, fi flus jew in natura, minn min iħaddem lill-ħaddiem għall-impjieg tiegħu”. |
|
30 |
Issa, allowances ta’ kuljum, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu manifestament vantaġġ ekonomiku fi flus imħallas direttament mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem, intiż sabiex jikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa ċerti spejjeż li huwa seta’ sostna fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
|
31 |
Il-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li dawn l-allowances ta’ kuljum ma jirremunerawx xogħol speċifiku kkalkolat għal kull unità ta’ ħin jew għal kull unità ta’ xogħol ma huwiex biżżejjed sabiex l-imsemmija allowances ta’ kuljum jevitaw il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2006/54. |
|
32 |
Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li tali kunċett jeżiġi li l-benefiċċju mħallas mill-persuna li timpjega jirremunera xogħol speċifiku, peress li tali benefiċċju għandu jitħallas biss “minħabba l-impjieg” tal-ħaddiem (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi,C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 34). |
|
33 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-allowances ta’ kuljum għandhom l-għan li jikkumpensaw fil-forma ta’ somma f’daqqa ċerti spejjeż sostnuti mill-ħaddiema kkonċernati minħabba ċ-ċaqliq li huma jwettqu fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, jiġifieri minħabba l-impjieg tagħhom. |
|
34 |
Kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni Ewropea, din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 25) li tgħid li l-elementi tar-remunerazzjoni globali tal-ħaddiem li huma intiżi esklużivament sabiex ikopru l-ispejjeż okkażjonali jew anċillari li jseħħu fl-okkażjoni tal-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-ħaddiem skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ħlas li għandu jitħallas matul il-leave annwali. |
|
35 |
Fil-fatt, f’din is-sentenza, li ma kinitx tikkonċerna d-Direttiva 2006/54 iżda d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tikkonstata li r-remunerazzjoni tista’ tkun komposta minn diversi elementi, li wħud minnhom ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-somom li għandhom jitħallsu lill-impjegat abbażi tal-leave annwali tiegħu. B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma kkunsidrat li tali elementi ma kinux jagħmlu parti mir-remunerazzjoni tal-ħaddiem. |
|
36 |
Huwa wkoll irrilevanti għal din il-kawża l-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Rapidsped (C‑428/19, EU:C:2021:548, punt 54), li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66) għandu jiġi interpretat fis-sens li allowance ta’ kuljum li l-ammont tagħha jvarja skont it-tul tal-kollokament tal-ħaddiem tikkostitwixxi allowance speċifika għall-kollokament li tagħmel parti mis-salarju minimu, sakemm, b’mod partikolari, ma titħallasx bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament, bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni jew tal-ikel. |
|
37 |
Fil-fatt, minbarra li din is-sentenza lanqas ma kienet tikkonċerna d-Direttiva 2006/54, il-fatt li allowance mħallsa bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament ma tagħmilx parti mis-salarju minimu bl-ebda mod ma jeskludi li l-allowances fil-forma ta’ somma f’daqqa, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu element ta’ remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2006/54, li, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, ma huwiex limitat biss għas-salarju. |
|
38 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li għalkemm huwa ċertament minnu li allowances ta’ kuljum, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jitħallsux bħala korrispettiv għal prestazzjoni ta’ xogħol, xorta jibqa’ l-fatt li dawn jikkostitwixxu vantaġġ mogħti mill-persuna li timpjega lill-ħaddiema kkonċernati minħabba l-impjieg tagħhom u jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 2006/54, u mhux taħt il-kundizzjonijiet tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. |
|
39 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament indiretta bbażata fuq is-sess, mill-fatt li, minn naħa, il-persunal tal-kabina huwa kompost fil-parti l-kbira minn ħaddiema ta’ sess femminili filwaqt li l-parti l-kbira tal-piloti huma ħaddiema ta’ sess maskili u li, min-naħa l-oħra, l-ammont tal-allowances ta’ kuljum imħallsa lill-membri tal-persunal tal-kabina huwa sostanzjalment inqas mill-ammont tal-allowances ta’ kuljum imħallsa lill-piloti. |
|
40 |
Madankollu, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta li tali differenza fit-trattament fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess ipprojbita minn din id-dispożizzjoni biss jekk din ir-remunerazzjoni titħallas “għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur ugwali”. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2006/54, sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
|
42 |
Issa, huwa ċar li l-membri tal-persunal tal-kabina u l-piloti ma jeżerċitawx manifestament l-istess xogħol. Barra minn hekk, fid-dawl tat-taħriġ meħtieġ sabiex jiġi eżerċitat ix-xogħol ta’ pilota u tar-responsabbiltajiet marbuta ma’ dan tal-aħħar, ma jistax jitqies li x-xogħol tal-piloti għandu valur ugwali għax-xogħol tal-membri tal-persunal tal-kabina, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza fit-trattament indiretta msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fis-sens tad-Direttiva 2006/54. |
|
44 |
Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk tali differenza fit-trattament indiretta tistax tiġi ġġustifikata minħabba l-fatt li l-vantaġġi inkwistjoni huma previsti minn ftehim kollettivi distinti, konklużi bejn partijiet differenti. |
|
45 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(e) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, l-allowances ta’ kuljum li jikkumpensaw, fil-forma ta’ somma f’daqqa, ċerti spejjeż sostnuti minn ħaddiema minħabba l-ivvjaġġar professjonali tagħhom jagħmlu parti mir-remunerazzjoni tagħhom, u, min-naħa l-oħra, differenza fl-ammont ta’ tali allowances, skont jekk dawn jingħatawx lil grupp ta’ ħaddiema kompost fil-parti l-kbira minn rġiel jew lil grupp ta’ ħaddiema kompost fil-parti l-kbira minn nisa, ma hijiex ipprojbita minn din id-direttiva meta dawn iż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema ma jeżerċitawx l-istess xogħol jew xogħol li għalih huwa attribwit valur ugwali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(1)(e) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
minn naħa, l-allowances ta’ kuljum li jikkumpensaw, fil-forma ta’ somma f’daqqa, ċerti spejjeż sostnuti minn ħaddiema minħabba l-ivvjaġġar professjonali tagħhom jagħmlu parti mir-remunerazzjoni tagħhom, u, min-naħa l-oħra, differenza fl-ammont ta’ tali allowances, skont jekk dawn jingħatawx lil grupp ta’ ħaddiema kompost fil-parti l-kbira minn rġiel jew lil grupp ta’ ħaddiema kompost fil-parti l-kbira minn nisa, ma hijiex ipprojbita minn din id-direttiva meta dawn iż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema ma jeżerċitawx l-istess xogħol jew xogħol li għalih huwa attribwit valur ugwali. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.