European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/440

14.3.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/440

tat-8 ta’ Lulju 2024

dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja u mir-Reġjun tal-Campania għal Caremar u l-akkwirent tagħha SNAV/Rifim

(notifikata bid-dokument C(2024) 4656)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1), il-punt (a), tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi,

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-5 ta’ Ottubru 2011, wara diversi lmenti (2) u skambji mal-awtoritajiet Taljani (3), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ diversi miżuri adottati mill-Italja favur il-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011”) (4). Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012, kif emendata fid-19 ta’ Diċembru 2012 (iktar’ il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012”) (5), il-Kummissjoni estendiet l-investigazzjoni formali għal ċerti miżuri addizzjonali ta’ appoġġ pubbliku adottati favur dawn il-kumpaniji.

(2)

Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija hawn fuq diġà ngħalqet mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Tirrenia, Saremar, Siremar, Toremar u Laziomar permezz ta’ deċiżjonijiet separati adottati għal kull waħda minn dawn il-kumpaniji tal-Grupp Tirrenia (6).

(3)

Fir-rigward ta’ Caremar, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 kienet tikkonċerna l-miżuri li ġejjin:

—

il-kumpensi mogħtija għall-operat ta’ għadd ta’ rotot marittimi bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2011;

—

il-prijorità tal-irmiġġ stabbilita mid-Digriet Amministrattiv Nru 135 tal-25 ta’ Settembru 2009 (id-“Digriet Amministrattiv 135/2009”) ikkonvertit fil-Liġi Nru 166 tal-20 ta’ Novembru 2009 (“il-Liġi 166/2009”);

—

il-miżuri stabbiliti bid-Digriet Amministrattiv Nru 125 tal-5 ta’ Awwissu 2010 (id-“Digriet Amministrattiv 125/2010”) ikkonvertit fil-Liġi Nru 163 tal-1 ta’ Ottubru 2010 (“il-Liġi 163/2010”); u

—

il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar.

(4)

L-Italja ssottomettiet kummenti dwar il-miżuri koperti mid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 fil-15 ta’ Novembru 2011, fit-30 ta’ Novembru 2011 u fis-16 ta’ Marzu 2012. Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Lulju 2012, l-awtoritajiet Taljani pprovdew informazzjoni addizzjonali dwar il-privatizzazzjoni ta’ Caremar. Din l-informazzjoni, li kienet tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-kundizzjonijiet imposti minn dawn tal-aħħar fuq l-offerenti potenzjali, ma kinitx saret disponibbli għall-Kummissjoni fiż-żmien meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011. L-awtoritajiet Taljani pprovdew aktar informazzjoni fl-4 ta’ Ottubru 2012, wara talba għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Lulju 2012.

(5)

Caremar issottomettiet kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 fid-19 u fil-21 ta’ Marzu 2012, li ntbagħtu lill-Italja fis-26 ta’ Marzu 2012. Fis-26 ta’ April 2012, l-Italja kkonfermat li hija kienet taqbel mal-osservazzjonijiet ta’ Caremar.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti minn diversi kumpaniji kif ukoll ilmenti dwar il-kumpens mogħti lil Caremar għall-forniment ta’ servizzi fil-Golf ta’ Napli. Dawn l-ilmenti ġew ittrattati mill-Kummissjoni bħala kummenti mill-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali peress li kienu jikkonċernaw l-istess suġġett kopert mid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011.

(7)

Fit-28 ta’ Frar 2012, il-kumpanija Alilauro S.p.A. (“Alilauro”) ippreżentat ilment li jallega għajnuna mill-Istat illegali lil Caremar bħala riżultat tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali. Fis-7 ta’ Marzu 2012, Alilauro ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011.

(8)

Fid-29 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-kumpaniji Medmar Navi S.p.A. (“Medmar”) u Navigazione Libera del Golfo S.r.l (“NLG”), fl-1 ta’ Marzu 2012 mill-kumpanija SNAV S.p.A. (“SNAV”) u l-assoċjazzjoni Associazione Cabotaggio Armatori Partenopei (“ACAP”), fil-5 ta’ Marzu 2012 mill-kumpanija Grandi Navi Veloci (“GNV”). Fis-16 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-Italja l-kummenti pprovduti minn NLG, SNAV, ACAP u GNV, li l-Italja ma rreaġixxietx għalihom, minkejja tfakkira mibgħuta lill-awtoritajiet Taljani fl-1 ta’ Ottubru 2012. Fid-19 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti ta’ Medmar lill-Italja, li għalihom din tal-aħħar wieġbet fl-24 ta’ April 2012.

(9)

Fis-7 ta’ Novembru 2012, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-kumpens għas-servizz pubbliku mħallas lill-kumpaniji kollha tal-ex Tirrenia Group sat-tlestija tal-proċess ta’ privatizzazzjoni. Fir-rigward ta’ Caremar, l-estensjoni kienet tikkonċerna l-miżuri li ġejjin:

—

il-kumpens mogħti lil Caremar mill-1 ta’ Jannar 2012 taħt l-istess kundizzjonijiet bħal fl-2011;

—

il-kumpens li għandu jitħallas għall-operat tas-servizz pubbliku skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid; u

—

il-kundizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Taljani fuq offerenti potenzjali fil-proċedura għall-bejgħ ta’ Caremar.

—

L-Italja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 permezz tal-ittri tas-7 ta’ Diċembru 2012 u tat-13 ta’ Diċembru 2012.

(10)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand GNV fit-3 ta’ Diċembru 2012, Medmar fid-29 ta’ Frar 2013 u fil-5 ta’ Marzu 2013, NLG fil-5 ta’ Marzu 2013, u Alilauro fit-13 ta’ Marzu 2013.

(11)

Fis-26 ta’ Frar 2013, fit-12 ta’ Marzu 2013 u fit-12 ta’ April 2013, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw informazzjoni addizzjonali dwar il-kumpens u l-privatizzazzjoni ta’ Caremar.

(12)

Fl-20 ta’ Ġunju 2014, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni kopja tad-deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Campania tat-28 ta’ Mejju 2014 li tannulla l-proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-privatizzazzjoni ta’ Caremar. L-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li appell kontra dik id-deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Campania kien pendenti quddiem il-Kunsill tal-Istat Taljan. Fl-10 ta’ Frar 2015, il-Kunsill tal-Istat Taljan annulla d-deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Campania tat-28 ta’ Mejju 2014 u kkonferma l-għoti finali tan-negozju ta’ Caremar lil SNAV/Rifim S.r.l. (“SNAV/Rifim”).

(13)

Fil-15 ta’ Lulju 2015, Marworld Ship Management and Service S.p.A. (“Marworld”) bagħtet ilment lill-Kummissjoni dwar il-proċedura ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar (7). Peress li l-ilment kien jikkonċerna suġġett kopert mid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u mid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni ttrattatu bħala kummenti mill-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(14)

Bejn l-2014 u l-2019, il-Kummissjoni ffukat fuq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li tikkonċerna l-kumpaniji l-oħra tal-Tirrenia Group, filwaqt li tat prijorità lill-kumpaniji Saremar (8) u Tirrenia (9), kif mitlub mill-awtoritajiet Taljani. L-investigazzjoni wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finali li jikkonċernaw il-kumpaniji Saremar, Tirrenia, Siremar, Toremar u Laziomar fil-perjodu 2014–2022 (ara l-premessa 2). B’mod parallel, fit-2 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkonkludiet l-investigazzjoni dwar il-kumpaniji tal-Tirrenia Group għajr Tirrenia, inkluż Caremar, għall-perjodu 1992–2008 (10).

(15)

Fil-25 ta’ Jannar 2018, fl-14 ta’ Marzu 2019, fl-10 ta’ Awwissu 2021, u fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Taljani dwar Caremar. L-awtoritajiet Taljani pprovdew din l-informazzjoni fid-9 ta’ Mejju 2018, fil-31 ta’ Mejju 2019, fl-14 ta’ Ġunju 2019, fl-1 ta’ Ottubru 2021, fis-27 ta’ Diċembru 2022 u fit-3 ta’ Frar 2023. Barra minn hekk, saru diversi skambji informali bil-posta elettronika mal-awtoritajiet Taljani matul il-perjodu minn Ottubru 2022 sa Mejju 2023.

(16)

Fid-29 ta’ Mejju 2024, l-Italja qablet b’mod eċċezzjonali li tirrinunzja d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 342 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament 1/1958 (11) u li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

(17)

Din id-Deċiżjoni tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa bid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u estiża bid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 għall-parti li tikkonċerna l-miżuri mogħtija lil Caremar u lill-akkwirent tagħha, jiġifieri, l-assoċjazzjoni temporanja tal-impriżi SNAV/Rifim.

2.   SFOND

(18)

Caremar ilha tipprovdi servizzi ta’ trasport marittimu l-aktar bejn l-Italja kontinentali (Napli, Sorrento u Pozzuoli) u l-gżejjer tal-Golf ta’ Napli (Capri, Ischia, Procida), u, sal-1 ta’ Ġunju 2011, bejn l-Italja kontinentali (Formia u Anzio) u l-gżejjer ta’ Ponza u Ventotene fl-Arċipelagu ta’ Pontino.

(19)

Dawn is-servizzi kienu operati minn Caremar taħt kuntratti pubbliċi ta’ servizz b’obbligi ta’ servizz pubbliku (“OSP”). Din id-Deċiżjoni tkopri s-servizzi tat-trasport marittimu pprovduti minn Caremar abbażi ta’: (i) il-kuntratt pubbliku ta’ servizz li kien mistenni jiskadi fi tmiem l-2008 (il-“Konvenzjoni Inizjali”) kif estiż biex ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012; u (ii) il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid li jkopri l-perjodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-15 ta’ Lulju 2024.

(20)

Mill-1 ta’ Awwissu 2012 sal-15 ta’ Lulju 2015, Caremar ipprovdiet servizzi tat-trasport marittimu bbażati fuq kuntratt pubbliku ta’ servizz iffirmat bejn ir-Reġjun tal-Campania u Caremar fid-19 ta’ Diċembru 2012 (il-“kuntratt tranżitorju”) (12). Dak il-kuntratt ippreveda l-kontinwazzjoni tas-servizzi pprovduti minn Caremar matul l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali fil-Golf ta’ Napli mill-1 ta’ Awwissu 2012 (jiġifieri, id-data meta l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali stabbilita mil-Liġi 163/2010 ma baqgħetx tapplika). Il-kuntratt tranżitorju inizjalment kellu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012 iżda ġie estiż għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2013 u sussegwentement permezz ta’ diversi Deċiżjonijiet Eżekuttivi tar-Reġjun tal-Campania (13) sal-15 ta’ Lulju 2015, jiġifieri d-data tat-tlestija tal-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar u tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mal-akkwirent ta’ Caremar. Il-kuntratt tranżitorju ma jaqax fl-ambitu tal-investigazzjoni formali koperta mid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u d-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 (14), u għalhekk mhuwiex ivvalutat mill-Kummissjoni f’din id-Deċiżjoni.

(21)

L-attivitajiet ta’ Caremar huma limitati għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi marittimi fdati mill-awtoritajiet Taljani, jiġifieri dawk koperti mill-Konvenzjoni Inizjali estiża l-ewwel, il-kuntratt tranżitorju u aktar tard il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(22)

It-Tirrenia Group kien proprjetà tal-Italja permezz tal-kumpanija Fintecna (15) u inizjalment kien jinkludi sitt kumpaniji, jiġifieri Tirrenia, Adriatica S.p.A. (“Adriatica”), Caremar, Saremar, Siremar u Toremar. Dawn il-kumpaniji pprovdew servizzi ta’ trasport marittimu skont kuntratti pubbliċi ta’ servizz separati konklużi mal-Italja fl-1991, fis-seħħ għal 20 sena bejn Jannar 1989 u Diċembru 2008. Fintecna kellha 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ Tirrenia, li min-naħa tagħha kienet proprjetarja bis-sħiħ tal-kumpaniji reġjonali Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar. Adriatica, li kienet topera diversi rotot bejn l-Italja u l-Albanija, il-Kroazja, il-Greċja u l-Montenegro, ġiet amalgamata ma’ Tirrenia fl-2004.

(23)

L-għan ta’ dawn il-kuntratti pubbliċi ta’ servizz kien li jiggarantixxu r-regolarità u l-affidabbiltà tas-servizzi tat-trasport marittimu għar-rotot koperti. Għal dak l-għan, l-Italja tat kumpens pubbliku lill-kumpaniji tal-Tirrenia Group għas-servizzi pprovduti skont dawn il-kuntratti pubbliċi ta’ servizz.

(24)

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Inizjali kien jipprevedi li l-portijiet li kellhom jiġu servuti, it-tip ta’ bastimenti li għandhom jintużaw u l-frekwenza meħtieġa tas-servizz fdat lil Caremar kellhom jiġu dettaljati permezz ta’ pjanijiet ta’ 5 snin. L-aħħar pjan ta’ 5 snin approvat formalment għal Caremar huwa dak relatat mal-perjodu 2000–2004, filwaqt li tfassal pjan għall-perjodu 2005–2008 iżda qatt ma ġie approvat formalment mill-ministeri kompetenti. L-awtoritajiet Taljani spjegaw li l-ippjanar fit-tul ma kienx għadu possibbli minħabba n-nuqqas ta’ bbaġitjar tal-fondi meħtieġa u li minflok ittieħdu deċiżjonijiet ad hoc mill-gvern.

(25)

Il-Konvenzjoni Inizjali bejn l-Italja u Caremar diġà ġiet ivvalutata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1411 (16) tagħha li tikkonkludi l-investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpaniji tal-Tirrenia Group għajr Tirrenia, għall-perjodu 1992–2008 (17). F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li l-għajnuna mogħtija lil Caremar għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ kabotaġġ marittimu kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

(26)

Is-servizzi ta’ trasport ta’ kabotaġġ marittimu pprovduti huma essenzjalment imfassla biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ mobbiltà tal-komunitajiet lokali u kienu komparabbli ma’ network ta’ trasport suburban f’termini ta’ frekwenza u skeda, b’mod partikolari fir-rigward tal-Golf ta’ Napli.

3.   MIŻURI SOĠĠETTI GĦALL-INVESTIGAZZJONI FORMALI

(27)

L-investigazzjoni formali koperta mid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u mid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 fir-rigward ta’ Caremar tikkonċerna l-miżuri li ġejjin:

(a)

il-kumpens mogħti lil Caremar għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża (jiġifieri, mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012);

(b)

il-prijorità tal-irmiġġ stabbilita mil-Liġi 166/2009;

(c)

il-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010;

(d)

il-privatizzazzjoni ta’ Caremar, inkluż il-kundizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Taljani fuq offerenti potenzjali fil-proċedura għall-bejgħ ta’ Caremar;

(e)

il-kumpens mogħti għall-forniment ta’ servizzi ta’ trasport marittimu skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

3.1.   L-organizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport marittimu ta’ Caremar mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012

3.1.1.   L-OSP

(28)

L-Artikolu 26 tad-Digriet Amministrattiv Nru 207 tat-30 ta’ Diċembru 2008 (“id-Digriet Amministrattiv 207/2008”), ikkonvertit fil-Liġi Nru 14 tas-27 ta’ Frar 2009 (“il-Liġi 14/2009”), stabbilixxa l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (kif ukoll tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizz fdati lill-kumpaniji l-oħra tal-Tirrenia Group) li inizjalment kellha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2008 għal sena, sal-31 ta’ Diċembru 2009.

(29)

L-Artikolu 19-ter tad-Digriet Amministrattiv 135/2009, kif ikkonvertit fil-Liġi 166/2009, ippreveda li, fid-dawl tal-privatizzazzjoni tal-kumpaniji tal-Tirrenia Group, il-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ Caremar tiġi ttrasferita mill-kumpanija omm Tirrenia lir-Reġjun tal-Campania, mingħajr ma titħallas l-ebda kunsiderazzjoni. Ir-Reġjun tal-Campania sussegwentement jittrasferixxi lir-Reġjun tal-Lazio n-negozju ta’ Caremar li jopera l-konnessjonijiet tat-trasport mal-Arċipelagu ta’ Pontino fuq bażi awtonoma taħt l-isem Laziomar (18).

(30)

L-Artikolu 19-ter tad-Digriet Amministrattiv 135/2009, kif ikkonvertit fil-Liġi 166/2009 speċifika wkoll li kuntratti pubbliċi ta’ servizz ġodda jiġu miftiehma bejn l-Istat Taljan u Tirrenia u Siremar sal-31 ta’ Diċembru 2009. Bl-istess mod, is-servizzi reġjonali jkunu minquxa f’abbozzi ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizz, li għandhom jiġu miftiehma bejn l-awtoritajiet reġjonali ta’ Sardenja u Toskana u Saremar u Toremar, rispettivament, sal-31 ta’ Diċembru 2009 u bejn ir-Reġjun tal-Campania u Caremar sat-28 ta’ Frar 2010. L-abbozz ta’ kuntratti ġodda ta’ servizz pubbliku jitqiegħed għall-offerti mal-kumpaniji nfushom u jiġi ffirmat max-xerrejja mal-finalizzazzjoni tal-privatizzazzjoni ta’ kull waħda minn dawk il-kumpaniji (19).

(31)

Għal dak l-għan, fir-rigward ta’ Caremar, l-Artikolu 19-ter tad-Digriet Amministrattiv 135/2009, kif ikkonvertit fil-Liġi 166/2009, kompla jestendi l-Konvenzjoni Inizjali mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Settembru 2010.

(32)

L-Artikolu 19-ter tad-Digriet Amministrattiv 135/2009, kif ikkonvertit fil-Liġi 166/2009, stabbilixxa wkoll limiti massimi ta’ kumpens annwali fissi għall-operat tas-servizzi pubbliċi mill-1 ta’ Jannar 2010 (skont l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali kif ukoll taħt il-kuntratti ġodda ta’ servizz pubbliku). Fir-rigward ta’ Caremar, dan il-limitu massimu ġie stabbilit għal total ta’ EUR 29 869 832 (20).

(33)

L-Artikolu 1 (5bis) tad-Digriet Amministrattiv 125/2010 ikkonvertit fil-Liġi 163/2010 stabbilixxa l-estensjoni ulterjuri tal-Konvenzjoni Inizjali mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-tlestija tal-proċessi ta’ privatizzazzjoni ta’ Tirrenia u Siremar, li seħħew fid-19 ta’ Lulju 2012 u fil-31 ta’ Lulju 2012 rispettivament. Għalhekk, fir-rigward ta’ Caremar, il-Konvenzjoni Inizjali estiża kienet tapplika sal-31 ta’ Lulju 2012.

(34)

Ir-rotot tal-OSP operati minn Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża kienu:

(a)

fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012, tmien rotot fil-Golf ta’ Napli (Capri/Sorrento, Capri/Napli, Ischia/Procida/Napli, Ischia/Napli, Ischia/Procida, Ischia/Procida/Pozzuoli, Procida/Napli, Procida/Pozzuoli) – f’dak il-perjodu l-OSP impost fuq Caremar kellu biss bidliet marġinali ħafna f’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien (kif miġbur fil-qosor fil-premessa 39); u

(b)

fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Mejju 2011 (21), tliet rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino (Ponza/Formia, Ponza/Anzio, Formia/Ventotene) – f’dak il-perjodu l-OSP impost fuq Caremar għal dawn ir-rotot ma nbidilx.

(35)

L-obbligi marbuta mar-rotot imsemmija fil-premessa 34 kienu l-istess bħal dawk imposti fuq Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali u baqgħu kważi l-istess, bl-eċċezzjoni ta’ xi varjazzjonijiet f’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien li ġew introdotti mir-Reġjun tal-Campania matul is-snin fl-oqfsa tal-irmiġġ (“quadri accosti”), approvati u ppubblikati mir-Reġjun tal-Campania, biex tiġi aġġustata l-offerta għad-domanda tal-utent, kif spjegat hawn taħt.

(36)

Fl-1 ta’ Jannar 2009, jiġifieri fiż-żmien tal-ewwel estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (22), l-OSP impost fuq Caremar f’termini tat-tip ta’ bastimenti, frekwenzi u skedi kienu l-istess bħal dawk li kienu ġew definiti skont il-Konvenzjoni Inizjali (23). B’mod speċjali:

(a)

Fuq ir-rotta Capri/Sorrento, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena tmien servizzi mħallta kuljum (jiġifieri t-teħid ta’ effetti tal-passiġġieri, tal-vetturi u postali) permezz ta’ lanċa veloċi (“TMV” (24)) (25).

(b)

Fuq ir-rotta Capri/Napli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena lejn/minn Napli (Calata Massa) (26) sitt servizzi mħallta kuljum bit-TMV (vjaġġ ta’ 50 minuta) / lanċa (vjaġġ ta’ siegħa u 20 minuta) (27). Barra minn hekk, Caremar kellha tipprovdi tmien servizzi mħallta addizzjonali fis-sajf: sebgħa bit-TMV/bil-lanċa matul il-perjodu kollu tas-sajf (28) u waħda addizzjonali oħra bit-TMV biss fil-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru (29).

(c)

Fuq ir-rotta Ischia/Napli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena tliet servizzi mħallta kuljum bil-lanċa lejn Napli (Calata Massa) (30) u erba’ servizzi tal-passiġġieri kuljum permezz ta’ aliskaf lejn/minn Napli (Beverello) (31).

