|
23.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 20/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/99
tat-22 ta' Jannar 2019
li jittermina r-riinvestigazzjoni ta' assorbiment rigward l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 12 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Il-miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (2), kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 (3). |
|
(2) |
Il-prodott ikkonċernat huwa wkoll suġġett għal dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 (4). Madankollu, id-dazju kompensatorju mhuwiex suġġett għal din ir-riinvestigazzjoni. |
1.2. It-talba għal riinvestigazzjoni ta' assorbiment
|
(3) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba għal riinvestigazzjoni ta' assorbiment tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku. |
|
(4) |
It-talba ġiet ippreżentata fis-16 ta' Marzu 2018 minn Saint-Gobain PAM, Saint-Gobain PAM Deutschland GmbH, Saint-Gobain PAM España S.A. u Duktus (Production) GmbH (l-“Applikant”), erba' produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw iktar minn 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid duttili. |
|
(5) |
L-Applikant kien ippreżenta biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping. L-Applikant sostna li l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni kienu naqsu wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping u li dan impedixxa l-effetti ta' rimedju intenzjonati tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza li kien hemm fit-talba indikat li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid ma setax jiġi spjegat minn fatturi oħra bħal bidliet fil-prezzijiet tal-materja prima. |
1.3. Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping
|
(6) |
Fit-30 ta' April 2018, il-Kummissjoni ħabbret il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-“Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid”) (5). |
|
(7) |
Ir-riinvestigazzjoni kienet tikkonċerna d-dazju attwali ta' anti-dumping ta' 14,1 % impost fuq Jindal Saw Limited (“Jindal”), u l-kumpanniji relatati tagħha, u fuq il-“Kumpaniji l-oħra kollha” kif stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388. |
1.4. Il-partijiet interessati
|
(8) |
Fin-Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fir-riinvestigazzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-Applikant, lill-produtturi esportaturi u lill-importaturi magħrufa li huma kkonċernati u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar ir-riinvestigazzjoni ta' assorbiment u stednithom biex jipparteċipaw. |
|
(9) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. Jindal talbet u ngħatat smigħ mal-Kummissjoni. |
1.5. Ir-riinvestigazzjoni tal-produtturi esportaturi
|
(10) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Jindal u lill-kumpaniji relatati tagħha u stiednet produtturi esportaturi oħra biex jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid. |
|
(11) |
Produttur esportatur Indjan minnhom, Electrosteel Castings Limited, ippreżenta ruħu sad-data tal-iskadenza iżda ma kienx milqut mir-riinvestigazzjoni, peress li mhuwiex suġġett għal dazju anti-dumping definittiv abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388. |
|
(12) |
Żewġ produtturi esportaturi Indjani oħrajn, Electrotherm (India) Ltd u Tata Metaliks Limited, ippreżentaw ruħhom wara l-iskadenza. Dawn il-kumpaniji huma suġġetti għar-rata applikabbli għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388, li ġiet stabbilita fil-livell tad-dazju anti-dumping individwali ta' 14,1 % għal Jindal fl-investigazzjoni oriġinali. Iż-żewġ kumpaniji kellhom bejgħ negliġibbli fl-Unjoni fil-perjodu tar-riinvestigazzjoni ta' assorbiment. Minħabba li dawn il-kumpaniji ppreżentaw ruħhom tard wisq, il-Kummissjoni ma bagħtitilhomx kwestjonarju. |
