SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT – Artikolu 2(1)(ċ)) – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Artikolu 9(1) – Persuna taxxabbli – Assistenza legali pprovduta mingħajr ħlas minn avukat lil parti fi proċedura ġudizzjarja – Ħlas tal-onorarji ta’ dan l-avukat mill-kontroparti li titlef”

Fil-Kawża C‑744/23 [Zlakov] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

Т.P.T.

vs

“Financial Bulgaria” EOOD

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, A. Kumin (Relatur), u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal “Financial Bulgaria” EOOD, minn P. Damyanov u M. Kozhuharova,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u G. Koleva, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tal-Artikolu 24(1), tal-Artikolu 26(1)(b) u tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 75 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn T.P.T. u “Financial Bulgaria” EOOD dwar talba mressqa mill-avukat ta’ T.P.T. u intiża sabiex Financial Bulgaria tħallsu, minbarra l-onorarji tiegħu, it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ikkalkolata fuq l-ammont ta’ dawn l-onorarji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li hija suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.”

5

L-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni [tranżazzjoni] li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

6

L-Artikolu 26(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Kull waħda minn dawn it-transazzjonijiet li ġejjin għandha titqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas:

[…]

(b)

il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha.”

7

Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT:

“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”

8

L-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, kif imsemmija fl–Artikolu 26, fejn merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju tintuża għal finijiet privati jew servizzi jitweqqu bla ħlas, l-ammont taxxabbli għandu jkun l-ispiża kollha għall-persuna taxxabbli tal-provvediment tas-servizzi.”

Id-dritt Bulgaru

9

Iż-Zakon za advokaturata (il-Liġi li Tirregola l-Professjoni tal-Avukati), kif kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZA”), tipprevedi, fl-Artikolu 38 tagħha:

“(1)   L-avukat jew l-avukat mill-Unjoni Ewropea jista’ jirrappreżenta jew jassisti [lill-...] mingħajr ħlas bħala konsulent legali:

[…]

2.

Persuni li jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi;

[…]

(2)   Jekk, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-parti l-oħra tkun ġiet ikkundannata għall-ispejjeż, l-avukat jew l-avukat tal-Unjoni Ewropea għandu dritt għal onorarju tal-avukat. Il-qorti għandha tistabbilixxi l-onorarju mill-inqas sal-ammont previst mir-Regolament skont l-Artikolu 36(2) [taż-ZA] u tikkundanna lill-parti l-oħra tħallas l-istess.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

T.P.T. ressaq azzjoni ċivili kontra Financial Bulgaria sabiex jiġi kkonstatat li kuntratt ta’ garanzija konkluż bejniethom fil-kuntest ta’ kreditu għall-konsum kien null. Għal dan l-għan, T.P.T. ġie rrappreżentat quddiem qorti minn avukat, li aġixxa fil-kuntest ta’ kumpannija b’membru wieħed ta’ avukat, abbażi ta’ kuntratt konkluż miegħu. Din l-assistenza legali ngħatatlu mingħajr ħlas, skont il-punt 2 tal-Artikolu 38(1) taż-ZA.

11

Peress li T.P.T. rebaħ il-kawża, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, ikkundannat, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2023, lil Financial Bulgaria tħallas ammont ta’ 400 lev Bulgaru (BGN) lill-avukat ta’ T.P.T., konformement mal-Artikolu 38(2) taż-ZA, mingħajr, madankollu, ma inkludiet il-VAT.

12

Fit‑13 ta’ Ottubru 2023, l-avukat ta’ T.P.T. ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju intiża għal riforma tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2023 sabiex jingħata, minbarra l-onorarji tiegħu, il-ħlas tal-VAT ikkalkolata fuq l-ammont ta’ BGN 400, li jammonta għal BGN 80.

13

Financial Bulgaria opponiet din it-talba billi sostniet li ma kienx hemm lok li jingħata l-ħlas tal-VAT fuq l-onorarji tal-avukat peress li l-assistenza legali kienet ġiet ipprovduta mingħajr ħlas lil T.P.T.

14

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-avukat ta’ T.P.T. huwa rreġistrat skont il-Liġi Bulgara dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u li, jekk dan l-avukat jipprovdi s-servizzi tiegħu abbażi ta’ kuntratt li jipprevedi remunerazzjoni li għandha titħallas mill-klijent tiegħu, l-onorarji tal-avukat għandhom għalhekk ikunu suġġetti għall-VAT.

15

Skont din il-qorti, għandu jiġi ċċarat jekk dan japplikax ukoll meta r-rappreżentanza tal-klijent fi proċeduri legali mill-avukat tiegħu tiġi pprovduta mingħajr ħlas u l-qorti kompetenti tikkundanna lill-parti avversarja li titlef tħallas, direttament lil dan l-istess avukat, l-ekwivalenti ta’ dak li kien jikseb li kieku dan is-servizz kien twettaq bħala korrispettiv għal onorarji. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’tali ċirkustanzi, l-avukat għandux jitqies bħala persuna taxxabbli u jekk l-għoti tal-għajnuna legali jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi bi ħlas, jew saħansitra provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas, li għandha tiġi assimilata ma’ provvista ta’ servizzi bi ħlas.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għandu jitqies li ‘provvista ta’ servizzi’, fis-sens tal-Artikolu 2(1)[(ċ)], tal-Artikolu 24(1), tal-Artikolu 26(1)(b) u tal-Artikolu 28 tad-Direttiva [dwar il-VAT], tinkludi:

1.

il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti f’kawża ġudizzjarja;

2.

il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?

