SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
24 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Riskju ta’ dejn eċċessiv – Artikolu 8 – Obbligu tal-persuna li ssellef li tivverifika s-solvenza tal-konsumatur – Artikolu 10 – Informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’kuntratti ta’ kreditu – Artikolu 23 – Sanzjoni fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu – Sanzjonijiet ekwivalenti – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni imposta”
Fil-Kawża C‑339/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura
Horyzont Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty
vs
LC,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, u Z. Csehi (Relatur), Imħallef,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 10 u 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Horyzont Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty (iktar ’il quddiem “Horyzont”), ċessjonarja ta’ Nest Bank S.A., u LC, persuna fiżika, dwar il-ħlas ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu għall-konsum”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 26 u 47 tad-Direttiva 2008/48 jgħidu li:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.” |
|
5 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jelenka l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’kuntratti ta’ kreditu. |
|
6 |
L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Penali”, jistabbilixxi li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.” |
Id‑dritt Pollakk
Il‑Liġi dwar il‑Kreditu għall‑Konsum
|
7 |
L-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, pożizzjoni 715), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum”), ittrasponiet id-Direttiva 2008/48 fl-ordinament ġuridiku Pollakk. |
|
8 |
L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum jistabbilixxi li: “1. Qabel ma tikkonkludi l-kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li ssellef għandha tevalwa s-solvenza tal-konsumatur. […] 2. Is-solvenza għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur jew fuq il-bażi tal-informazzjoni estratta mid-databases rilevanti jew mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-persuna li ssellef. 3. Il-konsumatur għandu jippreżenta, fuq talba tal-kreditur, id-dokumenti u l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tas-solvenza tiegħu. 4. Meta l-persuna li ssellef tkun bank jew istituzzjoni oħra legalment awtorizzata tagħti krediti, l-evalwazzjoni tas-solvenza għandha titwettaq skont l-Artikolu 70 tal-ustawa – Prawo bankowe (il-Liġi Bankarja), tad‑29 ta’ Awwissu 1997 (Dz. U. Nru 140, pożizzjoni 939), u r-regoli l-oħra applikabbli għal dawn l-entitajiet, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-paragrafi 1 sa 3.” |
|
9 |
L-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum jipprevedi li, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu diversi obbligi tal-persuna li ssellef, fosthom l-obbligu ta’ informazzjoni, il-konsumatur, wara li jkun ippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-persuna li ssellef, għandu jirrimborsa l-kreditu mingħajr l-interessi u spejjeż oħra marbuta mal-kreditu dovuti lill-persuna li ssellef fit-termini u skont il-modalitajiet stabbiliti mill-kuntratt. |
Il‑Liġi li Tistabbilixxi l‑Kodiċi Ċivili
|
10 |
Skont l-Artikolu 58 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, pożizzjoni 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali: “1. Att ġuridiku li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprovdi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi. 2. Att ġuridiku li jmur kontra r-regoli ta’ kondotta soċjali huwa null u bla effett. 3. Jekk parti biss mill-att ġuridiku tkun nulla, il-partijiet l-oħra ta’ dan l-att jibqgħu fis-seħħ, sakemm ma jirriżultax miċ-ċirkustanzi tal-każ li l-imsemmi l-att ma kienx jiġi eżegwit fl-assenza tad-dispożizzjonijiet nulli.” |
Il‑Liġi li Tistabbilixxi l‑Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili
|
11 |
L-Artikolu 5054(1) tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi li: “Kull bidla tat-talba hija inammissibbli. L-Artikoli 75 sa 85, l-Artikoli 194 sa 196 u l-Artikolu 198 ma għandhomx japplikaw.” |
Il‑Liġi Bankarja
|
12 |
L-Artikolu 70 tal-Liġi Bankarja, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li: “1. Il-Bank għandu jissuġġetta l-għoti ta’ kreditu għas-solvenza ta’ min jissellef. Is-solvenza għandha tinftiehem bħala l-kapaċità li jiġi rrimborsat il-kreditu miftiehem, flimkien mal-interessi, fid-dati speċifikati fil-kuntratt. Min jissellef għandu jippreżenta, fuq talba tal-bank, id-dokumenti u l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni ta’ din il-kapaċità. 2. Il-bank jista’ jagħti kreditu lil persuna fiżika […] li ma tkunx solventi, bil-kundizzjoni li:
[…] 3. Min jissellef huwa obbligat jippermetti lill-bank iwettaq kull attività ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tiegħu u li jikkontrolla l-użu u r-rimbors tal-kreditu.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 78a ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali: “Id-dispożizzjonijiet tal-liġi għandhom japplikaw għall-kuntratti ta’ kreditu u ta’ self ta’ flus konklużi minn bank konformement mad-dispożizzjonijiet tal-[Liġi dwar il‑Kreditu għall‑Konsum], sa fejn dawn ma jkunux koperti minn din il-liġi.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
14 |
