|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/109 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1704 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0079/2022), |
|
A. |
billi l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-"Kumitat") jirrappreżenta u jinvolvi ruħu mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u jsegwi l-missjoni tiegħu ta' tfassil aħjar tal-liġijiet u jsaħħaħ id-demokrazija tal-Unjoni minn isfel għal fuq; |
|
B. |
billi l-missjoni tal-Kumitat issegwi tliet objettivi ewlenin, jiġifieri (i) l-iżgurar ta' rabtiet adegwati bejn il-politiki tal-Unjoni u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi, soċjali u ċiviċi fil-prattika, (ii) il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' Unjoni aktar parteċipattiva u (iii) il-promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-integrazzjoni Ewropea; |
|
C. |
billi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni, fid-diskussjoni tan-nuqqasijiet u fil-proposta ta' miżuri speċifiċi u, għalhekk, jistgħu jikkontribwixxu ħafna għas-suċċess tal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-aġġustament tal-pjanijiet ta' rkupru tal-Unjoni; |
|
D. |
billi l-konsultazzjoni tal-Kumitat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill hija obbligatorja f'ċerti każijiet, il-Kumitat jista' jadotta wkoll opinjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess filwaqt li jgawdi minn qasam wiesa' għal riferiment kif definit mill-Att Uniku Ewropew, mit-Trattat ta' Maastricht u mit-Trattat ta' Amsterdam, li jippermettilu li jiġi kkonsultat mill-Parlament; |
|
E. |
billi, wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u b'ħarsa lejn is-sitwazzjoni fl-Unjoni, il-Kumitat iddeċieda li l-ħidma kollha tiegħu tqis l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija u s-soċjetà b'mod ġenerali; |
|
F. |
billi l-Kumitat ħa vantaġġ mill-Grupp ta' Kuntatt tiegħu, network ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġenerali, biex jiddiskuti l-isfidi li kienu qed jiffaċċjaw biex jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19, biex jiġbor fil-qosor it-talbiet tagħhom relatati ma' din u biex jappella għal rwol ewlieni fit-tfassil tal-pjan ta' rkupru tal-Unjoni biex ikun jista' jiggwida lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-indirizzar tal-impatt ekonomiku tal-kriżi; |
|
G. |
billi jfisser li t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 għamlitha neċessarja għall-Kumitat li jirrevedi u jadatta l-funzjonament intern u l-metodi ta' ħidma tiegħu sabiex ikompli jwettaq il-missjoni tiegħu; |
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati b'relazzjoni mar-riżorsi umani (HR) u l-akkwist għall-Kumitat; |
|
2. |
Jenfasizza l-fatt li l-Qorti kkonkludiet li, fuq il-bażi tax-xogħol ta' awditu tagħha, il-pagamenti b'mod globali għall-infiq amministrattiv tal-istituzzjonijiet, inkluża dik tal-Kumitat, għas-sena finanzjarja 2020 kienu ħielsa minn żbalji materjali; jilqa' l-fatt li l-Qorti ma sabet l-ebda kwistjoni speċifika relatata mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet; |
|
3. |
Huwa konxju li l-Kapitolu 9 "Amministrazzjoni" tar-Rapport Annwali tal-Qorti huwa ffukat fuq l-infiq fuq ir-riżorsi umani, il-bini, it-tagħmir, l-enerġija, il-komunikazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni u li l-Qorti tindika li tali nfiq huwa ta' riskju baxx; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
4. |
Jinnota li l-baġit tal-Kumitat għall-2020 kien jammonta għal EUR 142,5 miljun (żieda ta' 4,22 % meta mqabbel mal-baġit tal-2019), li minnhom EUR 130,9 miljun intnefqu jew ġew riportati għall-2021 bħala impenji; |
|
5. |
Jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni fl-2020 kienet ta' 91,8 % (meta mqabbla ma' 98,1 % fl-2019); huwa konxju li, wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ġew affettwati diversi linji baġitarji (l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi tal-membri, l-interpretazzjoni, il-missjonijiet tal-persunal u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti u seduti), kemm f'termini ta' użu mnaqqas tal-approprjazzjonijiet kif ukoll f'termini ta' nfiq addizzjonali meħtieġ; |
|
6. |
Jinnota li biex jindirizza l-ammonti li kien jifdal fil-linji baġitarji affettwati mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kumitat beda trasferimenti aktar kmieni fl-2020, li rriżultaw f'ammont ta' trasferiment totali eċċezzjonalment għoli ta' madwar EUR 12,5-il miljun; josserva, madankollu, li l-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet riportati mill-2019 għall-2020 kienet kemxejn aktar baxxa milli fl-2019: 79,2 % (EUR 6,9 miljun) fl-2020 meta mqabbel ma' 82,1 % (EUR 7,1 miljun) fl-2019; |
|
7. |
Jinnota d-deċiżjoni tat-28 ta' April 2020 tal-Bureau tal-Kumitat dwar "Żieda ta' darba fl-indennizz ta' kofinanzjament tal-IT għall-membri" li intitolat lill-membri kwalifikanti (jiġifieri dawk li attendew mill-inqas 50 % tal-laqgħat li kienu ġew mistiedna għalihom) jirċievu EUR 2 500 għal kull wieħed miż-żewġ pagamenti parzjali annwali fl-2020 (minflok EUR 1 500 għal kull wieħed miż-żewġ pagamenti parzjali fi kwalunkwe sena oħra); jistieden lill-Kumitat jagħti informazzjoni dwar din iż-żieda ta' darba fit-taqsima ddedikata għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi tal-membri fuq is-sit web tiegħu; jinnota li l-objettiv ta' dik id-deċiżjoni kien li l-membri jkunu jistgħu jaffordjaw mezzi elettroniċi effiċjenti u stabbli biex jikkomunikaw u jattendu l-laqgħat; jirrimarka li l-membri ġew offruti wkoll PC portabbli; jinnota li l-infiq attwali tal-indennizz ta' kofinanzjament tal-IT għall-membri fl-2020 kien ta' EUR 1 443 500, li minnhom EUR 578 000 jirrappreżentaw dik iż-żieda; jiġbed l-attenzjoni, fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja soda, għall-fatt li l-indennizz għall-kofinanzjament tal-IT huwa indennizz b'rata fissa mhux ibbażat fuq l-ispejjeż reali li jfisser li l-membri mhumiex mitluba jipprovdu dokumenti ġustifikattivi sabiex jiksbu dak l-indennizz; |
|
8. |
Itenni d-dispjaċir tiegħu rigward id-deċiżjoni tad-9 ta' Ġunju 2020 tal-Bureau tal-Kumitat li tippermetti lill-membri jitolbu l-indennizz tas-sussistenza ta' kuljum tas-soltu talli pparteċipaw f'laqgħat tal-Kumitat b'mod remot; jinnota li l-objettiv ta' dik id-deċiżjoni kien li jikkumpensa lill-membri għaż-żmien li qattgħu fit-twettiq ta' dmirijiethom u għall-ispejjeż amministrattivi relatati, iżda jinnota li, f'għajnejn iċ-ċittadini, tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Kumitat; jinnota li l-proposta tal-Kumitat għal indennizz speċifiku ta' kuljum għall-attendenza b'mod remot tal-laqgħat (EUR 145 meta mqabbla mal-indennizz standard ta' EUR 290) ma setgħetx titqiegħed fil-prattika sakemm il-Kunsill jadotta dik il-proposta u d-dħul fis-seħħ sussegwenti tagħha fl-1 ta' Lulju 2021; jifhem li l-ebda waħda minn dawk id-deċiżjonijiet ma kopriet rimborżi minbarra l-indennizz tas-sussistenza ta' kuljum, u b'hekk jiġu esklużi r-rimborż tal-ispejjeż u l-indennizzi tal-ivvjaġġar; jinnota li l-ispiża totali tal-indennizz tas-sussistenza ta' kuljum fl-2020 kien ta' EUR 4 440 099 li minnhom EUR 2 270 700 kienu għall-parteċipazzjoni b'mod remot u EUR 2 169 399 għall-parteċipazzjoni fiżika; jirrikonoxxi li l-awtoritajiet baġitarji ġew innotifikati b'kull deċiżjoni rilevanti tal-Bureau; itenni t-talba tiegħu lill-Kumitat biex jeżamina prattiki ġodda ta' remunerazzjoni biex jiżgura remunerazzjoni ġusta u proporzjonata għall-membri li ma tkunx ibbażata biss fuq rimborżi jew allowances; jitlob lill-Kunsill jallinja s-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat fir-rigward tar-remunerazzjoni ma' dik tal-Kumitat tar-Reġjuni; |
