SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni (PAK) – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Artikolu 15(1) – Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi – Applikazzjoni għal għajnuna żbaljata – Irtirar ta’ tali applikazzjoni – Komunikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Sanzjonijiet amministrattivi applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni eċċessiva ta’ erjas – Sanzjonijiet abbażi tal-Artikolu 19a tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 – Applikabbiltà ta’ dan l-artikolu wara t-tħassir tar-Regolament Delegat Nru 640/2014”
Fil-Kawża C‑267/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ April 2024, fil-proċedura
Kanevi Komers DS EOOD
vs
Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Ilkova u M. Salyková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 u 19a tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1393 tal‑4 ta’ Mejju 2016 (ĠU 2016, L 225, p. 41, rettifika fil-ĠU 2016, L 227, p. 5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat Nru 640/2014”), kif ukoll tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Kanevi Komers DS EOOD, kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru, u ż-Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali għall-Agrikoltura, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“DFZ”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jnaqqas l-ammont tal-għajnuna finanzjarja mitluba minn Kanevi Komers DS għas-sena 2019, taħt diversi skemi ta’ għajnuna u miżuri ta’ pagamenti diretti skont l-erja, u li jimponi fuqha sanzjonijiet minħabba dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ superfiċji. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013
|
3 |
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023 permezz tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 187, rettifika fil-ĠU 2022, L 29, p. 45). Madankollu, skont l-Artikolu 104 tar-Regolament 2021/2116, l-Artikoli 59, 63, 64, 67, 68, 74 u 77 tar-Regolament Nru 1306/2013 jibqgħu japplikaw għan-nefqa mġarrba u għall-pagamenti magħmula għal skemi ta’ appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), qabel u matul is-sena kalendarja 2022. Peress li t-talba għal għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna s-sena 2019, ir-Regolament Nru 1306/2013 huwa applikabbli f’dan il-każ. |
|
4 |
L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Prinċipji ġenerali tal-verifiki”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “(1) Is-sistema stabbilita mill-Istati Membri […] għandha tinkludi, ħlief fejn ikun ipprovdut xorta oħra, verifiki amministrattivi sistematiċi tal-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna u talbiet għal pagamenti. Dik is-sistema għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post. […] (3) L-awtorità responsabbli għandha tagħmel rapport għal kull verifika fuq il-post”. |
|
5 |
L-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pagamenti mhux dovuti u pieni amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “(1) Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id-drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati. […] (2) Barra minn hekk, fejn il-leġislazzjoni agrikola settorjali tipprevedi hekk, l-Istati Membri għandhom jimponu wkoll pieni amministrattivi, skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 64 u fl-Artikolu 77 […]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Applikazzjoni tal-pieni amministrattivi”: “Il-pieni amministrattivi jistgħu jieħdu waħda mill-għamliet li ġejjin:
|
|
7 |
Il-Kapitolu 2, intitolat “Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll”, tat-Titolu V ta’ dan ir-regolament, jinkludi l-Artikolu 67 tiegħu, li huwa fformulat kif ġej: “(1) Kull Stat Membru għandu jwaqqaf u jħaddem sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (is-‘sistema integrata’). […] (4) Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu: […]
|
|
8 |
L-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi: “Is-sistema integrata għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
|
9 |
L-Artikolu 74(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Skont l-Artikolu 59, l-Istati Membri, permezz tal-aġenziji tal-pagamenti jew tal-korpi li huma jkunu awtorizzaw biex jaġixxu f’isimhom, għandhom jagħmlu verifiki amministrattivi dwar l-applikazzjoni għal għajnuna biex jivverifikaw il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna. Dawk il-verifiki għandhom ikunu ssupplimentati b’verifiki fuq il-post”. |
|
10 |
Skont l-Artikolu 77 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni tal-pieni amministrattivi”: “(1) Fir-rigward tal-pieni amministrattivi msemmija fl-Artikolu 63(2), dan l-Artikolu għandu japplika fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħrajn li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 67(2). […] (4) Il-pieni amministrattivi jistgħu jieħdu l-għamliet li ġejjin:
[…]” |
Ir-Regolament Nru 1307/2013
|
11 |
Ir-Regolament Nru 1307/2013 tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023 permezz tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 181, p. 35, u fil-ĠU 2022, L 227, p. 136). Madankollu, skont l-Artikolu 154(2) tar-Regolament 2021/2115, ir-Regolament Nru 1307/2013 għandu jkompli japplika fir-rigward tat-talbiet għall-għajnuna li jirrigwardaw snin ta’ applikazzjonijiet li jibdew qabel l‑1 ta’ Jannar 2023. Peress li t-talba għal għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna s-sena 2019, ir-Regolament Nru 1307/2013 huwa applikabbli f’dan il-każ. |
|
12 |
Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1307/2013 tistipula: “Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-Regolament [Nru 1306/2013] u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan għandhom japplikaw b’rabta mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament. […]” |
|
13 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprevedi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi:
|
Ir-Regolament Delegat Nru 640/2014
|
14 |
Ir-Regolament Delegat Nru 640/2014 tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023 permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1172 tal‑4 ta’ Mejju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità (ĠU 2022, L 183, p. 12). Madankollu, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat 2022/1172, ir-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandu jkompli japplika għat-talbiet għall-għajnuna dwar pagamenti diretti ppreżentati qabel l‑1 ta’ Jannar 2023. Għalhekk, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Delegat Nru 640/2014 huwa applikabbli għal din il-kawża. |