(d)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena erbatax-il servizz imħallat kuljum bil-lanċa lejn/minn Napli (Calata Massa) (32) u tmien servizzi tal-passiġġieri kuljum permezz ta’ aliskaf lejn/minn Napli (Beverello) (33).

(e)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena sitt servizzi mħallta kuljum bil-lanċa (34).

(f)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida, Caremar ma kellha tipprovdi l-ebda servizz minbarra dawk diġà pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli.

(g)

Fuq ir-rotta Procida/Pozzuoli, minbarra l-vjaġġi li kellhom jiġu pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena żewġ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf (35).

(h)

Fuq ir-rotta Procida/Napli, minbarra l-vjaġġi li kellhom jiġu pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena erba’ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf (36).

(i)

Fuq ir-rotta Ponza/Formia, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena żewġ servizzi mħallta kuljum bil-lanċa (vjaġġ ta sagħtejn u nofs), u servizz wieħed tal-passiġġieri ta’ kuljum bl-aliskaf.

(j)

Fuq ir-rotta Ponza/Anzio, Caremar kellha tipprovdi żewġ servizzi tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja kuljum fl-eqqel staġun mit-Tnejn sas-Sibt u erba’ servizzi mħallta kuljum fil-Ħdud u fil-vaganzi.

(k)

Fuq ir-rotta Formia/Ventotene, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena żewġ servizzi mħallta kuljum bil-lanċa (vjaġġ ta’ sagħtejn), u żewġ (37) servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf (vjaġġ ta’ 60 minuta).

(37)

L-OSP imsemmi hawn fuq ma nbidilx fl-1 ta’ Jannar 2010 u fl-1 ta’ Ottubru 2010, jiġifieri fiż-żmien tat-tieni u t-tielet estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (38).

(38)

Wara konsultazzjoni pubblika li saret f’Novembru-Diċembru 2010, bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011 u d-Digriet Eżekuttiv ta’ implimentazzjoni tagħha Nru 172 tal-21 ta’ Settembru 2011, ir-Reġjun tal-Campania adotta programm ta’ 3 snin (2011–2013) li jipprovdi għal servizzi minimi fil-Golf ta’ Napli. Fir-rigward ta’ Caremar, dak il-programm ikkonferma r-rotot u l-obbligi operati storikament minn Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali u introduċa xi varjazzjonijiet fl-iskedi ta’ żmien tas-servizzi b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013 (39). Dak il-programm ġie modifikat marġinalment mir-Reġjun tal-Campania bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30 ta’ Diċembru 2011 (li kienet tapplika biss għal Caremar), li introduċiet xi bidliet fl-iskedi ta’ żmien u fil-frekwenza tas-servizzi deskritti fil-programm ta’ 3 snin b’effett mis-16 ta’ Jannar 2012. Dawk il-bidliet ġew deċiżi mir-Reġjun tal-Campania wara t-talbiet magħmula mill-komunitajiet lokali u mill-muniċipalitajiet biex jiġu aġġustati xi skedi ta’ żmien u frekwenzi għall-ħtiġijiet tal-vjaġġaturi (40). Il-programm ta’ 3 snin 2011–2013 ġie sussegwentement estiż mir-Reġjun tal-Campania sa tmiem l-2015 permezz ta’ atti leġiżlattivi ulterjuri (41), u sar parti mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid (ara l-premessa 83).

(39)

Il-bidliet introdotti mir-Reġjun tal-Campania fl-OSP operat minn Caremar fil-Golf ta’ Napli permezz tal-programm ta’ 3 snin 2011–2013 imsemmi fil-premessa 38 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

(a)

Fuq ir-rotta Capri/Sorrento, Caremar xorta kellha tipprovdi tmien servizzi mħallta kuljum bit-TMV matul is-sena (iżda l-iskeda ta’ żmien tal-2009 imsemmija fil-premessa 36(a) kienet soġġetta darbtejn għal aġġustamenti minimi tal-ħin, l-ewwel darba mill-1 ta’ Ottubru 2011 (42) u t-tieni darba mis-16 ta’ Jannar 2012 (43)).

(b)

Fuq ir-rotta Capri/Napli, Caremar xorta kellha tipprovdi matul is-sena minn/lejn Napli (Calata Massa) sitt servizzi mħallta kuljum, b’xi bidliet fl-iskedi ta’ żmien mill-1 ta’ Ottubru 2011 (44) u mis-16 ta’ Jannar 2012 (45) meta mqabbla ma’ dawk ippreżentati fil-premessa 36(b). It-tmien servizzi mħallta addizzjonali li għandhom jiġu pprovduti fil-perjodu tas-sajf (ara l-premessa 36(b)) daħlu mill-1 ta’ Ottubru 2011 (b’bidliet marġinali fl-iskedi ta’ żmien mis-16 ta’ Jannar 2012): sitt servizzi addizzjonali mħallta ta’ kuljum li għandhom jiġu pprovduti matul is-sena (bi skedi ta’ żmien differenti għall-perjodu tas-sajf (46) u l-perjodu tax-xitwa (47)) u żewġ servizzi addizzjonali oħra li għandhom jiġu pprovduti biss fil-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru (48).

(c)

Fuq ir-rotta Ischia/Napli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena tliet servizzi mħallta kuljum bil-lanċa (b’bidliet marġinali fl-iskedi ta’ żmien imsemmija fil-premessa 36(c) mill-1 ta’ Ottubru 2011 (49) u mis-16 ta’ Jannar 2012 (50)). Mis-16 ta’ Jannar 2012 ġew inklużi servizzi mħallta addizzjonali ta’ kuljum bil-lanċa, meta Caremar kellha tipprovdi tbaħħir addizzjonali bil-lanċa lejn il-port ta’ Casamicciola f’Ischia (51). Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf lejn/minn Napli (Beverello), l-għadd ta’ vjaġġi li għandhom jiġu pprovduti minn Caremar tnaqqas maż-żmien. Fil-fatt, mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011 Caremar kellha tipprovdi erba’ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf (ara l-premessa 36(c)). Dawk l-erba’ vjaġġi ma kinux għadhom inklużi fl-iskeda ta’ żmien mill-1 ta’ Ottubru 2011 u reġgħu ġew introdotti biss parzjalment mis-16 ta’ Jannar 2012, bl-impożizzjoni fuq Caremar ta’ servizz tal-passiġġieri ta’ kuljum bl-aliskaf minn Napli sal-port ta’ Ischia (52).

(d)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena diversi servizzi mħallta kuljum bil-lanċa lejn/minn Napli (Calata Massa) u servizzi ta’ kuljum għall-passiġġieri bl-aliskaf lejn/minn Napli (Beverello). Fir-rigward tas-servizzi mħallta, l-għadd ta’ vjaġġi li kellhom jiġu pprovduti minn Caremar tnaqqas ftit progressivament maż-żmien. Fil-fatt, l-erbatax-il servizz imħallat ta’ kuljum li kellhom jiġu pprovduti minn Caremar matul is-sena (ara l-premessa 36(d)) tnaqqsu għal tlettax mill-1 ta’ Ottubru 2011 (53) (b’mod partikolari wieħed mill-port ta’ Casamicciola f’Ischia (54) u tnax lejn/mill-port ta’ Ischia (55)), u komplew jitnaqqsu għal għaxra mis-16 ta’ Jannar 2012 (56) (b’mod partikolari wieħed mill-port ta’ Casamicciola f’Ischia (57) u disgħa lejn/mill-port ta’ Ischia) (58), iżda biż-żieda ta’ żewġ servizzi mħallta ta’ kuljum fil-perjodu mill-15 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru (59). Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, l-għadd ta’ vjaġġi li għandhom jiġu pprovduti minn Caremar żdied bi ftit maż-żmien. Fil-fatt, it-tmien servizzi tal-passiġġieri ta’ kuljum li għandhom jiġu pprovduti minn Caremar matul is-sena (ara l-premessa 36(d)) żdiedu għal għaxra mill-1 ta’ Ottubru 2011 (60), biż-żieda ulterjuri ta’ żewġ vjaġġi fil-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru (61). Mis-16 ta’ Jannar 2012, is-servizzi tal-passiġġieri ta’ kuljum li kellhom jiġu pprovduti minn Caremar tnaqqsu għal disgħa matul is-sena (62), filwaqt li ż-żewġ vjaġġi addizzjonali fil-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru nżammu fis-seħħ b’aġġustamenti marġinali tal-ħin (63).

(e)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena sitt servizzi mħallta kuljum bil-lanċa. Is-sitt servizzi mħallta deskritti fil-premessa 36(e)) kellhom xi bidliet fl-iskedi ta’ żmien mill-1 ta’ Ottubru 2011 u mis-16 ta’ Jannar 2012. Fil-fatt, mill-1 ta’ Ottubru 2011, Caremar kellha tipprovdi vjaġġ wieħed lejn il-port ta’ Casamicciola f’Ischia (64) u ħames vjaġġi lejn/mill-port ta’ Ischia (65); billi, mis-16 ta’ Jannar 2012, Caremar kellha tipprovdi żewġ servizzi mħallta kuljum minn/lejn il-port ta’ Casamicciola f’Ischia (66) u erbgħa lejn/mill-port ta’ Ischia (67). Barra minn hekk, mis-16 ta’ Jannar 2012, Caremar kellha tipprovdi żewġ servizzi mħallta addizzjonali bil-lanċa fil-perjodu mis-16 ta’ Settembru sal-14 ta’ Ġunju (il-perjodu skolastiku) (68).

(f)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida, mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011 Caremar ma kellha tipprovdi l-ebda servizz minbarra dawk diġà pprovduti fuq ir-rotot Ischia/Procida/Pozzuoli u Ischia/Procida/Napli (ara l-premessa 36(f)). Dan ma nbidilx bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u l-15 ta’ Jannar 2012. Mis-16 ta’ Jannar 2012, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena servizz wieħed ta’ kuljum tal-passiġġieri bl-aliskaf lejn il-port ta’ Ischia (69) flimkien ma’ dawk diġà pprovduti fuq ir-rotot Ischia/Procida/Pozzuoli u Ischia/Procida/Napli.

(g)

Fuq ir-rotta Procida/Pozzuoli, minbarra l-vjaġġi li kellhom jiġu pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, Caremar kellha tipprovdi matul is-sena żewġ servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf (ara l-premessa 36(g)), dawn il-vjaġġi kellhom bidliet marġinali fl-iskedi ta’ żmien mill-1 ta’ Ottubru 2011 (70) u mis-16 ta’ Jannar 2012 (71).

(h)

Fuq ir-rotta Procida/Napli, minbarra l-vjaġġi li kellhom jiġu pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, matul is-sena Caremar kellha tipprovdi erba’ servizzi ta’ kuljum għall-passiġġieri bl-aliskaf lejn/minn Napli (Beverello) (72) (ara l-premessa 36(h)), b’bidliet marġinali fl-iskeda ta’ żmien bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u s-16 ta’ Jannar 2012 (73).

(40)

Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Inizjali estiża, Caremar kellha tissodisfa l-iskeda ta’ hawn fuq f’konformità mal-obbligi ta’ kontinwità u frekwenza, regolarità u puntwalità.

(41)

Fir-rigward tal-għadd, it-tip u l-kapaċità tal-bastimenti assenjati għar-rotot marittimi operati, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Inizjali estiża jirreferi għall-kontenut tal-pjanijiet ta’ 5 snin.

(42)

Fir-rigward tan-nollijiet, skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Inizjali estiża, Caremar kellha tippreżenta (u tiġġustifika) lill-awtoritajiet kompetenti Taljani fuq bażi annwali l-livell tat-tariffi li biħsiebha tapplika.

(43)

Il-Konvenzjoni Inizjali estiża ma kellhiex dispożizzjonijiet dwar il-kwalità tas-servizz.

(44)

L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Inizjali estiża ta dettalji dwar il-penali applikati lil Caremar għan-nuqqas ta’ konformità mal-OSP sakemm Caremar ma tagħtix prova li n-nuqqas mhuwiex attribwibbli għaliha bħala riżultat ta’ force majeure. Skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża, il-penali tista’ tvarja minn EUR 800 sa EUR 40 000 skont il-gravità tal-ksur.

3.1.2.   Il-kumpens

(45)

Għas-servizzi tat-trasport marittimu operati fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012, Caremar ingħatat ammont totali ta’ kumpens pubbliku ta’ EUR 97 835 927.

(46)

It-Tabella 1 turi l-kumpens annwali mħallas lil Caremar għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012 skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża:

Tabella 1

Kumpens imħallas għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012

(EUR)

Sena

Kumpens

2009

32 474 450

2010

29 869 832

2011

24 018 645

2012 (Jannar – Lulju)

11 473 000

(47)

L-ammont tal-kumpens annwali mogħti lil Caremar għall-forniment tal-kuntratti ta’ servizz marittimu ġie ddeterminat kif ġej:

—

għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 ibbażat fuq l-istess dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli skont il-Konvenzjoni Inizjali (ara l-premessi minn (48) sa (52)); u

—

għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Lulju 2012, abbażi ta’ metodoloġija ġdida stabbilita fid-Deliberazzjoni Nru 111 tal-Comitato Interministeriale per la Programmazione Economica tad-9 ta’ Novembru 2007  (74), bit-titolu “Kriterji għad-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u d-dinamika tat-tariffi fis-settur tal-kabotaġġ marittimu ta’ interess pubbliku” (“Deliberazzjoni 111/2007”) (ara l-premessa 53).

3.1.2.1.   Kumpens mogħti mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009

(48)

Id-Digriet Presidenzjali Nru 501 tal-1 ta’ Ġunju 1979 (“id-Digriet 501/79”) speċifika d-diversi elementi (dħul u kostijiet) li għandhom jitqiesu fil-kalkolu tas-sussidju mħallas lill-operaturi ta’ servizz pubbliku marittimu għall-forniment tal-OSP. Barra minn hekk, il-Liġi Nru 856 tal-5 ta’ Diċembru 1986 (“il-Liġi 856/86”) ipprovdiet għal ċerti bidliet fis-sistema tal-OSP marittimu fl-Italja. Fir-rigward tal-konnessjonijiet ma’ gżejjer maġġuri u minuri, l-Artikolu 11 tagħha emenda l-kriterji għall-kalkolu tal-kumpens għas-servizz pubbliku. Tabilħaqq, is-sussidju kellu jiġi kkalkolat abbażi tad-differenza bejn id-dħul u l-kostijiet tas-servizz kif determinati b’referenza għall-parametri medji u oġġettivi u kellu jinkludi redditu raġonevoli fuq il-kapital investit. L-istess artikolu stabbilixxa wkoll li l-kuntratti pubbliċi ta’ servizz kellhom jinkludu l-lista tar-rotot sussidjati, il-frekwenza u t-tipi ta’ bastimenti li kellhom jintużaw. Is-sussidji kellhom jiġu approvati mill-Ministri responsabbli.

(49)

Il-prinċipji stabbiliti fid-Digriet 501/79 u fil-Liġi 856/86 ġew riflessi fil-Konvenzjoni Inizjali.

(50)

B’riżultat ta’ dan, fl-2009, il-kumpens għat-twettiq tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI) ġie kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita mill-Konvenzjoni Inizjali. B’mod partikolari, il-kumpens kien jikkorrispondi għat-telf nett akkumulat fuq is-servizzi operati skont ir-reġim tas-servizz pubbliku, li miegħu żdied ammont varjabbli li jikkorrispondi għar-redditu fuq il-kapital investit.

(51)

Id-diversi elementi tal-kostijiet li ġew ikkunsidrati sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens definit mill-awtoritajiet pubbliċi kienu dawn li ġejjin: il-kostijiet tal-ikkummissjonar, il-kostijiet tar-reklamar, il-kostijiet għas-servizzi lill-passiġġieri abbord, il-kostijiet tat-tagħbija, tal-ħatt u tal-immanuvrar, il-kost tal-persunal amministrattiv fuq l-art, il-kostijiet tal-manutenzjoni tal-bastimenti, il-kostijiet amministrattivi, il-kostijiet tal-assigurazzjoni, il-kostijiet tal-kera u tal-lokazzjoni, il-fjuwil, it-taxxi u l-kostijiet tad-deprezzament.

(52)

Fir-rigward tal-pagamenti annwali, il-Konvenzjoni Inizjali pprevediet il-kumpens annwali għas-servizz pubbliku li għandu jitħallas kif ġej: ħlas bil-quddiem inizjali li għandu jsir sat-30 ta’ Marzu ta’ kull sena, ekwivalenti għal 70 % tal-kumpens imħallas fis-sena ta’ qabel. It-tieni pagament, li għandu jsir sat-30 ta’ Ġunju, ugwali għal 20 % tal-kumpens fis-sena preċedenti. Id-differenza bejn l-ammonti mħallsa u n-nuqqas bejn il-kostijiet operatorji u d-dħul matul is-sena li tkun għaddejja, kif stmata abbażi tar-riżultati tas-snin preċedenti, ikkostitwixxiet il-bilanċ li kellu jitħallas sat-30 ta’ Novembru. Kieku rriżulta li Caremar kienet irċeviet somma ogħla mill-kost nett tas-servizzi pprovduti (id-dħul nieqes it-telf), Caremar kienet tkun meħtieġa tirrimborża d-differenza (75).

3.1.2.2.   Kumpens mogħti mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Lulju 2012

(53)

Mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Lulju 2012, il-kumpens għall-operat tal-OSP marittimu ġie ddeterminat bl-applikazzjoni ta’ metodoloġija ġdida stabbilita fid-Deliberazzjoni 111/2007.

(54)

Skont il-preambolu tagħha, id-Deliberazzjoni 111/2007 inħarġet fid-dawl tal-privatizzazzjoni tal-kumpaniji pubbliċi li joperaw servizzi marittimi taħt ir-reġim tas-servizz pubbliku (76). Id-dispożizzjonijiet tad-Deliberazzjoni 111/2007 ġew applikati fir-rigward tas-servizzi pprovduti mill-kumpaniji tal-Tirrenia Group mill-2010, inkluż Caremar, anki qabel id-dħul fis-seħħ tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizz il-ġodda rispettivi wara l-privatizzazzjonijiet rispettivi.

(55)

Skont id-Deliberazzjoni 111/2007, il-livell ta’ kumpens tal-OSP kien ibbażat fuq il-kost nett meħtieġ biex jiġi rilaxxat l-OSP flimkien ma’ redditu xieraq. Dak il-livell ta’ redditu ġie ddeterminat ex ante għall-perjodu regolatorju kollu kopert mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz. Fi kwalunkwe każ, l-ammont totali ta’ kumpens mogħti kien limitat ukoll għal-livell ta’ riżorsi pubbliċi allokati bil-liġi għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz rilevanti, jekk ikun aktar baxx mil-livell ta’ kumpens ikkwantifikat abbażi tal-metodoloġija tal-kost nett.

(56)

Il-kost nett meħtieġ biex jiġi rilaxxat l-OSP ġie kkwantifikat abbażi tad-differenza bejn il-kostijiet u d-dħul irreġistrati mill-kumpanija għall-operat tas-servizz pubbliku marittimu. B’mod partikolari, il-kostijiet u d-dħul għandhom jiġu identifikati għal kull rotta u l-kostijiet komuni għall-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali (jekk ikun hemm) għandhom jiġu allokati b’mod trasparenti abbażi tal-kriterji ex ante annessi mal-kuntratt pubbliku ta’ servizz rilevanti u deskritti f’rapport iddedikat.

(57)

Ir-rata tar-redditu fuq il-kapital tiġi kkalkolata abbażi tal-kost medju ponderat tal-kapital (“WACC”). Ir-redditu meħtieġ għall-ekwità (77) għandu jiġi kkalkolat bl-użu tal-Mudell tal-Ipprezzar tal-Assi Kapitali. Fuq il-bażi ta’ dan il-mudell, il-kost tal-ekwità jiġi derivat bħala funzjoni ta’: (i) ir-rata mingħajr riskju; (ii) il-Beta (stima tal-profil tar-riskju tal-kumpanija fir-rigward tas-suq tal-ekwità); (iii) il-primjum tar-riskju tal-ekwità assenjat lis-suq tal-ekwità.

(58)

B’mod partikolari, il-kost tal-ekwità ġie kkalkolat billi ġie applikat primjum għat-teħid ta’ riskju addizzjonali għar-rata ta’ redditu fuq attivitajiet mingħajr riskju. Dan il-primjum għandu jiġi kkalkolat bħala l-primjum tar-riskju tas-suq immoltiplikat bil-Beta tiegħu, li jkejjel kemm attività speċifika hija riskjuża b’mod relattiv għas-suq.

(59)

Skont id-Deliberazzjoni 111/2007, ir-rata ta’ redditu fuq attivitajiet mingħajr riskju tikkorrispondi għar-rendiment gross medju fuq bonds ta’ referenza għal 10 snin b’referenza għat-tnax-il xahar preċedenti li għalihom teżisti data disponibbli.

(60)

Id-Deliberazzjoni 111/2007 tistabbilixxi primjum tar-riskju tas-suq ta’ 4 %. Barra minn hekk, fil-każ ta’ servizz li jiġi operat fuq bażi mhux esklussiva, ir-riskju preżumibbilment akbar imġarrab mill-operatur jiġi remunerat biż-żieda ta’ 2,5 % addizzjonali għall-primjum tar-riskju tas-suq.

