|
1.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/32 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1168/2009
tat-30 ta’ Novembru 2009
li ma jagħtix kunsens li jiġu awtorizzati ċerti stqarrijiet li jirrigwardaw is-saħħa fuq il-prodotti tal-ikel għajr dawk li jirreferu għal tnaqqis ta’ riskju ta’ mard u ta’ riskju għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 18(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-istqarrijiet dwar is-saħħa mogħtija fuq l-ikel huma projbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni b’konformità ma’ dak ir-Regolament u sakemm ma jkunux inklużi f’lista ta’ indikazzjonijiet permessi. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ stqarrijiet dwar is-saħħa jistgħu jiġu sottomessi minn operaturi tan-negozju tal-ikel lill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tressaq l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Awtorità. |
|
(3) |
Wara li tirċievi applikazzjoni l-Awtorità għandha tgħarraf bla dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u tipprovdi opinjoni dwar l-istqarrija kkonċernata li tirrigwarda s-saħħa. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità. |
|
(5) |
Wara applikazzjoni mingħand Brudy Technology S.L, imressqa fit-9 ta’ Ottubru 2008, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti tal-Algatrium® fuq ir-reazzjoni tal-antiossidanti (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-705) (2). L-istqarrija proposta mill-applikant kien fiha dan il-kliem li ġej: “L-Algatrium® jippromwovilek ir-reazzjoni tal-antiossidanti: sustanza nutrittiva speċjali li wriet xjentifikament l-istimulazzjoni fil-bniedem tal-ħarsien mill-mard permezz tal-antiossidanti naturali li jinstabu fiċ-ċelluli.” |
|
(6) |
Fis-16 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mingħand l-Awtorità li kkonkludiet li fuq il-bażi tad-dejta ppreżentata, ma ġietx stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-Algatrium® u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, peress li t-talba mhix konformi mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din m’għandhiex tiġi awtorizzata. |
|
(7) |
Il-kummenti mingħand l-applikanti u l-membri tal-pubbliku li rċeviet il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ġew meqjusin fit-tfassil tal-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament. |
|
(8) |
L-istqarrijiet dwar is-saħħa msemmijin fl-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huma soġġetti għall-miżuri ta’ transizzjoni stipulati fl-Artikolu 28(5) ta’ dak ir-Regolament. B’danakollu, dwar l-istqarrija “L-Algatrium® jippromwovilek ir-reazzjoni tal-antiossidanti: sustanza nutrittiva speċjali li wriet xjentifikament l-istimulazzjoni fil-bniedem tal-ħarsien mill-mard permezz tal-antiossidanti naturali li jinstabu fiċ-ċelluli” l-Awtorità qatgħatha li m’hemm stabbilita l-ebda relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-Algatrium® u l-effett indikat. Għalhekk l-istqarrija mhix konformi mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, u b’konsegwenza ta’ dan, il-perjodu tranżitorju previst fl-Artikolu 28(5) ta’ dan ir-Regolament ma japplikax. Għaldaqstant, għandu jkun previst perijodu transitorju ta’ sitt xhur, li jippermetti lill-operaturi tan-negozji tal-ikel biex jadattaw rwieħhom għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-istqarrija dwar is-saħħa stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tiġi inkluża fil-lista Komunitarja ta’ stqarrijiet permessi stipulati fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Madankollu, tista’ tibqa’ tintuża għal sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 942, 1-9.
ANNESS
STQARRIJA DWAR IS-SAĦĦA MIĊĦUDA
|
Applikazzjoni - Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 |
Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel |
Stqarrija |
Referenza tal-opinjoni tal-EFSA |
|
L-Artikolu 13(5) stqarrija li tirrigwarda s-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta riservata |
Algatrium® |
“L-Algatrium® jippromwovilek ir-reazzjoni tal-antiossidanti: sustanza nutrittiva speċjali li wriet xjentifikament l-istimulazzjoni fil-bniedem tal-ħarsien mill-mard permezz tal-antiossidanti naturali li jinstabu fiċ-ċelluli.” |
Q-2008-705 |