KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fid‑19 ta’ Ġunju 2025 ( 1 )
Kawża C‑323/24
Deity Shoes, S.L.
vs
Mundorama Confort, S.L.,
Stay Design, S.L
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante, Spanja))
(Talba għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 4 – Kundizzjonijiet għall-protezzjoni ta’ disinn – Novità – Karattru individwali – Karatteristiċi viżivi ddeterminati minn qabel minn parti terza – Personalizzazzjoni ta’ komponenti offruti f’katalgu eżistenti – Grad ta’ personalizzazzjoni meħtieġa – Libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn – Possibbiltà tal-protezzjoni tad-dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li jkun prodott fuq il-bażi ta’ tendenzi tal-moda magħrufin)
I. Introduzzjoni
|
1. |
“These boots are made for walkin’ and that’s just what they’ll do” ( 2 ). [Dawn il-boots magħmulin għall-mixi u ser jagħmlu hekk eżatt] Fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 ( 3 ), huwa ġeneralment aċċettat li l-libertà tad-disinjatur ta’ prodott (pereżempju, żarbun) tkun limitata mill-funzjoni teknika ta’ dak il-prodott (pereżempju, il-fatt li żarbun irid jintlibes fuq sieq u għandu jkun adattat għal skop partikolari bħall-mixi jew il-ġiri), kif ukoll minn rekwiżiti statutorji applikabbli għall-prodott li jirriżultaw fi standardizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi tiegħu ( 4 ). Il-każ preżenti jqajjem, fost affarijiet oħra, il-kwistjoni li ġejja: dik il-libertà hija limitata wkoll mit-tendenzi tal-moda? |
|
2. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna tliet kumpanniji fin-negozju taż-żraben, rispettivament, Deity Shoes S.L., minn naħa waħda, u Mundorama Confort S.L. u Stay Design S.L., min-naħa l-oħra. L-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji ssostni li t-tnejn l-oħra kisru d-disinni Komunitarji tagħha għal diversi mudelli ta’ żraben (iktar ’il quddiem “id-disinni kkontestati”). Mundorama Confort u Stay Design jagħmlu kontrotalba li d-disinni kkontestati huma invalidi, peress li huma bbażati fuq disinni eżistenti, murija fil-katalgi tal-fornituri ta’ Deity Shoes, li huma differenti minnhom biss fir-rigward ta’ aspetti żgħar marbutin mal-personalizzazzjoni, pereżempju, tal-pettijiet taż-żarbun, il-lazzijiet jew il-bokkli, li huma influwenzati mit-tendenzi reċenti tal-moda. Fil-fehma tagħhom, id-disinni kkontestati għalhekk ma humiex ir-riżultat ta’ xi “attività ta’ disinn ġenwina”, “sforz intellettwali” jew innovazzjoni. |
|
3. |
Permezz tad-domandi tagħha, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1, Alicante, Spanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tiddetermina jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, disinn jistax xorta jgawdi minn protezzjoni bħala disinn Komunitarju (irreġistrat jew mhux irreġistrat) ( 5 ) skont ir-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk it-tendenzi tal-moda jistgħux jirrestrinġu l-libertà ta’ disinjatur b’tali mod li differenzi żgħar jistgħu jkunu suffiċjenti għad-disinn inkwistjoni sabiex jagħti impressjoni ġenerali differenti minn disinn wieħed jew iktar preċedenti, biex b’hekk jagħtu lid-disinn inkwistjoni “karattru individwali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
4. |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jipprevedi li: “1. Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali. […]” |
|
5. |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Novità”, jgħid li: “1. Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:
2. Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.” |
|
6. |
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Karattru individwali”: “1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:
2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.” |
|
7. |
L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Skop tal-protezzjoni”, jiddikjara li: “1. L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat. 2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu.” |
|
8. |
L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Dritt għad-disinn Komunitarju”, jipprevedi li: “1. Id-dritt għad-disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu fit-titolu. […]” |
|
9. |
L-Artikolu 25 ta’ dak ir-regolament, intitolat “Raġunijiet għall-invalidità”, jiddikjara li: “1. Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:
[…]” |
III. Il-fatti, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi magħmula
|
10. |
Fl‑10 ta’ Diċembru 2021, Deity Shoes ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1, Alicante), kontra Mundorama Confort u Stay Design, fejn allegat ksur tad-disinni kkontestati. |
|
11. |
Fit‑12 ta’ April 2022, Mundorama Confort u Stay Design ressqu kontrotalba, fejn talbu dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dawk id-disinni ( 6 ). |
|
12. |