(61)

Madankollu, fil-prattika, l-ammont ta’ kumpens imħallas lil Caremar ma jistax jaqbeż il-limitu massimu ta’ EUR 29 869 832 (78) fis-sena kif stabbilit mil-Liġi 166/2009 (ara l-premessa 32). Għalkemm il-Liġi 166/2009 tillimita l-kumpens annwali mħallas lill-kumpaniji kollha ta’ Tirrenia għall-operat tas-servizzi marittimi soġġetti għar-reġim tas-servizz pubbliku, id-Deliberazzjoni 111/2007 fiha wkoll ċerti salvagwardji li jippermettu lil dawk l-operaturi jkopru b’mod suffiċjenti l-kostijiet operatorji tagħhom.

(62)

B’mod partikolari, skont id-Deliberazzjoni 111/2007, l-ambitu tas-servizzi, in-nollijiet massimi stabbiliti mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz u l-kumpens effettivament mogħti jridu jiġu definiti ex ante b’tali mod li l-fornitur tas-servizz jingħata kopertura tal-kostijiet kollha għall-operat tal-SGEI. Hija applikabbli l-formula li ġejja:

VA(RSP) + VA(AI(X)) = VA(CA)

fejn:

 

VA(RSP) huwa l-valur skontat tal-kumpens għar-rilaxx tal-OSP;

 

VA(AI(X)) huwa l-valur skontat ta’ dħul ieħor (irċevuti tan-nollijiet u oħrajn);

 

VA(CA) huwa l-valur skontat tal-kostijiet operatorji ammissibbli, ir-ripagament tad-dejn u r-redditu fuq il-kapital investit.

(63)

Jekk ex post, matul l-operat tas-servizz tal-OSP, jidher li l-kumpens mogħti kien aktar baxx minn dak meħtieġ biex ikopri l-kostijiet operatorji eliġibbli, filwaqt li jitqies id-dħul l-ieħor, il-kumpanija ma setgħet tiddependi fuq l-ebda reviżjoni awtomatika retroattiva tal-ammont tal-kumpens tal-OSP u lanqas ma setgħet titlob tali reviżjoni matul il-perjodu regolatorju kopert mill-kuntratt, iżda setgħet titlob biss lill-awtoritajiet Taljani kompetenti jadottaw waħda mill-miżuri li ġejjin għall-futur: l-ambitu tal-attivitajiet sussidjati jista’ jitnaqqas, jew inkella l-organizzazzjoni tas-servizz (eż. it-tip ta’ bastimenti) tista’ tiġi riveduta, jew in-nollijiet massimi jistgħu jiġu modifikati.

(64)

Barra minn hekk, in-nollijiet massimi applikabbli għal kull servizz, netti mit-taxxi u mid-drittijiet tal-port, jiġu aġġustati kull sena fuq il-bażi ta’ formula għall-kalkolu tal-prezzijiet massimi kif ġej:

ΔT = ΔP – X

fejn:

 

ΔT huwa t-tibdil perċentwali annwali fil-limitu massimu tan-nollijiet;

 

ΔP hija r-rata tal-inflazzjoni għas-sena ta’ referenza;

 

X hija rata annwali reali ta’ aġġustament tal-limitu massimu tan-nollijiet, stabbilita fil-Konvenzjoni, li tibqa’ kostanti matul id-durata tal-Konvenzjoni.

(65)

Id-Deliberazzjoni 111/2007 tispeċifika wkoll li l-limitu massimu tan-nollijiet jista’ jiġi aġġustat biex jirrifletti l-varjazzjonijiet fil-kostijiet tal-fjuwil, billi jittieħdu bħala referenza l-prezzijiet standard disponibbli għall-pubbliku.

(66)

Fir-rigward tal-pagamenti annwali, l-istess prinċipji applikabbli skont l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali kif spjegat fil-premessa 52 komplew japplikaw fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012.

3.2.   Il-privatizzazzjoni ta’ Caremar

(67)

Bid-Deċiżjoni Nru 444 tad-9 ta’ Awwissu 2011, l-Eżekuttiv Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania stabbilixxa l-linji gwida ta’ implimentazzjoni għall-eżekuzzjoni tal-proċedura ristretta (79) għall-privatizzazzjoni ta’ Caremar, u l-għoti lill-akkwirent ta’ Caremar ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizz ta’ kabotaġġ marittimu għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu fuq perjodu ta’ 9 snin bi skambju għal kumpens ta’ servizz pubbliku.

(68)

Permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 202, tat-12 ta’ Lulju 2012, li jistabbilixxi l-proċeduri preliminari, ir-Reġjun tal-Campania nieda l-proċedura ristretta, fejn il-kriterju tal-għoti magħżul kien dak tal-aħjar prezz.

(69)

Is-sejħa għall-ftuħ tal-proċedura ġiet ippubblikata fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Lulju 2012, u fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 86 tal-25 ta’ Lulju 2012, kif ukoll fuq is-sit web tar-Reġjun tal-Campania.

(70)

Ma kien hemm l-ebda rekwiżit tekniku għall-aċċess għall-offerta. Fil-fatt, minkejja li l-abbozz oriġinali tas-sejħa għall-offerti għal Caremar kien jinkludi ċerti rekwiżiti tekniċi u finanzjarji (jiġifieri volumi predeterminati ta’ mili nawtiċi u fatturat fis-settur tat-trasport marittimu) li kienu jagħmluha possibbli biss għall-kumpaniji tat-tbaħħir li jieħdu sehem fil-proċedura tal-offerti, wara l-iskambji bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni tas-26 ta’ Ottubru 2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011 u tal-14 ta’ Marzu 2012 wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011, l-awtoritajiet Taljani emendaw is-sejħa finali għall-offerti billi eliminaw mill-punteġġ il-kriterji tekniċi u ssostitwixxewhom b’rekwiżiti finanzjarji li jikkonċernaw kapaċità ekonomika u finanzjarja adegwata, evidenzjata jew minn konferma minn tal-inqas żewġ istituzzjonijiet finanzjarji ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ EUR 6 miljun jew assi netti ta’ mill-inqas EUR 6 miljun.

(71)

Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti, mal-iskadenza tal-21 ta’ Settembru 2012 għas-sottomissjoni ta’ espressjonijiet ta’ interess, għaxar partijiet esprimew interess li jipparteċipaw fil-proċedura tal-offerti (jiġifieri: Alilauro Gruson S.p.A. (“Aligruson”), Delcomar S.r.l., Moby, NLG, Palumbo Shipyard, Rifim, SNAV, TTT lines S.p.A, Vetor, Usticalines S.p.A.)

(72)

Permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 34 tal-21 ta’ Frar 2013, ir-Reġjun tal-Campania approva r-riżultati tal-investigazzjoni matul il-fażi ta’ prekwalifikazzjoni, li ppermetta l-ammissjoni tal-partijiet kollha ħlief Vetor għall-istadju li jmiss (l-istadju tal-offerti).

(73)

Permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 78 tas-17 ta’ Mejju 2013, id-disa’ kandidati eliġibbli ġew mistiedna jissottomettu offerta (80). Is-sejħa għall-offerti kienet tinkludi l-abbozz il-ġdid tal-kuntratt ta’ 9 snin li kellu jiġi ffirmat bejn l-offerent rebbieħ u r-Reġjun tal-Campania u informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċedura tal-offerti (81). B’mod partikolari, l-ittra ta’ stedina indikat li l-kriterju tal-għoti jkun:

“l-aħjar prezz ugwali għad-differenza l-aktar baxxa miksuba billi jitnaqqas mill-valur tal-kumpens mixtieq mill-kompetitur, il-prezz offrut għax-xiri tal-ishma favur l-aktar offerta baxxa (x) li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-formula li ġejja:

X = (a — Da * 75 %) — 6

fejn:

—

a huwa l-ammont ta’ korrispettiv għas-servizzi minimi abbażi tas-sejħa għall-offerti msemmija fil-punt 2.1 (b);

—

Da * 75 % huwa l-ammont tal-iskont offrut abbażi tal-offerta mmultiplikat bil-fattur korrettiv sabiex titqies id-distribuzzjoni ta’ 9 snin ta’ dan it-tnaqqis; u

—

6 huwa l-ammont tal-prezz tal-ishma msemmi fil-punt 2.1 (a) offrut ’il fuq.”

(74)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prezz minimu għall-bejgħ ta’ Caremar, l-ittra ta’ stedina semmiet somma ta’ mill-inqas EUR 6 000 000 (82), filwaqt li għall-ammont massimu tal-kumpens għal servizz pubbliku somma li ma taqbiżx EUR 19 839 226 għal kull waħda mid-9 snin tat-tul tal-kuntratt.

(75)

Fi tmiem l-iskadenza, waslu tliet offerti mingħand il-kandidati li ġejjin: (i) l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi SNAV/Rifim S.r.l. (“SNAV/Rifim”); (ii) Aligruson; (iii) TTT Lines S.p.A. f’assoċjazzjoni temporanja, stabbilita mas-sħab Marittima S.r.l., Marworld, Davimar Eolia Navigazione S.r.l. Din tal-aħħar eventwalment ġiet eskluża mill-kumitat tal-offerti minħabba li ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi garanzija finanzjarja xierqa biex issostni l-offerta tagħha.

(76)

Fl-4 ta’ Ottubru 2013, Marworld innotifikat lir-Reġjun tal-Campania b’appell ippreżentat quddiem il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Campania li, fost affarijiet oħra, jikkontesta d-deċiżjoni ta’ esklużjoni.

(77)

Permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 178 tad-29 ta’ Ottubru 2013, ir-Reġjun tal-Campania kkonferma l-klassifikazzjoni mfassla mill-kumitat tal-offerti (83), kif stabbilit hawn taħt, li ġiet iddeterminata abbażi tal-valuri numeriċi espressi minn kull offerta u bl-applikazzjoni tal-formula stabbilita fl-ittra ta’ stedina (ara l-premessa 73), SNAV/Rifim offriet EUR 111 395 812 (inkluż EUR 6 000 001 għall-akkwist ta’ Caremar), filwaqt li Aligruson offriet EUR 128 556 568 (inkluż EUR 6 000 060 għall-akkwist ta’ Caremar). Wara l-offerta tagħha b’suċċess fil-proċedura tal-offerti, SNAV/Rifim ingħatat l-offerta.

(78)

Permezz tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania annullat l-għoti tal-offerta, billi qieset li l-ebda wieħed mit-tliet kandidati ma kellu jiġi mistieden għall-offerta. Ir-Reġjun tal-Campania appella dik is-sentenza. Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Frar 2015, il-Qorti Amministrattiva Suprema Taljana annullat is-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania, u għalhekk żammet id-deċiżjoni tal-kumitat tal-offerti.

(79)

Wara s-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali tar-Reġjun tal-Campania li żammet id-deċiżjoni tal-kumitat tal-offerti li jagħti l-offerta lil SNAV/Rifim, SNAV/Rifim għamlet l-eżekuzzjoni tal-offerta tagħha soġġetta għall-konferma mir-Reġjun tal-Campania li l-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ Caremar ma kinux inbidlu meta mqabbla ma’ dawk li kienu ġew ivvalutati mill-offerenti matul il-proċedura tal-offerti mwettqa fl-2013. Wara li aċċerta li l-ekwità ta’ Caremar fil-31 ta’ Diċembru 2024 kienet EUR 2 155 008 inqas mil-livell ta’ ekwità fis-seħħ meta SNAV/Rifim kienet għamlet l-offerta b’suċċess tagħha, ir-Reġjun tal-Campania ddeċieda li jirrestawra l-ekwità ta’ Caremar għal-livell fis-seħħ fi tmiem l-2013. Għalhekk, bid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 316 tal-21 ta’ Mejju 2015 (84) ir-Reġjun tal-Campania ta EUR 2 155 008 lil Caremar, soġġett għall-akkwist tagħha mill-offerent rebbieħ, sabiex tiġi restawrata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Caremar fil-valur fis-seħħ fiż-żmien tal-offerta b’suċċess għall-akkwist ta’ Caremar.

(80)

Il-kuntratt tal-bejgħ bejn ir-Reġjun tal-Campania u SNAV/Rifim ġie ffirmat fis-16 ta’ Lulju 2015 u f’dik id-data s-sjieda tal-ishma kollha ta’ Caremar ġiet ittrasferita mir-Reġjun tal-Campania lil SNAV/Rifim għall-prezz fiss ta’ EUR 6 000 001.

(81)

Peress li x-xerrej kien entità kollettiva, l-ishma ta’ Caremar inbiegħu u nxtraw minn SNAV u Rifim, billi assumew in solidum l-obbligi kuntrattwali kollha, jiġifieri, SNAV xtrat 75 000 sehem u Rifim il-75 000 sehem li jifdal, jiġifieri 50 % kull wieħed mill-kapital azzjonarju totali ta’ Caremar.

3.3.   Il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid

3.3.1.   L-OSP

(82)

Fis-16 ta’ Lulju 2015, ir-Reġjun tal-Campania u Caremar iffirmaw il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu. Dan il-kuntratt pubbliku ta’ servizz ilu fis-seħħ għal 9 snin (jiġifieri sal-15 ta’ Lulju 2024 inkluż).

(83)

L-OSP impost fuq Caremar (u b’hekk l-akkwirent tagħha SNAV/Rifim) jikkonċerna l-forniment ta’ servizzi skedati ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri u/jew passiġġieri, vetturi (inkluż vetturi tas-salvataġġ) u effetti postali, b’rati predeterminati, permezz ta’ laneċ u bastimenti veloċi (jiġifieri TMV fil-każ ta’ servizzi mħallta jew aliskaf fil-każ ta’ servizzi tal-passiġġieri biss) skont l-iskedi indikati fil-programm tat-trasport marittimu stabbilit fid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9.8.2011 tar-Reġjun tal-Campania (ipprovdut bħala l-Anness D tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid), kif emendat bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30.12.2011 tar-Reġjun tal-Campania (ipprovdut bħala l-Anness E tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid), u l-emendi sussegwenti possibbli tagħhom.

(84)

Fir-rigward tar-rotot marittimi li għandhom jiġu operati, Caremar trid tipprovdi servizzi tat-trasport marittimu fuq it-tmien rotot li ġejjin skont l-iskedi indikati fl-Annessi D u E tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid: Capri/Napli, Capri/Sorrento, Ischia/Napli, Ischia/Procida/Napli, Ischia/Procida/Pozzuoli, Ischia/Procida, Procida/Pozzuoli u Procida/Napli.

(85)

Id-dettalji tal-OSP f’termini tat-tip ta’ bastimenti (lanċa, TMV, aliskaf), l-iskeda u l-frekwenza (annwali/staġjonali) fuq kull rotta huma l-istess bħal dawk applikati skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża mis-16 ta’ Jannar 2012, kif deskritt fil-premessa 39.

(86)

Skont l-Artikolu 8(4)(d) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, Caremar trid tissodisfa l-OSP f’konformità mal-obbligi ta’ kontinwità u frekwenza, regolarità u puntwalità. L-Artikolu 8(4)(l) iċċara li l-konformità ma’ dawk l-obbligi kellha dejjem tiġi żgurata, anke matul il-perjodu ta’ rinnovazzjoni ordinarja u straordinarja tal-bastimenti.

(87)

Skont l-Artikolu 8(4)(c) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, fir-rigward ta’ servizzi mħallta, Caremar għandha tagħti prijorità lit-trasport tal-effetti postali (fil-limitu ta’ 12-il metru lineari) jekk ikun meħtieġ mill-fornitur tas-servizz postali universali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, Caremar hija obbligata li tipprovdi, fuq talba tar-Reġjun tal-Campania, mingħajr kumpens addizzjonali, sa 10 vjaġġi addizzjonali fis-sena sabiex tissodisfa ħtiġijiet straordinarji ta’ servizz pubbliku.

(88)

Fir-rigward tal-għadd, it-tip u l-kapaċità tal-bastimenti assenjati għar-rotot marittimi operati, skont l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 8(4)(m) u l-Artikolu 8(5) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, Caremar hija obbligata tuża mill-inqas sebgħa mill-bastimenti indikati fl-Anness H tal-kuntratt (jew ekwivalenti fl-għadd, fil-karatteristiċi tekniċi, fil-kapaċità u fil-kumdità) u li tiggarantixxi f’kull ħin id-disponibbiltà ta’ bastiment ta’ riżerva bil-karatteristiċi indikati fl-imsemmi Anness H. Barra minn hekk, Caremar hija obbligata tiggarantixxi l-effiċjenza f’kull ħin tal-bastimenti indikati fl-Anness H (85).

(89)

Fir-rigward tan-nollijiet, skont l-Artikolu 8(4)(e) u l-Artikolu 13 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, Caremar trid tikkonforma mat-tariffi stabbiliti mid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 183 tad-29 ta’ April 2011 u d-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 67 tas-7 ta’ Marzu 2013, ipprovduti bħala l-Annessi B u C tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz, u l-emendi sussegwenti possibbli tagħhom. Caremar tista’ titlob fuq bażi annwali lir-Reġjun tal-Campania l-aġġustament tat-tariffi għall-inflazzjoni, iżda r-Reġjun tal-Campania jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix l-aġġustament mitlub jew li jissospendi l-aġġustament diġà mogħti (86). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(4)(b) Caremar għandha tipprovdi mingħajr ħlas it-trasport urġenti tal-pazjenti b’ambulanza mis-servizz tas-saħħa nazzjonali.

(90)

Fir-rigward tal-kwalità tas-servizz, skont l-Artikolu 8(4)(v) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, Caremar kellha tikkonforma mal-istandards ta’ kwalità stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid f’termini ta’ puntwalità, kumdità tal-ivvjaġġar u informazzjoni lill-utenti kif indikat fl-Anness O tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid li jidentifika wkoll il-penali applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-istandards. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(4)(f), Caremar trid tissodisfa l-livelli ta’ kwalità stabbiliti mir-Reġjun tal-Campania fil-“Carta di Servizio” adottata skont id-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 3 tas-16 ta’ Marzu 2012.

(91)

Minbarra l-penali stabbiliti fl-Anness O għan-nuqqas ta’ konformità mal-istandards minimi ta’ kwalità identifikati fl-Artikolu 11 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, l-Artikolu 25 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jagħti dettalji dwar penali addizzjonali għan-nuqqas ta’ konformità mal-OSP imposti fuq Caremar (eż. obbligi ta’ kontinwità u regolarità (87), puntwalità (88), tariffi (89)) sakemm Caremar ma tagħtix prova li l-falliment mhuwiex attribwibbli għalih bħala riżultat ta’ force majeure.

3.3.2.   Il-kumpens

(92)

Ir-remunerazzjoni bażi annwali, abbażi tal-proċedura tal-offerti għall-kumpens skont il-kuntratt il-ġdid għat-twettiq tal-OSP fuq ir-rotot marittimi identifikati fil-premessa 84, ġiet stabbilita mir-Reġjun tal-Campania għal EUR 178 553 034 matul il-perjodu tal-kuntratt ta’ 9 snin (EUR 19 839 226 fis-sena), soġġetti għal reviżjoni ’l isfel. L-ammont offrut minn SNAV/Rifim, u stabbilit bħala riżultat tal-offerta, kien ta’ EUR 97 010 073 (EUR 10 778 897 fis-sena (90)) bi skont ta’ EUR 81 542 961 matul il-perjodu tal-kuntratt ta’ 9 snin. Għall-perjodu bejn is-16 ta’ Lulju 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015, il-kumpens ġie stabbilit għal EUR 4 940 327,79 (91).

(93)

Skont l-Artikolu 16 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, il-kumpens għal servizz pubbliku huwa kkwantifikat abbażi tal-metodoloġija stabbilita fid-Deliberazzjoni 111/2007 (92), li skontha l-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kostijiet netti mġarrba għat-twettiq tal-OSP (bilanċ ekonomiku-finanzjarju), inkluż profitt raġonevoli (ara l-premessi 55 sa 66).

(94)

L-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jipprovdi li, kull 3 snin, il-partijiet għandhom jivverifikaw il-kundizzjonijiet għall-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt, skont il-kriterji ta’ stabbiltà stabbiliti fid-Deliberazzjoni 111/2007. F’każ ta’ devjazzjonijiet minn dan l-ekwilibriju kuntrattwali (eż. fil-każ ta’ kumpens nieqes ta’ aktar minn 5 % tal-kumpens totali), l-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jipprevedi mekkaniżmu ta’ riekwilibriju li jevalwa l-parametri kollha marbuta mal-ħlas tal-kumpens. Jekk l-ammont ta’ kumpens ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-kostijiet operatorji mġarrba fil-forniment tas-servizz, il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jippermetti reviżjoni tal-parametri ewlenin tal-kumpens, jiġifieri s-sistema tan-nollijiet, tnaqqis fl-ambitu tas-servizzi pubbliċi offruti jew l-assi materjali tal-kumpanija għall-forniment tas-servizzi. F’każ ta’ kumpens żejjed, ir-Reġjun tal-Campania jrid inaqqas il-kumpens imħallas għall-perjodu regolatorju li jmiss, u jirkupra kwalunkwe kumpens żejjed diġà mħallas (ara l-Artikoli 17(4) u 18).

(95)

Il-kumpens jitħallas kull sena fi tliet pagamenti: isir ħlas bil-quddiem inizjali sat-30 ta’ April ta’ kull sena, ekwivalenti għal 70 % tal-kumpens; it-tieni ħlas, li jsir sat-30 ta’ Settembru, huwa ugwali għal 20 % tal-kumpens; l-ammont dovut, wara li jitnaqqsu t-tnaqqis u l-penali, jitħallas sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara (93).