Fit‑28 ta’ Settembru 2017, LC u Nest Bank, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), ikkonkludew il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum. L-ammont tal-kreditu għall-konsum hekk miftiehem minn LC kien jammonta għal 49 148.06 zlote (PLN) (madwar EUR 10457) u l-ammont totali li kellu jiġi rrimborsat kien jammonta għal PLN 62 573.16 (madwar EUR 13 313.44). Din is-somma kienet komposta mill-kapital misluf, mill-interessi għall-perijodu kollu ta’ validità ta’ dan il-kuntratt u minn kummissjoni msejħa “kummissjoni tal-għoti tas-self” fl-ammont ta’ PLN 7 323.06 (madwar EUR 1558). Dan il-kreditu għall-konsum kellu jiġi rrimborsat f’60 pagament mensili fl-ammont ta’ PLN 1042 (madwar EUR 221) sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Ottubru 2022. |
|
15 |
Fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, LC indika li d-dħul mensili nett medju tiegħu kien jammonta għal PLN 1 755.62 (madwar EUR 373). Dejn miftiehem minn LC kien ukoll imsemmi f’dan il-kuntratt, li jikkonsisti f’kreditu li l-pagamenti mensili tiegħu jammontaw għal PLN 320 (madwar EUR 68). |
|
16 |
Il-kreditu li rriżulta mill-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ġie ttrasferit minn Nest Bank lil Horyzont, li s-sede tagħha tinsab ukoll f’Varsavja. |
|
17 |
Peress li LC ma rrimborsax is-somma mislufa fit-terminu mogħti, Horyzont adixxiet lis-Sąd Rejonowy Lublin Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali tal-Punent ta’ Lublin, il-Polonja) b’talba għal ħlas. Din il-qorti laqgħet din it-talba u ħarġet ordni għal ħlas fil-konfront ta’ LC. LC ressaq oppożizzjoni kontra din l-ordni għal ħlas quddiem is-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. F’din l-oppożizzjoni, LC isostni li Nest Bank ma evalwax is-solvenza tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum. |
|
18 |
Matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-kreditu għall-konsum ikkonċernat kien ingħata minn Nest Bank bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu, fid-dritt Pollakk, l-obbligu tal-persuna li ssellef li tevalwa s-solvenza ta’ min jissellef, konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48. Għalhekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur. |
|
19 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm hemm multipliċità ta’ sanzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali, meta l-leġiżlatur Pollakk ittraspona d-Direttiva 2008/48, dan tal-aħħar madankollu ma pprevediex sanzjoni speċifika fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li tiġi evalwata s-solvenza tal-konsumatur li jixtieq jikseb kreditu għall-konsum. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 45 tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum jipprevedi sanzjoni msejħa “kreditu bla ħlas”. Din is-sanzjoni hija waħda minn dawk li japplikaw biss għall-istanzi ta’ ksur previsti, li fosthom ma hemmx il-ksur tal-obbligu li tiġi evalwata s-solvenza tal-konsumatur imsemmi fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48. Din il-qorti tirrileva, barra minn hekk, li huwa possibbli li jiġi applikat l-Artikolu 58 tal-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, li jippermetti l-impożizzjoni eventwali ta’ sanzjoni li tikkonsisti fin-nullità tal-att ġuridiku inkwistjoni. L-imsemmija qorti żżid li ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindikalha liema dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali għandha tiġi applikata għall-kawża prinċipali, iżda li hija qiegħda titlob l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn il-multipliċità tas-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tistabbilixxi wkoll differenza f’termini ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni tal-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479), il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-qorti nazzjonali fl-applikazzjoni u, b’mod partikolari, fl-għażla ta’ miżura proporzjonata għall-gravità tal-ksur ikkonstatat. Hija tistaqsi jekk dan ifissirx li din il-miżura għandha tkun ekwivalenti għas-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ ksur tal-obbligi l-oħra li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2008/48. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kemm l-obbligu previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll l-obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn din id-direttiva għandhom importanza fundamentali għall-konsumaturi. Konsegwentement, hija tistaqsi jekk differenzazzjoni tas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 hijiex ammissibbli fid-dritt nazzjonali, filwaqt li l-obbligi imposti fuq il-kummerċjant fl-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti, jiġifieri tal-istess grad, u li jsegwu l-istess għanijiet. |
|
23 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 8 tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-kreditur li jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur (min jissellef) huwa ekwivalenti għall-obbligi l-oħra previsti minn din id-direttiva (b’mod partikolari l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikoli 10 et seq.), fis-sens li s-sanzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva ma jistgħux ikunu differenti, jiġifieri li ma jistgħux jipprevedu konsegwenzi legali differenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ kull obbligu previst separatament?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
24 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li sanzjoni imposta fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li tiġi eżaminata s-solvenza tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, tkun differenti mis-sanzjoni prevista fil-każ ta’ ksur ta’ obbligi oħra eventwalment ekwivalenti previsti fl-imsemmija direttiva u b’mod partikolari mill-obbligu msemmi fl-Artikolu 10(2) tagħha, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum. |
|
25 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet imposti fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
|