|
15 |
Il-premessi 2, 8 u 17 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jiddikjaraw:
[…]
[…]
|
|
16 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “[…] Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw […] […]
[…]” |
|
17 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi”, jipprevedi: “(1) Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament. (2) L-informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-effett li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni attwali”. |
|
18 |
L-Artikolu 19a ta’ dan ir-regolament delegat, intitolat “Penali amministrattivi f’każijiet ta’ dikjarazzjoni eċċessiva tal-erjas għall-iskema ta’ pagament bażiku, għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, għall-pagament ridistributtiv, għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, għall-pagament għal erjas b’restrizzjonijiet naturali, għall-iskema tal-bdiewa żgħar, għall-pagamenti ta’ Natura 2000 u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u għall-pagamenti għal erjas b’restrizzjonijiet naturali jew b’restrizzjonijiet speċifiċi oħra” jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “(1) Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-iskemi ta’ għajnuna previsti fil-Kapitoli 1, 2, 4 u 5 tat-Titolu III u fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikoli 30 u 31 tar-[Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, u rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1)] taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-erja stabbilita mnaqqsa b’darba u nofs (1,5) tad-differenza li tinstab jekk dik id-differenza tkun iżjed minn 3 % tal-erja stabbilita jew iżjed minn żewġ (2) ettari. Il-penali amministrattiva ma għandhiex taqbeż il-100 % tal-ammonti bbażati fuq l-erja ddikjarata. (2) Meta tkun għadha ma ġiet imposta l-ebda penali amministrattiva fuq il-benefiċjarju skont il-paragrafu 1 għal dikjarazzjoni eċċessiva tal-erjas għall-iskema ta’ għajnuna jew għall-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati, il-penali amministrattiva msemmija f’dak il-paragrafu għandha titnaqqas b’50 % jekk id-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita ma taqbiżx l-10 % tal-erja stabbilita. (3) Meta benefiċjarju titnaqqaslu l-penali amministrattiva tiegħu skont il-paragrafu 2 u trid tiġi imposta penali amministrattiva oħra fuq dak il-benefiċjarju għall-iskema ta’ għajnuna jew għall-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati fir-rigward tas-sena tat-talba li jkun imiss, kif imsemmi f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 21, huwa għandu jħallas il-penali amministrattiva sħiħa fir-rigward ta’ dik is-sena tat-talba li jkun imiss u għandu jħallas l-ammont tal-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafu 1 li jkun ġie mnaqqas skont il-paragrafu 2”. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014
|
19 |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173 tal‑31 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2022, L 183, p. 23). Madankollu, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/1173, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 għandu jkompli japplika għat-talbiet għall-għajnuna dwar pagamenti diretti ppreżentati qabel l‑1 ta’ Jannar 2023. Fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 huwa applikabbli f’dan il-każ. |
|
20 |
L-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jipprovdi: “Il-verifiki fuq il-post jistgħu jitħabbru minn qabel, dejjem jekk dan ma jxekkilx l-iskop jew l-effettività tagħhom. Kwalunkwe tħabbira minn qabel għandha tkun strettament limitata għall-perjodu minimu taż-żmien meħtieġ u ma għandhiex issir iktar minn 14‑il jum qabel. […]” |
|
21 |
L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Rapport ta’ kontroll”, huwa fformulat kif ġej: “(1) Kull verifika fuq il-post imwettqa skont din it-Taqsima għandu jinħareġ rapport ta’ kontroll dwarha li jagħmilha possibbli li wieħed jeżamina d-dettalji tal-verifiki mwettqin u jislet konklużjonijiet dwar il-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn. […] (2) Il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità jiffirma r-rapport matul il-verifika biex jikkonferma l-preżenza tiegħu waqt il-verifika u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta l-Istati Membri jużaw rapport ta’ kontroll stabbilit b’mezzi elettroniċi matul il-verifika, l-awtorità kompetenti għandha tipprevedi l-possibbiltà li l-benefiċjarju jiffirmah b’mod elettroniku, jewinkella r-rapport ta’ kontroll għandu jintbagħat minnufih lill-benefiċjarju sabiex dan jingħata l-opportunità jiffirmah u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta jinstab xi nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju għandu jirċievi kopja tar-rapport ta’ kontroll. […]” |
Id-dritt Bulgaru
Iż-ZPZP
|
22 |
L-Artikolu 41 taż-Zakon za podpomagane na zemedelskite proizvoditeli (il-Liġi dwar l-appoġġ għall-bdiewa) (DV Nru 58 tat‑22 ta’ Mejju 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZPZP”), jipprovdi: “(1) Il-bdiewa rreġistrati konformement mal-Artikolu 7 jistgħu japplikaw għal għajnuna taħt l-iskemi msemmija fl-Artikolu 38a(1) wara li jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna konformement mal-Artikolu 32(1) għas-sena kalendarja kkonċernata. […] (3) L-artijiet agrikoli msemmija fl-applikazzjoni għal għajnuna għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa fil‑31 ta’ Mejju tas-sena kalendarja kkonċernata, konformement mal-Artikolu 36(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li huwa ċċertifikat minn bażi legali ta’ użu rreġistrata skont iż-[Zakon za sobstvenostta i polzvaneto na zemedelskite zemi (il-Liġi dwar il-Proprjetà u l-Użu tal-Artijiet Agrikoli)]. (4) Il-bażi legali tal-użu tal-artijiet agrikoli hija rreġistrata mad-dipartimenti muniċipali għall-agrikoltura tal-post fejn jinsabu l-proprjetajiet, permezz ta’ softwer speċjalizzat amministrat mill-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti. Ir-reġistrazzjoni għandha ssir sal-iskadenza tat-termini previsti mid-digriet imsemmi fl-Artikolu 32(5), għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna u għall-emendi tagħha. (5) Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti għandu jikklassifika, jissintetizza u jibgħat lill-aġenzija tal-ħlas, f’daqqa jew fi stadji, id-data dwar il-bażijiet legali rreġistrati għall-użu