|
9. |
Jinnota li l-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Kumitat tapplika limiti massimi għall-vjaġġi bejn Brussell u l-bliet Ewropej ewlenin; jistaqsi lill-Kumitat b'liema mod iħeġġeġ lill-membri tiegħu u lill-aġenzija tal-ivvjaġġar tiegħu jadottaw prattiki ta' prenotazzjoni intelliġenti għall-ivvjaġġar; |
|
10. |
Jinnota li fl-2020, bħala l-istituzzjoni ewlenija, il-Kumitat organizza tmien sejħiet għal offerti miftuħa għall-kompetizzjoni b'valur ta' aktar minn EUR 15 000; josserva li l-offerta għas-servizzi ta' gwardja tas-sigurtà kemm għall-Kumitat kif ukoll għall-Kumitat tar-Reġjuni (il-"KtR") kienet tammonta għal madwar EUR 24 miljun, u b'hekk saret l-offerta bl-ogħla valur għall-Kumitat fl-2020; |
Ġestjoni interna, prestazzjoni, kontroll intern
|
11. |
Jirrimarka li tnieda l-proġett ta' analiżi tan-negozju integrat (IBIP) biex tiġi identifikata l-kawża ewlenija tad-differenzi fil-baġit billi jitwettqu analiżijiet komparattivi tal-baġit u l-ispejjeż reali relatati ma' attivitajiet bħal laqgħat, avvenimenti, konferenzi, eċċ.; jinnota li l-ewwel parti tal-IBIP għandha l-għan li tkopri u tidentifika l-proċessi sottostanti, li twitti t-triq għat-tieni parti tal-proġett li se tiffoka fuq it-titjib u r-riinġenerija tal-proċessi; jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar l-ispejjeż u l-iffrankar assoċjati mal-IBIP; |
|
12. |
Jinnota li l-Kumitat ħareġ 131 opinjoni, dokumenti ta' pożizzjoni u rapporti ta' informazzjoni fl-2020 (meta mqabbla ma' 127 fl-2019); iqis li, minħabba d-diffikultajiet fl-adozzjoni ta' opinjonijiet permezz ta' referenzi fl-iskadenzi interistituzzjonali stretti fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kumitat adotta, qabel l-approvazzjoni tal-proċedura emendata tiegħu, 13-il dokument ta' pożizzjoni b'reazzjoni għal referenzi biex jiżgura kontribuzzjoni effettiva u f'waqtha għar-reazzjoni tal-Unjoni; jitlob lill-Kumitat għal rapport dwar ir-rispett tiegħu tal-iskadenzi interistituzzjonali u d-dewmien possibbli matul dawn l-aħħar ħames snin; |
|
13. |
Jinnota li ċ-ċart organizzazzjonali l-ġdida daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2020, u introduċiet bidliet importanti bħall-ħolqien ta' direttorat għall-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet interistituzzjonali u t-trasferiment tas-servizz legali taħt is-segretarju ġenerali tal-Kumitat; jinsab imħasseb li r-riorganizzazzjoni ma tipprovdix is-servizz legali bl-indipendenza li teħtieġ biex taħdem b'mod effiċjenti; jitlob lill-Kumitat jikkunsidra mill-ġdid ir-riorganizzazzjoni tiegħu; |
|
14. |
Jinnota l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 078/21 tal-Kumitat li tistabbilixxi proċedura għall-konsultazzjoni tas-servizz legali tiegħu; jinsab imħasseb dwar il-formulazzjoni dgħajfa u impreċiża li tiddikjara li s-servizz legali "huwa infurmat u/jew ikkonsultat qabel ma jiġu adottati miżuri relatati ma' irregolaritajiet serji" peress li sempliċi informazzjoni mhijiex biżżejjed; itenni għal darb'oħra s-sejħa soda tiegħu għal proċeduri interni li jipprevedu l-konsultazzjoni f'waqtha u obbligatorja mas-servizz legali dwar tali irregolaritajiet u l-miżuri relatati tagħhom bl-għan li jiġi mmitigat ir-riskju legali ta' deċiżjonijiet relatati; ifakkar lill-Kumitat li s-servizz legali jeħtieġlu jkun kapaċi jivvaluta b'mod indipendenti d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-maniġment tal-Kumitat u jeħtieġlu jingħata biżżejjed riżorsi u l-prerogattivi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu b'suċċess fl-interess tal-Kumitat; |
|
15. |
Jinnota l-isforzi tal-Kumitat fit-tixrid tal-opinjonijiet tiegħu flimkien ma' rapporti u attivitajiet oħra li jikkontribwixxu wkoll għall-kisba tal-missjoni tiegħu; jirrikonoxxi li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni regolarment tqis l-opinjonijiet tal-Kumitat, iżda l-Parlament jibqa' mħasseb dwar l-impatt tal-ħidma tal-Kumitat; għalhekk jistieden lill-Kumitat jiżgura li kull opinjoni tiġi kondiviża mal-membri tal-kumitati rilevanti tal-Parlament u jitlob b'mod uffiċjali u sistematiku slot għad-diskors fil-preżentazzjoni tal-abbozzi tar-rapporti tal-Parlament, f'konformità mal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat; jistieden lill-Kumitat jinvolvi lir-rapporteurs tal-Parlament matul it-tħejjija tal-opinjonijiet, sabiex isaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni politika mal-Parlament; jirrakkomanda li l-Kumitat iwettaq analiżi tal-impatt aktar kwantitattiva u kwalitattiva tal-opinjonijiet tiegħu; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kumitat isaħħaħ il-persunal li jaħdem fl-oqsma tal-ħidma leġiżlattiva u tar-relazzjonijiet interistituzzjonali; |
|
16. |
Jinnota li fl-2020, il-Kumitat organizza erba' sessjonijiet ta' taħriġ dwar il-valutazzjoni tar-riskju għall-membri tal-persunal, inkluż il-maniġment intermedju, b'parteċipazzjoni ta' madwar 15 % tal-membri tal-persunal kif ukoll sessjonijiet ta' taħriġ għal kull direttorat biex jgħinuhom jivvalutaw l-impatt tax-xenarji ta' riskju fuq l-objettivi annwali tagħhom; jinnota li fi tmiem l-2020, ġie stabbilit reġistru li jorbot l-objettivi, ir-riskji u l-miżuri ta' kontroll għal kull direttorat; |
|
17. |
Jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' persunal fis-settur tal-awditjar intern tal-Kumitat (IAS) għandu impatt negattiv fuq l-assigurazzjoni li jista' jipprovdi l-awditur intern; ifakkar li skont ir-rapport annwali tal-Qorti tal-2019, il-Kumitat ma wettaqx valutazzjoni tar-riskju komprensiva mill-2014 u jinsab imħasseb li l-unika valutazzjoni tar-riskju globali hija bbażata kważi esklussivament fuq informazzjoni miksuba mill-IAS; iħeġġeġ lill-kumitat tal-awditjar intern jirrimedja dik is-sitwazzjoni; jinnota li l-abbozzar ta' karta u ta' manwal tal-awditjar li jkomplu jiddefinixxu l-metodi u l-proċeduri ta' ħidma għadu għaddej; jitlob għal darb'oħra lill-Kumitat jirrapporta dwar is-sejbiet ewlenin tar-rapport tal-awditjar intern dwar l-etika, diġà mitlub fl-2019; |
|
18. |
Jinnota li fi tmiem l-2020, il-Kumitat nieda l-eżerċizzju annwali tiegħu biex jivvaluta l-konformità mal-istandards ta' kontroll intern u li ġie rivedut il-kwestjonarju tal-2020; ifakkar li żewġ azzjonijiet ta' segwitu ġew posposti mill-eżerċizzju tal-2019 għall-eżerċizzju tal-2020, jiġifieri (i) valutazzjoni formali ta' funzjonijiet sensittivi, li ġiet adottata f'Diċembru 2021, u (ii) l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' komunikazzjoni interna pluriennali; jesprimi dispjaċir, minħabba l-importanza kruċjali ta' dik l-azzjoni, għall-fatt li r-riflessjonijiet dwar l-istrateġija ta' komunikazzjoni għadhom għaddejjin, u li l-azzjoni ġiet posposta għall-2021; jinnota li, mill-eżerċizzju tal-2020, ir-reġistrazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni tal-proċeduri mid-direttorati kollha kienu ppjanati għall-2021; |
|
19. |
Japprezza li minbarra l-kontrolli preventivi b'diversi livelli, huwa previst bħala parti mill-proċess ta' rimborż li t-talbiet kollha jiġu vverifikati minn aġent ta' tnedija finanzjarju u sussegwentement jiġu skrutinati mill-ġdid minn aġent ta' verifika funzjonalment indipendenti u li l-pagamenti kollha mbagħad jiġu awtorizzati minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni fdat kif xieraq fil-livell maniġerjali. |
Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal
|
20. |
Jinnota li fl-aħħar tal-2020, l-għadd totali ta' persunal impjegat mill-Kumitat kien ta' 702, l-istess numru bħal fl-aħħar tal-2019, u li r-rata ta' okkupazzjoni tal-postijiet tax-xogħol fil-pjan ta' stabbiliment tiegħu kienet ta' 95,6 %, li hija kemxejn aktar baxxa milli fis-snin preċedenti; jinsab imħasseb dwar l-ammont ta' xogħol dejjem jikber tal-Kumitat, li jista' jaffettwa l-benesseri tal-persunal; |
|
21. |
Jesprimi dispjaċir għan-numru ta' pożizzjonijiet vakanti fit-tul fil-livell ta' maniġment intermedju u superjuri (ħames pożizzjonijiet tax-xogħol vakanti għal seba' xhur jew aktar), ta' maniġers f'pożizzjonijiet "ad interim" (żewġ maniġers f'pożizzjonijiet "ad interim" għal perjodu itwal minn seba' xhur) u ta' maniġers f'pożizzjonijiet doppji "fl-interess tas-servizz" (sitt maniġers f'pożizzjonijiet doppji għal perjodu itwal minn seba' xhur); jesprimi dispjaċir għall-fatt li fl-2020, żewġ proċeduri ta' selezzjoni ġew ikkanċellati u ppubblikati mill-ġdid, filwaqt li proċedura waħda ta' selezzjoni ngħalqet mingħajr ħatra u hija s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman Ewropew (l-Ombudsman); josserva bi tħassib li 23 pożizzjoni huma okkupati wara li skadiet l-iskadenza tal-mobbiltà; jinsab imħasseb li dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għal perċezzjoni negattiva tal-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-Kumitat u b'hekk iżidu d-diffikultajiet fir-reklutaġġ; jitlob lis-segretarju ġenerali, bħala l-ogħla awtorità amministrattiva fil-Kumitat, iwettaq valutazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni u jirrapporta lill-awtoritajiet baġitarji; |
|
22. |
Jinnota li, fl-2020, il-Kumitat identifika n-nuqqas ta' kapaċità li jinstabu membri adegwati tal-persunal bħala riskju trażversali intern; iħeġġeġ lill-Kumitat jesplora modi kif jista' jżid l-attraenza tal-Kumitat bħala impjegatur u l-interess ta' applikanti potenzjali, u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal, jiġifieri biex jinħolqu listi ta' riżerva ta' kandidati kwalifikati; huwa konxju tal-pubblikazzjoni ta' deskrizzjonijiet dettaljati tal-impjiegi f'Sysper għall-postijiet kollha fis-segretarjat tal-Kumitat sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi appoġġjata allokazzjoni aktar simplifikata tar-responsabbiltajiet; jappella bil-qawwa lis-segretarju ġenerali tal-Kumitat biex itejjeb it-trasparenza fil-ħatra tal-bordijiet ta' selezzjoni, speċjalment fil-proċeduri ta' reklutaġġ għal pożizzjonijiet maniġerjali, u biex iwaqqaf il-ħolqien tal-hekk imsejħa pożizzjonijiet "ekwivalenti" li jagħmlu l-obbligu ta' rendikont aktar opak u joħolqu suspetti dwar il-konformità mal-prinċipju ta' trattament ugwali; jitlob li jittieħdu azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-aspettattivi tal-karriera tal-persunal, bħar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat dwar il-mobbiltà, l-investiment fit-taħriġ għall-persunal u l-għoti ta' pariri dwar il-karrieri; |
|
23. |
Jinnota li f'dawn l-aħħar snin il-perċentwal ta' persunal li jagħmel użu minn arranġamenti ta' ħidma flessibbli varja bejn madwar 29 % u 34 %, bi tnaqqis sinifikanti fl-2020 li jista' jiġi spjegat b'taħlita tal-miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19, b'mod partikolari l-konfinament obbligatorju, u l-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol adottata mill-Kumitat; jinnota bi tħassib li l-proporzjon ta' rġiel li jużaw mudelli ta' xogħol flessibbli fl-2020 kien wieħed minn kull ħamsa, li bejn wieħed u ieħor baqa' l-istess bħall-proporzjon fl-2019; jistieden lill-Kumitat jadotta prattiki tajbin ivvalidati f'dan il-qasam, bħal sessjonijiet ta' informazzjoni għall-parteċipanti l-ġodda, pariri individwali pprovduti minn uffiċjali tal-opportunità ugwali jew spazju dedikat fuq l-Intranet, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-użu tal-arranġamenti tax-xogħol disponibbli ma jikkastiga bl-ebda mod il-progressjoni tal-karriera tal-impjegati inkwistjoni; jilqa' l-fatt li l-persuni fi sħubijiet reġistrati jistgħu jibbenefikaw minn liv tal-ġenituri u minn possibilitajiet ta' ħin tax-xogħol flessibbli għall-ġenituri bi tfal żgħar; |
|
24. |
Japprezza li t-telexogħol ġie estiż u introdott għall-membri kollha tal-persunal, minbarra għall-membri tal-persunal li jwettqu kompiti kritiċi li kienu jeħtieġu preżenza fil-bini; jinnota li l-persunal irċieva bullettin regolari b'suġġerimenti u ideat, flimkien ma' azzjonijiet speċifiċi orjentati lejn l-awtokura, biex jgħinhom ilaħħqu mal-perjodu ta' telexogħol fit-tul; |
|
25. |
Jinnota li, fi tmiem l-2020, kien hemm 702 membri tal-persunal, magħmula minn 458 mara u 244 raġel; josserva li l-perċentwal ta' nisa li jokkupaw pożizzjonijiet ta' maniġment intermedju naqas minn 48 % fl-2019 għal 47 % fl-2020, inklużi l-kapijiet ta' unità temporanji; josserva bi tħassib tnaqqis akbar fil-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri minn 57 % fl-2019 għal 40 % fl-2020, inklużi l-viċi diretturi; jirrimarka li din it-tendenza tmur kontra l-għadd dejjem jiżdied ta' nisa fil-livell AD jew ekwivalenti f'pożizzjonijiet mhux maniġerjali (63,3 % fl-2020, meta mqabbel ma' 62,2 % fl-2019 u 60,6 % fl-2018); ma jaqbilx mal-inklużjoni ta' pożizzjonijiet temporanji jew ta' viċi fiċ-ċifri minħabba n-natura temporanja tagħhom u minħabba li f'istituzzjoni relattivament żgħira, ħatra waħda tista' tfixkel il-proporzjon ġenerali; |
|
26. |
Iħeġġeġ lill-Kumitat jesplora inċentivi u miżuri speċifiċi implimentati b'suċċess f'entitajiet oħra biex jiġi promoss l-aċċess tan-nisa għal pożizzjonijiet ta' maniġment, bħar-rikonoxximent formali tar-responsabbiltajiet tal-maniġment taħt il-livell ta' kap ta' unità, l-appoġġ ta' mentoraġġ u l-korsijiet ta' taħriġ ta' qabel il-ġestjoni; ifakkar fil-bosta miżuri li jsaħħu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma politika u amministrattiva u li ġew diskussi u identifikati mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament; jemmen li l-Kumitat għandu jistabbilixxi miri aktar ambizzjużi dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri biex l-ambjent tax-xogħol isir aktar ġust u aktar varjat u attraenti; jissuġġerixxi l-ħatra ta' uffiċjal tal-opportunitajiet indaqs fid-dipartiment tal-HR biex jiffaċilita l-azzjonijiet fil-prattika f'dan ir-rigward; |
|
27. |
Jinnota li l-Kumitat jimpjega persunal mill-Istati Membri kollha; josserva li, fir-rigward tad-distribuzzjoni ġeografika tal-maniġers, f'Diċembru 2020 kienu biss 15 % tal-maniġers li ġew mill-Istati Membri tal-UE-13 (meta mqabbla ma' 19 % fl-2019); jistieden lill-Kumitat jagħmel progress sinifikanti u jieħu passi biex jilħaq bilanċ ġeografiku fi ħdan il-persunal tiegħu sabiex tinkiseb rappreżentanza xierqa taċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha, inkluż fil-livell maniġerjali, li tirrifletti d-diversità tagħhom, kif indikat fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal; |
|
28. |