(96)

Skont l-Artikolu 18 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, kwalunkwe kumpens żejjed irid jitħallas lura lir-Reġjun tal-Campania fi żmien 30 jum mit-talba tar-Reġjun tal-Campania. Fil-perjodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2017, il-proċedura ta’ verifika identifikat li kien hemm kumpens żejjed ta’ EUR 835 057, li ġie rritornat lir-Reġjun tal-Campania. Għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-kumpens annwali ta’ EUR 10 778 897 tnaqqas għal EUR 9 093 983 bħala riżultat tal-proċess ta’ verifika dwar il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017. Abbażi tal-kontijiet finanzjarji disponibbli, il-proċedura ta’ verifika għas-snin 2018 sa 2021 identifikat kumpens żejjed ta’ EUR 1 389 811, li ġie rritornat lir-Reġjun tal-Campania.

(97)

Skont l-Artikolu 20 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, ir-Reġjun tal-Campania għandu setgħat superviżorji fuq il-kuntratt u jimmonitorja l-prestazzjoni xierqa tiegħu, l-adegwatezza u l-kwalità tal-assi tal-operatur, il-konformità mal-obbligi legali u l-kisba tal-objettivi tal-kwalità matul it-twettiq tal-OSP.

(98)

Wara r-reviżjoni perjodika tal-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt skont l-Artikolu 17, il-kumpens stabbilit minn qabel abbażi tal-proċedura tal-offerti (EUR 10 778 897) tnaqqas mir-Reġjun tal-Campania għal EUR 9 093 983 għall-perjodu 2018–2021 u kompla jitnaqqas għal EUR 9 087 149 għall-perjodu 2022–2024. It-Tabella 2 turi l-kumpens stabbilit minn qabel u l-kumpens effettivament imħallas lil Caremar għall-perjodu Awwissu 2015–2021.

Tabella 2

Kumpens stabbilit u mħallas lil Caremar skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid 2015–2021

(EUR)

Sena

Kumpensstabbilit

Kumpens imħallas

2015 (minn Lulju 2015)

10 778 897

4 961 000

2016

10 778 897

10 778 000

2017

10 778 897

10 778 897

2018

9 093 983

10 363 306

2019

9 093 983

8 462 289

2020

9 093 983

10 365 064

2021

9 093 983

8 593 982

3.4.   Il-prijorità tal-irmiġġ

(99)

L-Artikolu 19-ter, il-paragrafu 21, tad-Digriet Amministrattiv 135/2009 ikkonvertit fil-Liġi 166/2009 ippreveda li, sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità territorjali mal-gżejjer u sabiex jissodisfaw l-OSP tagħhom, il-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, inkluż Caremar, iżommu l-irmiġġ diġà allokat u l-prijorità fl-allokazzjoni tas-slots f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-Awtoritajiet Marittimi kif stabbiliti mil-Liġi Nru 84 tat-28 ta’ Jannar 1994 u l-Kodiċi Marittima Taljana.

3.5.   Il-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010

(100)

Il-Liġi 163/2010 stabbiliet il-possibbiltà għall-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, inkluż Caremar, li jużaw, fuq bażi temporanja, ir-riżorsi finanzjarji diġà impenjati (94) għall-aġġornament u l-modernizzazzjoni tal-flotta biex minflok ikopru ħtiġijiet urġenti ta’ likwidità ġodda. Madankollu, l-impriżi tal-ex Tirrenia Group li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà kienu meħtieġa jerġgħu jimlew dawn il-fondi ddedikati, sabiex xorta jkunu jistgħu jagħmlu t-titjib neċessarju għall-bastimenti tagħhom. Dawn l-aġġornamenti kienu meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati standards internazzjonali ġodda tas-sikurezza wara l-Ftehim ta’ Stokkolma tal-1996 (95).

(101)

B’mod partikolari, minn żewġ faċilitajiet (96), twarrbu EUR 23 750 000 sabiex iħallsu għat-titjib fil-Tirrenia Group kollu. Caremar għamlet użu minn dawn il-faċilitajiet biex taġġorna l-bastimenti tagħha.

(102)

Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Liġi 163/2010 stabbilixxa wkoll dan li ġej:

(a)

L-Artikolu 19-ter tad-Digriet Amministrattiv 135/2009, ikkonvertit b’modifiki fil-Liġi 166/2009, huwa emendat bl-introduzzjoni tal-paragrafu 24 bis. Skont dak il-paragrafu, l-atti u l-operazzjonijiet uffiċjali kollha fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19-ter, il-paragrafi 1 sa 15, tal-Li[i 166/2009 jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali. Dawk il-paragrafi huma relatati mal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-kabotaġġ marittimu permezz tal-privatizzazzjoni tal-Tirrenia Group, inkluż il-pass preparatorju tiegħu, jiġifieri t-trasferiment tal-kumpaniji reġjonali lir-Reġjuni rispettivi;

(b)

sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku u jiġi appoġġat il-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, ir-Reġjuni inkwistjoni jistgħu jagħmlu użu mir-riżorsi tal-Fondo Aree Sottoutilizzate (“FAS”) (97) skont id-Deliberazzjoni Nru 1 tal-Comitato Interministeriale per la Programmazione Economica tas-6 ta’ Marzu 2009 (98).

4.   PROĊEDURA TA’ KSUR NRU 2007/4609

(103)

Fid-19 ta’ Diċembru 2008, wara skambji preċedenti bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Italja, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għall-enerġija u t-trasport bagħat talba għal informazzjoni lill-Italja. Din it-talba kienet tikkonċerna, fost affarijiet oħra, ħarsa ġenerali lejn ir-rotot tas-servizz pubbliku f’dak iż-żmien u l-mandat tas-servizz pubbliku li l-Italja pprevediet skont il-Konvenzjonijiet il-ġodda proposti. Barra minn hekk, l-Italja ntalbet tipprovdi aktar dettalji dwar il-pjanijiet ta’ privatizzazzjoni għall-Tirrenia Group.

(104)

Fl-ittra tagħha tat-28 ta’ April 2009, l-Italja tat tweġiba dettaljata għat-talba tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008. F’dik l-ittra, fost affarijiet oħra, l-Italja ddikjarat dan li ġej:

(a)

l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali sal-31 ta’ Diċembru 2009 kienet meħtieġa biex tinkiseb il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-kabotaġġ marittimu fl-Italja permezz tal-privatizzazzjoni tal-Tirrenia Group;

(b)

il-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lill-Tirrenia Group kien neċessarju sabiex tiġi żgurata l-kontinwità territorjali mal-gżejjer permezz ta’ konnessjonijiet marittimi li ma kinux qegħdin jiġu pprovduti b’mod sodisfaċenti mill-operaturi privati fis-suq;

(c)

il-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni dettaljat tar-rotot kien ġie konkluż fl-10 ta’ Marzu 2009. Dan il-proċess qies l-aspetti soċjali, ekonomiċi u okkupazzjonali rilevanti, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-konnessjonijiet essenzjali għall-kontinwità territorjali u kien jinkludi konsultazzjoni mas-sitt Reġjuni kkonċernati. Din ir-razzjonalizzazzjoni tirriżulta fit-tnaqqis ta’ madwar EUR 66 miljun fil-kost nett tas-servizz pubbliku u fl-għoti tas-sensja lil madwar 600 membru tal-ekwipaġġ għall-Tirrenia Group kollu. L-Italja fakkret ukoll li r-razzjonalizzazzjoni tal-2009 ikkomplementat sforzi preċedenti (fl-2004, fl-2006 u fl-2008) sabiex jitnaqqsu s-servizzi operati mill-Tirrenia Group;

(d)

l-objettivi kienu li: (i) jinżammu l-konnessjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-kontinwità territorjali ma’ u bejn il-gżejjer u l-Italja kontinentali, u d-dritt għas-saħħa, l-istudju u l-mobbiltà; (ii) jiġu razzjonalizzati l-konnessjonijiet fejn kien hemm operaturi privati li pprovdew l-istess konnessjonijiet matul l-istess perjodu ta’ żmien, b’garanziji simili ta’ kwalità u kontinwità; (iii) jiġu razzjonalizzati l-konnessjonijiet tas-sajf u ta’ veloċità għolja li jittrasportaw biss persuni;

(e)

fl-ittra, l-Italja tat ħarsa ġenerali tar-rotot operati mill-kumpaniji tal-Tirrenia Group matul l-2008 u l-għadd imnaqqas ta’ rotot li l-kumpaniji tal-Tirrenia Group kienu se joperaw fl-2009. Skont l-Italja, dawn ir-rotot tal-aħħar kienu se jkunu l-bażi għall-Konvenzjonijiet il-ġodda li kellhom jiġu konklużi mas-sidien il-ġodda tal-kumpaniji tal-Tirrenia Group.

(105)

Fil-21 ta’ Diċembru 2009, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għall-enerġija u t-trasport bagħat ittra lill-Italja fejn innota inter alia li fid-dawl tar-riforma radikali tas-settur tal-kabotaġġ marittimu fl-Italja, u minħabba l-impatt soċjali mdaqqas li l-privatizzazzjoni kienet tinvolvi, li kieku l-offerti kellhom jitwettqu fuq bażi sempliċi ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizz, is-sejħa għall-offerti lill-kumpaniji tat-tbaħħir mogħnija b’kuntratti bħal dawn kienet aċċettabbli – fil-prinċipju u bħala eċċezzjoni – bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-kriterju tan-nondiskriminazzjoni fost is-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 (99). Il-Kummissjoni nnotat li r-Regolament (KEE) Nru 3577/92 ma jirrikjedix li l-Istati Membri jipprivatizzaw il-kumpaniji tat-trasport marittimu tagħhom iżda biss li jilliberalizzaw dak is-suq speċifiku.

(106)

Fid-29 ta’ Jannar 2010 (100), il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni dwar l-implimentazzjoni ħażina tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92. F’dik l-ittra, il-Kummissjoni fakkret li dak ir-Regolament jirrikjedi li, kull meta Stat Membru jikkonkludi kuntratti pubbliċi ta’ servizz jew jimponi OSP, huwa għandu jagħmel dan fuq bażi mhux diskriminatorja fir-rigward tas-sidien tal-bastimenti kollha tal-Unjoni. L-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-kuntratti pubbliċi ta’ servizz eżistenti jistgħu jibqgħu fis-seħħ sad-data tal-iskadenza tal-kuntratt rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-kumpaniji tal-Tirrenia Group komplew joperaw servizzi tat-trasport marittimu wara l-iskadenza tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizz rispettivi. B’mod partikolari, dawk il-konvenzjonijiet kellhom jiskadu fi tmiem l-2008 iżda ġew estiżi ripetutament mill-Italja. Għalhekk, il-Kummissjoni stiednet lill-Italja sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

(107)

Fl-istess jum u separatament, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għall-enerġija u t-trasport wieġeb għall-ittra tal-Italja tat-22 ta’ Jannar 2010. Id-Direttur Ġenerali enfasizza li t-tweġiba tiegħu kienet tikkonċerna biss il-konformità mar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 u mhux kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan l-isfond, id-Direttur Ġenerali indika li l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti dwar ċerti rotot kienu biżżejjed biex ineħħu xi wħud mid-dubji espressi qabel. Id-Direttur Ġenerali fakkar li l-kuntratti pubbliċi ta’ servizz jistgħu jkopru biss rotot li għalihom hemm falliment tas-suq.

(108)

Fid-29 ta’ Marzu 2010, l-Italja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2010.

(109)

Fl-10 ta’ Settembru 2010, l-Italja infurmat lill-Kummissjoni li l-proċedura kompetittiva għall-kuntratt li jinvolvi fost l-oħrajn ir-rotot tal-Arċipelagu ta’ Pontino operati minn Caremar f’dak iż-żmien ġiet ittardjata. Sussegwentement, il-Liġi 163/2010 estendiet ulterjorment il-Konvenzjoni Inizjali sat-tlestija tal-proċessi ta’ privatizzazzjoni ta’ Tirrenia u ta’ Siremar (ara wkoll il-premessa 33).

(110)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, fl-24 ta’ Novembru 2010 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni komplementari. F’din l-ittra, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

(a)

il-Konvenzjoni Inizjali ta’ Caremar, fost l-oħrajn, ġiet estiża awtomatikament u mingħajr ebda proċedura kompetittiva;

(b)

filwaqt li l-kuntratti pubbliċi ta’ servizz inkwistjoni komplew jiġu applikati, ma kienet tlestiet l-ebda proċedura kompetittiva, għal Caremar fost oħrajn;

(c)

irriżervat id-dritt tagħha li tippubblika opinjoni motivata jekk ikun meħtieġ (filwaqt li tqis kwalunkwe kumment li setgħet tagħmel l-Italja).

(111)

Fil-21 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni adottat opinjoni motivata dwar l-estensjonijiet tal-OSP fdati lil tliet kumpaniji (Caremar, Laziomar u Saremar) tal-ex Tirrenia Group. Peress li l-proċeduri tal-offerti għat-tliet kumpaniji l-oħra (Tirrenia, Toremar u Siremar) kienu tlestew matul l-2011 (101) dawk il-kumpaniji ma kinux koperti mill-opinjoni motivata. Il-Kummissjoni nnotat li l-Italja ma kinitx stabbiliet proċeduri kompetittivi għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizz għall-kabotaġġ marittimu operat fost l-oħrajn minn Caremar, aktar minn 3 snin wara l-iskadenza normali tal-Konvenzjonijiet Inizjali rispettivi. Dawk il-Konvenzjonijiet kienu ġew estiżi awtomatikament u b’mod indefinit u b’hekk żammew lil sidien ta’ bastimenti oħra tal-Unjoni milli jikkompetu għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti.

(112)

Fit-8 ta’ Awwissu 2012, l-Italja wieġbet għall-opinjoni motivata fejn sostniet li l-avviżi ta’ offerti għall-għoti tal-kumpaniji mogħnija b’kuntratti pubbliċi ta’ servizz ġodda kienu ppubblikati jew kienu se jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, għal Caremar l-avviż ġie ppubblikat fl-20 ta’ Lulju 2012 u għal Laziomar l-avviż intbagħat għall-pubblikazzjoni fl-1 ta’ Awwissu 2012.

(113)

Fl-14 ta’ Jannar 2014, CLN saret is-sid il-ġdid ta’ Laziomar u ffirmat kuntratt pubbliku ta’ servizz ta’ 10 snin għal rabtiet mal-Arċipelagu ta’ Pontino.

(114)

Fis-16 ta’ Lulju 2015, SNAV/Rifim ħadet is-sjieda ta’ Caremar, li ġiet fdata b’kuntratt pubbliku ta’ servizz ta’ 9 snin.

(115)

Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Lulju 2016, l-Italja infurmat lill-Kummissjoni li l-privatizzazzjoni tal-kumpaniji kollha tal-ex Tirrenia Group kienet tlestiet. Fit-8 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta’ ksur.

5.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU U GĦALL-ESTENSJONI TAL-PROĊEDURA

5.1.   Il-kumpens għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012

5.1.1.   Eżistenza ta’ għajnuna

(116)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha tal-2011, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li d-definizzjoni tal-OSP ma kinitx ċara biżżejjed u għalhekk ma ppermettietx lill-Kummissjoni tikkonkludi b’mod definittiv jekk kienx fiha żbalji evidenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kellhiex fehim sħiħ dwar l-obbligi attwali imposti fuq Caremar għall-operat tar-rotot fil-Golf ta’ Napli u fl-Arċipelagu ta’ Pontino meta mqabbla mas-servizzi offruti mill-kompetituri fuq xi wħud minn dawk ir-rotot (ara l-premessi 194, 203, 205 u 208 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). Barra minn hekk, fir-rigward tar-rotot fil-Golf ta’ Napli, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-leġittimità tal-kunsiderazzjoni tal-permanenza fil-portijiet tal-gżejjer billejl bħala servizz pubbliku ġenwin u stiednet lill-awtoritajiet Taljani jispeċifikaw jekk ċerti patoloġiji jippermettux it-trasport bil-ħelikopter u jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-kapaċità ta’ servizzi alternattivi ta’ trasport mediku (ara l-premessa 206 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

(117)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li t-tieni kriterju tas-sentenza Altmark (102) ġie ssodisfat peress li l-parametri fil-bażi tal-kalkolu tal-kumpens kienu ġew stabbiliti minn qabel u ssodisfaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza (ara l-premessa 239 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). B’mod partikolari, il-Kummissjoni nnotat fil-premessa 240 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 li dawn il-parametri ġew deskritti fil-Konvenzjoni Inizjali (għall-kumpens li jikkonċerna s-sena 2009) u fid-Deliberazzjoni 111/2007 (għall-kumpens mill-2010 ’l quddiem).

(118)

Madankollu, il-Kummissjoni qieset li t-tielet kriterju tas-sentenza Altmark ma kienx jidher li ġie ssodisfat u li l-operaturi setgħu ġew ikkumpensati żżejjed għat-twettiq tal-kompiti ta’ servizz pubbliku (ara l-premessa 244 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). B’mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-proporzjonalità tal-kumpens imħallas lill-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group mill-2009, minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-obbligi imposti fuq dawk il-kumpaniji (ara l-premessa 245 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). Bl-istess mod, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-primjum tar-riskju ta’ 6,5 %, li japplika mill-2010 ’il quddiem, kienx jirrifletti livell xieraq ta’ riskju peress li prima facie ma deherx li Caremar tassumi r-riskji normalment imġarrba fl-operat ta’ tali servizzi (ara l-premessa 247 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

(119)

Il-Kummissjoni kienet ukoll tal-fehma preliminari li r-raba’ kriterju ta’ Altmark ma ġiex issodisfat sa fejn l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali ma kinitx ġiet offruta (ara l-premessa 249 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li ma kienet irċeviet l-ebda evidenza biex tappoġġa l-argument li Caremar fil-fatt ipprovdiet is-servizzi bl-inqas kost għall-komunità (ara l-premessa 251 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

(120)

Fid-deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011, il-Kummissjoni għalhekk waslet għall-konklużjoni preliminari li l-kumpens għas-servizz pubbliku mħallas lill-operaturi matul l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (ara l-premessa 255 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li din l-għajnuna kellha titqies bħala għajnuna ġdida (ara l-premessa 257 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

(121)

Fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni esprimiet l-istess dubji wkoll fir-rigward tal-kumpens mogħti lil Caremar minn Jannar 2012 sal-privatizzazzjoni tagħha (ara l-premessi 42, 180 u 181 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012).

5.1.2.   Kompatibbiltà

(122)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-kumpens tas-servizz pubbliku għas-snin 2009, 2010 u 2011 kien jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni kemm tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE (103) kif ukoll tal-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (104) (“Qafas SGEI tal-2005”). Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat din il-miżura direttament skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE u sabet li kellha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà applikabbli ġewx issodisfati (ara l-premessa 315 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

(123)

Fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni nnotat li fil-31 ta’ Jannar 2012 kien daħal fis-seħħ pakkett ġdid ta’ SGEI li jikkonsisti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (105) u l-Qafas SGEI tal-2011. Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-kumpens għal servizz pubbliku taħt l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali ma setax jitqies kompatibbli mas-suq intern u eżentat mir-rekwiżit ta’ notifika skont id-Deċiżjoni 2012/21/UE minħabba li dik l-estensjoni ma kinitx konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 li jistipula li kull meta Stat Membru jikkonkludi kuntratti pubbliċi ta’ servizz jew jimponi obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jagħmel dan fuq bażi mhux diskriminatorja fir-rigward tas-sidien tal-bastimenti Komunitarji kollha (ara l-premessa 256 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012). Il-Kummissjoni ma eskludietx li l-kumpens għal servizz pubbliku mogħti skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża jista’ jaqa’ fil-prinċipju taħt il-Qafas SGEI (ara l-premessa 258 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012), madankollu l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed elementi biex tikkonkludi f’dak ir-rigward (ara l-premessa 267 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012).

5.2.   Il-privatizzazzjoni ta’ Caremar

(124)

Fid-deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-proċedura tal-offerti għall-bejgħ ta’ Caremar kinitx trasparenti u inkondizzjonata biżżejjed sabiex tiżgura li l-bejgħ sar bil-prezz tas-suq (ara l-premessa 242 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012). B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li l-bejgħ tan-negozju ta’ Caremar flimkien mal-inkarigu tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid setgħu llimitaw l-għadd ta’ offerenti jew influwenzaw il-prezz tal-bejgħ (ara l-premessa 243 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012).

(125)

Il-Kummissjoni qieset ukoll, abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta ħarġet id-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tagħha tal-2012, li kwalunkwe għajnuna li setgħet irriżultat matul il-proċess ta’ privatizzazzjoni tkun inkompatibbli (ara l-premessa 305 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012).