tal-artijiet agrikoli. […] (6) Meta tippreżenta applikazzjoni għal għajnuna permezz tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, l-aġenzija tal-ħlas għandha tivverifika d-data tal-applikazzjoni, li għandha titqabbel mad-data msemmija fil-paragrafu 5. Jekk il-bidwi jkun inkluda, fl-applikazzjoni tiegħu, art agrikola li tinsab barra ż-żoni li għalihom hemm bażi legali jew sal-punt li jaqbeż il-bażi legali rreġistrata tal-użu, is-sistema għandha tiġġenera senjalazzjoni ta’ żball. Is-senjalazzjoni ta’ żball għandha tiġi ppreżentata lill-bidwi għall-firma. (7) Mal-iskadenza tat-termini għall-preżentata tal-applikazzjoni għal għajnuna u tal-emenda tagħha, previsti mid-digriet imsemmi fl-Artikolu 32(5), l-aġenzija tal-ħlas għandha twettaq kontroll amministrattiv tal-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna ppreżentati li għalihom is-sistema tkun ħarġet senjalazzjoni ta’ żball. Matul il-verifika, l-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjonijiet għal għajnuna għandha titqabbel mad-data msemmija fil-paragrafu 5 dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4. […] (9) Meta l-verifika mwettqa skont il-paragrafi 7 u 8 ma turi l-ebda bażi ġuridika rreġistrata fis-sens tal-paragrafu 4, l-aġenzija tal-ħlas għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(3)”. |
|
23 |
L-Artikolu 43 taż-ZPZP jipprevedi: “(1) L-aġenzija tal-ħlas għandha tagħmel pagamenti diretti fir-rigward tal-applikazzjonijiet sottomessi meta ssib li:
[…]
(2) L-aġenzija tal-ħlas għandha tivverifika l-applikazzjonijiet għal għajnuna taħt l-iskemi ta’ pagament dirett konformement mal-Artikolu 37. (3) L-aġenzija tal-ħlas għandha tnaqqas l-ammont tal-pagament jew tirrifjuta l-pagament skont l-iskemi ta’ pagament dirett meta:
[…] (4) L-aġenzija tal-ħlas għandha tnaqqas l-ammont tal-pagament jew tirrifjuta l-pagament imsemmi fil-paragrafu 3 konformement mal-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea”. |
Id-Digriet Nru 5 tas‑27 ta’ Frar 2009
|
24 |
L-Artikolu 2 tan-naredba no 5 za usloviyata i reda za podavane na zayavlenia po shemi i merki za direktni plashtania (id-Digriet Nru 5 dwar il-Kundizzjonijiet u l-Modalitajiet għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet taħt l-iskemi u miżuri ta’ pagamenti diretti) tas‑27 ta’ Frar 2009 (DV Nru 22 tal‑2009), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 5”), jipprevedi: “(1) L-appoġġ taħt l-iskemi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 huwa miftuħ għall-bdiewa li jaħdmu artijiet agrikoli u/jew irziezet tal-bhejjem u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 41 taż-[ZPZP]. (2) Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal appoġġ taħt l-iskemi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 fuq formola li għandha tiġi approvata kull sena mid-[DFZ] – aġenzija tal-ħlas (Razplashtatelna agentsia – RA). Meta ssir l-ewwel applikazzjoni għal għajnuna, il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ukoll jimlew applikazzjoni għal reġistrazzjoni”. |
|
25 |
L-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet jipprovdi: “(1) Sal‑31 ta’ Mejju, l-applikanti għall-appoġġ jistgħu jemendaw l-applikazzjonijiet tagħhom u d-dokumenti mehmuża, inkluż billi jżidu skemi u miżuri addizzjonali, kif ukoll għelieqi u/jew annimali skont l-iskemi u/jew il-miżuri mitluba. Meta l‑31 ta’ Mejju ma jkunx ġurnata tax-xogħol, it-terminu għall-emenda tal-applikazzjonijiet għandu jiskadi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara. […] (3) L-applikanti għal appoġġ ma jistgħux jagħmlu l-emendi msemmija fil-paragrafu 1 meta:
(4) L-emendi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru billi tiġi ppreżentata kopja tal-applikazzjoni għal appoġġ, flimkien mal-kaxxa “modifiki” mmarkata, mimlija u ffirmata mill-applikant. L-imsemmija kopja għandha tintbagħat, għad-dħul tad-data li hija tinkludi, lis-Sistema ta’ Reġistrazzjoni tal-applikanti, għall-applikazzjonijiet għal appoġġ u għat-talbiet għal pagament (SRKZPZP) lid-dipartiment muniċipali tal-agrikoltura (OSZ) korrispondenti, fejn iddaħħlet id-data dwar l-applikazzjoni għal sostenn tal-applikant. Id-data għandha tinġabar konformement mal-Artikolu 10(1). […] (6) L-applikanti għal appoġġ jistgħu jikkoreġu l-iżbalji ta’ fatt manifesti fl-applikazzjonijiet sottomessi fi kwalunkwe ħin sakemm il-pagament jiġi approvat (kompletament jew parzjalment) jew irrifjutat”. |
|
26 |
L-Artikolu 14 tad-Digriet Nru 5 jipprovdi: “(1) L-applikant għall-għajnuna jista’ jirtira l-applikazzjoni sottomessa jew skema waħda jew aktar, bl-eċċezzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għall-bdiewa żgħar, sal-pagament taħt l-iskema kkonċernata, iżda mhux aktar tard mill‑1 ta’ Diċembru tas-sena tal-applikazzjoni. L-ebda parti minn għalqa ma tista’ tkun is-suġġett ta’ rtirar. L-irtirar għandu jsir permezz ta’ talba bil-miktub indirizzata lid-direttorat reġjonali kompetenti tad-DFZ tar-reġjun fejn jinsab:
(2) Applikazzjoni, jew skema waħda jew aktar li jagħmlu parti minnha, għandha tiġi rtirata flimkien ma’ applikazzjoni għal emenda billi timtela formola ta’ applikazzjoni flimkien mal-emendi mmarkati fil-kaxxi. […] (6) L-applikant għal għajnuna ma jistax jirtira l-applikazzjoni tiegħu jew waħda jew aktar mill-iskemi tiegħu fejn:
(7) It-talbiet għall-irtirar tal-applikazzjonijiet għal għajnuna ma għandhomx jiġu aċċettati matul il-perjodu tal-kontroverifiki ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Il-perjodu tal-kontroverifiki għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit internet tal-fond agrikolu nazzjonali. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
27 |
Kanevi Komers DS ippreżentat applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja għas-sena 2019 taħt diversi skemi ta’ għajnuna u miżuri ta’ pagamenti diretti skont l-erja ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-baġit nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija. |
|
28 |
Din l-applikazzjoni kienet is-suġġett ta’ verifiki amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post, fosthom l-ewwel waħda, imwettqa bejn it‑8 u t‑28 ta’ Awwissu 2019, u t-tieni waħda, imwettqa bejn it‑22 u l‑25 ta’ Ottubru 2019. |
|
29 |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 indirizzata lid-direttorat reġjonali tad-DFZ tal-belt ta’ Targovishte (il-Bulgarija), Kanevi Komers DS, skont l-Artikolu 14(1) tad-Digriet Nru 5, irtirat l-applikazzjoni tagħha għal għajnuna għal ċerti għelieqi. Fil‑5 ta’ Novembru 2019, l-istess ittra ġiet ippreżentata fis-sede ċentrali tad-DFZ. |
