28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 436/69


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2242

tat-23 ta’ Diċembru 2020

dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fir-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2020) 9628)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”),

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva fl-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-viruses tal-influwenza avjarja fil-pollam domestiku jikkawżaw żewġ forom ewlenin ta’ dik il-marda li jvarjaw fil-virulenza tagħhom. Il-forma b’patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma b’patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta’ mortalità fil-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Il-marda jaf tħalli impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-pollam u tikkawża tfixkil tal-kummerċ fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Mill-2005 ’l hawn, il-viruses tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) tas-sottotip H5 urew li kapaċi jinfettaw lill-għasafar migratorji, u mbagħad dawn jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi twal tul il-migrazzjonijiet tagħhom tal-ħarifa u tar-rebbiegħa.

(3)

Il-preżenza ta’ viruses tal-HPAI fl-għasafar selvaġġi hija theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses fl-azjendi fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra.

(4)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f’azjendi oħra fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u mad-detezzjoni bikrija tal-influwenza avjarja u miżuri minimi ta’ kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda fil-pollam jew f’għasafar tat-trobbija oħra. Dik id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI. Din ir-reġjonalizzazzjoni tiġi applikata b’mod partikolari biex jiġi ppreservat l-istatus tas-saħħa tal-għasafar fil-kumplament tat-territorju tal-pajjiż permezz tal-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-aġent patoġeniku u l-iżgurar tad-detezzjoni bikrija tal-marda.

(6)

Ir-Renju Unit reċentement innotifika lill-Kummissjoni b’tifqigħa tal-HPAI tas-sottotip H5N1 fit-territorju tiegħu, f’azjenda fejn jinżamm il-pollam jew għasafar tat-trobbija oħra fin-North Yorkshire, u minnufih ħa l-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza.

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri b’kollaborazzjoni mar-Renju Unit, u ħarġet sodisfatta li l-fruntieri taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, jinsabu ’l bogħod biżżejjed mill-azjenda fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa.

(8)

Għall-prevenzjoni ta’ kull tfixkil bla bżonn tal-kummerċ fl-Unjoni u għall-evitar ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ jiġu deskritti malajr, fil-livell tal-Unjoni, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti fir-rigward tal-HPAI fir-Renju Unit.

(9)

Għaldaqstant, iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fir-Renju Unit fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta' kontroll għas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2005/94/KE, jenħtieġ ikunu ddefiniti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u d-durata ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni jenħtieġ li tiġi stipulata.

(10)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika dwar it-tixrid tal-virusijiet tal-HPAI, huwa importanti li din id-Deċiżjoni tiġi addottata malajr kemm jista’ jkun.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jiżgura li ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jkunu jinkludu għall-inqas iż-żoni elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).


ANNESS

PARTI A

Żona ta’ protezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1:

Ir-Renju Unit

Żona li tinkludi:

Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2005/94/KE

Dawk il-partijiet mill-kontea ta’ North Yorkshire (kodiċi ADNS 00176) li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ tliet kilometri, iċċentrati f’WGS84 koordinati dek. N54.37 u W2.16

31.12.2020

PARTI B

Żona ta’ sorveljanza kif imsemmi fl-Artikolu 1:

Ir-Renju Unit

Żona li tinkludi:

Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

Dawk il-partijiet mill-kontea ta’ North Yorkshire (kodiċi ADNS 00176) li twassal lil hinn miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u f’ċirku b’raġġ ta’ għaxar kilometri, iċċentrati f’WGS84 koordinati dek. N54.37 u W2.16

31.12.2020