Jinnota li, biex tiġi ssalvagwardjata d-data personali, ma tinġabar l-ebda data dwar il-persunal b'diżabilità iżda jirrimarka li valutazzjoni reali tas-sitwazzjoni u l-elaborazzjoni ta' politiki adegwati f'dak il-qasam huma mxekkla b'riżultat ta' dan; jinnota li l-Kumitat japplika l-prinċipju ta' akkomodazzjoni raġonevoli biex jipprovdi għamara ergonomika jew tagħmir tal-IT ħalli joħloq ambjent tax-xogħol xieraq; jilqa' l-fatt li l-istrateġija ta' bini konġunt tal-Kumitat u tal-KtR tqis bis-sħiħ id-diżabilità; |
|
29. |
Jinnota l-evalwazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-opportunitajiet indaqs u d-diversità 2017-2020 u jistenna li jipprovdi kontribut siewi għal aktar miżuri xierqa u konkreti; jistieden lill-Kumitat iqis ukoll it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 bil-ħsieb tal-pjan ta' azzjoni l-ġdid; |
|
30. |
Jilqa' l-fatt li, fl-2020, il-Kumitat finalment adotta approċċ individwalizzat biex jevita każijiet ta' eżawriment li, flimkien ma' miżuri ġenerali, inkluda kuntatt proattiv mal-membri tal-persunal f'riskju, skedi ta' xogħol flessibbli (mingħajr reġistrazzjoni tal-ħin), bullettin b'suġġerimenti u ideat, u azzjonijiet ta' komunikazzjoni speċifiċi; jinsab diżappuntat li l-Kumitat ma kienx kapaċi jikkwantifika kemm kien hemm każijiet li jinvolvu sintomi ta' eżawriment relatati max-xogħol fost il-membri tal-persunal tiegħu; jistieden lill-Kumitat imur lil hinn mill-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u jadotta prattiki tajbin ivvalidati dwar, inter alia, il-ġestjoni tal-volum tax-xogħol, il-komunikazzjoni u t-taħriġ għas-soluzzjoni tal-kunflitti għall-maniġers jew politika ta' ritorn għax-xogħol li tqis l-ispeċifiċitajiet relatati ma' dak l-eżawriment partikolari; |
|
31. |
Jinnota li l-Kumitat laqa' 48 trainee fuq tul ta' żmien twil, li lkoll ingħataw għotja ta' kull xahar (inklużi 14-il traineeship sospiżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li mbagħad reġgħu bdew fil-ħarifa tal-2020, u jingħaddu darbtejn); josserva li t-trainees kollha ġew ipprovduti b'għodod adegwati tal-IT u bbenefikaw mill-arranġamenti ta' ħidma fis-seħħ għall-membri tal-persunal tal-Kumitat iżda jesprimi dispjaċir għall-fatt li, tlieta minn ħames trainees fuq tul ta' żmien qasir ma kienu intitolati għall-ebda kontribuzzjoni finanzjarja għajr il-polza tal-assigurazzjoni; itenni l-istedina lill-Kumitat biex jiżgura li t-trainees kollha tiegħu jirċievu remunerazzjoni deċenti; |
|
32. |
Ifakkar fl-investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fl-2018 u fl-2019 fir-rigward tal-każ ta' fastidju li involva l-eks President tal-Grupp I, miftuħa wara snin li fihom in-nuqqasijiet tal-proċedimenti interni u n-nuqqas ta' azzjoni mhux ġustifikabbli mill-ġerarkija amministrattiva evitaw riżoluzzjoni aħjar tal-każ; jiddispjaċih ħafna li s-segretarju ġenerali tal-Kumitat għadu jirrifjuta li jammetti n-nuqqasijiet u r-responsabbiltajiet interni li wasslu għal ksur tad-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal tal-Kumitat; jirrikonoxxi li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tad-9 ta' Ġunju 2020 talbet lill-imsemmi membru jirtira l-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-Kumitat u neħħiet lil dak il-membru mill-attivitajiet kollha ta' ġestjoni tal-persunal; jisħaq li l-OLAF ħareġ rakkomandazzjonijiet dixxiplinari u ġudizzjarji u li, wara dan tal-aħħar, il-prosekutur Belġjan fetaħ kawża kriminali; huwa konxju li dak il-membru appella d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja iżda tilef il-kawża; jenfasizza l-fatt li l-imsemmi membru għadu ma rrikonoxxix l-irregolaritajiet tiegħu jew iddispjaċih għal li għamel, li juri nuqqas totali ta' awtoriflessjoni u rispett għall-vittmi kkonċernati; |
|
33. |
Jinsab imħasseb ħafna li l-eks president tal-Grupp I inħatar mill-Kunsill bħala membru għal mandat ġdid; jirrikonoxxi li l-Artikolu 302 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-Kunsill is-setgħa esklużiva li jaħtar membri tal-Kumitat wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u abbażi tal-lista ta' kandidati proposti mill-Istati Membri; jirrikonoxxi, għalhekk, li l-Kumitat ma għandux rwol formali fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill biex jaħtar il-membri tal-Kumitat; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kumitat ma jistax jiġi kkonsultat fil-ħatra tal-membri tiegħu stess; jenfasizza li huwa fl-interess tal-funzjonament xieraq tal-Kumitat li l-Kunsill u l-Kummissjoni jiġu infurmati kif xieraq dwar il-kandidati matul il-proċedura tal-ħatra; jappella għal reviżjoni tal-proċedura ta' ħatra li tippermetti lill-Kumitat jieħu approċċ aktar attiv fir-rigward tal-ħatra tal-membri tiegħu; jilqa' r-rieda tal-Kumitat li jkun aktar involut fil-proċedura tal-ħatra u li jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar dan; |
|
34. |
Jinnota d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tad-9 ta' Ġunju 2020 fir-rigward tal-fatt li l-Kumitat jidher fil-proċedura quddiem il-Qorti Kriminali ta' Brussell bħala parti ċivili; jinnota li l-immunità tal-membru inkwistjoni tneħħiet fil-mandat preċedenti fuq talba tal-Awditur tax-Xogħol ta' Brussell u jħeġġeġ lill-Kumitat jadotta minnufih il-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-kawża pendenti quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani; jistenna li l-partijiet ikkonċernati jinżammu responsabbli u jitlob li jiġi infurmat dwar il-proċedimenti; |
|
35. |
Huwa konxju li ntlaħqu ftehimiet ta' soluzzjoni maż-żewġ vittmi ta' fastidju morali, li għadhom qed jaħdmu fil-Kumitat, iżda jiddispjaċih li waħda minn dawn il-vittmi għadha qed tistenna l-eżitu finali tas-soluzzjoni; jieħu nota li f'April 2022 il-Kumitat iddikjara lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament li l-uniku punt pendenti tal-ftehim huwa marbut direttament ma' bidla fl-organigramma li jmiss li għandha tiġi deċiża mal-Kumitat tar-Reġjuni, u li ż-żewġ partijiet qablu li s-soluzzjoni alternattiva inkorporata fil-ftehim ta' soluzzjoni għalissa ma għandhiex tiġi attivata; jistieden lill-Kumitat jeżegwixxi minnufih u jirrapporta dwar l-infurzar effettiv ta' dawk il-ftehimiet ta' soluzzjoni kif meħtieġ legalment; |
|
36. |
Jiddispjaċih li minn meta saru l-laqgħat virtwali bejn iż-żewġ vittmi ta' mġiba ħażina serja u l-President tal-Kumitat f'Marzu 2021, il-Kumitat għadu ma laħaqx ftehimiet ta' soluzzjoni mal-vittmi, u jiddispjaċih li l-azzjonijiet meħuda mill-maniġment tal-Kumitat la kienu effettivi u lanqas deċiżivi; jirrifjuta l-fehma tas-segretarju ġenerali tal-Kumitat li l-fatt li dawk iż-żewġ vittmi ma għadhomx jaħdmu fil-Kumitat hija ġustifikazzjoni valida għaliex ma ntlaħqux ftehimiet ta' soluzzjoni; ifakkar lill-Kumitat dwar id-diversi komunikazzjonijiet li ntbagħtu mill-vittma li telqet mill-Kumitat fl-2017; jenfasizza li dik il-vittma ma rat l-ebda proposta inizjali mill-amministrazzjoni sa nofs l-2021, filwaqt li l-ilmenti lis-segretarju ġenerali tal-Kumitat imorru lura għall-bidu tal-2019, u għalhekk jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjoni tas-segretarju ġenerali li tindika li d-dewmien fis-soluzzjoni kien it-tort tal-vittma; jinnota li l-vittma ta' mġiba ħażina serja li hija eks membru tal-Kumitat għamlet diversi talbiet lill-President tal-Kumitat matul il-laqgħa virtwali f'Marzu 2021, inkluża talba għal apoloġija pubblika mill-Kumitat għall-vittmi, soluzzjoni sħiħa ta' kumpens għall-vittmi u investigazzjoni esterna dwar il-fastidju fil-Kumitat; jiddispjaċih ħafna li l-vittmi li jinsabu f'sitwazzjoni vulnerabbli reġgħu ġew imġiegħla jiċħdu pubblikament id-dikjarazzjonijiet magħmula mis-segretarju ġenerali tal-Kumitat lill-Parlament; jieħu nota tal-fatt li f'April 2022 il-Kumitat iddikjara lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament li l-miżuri miftiehma matul il-laqgħa msemmija ġew implimentati jew qed jiġu implimentati; jinnota d-dikjarazzjoni pubblika tal-President tal-Kumitat tat-13 ta' April 2022 li tenniet l-apoloġija uffiċjali tagħha f'isem il-Kumitat għall-vittmi kollha tal-każ; |