|
30 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2019, id-DFZ informa lil Kanevi Komers DS, minn naħa, li l-irtirar tal-applikazzjoni għal għajnuna ma kienx validu, peress li dan ma sarx permezz tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll (iktar ’il quddiem is-“SIAK”) u, min-naħa l-oħra, li r-rifjut ta’ dan l-irtirar kien iġġustifikat mill-fatt li huwa kien diġà ppjana u ddeċieda li titwettaq verifika. Madankollu, id-DFZ ma pprovdiex dokument li juri d-deċiżjoni ta’ din il-verifika. |
|
31 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2022, id-DFZ informa lil Kanevi Komers DS bl-awtorizzazzjoni ta’ appoġġ u bil-pagament tiegħu abbażi tal-erja ddikjarata għas-sena 2019. Din l-ittra kienet tindika li l-ammont totali tal-għajnuna awtorizzata kien ġie kkalkolat permezz tas-SIGC, wara t-twettiq ta’ verifiki amministrattivi u ta’ verifiki obbligatorji fuq il-post fir-rigward tad-data li tinsab fit-talba għal appoġġ imressqa minn din il-kumpannija, li l-ammonti mitluba minn Kanevi Komers DS kienu s-suġġett ta’ tnaqqis u li l-ammonti tas-sanzjonijiet applikabbli għaliha minħabba s-sovrapożizzjoni tal-erjas kienu ġew ikkalkolati konformement mal-Artikolu 19a tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. |
|
32 |
Kanevi Komers DS adixxiet lill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors kontra din l-ittra. |
|
33 |
Quddiem dik il-qorti, Kanevi Komers DS issostni essenzjalment li hija setgħet tirtira mill-applikazzjoni tagħha għal għajnuna biċċiet ta’ art li għalihom hija kienet talbet appoġġ, mhux permezz tas-SIGC, iżda b’osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 u fl-Artikolu 14 tad-Digriet Nru 5, jiġifieri permezz ta’ notifika bil-miktub indirizzata lid-Direttorat Reġjonali tad-DFZ fil-każ fejn il-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq verifika fuq il-post u ma kinitx diġà ġiet informata minn din l-awtorità dwar il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fl-applikazzjoni tagħha għal għajnuna jew fit-talba tagħha għal pagament. |
|
34 |
Kanevi Komers DS tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija kkomunikat lid-DFZ l-applikazzjoni għall-irtirar ta’ ċerti superfiċji mill-applikazzjoni tagħha għal għajnuna fit-termini previsti mid-dritt nazzjonali u li hija osservat il-forma bil-miktub prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. Hija ssostni wkoll li d-deċiżjoni li tordna l-verifika fuq il-post imwettqa bejn it‑8 u t‑28 ta’ Awwissu 2019 ma kienet issemmi l-ebda porzjon ta’ art u li, konsegwentement, l-awtorità amministrattiva ma kellha ebda prova li s-superfiċji kkonċernati mit-talba għall-irtirar kienu preċiżament dawk li kienu ġew indikati sabiex jiġu vverifikati. Għaldaqstant, hija tqis li d-DFZ kiser l-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, minn naħa, billi inkluda fil-kalkolu tal-għajnuna s-superfiċji li kienu koperti mill-applikazzjoni għall-irtirar u, min-naħa l-oħra, billi impona sanzjonijiet mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-korrezzjoni magħmula għall-applikazzjoni għal għajnuna. |
|
35 |
Id-DFZ isostni li, sabiex irtirar ta’ porzjonijiet ta’ art mill-applikazzjoni għal għajnuna jkun validu, dan għandu jsir permezz tas-SIGC skont modalitajiet li jippermettu pproċessar rilevanti ta’ din l-applikazzjoni. Huwa jindika li ġiet żviluppata funzjonalità fis-SIGC li tippermetti, meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-irtirar totali jew parzjali tas-superfiċji, verifika ta’ ammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni fid-dawl tal-approvazzjoni jew le ta’ tali rtirar. Id-DFZ jippreċiża li kull mod ieħor ta’ kif isir l-imsemmi rtirar, li ma joffrix il-possibbiltà oġġettiva li tiġi vverifikata l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal irtirar, ma jistax jiġi ttrattat bħala tali applikazzjoni. |
|
36 |
Skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, huwiex biżżejjed li n-notifika tat-talba għall-irtirar issir bil-miktub u li tkun waslet għand l-awtorità kompetenti, jew jekk huwiex neċessarju li din in-notifika ssir f’format speċifiku u permezz ta’ pjattaforma tal-informatika speċifika. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-Regolament Delegat Nru 640/2014 la jipprevedi li t-talba għall-irtirar tas-superfiċji għandha ssir permezz ta’ tali pjattaforma u lanqas il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu regoli addizzjonali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament delegat. |
|
37 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament delegat, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li, peress li l-benefiċjarju ma ġiex avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq verifika u li ma ġiex informat bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fl-applikazzjoni għal għajnuna, huwa jista’ jindika bil-miktub lill-awtorità kompetenti li l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew l-applikazzjoni tiegħu għal pagament hija żbaljata jew li saret tali minn meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, u dan sal-jum li fih huwa informat bl-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jipprekludu li ssir din is-sinjalizzazzjoni. |
|
38 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 19a tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li abbażi tiegħu d-DFZ impona sanzjonijiet fuq Kanevi Komers DS, il-qorti tar-rinviju tirrileva li dan ir-regolament delegat, anki jekk tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023, ikompli japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna relatati ma’ pagamenti diretti ppreżentati qabel din id-data, bħalma huwa l-każ fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Madankollu, hija tikkonstata li l-verżjoni kkonsolidata tal-imsemmi regolament delegat ma għadhiex tinkludi dan l-Artikolu 19a. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmi artikolu għandux jitqies li kien fis-seħħ fid-data tal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet fuq Kanevi Komers DS, jiġifieri l‑5 ta’ Diċembru 2022. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
40 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-applikant għal għajnuna l-obbligu li jinforma lill-awtorità nazzjonali kompetenti bi kwalunkwe żball jew modifika tal-applikazzjoni għal għajnuna jew tat-talba għal pagament biss permezz ta’ pjattaforma tal-informatika speċifika. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, għalkemm, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä,C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata) |
