European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1382

24.5.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1382

tat-23 ta’ Mejju 2024

li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti, id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(5) u l-Artikolu 13(5) u (10) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 586/2014 (2) li jistabbilixxi għall-ewwel darba deroga mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 għall-użu tal-bastimenti tat-tkarkir “gangui” f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur) sas-6 ta’ Ġunju 2017. Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2363, ingħataw bosta estensjonijiet ta’ dik id-deroga (3), li se jiskadu fil-11 ta’ Mejju 2024.

(2)

Fis-27 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Franza biex testendi d-deroga sal-11 ta’ Mejju 2026. Franza pprovdiet ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għall-estensjoni tad-deroga, inkluż rapporti ta’ implimentazzjoni tal-2022 u tal-2023 tal-pjan ta’ ġestjoni adottat minn Franza fit-13 ta’ Mejju 2014 (4) f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, stima tal-impronta “gangui” fl-2022 bl-użu tad-data trażmessa mit-transponders VMS (“data tal-VMS”), analiżi soċjoekonomika estensiva ta’ dan is-sajd kif ukoll valutazzjoni tar-riskju tal-impatt ambjentali tas-sajd.

(3)

Waqt l-74 sessjoni plenarja tiegħu organizzata bejn it-13 u s-17 ta’ Novembru 2023, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (5) ivvaluta t-talba għall-estensjoni tad-deroga, inkluż id-data ta’ appoġġ u r-rapport ta’ implimentazzjoni. L-STECF ikkonkluda li l-miżuri fis-seħħ huma effettivi fit-tnaqqis tal-flotta gangui u tal-impatt tagħha fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, l-STECF innota li s-sajd gangui jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Barra minn hekk, l-STECF ikkonkluda li peress li l-għadd ta’ bastimenti gangui naqas b’mod sinifikanti mill-2014, minn 36 għal 7 bastimenti attivi fl-2022 l-impatti tas-sajd komplew jonqsu maż-żmien. L-STECF irrikonoxxa wkoll li s-sajd se jitneħħa gradwalment fl-10 snin li ġejjin minħabba n-nuqqas ta’ tiġdid tal-liċenzji tas-sajd tas-sajjieda li jitilqu s-sajd.

(4)

L-estensjoni tad-deroga mitluba minn Franza tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti b’tul totali ta’ 12-il metru jew inqas, b’magna b’saħħa ta’ 85 kW jew inqas u bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jintużaw tradizzjonalment għall-qigħan tal-Posidionia oceanica, kif meħtieġ mill-Artikolu 4(5), l-ewwel paragrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(5)

Is-sajd ikkonċernat jaffettwa inqas minn 33 % taż-żona koperta bl-alka tal-qigħan tal-Posidonia oceanica fi ħdan iż-żona koperta mill-pjan ta’ ġestjoni Franċiż u inqas minn 10 % tal-alka tal-qigħan tal-Posidonia oceanica fl-ilmijiet territorjali ta’ Franza, bi qbil mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (ii) u (iii) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(6)

Hemm restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(7)

L-analiżi tar-riskju tal-attivitajiet tas-sajd li jaffettwaw is-sit Natura 2000 “Rade d’Hyères” imwettqa mill-awtoritajiet Franċiżi evalwat li hemm riskju moderat li jiġu mminati l-objettivi ta’ konservazzjoni tal-qigħan tal-Posidonia oceanica marbuta mas-sajd “gangui”.

(8)

Il-Kummissjoni tinnota li l-attivitajiet tas-sajd gangui fuq il-qigħan tal-Posidonia naqsu u li l-awtoritajiet Franċiżi pprojbixxew l-attivitajiet tas-sajd fil-qalba tal-Park Nazzjonali “Port Cros” sabiex jipproteġu l-qigħan tal-Posidonia oceanica. Barra minn hekk, l-STECF identifika li l-proporzjon tal-attività tas-sajd gangui fuq il-qigħan tal-Posidonia naqas minn 21 % għal 17,2 % fiż-żona koperta mill-pjan ta’ ġestjoni, u minn 7,6 % għal 6,1 % fl-ilmijiet territorjali ta’ Franza, ferm taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(9)

Dan is-sajd ma jħalli l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar.

(10)

Is-sajd li jsir bil-bastimenti tat-tkarkir “gangui” jimmira varjetà ta’ speċijiet li jikkostitwixxu niċċa ekoloġika. Il-kompożizzjoni tal-qabdiet minn dan is-sajd, b’mod partikolari fir-rigward tal-varjetajiet ta’ speċijiet maqbuda, ma hi riflessa bl-ebda tip ieħor ta’ rkaptu tas-sajd. Għalhekk, dan is-sajd ma jistax isir bi rkapti oħra.

