DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)
8 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Pensjoni tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura – Bażi ta’ kalkolu – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ allowance għall-kollokament – Esklużjoni għal raġunijiet relatati ma’ rekwiżiti ta’ eliminazzjoni tad-defiċit baġitarju – Artikolu 2 TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – Setgħat tas-setgħa leġiżlattiva u tas-setgħa eżekuttiva tal-Istati Membri sabiex inaqqsu r-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑257/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunalul Neamţ (il-Qorti tal-Kontea ta’ Neamț, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2025, fil-proċedura
B.V.
vs
I.J.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),
komposta minn F. Schalin, President tal-Awla, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Spielmann,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn B.V., li huwa membru tal-ġudikatura rtirat, u l-I.J. (l-Ispettorat Ġudizzjarju Rumen), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li joħroġlu attestazzjoni standard li tindika l-allowances ta’ kuljum għall-kollokament li B.V. kien irċieva, bil-għan tar-reviżjoni tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Liġi dwar l-Istatus Preċedenti tal-Membri tal-Ġudikatura
|
3 |
L-Artikolu 82(1) tal-Legea nr. 303 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Ġudikatura u tal-Prosekuturi), tat‑28 ta’ Ġunju 2004 (ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826 tat‑13 ta’ Settembru 2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Istatus Preċedenti tal-Membri tal-Ġudikatura”), kien jipprevedi, essenzjalment, li l-membri tal-ġudikatura li jkollhom anzjanità ta’ mill-inqas 25 sena f’kariga bħala membru tal-ġudikatura “jistgħu jibbenefikaw, meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, minn pensjoni tal-irtirar, ta’ ammont ta’ 80 % tal-bażi ta’ kalkolu li tinkludi l-allowance grossa fix-xahar għall-klassifikazzjoni jew is-salarju bażiku gross fix-xahar, skont il-każ, u l-bonusijiet irċevuti għall-aħħar xahar ta’ servizz qabel id-data tal-irtirar”. |
Id-Deċiżjoni Governattiva Nru 1275, tat‑18 ta’ Ottubru 2005
|
4 |
L-Artikolu 7 tar-regoli metodoloġiċi approvati mill-Hotărârea Guvernului nr. 1275 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a prevederilor Legii nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor, republicată, și ale Legii nr. 47/1992 privind organizarea și funcționarea Curții Constituționale, republicată, referitoare la pensiile de serviciu și la acordarea indemnizațiilor pentru creșterea copilului în vârstă de până la 2 ani (id-Deċiżjoni Governattiva Gvern Nru 1275 li Tapprova r-Regoli Metodoloġiċi għall-Applikazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 303/2004, dwar l-Istatus tal-Membri tal-Ġudikatura u tal-Prosekuturi, ippubblikata mill-ġdid, u tal-Liġi Nru 47/1992, dwar l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament tal-Qorti Kostituzzjoni, Ippubblikata mill-Ġdid, dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar u l-Għoti tal-Allowances għall-Ulied Ta’ Taħt is-Sentejn), tat‑18 ta’ Ottubru 2005 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 979 tat‑3 ta’ Novembru 2005), jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar prevista fl-Artikolu 82(1) u (2) għandu jkun ugwali għal 80 % tal-medja tad-dħul gross irċevut matul l-aħħar tnax‑il xahar ta’ servizz qabel id-data tal-irtirar. [...] 3. Id-dħul gross irċevut għandu jinkludi, minbarra l-allowance grossa fix-xahar għall-klassifikazzjoni, il-benefiċċji ta’ natura permanenti jew le. Id-dħul gross ma għandux jinkludi l-ammonti rċevuti bħala bonusijiet , grattifiki, rimbors ta’ spejjeż, ħlasijiet lura ta’ drittijiet relatati ma’ perijodu ieħor, u lanqas il-kumpens ugwali għas-seba’ allowances grossi fix-xahar għall-klassifikazzjoni previst fl-Artikolu 81(1) tal-Liġi jew drittijiet oħra li ma jkunux ta’ natura salarjali.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 13(1)(b) ta’ dawn ir-regoli metodoloġiċi: “Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar, il-fajl tal-pensjoni għandu jinkludi: [...]