|
37. |
Jinnota li l-ftehimiet ta' soluzzjoni għandhom l-għan li jkopru d-danni morali, l-ispejjeż legali u l-impatt fuq il-karrieri; jinsab imħasseb li n-negozjati individwali fi stadji differenti tal-każ jistgħu jirriżultaw fi ftehimiet żbilanċjati għall-vittmi minħabba li l-każijiet jiġu ttrattati b'mod differenti; iħeġġeġ lill-Kumitat jistabbilixxi u jwettaq ftehimiet ta' soluzzjoni xierqa u ġusti għall-vittmi kollha kkonċernati malajr kemm jista' jkun; jiddispjaċih li l-Kumitat għadu jonqos milli jaċċetta r-responsabbiltà jew iwettaq investigazzjoni esterna biex jirrevedi s-serjetà tal-abbuż, u jħeġġeġ lill-Kumitat, kif kien imwiegħed mill-maniġment tal-Kumitat, imexxi tali investigazzjoni u jiskuża ruħu pubblikament mal-vittmi kollha tal-imġiba ħażina u l-fastidju morali mill-eks President tal-Grupp I; iħeġġeġ lill-Kumitat jieħu l-miżuri kollha meħtieġa immedjatament meta jinqala' l-każ u jistabbilixxi miżuri speċifiċi biex jipprevjeni l-każijiet potenzjali kollha ta' fastidju fil-futur; ifakkar fl-importanza ta' taħriġ obbligatorju dwar il-politika ta' żero fastidju għall-persunal; |
|
38. |
Ifakkar lill-Kumitat li l-vittma li kienet membru preċedenti kienet ukoll l-informatur li wissa lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-imġiba tal-eks president tal-Grupp I; jikkundanna l-fatt li, għall-kuntrarju tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-regoli tal-Kumitat dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta (2), il-Kumitat naqas milli jipproteġi l-identità tal-informatur; ma japprovax bil-qawwa l-fatt li kemm l-eks President tal-Kumitat kif ukoll l-eks direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji, issa s-segretarju ġenerali tal-Kumitat, ippruvaw jieħdu azzjoni legali kontra l-informatur; |
|
39. |
Jilqa' s-sistema ta' komunikazzjoni ġdida f'diversi livelli offruta lill-informaturi (superjur dirett, l-OLAF u awtorità esterna), stabbilita f'Lulju 2021 flimkien mal-gwida u l-appoġġ tal-konsulenti tal-etika; |
|
40. |
Jinnota bi tħassib li filwaqt li huwa stmat b'mod provviżorju fl-2020 li l-kumpens u t-tariffi legali se jiswew lill-Kumitat madwar EUR 150 000, għadu mhuwiex possibbli li jiġi kkwantifikat eżatt l-ammont totali finali ta' fondi minfuqa fis-snin preċedenti jew li mistennija jintefqu għal dan il-każ fil-futur; iħeġġeġ lill-Kumitat, filwaqt li jaħdem flimkien mas-servizz legali tiegħu, jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffinalizza dan il-każ, inkluż billi jitlob lura mingħand l-awtur l-ammonti korrispondenti kkumpensati lill-vittmi mill-Kumitat; jiddispjaċih dwar l-aspettattivi baxxi għall-irkupru tal-ammont ta' flus pubbliċi minfuqa u jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-Parlament bi stima dettaljata tal-ammonti li jittama li jirkupra; |
|
41. |
Ifakkar li l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-segretarju ġenerali tal-Kumitat għas-sena finanzjarja 2018, fuq il-bażi, inter alia, ta' ksur flagranti tad-dmir ta' diliġenza u ta' nuqqas ta' azzjoni tal-amministrazzjoni, flimkien mal-konsegwenzi finanzjarji, u kien diżappuntat ħafna dwar in-nuqqas ta' azzjoni deċiżiva, b'mod partikolari miżuri preventivi u korrettivi, mid-direttur ta' dak iż-żmien tar-riżorsi umani u finanzjarji, li issa sar is-segretarju ġenerali, tal-Kumitat sakemm il-kwittanza għall-2018 ġiet irrifjutata; |
|
42. |
Ifakkar li l-Parlament kien talab lill-President tal-Kumitat, fil-kuntest tal-kwittanza 2019, biex ikollu rwol attiv fin-negozjar ta' soluzzjoni mal-vittmi, bil-għan li jintlaħaq ftehim ġust u sodisfaċenti bejn il-partijiet kollha, u li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess u biex il-Kumitat jiskuża ruħu pubblikament mal-vittmi, xi ħaġa li, sfortunatament, ma seħħitx; |
|
43. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li kien hemm sitt talbiet għal assistenza relatati ma' każijiet possibbli ta' fastidju fl-2020, li juri li l-miżuri preventivi stabbiliti jeħtieġ li jissaħħu; huwa konxju li tlieta minn dawk it-talbiet huma relatati mal-każ tal-eks President tal-Grupp I, li ġie rriferut lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani; jinnota li każ wieħed ingħalaq u każ ieħor huwa wkoll quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani; bi tħassib, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f'Novembru 2021 kienet għadha qed tiġi investigata internament talba waħda, li jwassal lill-Parlament itenni li, filwaqt li jridu jiġu rispettati l-proċess xieraq u d-drittijiet individwali, iż-żmien ikun qed jopera kontra l-vittmi u, għalhekk, iħeġġeġ lill-Kumitat jindirizza dik it-talba mingħajr aktar dewmien u biex jirrapporta dwar it-trattament ta' dan il-każ; |
|
44. |
Huwa konxju tal-każ ta' fastidju rrapportat lill-Kumitat minn informatur u trażmess lill-OLAF f'Awwissu 2020 li jikkonċerna membru tal-persunal tal-KtR li jaħdem fis-servizzi konġunti u jinkludi wkoll allegazzjonijiet ta' ġestjoni ħażina u irregolaritajiet finanzjarji; jistieden lill-Kumitat u lill-KtR jirrapportaw b'mod konġunt lill-Parlament dwar l-eżitu tal-investigazzjoni mill-OLAF, kif ukoll kwalunkwe verifika interna jew miżura oħra pendenti ta' investigazzjoni; |
|
45. |
Jinnota li d-deċiżjonijiet dwar il-fastidju u l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġew rieżaminati fl-2020 u jiddispjaċih li d-deċiżjonijiet il-ġodda, li kellhom jiġu adottati fl-2021 ġew posposti; itenni l-importanza tal-prinċipju tad-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal li jinkludi l-protezzjoni tal-informaturi u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' fastidju, kif ukoll miżuri ċari u b'saħħithom ta' protezzjoni u appoġġ għall-vittmi; iħeġġeġ lill-Kumitat japplika proċeduri uniformi għat-trattament ta' każijiet ta' fastidju sabiex ma jkunx hemm differenzi bejn il-vittmi u jiżgura trattament ugwali tal-akkużati indipendentement minn fatturi bħal-livell ġerarkiku; ifakkar lill-Kumitat li l-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu imposti fuq membru tal-Kumitat ma jistax jitqies bħala skuża għan-nuqqas ta' azzjoni; jieħu nota tal-fatt li f'April 2022 il-Kumitat iddikjara lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament li d-deċiżjonijiet riveduti dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u dwar il-fastidju daħlu fis-seħħ fil-15 ta' Diċembru 2021 u fl-4 ta' April 2022 rispettivament; |
|
46. |
Huwa konxju ta' tliet investigazzjonijiet tal-OLAF li jinvolvu lill-Kumitat, li waħda minnhom għalqet fl-2020 mingħajr ma nstabet evidenza li tindika xi responsabbiltà min-naħa tal-membru tal-persunal ikkonċernat, u tnejn għadhom għaddejjin, fejn waħda minnhom infetħet fl-2019 u l-oħra fl-2020, kif ukoll każ wieħed tas-selezzjoni li ġie miċħud ukoll fl-2020 mingħajr il-ftuħ ta' xi investigazzjoni; |
|
47. |
