|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1804 |
16.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1804
tas-16 ta’ Lulju 2026
li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1). |
|
(2) |
L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. |
|
(3) |
Fir-Riżoluzzjoni ES-11/7 tagħha, adottata fl-24 ta’ Frar 2025, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fakkret fil-ħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tagħha adottati b’rispons għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna, b’mod partikolari t-talba tagħha li l-Federazzjoni Russa tirtira immedjatament, kompletament u mingħajr kundizzjonijiet, il-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, u t-talba tagħha għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, b’mod partikolari kwalunkwe attakk kontra persuni ċivili u oġġetti ċivili. |
|
(4) |
Sakemm l-azzjonijiet illegali mill-Federazzjoni Russa jkomplu jiksru r-regoli fundamentali tad-dritt internazzjonali, inkluż, b’mod partikolari, il-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minquxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, jew tad-dritt umanitarju internazzjonali, huwa xieraq li jinżammu fis-seħħ il-miżuri kollha imposti mill-Unjoni u li jittieħdu miżuri addizzjonali, jekk ikun meħtieġ. |
|
(5) |
Huwa xieraq li tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu għall-emendar tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt mhux maħdum. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1495 (2) stabbiliet proċedura għall-aġġustament ta’ dak il-limitu massimu tal-prezz b’referenza għall-prezz medju tas-suq taż-żejt mhux maħdum Russu. Dak il-posponiment huwa maħsub biex jipprovdi lill-Kunsill żmien addizzjonali biex jeżamina u jadotta kwalunkwe emenda li tista’ tkun meħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq, u b’hekk jiġi żgurat proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ordnat u kkunsidrat sew. |
|
(6) |
Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 4p tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“13. L-applikazzjoni tal-proċedura biex jiġi emendat il-limitu massimu tal-prezz stabbilit fil-paragrafu 12 ta’ dan l-Artikolu, inkluż il-kalkolu tal-prezz medju tas-suq taż-żejt mhux maħdum Russu fuq perjodu ta’ 22 ġimgħa, il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ dak il-prezz medju tas-suq u l-emenda tal-Anness XXVIII tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, għandhom jiġu posposti sabiex il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ avviż ta’ dak il-prezz medju tas-suq li jirreferi għall-perjodu ta’ 22 ġimgħa mill-15 ta’ Jannar sas-17 ta’ Ġunju 2026 issir fit-23 ta’ Lulju 2026 u l-emenda tal-Anness XXVIII tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 għandha tapplika mill-15 ta’ Awwissu 2026. Il-limitu massimu attwali tal-prezz għandu jkompli japplika sad-data tal-applikazzjoni tal-limitu massimu l-ġdid tal-prezz.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/512/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1495 tat-18 ta’ Lulju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2025/1495, 19.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1495/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1804/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)