12006E111

Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - It-Tielet parti - Politika tal-Komunita' - TITOLU VII - Politika Ekonomika u Monetarja - Kapitolu 2 - Politika Monetarja - Artikolu 111

Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0089 - 0090
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0078 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0223 - Consolidated version
Official Journal C 224 , 31/08/1992 P. 0037 - Consolidated version
(EEC Treaty - no official publication available)


Artikolu 111

1. B'deroga mill-Artikolu 300, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE jew mill-Kummissjoni, u wara li jikkonsulta mal-BĊE fi sforz li jasal għal konsensus konformi ma’ l-iskop ta’ l-istabbliltà tal-prezzijiet, wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew skond il-proċedura fil-paragrafu 3, jista' jikkonkludi arranġamenti formali, biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti, fuq sistema ta’ rati ta’ kambju għall-ECU ma' valuta mhux tal-Komunità. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE jew mill-Kummissjoni, u wara li jikkonsulta mal-BĊE fi sforz biex jilħaq konsensus konformi ma' l-iskop ta’ l-istabbiltà fil-prezzijiet, jista' jadotta, jaġġusta jew jabbanduna r-rati ċentrali ta’ l-ECU fis-sistema ta' rata ta' kambju. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-adozzjoni, l-aġġustament jew l-abbandun tar-rati ċentrali ta’ l-ECU.

2. Meta ma jkunx hemm sistema ta' rata ta' kambju in relazzjoni ma' valuta waħda jew aktar mhux tal-Komunità kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-BĊE, jew fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE, jista’ jifformula orjentazzjonijiet ġenerali għall-politika ta’ rata ta’kambju ma' dawn il-valuti. Dawn l-orjentazzjonijiet ġenerali m'għandhomx jippreġudikaw l-iskop primarju tas-SEBĊ li tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet.

3. B' deroga mill-Artikolu 300, fejn kun hemm il-bżonn li xi ftehim rigward kwistjonijiet monetari jew tas-sistema ta’kambju jiġi negozjat mill-Komunità ma' xi Stat jew Stati jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-BĊE, għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti għan-negozjati u l-konkluzjoni ta' dan il-ftehim. Dawn l-arranġamenti għandhom jassiguraw li l-Komunità tesprimi pożizzjoni unika. Il-Kummissjoni għandha tkun għal kollox assoċjata ma' dawn in-negozjati.

Kull ftehim magħmul skond dan il-paragrafu għandu jkun jorbot fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità, fuq il-BĊE u fuq l-Istati Membri.

4. Bla ħsara għall-paragrafu 1, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-BĊE, għandu jiddeċiedi dwar il-pożizzjoni tal-Komunità f’livell internazzjonali rigward materji ta’ rilevanza partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja u dwar ir-rappreżentanza tagħha, f’konformità ma’ l-allokazzjoni tal-kompetenzi kif hemm fl-Artikoli 99 u 105.

5. Bla ħsara għall-kompetenza tal-Komunità u għal kull ftehim tal-Komunità dwar l-unjoni ekonomika u monetarja, Stati Membri jistgħu jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u jikkonkludu ftehim internazzjonali.

--------------------------------------------------