1.6. Il-kampjunar ta' importaturi mhux relatati
|
(13) |
Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid. Ħadd ma ppreżenta ruħu. |
1.7. It-tweġibiet għall-kwestjonarju
|
(14) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Jindal, li rrispondiet għalih. |
1.8. Iż-żjarat ta' verifika
|
(15) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-għan ta' din ir-riinvestigazzjoni. Fl-uffiċċji tal-kumpanija li ġejja saret żjara ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku: Jindal Saw Italia SpA, Trieste, l-Italja (“Jindal l-Italja”). Jindal l-Italja hija l-unika kumpanija relatata ta' Jindal fl-Unjoni (ara t-Taqsima 3.1). |
1.9. L-iżvelar
|
(16) |
Fl-24 ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni bagħtet dokument ta' żvelar lill-partijiet interessati kollha; dan kien jinkludi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni pproponiet it-terminazzjoni tar-riinvestigazzjoni. Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar l-iskadenza sa meta setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar. Żewġ entitajiet, l-Applikant u Jindal, irreaġixxew għall-iżvelar. L-Applikant talab u ngħata smigħ mal-Kummissjoni. Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u meqjusa fejn kien ġustifikat. |
1.10. Il-perjodi koperti mir-riinvestigazzjoni ta' assorbiment
|
(17) |
Il-perjodu tar-riinvestigazzjoni ta' assorbiment (“RIP”) kien mill-1 ta' April 2017 sal-31 ta' Marzu 2018. Il-perjodu kkonċernat kien mill-1 ta' April 2016 sal-31 ta' Marzu 2018. Il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali (“OIP”, original investigation period) kien mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014. |
2. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT
|
(18) |
Il-prodott ikkonċernat huwa definit bħala tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), bl-esklużjoni ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili mingħajr kisi fuq ġewwa u fuq barra (“pajpijiet mikxufin”), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 7303001010, 7303009010), li joriġinaw mill-Indja (il-“prodott ikkonċernat”). |
3. IS-SEJBIET
|
(19) |
Riinvestigazzjoni ta' assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-prezzijiet ta' esportazzjoni naqsux jew le jew jekk ma kienx hemm moviment jew jekk kienx hemm moviment insuffiċjenti fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat mindu saret l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Bħala t-tieni pass, jekk jiġi konkluż li l-miżura kellha twassal għal movimenti f'tali prezzijiet, mela allura, biex jitneħħa d-dannu stabbilit preċedentement skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u l-marġnijiet tad-dumping għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid biex jitqiesu l-prezzijiet tal-esportazzjoni vvalutati mill-ġdid. |
3.1. Il-bidliet fil-mudell tan-negozju ta' Jindal u fil-bejgħ fl-Unjoni
|
(20) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri, il-bejgħ ta' Jindal lil pajjiżi tal-Unjoni waqa' b'madwar 90 % meta mqabbel mal-OIP. B'[inqas minn 2 000 tunnellata metrika], il-bejgħ ta' Jindal lil pajjiżi tal-Unjoni issa jammonta għal [inqas minn 0,5 %] tal-konsum tal-Unjoni. |
|
(21) |
Barra minn hekk, sa mill-OIP kien hemm bidliet fl-istruttura tal-bejgħ ta' Jindal. Fl-OIP, Jindal kellha tliet kumpaniji tal-bejgħ relatati fir-Renju Unit, fi Spanja u fl-Italja rispettivament, filwaqt li fl-RIP fadal biss il-kumpanija relatata Taljana. Jindal l-Italja tirrappreżenta l-maġġoranza l-kbira tal-bejgħ ta' Jindal lill-Unjoni, b'ammont limitat biss ta' esportazzjonijiet diretti. |
|
(22) |