2)

Għandu jitqies li ‘provvista ta’ servizzi bla ħlas’, fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva [dwar il-VAT], tinkludi:

1.

il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti f’kawża ġudizzjarja.

2.

il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?

3)

Għandu jitqies li ‘provvista ta’ servizzi bi ħlas’, fis-sens tal-Artikolu 2fis-sens tal-Artikolu 2(1)[(ċ)], tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva [dwar il-VAT] tinkludi l-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?

4)

Għandu jitqies li ‘persuna taxxabbli’, fis-sens tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 75 tad-Direttiva [dwar il-VAT], tinkludi:

1.

avukat (kumpannija ta’ avukati b’persuna waħda) li pprovda għajnuna legali bla ħlas (pro bono) lil parti f’kawża ġudizzjarja;

2.

avukat (kumpannija ta’ avukati b’persuna waħda) li pprovda għajnuna legali bla ħlas (pro bono) lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat (kumpannija ta’ avukati b’persuna waħda) għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija din tal-aħħar li għandha tislet mill-informazzjoni kollha li tkun ipprovditilha l-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1984, Haug-Adrion,251/83, EU:C:1984:397, punt 9, u tat‑30 ta’ April 2024, M. N. (EncroChat),C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78).

18

F’dan il-każ, fid-dawl tal-kuntest fattwali kif ippreżentat fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi magħmula għandhom jinftiehmu fis-sens li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(ċ), tal-Artikolu 24(1), tal-Artikolu 26(1)(b), tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 75 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rappreżentanza legali minn avukat ta’ parti tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas jew provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas, f’ċirkustanzi fejn dan is-servizz huwa pprovdut mingħajr ħlas iżda fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tipprevedi li l-kontroparti, fil-każ li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hija wkoll ikkundannata tħallas lil dan l-avukat onorarji li din il-leġiżlazzjoni tirregola l-ammont tagħhom.

19

Sabiex tingħata risposta għad-domanda hekk ifformulata mill-ġdid, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

20

F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jgħid li kull min iwettaq, b’mod indipendenti, attività ekonomika, ikunu xi jkunu l-għanijiet u r-riżultati ta’ din l-attività, jitqies li jkun “persuna taxxabbli”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, titqies bħala “provvista ta’ servizzi” kwalunkwe tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija.

21

F’dan il-każ, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tagħha, l-avukat ta’ T.P.T., li huwa rreġistrat skont il-Liġi Bulgara dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, għandu jitqies li huwa persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, mingħajr ma huwa rilevanti, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-onorarji tal-avukat ingħatawlu għal persuna li lilha huwa pprovda assistenza legali mingħajr ħlas u li rebħet il-kawża.

22

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rappreżentanza legali ta’ klijent minn avukat tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

23

Fir-rigward tal-punt dwar jekk provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi mwettqa “bi ħlas”, hija ġurisprudenza stabbilita li l-klassifikazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi bħala tranżazzjoni “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, tippreżumi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn din il-provvista u korrispettiv realment irċevut mill-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta hija stabbilita meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li fl-ambitu tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur ikun jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA (TVA – Membru ta’ bord tad-diretturi), C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, ir-rabta diretta bejn il-provvista u l-korrispettiv tinkiser meta l-ħlas jingħata b’mod purament volontarju u każwali b’tali mod li l-ammont tiegħu jkun prattikament impossibbli li jiġi ddeterminat jew meta l-ammont tiegħu jkun diffiċilment kwantifikabbli jew inċert fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mad-determinazzjoni tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (VAT – Membru ta’ bord tad-diretturi), C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li bejn T.P.T. u l-avukat tiegħu jeżisti kuntratt li għandu bħala suġġett il-provvista ta’ assistenza legali mingħajr ħlas, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 38(1) taż-ZA. Min-naħa l-oħra, peress li T.P.T. rebaħ il-kawża fil-proċedura ġudizzjarja kkonċernata, il-kontroparti ġiet ikkundannata, konformement mal-Artikolu 38(2) taż-ZA, tħallas lil dan l-avukat onorarji tal-avukat li l-ammont tagħhom ġie ffissat skont l-indikazzjonijiet previsti mil-liġi, b’riferiment għall-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukat.

26

Konsegwentement, l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-assistenza legali pprovduta mill-avukat ta’ T.P.T. u l-onorarji tal-avukat li tħallsu lilu sseħħ kemm permezz ta’ kuntratt kif ukoll permezz tal-liġi.