B’mod partikolari, dawk il-kumpanniji sostnew li l-ebda innovazzjoni jew “attività ta’ disinn ġenwina” ma kienet involuta fl-iżvilupp tad-disinni kkontestati u li dawk id-disinni ma kinux ir-riżultat ta’ xi “sforz intellettwali”. Ħlief għal ftit elementi ppersonalizzati (pereżempju, il-kulur, xi materjali, il-pożizzjoni tal-bokkli, lazzijiet u elementi dekorattivi oħrajn), id-disinni kkontestati rrappreżentaw il-mudelli taż-żraben li jinsabu fil-katalgi pprovduti lil Deity Shoes mill-fornituri Ċiniżi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“il-fornituri”). Fil-fehma ta’ Mundorama Confort u Stay Design, dawk id-disinni għalhekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet relatati man-“novità” u l-“karattru individwali” stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
13. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-prezz għandu rwol importanti fin-negozju ta’ Deity Shoes, li timmira lejn volum għoli ta’ bejgħ. Peress li kwalunkwe bidla jew personalizzazzjoni li ssir fid-disinni li jinsabu fil-katalgi tal-fornituri twassal għal żieda fl-ispejjeż, ma hemm l-ebda inċentiv reali għal kumpanija bħal Deity Shoes sabiex tagħmel bidliet sostanzjali fil-mudelli taż-żraben murija f’dawk il-katalgi. |
|
14. |
Il-qorti tar-rinviju tirrimarka wkoll li d-diversi għażliet ta’ personalizzazzjoni (bħal, pereżempju, il-kulur, il-materjali u l-pożizzjoni tal-bokkli, lazzijiet jew elementi dekorattivi oħrajn) diġà huma murija fil-katalgi tal-fornituri. Barra minn hekk, id-disinni muri f’dawk il-katalgi, inklużi l-għażliet ta’ personalizzazzjoni tagħhom, u d-disinni kkontestati huma kollha influwenzati minn tendenzi tal-moda magħrufin. Dik il-qorti tistaqsi jekk dawn it-tendenzi tal-moda jistgħux jitqiesu bħala li jirrestrinġu l-libertà tad-disinjatur bl-istess mod li l-funzjoni teknika tal-prodott jew ir-rekwiżiti statutorji applikabbli li l-prodott huwa suġġett għalihom xi kultant jagħmlu. |
|
15. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
16. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari, tat‑13 ta’ Diċembru 2023, ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Mejju 2024. Deity Shoes u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saritx seduta. |
IV. Analiżi
|
17. |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex disinn jiġi protett bħala “disinn Komunitarju” mhux irreġistrat jew irreġistrat taħt dak ir-regolament: id-disinn għandu jkun “ġdid” u għandu jkollu “karattru individwali”. Sabiex disinn ikun ġdid u għalhekk jissodisfa l-ewwel kundizzjoni, l-ebda disinn identiku ma għandu jkun sar disponibbli għall-pubbliku la qabel id-data li fiha d-disinn li għalih qed tintalab il-protezzjoni jkun sar disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba ( 7 ) (fil-każ ta’ disinni Komunitarji mhux irreġistrati) jew qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih tintalab il-protezzjoin (fil-każ ta’ disinni Komunitarji rreġistrati ( 8 ). It-tieni kundizzjoni, dwar il-“karattru individwali” tad-disinn teħtieġ li dak id-disinn jipproduċi impressjoni ġenerali fuq l-utent avżat li tkun differenti minn dik prodotta fuq tali utent minn kwalunkwe disinn li jkun sar disponibbli għall-pubbliku qabel id-dati msemmija iktar ’il fuq ( 9 ). |
|
18. |
Fil-kuntest ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, nifhem li d-domandi tal-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante), essenzjalment, jistgħu jiġu miġbura f’żewġ kwistjonijiet. L-ewwel kwistjoni (fil-qalba tal-ewwel parti tal-ewwel domanda u tat-tielet domanda) hija jekk, sabiex disinn jibbenefika minn protezzjoni bħala disinn Komunitarju, dan għandux ikun ir-riżultat tal-“attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali” tad-disinjatur. Ser nibda billi nispjega għaliex nikkunsidra li dawk il-fatturi ma humiex rilevanti f’dan il-każ (Taqsima A). It-tieni kwistjoni (inkapsulata fit-tieni parti tal-ewwel domanda u tat-tieni u tar-raba’ domanda) tirrigwarda jekk disinn jistax jibbenefika minn protezzjoni bħala disinn Komunitarju f’kuntest fejn ikun iddeterminat minn qabel minn disinni preċedenti li jinsabu fil-katalgi tal-fornituri u fejn ikun differenti minn dawk id-disinni biss f’ċerti elementi minuri ta’ personalizzazzjoni (ippreżentati wkoll f’dawk il-katalgi), li jkunu influwenzati mit-tendenzi tal-moda. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tendenzi tal-moda jistgħux jitqiesu bħala li jirrestrinġu l-libertà tad-disinjatur b’tali mod li differenzi żgħar bejn disinn preċedenti wieħed jew iktar u d-disinn inkwistjoni jistgħux ikunu biżżejjed sabiex dan tal-aħħar jagħti impressjoni ġenerali differenti mill-ewwel wieħed u, b’hekk, ikollu “karattru individwali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. (Taqsima B). |
A. Jekk disinn Komunitarju għandux ikun ir-riżultat ta’ “attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali” (l-ewwel parti tal-ewwel u tat-tielet domanda)
|
19. |
Ir-risposta għall-ewwel kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, hija pjuttost sempliċi. |
|
20. |
Kif diġà spjegajt fil-punt 17 hawn fuq, sabiex disinn jibbenefika minn protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat jew mhux irreġistrat, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, relatati, rispettivament, man-“novità” u mal-“karattru individwali” tad-disinn. |
|