|
Id-DGU Nru 27/2006
|
6 |
L-Artikolu 13(1)(a) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 27 privind salarizarea și alte drepturi ale judecătorilor și procurorilor și altor categorii de personal din sistemul justiției (id-Digriet Governattiv ta’ Urġenza Nru 27/2006 dwar ir-Remunerazzjoni u Drittijiet oħra tal-Membri tal-Ġudikatura, tal-Prosekuturi u ta’ Kategoriji Oħra tal-Persunal tas-Sistema Ġudizzjarja) tad‑29 ta’ Marzu 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 314 tas‑7 ta’ April 2006, iktar ’il quddiem id-“DGU Nru 27/2006”), jipprevedi: “Il-membri tal-ġudikatura, il-prosekuturi, il-persunal assimilat magħhom u l-membri-assistenti tal-ġudikatura, li jkunu kkollokati jew iddelegati f’lokalità differenti minn dik tar-residenza tagħhom, għandhom jibbenefikaw, matul il-perijodu kollu tad-delegazzjoni jew tal-kollokament, mid-drittijiet li ġejjin:
|
Il-Liġi dwar l-Istatus il-Ġdid tal-Membri tal-Ġudikatura
|
7 |
Il-Legea nr. 303 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Ġudikatura u tal-Prosekuturi), tal‑15 ta’ Novembru 2022 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1102 tas‑16 ta’ Novembru 2022), daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 2022 u ġiet emendata bil-Legea nr. 282 pentru modificarea și completarea unor acte normative din domeniul pensiilor de serviciu și a Legii nr. 227/2015 privind codul fiscal (il-Liġi Nru 282 li Temenda U Li Tissupplimenta Atti Regolatorji fil-Qasam tal-Pensjonijiet tas-Servizz kif ukoll il-Liġi Nru 227/2015 Li Tistabbilixxi Kodiċi tat-Taxxa), tad‑19 ta’ Ottubru 2023 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 950 tal‑20 ta’ Ottubru 2023) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Istatus il-Ġdid tal-Membri tal-Ġudikatura”). |
|
8 |
Wara dawn l-emendi, l-Artikolu 211 tal-Liġi dwar l-Istatus il-Ġdid tal-Membri tal-Ġudikatura ġie ssupplimentat bil-paragrafu 41, li jipprovdi li, mill‑1 ta’ Jannar 2024: “Il-bażi ta’ kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-pensjoni tal-irtirar ma għandhiex tinkludi l-ammonti rċevuti bħala bonusijiet, grattifiki, rimbors ta’ spejjeż, ħlas lura ta’ drittijiet salarjali relatati ma’ perijodu differenti minn dak meħud inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dritt għal pensjoni, allowances ta’ kuljum jew kwalunkwe dritt ieħor li ma jkunx ta’ natura permanenti.” |
|
9 |
L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li wassal għal din l-emenda leġiżlattiva tipprovdi li “[i]l-kalkolu mill-ġdid tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar ma huwiex ekwivalenti għal esproprjazzjoni tal-benefiċjarji ta’ dawn il-pensjonijiet, iżda huwa intiż li jitnaqqsu, meta mqabbla mal-mument attwali, id-drittijiet għall-pensjoni taħt l-obbligu pubbliku impost fuq il-baġit tal-Istat. Il-kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet tal-irtirar lanqas ma huwa ekwivalenti għar-restrizzjoni ta’ dritt kostituzzjonali, iżda huwa neċessarju sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż baġitarji”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
10 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, B.V., eżerċita l-kariga ta’ membru tal-ġudikatura sal‑1 ta’ Diċembru 2022, id-data tal-irtirar tiegħu. Matul il-perijodu li fih huwa kien membru investigattiv tal-ġudikatura fi ħdan l-Ispettorat Ġudizzjarju Rumen, jiġifieri mit‑28 ta’ Diċembru 2018 sal‑1 ta’ Diċembru 2022, huwa rċieva allowance ta’ kuljum għall-kollokament, li tikkorrispondi, konformement mal-Artikolu 13(1)(a) tad-DGU Nru 27/2006, għal 2 % tal-allowance grossa fix-xahar għall-klassifikazzjoni. |
|
11 |
Sabiex jiġu kkalkolati d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, fl‑10 ta’ Novembru 2022, B.V. talab lill-Kap Spettur tal-Ispettorat Ġudizzjarju Rumen joħroġlu attestazzjoni standard li tindika d-dħul gross li huwa kien irċieva fix-xahar ta’ Novembru 2022, li jinkludi l-allowance ta’ kuljum għall-kollokament. Din kienet tammonta għal 10143 lei Rumen (RON) (madwar EUR 2000) għax-xahar ta’ Novembru 2022. |
|
12 |
L-Ispettorat Ġudizzjarju Rumen irrifjuta li jilqa’ t-talba ta’ B.V., minħabba li din l-allowance ma tagħmilx parti mill-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar prevista fl-Artikolu 82(1) tal-Liġi dwar l-Istatus Preċedenti tal-Membri tal-Ġudikatura. |