Barra minn hekk, meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali, fl-RIP Jindal biegħet lil numru sostanzjalment inqas ta' klijenti ([inqas min-nofs meta mqabbel mal-OIP]) f'inqas Stati Membri ([inqas min-nofs meta mqabbel mal-OIP]). Jindal biegħet ukoll numru ħafna iktar baxx ta' tipi tal-prodotti (PCNs): [inqas min-nofs meta mqabbla mal-OIP]. |
3.2. L-analiżi tal-iżviluppi tal-prezzijiet
|
(23) |
Meta tistabbilixxi jekk kienx hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni normalment tistabbilixxi, għal kull produttur esportatur eżaminat, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu matul l-RIP u tqabbel dawn il-prezzijiet mal-prezzijiet korrispondenti tal-esportazzjoni ddeterminati fl-OIP. Madankollu, peress li l-volumi tal-bejgħ dirett għall-esportazzjoni huma baxxi ħafna, kif deskritt fil-premessa (21), il-prezz tal-esportazzjoni diretta minn Jindal lill-Unjoni u dak lil konsumaturi indipendenti ma setax jiġi kkomparat b'mod sinifikanti. Peress li l-analiżi tal-prezzijiet jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prezz mogħti lill-ewwel konsumatur indipendenti, u peress li l-kumpaniji relatati ta' Jindal fi Spanja u fir-Renju Unit ma għadhomx jeżistu, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid biss li Jindal l-Italja tat lill-ewwel konsumatur mhux relatat. |
|
(24) |
Minħabba l-volumi baxxi ħafna li ġew ikkunsidrati u minħabba l-bidliet fit-tipi ta' prodotti, kif indikati fit-Taqsima 3.1, kwalunkwe tqabbil abbażi tal-PCN ma kienx rappreżentattiv u għalhekk ma setax iwassal għal analiżi sinifikanti. |
|
(25) |
Għall-finijiet ta' analiżi indikattiva, il-Kummissjoni qabblet prezz medju ponderat b'mod globali għal kull kilogramma għat-tipi kollha tal-prodotti li Jindal l-Italja ffatturat lill-ewwel konsumatur mhux relatat. Din ikkonstatat li bħala medja l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal żdied b'[iktar minn 10 %] bejn l-RIP u l-OIP, u b'hekk jirrifletti [iktar minn 80 %] tad-dazju anti-dumping ta' 14,1 %. |
|
(26) |
Barra minn hekk, parti mill-bejgħ ta' Jindal fl-RIP seħħ fuq il-bażi ta' prezzijiet iffissati f'offerti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri. Ma jistax jiġi mistenni li l-prezz tal-bejgħ għal tali bejgħ ikun inbidel, u għaldaqstant tqabbil tal-prezzijiet ftit li xejn għandu rilevanza. |
|
(27) |
Wara l-iżvelar l-Applikant ippreżenta diversi talbiet. L-ewwel nett, l-Applikant argumenta li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis tliet fatturi esterni: id-dazju kompensatorju ta' 8,7 %, id-dazju doganali konvenzjonali ta' 3,2 %, u r-rata tal-kambju bejn INR u EUR. |
|
(28) |
F'dak li għandu x'jaqsam mad-dazju kompensatorju, l-Applikant argumenta li ż-żieda fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid sa livell ta' 8,7 % l-ewwel nett trid tiġi attribwita lid-dazju kompensatorju. Il-Kummissjoni nnotat li r-riinvestigazzjoni hija limitata għall-assorbiment allegat tad-dazju anti-dumping. Fi kwalunkwe każ, ir-riżultati ta' din l-investigazzjoni juru li Jindal l-Italja żiedet il-prezzijiet tagħha lil hinn mil-livell tad-dazju kompensatorju impost fl-2016. Bħala konsegwenza, din it-talba ġiet irrifjutata. |
|
(29) |
F'dak li għandu x'jaqsam mad-dazju doganali konvenzjonali, l-Applikant innota li d-dazju doganali konvenzjonali għall-prodott ikkonċernat inbidel minn 0 % għal 3,2 % bejn l-OIP u l-RIP. Tabilħaqq, il-prodotti li jikkorrispondu mal-kategorija S-15a tal-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi, li tinkludi prodotti koperti mill-Kapitolu 73 inkluż il-prodott ikkonċernat, attwalment huma suġġetti għal dazju doganali konvenzjonali ta' 3,2 %. L-Applikant argumenta li din il-bidla jenħtieġ li titqies fil-valutazzjoni taż-żieda fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid. Il-Kummissjoni kkonfermat li d-dazju kien diġà tqies fl-analiżi żvelata lill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni, madankollu, innotat li ż-żieda fil-prezz ikkonstatata kienet tkun iktar għolja li kieku ż-żieda fid-dazju doganali konvenzjonali ma tqisitx. Peress li ż-żewġ approċċi ma jibdlu xejn fil-konstatazzjonijiet dwar iż-żieda suffiċjenti fil-prezzijiet, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk iż-żieda fid-dazju doganali konvenzjonali jenħtieġx li tiġi kkunsidrata jew le f'dan il-każ għall-finijiet tat-tqabbil tal-prezzijiet. |