5.3.   Il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid

5.3.1.   Eżistenza ta’ għajnuna

(126)

Fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-kumpens imħallas lil Caremar ma kienx jissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Altmark u għalhekk kien jammonta għal għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni peress li: (i) il-kompetituri li dehru li kienu qed joffru servizzi simili kienu preżenti mill-inqas fuq ċerti rotot operati minn Caremar u ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli li tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi dwar jekk l-SGEI kienx jirrifletti ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku li ma setgħetx tiġi ssodisfata mill-forzi tas-suq waħedhom; (ii) il-kalkolu tal-kumpens skont id-Deliberazzjoni 111/2007 deher li wassal biex l-operatur jiġi kkumpensat iżżejjed għall-forniment tas-servizz pubbliku għall-istess raġunijiet kif espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011; (iii) ir-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark jidher li ma ġiex issodisfat, peress li s-servizz pubbliku ġie offrut bil-kundizzjoni li l-offerent rebbieħ jakkwista l-kumpanija ta’ Caremar kollha kemm hi. Il-Kummissjoni qieset li, kieku l-kuntratt pubbliku ta’ servizz ġie offrut mingħajr ir-rekwiżit tax-xiri, dan seta’ jirriżulta f’kost aktar baxx għall-komunità.

5.3.2.   Kompatibbiltà

(127)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kumpens lil Caremar, fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, id-Deċiżjoni 2012/21/UE dehret li ma kinitx applikabbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/21/UE minħabba li f’dak l-istadju l-kuntratt iffirmat ma kienx ġie pprovdut (ara l-premessa 283 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012). Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni (eż., l-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati fis-sentejn preċedenti għal dak tal-inkarigu) biex teżamina l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà li fadal tad-Deċiżjoni 2012/21/UE. Il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat l-għajnuna abbażi tal-Qafas SGEI tal-2011 iżda sabet li kellha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ dak il-Qafas kinux issodisfati b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ SGEI ġenwin fuq ir-rotot kollha u l-livell tal-profitt raġonevoli mogħti lil Caremar (ara l-premessi 298 u 300 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012).

5.4.   Il-prijorità tal-irmiġġ

(128)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li, sa fejn il-prijorità tal-irmiġġ ma kinitx remunerata, il-miżura hija vantaġġ regolatorju li ma jinvolvi l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u għalhekk ma tistax tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat (ara l-premessa 278 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). Jekk il-prijorità tal-irmiġġ kienet remunerata, il-Kummissjoni qieset li, sal-punt li Caremar tipprovdi SGEI ġenwin u li din il-prijorità tingħata biss fir-rigward tar-rotot koperti mill-SGEI, din ma tirriżultax f’vantaġġ ekonomiku addizzjonali peress li tkun intrinsika għall-forniment tal-SGEI (ara l-premessa 279 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011). Madankollu, il-Kummissjoni stiednet lill-Italja u lil partijiet terzi jipprovdu aktar informazzjoni dwar din il-miżura (ara l-premessa 280 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

(129)

Peress li kienet qajmet dubji dwar il-leġittimità tal-missjoni tal-SGEI, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura li kieku kellha titqies bħala għajnuna (ara l-premessa 319 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

5.5.   Il-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010

(130)

Fil-premessa 289 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-miżuri kollha stabbiliti mil-Liġi 163/2010 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur il-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, inkluża Tirrenia. Dawn kienu jinkludu: (i) l-użu possibbli għal skopijiet ta’ likwidità tal-fondi allokati għat-titjib tal-bastimenti; (ii) l-eżenzjonijiet fiskali relatati mal-proċess ta’ privatizzazzjoni; (iii) l-użu possibbli tar-riżorsi tal-FAS. Il-Kummissjoni stiednet lill-Italja biex tiċċara jekk u b’liema mod kull waħda minn dawn il-miżuri kienet meħtieġa biex tipprovdi s-servizz pubbliku.

(131)

Il-Kummissjoni kienet ukoll tal-fehma preliminari li dawn il-miżuri x’aktarx kienu jikkostitwixxu għajnuna operatorja li tnaqqas il-kostijiet li Caremar, u l-kumpaniji l-oħrajn tal-ex Tirrenia Group, inkella kien ikollhom iġorru huma stess u, għalhekk, dawn il-miżuri jenħtieġ li jitqiesu bħala inkompatibbli mas-suq intern (ara l-premessa 320 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

6.   KUMMENTI MINGĦAND CAREMAR

6.1.   Dwar l-OSP u l-ambjent kompetittiv

(132)

Caremar targumenta li l-OSP kien definit b’mod preċiż minn atti tar-Reġjun tal-Campania u li r-Reġjun tal-Campania fid-definizzjoni tal-OSP impost fuq Caremar kien qies kif xieraq l-ambjent kompetittiv tas-servizzi marittimi pprovduti fil-Golf ta’ Napli u l-ħtiġijiet tat-trasport marittimu tal-popolazzjoni lokali.

(133)

Skont Caremar, id-definizzjoni tal-OSP imposta fuq Caremar hija prevista mill-Konvenzjoni Inizjali, il-pjanijiet ta’ 5 snin u l-oqfsa tal-irmiġġ (“quadri accosti”), approvati u ppubblikati mir-Reġjun tal-Campania, biex tiġi aġġustata l-offerta għad-domanda tal-utenti. Fir-rigward tal-livell ta’ servizzi meħtieġa, Caremar innotat li l-OSP ma kienx jikkonċerna biss ir-rotta li għandha tingħata servizz iżda kien jinkludi għadd ta’ obbligi relatati mal-kontinwità u l-frekwenza tal-vjaġġi, ir-regolarità u l-puntwalità, in-nollijiet, u rekwiżiti oħra dwar il-kapaċità u l-karatteristiċi tal-bastimenti li għandhom jintużaw, u b’hekk jirrifletti ħtieġa ġenwina ta’ servizz pubbliku.

(134)

Caremar ipprovdiet informazzjoni dettaljata dwar ir-rotot marittimi differenti, sabiex turi li hija operat f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi mfassla biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku (eż., l-obbligu li topera l-ewwel tbaħħir filgħodu lejn l-Italja kontinentali, bil-ħtieġa konsegwenti li jiġi żgurat is-soġġorn matul il-lejl tal-bastimenti fuq il-gżira, b’kostijiet addizzjonali), u b’hekk tiddifferenzja r-rwol tagħha fir-rigward tal-kompetituri tagħha. Caremar spjegat li, għall-finijiet tal-iżgurar ta’ dawn l-obbligi, l-ekwipaġġ ta’ Caremar jibqa’ fis-servizz għal total ta’ 16-il siegħa kuljum (il-massimu permess skont il-liġijiet rilevanti) għal kull bastiment.

(135)

Fir-rigward tal-ambjent kompetittiv fil-Golf ta’ Napli u l-Arċipelagu ta’ Pontino, Caremar iddikjarat li minn dejjem kienet l-uniku operatur li kapaċi joffri servizz regolari u affidabbli tat-trasport marittimu mmirat biex jiżgura l-konnessjoni bla xkiel tal-gżejjer mal-Italja kontinentali. Caremar indikat li għandha rwol ewlieni fl-iżgurar tal-konformità mal-prinċipju tal-kontinwità territorjali minħabba li l-forzi tas-suq waħedhom qatt ma kienu kapaċi jissodisfaw l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet tal-gżejjer għal servizzi regolari u diretti biex tiġi żgurata l-konnettività bejn il-gżejjer u l-Italja kontinentali. Fil-fehma ta’ Caremar, dan huwa dovut għall-fatt li l-Golf ta’ Napli huwa kkaratterizzat minn għadd ta’ gżejjer b’densità għolja ta’ popolazzjoni li inevitabbilment tirrifletti fuq id-domanda ta’ kuljum għal konnettività regolari (eż., għal skopijiet professjonali jew edukattivi).

6.2.   Dwar il-konformità tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali mal-kriterji ta’ Altmark

(136)

Caremar targumenta li l-kumpens riċevut matul l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat minħabba li l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-ġurisprudenza Altmark ġew issodisfati.

(137)

Fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ Altmark, Caremar targumenta li ġiet fdata bit-twettiq ta’ OSP definit b’mod ċar u li għalhekk l-ewwel kriterju huwa ssodisfat (ara l-kummenti pprovduti fit-taqsima 6.1).

(138)

Fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ Altmark, Caremar tfakkar li l-kriterji għall-kalkolu tal-kumpens ġew stabbiliti minn qabel (jiġifieri, fil-Konvenzjoni inizjali u fid-Deliberazzjoni 111/2007) b’mod oġġettiv u trasparenti, u għalhekk it-tieni kriterju ta’ Altmark huwa ssodisfat ukoll.

(139)

Fir-rigward tat-tielet kriterju ta’ Altmark, Caremar targumenta li l-kumpens ipprovdut matul il-perjodu ta’ estensjoni ma qabiżx dak li kien meħtieġ biex ikopri l-kostijiet addizzjonali ġġenerati mis-servizz, meta jitqiesu r-riċevuti rilevanti u profitt raġonevoli, u għalhekk, it-tielet kriterju ta’ Altmark huwa ssodisfat. Bi tweġiba għad-dubji tal-Kummissjoni li mill-2010 Caremar ġiet ikkumpensata żżejjed għall-prestazzjoni tal-OSP, Caremar targumenta li l-kumpens imħallas ma kienx biżżejjed biex ikopri l-kostijiet imġarrba għat-twettiq tal-OSP, u, barra minn hekk, ma ngħata l-ebda marġni ta’ profitt.

(140)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raba’ kriterju ta’ Altmark, Caremar tiddikjara li, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti pubblika, il-kumpens ġie ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet ta’ impriża effiċjenti (eż., il-kostijiet kompletament deprezzati tal-bastimenti, l-ottimizzazzjoni tal-proporzjon bejn l-ekwipaġġ u l-prestazzjoni, il-manutenzjoni tal-orħos nollijiet minkejja ż-żieda fil-kostijiet tal-fjuwil).

6.3.   Dwar il-konformità tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali mal-Artikolu 106(2) tat-TFUE

(141)

Caremar tiddikjara li għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà, kif iddikjarat fil-premessa 308 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011, iridu jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet kumulattivi:

(a)

is-servizzi għandhom jikkostitwixxu SGEI;

(b)

is-servizzi jridu jiġu fdati b’mod adegwat mill-Istat lill-benefiċjarju;

(c)

il-kumpens irid ikun proporzjonat mal-kost iġġenerat mill-forniment ta’ SGEI.

(142)

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, Caremar tispjega li s-servizzi jitwettqu f’konformità ma’ rekwiżiti pubbliċi speċifiċi, u b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità territorjali (ara l-kummenti pprovduti fit-taqsima 6.1).

(143)

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, Caremar issostni li hija twettaq is-servizzi marittimi kif fdati lilha mill-Konvenzjoni Inizjali, li tistabbilixxi fid-dettall l-OSP impost fuq Caremar.

(144)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-proporzjonalità, Caremar ittenni li ma kinitx ikkumpensata biżżejjed, pereżempju fis-snin 2010 u 2011, kif muri mill-kontijiet tal-kumpanija.

6.4.   Dwar il-prijorità tal-irmiġġ

(145)

Caremar targumenta li l-għoti tal-prijorità tal-irmiġġ ma jagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku u li, għalhekk, din il-miżura ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, Caremar tenfasizza li l-prijorità tal-irmiġġ tintuża biss għat-twettiq tal-obbligi tagħha skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz.

6.5.   Dwar il-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010

(146)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju mogħtija lil Caremar skont il-Liġi 163/2010, Caremar tikkonferma li EUR 2 115 000 ġew allokati lilha għall-iskop uniku li timmodernizza l-flotta tagħha. Għalhekk, Caremar tissuġġerixxi li l-miżuri previsti fil-Liġi 163/2010 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat għaliha minħabba li huma meħtieġa biex jiffinanzjaw l-OSP fdat lil Caremar.

7.   KUMMENTI MILL-KOMPETITURI TA’ CAREMAR

7.1.   Kummenti ta’ Medmar

7.1.1.   Dwar l-OSP u l-ambjent kompetittiv

(147)

Medmar indikat li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat koperti mid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u l-kundizzjonijiet tas-suq jibqgħu l-istess bħal dawk koperti mid-Deċiżjoni 2005/163/KE. Dawn il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jikkonċernaw: (a) kumpens mogħti kull sena lil Caremar għall-operat tar-rotta Napli/Capri, li għaliha d-Deċiżjoni 2005/163/KE ordnat l-irkupru tal-għotjiet kollha lil Caremar; u (b) kumpens mogħti kull sena lil Caremar għall-operat tar-rotta Ischia/Procida, li għaliha d-Deċiżjoni 2005/163/KE ordnat lill-Italja tirrestrinġi l-għadd ta’ konnessjonijiet operati minn Caremar u tikkumpensa biss it-telf operatorju nett imġarrab minn Caremar. Skont Medmar, id-Deċiżjoni 2005/163/KE ttieħdet minħabba li s-settur privat seta’ joffri servizzi komparabbli ma’ dawk offruti minn Caremar, b’assi komparabbli.

(148)

Medmar innotat li r-Reġjun tal-Campania inkariga kemm lil Caremar kif ukoll lil Medmar b’OSP biex joperaw il-konnessjonijiet Ischia/Procida, Procida/Napli u Ischia/Procida/Pozzuoli. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ Caremar, Medmar ma rċeviet l-ebda kumpens għall-operat tas-servizzi msemmija. Ma tnediet l-ebda proċedura ta’ sejħa għall-offerti pubblika biex jiġu identifikati l-impriżi li kapaċi jipprovdu l-OSP bl-inqas kost għall-komunità. Minflok, ir-Reġjun tal-Campania obbliga lill-impriżi privati biex jaqblu li jiffirmaw “atti ta’ sottomissjoni” li skonthom huma meħtieġa joperaw l-OSP skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Reġjun tal-Campania (dwar skeda ta’ żmien u nollijiet). Skont Medmar, jekk l-impriżi privati ma jixtiqux jiffirmaw l-“atti ta’ sottomissjoni” msemmija, huma jiġu miċħuda l-awtorizzazzjoni biex joperaw kwalunkwe servizz fiż-żona.

(149)

Medmar sostniet li ma kienx hemm bżonn li r-Reġjun tal-Campania jafda lil Caremar bl-OSP b’kumpens, peress li Medmar setgħet tipprovdi l-istess servizz mingħajr kumpens.

(150)

B’mod partikolari, Medmar spjegat li fl-2011 hija operat vjaġġi ta’ kuljum, kif ġej:

—

Ischia/Napli: seba’ vjaġġi ta’ kuljum (li ħamsa minnhom inkludew waqfa fi Procida);

—

Ischia/Pozzuoli: 13-il vjaġġ ta’ kuljum flimkien ma’ konnessjoni waħda ta’ kuljum għal Casamicciola matul l-istaġun tas-sajf.

(151)

Min-naħa l-oħra, skont Medmar, Caremar operat għadd aktar baxx ta’ vjaġġi fuq ir-rotot imsemmija, kif ġej:

—

Ischia/Napli: 11-il vjaġġ ta’ kuljum flimkien ma’ tlieta matul l-istaġun tas-sajf;

—

Ischia/Procida/Pozzuoli: tliet vjaġġi ta’ kuljum.

(152)

Barra minn hekk, Medmar enfasizzat li l-kwalità tas-servizzi u tal-bastimenti użati taqbel ma’ dawk ta’ Caremar. Barra minn hekk, impriżi privati oħra joperaw fl-istess żona.

(153)

F’dawk iċ-ċirkostanzi, Medmar ikkonkludiet li l-inkarigu tal-OSP lil Caremar ma kienx meħtieġ u għalhekk inkompatibbli mat-TFUE.

(154)

Jekk il-Kummissjoni tqis li l-inkarigu tal-OSP huwa meħtieġ, Medmar targumenta li dan l-inkarigu jikser l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92, li skontu “[...] Kull meta Stat Membru jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, dan għandu jagħmel hekk fuq bażi mhux diskriminatorja għar-rigward ta’ proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità” u “[...] kull kumpens għal obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku għandu jkun disponibbli lill-proprjetarji kollha tal-vapuri tal-Komunità” .

(155)

Medmar argumentat ukoll li l-Italja naqset milli tipprovdi informazzjoni dwar l-ammonti mogħtija għal kull konnessjoni operata minn Caremar.

7.1.2.   Dwar il-prijorità tal-irmiġġ

(156)

Medmar targumenta li l-prijorità tal-irmiġġ lil Caremar tikser l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 sa fejn tagħti l-aħjar konnessjonijiet fl-aktar sigħat ekonomikament profittabbli lil Caremar, u b’hekk tiddiskrimina kontra s-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni u żżommhom milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprovdu servizzi f’suq miftuħ.

(157)

Medmar tirreferi wkoll għar-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (“AGCM”), fit-13 ta’ Lulju 2009 li tikkonċerna l-abrogazzjoni tad-dispożizzjoni (106) li skontha Caremar hija permessa prijorità tal-irmiġġ għas-servizzi tagħha. Skont l-AGCM, din id-dispożizzjoni thedded li telimina l-kompetizzjoni minħabba li tipprevjeni lill-kumpaniji privati milli joperaw konnessjonijiet f’sigħat li huma ekonomikament profittabbli.

7.1.3.   Dwar il-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010

(158)

Medmar tirrimarka li skont il-Liġi 163/2010 l-Italja estendiet il-Konvenzjoni Inizjali sa tmiem il-proċess ta’ privatizzazzjoni. Din l-estensjoni tikser ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 sa fejn l-impriża, li kellha twettaq l-OSP, ma ntgħażlitx skont proċedura ta’ sejħa pubblika għall-offerti, u b’hekk iddiskriminat kontra Medmar.

(159)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19 tal-Liġi 163/2010, Caremar ingħatat EUR 2 115 000 għall-modernizzazzjoni tal-flotta tagħha, ammont li, fil-fehma ta’ Medmar, jikkostitwixxi għajnuna operattiva, għalhekk inkompatibbli. Barra minn hekk, il-Liġi 163/2010 tat lil Caremar u lill-kumpaniji l-oħra tal-ex Tirrenia Group aċċess għal EUR 49 000 000 biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità, ammont li, fil-fehma ta’ Medmar, jikkostitwixxi wkoll għajnuna operatorja, u għalhekk inkompatibbli.

(160)

Fl-aħħar nett, Medmar targumenta li l-eżenzjonijiet fiskali relatati mal-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli.

7.2.   Kummenti ta’ SNAV u ACAP

(161)

Fir-rigward tal-inkarigu ta’ OSP lil Caremar, SNAV u ACAP argumentaw li l-kriterju Altmark li jirrikjedi l-eżistenza ta’ SGEI ġenwin ma ġiex issodisfat u ma kienx hemm bżonn għall-inkarigu inkwistjoni, minħabba li r-rotot operati minn Caremar kienu operati wkoll minn impriżi privati. B’mod partikolari, SNAV operat ir-rotot li ġejjin:

—

Sorrento/Capri: seba’ vjaġġi ta’ kuljum matul il-ġimgħa, ħames vjaġġi fi tmiem il-ġimgħa;

—

Napli/Ischia: erba’ vjaġġi ta’ kuljum, li tlieta minnhom jgħaddu minn Procida;

—

Procida/Ischia: erba’ vjaġġi ta’ kuljum;

—

Procida/Napli: erba’ vjaġġi ta’ kuljum.

(162)

SNAV u ACAP jargumentaw li l-inkarigu tal-SGEI lil Caremar u l-kumpens relatat jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE.

7.3.   Kummenti ta’ GNV

(163)

Il-kummenti ta’ GNV kienu jikkonċernaw il-prijorità tal-irmiġġ u l-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010.

(164)

Fir-rigward tal-prijorità tal-irmiġġ, GNV osservat li Caremar u l-kumpaniji l-oħra tal-Tirrenia Group kienu kapaċi jibbenefikaw l-aktar, f’termini ta’ ħinijiet u rmiġġ, mill-opportunitajiet tat-trasport tal-passiġġieri offruti mis-suq, billi għażlu l-ħinijiet l-aktar konvenjenti għall-irmiġġ, u b’hekk tejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-segment tat-trasport tal-passiġġieri għad-detriment ta’ kumpaniji privati kompetituri.

(165)

Fir-rigward tal-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010, GNV sostniet li dawk il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna operatorja li bis-saħħa tagħha Caremar, kif ukoll il-kumpaniji l-oħra tal-Tirrenia Group, irnexxielhom jevitaw kostijiet li normalment ikollhom jiġġarrbu permezz tar-riżorsi finanzjarji proprji tagħhom.

7.4.   Kummenti ta’ Alilauro

(166)

Alilauro sostniet li qabel il-privatizzazzjoni ta’ Caremar, ir-Reġjun tal-Campania kien qed jabbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu billi kkoordina t-traffiku kollu fil-Golf ta’ Napli permezz tal-allokazzjoni tal-OSP u billi ddetermina l-livell tat-tariffi. Skont Alilauro, kien hemm kunflitt ta’ interess, li wassal lir-Reġjun tal-Campania biex ma jnedix is-sejħa pubblika għall-offerti għall-bejgħ ta’ Caremar.

(167)

Barra minn hekk, Alilauro argumentat li r-rotot kollha koperti minn Caremar kienu operati wkoll minn operaturi privati oħra, mingħajr ma rċevew l-ebda kumpens pubbliku, filwaqt li l-allegazzjoni għall-aggravazzjoni tal-kostijiet minn Caremar bħala riżultat tal-preżenza obbligatorja ta’ bastimenti fil-portijiet tal-gżejjer hija infondata, jew minħabba l-preżenza fil-portijiet ta’ bastimenti privati jew minħabba li, fil-każ ta’ servizzi tas-saħħa ta’ emerġenza, dawn jistgħu jiġu pprovduti minn dgħajjes bil-mutur mibnija apposta għal dan l-għan, kif ukoll minn ħelikopters.