21. |
Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma eżawrjenti, u r-Regolament Nru 6/2002 ma fih l-ebda kundizzjoni addizzjonali li tgħid li trid isseħħ “attività ta’ disinn ġenwina” fil-produzzjoni tad-disinn jew li dan tal-aħħar għandu jkun il-prodott ta’ “sforz intellettwali”, sabiex jintużaw it-termini varji użati mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, kemm Mundorama Confort kif ukoll Stay Design infushom jirrikonoxxu quddiem il-qorti tar-rinviju li la l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-regolament (li jelenka r-rekwiżiti għall-protezzjoni) u lanqas l-Artikolu 25(1)(b) tiegħu (li jikkonċerna l-invalidità ta’ disinn Komunitarju minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti) ma jirreferi għal tali “attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali”. |
|
22. |
Barra minn hekk, jidhirli li, bl-użu ta’ dawn l-espressjonijiet, il-qorti tar-rinviju fil-fatt tixtieq tkun taf jekk kundizzjoni simili għal dik ta’ “oriġinalità” stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE ( 10 ) tapplikax fir-rigward ta’ protezzjoni ta’ disinni Komunitarji. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex suġġett ikun jista’ jitqies bħala oriġinali u li jgawdi protezzjoni skont l-Artikolu 2(a) ta’ dik id-direttiva, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li s-suġġett jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jimmanifesta l-għażliet liberi u kreattivi tiegħu ( 11 ). Għalhekk, id-diversi partijiet ta’ “xogħol” igawdu minn protezzjoni, sakemm ikun fihom elementi li jkunu l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tax-xogħol ( 12 ). |
|
23. |
Fil-fehma tiegħi, madankollu, huwa ċar li l-ebda kundizzjoni simili ma għandha tiġi ssodisfatta sabiex disinn ikun protett bħala disinn Komunitarju. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li “l-oġġetti protetti bis-saħħa ta’ disinn [ma humiex] [bħala] prinċipju simili għal dawk li jikkostitwixxu xogħlijiet protetti mid-Direttiva 2001/29” ( 13 ). Barra minn hekk, “[il-]protezzjoni ta’ disinni, minn naħa, u l-protezzjoni żgurata mid-drittijiet tal-awtur, min-naħa l-oħra, għandhom għanijiet fundamentalment differenti u huma suġġetti għal sistemi distinti”. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-protezzjoni tad-disinni hija intiża sabiex tipproteġi suġġetti li, filwaqt li huma ġodda u individwalizzati, għandhom natura utilitarja u huma intiżi sabiex jiġu prodotti b’mod massiv”, filwaqt li, “[m]in-naħa tagħha, il-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur, li t-tul ta’ żmien tagħha huwa ferm ogħla, hija rriżervata għal oġġetti li jistħoqqilhom li jiġu kkwalifikati bħala xogħlijiet” ( 14 ). |
|
24. |
Issa, sabiex nitkellmu dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ “novità” u ta’ “karattru individwali” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeħtieġu li d-disinjatur ikun wettaq “attività ta’ disinn ġenwina” jew ikun involut fi “sforz intellettwali”, nibda billi ninnota li dawk il-kundizzjonijiet jirrelataw, kif jindikaw il-Kummissjoni u Deity Shoes fl-osservazzjonijiet tagħhom, mad-dehra tad-disinn, b’mod iżolat minn kif inħoloq u, għalhekk, minn kwalunkwe “sforz intellettwali” jew attività kreattiva tad-disinjatur. Fil-fatt, l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 jiddefinixxi t-terminu “disinn” bħala “[i]d-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu” ( 15 ). |
|
25. |
Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata man-“novità” sempliċement tfisser, kif spjegajt, li l-ebda disinn identiku ma jkun sar disponibbli għall-pubbliku preċedentement. Minn dan isegwi li dik il-kundizzjoni teħtieġ paragun bejn id-disinn li għalih tkun qiegħda tintalab il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju jew li l-validità tiegħu tkun qiegħda tiġi kkontestata u l-corpus tad-disinni eżistenti. Ma titlobx evalwazzjoni dwar jekk id-disinn inkwistjoni jkunx ir-riżultat ta’ “sforz intellettwali” partikolari jew “attività ta’ disinn ġenwina”. |
|
26. |
L-istess jgħodd fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-“karattru individwali”. F’dan ir-rigward, ninnota li l-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 tiddikjara li “[l]-istima dwar jekk disinn ikollux karattru individwali għandha tkun imsejsa fuq jekk l-impressjoni ġenerali prodotta minn utent informat li jara d-disinn, tiddiferixxix biċ-ċar minn dik prodotta fuqu bil-corpus tad-disinn eżistenti, filwaqt li jqis in-natura tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew inkorporat […]”. |
|
27. |
Fid-dawl ta’ dan, nammetti, l-ewwel, li dik il-premessa tindika wkoll li, meta jiġi eżaminat jekk disinn għandux “karattru individwali”, għandu jitqies “[is-]settur industrijali li għalih [id-disinn] jappartjeni u l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn” ( 16 ). L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 juża kliem simili, peress li jipprevedi li “[f]l-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn”. Jista’ jingħad li dan jista’ jimplika li għandhom jitqiesu “attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali” wara l-iżvilupp tad-disinn. |