26 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li s-sistema ta’ sanzjonijiet imposti fil-każ ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva għandha tiġi ddefinita b’tali mod li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati kif ukoll dissważivi u li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. F’dawn il-limiti, kif tiddikjara l-premessa 47 tal-istess direttiva, l-għażla tal-imsemmija sistema ta’ sanzjonijiet titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais,C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 43). |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, jiġifieri li jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, ma huwiex biss il-leġiżlatur nazzjonali, iżda wkoll il-qrati nazzjonali li għandhom igawdu, fil-limiti ddefiniti mis-suġġett tal-kawża mressqa quddiemhom, setgħa ta’ evalwazzjoni li tippermettilhom jagħżlu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-miżura proporzjonata għall-gravità tal-ksur tal-obbligu kkonstatat. Dawn il-qrati għandhom għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u jinterpretawhom, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-iskop ta’ din id-direttiva, sabiex jinkiseb riżultat kompatibbli mal-għanijiet li tixtieq tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg),C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Għalhekk, sakemm is-sistema ta’ sanzjonijiet ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48, prevista minn Stat Membru, tkun tosserva r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva ma jipprekludix li l-ksur ta’ diversi obbligi jinvolvi sanzjonijiet differenti. |
|
29 |
Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 2008/48 tipprevedi diversi obbligi li jsegwu għanijiet distinti. |
|
30 |
Fil-fatt, l-iskop tal-obbligu li tiġi evalwata s-solvenza tal-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, huwa, kif tindika espressament il-premessa 26 ta’ din id-direttiva, li jirresponsabbilizza lill-persuni li jsellfu kif ukoll li jipproteġi lill-konsumaturi billi jiżgura li l-persuni li jsellfu ma jagħtux self b’mod irresponsabbli mingħajr evalwazzjoni minn qabel tas-solvenza tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Nárokuj,C‑755/22, EU:C:2024:10, punti 34 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Tali obbligu, sa fejn huwa intiż li jipproteġi lill-konsumaturi kontra r-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza, huwa, għalihom, ta’ importanza fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg),C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Min-naħa tagħha, l-informazzjoni minn qabel u konkomitanti mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni, prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, tippermetti lill-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx ikun marbut bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-kummerċjant. Għalhekk din l-informazzjoni hija wkoll ta’ importanza fundamentali għall-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li kemm l-obbligu li tiġi evalwata s-solvenza tal-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, kif ukoll l-obbligu ta’ informazzjoni, previst b’mod partikolari fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, huma ta’ importanza fundamentali, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dawn l-obbligi jsegwu għanijiet differenti u li l-ksur tagħhom ma jwassalx għal konsegwenzi simili, kemm mill-perspettiva tal-interess ġuridiku protett mid-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll mill-perspettiva tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu. |
|
34 |
Għalhekk, mill-ksur tal-obbligu li tiġi vverifikata s-solvenza tal-konsumatur jista’ jirriżulta li dan tal-aħħar jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu li jesponih għal dejn eċċessiv u għal insolvenza. Min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli skont l-obbligu speċifiku inkwistjoni, peress li l-gravità ta’ dan il-ksur tiddependi, barra minn hekk, fil-prattika, min-numru u mid-daqs tal-elementi neqsin f’dan il-kuntratt ta’ kreditu. Pereżempju, tali ksur jista’ jagħmilha diffiċli għall-konsumatur li jqabbel offerti ta’ kreditu jew jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw minn dak il-kuntratt ta’ kreditu. |
|
35 |
Minn dan isegwi li l-ksur ta’ żewġ obbligi ta’ importanza fundamentali jista’ jkollu konsegwenzi differenti għall-konsumatur u s-sanzjonijiet imposti, mingħajr ma jkunu neċessarjament l-istess, għandhom ikunu, fiż-żewġ każijiet inkwistjoni, b’mod partikolari proporzjonati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-gravità individwali tal-ksur kif ukoll il-konsegwenzi differenti li jirriżultaw minnu għall-konsumatur. |
|
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li sanzjoni imposta fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li tiġi eżaminata s-solvenza tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, tkun differenti mis-sanzjoni prevista fil-każ ta’ ksur ta’ obbligi oħra eventwalment ekwivalenti previsti fl-imsemmija direttiva u b’mod partikolari minn dik tal-obbligu previst fl-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 23 ikunu ssodisfatti. |
Fuq l‑ispejjeż
|
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix li sanzjoni imposta fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li tiġi eżaminata s-solvenza tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, tkun differenti mis-sanzjoni prevista fil-każ ta’ ksur ta’ obbligi oħra eventwalment ekwivalenti previsti fl-imsemmija direttiva u b’mod partikolari minn dik tal-obbligu previst fl-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 23 ikunu ssodisfatti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.