|
42 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura tiegħu bħala dritt tal-Unjoni u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä,C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, li għandu jiġi ddeterminat jekk dawn jipprojbixxux, jimponux obbligu jew jippermettux lill-Istati Membri jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata taqax fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut lil kull Stat Membru (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä,C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Barra minn hekk, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jifformaw parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Agrarmarkt Austria,C‑350/23, EU:C:2024:771, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprovdi li s-sanzjonijiet amministrattivi ma japplikawx fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għal għajnuna jew tat-talba għal pagament li l-benefiċjarju jkun indika bil-miktub lill-awtorità kompetenti bħala żbaljata jew li tkun saret żbaljata minn meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, bil-kundizzjoni li l-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni li twettaq verifika fuq il-post u ma jkunx diġà ġie informat mill-awtorità kompetenti bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew għal pagament. |
|
46 |
Konsegwentement, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din la tippermetti u lanqas ma tipprojbixxi espressament lill-Istati Membri li jipprevedu regoli addizzjonali dwar l-obbligu, għall-benefiċjarju, li jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwar il-parti tal-applikazzjoni għal għajnuna jew dwar it-talba għal pagament meqjusa bħala żbaljata jew li saret hekk minn meta ġiet ippreżentata. |
|
47 |
Fir-rigward, it-tieni, tal-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni, din tinsab fil-Kapitolu IV tat-Titolu II tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li huwa ddedikat għall-modalitajiet ta’ kalkolu tal-għajnuna u għas-sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, f’dak li jirrigwarda l-iskemi ta’ pagament dirett u l-miżuri ta’ żvilupp rurali li jaqgħu taħt is-SIGC. |
|
48 |
Issa, l-espressjoni “nuqqas ta’ konformità” hija hija stess iddefinita mill-punt 2(a) tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat bħala “għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ […], kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra”. |
|
49 |
Peress li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jaqa’ fil-kuntest tal-kalkolu tal-għajnuna u ta’ sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità u peress li jipprevedi li l-possibbiltà ta’ rettifika tal-applikazzjoni għal għajnuna jew tat-talba għal pagament tippreżupponi li l-awtorità kompetenti tkun għadha ma kkomunikatx lill-benefiċjarju l-intenzjoni tagħha li twettaq verifika fuq il-post jew informatu dwar il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew fit-talba tiegħu għal pagament, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li r-rettifika magħmula a posteriori mill-benefiċjarju sseħħ għal raġunijiet awtonomi u volontarji, ikkaratterizzati mill-bona fide ta’ dan tal-aħħar. |
|
50 |
It-tielet, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija b’mod iktar ġenerali mir-Regolament Delegat Nru 640/2014, dawn għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-kompiti tal-ġestjoni kondiviża tal-fondi tal-Unjoni mal-Istati Membri, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (PAK), kif irregolata mir-Regolament Nru 1306/2013, li huwa kkompletat minn dan ir-regolament delegat fuq elementi mhux essenzjali. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-finanzjament tal-PAK kif ukoll is-SIGC isegwi b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tajba tas-SIGC u li b’mod partikolari għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw ruħhom mir-realtà u mir‑regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni, kif ukoll sabiex jipprevjenu u jinvestigaw l‑irregolaritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et (C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 75). Dawn l-obbligi ġew stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 59 tar-Regolament 2021/2116, li jikkorrispondi għall-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1306/2013 li tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023. |
|
52 |
Għal dan l-għan, minn naħa, konformement mal-Artikoli 63, 64 u 77 tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet amministrattivi, li huma proporzjonati u progressivi skont il-gravità, il-portata, it-tul u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza kkonstatat, u li jistgħu jieħdu l-forma ta’ tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna jew tal-appoġġ, dik ta’ pagament ta’ ammont ikkalkolat abbażi tal-kwantità u/jew tal-perijodu kkonċernati min-nuqqas ta’ osservanza, dik tas-sospensjoni jew tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, ta’ rikonoxximent jew ta’ approvazzjoni, jew dik tal-esklużjoni tad-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-iskema ta’ għajnuna, fil-miżura ta’ appoġġ jew f’miżura oħra kkonċernata jew li jibbenefikaw minnhom. |
|
53 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikoli 67 sa 73 ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jamministraw SIGC, b’mod partikolari sabiex jivverifikaw l-awtentiċità u l-konformità tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni fil-kuntest tal-PAK u sabiex itejbu l-effikaċja u l-monitoraġġ tal-appoġġ mogħti mill-Unjoni, billi jiffaċilitaw il-prevenzjoni tal-irregolaritajiet u tal-frodi kif ukoll l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet neċessarji. |
|
54 |
Għaldaqstant, ebda element fir-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma jippermetti li jitqies li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni li jipprevedu li l-komunikazzjoni bil-miktub skont l-imsemmi Artikolu 15 għandha ssir permezz ta’ pjattaforma tal-informatika speċifika. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ evalwazzjoni fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna li huma jqisu neċessarji sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw b’mod effikaċi l-irregolaritajiet u l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et (C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 76). |