7.5.   Kummenti ta’ NLG

(168)

Skont NLG, ma kien hemm l-ebda ħtieġa pubblika ġenwina fuq ir-rotta Napli/Capri minħabba li NLG kienet topera d-doppju ta’ vjaġġi ta’ kuljum lejn il-gżira ta’ Capri, li hija qieset bħala ekwivalenti għal dawk ta’ Caremar f’termini ta’ kwalità, kontinwità u kumdità tal-bastiment.

(169)

Barra minn hekk, NLG staqsiet dwar il-fatt li l-estensjonijiet tal-Konvenzjoni Inizjali seħħew mingħajr sejħa għal offerti pubbliċi minn qabel, u b’hekk iddiskriminat kontra NLG.

(170)

Barra minn hekk, NLG sostniet li l-miżuri previsti mil-Liġi 163/2010 jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli minħabba n-natura tagħhom ta’ għajnuna operattiva, filwaqt li l-prijorità tal-irmiġġ ta’ Caremar kienet tikkostitwixxi ksur ulterjuri, peress li ppermettiet lil Caremar tibbenefika mill-aħjar rotot u skedi ta’ ħinijiet.

7.6.   Kummenti ta’ Marworld

(171)

Marworld sostniet li r-Reġjun tal-Campania ta għajnuna lil Caremar matul il-proċess ta’ privatizzazzjoni. B’mod partikolari, Marworld indikat li bid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 316 tal-21 ta’ Mejju 2015, ir-Reġjun tal-Campania ta EUR 2 155 008 lil Caremar, soġġetti għall-akkwist tagħha minn SNAV/Rifim, sabiex tiġi restawrata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Caremar għall-valur li kien fis-seħħ meta SNAV/Rifim kienet offriet EUR 6 000 001 għall-akkwist ta’ Caremar.

8.   KUMMENTI MILL-ITALJA

8.1.   Dwar l-OSP u l-ambjent kompetittiv

(172)

L-Italja tispjega li Caremar twettaq l-attivitajiet tagħha biss fit-twettiq tal-OSP u li Caremar għandha kompetenza kważi esklużiva fil-qasam tat-trasport tal-vetturi u tal-merkanzija (eż. effetti postali) mill-gżejjer tal-Golf ta’ Napli lejn l-Italja kontinentali, li huwa ta’ ftit interess kummerċjali, filwaqt li l-kompetituri essenzjalment jiffukaw fuq it-trasport tal-passiġġieri (ara b’mod partikolari l-premessi minn (182) sa (185)).

(173)

Skont l-Italja, l-OSP fdat lil Caremar jissodisfa ħtieġa reali u attwali ta’ komunitajiet stabbiliti fuq il-gżejjer, li x’aktarx ma jiġux ipprovduti mill-forzi tas-suq waħedhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontinwità territorjali u l-frekwenza tal-vjaġġi, ir-regolarità u l-puntwalità tagħhom, kif ukoll għadd ta’ rekwiżiti dwar il-kapaċità tal-bastimenti u tal-ekwipaġġ.

(174)

Sabiex turi l-eżistenza ta’ domanda ġenwina mill-utenti għas-servizzi marittimi kkonċernati, l-Italja pprovdiet data dwar it-traffiku ta’ Caremar fuq ir-rotot tal-OSP koperti mill-Konvenzjoni Inizjali estiża, mill-kuntratt tranżitorju u mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(175)

Fir-rigward tar-rotot fil-Golf ta’ Napli, id-data dwar is-servizzi marittimi ta’ Caremar fuq dawk ir-rotot fil-perjodu 2009–2021 (ara t-Tabelli 3 sa 8 hawn taħt) turi li d-domanda tal-utenti, mhux biss għat-traffiku tal-passiġġieri iżda wkoll għat-traffiku mħallat (jiġifieri inkluż il-vetturi u l-merkanzija), kienet dejjem preżenti. Barra minn hekk, skont l-Italja, il-fatt li t-traffiku ta’ Caremar baqa’ stabbli matul is-snin huwa indikazzjoni ċara li l-offerta ta’ Caremar issodisfat id-domanda tal-utenti li toriġina mill-popolazzjoni lokali – li hija pjuttost stabbli peress li r-residenti jeħtieġu s-servizz tat-trasport marittimu fuq bażi ta’ kuljum matul is-sena – u ma kinitx affettwata mill-fluttwazzjonijiet tat-traffiku turistiku.

(176)

Fir-rigward tar-rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino, li kienu operati minn Caremar biss bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Mejju 2011 (119), l-Italja pprovdiet l-għadd ta’ passiġġieri servuti minn Caremar fuq dawk ir-rotot fis-snin 2009 u 2010 u l-għadd ta’ vetturi ttrasportati fuq dawk ir-rotot fis-snin 2009, ara t-Tabella 9. Skont l-Italja, dik id-data, għalkemm parzjali (120), tippermetti li jitqies li d-domanda tal-utenti fuq dawk ir-rotot kienet preżenti u stabbli fuq dawk ir-rotot.

Tabella 9

Passiġġieri u vetturi trasportati fis-snin 2009 u 2010

Rotot

2009

2010

Passiġġieri

Vetturi

Passiġġieri

Vetturi

Anzio/Ponza

31 494

2 808

32 202

M/A

Formia/Ponza

157 055

13 926

165 370

M/A

Formia/Ventotene

99 087

3 063

106 886

M/A

(177)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji tas-sentenza SNCM (121) għas-sitwazzjoni tat-trasport marittimu fil-Golf ta’ Napli, l-Italja ssostni li dawk il-kriterji mhumiex xierqa sa fejn jiddefinixxu analiżi purament kwantitattiva bbażata fuq it-tqabbil tal-provvista u d-domanda tat-trasport, li ma tikkunsidrax il-karatteristiċi speċifiċi tal-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku tal-popolazzjoni lokali.

(178)

Fir-rigward tad-definizzjoni tad-domanda tal-utenti u tal-offerta tas-suq, l-Italja spjegat li l-għażliet li saru mir-Reġjun tal-Campania f’termini ta’ frekwenzi u skedi tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti minn Caremar fuq ir-rotot koperti mill-Konvenzjoni Inizjali estiża kienu bbażati fuq il-ħtiġijiet espressi mill-awtoritajiet lokali u segwew diskussjonijiet mal-kumpaniji tat-tbaħħir li joperaw fil-Golf ta’ Napli dwar il-kapaċità tagħhom li jipprovdu s-servizzi f’termini tas-suq jew taħt OSP impost unilateralment.

(179)

B’mod partikolari, l-Italja spjegat li l-qafas proċedurali għad-definizzjoni mir-Reġjun tal-Campania tal-OSP fis-settur tat-trasport marittimu huwa stabbilit mill-Artikolu 17 tal-Liġi Reġjonali Nru 3 tat-28 ta’ Marzu 2002 li skontu r-Reġjun tal-Campania għandu jikkonsulta lill-utenti tas-servizz u lill-fornituri tas-servizzi qabel ma jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSP. Barra minn hekk, skont l-istess artikolu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSP għandu jiġi vverifikat, u jekk meħtieġ rivedut, kull 3 snin. Sa fejn hija kkonċernata l-Konvenzjoni Inizjali estiża, l-OSP ipprovdut minn Caremar mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011 kien ibbażat fuq konsultazzjoni pubblika mwettqa mir-Reġjun tal-Campania fl-2006–2007 (122). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSP, f’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien (ir-rotot tal-OSP infushom baqgħu l-istess), ġie rivedut fl-2011 bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011 abbażi ta’ konsultazzjoni pubblika mwettqa fl-2010–2011 (tnediet f’Novembru 2010).

(180)

L-Italja pprovdiet id-dettalji tax-xogħlijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011 li permezz tagħha r-Reġjun tal-Campania adotta programm ta’ 3 snin (2011–2013) ta’ servizzi minimi fil-Golf ta’ Napli (ara l-premessa 38) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2011. Dak il-programm kien jikkonċerna l-operaturi kollha ta’ servizzi marittimi fil-Golf ta’ Napli. Fir-rigward ta’ Caremar, bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30 ta’ Diċembru 2011, ir-Reġjun tal-Campania introduċa xi bidliet marġinali fl-iskedi u l-frekwenzi li għandhom jiġu operati minn Caremar b’effett mis-16 ta’ Jannar 2012.

(181)

L-Italja spjegat li, wara l-konsultazzjoni pubblika li saret f’Novembru–Diċembru 2010, fil-bidu tal-2011, ir-Reġjun tal-Campania stieden lir-rappreżentant tal-muniċipalitajiet tal-Golf ta’ Napli għal laqgħat tekniċi biex jiddiskutu l-ħtiġijiet pubbliċi identifikati mill-konsultazzjoni pubblika, fid-dawl tar-reviżjoni tal-programm tas-servizzi tat-trasport marittimu fil-Golf ta’ Napli (123). Fit-22 ta’ Lulju 2011, ir-Reġjun tal-Campania ltaqa’ mal-kumpaniji tat-tbaħħir li joperaw fil-Golf ta’ Napli (NLG, Alilauro, Aligruson, SNAV, ACAP) biex jiddiskuti l-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku identifikati mir-Reġjun flimkien mal-awtoritajiet lokali u jivverifika d-disponibbiltà tas-suq biex jipprovdi servizzi suffiċjenti biex jissodisfa dawk il-ħtiġijiet. Id-diskussjoni kkonfermat li s-suq waħdu ma kienx jipprovdi s-servizzi kollha identifikati mir-Reġjun tal-Campania bħala meħtieġa biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa pubblika. Fit-28 ta’ Lulju 2011, ir-Reġjun tal-Campania reġa’ ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-gżejjer tal-Golf ta’ Napli biex jiddefinixxi magħhom it-teknikalitajiet tal-programm ta’ 3 snin (2011–2013) f’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien (124). Wara l-adozzjoni ta’ programm ta’ 3 snin (2011–2013) ta’ servizzi minimi fil-Golf ta’ Napli (ara l-premessa 38), il-muniċipalità ta’ Procida lmentat li ma kinitx moqdija biżżejjed taħt il-programm il-ġdid ta’ 3 snin (125). Għalhekk, fis-7 ta’ Ottubru 2011, ir-Reġjun tal-Campania stieden lir-rappreżentanti tal-muniċipalitajiet tal-Golf ta’ Napli għal laqgħa teknika biex jiddiskutu aġġustamenti possibbli għall-programm ta’ 3 snin adottat.

(182)

Fir-rigward tal-ambjent kompetittiv, l-Italja qieset li s-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar ma kinux jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-residenti tal-gżejjer b’mod xieraq. L-Italja spjegat li d-densità estremament għolja tal-popolazzjoni tal-gżejjer ta’ Capri (126), Ischia (127) u Procida (128), li flimkien jammontaw għal aktar minn 96 000 resident (jiġifieri madwar 3 % ta’ aktar minn tliet miljun resident fil-Provinċja ta’ Napli li għaliha jappartjenu dawn il-gżejjer) (129), tirrikjedi li t-trasport marittimu jkun frekwenti daqs it-trasport lokali fuq l-art sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-istudenti u tal-ħaddiema li jivvjaġġaw kuljum lejn u mill-Italja kontinentali.

(183)

Sal-2017, il-programm tas-servizzi tat-trasport marittimu fil-Golf ta’ Napli ġabar is-servizzi tat-trasport marittimu taħt it-tliet kategoriji li ġejjin:

(a)

Servizzi tas-suq – Il-kumpaniji tat-tbaħħir marittimu jistgħu joperaw fil-Golf ta’ Napli soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel (130). L-iskeda u l-frekwenza tas-servizz jintgħażlu mill-kumpanija tat-tbaħħir marittimu fil-mument tal-applikazzjoni tagħha għall-awtorizzazzjoni biex topera r-rotta. L-operatur tas-suq mhuwiex obbligat li jipprovdi s-servizz iżda, jekk is-servizz jew parti minnu – eż. f’ċerti sigħat jew f’ċerti jiem – ma jiġix ipprovdut għal ċertu perjodu ta’ żmien, l-awtorizzazzjoni biex jopera tiġi revokata għas-servizzi mhux ipprovduti (131).

(b)

Servizzi tal-OSP mingħajr kumpens – Il-kumpaniji tat-tbaħħir marittimu awtorizzati biex joperaw rotta jistgħu jkunu soġġetti għal OSP (f’termini ta’ frekwenza, regolarità, tipi ta’ bastimenti użati u nollijiet massimi) mingħajr kumpens (132). Dawk l-OSP kienu jikkonċernaw servizzi tat-trasport marittimu li ġew identifikati mir-Reġjun tal-Campania bħala importanti biex tiġi żgurata l-kontinwità bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer. Madankollu, kif spjegat mill-Italja, ir-Reġjun tal-Campania ma kellu l-ebda kontroll reali fuq il-provvista effettiva ta’ dawk is-servizzi minħabba li l-operaturi marittimi setgħu jieqfu jipprovduhom għall-konvenjenza tagħhom, mingħajr ebda penali, billi jagħtu avviż bil-quddiem ta’ 45 jum. Jekk is-servizz jew parti minnu – eż. f’ċerti sigħat jew f’ċerti jiem – ma kienx ipprovdut għal ċertu perjodu ta’ żmien, l-awtorizzazzjoni għall-operat ġiet revokata għas-servizzi mhux ipprovduti. Barra minn hekk, l-Italja spjegat li l-kompetituri ta’ Caremar dejjem setgħu jitolbu lir-Reġjun tal-Campania jissospendi temporanjament is-servizzi tal-OSP kollha jew parti minnhom imposti fuqhom. Dan seħħ, pereżempju, fl-2009 meta xi wħud mill-kompetituri ta’ Caremar talbu lir-Reġjun tal-Campania biex inaqqas l-għadd ta’ servizzi ta’ OSP li kellhom jipprovdu fil-Golf ta’ Napli u biex iżid in-nollijiet massimi li setgħu jitolbu għas-servizzi tal-OSP li jifdal, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji li l-operaturi marittimi kienu qed jiffaċċjaw minħabba l-kriżi ekonomika (133). F’dik l-okkażjoni, ir-Reġjun tal-Campania, wara li wettaq konsultazzjoni pubblika dwar il-ħtiġijiet lokali, iddeċieda li ma jżidx in-nollijiet massimi fuq ir-rotot tal-OSP u li jippermetti sospensjoni temporanja (134) ta’ xi wħud mis-servizzi tal-OSP ipprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar fuq xi rotot (135). Barra minn hekk, l-Italja indikat li, bejn l-aħħar ta’ Diċembru 2010 u l-1 ta’ Ottubru 2011, Caremar, Gestour u Procida Lines inzertaw li kienu l-uniċi kumpaniji li jipprovdu servizzi marittimi fil-Golf ta’ Napli skont l-OSP minħabba li l-operaturi l-oħra kollha tat-tbaħħir f’daqqa waħda kienu rrifjutaw li jkomplu jipprovdu s-servizzi taħt l-OSP (136). Essenzjalment, l-Italja indikat li dik is-sistema ta’ OSP ma ħadmitx minħabba li l-operaturi tat-tbaħħir aċċettaw li joperaw ir-rotta skont l-OSP identifikata mir-Reġjun tal-Campania sempliċiment biex jiksbu s-slot tal-ħin rilevanti fil-qafas tal-irmiġġ approvat u ppubblikat mir-Reġjun tal-Campania. Fir-realtà, dawk is-servizzi spiss ma ġewx ipprovduti (137) jew ipprovduti mhux f’konformità mal-OSP (f’termini ta’ żmien u prezzijiet massimi (138)), b’mod partikolari matul l-istaġun kwiet. Għal din ir-raġuni, l-Italja enfasizzat li s-servizzi offruti mill-kompetituri ta’ Caremar taħt l-OSP ma kinux komparabbli ma’ dawk offruti minn Caremar mhux biss f’termini ta’ frekwenzi iżda wkoll f’termini ta’ affidabbiltà (eż. puntwalità, kwalità u garanzija aktar ġenerali tal-operat).

(c)

Servizzi tal-OSP b’kumpens – Is-servizzi koperti mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz konkluż ma’ Caremar huma soġġetti għal OSP f’termini ta’ kontinwità u frekwenza, regolarità, puntwalità, kwalità, tipi u kapaċità tal-bastimenti użati, u nollijiet, b’kumpens. L-Italja spjegat li dawn is-servizzi jikkonċernaw il-ħinijiet tal-ġurnata meta t-trasport marittimu huwa l-aktar meħtieġ mill-vjaġġaturi (kmieni filgħodu, kmieni waranofsinhar, u filgħaxija) (139). Il-qafas kuntrattwali, bis-sistema tiegħu ta’ penali, kien maħsub biex jiżgura l-forniment ta’ dawn is-servizzi.

(184)

L-Italja spjegat li l-kompetituri ta’ Caremar de facto ma kinux qed jipprovdu l-vjaġġi kollha msemmija fl-oqfsa tal-irmiġġ (“quadri accosti”) approvati u ppubblikati mir-Reġjun tal-Campania. Dan kien minħabba li, minn naħa waħda, il-kumpaniji tat-tbaħħir li joperaw f’termini tas-suq kienu awtorizzati, iżda mhux obbligati, joperaw is-slots tal-ħin identifikati f’dawk l-oqfsa tal-irmiġġ, u, min-naħa l-oħra, il-kumpaniji tat-tbaħħir li joperaw taħt OSP ma kinux issanzjonati b’mod effettiv f’każ ta’ nuqqas ta’ forniment tas-servizz ta’ OSP (140).

(185)

Wara li kkunsidrat l-oqfsa tal-irmiġġ approvati u ppubblikati mir-Reġjun tal-Campania għas-snin rilevanti u s-servizzi pprovduti b’mod effettiv mill-kompetituri ta’ Caremar fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012, l-Italja spjegat li s-sitwazzjoni kompetittiva fil-Golf ta’ Napli kienet din li ġejja:

(a)

Fuq ir-rotta Capri/Sorrento, minbarra Caremar, kien hemm erba’ kumpaniji oħra tat-tbaħħir awtorizzati biex joperaw fuq ir-rotta: Aligruson, NLG, SNAV u, fis-snin 2009 – 2010, Ali Maritime Agency S.r.l. (“Alimar”). Madankollu, skont l-Italja, is-servizzi pprovduti minn dawk il-kumpaniji ma ssodisfawx il-ħtieġa ta’ servizz pubbliku identifikata mir-Reġjun tal-Campania, li matul is-sena kollha kellha tiżgura biżżejjed konnessjonijiet (servizzi mħallta) li jippermettu lir-residenti ta’ Capri jivvjaġġaw kuljum lejn l-Italja kontinentali għal raġunijiet professjonali jew ta’ studju (jiġifieri bil-possibbiltà li jġibu l-karozzi tagħhom magħhom) kif ukoll il-kunsinna ta’ merkanzija lill-gżejjer (inkluż oġġetti postali). Fil-fatt, kif imsemmi fil-premessi 36(a) u 39(a), Caremar kellha tiggarantixxi matul is-sena żewġ vjaġġi bir-roundtrip filgħodu, vjaġġ wieħed roundtrip fil-bidu ta’ waranofsinhar u vjaġġ roundtrip wieħed filgħaxija, minn/lejn Capri bit-TMV. Għall-kuntrarju, il-kompetituri ta’ Caremar jew ipprovdew biss servizzi ta’ trasport marittimu tal-passiġġieri (dan kien il-każ ta’ NLG (141) u ta’ Alimar (142)) jew kienu joperaw ukoll servizzi mħallta iżda biss fil-perjodu tas-sajf (dan kien il-każ ta’ SNAV (143) u Aligruson (144)).

(b)

Fuq ir-rotta Capri/Napli, minbarra Caremar, kien hemm erba’ kumpaniji oħra tat-tbaħħir awtorizzati biex joperaw fuq ir-rotta: SNAV (145), NLG (146), Consorzio Linee Marittime Neapolis (“Neapolis”) (147) u Metrò del Mare S.c.a.r.l. (“Metrò del Mare”) (148). Madankollu, dawk l-operaturi kollha pprovdew biss servizzi tat-trasport marittimu tal-passiġġieri, filwaqt li Caremar kellha tipprovdi servizzi mħallta (ara l-premessa 36(b) u 39(b)). Skont l-Italja, is-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar ma ssodisfawx il-ħtieġa ta’ servizz pubbliku identifikata mir-Reġjun tal-Campania, li matul is-sena kollha kellhom ikunu żguratikonnessjonijiet biżżejjed (servizzi mħallta) li jippermettu lir-residenti ta’ Capri jivvjaġġaw kuljum lejn l-Italja kontinentali għal raġunijiet professjonali jew ta’ studju (jiġifieri bil-possibbiltà li jġibu l-karozzi tagħhom magħhom) kif ukoll il-konsenja ta’ merkanzija lill-gżejjer (inklużi oġġetti postali).

