Brussell, 18.6.2024

COM(2024) 247 final

2024/0140(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) bejn l-Unjoni u l-Mauritania u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ġew iffirmati fil-15 ta’ Novembru 2021 (il-Ftehim) ( 1 ). Id-durata tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni hija ta’ 5 snin mill-applikazzjoni proviżorja tiegħu, jiġifieri sal-15 ta’ Novembru 2026.

Skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, il-flotta tal-UE titħalla tistad fl-ilmijiet tal-Mauritania għall-gambli, għall-ħut demersali, għat-tonn u għall-ħut pelaġiku żgħir, sa total ta’ 287 050 tunnellata fis-sena. Il-qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-kategorija tas-sajd 1 (krustaċji għajr l-awwista) huma ta’ 5 000 tunnellata fis-sena.

Għal kull kategorija tas-sajd, l-Appendiċi 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jispeċifika l-għadd ta’ bastimenti tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu fl-istess ħin. Għall-kategorija tas-sajd 1 (krustaċji għajr l-awwista), l-Appendiċi 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni kif iffirmat fil-15 ta’ Novembru 2021 ippreveda li l-għadd ta’ bastimenti tal-Unjoni awtorizzati jistadu fl-istess ħin ma jridx jaqbeż il-15. L-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll ġew allokati fost l-Istati Membri bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 ( 2 ). L-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament tal-Kunsill jipprevedi li fil-kategorija 1, ma jistax ikun hemm aktar minn 15-il bastiment joperaw fl-ilmijiet tal-Mauritania fl-istess ħin.

F’konformità mal-Artikolu 14(3)(a) tal-Ftehim u mal-Artikolu 11(1)(a) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, il-Kumitat Konġunt jista’ japprova l-emendi tal-Protokoll u tal-annessi u tal-appendiċijiet tiegħu fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż l-għadd ta’ bastimenti li jtħallew jistadu f’kategorija.

Fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, li saret f’Diċembru 2022, il-partijiet talbu lill-kumitat xjentifiku konġunt (Joint Scientific Committee, JSC) jivvaluta l-possibbiltà li jiżdied l-għadd ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu fl-istess ħin għall-kategorija tas-sajd 1 sa 18, mingħajr ma tinbidel it-TAC attwali għal dik il-kategorija tas-sajd. Din it-talba kienet ibbażata fuq talba fformulata mill-industrija tas-sajd tal-UE li tistad fil-kategorija 1 u kellha l-għan li timmassimizza l-użu tat-TAC stabbilita fil-protokoll.

Il-JSC analizza l-aħħar data disponibbli dwar il-qabdiet matul il-perjodu 1991–2022 u l-mortalità tal-ħut għal kull sforz tas-sajd. Fir-rapport tiegħu ppubblikat f’Marzu 2023, il-JSC ikkonkluda fuq din il-bażi li ż-żieda tal-flotta tal-UE minn 15 għal 18-il bastiment fir-rigward tal-kategorija tas-sajd 1 tkun possibbli fi ħdan il-limitu tat-TAC attwali, stabbilit għal 5 000 tunnellata.

Abbażi tar-rapport tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, tressqet proposta għal emenda tal-Punt 5 tal-iskeda tad-data tal-Kategorija 1 fl-Appendiċi 2 li tistabbilixxi l-għadd massimu ta’ bastimenti li jitħallew jistadu għall-kategorija 1 fl-istess ħin għal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Mauritania li saret bejn is-6 u t-8 ta’ Diċembru 2023.

F’konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448 3 , il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Protokoll adottati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. Qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għall-valutazzjoni lill-Kunsill, f’konformità mal-paragrafu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448. Il-Kunsill ma oġġezzjonax għall-emenda proposta u f’konformità mal-paragrafu 4 tal-Anness ta’ dik id-deċiżjoni, u għalhekk il-Kummissjoni approvatha f’isem l-Unjoni.

Fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tat-8 ta’ Diċembru 2023, il-partijiet approvaw l-emenda tal-protokoll li żżid l-għadd ta’ bastimenti tal-Unjoni awtorizzati jistadu fl-istess ħin għall-kategorija tas-sajd 1 sat-18, mingħajr modifika tat-TAC attwali għal dik il-kategorija tas-sajd. Għal din it-TAC, l-Unjoni tħallas kontribuzzjoni finanzjarja lill-Mauritania li tibqa’ l-istess bl-emenda.