|
56 |
Madankollu, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom dwar il-provi li għandhom jiġu prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal għajnuna u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta dan il-marġni ta’ evalwazzjoni għandhom josservaw l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Azienda Agricola Barausse Antonio e Gabriele, C‑348/18, EU:C:2019:545, punt 57, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 63). |
|
57 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, f’kull każ partikolari, jekk dawn il-prinċipji ġewx osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 89), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex il-kawża li biha hija adita tkun tista’ tiġi deċiża (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Subdelegación del Gobierno en Guadalajara,C‑448/19, EU:C:2020:467, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni fil-qasam tal-għajnuna lill-bdiewa, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Kaszamás,C‑79/23, EU:C:2024:329, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jitfakkar li dan ma jeżiġix biss li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom, iżda wkoll li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu l-miżuri tagħhom konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Teglgaard u Fløjstrupgård, C‑239/17, EU:C:2018:597, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, skont l-Artikolu 14 tad-Digriet Nru 5, l-irtirar tal-applikazzjonijiet għal għajnuna għandu jsir permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub indirizzata lid-Direttorat Reġjonali tad-DFZ ikkonċernat. Madankollu, minn naħa, minn dan il-proċess ma jsegwix li, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dispożizzjoni tad-dritt Bulgaru kienet timponi l-obbligu li l-komunikazzjoni ta’ dan l-irtirar tiġi suġġetta għal pjattaforma tal-informatika speċjalizzata. Min-naħa l-oħra, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit li l-imsemmi rtirar isir b’dan il-mezz kien jirriżulta mill-prassi biss tal-awtoritajiet nazzjonali. |
|
60 |
Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza mid-dritt nazzjonali tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ fejn l-obbligu li l-irtirar ta’ applikazzjoni għal għajnuna jiġi suġġett għal pjattaforma tal-informatika speċifika ma jkunx ibbażat fuq bażi legali, iżda fuq sempliċi prassi tal-awtoritajiet nazzjonali, tali prassi ma tidhirx kompatibbli mar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt meħtieġa minn dan il-prinċipju, sa fejn hija jista’ jkollha effett fuq l-obbligi tal-benefiċjarju tal-għajnuna. |
|
61 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġi li l-mezzi implimentati permezz ta’ dispożizzjoni jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, għandu jitfakkar li dan għandu jiġi osservat kemm mil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll mil-leġiżlaturi u mill-qrati nazzjonali li japplikaw id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et (C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 87). Konsegwentement, dan il-prinċipju għandu jiġi osservat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. |
|
62 |
Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji tal-għajnuna, irrispettivament mill-grad tagħhom ta’ għarfien tal-għodda informatika, ikollhom aċċess rapidu u faċli għal infrastrutturi li jippermettulhom, mingħajr ebda diffikultà u f’terminu raġonevoli, jibagħtu lill-amministrazzjoni kompetenti l-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament delegat. Jekk din il-possibbiltà ma tkunx iggarantita fl-Istat Membru kkonċernat, l-obbligu impost minn dan l-Istat Membru li jwettaq tali komunikazzjoni permezz ta’ pjattaforma tal-informatika speċjalizzata għandu jitqies li huwa sproporzjonat sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’, skont id-dritt amministrattiv nazzjonali, iwassal għan-nullità ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. |
|
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-applikant għal għajnuna l-obbligu li jinforma lill-awtorità nazzjonali kompetenti bi kwalunkwe żball jew modifika tal-applikazzjoni għal għajnuna jew tat-talba għal pagament biss permezz ta’ pjattaforma tal-informatika ddedikata, sakemm l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, jiġu osservati. |
Fuq it-tielet domanda
|
64 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ applikazzjoni għal għajnuna jew ta’ talba għal pagament żbaljata teħtieġ li l-awtorità nazzjonali kompetenti turi li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fiha ma humiex issodisfatti u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni tippermetti lil benefiċjarju jemenda jew jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew it-talba tiegħu għal pagament sakemm ma jkunx ġie informat li l-awtorità kompetenti wettqet kontroll jew ikkonstatat każ ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni tiegħu. |
|
65 |
F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-ewwel parti tat-tielet domanda, dwar il-prova tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġifieri li l-benefiċjarju ma ġiex avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq verifika fuq il-post u li ma kienx diġà ġie informat mill-awtorità kompetenti dwar il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew fit-talba tiegħu għal pagament, għandu jiġi kkonstatat li l-produzzjoni tal-prova la hija rregolata minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra iktar speċifiċi ta’ dan ir-regolament delegat. |
|
66 |
Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, sa fejn regolament ma jinkludix dispożizzjonijiet iktar speċifiċi dwar b’mod partikolari l-produzzjoni tal-provi, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, u bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-produzzjoni tal-provi, il-provi ammissibbli jew ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tas-saħħa probatorja tal-provi kif ukoll il-livell ta’ prova meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Vinařství U Kapličky, C‑86/20, EU:C:2022:320, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata) |
|
67 |