(11)

It-talba tkopri bastimenti li għandhom aktar minn ħames snin esperjenza f’dan it-tip ta’ sajd, li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż, f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(12)

L-estensjoni tad-deroga mitluba minn Franza tikkonċerna għadd limitat ta’ disa’ bastimenti awtorizzati identifikati fil-pjan ta’ ġestjoni, għal total ta’ 434 kW, li sebgħa minnhom biss kienu attivi fl-2023. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 75 % tal-isforz tas-sajd f’termini tal-għadd ta’ bastimenti awtorizzati meta mqabbel mal-2014, meta d-deroga kienet tikkonċerna 36 bastiment awtorizzat li kienu speċifikati fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż adottat. Dawk il-bastimenti jinsabu f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(13)

Barra minn hekk, il-pjan ta’ ġestjoni adottat minn Franza jiggarantixxi li ma jkun hemm l-ebda żieda fil-ġejjieni fl-isforz tas-sajd, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lid-disa’ bastimenti speċifikati li jinvolvu sforz totali ta’ 434 kW, li diġà huma awtorizzati minn Franza biex jistadu.

(14)

Barra minn hekk, il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż jistipula li kwalunkwe awtorizzazzjoni tas-sajd bil-“gangui” għandha tiġi rtirata meta l-bastiment awtorizzat ikkonċernat jiġi sostitwit jew meta l-kaptan tal-bastiment ibigħ il-bastiment tiegħu jew jirtira. Il-Kummissjoni għalhekk tinnota li l-effett ta’ din id-dispożizzjoni huwa li telimina gradwalment dan is-sajd, li jwassal ukoll għal tnaqqis korrispondenti fl-impatt tas-sajd fuq l-istokkijiet.

(15)

Id-deroga mitluba tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) u tat-Taqsima I, il-Parti B tal-Anness IX, tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar id-daqsijiet tal-malji tal-irkaptu rmunkat, peress li hija relatata ma’ bastimenti tat-tkarkir li joperaw b’daqs tal-malji mhux iżgħar minn 40 mm u peress li malja kwadra ta’ inqas minn 40 mm ma tintużax fl-armar tax-xbieki “gangui”.

(16)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet tal-bastimenti bi rkapti oħra għajr dawk tat-tkarkir, tat-tartaruni jew ta’ xbieki rmunkati simili f’konformità mal-Artikolu 13(9)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(17)

L-attività tal-bastimenti tat-tkarkir “gangui” jirregolaha l-pjan ta’ ġestjoni Franċiż biex ikun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fil-Parti A tal-Anness IX, tar-Regolament (UE) 2019/1241, ikunu minimi, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(18)

Il-bastimenti tat-tkarkir “gangui” ma jimmirawx iċ-ċefalopodi, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(19)

Il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż jistabbilixxi pjan ta’ monitoraġġ, kif previst fl-Artikolu 4(5), il-ħames subparagrafu, u fl-Artikolu 13(9), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Dan jinkludi wkoll miżuri għar-reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, u b’hekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1224/2009 (7).

(20)

Għalhekk, l-estensjoni tad-deroga mitluba minn Franza tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) u fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u jenħtieġ li tingħata.

(21)

Jenħtieġ li Franza tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien debitu u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż. Jenħtieġ li d-durata tal-estensjoni tad-deroga tkun limitata biex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni korrettivi fil-pront f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri qagħda ħażina ta’ konservazzjoni tal-istokkijiet sfruttati, filwaqt li jkun hemm il-possibbiltà li tittejjeb il-bażi xjentifika favur pjan ta’ ġestjoni aħjar.

(22)

Fl-4 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Franza biex tillimita l-estensjoni tad-deroga mitluba fis-27 ta’ Ottubru 2023 għal sena bl-impenn li ma titlobx estensjoni ta’ din id-deroga u li tistabbilixxi pjan fl-2024 għal waqfien permanenti ta’ bastimenti tat-tkarkir attivi “gangui” minn dan is-sajd.

(23)

Billi d-deroga li ngħatat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2363 se tiskadi fil-11 ta’ Mejju 2024, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mit-12 ta’ Mejju 2024 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(24)

Din l-applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għaliex is-sajd ikkonċernat kien kontinwament kopert mill-pjan ta’ ġestjoni Franċiż.

(25)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità mal-attività koperta b’din id-deroga ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (8).

(26)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006

L-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandhomx japplikaw fl-ilmijiet territorjali ta’ Franza biswit il-kosta tar-reġjun ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur fil-każ tal-bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandhom numru tar-reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta’ ġestjoni li Franza adottat f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006;

(b)

għandhom aktar minn ħames snin esperjenza fis-sajd u ma huma involuti fl-ebda żieda fil-ġejjieni fl-isforz tas-sajd previst;

(c)

għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni li Franza adottat f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Rappurtar

Sal-31 ta’ Marzu 2025, Franza għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Mejju 2024 sal-11 ta’ Mejju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 586/2014 tat-2 ta’ Ġunju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn jidħlu l-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti u d-distanza minima mill-kosta u l-fond għal bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur) ( ĠU L 164, 3.6.2014, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2363 tat-2 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti, id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur) (ĠU L 312, 5.12.2022, p. 95).

(4)   https://www.legifrance.gouv.fr/jorf/id/JORFTEXT000028986590/

(5)   1_RepCovTempl_STR_IPSC.doc (europa.eu)

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105)

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal- 21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1382/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)