|
13 |
F’Novembru 2023, B.V. ikkontesta dan ir-rifjut quddiem it-Tribunalul Neamles (il-Qorti tal-Kontea ta’ Neamț, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
14 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-Istatus Preċedenti tal-Membri tal-Ġudikatura, il-membri tal-ġudikatura Rumeni ġew irrikonoxxuti d-dritt li jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar li tikkorrispondi għal 80 % tal-bażi ta’ kalkolu li tinkludi, skont il-każ, l-allowance grossa fix-xahar għall-klassifikazzjoni jew ir-remunerazzjoni bażika grossa fix-xahar, kif ukoll il-bonusijiet irċevuti matul l-aħħar xahar ta’ servizz qabel l-irtirar. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li, wara li kklassifikat l-allowance ta’ kuljum għall-kollokament bħala dritt ta’ natura salarjali, b’mod partikolari f’deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Frar 2022 u tat‑13 ta’ Marzu 2023, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2024 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1269 tas‑17 ta’ Diċembru 2024), eskludiet din l-allowance mill-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar u, min-naħa l-oħra, li, mill‑1 ta’ Jannar 2024, din is-soluzzjoni hija espressament prevista fl-Artikolu 211(41) tal-Liġi dwar l-Istatus il-Ġdid tal-Membri tal-Ġudikatura. |
|
16 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-assenza ta’ kriterju oġġettiv fil-leġiżlazzjoni li tirregola r-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura, l-esklużjoni tal-imsemmija allowance mill-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar tippreġudikax il-prinċipju tal-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, li jirriżulta mill-Artikoli 2 u 19 TUE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta, u li jirrikjedi li l-membri tal-ġudikatura jirċievu remunerazzjoni stabbli u b’rabta mal-importanza u mal-karatteristiċi speċifiċi tal-kariga eżerċitata. Barra minn hekk, diversi strumenti internazzjonali jenfasizzaw dan il-punt, b’mod partikolari l-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010) 12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, bit-titolu “Il-membri tal-ġudikatura: indipendenza, effikaċja u responsabbiltajiet”, adottata fis‑17 ta’ Novembru 2010, u l-punt 6.4 tal-Karta Ewropea dwar l-istatus tal-membri tal-ġudikatura, adottata fi Strasbourg fl‑10 ta’ Lulju 1998 mill-Kunsill tal-Ewropa. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Neamţ (il-Qorti tal-Kontea ta’ Neamţ) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2 [TUE], li, filwaqt li jistabbilixxi l-valuri li fuqhom l-Unjoni hija bbażata, jirreferi għall-osservanza tal-Istat tad-dritt, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal- [Karta], li skonthom l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tkun ibbażata fuq id-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura jipprekludi r-rifjut li fil-portata tad-drittijiet [għall-pensjoni tal-irtirar] jiġi inkluż il-komponent salarjali li jkun jikkonsisti fl-[allowance ta’ kuljum għall-kollokament], komponent li ma jkunx tħallas bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament, bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni jew tal-ikel, mogħtija lill-membri tal-ġudikatura li kellhom l-istatus ta’ membri tal-ġudikatura kkollokati/iddelegati, peress li dan ir-rifjut jidderoga mill-mekkaniżmu li jeżiġi li l-[pensjoni tal-irtirar] tal-membri tal-ġudikatura tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, indipendenti mill-intervent arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva u tas-setgħa leġiżlattiva, u jwassal għal tnaqqis fit-tul fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni, bi ksur tal-garanziji kostituzzjonali li jiżguraw lill-membri tal-ġudikatura [pensjoni tal-irtirar] li tkun tikkorrispondi għad-dinjità tal-kariga tagħhom u għall-portata tad-dmirijiet tagħhom, u li jiggarantixxu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja minn qrati indipendenti u minn membri tal-ġudikatura indipendenti?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