Konsegwentement, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-provi, is-saħħa probatorja tagħhom, kif ukoll il-livell ta’ prova meħtieġ, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli u fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mal-prinċipju ta’ kontradittorju, l-Artikolu 59(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll l-Artikolu 41 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jipprevedu l-obbligu għall-awtorità kompetenti li tħejji rapporti dwar il-verifiki fuq il-post. B’mod partikolari mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 41 isegwi li r-rapport ta’ verifika għandu jagħti kont bi preċiżjoni tad-diversi elementi tal-verifika, il-benefiċjarju għandu jingħata l-possibbiltà li jiffirma dan ir-rapport matul il-verifika sabiex jiċċertifika l-preżenza tiegħu matul il-verifika u li jżid osservazzjonijiet u għandu jirċievi, jekk jiġu kkonstatati rregolaritajiet, kopja tiegħu. Għalhekk jidher li l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha l-provi neċessarji għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza taż-żewġ kundizzjonijiet negattivi previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. |
|
69 |
Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni parti tat-tielet domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament delegat, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu l-possibbiltà li jirtira jew li jemenda l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew it-talba tiegħu għal pagament mingħajr ma jiġu applikati fuqu sanzjonijiet amministrattivi, bil-kundizzjoni li ma jkunx ġie avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq verifika fuq il-post u li huwa ma jkunx diġà ġie informat minn din l-awtorità bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew fit-talba tiegħu għal pagament. Għalhekk, dan l-artikolu jissuġġetta l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi għal żewġ kundizzjonijiet, ifformulati f’termini negattivi, li t-tnejn li huma għandhom jiġu ssodisfatti fil-mument meta l-benefiċjarju jitlob l-emenda jew l-irtirar tal-applikazzjoni tiegħu. |
|
70 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-punti 46 sa 56 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, tal-punti 48 sa 51 tagħha dwar il-loġika li fuqha huwa bbażat dan l-Artikolu 15, jekk l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet negattivi ma tkunx issodisfatta, jiġifieri fil-każ fejn il-benefiċjarju jkun ġie informat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika, huwa ma jkunx jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi. |
|
71 |
Minn dan jirriżulta li, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u sakemm, wara verifika fuq il-post, huwa ma jkunx irċieva informazzjoni mingħand din l-awtorità dwar każ ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatat fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew fit-talba tiegħu għal pagament, xejn ma jipprekludih milli jikkomunika bil-miktub lill-imsemmija awtorità l-emendi li għandhom isiru fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew fit-talba tiegħu għal pagament, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, u dan mingħajr ma jkun suġġett għal sanzjonijiet amministrattivi. |
|
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ applikazzjoni għal għajnuna jew ta’ talba għal pagament żbaljata teħtieġ li l-awtorità nazzjonali kompetenti turi li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fiha ma humiex issodisfatti, u dan fl-osservanza, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tal-modalitajiet ta’ produzzjoni tal-provi, tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-provi jew ukoll tal-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tas-saħħa probatorja tal-provi kif ukoll il-livell ta’ prova meħtieġ stabbiliti mid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tippermetti lil benefiċjarju jemenda jew jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew it-talba tiegħu għal pagament sakemm ma jkunx ġie informat li l-awtorità kompetenti wettqet verifika jew ikkonstatat każ ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni tiegħu. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
73 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-applikant għal appoġġ ma jistax jirtira l-applikazzjoni tiegħu meta jkun ġie informat dwar sovvrappożizzjonijiet ikkonstatati bejn il-biċċiet ta’ art imsemmija fl-applikazzjoni jew meta jkun ġie informat li ntgħażel għal verifika fuq il-post jew inkella meta kien is-suġġett ta’ verifika fuq il-post u jkun ġie informat b’nuqqasijiet ta’ konformità kkonstatati fir-rigward tal-erjas u/jew tal-annimali kkonċernati mill-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li permezz tagħha l-benefiċjarju tal-għajnuna ma jiġix informat bil-verifika fuq il-post u lanqas bir-riżultat ta’ din il-verifika. |
|
74 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ domanda, li tirrigwarda l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-ipoteżijiet previsti mid-dritt nazzjonali li fihom l-irtirar tal-applikazzjoni għal għajnuna jew tat-talba għal pagament huwa awtorizzat, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-Artikolu 14(6) tad-Digriet Nru 5 jipprovdi li l-applikant għal appoġġ ma jistax jirtira l-applikazzjoni tiegħu jew skema jew miżura waħda jew diversi msemmija fiha meta jkun ġie informat li l-biċċiet ta’ art imsemmija fl-applikazzjoni għal għajnuna kienu jikkoinċidu jew bil-fatt li jkun intgħażel għal verifika fuq il-post, jew ukoll meta kien is-suġġett ta’ verifika fuq il-post u jkun ġie informat b’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati li jikkonċernaw l-erjas u/jew l-annimali. |
|
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 69 sa 72 ta’ din is-sentenza, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali teħtieġ li t-tliet sitwazzjonijiet imsemmija minnha, li ma jippermettux lill-applikant għal għajnuna jirtira l-applikazzjoni tiegħu, jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. |
|
76 |
Fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni li jirreferi għaliha d-dritt Bulgaru, jiġifieri li l-applikant għal għajnuna jista’ jirtira l-applikazzjoni tiegħu jekk ma jkunx ġie informat b’sovrappożizzjonijiet ikkonstatati fl-applikazzjoni għal għajnuna fir-rigward tal-biċċiet ta’ art imsemmija f’din l-applikazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 kif imsemmi fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li din is-sitwazzjoni tikkonċerna każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li huma koperti mit-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġifieri li l-applikant għal għajnuna ma kienx diġà ġie informat mill-awtorità kompetenti bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna, liema kundizzjoni tikkonċerna kull każ ta’ nuqqas ta’ konformità, mingħajr distinzjoni. |