Itenni li kwalunkwe mġiba mhux etika mill-persunal u mill-membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni xxekkel il-ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni u tħalli impatt negattiv fuq il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni kollha kemm hi; josserva bi tħassib li, filwaqt li għaddejja reviżjoni estensiva tard ħafna tal-qafas etiku intern, huwa inkontestabbli li ksur serju tad-dmir ta' diliġenza tal-Kumitat lejn il-membri tal-persunal tiegħu ppersista għal żmien twil wisq, u b'hekk inħolqot kultura mhux mixtieqa ta' impunità u ta' fastidju b'riżultat ta' stili ta' ġestjoni ta' min jikkundannahom, murija mill-fatt, fost elementi oħra, li qed isiru b'mod rikorrenti talbiet għall-assistenza u każijiet irrapportati lill-OLAF; jesprimi dispjaċir għall-fatt li t-talbiet mhux ambigwi tiegħu għal eżerċizzju intern ta' obbligu ta' rendikont ġew injorati b'mod konsistenti u jinsisti fuq il-ħtieġa ta' investigazzjoni esterna u indipendenti biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-ġerarkija amministrattiva tal-Kumitat; u, fejn applikabbli, japplika l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal; jitlob investigazzjoni esterna biex jiġu rieżaminati l-proċeduri tar-riżorsi umani tal-Kumitat u l-effikaċja tagħhom b'enfasi fuq l-indirizzar ta' każijiet ta' fastidju u l-iżgurar tal-benesseri tal-persunal; |
Qafas etiku u trasparenza
|
48. |
Jinnota l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma intern fdat b'reviżjoni li ilha biex issir tal-qafas etiku tal-Kumitat b'mod globali; huwa konxju li l-grupp ta' ħidma abbozza pjan ta' azzjoni li ġie adottat f'Jannar 2021 u wassal għal reviżjonijiet għall-kodiċi ta' kondotta tal-Kumitat; jistieden lill-Kumitat jirrapporta lill-Parlament dwar l-eżitu ta' din l-analiżi, il-pjan ta' azzjoni u l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni; |
|
49. |
Jinnota li grupp iddedikat ta' membri tal-Kumitat ġie fdat bil-mandat li jirrieżamina l-kodiċi ta' kondotta għall-membri, inkluż it-tisħiħ tal-miżuri ta' prevenzjoni u s-sanzjonijiet possibbli, wara l-mandat il-ġdid tal-Kumitat f'Ottubru 2020; jemmen li l-kodiċi ta' kondotta jrid ikun ibbażat fuq l-esperjenza miksuba wara l-każ ta' fastidju, jirreferi għall-prinċipji approvati mill-Qorti Ġenerali fid-deċiżjonijiet tagħha u mill-Ombudsman fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, u jinkludi proċedura ta' lment speċifika u mgħaġġla li tipproteġi l-vittmi mill-bidu nett, flimkien ma' sistema ta' sanzjonijiet ċara u infurzabbli; huwa konxju li l-kodiċi ta' kondotta l-ġdid ġie adottat f'Jannar 2021 u li fuljett dettaljat dwar l-implimentazzjoni tiegħu sar disponibbli għall-membri; jistieden lill-Kumitat juża prattiki tajbin ivvalidati biex iqajjem kuxjenza fost il-membri u s-sostituti u, fuq terminu twil, itejjeb il-kultura interna tal-Kumitat dwar kwistjonijiet etiċi; |
|
50. |
Jirrimarka li l-kodiċi ta' kondotta l-ġdid jinkludi proċedura ta' tkeċċija li skontha t-tkeċċija għandha tiġi deċiża mill-assemblea abbażi ta' proposta mressqa mill-Bureau u għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill sabiex tkun tista' tinbeda proċedura ta' sostituzzjoni; jilqa' l-fatt li r-regoli ta' proċedura riveduti huma allinjati mad-dispożizzjonijiet ta' tkeċċija kif stabbiliti fil-kodiċi ta' kondotta u huwa konxju li r-reviżjoni li għaddejja tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat hija meħtieġa biex l-użu ta' dik il-proċedura ta' tkeċċija jsir fattibbli; jistieden lill-Kumitat jinforma malajr lill-Parlament dwar dawk ir-reviżjonijiet u jħeġġeġ lill-Kumitat jinvolvi ruħu f'taħditiet ta' esplorazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ; |
|
51. |
Huwa konxju tal-erba' lmenti ttrattati mill-Ombudsman fl-2020 li kienu jikkonċernaw nuqqas ta' trasparenza, rifjut ta' aċċess għad-dokumenti u, f'żewġ każijiet, ommissjonijiet biex tingħata tweġiba għal talba; jinnota li mill-inqas waħda minn dawk l-inkjesti kienet tikkonċerna r-rimborż u l-indennizzi; jikkundanna n-nuqqas ta' trasparenza u jħeġġeġ lill-Kumitat jikkomunika bis-sħiħ u b'mod trasparenti dwar din il-kwistjoni; |
|
52. |
Jitlob lill-Kumitat ikompli jinvolvi ruħu f'azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni rigward il-qafas etiku u l-proċeduri tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jilqa' l-kors ta' taħriġ obbligatorju dwar l-etika u l-integrità għall-membri kollha tal-persunal inklużi l-impjegati ġodda wara deċiżjoni adottata fl-2021; jistieden lill-Kumitat jagħmel dan it-taħriġ obbligatorju għall-membri u għall-maniġers; jilqa' l-ħolqien ta' pożizzjoni bħala koordinatur dwar l-etika fid-Direttorat għar-Riżorsi Umani u l-Finanzi tal-Kumitat appoġġjat minn tim ġdid ta' konsulenti tal-etika; japprezza l-iffirmar ta' ftehim ġdid dwar il-livell ta' servizz mal-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u d-Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) biex jipprofessjonalizza l-inkjesti amministrattivi; |
|
53. |
Jirrikonoxxi li l-Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġistru ta' trasparenza għall-organizzazzjonijiet u l-individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE (3) u l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru ta' trasparenza obbligatorju (4) jippermettu l-involviment volontarju tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; joġġezzjona l-fatt li l-Kumitat warrab l-użu tar-Reġistru tat-Trasparenza fuq il-bażi li l-Kumitat huwa korp konsultattiv; iħeġġeġ lill-Kumitat jissieħeb mar-Reġistru ta' Trasparenza bl-għan li jtejjeb it-trasparenza tal-interazzjonijiet tiegħu mar-rappreżentanti ta' interess estern; |
|
54. |
Jinnota li t-twaqqif ta' ombudsman intern huwa waħda mill-miżuri ewlenin fil-pjan ta' azzjoni adottat fl-2021 biex jissaħħaħ il-qafas etiku tal-Kumitat; jirrimarka li d-deċiżjoni li jitwaqqaf ombudsman intern ġiet ippreżentata bħala ftehim li ntlaqa' tajjeb mill-persunal meta, fil-fatt, il-kumitat tal-persunal tal-Kumitat kien esprima opinjoni negattiva dwarha; jirrifletti r-riżervi espressi mill-kumitat tal-persunal tal-Kumitat u mis-servizz legali dwar il-proposta fir-rigward tal-indipendenza, l-imparzjalità u l-kunfidenzjalità tal-ombudsman intern; jiddubita kemm ombudsman intern bħal dan huwa meħtieġ fid-dawl tal-limitazzjonijiet tar-riżorsi umani minn naħa, u l-eżistenza ta' konsulenti etiċi, ta' konsulenti kunfidenzjali u, b'mod partikolari, il-ftehim mal-IDOC min-naħa l-oħra; iħeġġeġ lill-Kumitat jiffoka fuq l-infurzar tal-mekkaniżmi relatati mal-etika diġà stabbiliti filwaqt li jalloka persunal adegwat għall-ħidma leġiżlattiva tiegħu, u jiffoka fuq l-effettività attwali tal-miżuri adottati; ifakkar li l-Ombudsman, fir-Rapport tagħha dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE SI/2/2018/AMF, tosserva li s-sejba ta' investigaturi li huma perċepiti bħala imparzjali u ġusti tista' tkun ta' sfida partikolari fl-istituzzjonijiet iż-żgħar u tirrakkomanda l-użu ta' investigaturi esterni u indipendenti aktar milli riżorsi interni sabiex jiġu ggarantiti l-indipendenza u n-newtralità; |
|
55. |
Itenni t-talba tiegħu għal aktar titjib fir-rigward tal-attivitajiet esterni tal-membri tal-Kumitat wara r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman fir-rapport tagħha "Revolving doors - Implementation of Article 16 of the EU Staff Regulations in a range of EU institutions, bodies and agencies" (Revolving doors - Implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE f'numru ta' istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE), il-każ SI/2/2017/NF; jinnota d-deċiżjoni tal-Kumitat li jwettaq analiżi dettaljata biex jivvaluta l-livell ta' implimentazzjoni tad-diversi rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman f'dak ir-rapport; jistieden lill-Kumitat iħaffef id-deċiżjoni dwar ir-reviżjoni tal-qafas attwali dwar il-lobbying u l-promozzjoni sabiex isaħħaħ ukoll is-sistema tiegħu biex jiġu evitati kunflitti ta' interess potenzjali; |
Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà, protezzjoni tad-data
|
56. |
Jirrikonoxxi li t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat it-tendenza li għaddejja bħalissa fis-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-għodod ta' komunikazzjoni u tal-proċessi amministrattivi, bħall-adozzjoni ta' ċirkwiti finanzjarji "mingħajr karti"; jemmen li t-titjib ittestjat introdott minn Marzu 2020 għandu jsir strutturali u jibqa' lil hinn mill-pandemija; |
|
57. |
Jinnota li l-baġit għall-IT fl-2020 kien ta' EUR 7 500 000 meta mqabbel ma' EUR 4 900 000 fl-2019, li jirrappreżenta żieda ta' 53 %, l-aktar minħabba approprjazzjonijiet mhux użati ttrasferiti minn linji baġitarji oħra sabiex jiġi indirizzat il-backlog fl-IT; ifakkar li t-trasferimenti baġitarji ma jistgħux jissostitwixxu l-finanzjament strutturali meħtieġ ta' kwalunkwe servizz tal-IT; |
|
58. |
Jinnota li sa tmiem l-2020, il-Kumitat kien ipprovda lil kull membru tal-persunal b'laptop filwaqt li pprovda kuffji ta' kwalità għolja fuq talba bi spiża totali ta' EUR 322 462; huwa konxju li f'Jannar 2021, il-Kumitat adotta deċiżjoni dwar il-ħlas ta' somma f'daqqa, fuq talba ta' membri tal-persunal eliġibbli, biex ikopri l-ispejjeż straordinarji relatati mat-telexogħol obbligatorju (saru 563 talba li jammontaw għal total ta' EUR 107 271); |
|
59. |
Jilqa' r-riżultati speċifiċi relatati maċ-ċibersigurtà stabbiliti fl-istrateġija diġitali tal-Kumitat; japprezza l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-EU) bħala l-pedament tas-sigurtà tal-IT tal-Kumitat; |
|
60. |
Jawgura lill-Kumitat għat-titjib sinifikanti tal-portal tal-membri Phoenix u tal-għodda tal-fluss ta' xogħol tad-dokumenti Adonis u għall-progress li sar fir-rigward tal-ambjent ibridu tal-cloud bħala l-aħħar komponent tal-post tax-xogħol diġitali; jinnota li t-taqsima tal-membri tal-Intranet tal-Kumitat ġiet kompletament imġedda biex issir punt uniku ta' servizz; jilqa' l-użu ta' firma elettronika kwalifikata għall-iffirmar b'mod elettroniku kif ukoll għodod remoti u diġitali oħra; |
|
61. |
Jinnota li f'dawn l-aħħar snin, l-enfasi tal-awditu intern fil-Kumitat kienet kważi kompletament ibbażata fuq l-analiżi u l-valutazzjoni tas-solidità tal-proċeduri u tal-proċessi u sa ċertu punt fuq it-tranżazzjonijiet tal-awditjar; jappella għal pjan speċifiku għall-promozzjoni ta' awditu intern remot jew diġitali fil-Kumitat; jinnota li, fuq talba tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kumitat fassal it-trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi u kkonkluda li ma ġiet affettwata l-ebda attività; jinnota l-fatt li l-Kumitat iffirma r-reġistrazzjoni li torbtu ma' kuntratt qafas interistituzzjonali ma' Microsoft u li ma għadx għandu fis-seħħ ftehimiet ta' liċenzji individwali separati mal-Microsoft; madankollu jinkoraġġixxi lill-Kumitat jagħti prijorità lit-teknoloġiji b'sors miftuħ sabiex iżomm kontroll fuq is-sistemi tekniċi tiegħu stess, jevita d-dipendenza u l-intrappolament tal-klijentela, jipprovdi salvagwardji aktar b'saħħithom fir-rigward tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data ta' utenti u tiżdied is-sigurtà u t-trasparenza għall-pubbliku; |
Bini u sigurtà
|
62. |
Huwa konxju li l-Kumitat u l-KtR qed jimplimentaw l-istrateġija fit-tul tagħhom dwar il-bini li tiffoka fuq il-konċentrazzjoni ġeografika u r-riorganizzazzjoni tal-allokazzjonijiet tal-uffiċċji; jinnota li l-grupp ta' ħidma responsabbli kkunsidra li huwa essenzjali li jkun hemm bini addizzjonali b'kapaċità ta' madwar 200 persuna sabiex ikunu jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jinnota li dik l-analiżi wasslet lill-Kumitat u lill-KtR jinnegozjaw li jieħdu l-kuntratt tal-kiri tal-bini B100 mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u li l-abbozz tal-ftehim amministrattiv ġie approvat mill-bureaux tal-Kumitat u tal-KtR fl-aħħar trimestru tal-2020; huwa konxju li l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat dewmien fil-proċess; |
|
63. |
Jilqa' t-titjib f'oqsma ewlenin fl-istrateġija tal-bini, jiġifieri r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti biex jinħolqu spazji tax-xogħol aktar b'saħħithom allinjati mal-istandards ergonomiċi, jiżdied il-livell ta' sigurtà, jitnaqqas il-konsum tal-elettriku u jiġu allinjati mal-obbligi ambjentali; |
|
64. |
Jinnota li, wara l-akkwiżizzjoni tal-bini B100 f'Settembru 2021, it-testijiet u t-tnaqqis tal-asbestos għadhom għaddejjin; jistieden lill-Kumitat u lill-KtR jimmonitorjaw perjodikament il-kundizzjonijiet ta' dak il-bini u jinfurmaw lill-persunal f'kull ħin kif xieraq; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos (5); |
Ambjent u sostenibbiltà
|
65. |
Jilqa' l-integrazzjoni tal-istandards tas-sostenibbiltà, tal-ambjent u tal-aċċessibbiltà, inklużi dawk tal-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) tal-Unjoni, bħala parti mill-istrateġija tal-bini tal-Kumitat u tal-KtR; jinnota li mit-twaqqif tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħhom, il-Kumitat u l-KtR ħadu diversi azzjonijiet bl-għan li jtejbu l-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini tagħhom u jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tagħhom; jilqa' l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma maħsub għall-Patt Ekoloġiku u huwa konxju li għadu għaddej studju dwar in-newtralità tal-karbonju tal-Kumitat u tal-KtR sal-2030; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Kumitat fl-iskema ta' kumpens tal-Parlament għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u li l-Kumitat għandu linja baġitarja speċifika biex jipprovdi l-approprjazzjonijiet rispettivi; jilqa' l-fatt li l-elettriku kkunsmat mill-Kumitat huwa pprovdut esklussivament minn enerġija ekoloġika minn sorsi sostenibbli; iħeġġeġ ukoll lill-Kumitat jinstalla pannelli solari fuq il-binjiet kollha sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-karbonju; |
|
66. |
Jinnota għadd ta' azzjonijiet konkreti meħuda biex jitnaqqas l-użu tal-karti u jħeġġeġ lill-Kumitat jadotta politika xierqa mingħajr karti; jilqa' l-fatt li l-ammont użat ta' karti għal kull persuna kuljum fl-2020 naqas bi 52 % meta mqabbel mal-2019 u b'81 % meta mqabbel mal-2015; |
|
67. |
Jilqa' l-miżuri konkreti stabbiliti mill-Kumitat biex jiġi promoss l-użu ta' modi ta' vjaġġar sostenibbli, bħal roti tas-servizz, infrastruttura għaċ-ċiklisti u sistema ta' vawċers biex jiġu aċċessati l-parkeġġi tal-karozzi f'ċirkostanzi eċċezzjonali; josserva li l-politika dwar il-mobbiltà tinkludi kontribuzzjoni finanzjarja għaċ-ċiklisti u għall-membri tal-persunal li xtraw biljetti staġjonali tat-trasport pubbliku, filwaqt li l-membri tal-persunal li jibbenefikaw miż-żewġ kontribuzzjonijiet jirrinunzjaw id-dritt tagħhom li jużaw il-faċilitajiet tal-parkeġġ; |
|
68. |
Jinnota l-impenn tal-Kumitat li jimplimenta s-17-il għan ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u li jkun konformi ma' dawn l-għanijiet u mal-istrateġiji rilevanti tal-Unjoni; jenfasizza li l-Kumitat għandu Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli mmirat lejn il-promozzjoni tas-sostenibbiltà fi ħdan l-Unjoni; |