18 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, jew meta r-risposta għal tali domanda ma tkun tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
|
19 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
20 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura jipprekludi r-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni allowance ta’ kuljum għall-kollokament għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, meta tali rifjut, minn naħa, jidderoga mill-mekkaniżmu li jeżiġi li l-pensjoni tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, indipendenti mill-intervent arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva u tas-setgħa leġiżlattiva, u, min-naħa l-oħra, iwassal għal tnaqqis fit-tul fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura rtirati. |
|
21 |
Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha tkun iggarantita fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u tas-setgħa eżekuttiva ta’ Stat Membru, is-sempliċi fatt li dawn is-setgħat ikunu involuti fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura la huwa, bħala tali, ta’ natura li joħloq dipendenza tal-membri tal-ġudikatura fil-konfront tal-imsemmija setgħat u lanqas ta’ natura li joħloq dubji dwar l-indipendenza tagħhom jew l-imparzjalità tagħhom. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fit-tfassil tal-baġit tagħhom u fl-ibbilanċjar bejn id-diversi kapijiet ta’ nfiq pubbliku. Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ jinkludi d-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż u, b’mod partikolari, tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura, peress li s-setgħa leġiżlattiva u s-setgħa eżekuttiva nazzjonali huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjoekonomiku partikolari tal-Istat Membru li fih dan il-baġit għandu jitfassal u l-indipendenza ggarantita tal-membri tal-ġudikatura (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 50 u 51). |
|
22 |
Xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura ma għandhomx joħolqu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom. Għal dan l-għan, il-karti, ir-rapporti u dokumenti oħra mfassla mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-preżenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 52 u 53). |
|
23 |
Hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 65 tas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė (C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109), is-setgħa leġiżlattiva u s-setgħa eżekuttiva ta’ Stat Membru jistgħu jidderogaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddefinixxi b’mod oġġettiv il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura, billi jiddeċiedu li jnaqqsu l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti ċertu numru ta’ rekwiżiti. |
|
24 |
L-ewwel nett, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, miżura ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura għandha tiġi ddeterminata mil-liġi, oġġettiva, prevedibbli u trasparenti (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà jiġi ssodisfatt meta l-parti f’kawża tkun tista’ tkun taf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati nazzjonali kkonċernati, liema hija l-portata ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld,C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50, kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u ZOUGLA, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 88). Il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet f’kawża, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli, ma jistax jinftiehem bħala li jimponi fuq il-leġiżlatur jew fuq il-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ regola li l-ewwel wieħed jadotta u t-tieni waħda tinterpreta, l-obbligu li jsemmu d-diversi ipoteżijiet konkreti li fihom regola astratta tista’ tiġi applikata, sa fejn dawn l-ipoteżijiet kollha ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill, C‑703/23 P, EU:C:2025:608, punt 33). |
|
26 |