|
77 |
Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(6) tad-Digriet Nru 5, jiġifieri dik li fiha l-applikant għall-għajnuna ma jkunx ġie informat li ntgħażel għal verifika fuq il-post, din hija konformi mal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġifieri li l-applikant għal għajnuna ma ġiex avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq verifika fuq il-post. |
|
78 |
Għalkemm l-ewwel żewġ sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(6) tad-Digriet Nru 5 jidhru li huma konformi mat-test u mal-għan tal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, dan ma japplikax għat-tielet sitwazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni nazzjonali, li tidher li tiddevja mit-tieni kundizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 15. |
|
79 |
Dan huwa l-każ sa fejn it-tielet sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 14(6) tad-Digriet Nru 5 tidher li tista’ tiġi interpretata, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, fis-sens li korrezzjonijiet tal-applikazzjoni għal għajnuna jkunu awtorizzati fil-każ fejn l-amministrazzjoni tikkonstata nuqqasijiet ta’ konformità, fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, bil-kundizzjoni madankollu li din il-konstatazzjoni ma tirriżultax minn verifika fuq il-post, jew fil-każ fejn, wara verifiki fuq il-post, l-applikant għal għajnuna jiġi informat b’nuqqasijiet ta’ konformità tal-applikazzjoni tiegħu li ma humiex marbuta mas-superfiċi u/jew mal-annimali. |
|
80 |
Issa, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex ċara u preċiża biżżejjed sabiex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti li wħud minnhom iwasslu għal applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u l-oħrajn iwasslu għal applikazzjoni inkompatibbli miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja(Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ domanda, li tirrigwarda l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li permezz tagħha l-benefiċjarju tal-għajnuna ma huwiex informat bil-verifika fuq il-post u lanqas bir-riżultat ta’ din il-verifika, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, anki jekk, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ma għandhom ebda obbligu li jħabbru l-verifiki fuq il-post, huma, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, obbligati jipprovdu lill-benefiċjarju kopja tar-rapport ta’ verifika fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati. |
|
82 |
Konsegwentement, prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li permezz tagħha l-benefiċjarju ma jiġix informat bir-riżultat tal-verifika fuq il-post fil-każijiet fejn nuqqas ta’ konformità jkun ġie kkonstatat tmur kontra l-imsemmi Artikolu 41(2) kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
83 |
Fit-tieni lok, tali prassi tista’ tikkomprometti l-għan imfittex mill-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li jikkonsisti f’li tiġi nkoraġġuta s-sinjalizzazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna jew ta’ talbiet għal pagament żbaljati għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-fatt, bħalma tosserva l-Kummissjoni, prassi ġeneralizzata li tikkonsisti f’li ma jitħabbarx ir-riżultat tal-verifika fuq il-post fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ każ ta’ nuqqas ta’ konformità żżid il-possibbiltà għall-benefiċjarji li jwettqu emendi a posteriori, mingħajr ma jiġu applikati sanzjonijiet amministrattivi fuqhom. |
|
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-applikant għal appoġġ ma jistax jirtira l-applikazzjoni tiegħu meta kien is-suġġett ta’ verifika fuq il-post u jkun ġie informat b’nuqqasijiet ta’ konformità kkonstatati, limitati għall-erjas u/jew għall-annimali kkonċernati mill-applikazzjoni biss u, min-naħa l-oħra, prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li permezz tagħha l-benefiċjarju tal-għajnuna ma jiġix informat bil-verifika fuq il-post u lanqas bir-riżultat ta’ din il-verifika. |
Fuq il-ħames domanda
|
85 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta hijiex applikabbli għal sanzjoni bħal dik imposta fuq bidwi skont l-Artikolu 19a tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, f’sitwazzjoni li fiha din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet fis-seħħ fid-data li fiha tressqet it-talba għal appoġġ kif ukoll fid-data li fiha ġiet imposta l-imsemmija sanzjoni, iżda li, fid-data tal-eżami tar-rikors ippreżentat kontra l-istess sanzjoni, tħassret mill-verżjoni kkonsolidata tal-imsemmi regolament delegat, li, minkejja li tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023, għadu japplika għat-talbiet imressqa qabel din id-data konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat 2022/1172. |
|
86 |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, FA.RO. di YK & C., C‑16/23, EU:C:2024:886, punt 33). |
|
87 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, FA.RO. di YK & C., C‑16/23, EU:C:2024:886, punt 34). |
|
88 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li f’dan il-każ, ir-Regolament Delegat 2022/1172 ħassar ir-Regolament Delegat Nru 640/2014 u li mill-Artikolu 13 ta’ dan l-ewwel regolament delegat isegwi li dan it-tieni regolament delegat ikompli japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna relatati ma’ pagamenti diretti ppreżentati qabel l‑1 ta’ Jannar 2023. Minn dan isegwi li, peress li l-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ippreżentata fl‑2019, l-Artikolu 19a tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jibqa’ japplika ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, minkejja li dan ir-regolament tal-aħħar tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2023. Iċ-ċirkustanza li s-sanzjoni ġiet imposta wara t-tħassir tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
|
89 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 19a kien għadu jagħmel parti kemm mill-verżjoni tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-aħħar verżjoni kkonsolidata tal-imsemmi regolament qabel it-tħassir tiegħu. |
|
90 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, inkwantu hija bbażata fuq premessa żbaljata, il-ħames domanda tqajjem problema ta’ natura ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, u għandha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq l-ispejjeż
|
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.