|
69. |
Jifraħ lill-Kumitat għall-ġestjoni konġunta tal-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari flimkien mal-Kummissjoni; |
Komunikazzjoni u multilingwiżmu
|
70. |
Jinnota li, f'Ottubru 2019, il-Bureau adotta logo ġdid tal-Kumitat li jirrifletti l-logos tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jemmen li din il-bidla se tikkontribwixxi għall-viżibbiltà u l-koeżjoni tal-immaġni tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fost iċ-ċittadini; |
|
71. |
Jilqa' l-fatt li l-Kumitat seta' jadatta l-istrateġija ta' komunikazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, billi jorganizza għadd ta' avvenimenti u azzjonijiet ewlenin online biex jiġi ffaċilitat l-involviment tiegħu u l-kuntatt tiegħu mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini; jenfasizza li f'Lulju 2020, il-Kumitat, minflok il-Premju għas-Soċjetà Ċivili annwali tiegħu, nieda premju ta' darba msejjaħ "Soċjetà Ċivili Kontra l-COVID-19" biex jippremja inizjattivi mingħajr skop ta' qligħ imwettqa minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji privati li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha; |
|
72. |
Jissottolinja li l-ħidma kollha fir-rigward tal-opinjonijiet u r-rapporti ta' informazzjoni tal-Kumitat hija disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u li s-sit web tal-Kumitat huwa konformi mal-istandards ta' aċċessibbiltà tal-Unjoni għall-korpi tas-settur pubbliku; |
|
73. |
Jilqa' l-involviment tal-Kumitat fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fejn qed jassisti dak l-eżerċizzju demokratiku biex jilħaq aħjar is-soċjetà ċivili organizzata; iħeġġeġ ukoll lill-Kumitat jassisti lill-membri tiegħu biex jipparteċipaw fi djalogi lokali maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet Ewropej; |
Kooperazzjoni interistituzzjonali
|
74. |
Jilqa' l-kooperazzjoni bilaterali dejjem akbar u effettiva bejn il-Parlament u l-Kumitat; iħeġġeġ kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Kumitat biex ikomplu l-laqgħat regolari bejn il-presidenti u l-viċi presidenti tagħhom u biex itejbu l-kooperazzjoni strutturata bejn ir-rapporteurs rispettivi u kemm il-gruppi politiċi kif ukoll il-korpi preparatorji li fihom huma organizzati l-membri tagħhom; jemmen li l-kooperazzjoni politika tal-Kumitat mal-Parlament, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni għandha tkun aktar sistematika minħabba r-rwol tal-Kumitat bħala r-rappreżentant tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; |
|
75. |
Jenfasizza li l-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz ma' erba' dipartimenti tal-Kummissjoni (PMO, DĠ DIGIT, DĠ BAĠIT u DĠ HR) ġew rieżaminati u żdiedu servizzi addizzjonali; |
|
76. |
Jenfasizza l-adozzjoni tal-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-KtR li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2021 li jsaħħaħ il-governanza tal-kooperazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kontroll biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tas-servizzi konġunti; jinnota b'sodisfazzjon li l-Kumitat iqis li l-ftehim il-ġdid huwa aktar modern u aktar sempliċi mill-ftehim l-antik u strumentali fil-ħolqien ta' aktar sinerġiji bejn il-Kumitat u l-KtR; |
|
77. |
Itenni l-pożizzjoni li esprima fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti dwar il-kwittanza dwar il-ħtieġa li jiġi implimentat bis-sħiħ il-ftehim ta' kooperazzjoni ffirmat bejn il-Parlament u l-Kumitat u l-KtR, li bih total ta' 60 traduttur, inklużi 36 mill-Kumitat, ġew ittrasferiti għall-Parlament bi skambju għall-aċċess għas-servizzi tas-Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq in-nuqqas ta' persunal tal-Kumitat f'oqsma politiċi, li għandu impatt negattiv fuq it-twettiq tal-mandat tiegħu; |
IL-PANDEMIJA TAL-COVID-19
|
78. |
Huwa konxju li l-pandemija tal-COVID-19 influwenzat b'mod sinifikanti l-attività tal-Kumitat, b'mod partikolari minħabba li l-membri tiegħu jivvjaġġaw lejn il-bini tal-Kumitat biex jiddibattu l-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tiegħu; jirrikonoxxi l-isforzi kollettivi li żguraw appoġġ kontinwu għall-attivitajiet politiċi tal-Kumitat; |
|
79. |
Jinnota li, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju, il-Kumitat ikkoordina l-miżuri preventivi u protettivi kollha stabbiliti minn Marzu 2020 fi strateġija ta' prevenzjoni tas-saħħa b'diversi saffi, li tiddeskrivi l-miżuri fiżiċi, operazzjonali u mediċi kollha meħuda, bħat-telexogħol estiż, l-IT u t-tagħmir tal-vidjokonferenzi, it-tagħmir għas-saħħa u s-sikurezza fil-bini u d-dematerjalizzazzjoni tal-proċessi; |
|
80. |
Jinnota li l-pjan għall-kontinwità tal-operat stabbilit tqies li ma kienx adegwat biżżejjed għall-użu minħabba n-natura speċifika tal-pandemija tal-COVID-19 u li għalhekk il-Kumitat stabbilixxa task force dedikata mmexxija mid-direttur tar-riżorsi umani, li kienet tinkludi firxa wiesgħa ta' kuntatti kemm fil-Kumitat kif ukoll ma' istituzzjonijiet oħra; jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti eżerċizzji ta' kontinwità tan-negozju biex jitħejjew kemm jista' jkun kontra avvenimenti ta' tfixkil futuri possibbli; |
|
81. |
Jagħti valur lill-approċċ li s-saħħa u s-sikurezza tal-membri u tal-persunal jitqiegħdu l-ewwel, filwaqt li l-organizzazzjoni addattat għas-sitwazzjoni li tevolvi kontinwament; josserva li ġiet adottata deroga ġenerali għat-telexogħol minn barra l-pajjiż għall-membri tal-persunal (i) li kienu imblukkati f'art twelidhom minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, (ii) b'qarib dipendenti jew marid barra mill-pajjiż, jew (iii) fuq talba taħt ċerti kundizzjonijiet; jemmen li d-deċiżjoni li tawtorizza t-telexogħol minn barra kellha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-istress psikoloġiku u l-assenteiżmu; |
|
82. |
Jilqa' l-fatt li l-Kumitat u l-KtR ħadmu mill-qrib flimkien u jkomplu jagħmlu dan fir-rigward tal-allinjament ta' miżuri bħall-aċċess għall-bini, l-iġjene u l-protokolli tat-tindif; jisħaq li l-koordinazzjoni ġiet iffaċilitata mill-preżenza reċiproka ta' uffiċjali tal-kontinwità tan-negozju f'kull tim ta' ġestjoni tal-COVID-19; |
|
83. |
Jisħaq li l-attivitajiet ewlenin ġew segwiti matul il-pandemija tal-COVID-19, u ppermettew lill-Kumitat jirrappreżenta lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li jappoġġjaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-immaniġġjar tas-sitwazzjoni tal-kriżi inkwistjoni; |
|
84. |
Jilqa' l-intenzjoni li jittieħed vantaġġ mit-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija u li titfassal politika ġdida dwar it-telexogħol/is-sigħat tax-xogħol u josserva li d-djalogu soċjali dwar din il-kwistjoni għadu attwalment għaddej; iħeġġeġ lill-Kumitat jintegra fl-istrateġija ta' ġestjoni interna t-tagħlimiet meħuda mit-tifqigħa tal-pandemija, f'termini ta' kontinwità tal-operat u approċċi ta' ġestjoni tal-kriżijiet, il-kapaċità ta' rispons tal-IT, ir-reżiljenza tal-organizzazzjoni, id-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal tiegħu, l-effettività tal-komunikazzjoni interna u l-flessibbiltà tal-proċessi ta' ħidma; |
(1) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
(2) Deċiżjoni tal-KESE Nru 053/16 A tat-2 ta' Marzu 2016, Artikolu 9(1).
(3) ĠU L 277, 19.9.2014, p. 11.
(4) ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1.
(5) Testi adottati P9_TA(2021)0427.