|
28. |
Madankollu, għalija huwa ċar li r-riferiment għal-“libertà tad-disinjatur” fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 6(2) tiegħu ma jistax jiġi interpretat f’dak is-sens; anzi, pjuttost is-sens oppost. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li semmejt fl-Introduzzjoni ( 17 ) turi li l-Artikolu 6(2) ġie mifhum li jfisser li l-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma tistax tiġi miċħuda sempliċement minħabba li xi karatteristiċi tad-disinn ikunu ddettati minn restrizzjonijiet marbutin, pereżempju, mal-funzjoni teknika tal-prodott (ser nindirizza din il-kwistjoni fit-Taqsima B iktar ’il quddiem). Fi kliem sempliċi, disinn ta’ żarbun ma għandux jiġi miċħud il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju sempliċement għax il-forma ġenerali tiegħu tixbah lil dik ta’ sieq. |
|
29. |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju tinnota, fit-tielet domanda, li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 6/2002 jikkwalifika lid-“disinjatur” bħala l-persuna li tkun “żviluppat” id-disinn. Fid-dawl ta’ dik id-dispożizzjoni, il-qorti tixtieq tkun taf jekk, sabiex disinn ikun protett bħala disinn Komunitarju, ikunx neċessarju li l-persuna li żviluppatu tkun wettqet “attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali”; sabiex jitqies bħala d-“disinjatur” tiegħu. Għal darba oħra, jiena ma għandix dawn id-dubji. |
|
30. |
L-ewwel, ninnota li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 6/2002, li huwa intitolat “Dritt għad-disinn Komunitarju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]d-dritt għad-disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu fit-titolu”. It-tieni u t-tielet paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jelenkaw ir-regoli li japplikaw fejn żewġ persuni jew iktar ikunu żviluppaw id-disinn b’mod konġunt, kif ukoll meta d-disinn ikun ġie “żviluppat minn impjegat fit-twettiq ta’ dmirijietu jew wara l-ordnijiet mogħtija lilu minn min iħaddmu”. |
|
31. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa ċar għalija li l-għan ta’ Artikolu 14 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa li jiddetermina lil liema persuna jew entità għandu jingħata d-dritt għad-disinn Komunitarju, pjuttost illi jagħmel in-“novità” u l-“karattru individwali” tad-disinn dipendenti fuq l-“attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali” tad-disinjatur. |
|
32. |
F’dan ir-rigward, nixtieq nirrimarka wkoll li l-kunċett ta’ “disinjatur” użat f’dik id-dispożizzjoni ma għandux jiġi konfuż ma’ dak ta’ “awtur”, użat fid-Direttiva 2001/29 li jikkonċerna drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Meta tinterpreta dik id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement rabtet il-kunċett ta’ “xogħol” ma’ dak ta’ “awtur” ( 18 ). Madankollu, ebda rabta simili bejn “xogħol” u “awtur” – jew, pjuttost, “disinn” u “disinjatur” – teżisti taħt ir-Regolament Nru 6/2002. Il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju tista’ tingħata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi kkunsidrat xi attribut tad-disinjatur tiegħu (bħall-personalità, l-għażliet kreattivi jew il-kreazzjoni intellettwali tiegħu). L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 6/2002 jagħmilha ċara li l-identità tad-disinjatur hija rilevanti meta jiġi determinat lil liema persuna jew entità għandha tingħata l-protezzjoni, mhux meta jiġi evalwat jekk id-disinn jistax jiġi protett bħala disinn Komunitarju. F’dak is-sens, l-awtur ta’ xogħol, taħt id-Direttiva 2001/29 u d-disinjatur ta’ disinn Komunitarju taħt ir-Regolament Nru 6/2002 huma marbutin ma’ standards differenti: awtur għandu jipproduċi xogħol oriġinali, li jrid jirrifletti l-personalità tal-awtur, filwaqt li disinjatur sempliċement jeħtieġ li jiżviluppa disinn li jkun “ġdid” u li jkollu “karattru individwali”. |
|
33. |
Fil-fehma tiegħi, minn dawn l-elementi jirriżulta li, sabiex disinn jibbenefika mill-protezzjoni bħala disinn Komunitarju taħt ir-Regolament Nru 6/2002, ma huwiex neċessarju li jintwera li tali disinn ikun ir-riżultat ta’ “attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali” tad-disinjatur. Lanqas il-persuna jew l-entità li żviluppat id-disinn ma għandha tkun wettqet tali “attività ta’ disinn ġenwina” jew “sforz intellettwali” sabiex titqies bħala “disinjatur”. |
B. L-importanza relattiva ta’ differenzi żgħar bejn disinn u disinn preċedenti f’sitwazzjoni fejn dawk id-differenzi jkunu influwenzati minn tendenzi tal-moda (it-tieni parti tal-ewwel domanda u t-tieni u r-raba’ domanda)
|
34. |
It-tieni kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju (fit-tieni parti tad-l-ewwel domanda u t-tieni u r-raba’ domanda) tikkonċerna, speċifikament, il-“karattru individwali” tad-disinn, stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
35. |