It-tieni nett, miżura ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni tal-membri tal-ġudikatura għandha tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali, bħal rekwiżit ta’ eliminazzjoni ta’ defiċit pubbliku eċċessiv, fis-sens tal-Artikolu 126(1) TFUE, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka tali rekwiżit ma tippreżupponix il-ftuħ kontrih ta’ proċedura skont il-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattati UE u FUE (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Ir-raġunijiet baġitarji li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura li tidderoga mir-regoli tad-dritt komuni fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura għandhom jiġu spjegati b’mod ċar. Barra minn hekk, bla ħsara għal ċirkustanzi eċċezzjonali debitament iġġustifikati, dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu speċifikament mmirati lejn il-membri tal-qrati nazzjonali biss u għandhom ikunu jifformaw parti minn qafas iktar ġenerali intiż sabiex numru ikbar ta’ membri tas-servizz pubbliku nazzjonali jikkontribwixxu għall-isforz baġitarju mfittex (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Hekk kif jipprevedi l-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010) 12 tas‑17 ta’ Novembru 2010, “[d]ispożizzjonijiet legali speċifiċi għandhom jiġu introdotti bħala salvagwardja kontra tnaqqis tar-remunerazzjoni mmirat speċifikament lejn il-membri tal-ġudikatura”. Għall-kuntrarju, hekk kif jippreċiża l-punt 57 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni, “[i]d-dispożizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura speċifikament ma tipprekludix tnaqqis tar-remunerazzjoni li jkun jaqa’ taħt il-kuntest tal-politika pubblika intiża għat-tnaqqis ġenerali tas-salarji tal-membri tas-servizzi pubbliċi”. |
|
29 |
Konsegwentement, meta Stat Membru jadotta miżuri ta’ restrizzjoni baġitarja li jaffettwaw lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal pubbliċi tiegħu, huwa jista’, f’soċjetà kkaratterizzata mis-solidarjetà, hekk kif jenfasizza l-Artikolu 2 TUE, jiddeċiedi li japplika dawn il-miżuri wkoll għall-membri tal-ġudikatura nazzjonali (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
It-tielet nett, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kull miżura intiża li tnaqqas ir-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali ta’ eliminazzjoni tad-defiċits pubbliċi eċċessivi mfittex, għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-imsemmi għan, fatt li jimplika l-ibbilanċjar tal-eliminazzjoni tad-defiċit pubbliku eċċessiv u l-indħil fil-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 30). |
|
31 |
Madankollu, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ rrikonoxxut lill-Istati Membri meta jfasslu l-baġit tagħhom u jibbilanċjaw bejn id-diversi kapijiet ta’ nfiq pubbliku, hekk kif imfakkar fil-punt 21 ta’ dan id-digriet, Stat Membru jista’ jadotta miżura leġiżlattiva intiża, mhux li tidderoga mil-leġiżlazzjoni bażika li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura sabiex tiġi affrontata kriżi baġitarja, iżda li temenda din il-leġiżlazzjoni għall-futur, billi tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom, sabiex tijieb is-sitwazzjoni baġitarja tiegħu fit-tul (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 32). |
|
32 |
Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, ma jistax jipprekludi tali emenda, anki jekk ma hijiex limitata ratione temporis, sakemm il-livell ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin, li jkun għadu kif ġie stabbilit, jibqa’ suffiċjenti sabiex jiżgura l-indipendenza tagħhom. Iż-żamma tal-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura teżiġi fil-fatt li, minkejja l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ miżura ta’ restrizzjoni baġitarja, il-livell tar-remunerazzjoni tagħhom għandu dejjem ikun xieraq meta mqabbel mal-importanza tal-karigi li huma jaqdu, sabiex huma jibqgħu protetti minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tal-ġudizzju tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punti 33 u 34). |
|
33 |