(c)

Fuq ir-rotta Ischia/Napli, minbarra Caremar, kien hemm żewġ kumpaniji oħra tat-tbaħħir awtorizzati biex joperaw fuq ir-rotta: Alilauro (li tipprovdi biss servizzi għall-passiġġieri) u Medmar (li tipprovdi biss servizzi mħallta). Skont l-Italja, is-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet pubbliċi tal-popolazzjoni lokali. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, Alilauro operat l-aktar matul il-perjodu tas-sajf u s-servizzi (limitati) ipprovduti matul is-sena ġew ipprovduti taħt l-OSP f’ħinijiet differenti minn dawk ipprovduti minn Caremar (ara l-premessi 36(c) u 39(c)). Fil-fatt, mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Alilauro operat 20 vjaġġ bl-aliskaf (19 taħt l-OSP u wieħed bit-termini tas-suq) kollha fil-perjodu tas-sajf bl-eċċezzjoni ta’ servizz wieħed tal-OSP (149). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Alilauro operat 14-il vjaġġ bl-aliskaf (ħamsa taħt l-OSP matul is-sena (150) u disgħa bit-termini tas-suq fil-perjodu tas-sajf biss). Fir-rigward tas-servizzi mħallta, Medmar operat l-aktar matul il-perjodu tas-sajf u s-servizzi (limitati) ipprovduti matul is-sena jew fix-xitwa biss ġew ipprovduti taħt l-OSP f’ħinijiet differenti minn dawk ipprovduti minn Caremar (ara l-premessi 36(c) u 39(c)). Fil-fatt, mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Medmar operat 19-il vjaġġ bil-lanċa/bit-TMV (12 taħt l-OSP u sebgħa f’termini tas-suq) fil-perjodu tas-sajf biss, u mhux dejjem kuljum. Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Medmar operat 23 vjaġġ bil-lanċa/bit-TMV (17 bit-termini tas-suq, kollha fil-perjodu tas-sajf, u sitta taħt l-OSP. Mis-sitt servizzi operati taħt l-OSP, żewġ vjaġġi biss kienu matul is-sena kollha (151), żewġ vjaġġi kienu biss fix-xitwa (152) u żewġ vjaġġi kienu biss fis-sajf (153)).

(d)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, minbarra Caremar, kien hemm żewġ kumpaniji oħra tat-tbaħħir fuq ir-rotta: Medmar, li kienet awtorizzata topera servizzi mħallta fuq ir-rotta (154) iżda li, skont l-Italja, kważi qatt ma operat; u SNAV, li operat tmien servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf taħt l-OSP. Skont l-awtoritajiet Taljani, is-servizzi ta’ SNAV ma kinux komparabbli mas-servizzi tal-passiġġieri li kellhom jiġu pprovduti minn Caremar. L-ewwel nett, fir-rigward tal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, is-servizzi ta’ SNAV kienu kollha (ħlief wieħed (155)) ikkonċentrati fl-istaġun tas-sajf, filwaqt li Caremar kellha tipprovdi s-servizzi kollha tagħha matul is-sena kollha (ara l-premessa 36(d)). It-tieni, għalkemm mill-1 ta’ Ottubru 2011 l-għadd ta’ vjaġġi pprovduti minn SNAV matul is-sena żdied għal sebgħa (156) (minn tmienja (157)) u Caremar żiedet żewġ vjaġġi fil-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru (ara l-premessa 39(d)), SNAV operat f’ħinijiet differenti tal-ġurnata minn Caremar.

(e)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, minbarra Caremar, kien hemm biss kumpanija tat-tbaħħir waħda oħra awtorizzata biex topera fuq ir-rotta, Medmar, li madankollu kienet topera servizzi mħallta l-aktar mingħajr waqfa fi Procida. Fil-fatt, fir-rigward tal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Medmar operat total ta’ 39 servizz imħallat permezz ta’ lanċa bejn Ischia u Pozzuoli (li l-maġġoranza tagħhom kienu biss matul il-perjodu tas-sajf (158)), li minnhom tliet servizzi mħallta biss kienu b’waqfa fi Procida (159). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Medmar operat total ta’ 40 servizz imħallat permezz ta’ lanċa bejn Ischia u Pozzuoli, li minnhom erba’ servizzi mħallta biss kienu b’waqfa fi Procida (160). Skont l-awtoritajiet Taljani, is-servizzi ta’ Medmar b’waqfa fi Procida ma kinux komparabbli ma’ dawk ipprovduti minn Caremar f’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien (ara l-premessi 36(e) u 39(e)). B’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi pprovduti matul is-sena, Caremar operat sitt servizzi mħallta kuljum – tlieta minn Ischia (fit-8:35 am, fil-11:30 am u fil-17:30) u tlieta minn Pozzuoli (fl-10:15 am, fis-14:00 u fis-18:55) – filwaqt li Medmar operat żewġ servizzi mħallta kuljum minn Ischia (fis-2:30 am u fis-18:55) u tnejn minn Pozzuoli (fl-4:10 am u fit-20:30). Fir-rigward tas-servizzi addizzjonali pprovduti minn Caremar matul il-perjodu skolastiku mis-16 ta’ Jannar 2012, Caremar kellha tiggarantixxi s-servizzi minn Ischia fis-7:20 am u minn Pozzuoli fid-9:00 am, filwaqt li Medmar ma pprovdiet l-ebda tbaħħir fuq ir-rotta b’waqfa fi Procida f’dak il-perjodu (161).

(f)

Fuq ir-rotta Ischia/Procida, minbarra Caremar, kien hemm seba’ kumpaniji oħra tat-tbaħħir awtorizzati biex joperaw fuq ir-rotta, l-aktar bħala parti minn rotta usa’ (eż. Ischia/Procida/Napli jew Ischia/Procida/Pozzuoli): minn naħa waħda Medmar (fir-rigward ta’ servizzi mħallta) (162) u SNAV (fir-rigward ta’ servizzi tal-passiġġieri) (163), li topera parzjalment taħt l-OSP u parzjalment b’termini tas-suq, u min-naħa l-oħra, Alilauro (164), Ippocampo S.r.l (“Ippocampo”) (165), Rumore S.r.l. (“Rumore”) (166), Marine Club S.r.l. (“Marine Club”) (167), u Capitan Morgan S.r.l. (“Capitan Morgan”) (168), li joperaw biss b’termini tas-suq. Skont l-Italja, is-servizzi pprovduti mis-suq kienu frammentati, marġinali u instabbli (169) wisq biex jitqiesu anki flimkien komparabbli mas-servizzi tal-OSP ipprovduti minn Caremar. Dan ġie kkonfermat mill-fatt li, wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fl-2011, ir-Reġjun tal-Campania qies neċessarju mis-16 ta’ Jannar 2012 li jżid mal-OSP diġà pprovdut minn Caremar fuq ir-rotta servizz addizzjonali ta’ kuljum tal-passiġġieri bl-aliskaf minn Procida għal Ischia fit-15:30 matul is-sena kollha sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tar-residenti fuq il-gżejjer (ara l-premessa 39(f)).

(g)

Fuq ir-rotta Procida/Pozzuoli, minbarra Caremar, kien hemm tliet kumpaniji oħra tat-tbaħħir awtorizzati biex joperaw fuq ir-rotta: Procida Lines S.r.l. (“Procida Lines”), Gestour S.r.l. (“Gestour”) u Ippocampo. Madankollu, skont l-Italja, il-bastimenti użati mill-kompetituri ta’ Caremar biex jipprovdu s-servizz kienu ta’ kapaċità limitata u ma setgħux iġorru passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa jew b’siġġu tar-roti. Barra minn hekk, is-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar jew ġew ipprovduti biss fil-perjodu tas-sajf u lanqas kuljum (dan kien il-każ ta’ Ippocampo) (170) jew, fi kwalunkwe każ, spiss ġew sospiżi jew ikkanċellati u għalhekk ma setgħux jipprovdu l-istess livelli ta’ regolarità bħal dawk ta’ Caremar (bħal fil-każ ta’ Procida Lines) (171). Fil-fatt, skont l-Italja, fil-perjodu 2012–2015 Gestour (172) biss kienet qed topera matul is-sena kollha fuq ir-rotta minbarra Caremar. Madankollu, l-Italja indikat li s-servizzi ta’ Gestour ma kinux komparabbli mas-servizzi ta’ Caremar f’termini ta’ durata tal-vjaġġ marittimu (Caremar kellha tipprovdi s-servizz bl-aliskaf, vjaġġ ta’ 15-il minuta, filwaqt li Gestour operat b’lanċa, vjaġġ ta’ 50 minuta).

(h)

Fuq ir-rotta Procida/Napli, minbarra Caremar, kien hemm żewġ kumpaniji oħra tat-tbaħħir awtorizzati biex joperaw fuq ir-rotta: SNAV (173) (li tipprovdi servizzi għall-passiġġieri bl-aliskaf) u Medmar (174) (li tipprovdi servizzi mħallta bil-lanċa). Skont l-Italja, is-servizzi tal-passiġġieri pprovduti minn SNAV matul is-sena ma kinux komparabbli ma’ dawk ipprovduti minn Caremar minħabba li kienu pprovduti f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.

(186)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva tar-rotot marittimi servuti minn Caremar fl-Arċipelagu ta’ Pontino fil-perjodu 2009–2011, l-Italja spjegat dan li ġej:

(a)

Fuq ir-rotta Ponza/Formia, minbarra Caremar, kien hemm biss kumpanija tat-tbaħħir waħda oħra fuq ir-rotta, Vetor S.r.l. (“Vetor”) li operat żewġ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf matul is-sena kollha taħt l-OSP (bi tluq minn Ponza fit-8:30 ta’ filgħodu u minn Formia fis-16:00). Skont l-Italja, is-servizzi ta’ Vetor ma kinux affidabbli peress li Vetor spiss tikkanċella t-tbaħħir, b’mod partikolari f’każ ta’ temp ħażin, u fi kwalunkwe każ ma kinux komparabbli mas-servizzi mħallta pprovduti minn Caremar li kienu jiggarantixxu lir-residenti konnessjoni ta’ kuljum matul is-sena wkoll għat-trasport ta’ vetturi u merkanzija. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, l-Italja spjegat li Caremar kienet meħtieġa żżomm il-bastimenti fuq il-gżira matul il-lejl sabiex tiżgura l-ewwel tbaħħir tal-ġurnata (fil-5:30 am minn Ponza) u tiggarantixxi konnessjoni ta’ kuljum mal-Italja kontinentali għal raġunijiet ta’ studju u xogħol (tirritorna għal Ponza fil-17:30). Id-disponibbiltà ta’ bastimenti fuq il-gżira matul il-lejl kienet maħsuba wkoll biex tiżgura t-trasport marittimu lejn l-Italja kontinentali f’każ ta’ emerġenza medika li ma setgħetx tiġi ssodisfata mit-trasport bl-ajru ta’ emerġenza (eż. ħelikopters).

(b)

Fuq ir-rotta Ponza/Anzio, minbarra Caremar, kien hemm biss kumpanija tat-tbaħħir waħda oħra fuq ir-rotta, Vetor, li operat żewġ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf matul l-eqqel staġun bit-termini tas-suq, filwaqt li, matul l-istaġun kwiet, Vetor operat biss żewġ vjaġġi nhar ta’ Sibt taħt l-OSP. Skont l-Italja, is-servizzi mħallta ta’ Caremar kienu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku u kellhom l-għan li jiżguraw li l-passiġġieri b’vetturi jkollhom il-possibbiltà li jkollhom vjaġġ bir-ritorn minn/lejn Ponza matul is-sena. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, l-Italja spjegat li s-servizzi ta’ Vetor ma kinux affidabbli peress li Vetor spiss tikkanċella t-tbaħħir, b’mod partikolari f’każ ta’ temp ħażin.

(c)

Fuq ir-rotta Formia/Ventotene, minbarra Caremar, kien hemm żewġ kumpaniji oħra tat-tbaħħir li operaw ir-rotta: Vetor u Societá Navigazione Arcipelago Ponziano S.r.l. (“SNAP”). Vetor ipprovdiet servizz wieħed ta’ kuljum għall-passiġġieri bl-aliskaf matul l-istaġun kwiet u servizz wieħed tal-passiġġieri bl-aliskaf kull nhar ta’ Tnejn matul l-eqqel staġun, it-tnejn li huma taħt l-OSP. SNAP ipprovdiet servizz wieħed ta’ kuljum għall-passiġġieri matul l-eqqel staġun bl-aliskaf bit-termini tas-suq. Skont l-Italja, is-servizzi ta’ Caremar kienu meħtieġa biex jippermettu lir-residenti ta’ Ventotene jivvjaġġaw lejn l-Italja kontinentali għal raġunijiet professjonali jew ta’ studju, peress li Caremar żgurat l-ewwel vjaġġ tal-ġurnata minn Ventotene bil-lanċa fil-5:30 am u servizz tal-passiġġieri ta’ kuljum minn Ventotene bl-aliskaf fis-6:45 am. Barra minn hekk, peress li l-bastimenti ta’ Caremar baqgħu fil-gżira billejl, dawn ippermettew it-trasport marittimu lejn l-Italja kontinentali f’każ ta’ emerġenza medika.

(187)

Fir-rigward tal-kummenti ta’ Medmar (ara t-taqsima 7.1), l-Italja kkwalifikat bħala parzjali u mhux kompluti l-konklużjonijiet milħuqa minn Medmar dwar l-ekwivalenza tas-servizzi tagħha ma’ dawk ipprovduti minn Caremar. Skont l-Italja, Medmar sempliċiment tqabbel is-servizzi tagħha ma’ dawk ipprovduti minn Caremar fuq ċerti rotot, billi tieħu bħala referenza biss il-frekwenza ta’ kuljum tal-vjaġġi, filwaqt li ma ssir l-ebda valutazzjoni fid-dawl tal-iskeda taż-żmien, l-istaġjonalità, it-tipi ta’ trasport u n-nollijiet. B’mod partikolari, fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, l-Italja enfasizzat li Caremar kienet l-unika kumpanija li tipprovdi servizzi tat-trasport marittimu affidabbli biżżejjed fiż-żmien tad-definizzjoni tal-OSP u li r-rotta dejjem kienet essenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-mobbiltà tal-istudenti fuq iż-żewġ gżejjer, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-saħħa relatati mal-possibbiltà li r-residenti ta’ Procida jilħqu l-isptarijiet ta’ Pozzuoli u Ischia.

(188)

Bi tweġiba għall-affermazzjoni ta’ Medmar li Caremar ma kellha bżonn l-ebda kumpens għas-servizzi pprovduti peress li Medmar kienet qed tipprovdi wkoll xi servizzi taħt l-OSP mingħajr kumpens fuq l-istess rotot, l-Italja spjegat li, meta fdat l-OSP, għamlet dan skont ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92, li jippermetti l-għoti tal-OSP orizzontalment lis-sidien tal-bastimenti interessati kollha. L-inkarigu tal-OSP twettaq f’żewġ stadji. L-ewwel nett, l-Italja imponiet l-OSP fuq operaturi interessati fuq ċerti rotot mingħajr kumpens. It-tieni, f’każ li l-kumpaniji ma xtaqux joperaw ir-rotot mingħajr kumpens, ir-Reġjun tal-Campania kien iniedi proċedura ta’ sejħa pubblika għall-offerti biex jidentifika l-impriża li tingħata kuntratt pubbliku ta’ servizz u kumpens korrelatat. Għalhekk, fil-fehma tar-Reġjun tal-Campania, Medmar aċċettat li topera l-OSP mingħajr kumpens, kif iddikjarat fl-Att ta’ Sottomissjoni ffirmat mill-kumpanija.

(189)

B’mod ġenerali, meta jitqies l-OSP impost fuq Caremar u dawk imposti fuq il-kompetituri tagħha (ara l-premessi minn 182 sa 186), l-Italja ssostni li s-servizzi tal-kompetituri li huma soġġetti għall-OSP essenzjalment jikkostitwixxu servizzi li l-kompetituri ta’ Caremar aċċettaw li jwettqu fil-kuntest tal-attivitajiet marittimi rispettivi tagħhom. Dawn l-OSP ma kinux komparabbli ma’ dawk li kellhom jiġu pprovduti minn Caremar, peress li l-operaturi setgħu jiġu rilaxxati billi jipprovdu lir-Reġjun tal-Campania b’avviż qasir, u barra minn hekk l-OSP ma kinux soġġetti għal penali f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tagħhom. Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ dawn l-OSP imposti fuq il-kompetituri ta’ Caremar ma neħħietx il-kuntratt pubbliku ta’ servizz konkluż ma’ Caremar biex tkompli tissodisfa l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali għall-kontinwità territorjali, kif ir-Reġjun tal-Campania vverifika perjodikament skont ir-reviżjoni tal-programmi marittimi li qiesu kemm is-servizzi pprovduti skont l-OSP kif ukoll il-kuntratt pubbliku ta’ servizz konkluż ma’ Caremar.

8.2.   Dwar il-privatizzazzjoni ta’ Caremar

(190)

L-Italja tiddikjara li, wara t-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni tas-26 ta’ Ottubru 2011 u l-kummenti tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2011 u tal-14 ta’ Marzu 2012, hija emendat is-sejħa għall-offerti għall-privatizzazzjoni ta’ Caremar f’konformità mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni bl-għan li jiġu żgurati t-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni tal-proċedura.

(191)

Pereżempju, kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tal-operatur ekonomiku li joffri l-offerta tneħħiet. Fi kwalunkwe każ, l-Italja tenfasizza li ma kien hemm l-ebda kundizzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta li timplika ż-żamma tal-persunal impjegat minn Caremar, u lanqas xi kundizzjoni relatata mar-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti mal-kumpanija.

(192)

Barra minn hekk, l-Italja mmodifikat ir-rekwiżit ta’ eliġibbiltà relatat mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, billi eliminat il-klawżoli li ppermettew biss lill-kumpaniji tat-tbaħħir jipparteċipaw fil-proċedura tal-offerti, u b’hekk ippermettiet parteċipazzjoni massima u l-aħjar ponderazzjoni kontra l-valuri ekonomiċi tal-proċedura. Fir-rigward tal-kriterju tal-għoti, l-Italja tikkonferma li l-kriterju tal-għażla kien l-ogħla prezz nett.

(193)

Għalhekk, l-Italja tqis li l-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar, għalkemm mhux maħsub bħala bejgħ ta’ ishma fil-Borża, jenħtieġ li jitqies bħala trasparenti, mingħajr kundizzjonijiet u mhux diskriminatorju, u b’hekk tiġi żgurata parteċipazzjoni massima.

8.3.   Dwar il-konformità tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mal-kriterji ta’ Altmark

(194)

L-Italja targumenta li l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jissodisfa l-erba’ kriterji ta’ Altmark għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ Altmark, l-Italja targumenta li l-missjoni pubblika definita fil-kuntratt tikkonċerna rotot ta’ kabotaġġ tal-gżejjer li jgħaqqdu l-Italja kontinentali mal-portijiet tal-gżejjer iż-żgħar. Dawn ir-rotot għandhom l-għan li jiżguraw, f’termini ta’ regolarità u frekwenza, servizz li huwa indispensabbli għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer, filwaqt li fl-istess ħin jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali tal-mobbiltà tal-komunitajiet tal-gżejjer, filwaqt li jiżguraw l-effettività tad-dritt iggarantit kostituzzjonalment għall-kontinwità territorjali. Barra minn hekk, il-kuntratt il-ġdid jidentifika b’mod ċar is-servizzi li għandhom jitwettqu, it-tipi ta’ bastimenti li għandhom jintużaw, l-islots tal-ħin li għandhom jiġu rispettati, inkluż il-vjaġġi ta’ filgħaxija u ta’ billejl u r-restrizzjonijiet tan-nollijiet li għandhom jiġu rrispettati;

(b)

it-tieni kriterju ta’ Altmark ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha tal-2011;

(c)

b’referenza għat-tielet kriterju ta’ Altmark, l-Italja teskludi kwalunkwe possibbiltà li Caremar tkun irċeviet kumpens li jaqbeż dak li kien meħtieġ biex tkopri l-kostijiet imġarrba fit-twettiq tal-OSP, filwaqt li tqis ir-riċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi. B’mod partikolari, l-Italja targumenta li l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jinkludi biżżejjed klawżoli ta’ rkupru minħabba li, kif previst pereżempju fl-Artikolu 18 tiegħu, intitolat “Irkupru ta’ kumpens żejjed”, kwalunkwe kumpens żejjed kellu jiġi rritornat mill-kumpanija fi żmien 30 jum mit-talba rilevanti. Dan huwa dak li ġara għas-snin finanzjarji 2015, 2016 u 2017, u 2018 u 2019, fejn, f’konformità mal-proċedura ta’ verifika prevista fil-kuntratt, ġie identifikat kumpens żejjed għal dawk il-perjodi u ġie rkuprat (ara l-premessa 96);

(d)

l-Italja tqis li r-raba’ kriterju ta’ Altmark huwa ssodisfat ukoll, peress li l-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti trasparenti u kompetittiva, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi operaturi, li ppermettiet l-għażla tal-offerent kapaċi li jipprovdi s-servizzi bl-inqas kost possibbli. Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni rigward l-iggruppar tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mal-privatizzazzjoni ta’ Caremar, l-Italja tiċċara li saru l-aġġustamenti kollha meħtieġa, abbażi tat-talba tal-Kummissjoni, għall-abbozz tad-dokumenti tal-offerti sabiex jinġiebu f’konformità mal-qafas leġiżlattiv rilevanti.

8.4.   Dwar il-primjum tar-riskju ta’ 6,5 % stabbilit fid-Deliberazzjoni 111/2007 mill-2010 u l-10,55 % applikati għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid

(195)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-primjum tar-riskju ta’ 6,5 % ma jidhirx li jirrifletti livell xieraq ta’ riskju, meta jitqies li ma jidhirx li l-operaturi jassumu r-riskji normalment imġarrba fl-operat tas-servizzi tat-trasport marittimu (ara l-premessa 247 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011).