Nibda billi nfakkar li, kif iddikjarat il-Qorti Ġenerali, disinn ikollu “karattru individwali” jekk jipproduċi impressjoni ġenerali ta’ differenza jew nuqqas ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva ta’ utent avżat, fir-rigward ta’ kwalunkwe preżenza preċedenti fil-corpus tad-disinni, mingħajr ma jitqiesu d-differenzi li ma humiex sinjifikattivi biżżejjed li jaffettwaw l-imsemmija impressjoni ġenerali, iżda billi jitqiesu d-differenzi suffiċjentement evidenti sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali differenti ( 19 ). |
|
36. |
Barra minn hekk, kif spjegajt fil-punt 27 iktar ’il fuq, bħala parti minn dik l-evalwazzjoni, għandu jitqies il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, f’dak ir-rigward, wieħed għandu jikkunsidra r-restrizzjonijiet imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott (jew element tiegħu), kif ukoll mir-rekwiżiti statutorji applikabbli għall-prodott li jirriżultaw fi standardizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi u, għalhekk, huma komuni għad-disinni kollha applikati għall-prodott ikkonċernat ( 20 ). |
|
37. |
Hija ċċarat ukoll li l-libertà tad-disinjatur għandha titqies bħala fattur li jservi sabiex jikkwalifika l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni, iktar milli bħala fattur indipendenti li jiddetermina l-grad ta’ differenza meħtieġ bejn żewġ disinni ( 21 ). F’termini konkreti, dan ifisser li tapplika r-regola li ġejja ta’ “proporzjonalità inversa” ( 22 ): iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn inkwistjoni, iktar ikun probabbli li differenzi żgħar ikunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent avżat. |
|
38. |
Minn dan isegwi li grad għoli ta’ libertà għad-disinjatur isaħħaħ il-konklużjoni li disinni mingħajr differenzi sinjifikattivi jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali fuq l-utent avżat u, konsegwentement, li d-disinn inkwistjoni ma jkollux karattru individwali. Bil-maqlub, grad baxx ta’ libertà għad-disinjatur isostni l-konklużjoni li differenzi suffiċjentement evidenti bejn id-disinni jipproduċu impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent avżat u, konsegwentement, li d-disinn inkwistjoni jkollu karattru individwali ( 23 ). |
|
39. |
Għalhekk dawk id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali għadhom iridu jiġu kkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja, naqbel kompletament mal-kontenut tagħhom. |
|
40. |
Ħa nerġa’ lura għall-eżempju li użajt qabel u li huwa ċentrali għall-każ preżenti. Żarbun huwa maħsub sabiex jintlibes fuq sieq. Minħabba din il-funzjoni teknika, disinn ta’ żarbun għandu neċessarjament ikollu forma li tkun tawwalija biżżejjed sabiex is-sieq tidħol fih. Din il-funzjoni teknika mingħajr dubju tillimita l-libertà tad-disinjatur, u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, differenzi inqas sinjifikattivi marbutin ma’, pereżempju, l-għarqub (l-għoli u l-forma tiegħu) jew il-forma tal-ponta taż-żarbun (bil-ponta, tonda jew kwadra) għandhom (skont ir-regola ta’ “proporzjonalità inversa” li għadni kif spjegajt) jingħataw importanza ikbar fl-impressjoni ġenerali tal-prodott ( 24 ) ibbażata fuq ir-regola ta’ “proporzjonalità inversa” li għadni kemm spjegajt.. |
|
41. |
Fil-fehma tiegħi, huwa biss loġiku li tingħata importanza ikbar lil dawk id-differenzi inqas sinjifikattivi f’dawk iċ-ċirkustanzi. L-ewwel, huwa koerenti mal-fatt li r-Regolament Nru 6/2002 jirrikjedi li l-evalwazzjoni tal-“karattru individwali” tad-disinn titwettaq mill-perspettiva tal-“utent avżat” ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l-] kwalifika ‘avżat’ tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar l-elementi li dawn id-disinni normalment ikollhom u, minħabba l-interess tiegħu għall-prodotti kkonċernati, jagħti prova ta’ livell ta’ attenzjoni [relattivament] għoli meta jużahom” ( 26 ). Għalhekk, tali utent jista’ jipperċepixxi liema karatteristiċi tad-disinn jistgħu jkunu marbuta mal-funzjoni teknika tal-prodott jew mal-istandardizzazzjoni tiegħu minħabba r-rekwiżiti statutorji applikabbli u li tingħata iktar importanza għal karatteristiċi li ma jaqgħu taħt ebda waħda minn dawk iż-żewġ kategoriji. |
|
42. |
Barra minn hekk, jekk dawn id-differenzi inqas sinjifikattivi kellhomx jingħataw biżżejjed piż meta l-libertà tad-disinjatur tkun limitata f’ċirkustanzi bħal dawn, ikun diffiċli ħafna għal disinn li jibbenefika minn protezzjoni fl-Unjoni Ewropea. Essenzjalment, ir-Regolament Nru 6/2002 jippermetti lil operatur (l-ewwel wieħed li jikseb protezzjoni għal disinn ta’ prodott partikolari) jikseb monopolju fuq karatteristiċi li, fil-prattika, huma komuni għad-disinni kollha ta’ dak il-prodott. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jippermetti lil tali operatur jibbenefika, fir-rigward ta’ prodott bħal dan, minn protezzjoni fil-prattika esklużiva u ekwivalenti għal dik mogħtija minn privattiva, mingħajr ma huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li huma applikabbli għall-kisba ta’ din tal-aħħar, u hija ta’ natura li tipprekludi lill-kompetituri milli joffru prodott li jinkorpora ċerti karatteristiċi funzjonali jew tillimita l-possibbiltà ta’ soluzzjonijiet tekniċi ( 27 ). Dan imur kontra l-għanijiet tad-dritt tad-disinni tal-Unjoni, li, skont il-premessa 7 ta’ dak ir-regolament, huma li tipprovdi “protezzjoni mtejjba għad-disinji industrijali” u li tinkoraġġixxi “l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom”. Dan iċaħħad ukoll l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li skontu “[d]isinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu”, mill-effettività sħiħa tiegħu. |