|
(30) |
F'dak li għandu x'jaqsam mar-rata tal-kambju, l-Applikant argumenta li jenħtieġ li titqies il-bidla fir-rata tal-kambju bejn EUR u INR. Huwa argumenta li, peress li l-valur tal-INR żdied meta mqabbel mal-EUR, il-kompetittività tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Indjani naqset. Il-Kummissjoni qieset li l-bidliet fir-rati tal-kambju jistgħu jkunu fattur li għandu jitqies f'sitwazzjonijiet fejn il-fatturazzjoni ssir f'munita barranija. Madankollu, f'dan il-każ it-tqabbil sar abbażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid li ġie ffatturat f'EUR, kemm fl-OIP kif ukoll fl-RIP, u għalhekk intużat l-istess munita biex jiġi stmat l-ammont taż-żieda fil-prezz. Għaldaqstant, kwalunkwe aġġustament dovut għall-bidliet fir-rata tal-kambju bejn INR u EUR ma kienx ġustifikat u t-talba ġiet irrifjutata. |
|
(31) |
It-tieni nett, l-Applikant argumenta wkoll li l-bejgħ li sar fil-kuntest ta' offerti mhuwiex atipiku u jenħtieġ li jiġi inkluż. Il-Kummissjoni ċċarat li dan il-bejgħ ma ġiex eskluż fit-tqabbil tal-prezzijiet (ara l-premessa (26) iktar 'il fuq). |
|
(32) |
It-tielet nett, l-Applikant argumenta li, biex jitqies bħala sinifikanti, il-moviment fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid kellu jkun mill-inqas ekwivalenti għal-livell tad-dazju impost. Il-Kummissjoni nnotat li l-valutazzjoni hija speċifika għall-każ u li l-kriterju legali għall-konstatazzjoni ta' assorbiment mhuwiex jekk il-moviment fil-prezz kienx sinifikanti iżda pjuttost jekk naqas milli jkun hemm xi moviment jew jekk ma kienx hemm biżżejjed moviment fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, bil-konsegwenza li l-effett tad-dazju anti-dumping jiġi annullat. F'dan il-każ il-Kummissjoni kkonstatat li żieda fil-prezz ta' iktar minn 10 % ma setgħetx titqies insuffiċjenti. |
|
(33) |
Ir-raba' nett, l-Applikant talab lill-Kummissjoni tinvestiga l-prodotti importati minn Jindal l-Italja mill-fabbrika ta' Jindal fl-Emirati Għarab Magħquda jew kwalunkwe sors ieħor, biex tikkonferma li dawn l-importazzjonijiet ma kinux joriġinaw mill-Indja jew inkella ġew ikklassifikati ħażin. Il-Kummissjoni nnotat li din it-talba iktar tirreferi għall-allegata ċirkomvenzjoni, li madankollu mhijiex is-suġġett tar-riinvestigazzjoni ta' assorbiment. |
|
(34) |
Il-ħames nett, l-Applikant argumenta li l-Kummissjoni ma kellhiex tqabbel biss il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal l-Italja fl-RIP ma' dak ta' Jindal l-Italja fl-OIP, iżda anke mal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tas-sussidjarji preċedenti ta' Jindal fi Spanja u fir-Renju Unit waqt l-OIP. L-Applikant argumenta li dan l-approċċ ikun ġustifikat peress li d-dazju anti-dumping jirreferi għall-bejgħ kollu ta' Jindal. |
|
(35) |
Il-Kummissjoni qieset li tali tqabbil ma jkunx xieraq u ma jkunx jirrendi riżultati sinifikanti, b'mod partikolari minħabba t-taħlita differenti tal-prodotti, it-termini tal-kunsinna u l-muniti użati fil-fatturazzjoni. Għaldaqstant sostniet li l-punt ta' riferiment adegwat ikun tqabbil tal-prezzijiet tal-bejgħ ta' Jindal l-Italja biss. Madankollu, għall-finijiet ta' kompletezza, il-Kummissjoni wettqet simulazzjoni li fiha qabblet il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal l-Italja fl-RIP mal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tas-sussidjarji kollha ta' Jindal fl-OIP. Din is-simulazzjoni wriet li bħala medja l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid kien jiżdied (b'[iktar minn 13 %]) bejn l-RIP u l-OIP. Għaldaqstant, tali analiżi, minkejja r-rilevanza limitata tagħha, kienet issaħħaħ il-konklużjoni tal-Kummissjoni f'din ir-riinvestigazzjoni. |
