|
5.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 29/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/170
tal-4 ta' Frar 2015
li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1135/2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Wara li nstabu livelli għolja ta' melamina fil-ħalib tat-trabi, fi prodotti oħra tal-ħalib, fis-sojja u fi prodotti tas-sojja u ta' bikarbonat tal-ammonju maħsub għall-ikel u l-għalf fiċ-Ċina u meta dawn ġew importati lejn l-UE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1135/2009 (2) jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina. Fuq il-bażi ta' dak ir-Regolament, l-importazzjoni ta' prodotti li fihom il-ħalib, ta' prodotti tal-ħalib, ta' sojja jew ta' prodotti tas-sojja maħsuba għall-użu nutrizzjonali partikolari għat-trabi u t-tfal żgħar li joriġinaw jew li jiġu miċ-Ċina hija pprojbita. Barra minn hekk, isiru kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi, inkluż kampjunar u analiżi, għall-preżenza ta' melamina fuq madwar 20 % tal-kunsinni ta' bikarbonat tal-ammonju maħsub għall-ikel u għall-għalf, u fuq madwar 20 % tal-għalf u l-ikel li fihom il-ħalib, prodotti tal-ħalib, sojja jew prodotti tas-sojja li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina. |
|
(2) |
Minn Lulju 2009 sal-lum ġie rrappurtat biss kampjun wieħed bħala mhux konformi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Is-sejbiet f'dak il-kampjun, li ġie rrappurtat fl-2011, qabżu biss bi ftit il-livell massimu ta' melamina fil-bikarbonat tal-ammonju. Bħala riżultat ta' dan, huwa xieraq li jiġu mħassra l-kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ħalib tat-trabi, ta' prodotti oħra tal-ħalib, tas-sojja u ta' prodotti tas-sojja u ta' bikarbonat tal-ammonju maħsub għall-ikel u għall-għalf li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina. |
|
(3) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1135/2009 huwa b'dan imħassar.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1135/2009 tal-25 ta' Novembru 2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE (ĠU L 311, 26.11.2009, p. 3).