|
43. |
Wara li għamilt dawn ir-rimarki, fadal li niċċara jekk it-“tendenzi tal-moda” jistgħux jitqiesu bħala li jillimitaw id-dehra ta’ disinn, bl-istess mod li jistgħu jagħmlu l-funzjoni teknika jew l-istandardizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi tal-prodott. Jekk dan kien il-każ, allura, kif tispjega l-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda, differenzi żgħar (jew inqas sinjifikattivi) bejn id-disinn rreġistrat jew mhux irreġistrat inkwistjoni u disinn preċedenti jistgħu jkunu biżżejjed għad-disinn inkwistjoni sabiex jipproduċi impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent avżat. |
|
44. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk disinn isegwix jew le tendenza ġenerali tad-disinn ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx limiti għal-libertà tad-disinjatur. Hija għamlet dik il-kjarifika għall-ewwel darba fis-sentenza fil-kawża Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni) ( 28 ). F’dak il-każ, id-disinn inkwistjoni kien jirrappreżenta unità ta’ konferenza (jiġifieri, is-sistema ta’ mikrofoni li ġeneralment jitqiegħdu quddiem kull skrivanija f’kamra tal-konferenzi). Ir-rikorrenti kienet sostniet li ħafna karatteristiċi tad-disinn kienu ddettati mhux biss mill-funzjoni teknika tal-apparat, iżda wkoll mill-eżistenza ta’ tendenza ġenerali li tiffavorixxi apparati żgħar, ċatti u rettangolari, li ħafna drabi jinkludu elementi biċ-ċappetti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dik it-talba. F’sentenza sussegwenti, hija spjegat li r-rifjut tagħha li tippermetti li tendenza ġenerali tad-disinn titqies bħala fattur li jillimita l-libertà tad-disinjatur kien ibbażat fuq il-fatt li kienet preċiżament dik il-libertà li ppermettiet lid-disinjatur jiskopri forom ġodda u tendenzi ġodda jew saħansitra joħloq innovazzjonijiet fil-kuntest ta’ tendenza eżistenti ( 29 ). |
|
45. |
Fil-fehma tiegħi, il-każ preżenti jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tikkonferma dak l-approċċ. |
|
46. |
Fil-fatt, l-ewwel, filwaqt li r-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex maħsub sabiex jagħti protezzjoni għal karatteristiċi marbutin mal-funzjoni teknika ta’ prodott jew mar-rekwiżiti statutorji applikabbli għalih, dan ġie introdott sabiex jagħmel possibbli l-protezzjoni ta’, fost l-oħrajn, karatteristiċi marbutin mat-tendenzi tal-moda bħala elementi ta’ disinn Komunitarju ( 30 ). Is-settur tal-moda jipproduċi għadd kbir ta’ “kollezzjonijiet” b’ħajja fis-suq relattivament qasira. Dan joħloq talba għal protezzjoni tad-disinn effiċjenti u għal żmien qasir, li tkun koerenti mas-sistema stabbilita minn dak ir-regolament ( 31 ). |
|
47. |
It-tieni, il-protezzjoni tal-karatteristiċi marbutin mat-tendenzi tal-moda tħeġġeġ l-innovazzjoni, f’konformità mal-għan tar-Regolament Nru 6/2002, li fakkart fil-punt 42 iktar ’il fuq. Pereżempju, l-awturi ta’ rivisti tal-moda issa jirreferu għal tendenza fejn ħafna tipi ta’ żraben – inklużi żraben ċatti tal-ballet, żraben sportivi, u boots bl-istil tal-cowboys – qegħdin jiġu ddisinjati bil-bokkla “Mary Jane” ( 32 ). Jekk dawk id-disinni jkunu protetti mis-sistema tad-disinni tal-Unjoni, allura operaturi jew disinjaturi oħra ma jkunux jistgħu jikkupjawhom u jiġu mħeġġa joħolqu disinni ġodda. |
|
48. |
It-tielet, il-karatteristiċi marbutin mat-tendenzi tal-moda huma differenti wkoll minn dawk marbutin mal-funzjoni teknika tal-prodott jew mar-rekwiżiti statutorji applikabbli sal-punt li dawn tal-aħħar huma kemm inevitabbli (fis-sens li d-disinni kollha tal-prodott inkwistjoni jridu neċessarjament jikkonformaw magħhom) kif ukoll permanenti jew dejjiema. Diffiċli nifhem kif konklużjoni simili tista’ tapplika fir-rigward tal-karatteristiċi marbutin mat-tendenzi tal-moda, li min-natura tagħhom, huma effimeri. |
|
49. |
Inżid li t-tendenzi tad-disinn huma intrinsikament marbutin mal-“aspettattivi tas-suq”, li, min-natura tagħhom, ivarjaw ħafna. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-aspettattivi tal-konsumatur ma jikkostitwixxux restrizzjoni li neċessarjament tillimita l-grad ta’ libertà ta’ disinjatur, u li l-fatt li tendenza ġenerali tad-disinn tkun kapaċi tissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi rilevanti ma jistax jitqies bħala fattur li jillimita l-libertà tad-disinjatur, peress li din il-libertà tippermetti lid-disinjatur jiskopri forom ġodda u linji ġodda jew saħansitra joħloq innovazzjonijiet fil-kuntest ta’ tendenza figurattiva eżistenti. Konsegwentement, “l-aspettattivi potenzjali tas-suq” ma għandhomx jitqiesu sabiex jiġi ddeterminat il-grad ta’ libertà tad-disinjatur ( 33 ). |
|
50. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li t-tendenzi tal-moda ma jistgħux jitqiesu bħala li jillimitaw il-libertà tad-disinjatur b’tali mod li differenzi żgħar bejn disinni preċedenti u d-disinn irreġistrat jew mhux irreġistrat tiegħu jistgħu jkunu biżżejjed sabiex dan tal-aħħar jagħti impressjoni ġenerali differenti mill-ewwel wieħed u, b’hekk, ikollu “karattru individwali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
51. |
Wara li għamilt dawn ir-rimarki, infakkar li, quddiem il-qorti tar-rinviju, Mundorama Confort u Stay Design jidhru li jqisu li d-disinni kkontestati ma għandhomx “karattru individwali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li huma bbażati fuq disinni preċedenti li jinsabu fil-katalgi tal-fornituri u huma differenti minn dawk id-disinni biss f’aspetti żgħar, marbutin mal-personalizzazzjoni, pereżempju, tal-pettijiet taż-żarbun, tal-lazzijiet jew tal-bokkli. |
|
52. |
F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li disinn jista’ jkun eliġibbli għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju anki jekk ikun magħmul minn karatteristiċi speċifiċi jew partijiet minn disinni preċedenti, sakemm jipproduċi fuq l-utent impressjoni ġenerali differenti minn dawk id-disinni individwalizzati u ddeterminati preċedenti ( 34 ). |
|
53. |
Fil-fehma tiegħi, disinn Komunitarju għalhekk ma għandux jiġi ddikjarat invalidu sempliċement għaliex ikun jikkonsisti f’personalizzazzjoni limitata minn disinn preċedenti wieħed jew iktar. Din il-konklużjoni hija konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament Nru 6/2002 li fakkart fil-punt 42 iktar ’il fuq. |
C. Implikazzjonijiet għall-kawża prinċipali
|
54. |
Is-sejbiet li għamilt fit-taqsima preċedenti jwassluni sabiex nifformula r-rimarki li ġejjin fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
55. |
Minn naħa waħda, is-sempliċi fatt li d-differenzi bejn id-disinni kkontestati u d-disinni preċedenti inklużi fil-katalgi tal-fornituri ta’ Deity Shoes (in casu, elementi ta’ personalizzazzjoni marbutin mal-pettijiet, il-lazzijiet jew il-bokkli taż-żarbun irrappreżentati fid-disinni kkontestati) huma bbażati fuq tendenzi tal-moda ma jfissirx neċessarjament li dawk l-elementi għandhom jingħataw inqas importanza fl-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali li dawk id-disinni joħolqu għall-“utent avżat” u, għalhekk, tal-“karattru individwali” tagħhom. B’differenza mill-funzjoni teknika tal-prodott jew mir-rekwiżiti statutorji li dan tal-aħħar jista’ jkun suġġett għalihom (li jirriżultaw f’ċerta standardizzazzjoni tal-prodott), it-tendenzi tal-moda ma għandhomx jitqiesu bħala restrizzjoni jew limitu fuq il-libertà tad-disinjatur. Kif juri l-eżempju tal-“Mary Jane-ifikazzjoni” taż-żraben imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, it-twaħħil ta’ bokkla ma’ żarbun jista’ (xi kultant) jikkontribwixxi ħafna sabiex jipproduċi impressjoni ġenerali differenti u, b’hekk, li jagħti “karattru individwali”. Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li d-disinni kkontestati jirriżultaw mill-personalizzazzjoni ta’ disinni preċedenti ma huwiex ostakolu għall-protezzjoni tagħhom bħala disinni Komunitarji u ma għandux, fih innifsu, iwassal għall-invalidità tagħhom. |
|
56. |
Min-naħa l-oħra, jekk id-disinni kkontestati jkollhomx “karattru individwali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament, u jkunu eliġibbli għal protezzjoni bħala disinn Komunitarju, għadu jiddependi fuq jekk id-differenzi bejn dawk id-disinni u d-disinni preċedenti jkunux evidenti biżżejjed jew jirrigwardawx biss dettalji immaterjali – evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, ser nillimita lili nnifsi sabiex infakkar li l-għan tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex intiż li jipproteġi bħala disinn Komunitarju, disinn li, ħlief għal differenzi immaterjali, huwa sempliċi “kkupjar u ppejstjar” ta’ disinn preċedenti u ma joħloqx impressjoni ġenerali fuq l-utent avżat differenti minn dik prodotta minn tali disinn preċedenti. |
V. Konklużjoni
|
57. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante, Spanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.
( 2 ) Mid-diska “These boots are made for walkin” ta’ Nancy Sinatra (maħruġa fl‑1966).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2001 (ĠU 2002 L 3, p. 1, rettifika fil-ĠU L 2025/90303).
( 4 ) Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, El Hogar Perfecto del Siglo XXI/OHMI – Wenf International Advisers (Trabixu) (T‑337/12, EU:T:2013:601, punt 32). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Cayago Tec vs EUIPO – iAqua (Shenzhen) (Jetski, dgħajsa bil-mutur) (T‑377/22, EU:T:2023:504, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 5 ) Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn għandu jkun protett minn “disinn Komunitarju mhux irreġistrat”, jekk ikun disponibbli għall-pubbliku bil-mod previst f’dak ir-regolament, u minn “disinn Komunitarju rreġistrat”, jekk ikun irreġistrat bil-mod previst f’dak ir-regolament. Il-kawża prinċipali f’dan il-każ tikkonċerna kemm disinni Komunitarji rreġistrati kif ukoll mhux irreġistrati.
