21.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1623

tal-14 ta’ Lulju 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 għas-sena 2022 fir-rigward tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, l-istrateġija nazzjonali u l-irkupru tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal impenji pluriennali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex minħabba l-kriżi kkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37, punti (a) u (c), u l-Artikolu 173(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-kriżi attwali kkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022, li bdiet ftit wara l-kriżi tal-COVID-19, il-bdiewa fl-Istati Membri kollha qed jiffaċċjaw diffikultajiet eċċezzjonali. Jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri bil-ħsieb li jirrispondu għal restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment, tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u problemi loġistiċi li huma ġġenerati mill-invażjoni. Minħabba t-tfixkil fit-tul tal-loġistika u l-ktajjen tal-provvista, ix-xkiel serju fis-settur x’aktarx li jkompli u possibbilment saħansitra jiddeterjora. Il-problemi loġistiċi għamlu lill-bdiewa fl-UE vulnerabbli għat-taqlib ekonomiku kkawżat minn din il-kriżi, u bħalissa qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità.

(2)

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex fl-Istati Membri kollha ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali. Dan jista’ jkollu l-konsegwenza li jdewwem l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi operazzjonali u għalhekk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal dawk il-programmi operazzjonali b’mod partikolari fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (2). L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma wkoll vulnerabbli għat-tfixkil u t-taqlib ikkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità kkawżati minn tfixkil fil-ktajjen tal-provvista. Qegħdin jesperjenzaw problemi loġistiċi u diffikultajiet fil-ħsad tal-prodotti tagħhom minħabba nuqqas ta’ ħaddiema u diffikultajiet biex jaslu għand il-konsumaturi minħabba tfixkil tal-katina tal-provvista. Dan qed ikollu impatt dirett fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u fuq il-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-programmi operazzjonali. Dan qed ikompli jinfluwenza l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jintroduċu miżuri u azzjonijiet li jimmiraw lejn l-effetti ta’ din il-kriżi.

(3)

It-tnaqqis fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżat mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja se jkollu impatt kbir fuq l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena sussegwenti, billi l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni jrid jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi. Jekk iseħħ telf sostanzjali fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fl-2022 għal raġunijiet marbuta mal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jirriskjaw li jitilfu r-rikonoxximent tagħhom bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi, peress li wieħed mill-kriterji għat-tali rikonoxximent huwa li jilħqu ċertu valur minimu ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata stabbilit f’livell nazzjonali. Dan ipoġġi f’riskju l-istabbiltà fit-tul tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst li jekk ikun hemm tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott fis-sena 2022 għal raġunijiet marbuta mal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u jekk dan iseħħ barra mir-responsabbiltà u mill-kontroll tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-2022 jiġi stabbilit bħala 100 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-perjodu preċedenti. Minħabba l-impatt ekonomiku estensiv tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fuq is-settur tal-frott u l-ħxejjex, il-limitu ta’ 65 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu preċedenti, stabbilit fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, mhuwiex biżżejjed biex tinkiseb stabbiltà ekonomika u finanzjarja għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi kkonċernati mit-tali telf fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.

(4)

Jenħtieġ ukoll li għas-sena 2022 l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, biex jistabbilixxu fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom il-perċentwali massimi tal-fond operazzjonali li jistgħu jintefqu fuq miżuri individwali jew tipi ta’ azzjoni. Dan għandu jiżgura aktar flessibbiltà għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jieħdu miżuri li jindirizzaw l-effetti tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni rċevuta għall-impenji pluriennali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, bħal pereżempju azzjonijiet ambjentali, ma tiġix irkuprata u rimborżata lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, kif previst fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, jekk l-objettivi fit-tul tagħhom ma setgħux jitwettqu minħabba l-interruzzjoni tagħhom fl-2022 għal raġunijiet marbuta mal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

(6)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minħabba li l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali hija bbażata fuq sena kalendarja, id-derogi relatati mal-limitu massimu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni u dwar il-bilanċ tal-miżuri stabbiliti fl-istrateġija nazzjonali tal-Istati Membri previsti fl-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Derogi mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 għas-sena 2022

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, jekk fis-sena 2022, tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott seħħ għal raġunijiet barra mir-responsabbiltà u mill-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur tiegħu fil-perjodu ta’ referenza preċedenti. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-obbligu li fl-istrateġija nazzjonali l-Istati Membri jistabbilixxu l-perċentwali massimi tal-fond operazzjonali li jistgħu jintefqu fuq kwalunkwe miżura individwali jew tip ta’ azzjoni sabiex jiżguraw bilanċ bejn miżuri differenti, ma għandux japplika għas-sena 2022.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 36(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-impenji pluriennali, bħala pereżempju l-azzjonijiet ambjentali, ma tiġix irkuprata u rimborżata lill-FAEG meta l-objettivi fit-tul u l-benefiċċji mistennija tagħhom ma jkunux jistgħu jitwettqu fis-sena 2022 minħabba l-interruzzjoni ta’ dawk l-impenji għas-sena 2022 għal raġunijiet marbuta mal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) u (2) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).