Il-livell ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura għandu jkun għoli biżżejjed, fid-dawl tal-kuntest soċjoekonomiku tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jagħtihom indipendenza ekonomika ċerta ta’ natura li tipproteġihom kontra r-riskju li eventwali interventi jew pressjonijiet esterni jkunu jistgħu jippreġudikaw in-newtralità tad-deċiżjonijiet li huma għandhom jieħdu. Għalhekk, il-livell ta’ din ir-remunerazzjoni għandu jkun ta’ natura li jipproteġi lill-membri tal-ġudikatura kontra kull riskju ta’ korruzzjoni. L-evalwazzjoni tan-natura adegwata tar-remunerazzjoni tal-imħallfin tippreżupponi, b’mod partikolari, li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat. Minn din il-perspettiva, huwa xieraq li r-remunerazzjoni medja tal-membri tal-ġudikatura titqabbel mas-salarju medju fl-imsemmi Stat (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punti 35 u 36). |
|
34 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-ġudikatura rtirati. Fil-fatt, il-fatt li l-imħallfin attivi jkollhom il-garanzija li huma ser jirċievu, wara l-irtirar tagħhom, pensjoni suffiċjentement għolja huwa ta’ natura li jipproteġihom minn kull riskju ta’ korruzzjoni matul il-perijodu ta’ servizz tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Għandu jissemma, f’dan ir-rigward, il-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010) 12 tas‑17 ta’ Novembru 2010, li skontu “għandu jiġi ggarantit [...] il-ħlas ta’ pensjoni tal-irtirar li l-livell tagħha għandu jkun raġonevolment relatat ma’ dak tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura fil-kariga”. Bl-istess mod, mill-punt 6.4 tal-Karta Ewropea dwar l-istatus tal-membri tal-ġudikatura msemmija fil-punt 16 ta’ dan id-digriet jirriżulta li din il-karta għandha tiggarantixxi lill-membri tal-ġudikatura “li jkunu laħqu l-età legali ta’ tmiem tal-kariga tagħhom[,] wara li jkunu eżerċitawha professjonalment għal żmien determinat[,] il-ħlas ta’ pensjoni li l-livell tagħha għandu jkun kemm jista’ jkun qrib dak tal-aħħar remunerazzjoni tagħhom għal attività ġudizzjarja”. |
|
36 |
Ir-raba’ nett, miżura ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont il-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
37 |
Minkejja li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, hija tista’, mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u sabiex tipprovdi risposta utli lill-qrati tar-rinviju, tagħtihom indikazzjonijiet ta’ natura li jkunu jippermettu lil dawn il-qrati jagħtu deċiżjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, f’dan il-każ, la l-Liġi dwar l-Istatus Preċedenti tal-Membri tal-Ġudikatura, la d-Deċiżjoni Governattiva Nru 1275 tat‑18 ta’ Ottubru 2005 u lanqas id-DGU Nru 27/2006 ma ddeċidew espressament il-kwistjoni tan-natura salarjali jew le tal-allowance ta’ kuljum għall-kollokament. Fid-dawl ukoll tal-varjazzjonijiet rrilevati, fuq dan il-punt, fil-ġurisprudenza tal-Inalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), imsemmija fil-punt 15 ta’ dan id-digriet, jidher li d-dritt li din l-allowance tiġi inkluża fil-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ma jistax jitqies li huwa bbażat fuq bażi suffiċjenti fid-dritt Rumen (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin),C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 48). |
|
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ma jipprekludix r-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni allowance ta’ kuljum għall-kollokament għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, meta tali rifjut, minn naħa, jidderoga mill-mekkaniżmu li jeżiġi li l-pensjoni tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, indipendenti mill-intervent arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva u tas-setgħa leġiżlattiva, u, min-naħa l-oħra, iwassal għal tnaqqis fit-tul fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura rtirati. |
Fuq l-ispejjeż
|
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ma jipprekludix r-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni allowance ta’ kuljum għall-kollokament għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, meta tali rifjut, minn naħa, jidderoga mill-mekkaniżmu li jeżiġi li l-pensjoni tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, indipendenti mill-intervent arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva u tas-setgħa leġiżlattiva, u, min-naħa l-oħra, iwassal għal tnaqqis fit-tul fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura rtirati. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.