|
(36) |
Finalment, l-Applikant staqsa dwar il-bejgħ dirett ta' Jindal lill-Unjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-volumi ma setgħux jitqiesu sinifikanti ([inqas minn 300 tunnellata]) u prinċipalment inbiegħu b'termini tal-kunsinna differenti milli fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk ma setax isir tqabbil sinifikanti. Konsegwentement, dan il-bejgħ ġie eskluż mit-tqabbil tal-prezzijiet. |
3.3. Konklużjoni
|
(37) |
Fid-dawl tal-volumi baxxi u n-nuqqas ta' kumparabbiltà, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq analiżi tal-prezzijiet dettaljata u konklużiva għal Jindal. Madankollu, kif indikat fil-premessa (25), il-Kummissjoni sabet li, b'mod ġenerali, il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal l-Italja żdied meta mqabbel mal-OIP u, għalhekk, il-miżuri wasslu għal moviment pożittiv fil-prezzijiet, b'mod simili għad-dazju kkonċernat. Barra minn hekk, minħabba t-tnaqqis sinifikanti fil-volumi, il-Kummissjoni sabet li l-effett tal-miżuri ma ġiex imminat. |
|
(38) |
Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni u fid-dawl tal-volumi negliġibbli ([inqas minn 0,1 %] tal-konsum tal-Unjoni) mibjugħa minn produtturi esportaturi Indjani oħra suġġetti għal din ir-riinvestigazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-konstatazzjonijiet ta' hawn fuq japplikaw ukoll għall-“Kumpaniji l-oħra kollha”. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni osservat li d-data statistika disponibbli għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” ma setgħetx titqies sinifikanti fid-dawl tal-volumi baxxi u tan-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-kanali tal-bejgħ ta' produtturi esportaturi Indjani oħra suġġetti għal din ir-riinvestigazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li d-data tal-prezzijiet li tirrigwarda l-volum ta' bejgħ negliġibbli, li nġabret skont il-bażi ta' data bl-istatistika tal-importazzjonijiet, stabbilita fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku, kienet turi prezz medju għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” li kien simili għall-prezz medju ta' Jindal. |
|
(39) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kellhom effett f'dak li għandu x'jaqsam ma' Jindal u mal-“Kumpaniji l-oħra kollha” msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388. |
|
(40) |
Fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni ħasset li mhuwiex neċessarju li tipproċedi b'kalkolu mill-ġdid tad-dazju. |
4. ŻVELAR U KONKLUŻJONI
|
(41) |
Kif imfisser fit-Taqsima 1.9 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha tittermina r-riinvestigazzjoni ta' assorbiment. Il-kummenti ġew analizzati u kkunsidrati fejn ġustifikat. |
|
(42) |
Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riinvestigazzjoni ta' assorbiment jenħtieġ li tiġi tterminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ. |
|
(43) |
Dan ir-Regolament huwa konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-riinvestigazzjoni ta' assorbiment rigward l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali) li joriġinaw mill-Indja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/1036 hija b'dan itterminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri anti-dumping fis-seħħ.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 53).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 tal-11 ta' Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 4).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 1).