27

Huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-onorarji tal-avukat jinkisbu mhux mill-parti li lilha ngħatat l-assistenza legali, iżda mill-kontroparti u għalhekk minn terz. Fil-fatt ma huwiex neċessarju, sabiex provvista ta’ servizzi tkun tista’ titqies li twettqet “bi ħlas”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, li l-korrispettiv ta’ din il-provvista jinkiseb direttament mingħand id-destinatarju tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (TVA –Membru ta’ bord tad-diretturi), C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni magħmula fil-punt 26 ta’ din is-sentenza ma hijiex ikkontestata mill-inċertezza dwar il-ħlas ta’ onorarji tal-avukat minħabba l-assenza ta’ garanzija dwar is-suċċess tal-proċedura ġudizzjarja u, konsegwentement, fir-rigward tal-kundanna tal-kontroparti sabiex tħallas dawn l-onorarji.

29

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar speċifiku mis-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 19), u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová (C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 29), jirriżulta li n-natura inċerta tal-eżistenza stess ta’ ħlas hija ta’ natura li tikser ir-rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju u l-ħlas irċevut jekk ikun il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u s-sitwazzjonijiet li taw lok għall-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi ma humiex paragunabbli.

30

B’hekk, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C‑16/93, EU:C:1994:80), kienet tikkonċerna mużiċist li kien idoqq fi triq pubblika u li kien jirċievi donazzjonijiet mill-persuni li jkunu għaddejjin. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punti 16 u 17 ta’ din is-sentenza, li dan id-dħul ma kienx jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizz mogħti lill-persuni li jkunu għaddejjin. peress li, minn naħa, ma kien jeżisti ebda ftehim bejn il-partijiet, peress li l-persuni li jkunu għaddejjin jagħtu b’mod volontarju donazzjoni li huma kienu jiddeterminaw l-ammont tagħha skont ir-rieda tagħhom, u li, min-naħa l-oħra, ma kienet teżisti ebda rabta neċessarja bejn is-servizz ta’ mużika u l-ħlasijiet li għalihom dan kien jagħti lok.

31

Is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová (C‑432/15, EU:C:2016:855), kienet tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kwistjoni dwar jekk il-provvista ta’ żiemel minn persuna taxxabbli għad-dispożizzjoni tal-organizzatur ta’ tiġrija taż-żwiemel għall-finijiet tal-parteċipazzjoni ta’ dan iż-żiemel f’din it-tiġrija kienx jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas.

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 35 u 37 ta’ din is-sentenza, li, bħala prinċipju, tali provvista ma tistax issib korrispettiv effettiv fis-servizz ipprovdut mill-organizzatur tat-tiġrija u li jikkonsisti fil-fatt li l-imsemmi proprjetarju jista’ jdaħħal liż-żiemel tiegħu fit-tiġrija, peress li dan is-servizz jitħallas minħabba l-ħlas, mill-proprjetarju taż-żiemel, tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni u ta’ parteċipazzjoni li jirriflettu l-korrispettiv effettiv tal-parteċipazzjoni fit-tiġrija, u li kull benefiċċju li jista’ eventwalment jinkiseb minn din il-parteċipazzjoni mill-proprjetarju taż-żiemel permezz taż-żieda fil-valur taż-żiemel jew tal-pubbliċità li tagħtih din il-parteċipazzjoni huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat u inċert. Barra minn hekk, il-premju jekk ikun il-każ li jintrebaħ minħabba l-klassifikazzjoni taż-żiemel fi tmiem it-tiġrija lanqas ma jista’ jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-provvista taż-żiemel peress li ma hijiex dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-proprjetarju taż-żiemel lill-organizzatur tat-tiġrija taż-żwiemel li, bħala tali, tagħti lok għall-ħlas ta’ premju, iżda l-kisba ta’ ċertu riżultat fi tmiem it-tiġrija.

33

Issa, għalkemm, fil-kawża prinċipali, il-ħlas tal-onorarji tal-avukat huwa suġġett għal riskju skont ir-riżultat tal-kawża, dawn jirrappreżentaw, min-naħa l-oħra, il-korrispettiv effettiv tas-servizz li jikkonsisti fir-rappreżentanza tal-klijent fi proċeduri legali.

34

Sa fejn il-qorti tar-rinviju tirreferi, barra minn hekk, għall-Artikolu 26(1)(b), għall-Artikolu 28 u għall-Artikolu 75 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tapplika għal servizz bħal dak inkwistjoni.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rappreżentanza legali minn avukat ta’ parti, f’ċirkustanzi fejn dan is-servizz jiġi pprovdut mingħajr ħlas iżda fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tipprevedi li l-kontroparti, fil-każ fejn hija kkundannata għall-ispejjeż, hija wkoll ikkundannata tħallas lil dan l-avukat onorarji li din il-leġiżlazzjoni tirregola l-ammont tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rappreżentanza legali minn avukat ta’ parti, f’ċirkustanzi fejn dan is-servizz jiġi pprovdut mingħajr ħlas iżda fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tipprevedi li l-kontroparti, fil-każ fejn hija kkundannata għall-ispejjeż, hija wkoll ikkundannata tħallas lil dan l-avukat onorarji li din il-leġiżlazzjoni tirregola l-ammont tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.