( 6 ) Ara l-Artikolu 24(1) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, li essenzjalment jipprovdi li disinn Komunitarju rreġistrat jew mhux irreġistrat jista’ jiġi ddikjarat invalidu minn qorti tad-disinni Komunitarji abbażi ta’ kontrotalba fi proċeduri ta’ ksur. L-Artikolu 26 ta’ dak ir-regolament jelenka l-“[k]onsegwenzi ta’ l-invalidità”; b’mod partikolari, il-paragrafu 1 tiegħu jiddikjara li “[d]isinn Komunitarju għandu jitqies li ma kellux, sa mill-bidu tiegħu, l-effetti speċifikati f’dan ir-Regolament, safejn u sakemm ikun ġie ddikjarat invalidu”.
( 7 ) Ara l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għal spjegazzjoni dwar meta disinn għandu jitqies li jkun sar disponibbli għall-pubbliku.
( 8 ) Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002.
( 9 ) Ara l-Artikolu 6 ta’ dak ir-regolament.
( 10 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni tapplikax fir-rigward tal-protezzjoni tad-disinni Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
( 11 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.
( 12 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 39). Enfasi miżjuda.
( 13 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 40).
( 14 ) Ibid ., punt 50. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fl-istess paragrafu, li “l-protezzjoni [taħt ir-Regolament Nru 6/2002] hija intiża sabiex tapplika għal żmien limitat iżda suffiċjenti sabiex tippermetti li l-investimenti meħtieġa għall-ħolqien u għall-produzzjoni ta’ dawn l-oġġetti jagħmlu qligħ, mingħajr madankollu ma jfixklu eċċessivament il-kompetizzjoni”.
( 15 ) Enfasi miżjuda.
( 16 ) Enfasi miżjuda.
( 17 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.
( 18 ) Fil-fatt, kif diġà indikajt fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “xogħol” fid-Direttiva 2001/29 jimplika l-eżistenza ta’ suġġett oriġinali, li jitqies bħala l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur innifsu, jekk jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, bħala espressjoni tal-għażliet liberi u kreattivi tiegħu.
( 19 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Puma vs EUIPO – Road Star Group (Żarbun) (T‑757/22, EU:T:2024:291, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4.
( 21 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Cayago Tec v EUIPO – iAqua (Shenzhen) (Jetski, dgħajsa bil-mutur) (T‑377/22, EU:T:2023:504, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ibid., punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża LEGO (Kunċett ta’ utent avżat ta’ disinn) (C‑211/24, EU:C:2025:153, punt 36).
( 23 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Cayago Tec vs EUIPO – iAqua (Shenzhen) (Jetski, dgħajsa bil-mutur) (T‑377/22, EU:T:2023:504, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Għal eżempji oħrajn, ara Hartwig, H., “The concept of aesthetic creative freedom in design, copyright, and trademark law – a European perspective”, f’Design Law, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, UK: 2024, p. 562: “fil-każ ta’ basktijiet ta’ mar-roti, il-libertà kreattiva tad-disinjatur hija limitata minn speċifikazzjonijiet tekniċi biss sal-punt li l-basktijiet iridu jkunu marbuta mar-rota u jkunu jistgħu jżommu oġġetti mingħajr ma jaqgħu waqt li tkun qiegħda tinstaq ir-rota. Madankollu, id-disinjatur jista’ jagħżel bejn varjetà wiesgħa ta’ kuluri, materjali (pereżempju plastik, metall, kanndindja, jew drapp) u forom (tondi, ovali jew kwadri) tal-basket.”
( 25 ) Ara l-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-regolament.
( 26 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59).
( 27 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 30).
( 28 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010 (T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 58).
( 29 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs UASI – THC (Radiateurs de chauffage) (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punt 95).
( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, Wennersten, U. et al., “Fashion and Design Law” f’Design Law, Edward Elgar Publishing,, Cheltenham, UK, 2024, p. 586.
( 31 ) Ibid., p. 589. Kif jispjegaw dawn l-awturi, “[i]r-reġistrazzjoni tad-disinn Komunitarju fl-Unjoni għandha xi karatteristiċi uniċi [b’mod partikolari, għaliex] ma hemm l-ebda perijodu ta’ oppożizzjoni. Dan jagħmel il-proċess ta’ reġistrazzjoni relattivament veloċi, bl-approvazzjonijiet saħansitra possibbli fl-istess jum.” Ara wkoll, p. 594: “[f’]din l-era tal-industrija tal-fast fashion, fejn it-tendenzi qiegħdin jinbidlu malajr, il-kisba ta’ protezzjoni ta’ disinn li ma huwiex irreġistrat [kif jippermetti r-Regolament Nru 6/200] hija ta’ benefiċċju għall-industrija”.
( 32 ) Ara Jones, D., “Please, Can We Stop Mary Jane-ifying Everything?”, British Vogue, 11 ta’ Frar 2025, disponibbli fuq: https://www.vogue.co.uk/article/mary-jane-shoe-trend.
( 33 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Porsche vs EUIPO – Autec (Vetturi bil-mutur) (T‑209/18, EU:T:2019:377, punti 57, 59 u 61).
( 34 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punti 26 u 33).