Il-proposta tfittex li timplimenta l-emenda tal-Protokoll kif deskritt hawn fuq billi temenda l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061. Din l-emenda għandha tapplika mid-data tal-approvazzjoni tal-emenda tal-Protokoll mill-Kumitat Konġunt. Din l-applikazzjoni retroattiva se tgħin biex jiġi ottimizzat l-użu tal-opportunità tas-sajd f’din il-kategorija fl-2024.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Din il-modifika ma taffettwax il-koerenza mal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-politika tas-sajd.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-modifika ma taffettwax il-koerenza mal-leġiżlazzjoni eżistenti fl-UE.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-bażi legali magħżula hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 43(3) tiegħu jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Din l-emenda tikkonċerna l-leġiżlazzjoni eżistenti u tikkonforma mal-istess prinċipji legali bħar-Regolament li temenda.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam ta’ azzjoni huwa kompetenza esklużiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 ma tbiddilx il-kundizzjonijiet għas-sajd stabbiliti fil-Ftehim u fil-Protokoll relatat tiegħu.

Għalhekk, ma hemm l-ebda ħtieġa għal evalwazzjonijiet ex post, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

L-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 ma tbiddilx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim u fil-Protokoll relatat tiegħu.

2024/0140 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123 4 , il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni u l-Mauritania (SFPA) u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ġew iffirmati fil-15 ta’ Novembru 2021 u applikati b’mod proviżorju minn dak iż-żmien.

(2)Fit-18 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/1448 5 dwar il-konklużjoni tal-SFPA bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, li fl-Artikolu 3 jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova l-emendi għall-Ftehim f’isem l-Unjoni.

(3)Fir-rigward tal-Kategorija tas-Sajd 1 (Bastimenti li jistadu għall-krustaċji għajr l-awwista), il-Punt 5 tal-iskeda tad-data tal-Kategorija 1 fl-Appendiċi 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni ippreveda li l-għadd ta’ bastimenti awtorizzati fl-istess ħin ma jridx jaqbeż il-15.

(4)Fl-11 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2021/2061 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni 6 .

(5)F’konformità mal-Punt 5 tal-iskeda tad-data tal-Kategorija 1 fl-Appendiċi 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, l-Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li mhux aktar minn 15-il bastiment jistgħu joperaw fl-ilmijiet tal-Mauritania fil-Kategorija tas-Sajd 1 fl-istess ħin.

(6)Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat Konġunt li jopera skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni emenda l-Punt 5 tal-iskeda tad-data tal-Kategorija 1 fl-Appendiċi 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u żied l-għadd ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu fl-istess ħin fil-Kategorija tas-Sajd 1 għal 18, mingħajr modifika tal-qabdiet totali permissibbli (TAC) attwali għal dik il-kategorija tas-sajd. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni tal-effetti ta’ tali żieda fuq l-istokk permezz tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, li wasal għall-konklużjoni li żieda fl-isforz tas-sajd tkun possibbli fi ħdan it-TAC attwali.

(7)Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2021/2061 jiġi emendat biex jirrifletti ż-żieda fl-għadd ta’ bastimenti li jitħallew jistadu fl-istess ħin fil-Kategorija tas-Sajd 1 skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.

(8)Iż-żieda fl-awtorizzazzjonijiet disponibbli jenħtieġ li tapplika mid-data tal-emenda tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni. Din l-applikazzjoni retroattiva se tgħin biex jiġi ottimizzat l-użu tal-opportunità tas-sajd f’din il-kategorija. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll jibda japplika mit-8 ta’ Diċembru 2023. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-għadd ta’ bastimenti li jitħallew jistadu fil-Kategorija tas-Sajd 1 qed jiżdied. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1) Kategorija 1 — Bastimenti tas-sajd li jistadu għall-krustaċji għajr l-awwista:

Spanja            4 150 tunnellata

L-Italja            600 tunnellata

Il-Portugall        250 tunnellata

F’din il-kategorija, ma jistax ikun hemm iktar minn 18-il bastiment joperaw fl-ilmijiet tal-Mauritania fl-istess ħin.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-8 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, ST/12446/2021/INIT (ĠU L 439, 8.12.2021, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/2123/oj ).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (2021-2026), ST/12411/2021/INIT (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2061/oj ).
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448 tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 228, 2.9.2022, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1448/oj ).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania kif ukoll tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 439, 8.12.2021, p. 1,: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2123/oj )
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448 tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 228, 2.9.2022, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1448/oj ).
(6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2061 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (2021–2026) (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2061/oj ).