15.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/11


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta' Ottubru 2014

biex tirtira minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea r-referenza tal-istandard armonizzat EN 1384:2012 “Elmi għall-irkib taż-żwiemel” skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 7236)

(2014/714/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu

Billi:

(1)

Meta standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat li r-referenza tiegħu tkun ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikopri wieħed jew aktar mir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stipulati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (2), l-apparat immanifatturat skont dan l-istandard jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi dwar is-saħħa u s-sikurezza kkonċernati.

(2)

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/686/KEE, il-Kummissjoni ressqet oġġezzjoni formali kontra l-istandard EN 1384:1996 “Elmi għall-irkib taż-żwiemel”, armonizzat skont id-Direttiva 89/686/KEE. Ir-referenza tal-istandard ġiet pubblikata l-ewwel fil-ĠU C 180 tal-14.6.1997, flimkien mal-Emenda A1 ippubblikata fil-ĠU C 190 tal-10.8.2002. Sadanittant, ġiet ippubblikata verżjoni ġdida tal-istandard, EN 1384:2012 mis-CEN li ġiet elenkata fil-ĠU C 395 tal-20.12.2012; fit-30 ta' April 2013, skadiet il-preżunzjoni ta' konformità għall-istandard sorpassat EN 1384:1996.

(3)

Il-verżjoni l-ġdida issa hija armonizzata u tikkonferixxi preżunzjoni ta' konformità; madankollu, l-istandard ma nbidilx sostanzjalment. Billi n-nuqqasijiet tal-istandard ma ġewx irrimedjati mill-verżjoni l-ġdida, il-Kummissjoni aġġornat l-oġġezzjoni formali kontra l-istandard EN 1384:2012.

(4)

L-oġġezzjoni formali, hija bbażata fuq in-nuqqas tal-istandard li ma jkoprix biżżejjed ir-rekwiżiti bażiċi tas-saħħa u tas-sikurezza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, u juri livell ta' sikurezza anqas meta mqabbel mal-istandards tas-sikurezza ta' elmi oħra (bħall-istandard Snell jew il-PAS 015 għall-elmi għall-irkib taż-żwiemel), b'mod partikolari fir-rigward tal-assorbiment tax-xokk, il-penetrazzjoni tal-qoxra u l-istabbiltà tal-elmu. Wara li eżaminat l-istandard EN 1384:2012 u wara konsultazzjoni mal-esperti, il-Kummissjoni tqis li b'mod partikolari l-oqsma li ġejjin jeħtieġu titjib:

—

l-assorbiment tax-xokk: il-parti l-kbira tal-istandards komparabbli jużaw iktar minn inkwina u għandhom livelli ogħla ta' enerġija,

—

il-penetrazzjoni tal-qoxra: l-għoli tal-waqgħa tal-massa huwa biss nofs ta' dak meħtieġ fl-istandard Snell,

—

l-istabbiltà tal-ġnub: ma hemmx rekwiżiti għall-istabbiltà tal-ġnub, jiġifieri għall-manifattura ta' elmu b'saħħtu biżżejjed li jirreżisti forza kbira mill-ġenb,

—

iż-żona ta' protezzjoni: iż-żona tan-ngħas teħtieġ li titqies aktar, u l-abbiltà tas-smigħ ma għandhiex tkun affettwata,

—

l-erja tal-viżjoni: ma hemmx rekwiżiti għall-erja tal-viżjoni, biex tkun żgurata l-viżibbiltà tajba waqt li qed jintrikeb iż-żiemel,

—

l-istabbiltà tal-elmu: jista' jiġi inkluż test għall-istabbilta tal-elmu bħal fil-PAS 015 biex jiġi żgurat li l-elmu ma jkunx jista' jiċċaqqlaq fuq ir-ras waqt li qed jintrikeb iż-żiemel.

(5)

Filwaqt li jitqiesu l-aspetti tas-sikurezza msemmija hawn fuq li għandhom jiġu mtejba, l-istandard EN 1384:2012 ma jistax jipprovdi preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti bażiċi tas-saħħa u s-sikurezza tad-Direttiva 89/686/KEE. B'riżultat ta' dan, ir-referenza tal-istandard EN 1384:2012 għandha tiġi rtirata mill-ĠU.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013. Skont l-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/686/KEE huwa mħassar u r-referenzi tad-dispożizzjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenza għall-Artikolu 11 tar-Regolament.

(7)

Ġew ikkonsultati l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati li jirċievu finanzjament mill-Unjoni u l-grupp ta' ħidma għat-tagħmir personali ta' protezzjoni.

(8)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard EN 1384:2012 “Elmi għall-irkib taż-żwiemel” għandha tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Ferdinando NELLI FEROCI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18).