(196)

Skont l-Italja, il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni jidhru li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-parametru tal-primjum tar-riskju. Il-primjum tar-riskju ma jikkostitwixxix kumpens biex ikopri l-kostijiet li l-operatur xorta waħda jkollu jġorr fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, peress li, sussidjarjament, l-attività tkun b’telf. L-Italja targumenta li l-ebda imprenditur qatt ma jiddeċiedi li jwettaq attività għall-iskop uniku li jkopri l-kostijiet tiegħu. Fil-fatt, it-tielet kriterju ta’ Altmark jipprevedi redditu raġonevoli fuq il-kapital (profitt) li jkun meħtieġ minn impriża tipika sabiex tivvaluta jekk tipprovdix l-SGEI għad-durata kollha tal-perjodu tal-inkarigu jew le. Għalhekk, il-primjum tar-riskju inkwistjoni huwa r-remunerazzjoni meħtieġa biex jiġi rilaxxat l-OSP, li jakkumula għall-imprenditur li jġarrab u jimmaniġġja r-riskju tan-negozju.

(197)

L-Italja tissottolinja li l-primjum tar-riskju huwa ddeterminat bl-użu ta’ analiżijiet makroekonomiċi li jattribwixxu primjum tar-riskju medju lill-pajjiż jew liż-żona ta’ referenza għas-settur ikkonċernat. Skont l-IESE Business School, 6,4 % ikun primjum tar-riskju tal-pajjiż xieraq għall-Italja. Dan il-primjum huwa għalhekk kompletament konformi mal-primjum tar-riskju ta’ 4 % identifikat fid-Deliberazzjoni 111/2007, b’żieda ta’ 2,5 % għal servizzi mhux esklużivi (primjum tar-riskju ta’ 6,5 %). L-Italja tiċċara li l-primjum tar-riskju ta’ 6,5 % kien jikkorrispondi wkoll għar-rata ta’ redditu fuq il-kapital investit li kellha Caremar fl-2009 matul l-ewwel sena tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali. Barra minn hekk, l-Italja tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2017 dwar il-konnessjoni marittima veloċi tal-passiġġieri fl-Italja bejn Messina u Reggio Calabria, fejn il-metodoloġija tal-kalkolu, bl-użu tar-rata ta’ remunerazzjoni fissa ta’ 8 % kif mistennija, ma ġietx ikkontestata. B’mod partikolari, f’dan l-aħħar każ, il-Kummissjoni aċċettat rata ta’ 8 % li tikkonsisti mill-primjum ta’ riskju ta’ 6,5 % imsemmi fid-Deliberazzjoni 111/2007, fid-dawl tal-fatt li l-kuntratt ma kienx jinvolvi l-għoti ta’ drittijiet esklużivi, flimkien ma’ żieda ulterjuri ta’ 1,5 %, fid-dawl tat-tul qasir tal-kuntratt.

(198)

Ir-rata (gross) ta’ 6,5 % intużat sal-2015, filwaqt li wara dan, għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, ir-rata ta’ redditu fuq il-kapital investit ikkunsidrata għall-finijiet tal-kumpens ġiet stabbilita għal 10,55 %, li tqieset bħala profitt raġonevoli fid-dawl tar-riskju mġarrab minn Caremar fil-forniment tas-servizzi tal-OSP. L-Italja targumenta li r-rata hija ogħla mill-kuntratti preċedenti – li jistabbilixxu rata ta’ 6,5 % – minħabba r-riskju intraprenditorjali għoli li Caremar hija esposta għalih minħabba l-kumpens nieqes probabbli li jista’ jirriżulta matul id-9 snin tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid (eż. il-volatilità tal-prezzijiet tal-fjuwil). L-Italja tirrimarka li skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid Caremar iġġarrab bis-sħiħ kwalunkwe kumpens nieqes ta’ 5 % jew inqas tal-kumpens totali iżda hija esposta wkoll għar-riskju ta’ kumpens nieqes ta’ aktar minn 5 % tal-kumpens totali. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ riekwilibriju previst fl-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mhuwiex obbligatorju (ir-reviżjoni tal-parametri ewlenin tal-kumpens hija biss “permessa”, li jfisser li r-Reġjun tal-Campania mhux bilfors irid jaċċettah) u, minħabba l-karatteristiċi tiegħu (jiġifieri, in-nuqqas ta’ retroattività, il-possibbiltà li l-kumpens jiġi aġġustat biss permezz ta’ bidliet fil-parametri tal-forniment tas-servizz), għandu biss effetti limitati fuq l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt. Skont l-Italja, Caremar (i) iġġarrab kwalunkwe kumpens nieqes (saħansitra ogħla minn 5 % tal-kumpens totali) mġarrab fl-ewwel 3 snin tal-kuntratt u fl-aħħar 3 snin tal-kuntratt minħabba li l-mekkaniżmu ta’ riekwilibriju jindirizza biss il-parametri tal-kumpens marbuta mal-forniment tas-servizz u għall-futur biss; (ii) iġġarrab kwalunkwe kumpens nieqes ta’ 5 % jew inqas imġarrab fis-6 snin li jifdal tal-kuntratt; u (iii) tista’ ġġarrab kumpens nieqes ta’ aktar minn 5 % fis-6 snin kollha tal-kuntratt jew f’xi wħud minnhom jekk il-mekkaniżmu ta’ riekwilibriju ma jiġix attivat jew jiġi attivat biss għal 3 mis-6 snin.

8.5.   Dwar il-konformità tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mal-Qafas SGEI tal-2011

(199)

L-Italja tiċċara li s-servizz ingħata wara proċedura ta’ akkwist pubbliku miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Is-servizz ta’ konnessjoni marittima bejn il-gżejjer tal-Golf ta’ Napli jiżgura l-kontinwità territorjali, filwaqt li jipprovdi mobbiltà għar-residenti li jużaw is-servizz fuq bażi ta’ kuljum għall-ħtiġijiet tax-xogħol u tal-istudju. F’każijiet bħal dawn, is-servizz ipprovdut mhuwiex komparabbli f’termini ta’ regolarità u frekwenza tal-konnessjonijiet, kif ukoll f’termini tat-tip ta’ bastiment. Barra minn hekk, il-kumpens ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kostijiet imġarrba fit-twettiq tal-OSP, filwaqt li jitqies profitt raġonevoli. Fl-aħħar nett, l-ammont tal-kumpens ġie stabbilit fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deliberazzjoni 111/2007.

(200)

F’dan il-kuntest, l-Italja ssostni li ġew stabbiliti mekkaniżmi (eż. permezz tal-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz – verifika tal-bilanċ finanzjarju ekonomiku – u l-Artikolu 18 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz – irkupru ta’ kumpens żejjed) biex jiġi evitat li Caremar tiġi kkumpensata żżejjed skont il-punt 49 tal-Qafas SGEI tal-2011.

(201)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt jekk saritx konsultazzjoni pubblika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid skont il-punt 14 tal-Qafas SGEI tal-2011, l-Italja tenfasizza li d-definizzjoni ta’ pjanijiet strateġiċi għal konnessjonijiet marittimi tal-SGEI reġjonali fir-Reġjun tal-Campania hija r-riżultat ta’ proċess kumpless ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jinvolvi, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet lokali kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali. Ir-Reġjun tal-Campania vverifika regolarment is-sitwazzjoni tas-suq u l-adegwatezza tas-servizzi pubbliċi mal-ħtiġijiet espressi mill-awtoritajiet lokali u l-utenti, permezz ta’ investigazzjonijiet tas-suq fil-fond u aġġornati regolarment.

8.6.   Dwar il-prijorità tal-irmiġġ u l-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010

(202)

L-Italja ċċarat li l-operaturi kollha tal-laneċ, inkluż Caremar, iħallsu tariffi regolari lill-awtoritajiet tal-port rilevanti għall-irmiġġ. Madankollu, għall-prijorità tal-irmiġġ, l-Italja tirrikonoxxi li Caremar ma ħallset l-ebda tariffa addizzjonali. L-Italja tiddikjara li d-dispożizzjoni ta’ prijorità tal-irmiġġ qatt ma ġiet applikata. Il-prijorità tal-irmiġġ ma tiġix remunerata; għalhekk, il-miżura tipprovdi vantaġġ regolatorju, li ma jinvolvi l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u tirreferi biss għar-rotot koperti mill-OSP. Għalhekk, skont l-Italja, il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(203)

Fir-rigward tal-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010, l-Italja tindika li Caremar irċeviet EUR 2 115 000, li ntużaw esklużivament biex jaġġornaw il-bastimenti tagħha sabiex jikkonformaw mar-regolamenti internazzjonali dwar is-sikurezza (175) u qatt ma ntużaw għal skopijiet ta’ likwidità. Barra minn hekk, fir-rigward tal-vantaġġi tat-taxxa, l-Italja tiċċara li Caremar ma bbenefikatx minn dawk il-vantaġġi, filwaqt li, sa fejn huma kkonċernati l-fondi tal-FAS, dawn ma ġewx żborżati lil Caremar. B’mod partikolari, l-Italja ċċarat li l-Artikolu 1, il-paragrafu 5-ter, tal-Liġi 163/2010 ippermetta lir-Reġjuni jużaw ir-riżorsi tal-FAS biex jiffinanzjaw parti mill-kumpens tas-servizz pubbliku regolari, u b’hekk jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi pubbliċi marittimi, f’każ li l-approprjazzjonijiet tal-baġit ma kinux biżżejjed u li r-riżorsi tal-FAS ma kinux maħsuba bħala kumpens addizzjonali għal Caremar jew SNAV/Rifim (jew kwalunkwe kumpanija oħra tal-ex Tirrenia Group jew l-akkwirenti rispettivi tagħhom).

9.   VALUTAZZJONI

9.1.   Eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(204)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistipula li “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(205)

Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri notifikati jikkostitwux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha msemmija hawn fuq. Jiġifieri, l-appoġġ finanzjarju għandu:

(a)

jingħata minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat;

(b)

jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti;

(c)

iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni;

(d)

jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(206)

Il-Kummissjoni tinnota li l-prijorità tal-irmiġġ hija marbuta b’mod inseparabbli mal-prestazzjoni tal-SGEI minn Caremar u mill-akkwirent tagħha SNAV/Rifim. Għalhekk, din il-miżura se tiġi vvalutata b’mod konġunt mal-kumpens rispettiv għal servizz pubbliku mogħti lil dawn il-kumpaniji (ara t-taqsimiet 9.1.1 u 9.1.2).

(207)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid bejn l-Italja u Caremar jenħtieġ li jiġi vvalutat b’mod konġunt mal-privatizzazzjoni ta’ Caremar. Tali valutazzjoni konġunta hija xierqa minħabba li essenzjalment l-Italja organizzat sejħa għall-offerti għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid li permezz tagħha l-offerent rebbieħ kellu jakkwista l-kapital azzjonarju kollu ta’ Caremar sabiex iwettaq l-OSP stabbilit f’dak il-kuntratt pubbliku ta’ servizz. Ma kien hemm l-ebda possibbiltà fl-offerta li jiġu ppreżentati offerti separati għall-privatizzazzjoni ta’ Caremar u l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

9.1.1.   Il-kumpens għas-servizz pubbliku u l-prijorità tal-irmiġġ mogħtija lil Caremar mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012, skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża

9.1.1.1.   Riżorsi tal-Istat

(208)

Caremar ġiet fdata mill-Italja bl-operat ta’ servizzi tat-trasport marittimu fuq rotot speċifiċi kif spjegat fid-dettall mill-Konvenzjoni Inizjali, kif estiża. Il-Konvenzjoni Inizjali ġiet konkluża mal-Istat, u l-kumpens għas-servizz pubbliku li rriżulta għal Caremar tħallas mill-Istat u mir-Reġjun tal-Campania mill-baġit tagħhom stess. Għalhekk, il-kumpens għal servizz pubbliku lil Caremar huwa imputabbli lill-Istat u jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

(209)

Il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Italja, l-operaturi kollha tal-laneċ iħallsu tariffi regolari lill-awtoritajiet tal-port rilevanti għall-irmiġġ, iżda li Caremar ma ħallset l-ebda tariffa addizzjonali għall-prijorità tal-irmiġġ. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, l-Italja setgħet tagħżel li timponi tariffa addizzjonali għall-prijorità tal-irmiġġ u peress li ma għamlitx hekk, tilfet dħul għall-Istat. Barra minn hekk, peress li l-prijorità tal-irmiġġ hija mogħtija bil-liġi (ara l-premessa 99), hija imputabbli lill-Istat.

9.1.1.2.   Selettività

(210)

Sabiex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun selettiva. Il-miżura tkun selettiva jekk tingħata biss lil ċerti impriżi, filwaqt li impriżi oħra f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fi ħdan l-istess settur jew setturi oħra (meta jitqies li l-operaturi ekonomiċi kollha fil-prinċipju jenħtieġ li jkopru l-kostijiet tagħhom stess), ma jirċevux l-istess vantaġġ. Il-kumpens għal servizz pubbliku għall-forniment tas-servizzi marittimi inkwistjoni jingħata biss lil Caremar, u għalhekk huwa selettiv (176). Peress li l-prijorità tal-irmiġġ ingħatat biss lill-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, inkluż Caremar, hija wkoll selettiva.

9.1.1.3.   Vantaġġ ekonomiku

(211)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-kumpensi għal servizz pubbliku li jingħataw lil kumpanija jistgħu ma jkunux jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku taħt ċerti kundizzjonijiet iddefiniti b’mod strett.

(212)

B’mod partikolari, fis-sentenza Altmark tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta miżura tal-Istat trid titqies bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu l-OSP, sabiex dawk l-impriżi ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali u l-miżura għalhekk ma jkollhiex l-effett li tpoġġihom f’pożizzjoni kompetittiva aktar favorevoli mill-impriżi li jikkompetu magħhom, tali miżura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(213)

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li biex tali kumpens ta’ servizz pubbliku ma jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat f’każ partikolari, iridu jiġu ssodisfati erba’ kriterji kumulattivi (“il-kriterji Altmark”), miġbura fil-qosor hawn taħt:

—

l-impriża benefiċjarja jrid fil-fatt ikollha l-OSP xi twettaq u dawn l-obbligi jridu jiġu definiti b’mod ċar (“ Altmark 1”);

—

il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti (“ Altmark 2”);

—

il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kostijiet kollha jew parti minnhom imġarrba fit-twettiq tal-OSP, filwaqt li jitqiesu r-riċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi (“ Altmark 3”);

—

meta l-impriża li għandha twettaq l-OSP, f’każ speċifiku, ma tintgħażilx skont proċedura ta’ akkwist pubbliku li tippermetti l-għażla tal-offerent li jkun kapaċi jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas kost għall-komunità, il-livell ta’ kumpens meħtieġ irid jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet li impriża tipika, immexxija tajjeb u pprovduta b’mod adegwat b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa tas-servizz pubbliku, kienet iġġarrab fit-twettiq ta’ dawk l-obbligi, filwaqt li jitqies id-dħul rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq tal-obbligi (“ Altmark 4”).

(214)

Il-Kummissjoni speċifikat kif tapplika l-kriterji Altmark fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpens mogħti għall-forniment ta’ SGEI (177) (“il-Komunikazzjoni SGEI”).

(215)

Peress li l-kriterji ta’ Altmark iridu jiġu rrispettati b’mod kumulattiv, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn il-kriterji jwassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-miżura li qed tiġi vvalutata tipprovdi vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju. F’dan il-każ, il-Kummissjoni mbagħad l-ewwel tivvaluta l-osservanza ta’ Altmark 4.

(216)

Altmark 4 jipprevedi li l-kumpens irid ikun il-minimu meħtieġ sabiex ma jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat. Dan il-kriterju jitqies bħala ssodisfat jekk il-benefiċjarju tal-kumpens għal servizz pubbliku jkun intgħażel wara proċedura tal-offerti li tippermetti li jintgħażel l-offerent li jkun kapaċi jipprovdi s-servizzi bl-anqas kost għall-komunità jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-kumpens ikun ġie kkalkolat b’referenza għall-kostijiet ta’ impriża effiċjenti.

(217)

Għall-ebda waħda mill-estensjonijiet tal-Konvenzjoni Inizjali fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012 ma ntgħażlet Caremar wara proċedura pubblika tal-offerti li tippermetti l-inkarigu tas-servizz bl-inqas kost għall-komunità. L-Italja sempliċiment estendiet is-sistema diġà fis-seħħ permezz tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali, u b’hekk intitolat lill-operatur stabbilit minn qabel biex ikompli jirċievi kumpens għat-twettiq tal-OSP.

(218)

Barra minn hekk, l-Italja ma pprovdiet l-ebda prova lill-Kummissjoni li l-livell ta’ kumpens ġie ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet li impriża tipika, immexxija tajjeb u adegwatament ipprovduta b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa ta’ servizz pubbliku, kienet iġġarrab fit-twettiq ta’ dawk l-obbligi, filwaqt li jitqies id-dħul rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq tal-obbligi.

(219)

Għall-kumpens ipprovdut skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża, Caremar issottomettiet informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterji Altmark. Fir-rigward tal-argument ta’ Caremar li r-raba’ kriterju Altmark huwa ssodisfat minħabba li l-kumpens ġie kkalkolat abbażi tal-kostijiet ta’ impriża effiċjenti (ara l-premessa 140), għar-raġunijiet spjegati fil-premessi 220 sa 222, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni pprovduta mhijiex biżżejjed biex tissodisfa l-istandard legali tal-kundizzjoni msemmija, kif elaborat fil-Komunikazzjoni SGEI (ara b’mod partikolari l-punti 69 sa 76).

(220)

L-ewwel nett, il-fatt li Caremar kellha kostijiet aktar baxxi meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, waħdu, ma huwiex kriterju suffiċjenti biex Caremar titqies bħala impriża mmexxija tajjeb. Il-kostijiet aktar baxxi jistgħu jirriżultaw ukoll mid-deprezzament tal-assi (eż. bastimenti) li jikkostitwixxi metodu kontabilistiku għall-kalkolu tal-valur tal-assi ta’ kumpanija maż-żmien u għalhekk ma jistgħux jintużaw biex titkejjel l-effiċjenza tal-kumpanija.

(221)

It-tieni, l-allegazzjoni li Caremar użat il-forza tax-xogħol tagħha għas-sigħat massimi permessi mill-kuntratt ta’ impjieg, u b’hekk ottimizzat il-proporzjon bejn il-kost tal-persunal u l-prestazzjoni tal-persunal, ma ġiet ikkorroborata bl-ebda informazzjoni dwar il-proporzjonijiet analitiċi rappreżentattiva għall-produttività, u lanqas ma tqabbel tali prattika dwar l-isfruttament tal-forza tax-xogħol ta’ Caremar mal-istrutturi tal-kostijiet ta’ impriżi oħra fis-settur.

(222)

It-tielet, Caremar targumenta li, minkejja ż-żieda konsiderevoli fil-prezz tal-fjuwil matul il-perjodu tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali, hija kompliet toffri l-OSP bl-aktar tariffi baxxi fis-suq u mingħajr ma talbet aġġustament ta’ kumpens. Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument ma huwiex biżżejjed biex Caremar titqies bħala impriża effiċjenti. Caremar ma pprovdiet l-ebda informazzjoni addizzjonali li turi, pereżempju, l-impatt ta’ din il-prattika fil-kontijiet finanzjarji tal-kumpanija, u lanqas ma qabblet l-istruttura tal-kostijiet tagħha mal-istrutturi tal-kostijiet ta’ impriżi oħra fis-settur. B’riżultat ta’ dan, Caremar ma identifikatx parametru referenzjarju, li abbażi tiegħu setgħet tiġi vvalutata l-allegata ġestjoni effiċjenti tas-servizz tagħha.

(223)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li f’dan il-każ ma kienx hemm konformità ma’ Altmark 4 għall-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali.

(224)

Peress li l-erba’ kriterji Altmark mhumiex issodisfati b’mod kumulattiv f’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kumpens għall-operat tar-rotot marittimi taħt l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali pprovda lil Caremar b’vantaġġ ekonomiku.

(225)

Fir-rigward tal-prijorità tal-irmiġġ, il-Kummissjoni l-ewwel tfakkar li l-AGCM qieset li din il-miżura għandha valur ekonomiku f’mill-inqas żewġ okkażjonijiet (178). Madankollu, Caremar ma tħallas l-ebda tariffa għall-prijorità tal-irmiġġ. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-prijorità tal-irmiġġ għandha mill-inqas fit-teorija l-potenzjal li tnaqqas il-kostijiet tal-operatur (eż. minħabba li l-irmiġġ garantit jista’ jnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija fil-portijiet u b’hekk jirriżulta f’kostijiet tal-fjuwil aktar baxxi) jew iżid id-dħul tiegħu (eż. minħabba li xi ħinijiet possibbilment jattiraw aktar domanda mill-passiġġieri). Fil-fatt, sal-punt li l-prijorità tal-irmiġġ tippermetti proċedura ta’ rmiġġ aktar rapida, l-utenti tas-servizz tat-trasport marittimu jistgħu jippreferu l-operatur li jibbenefika minn din il-miżura. Anki jekk dawn l-effetti jimmaterjalizzaw biss f’ċirkostanzi limitati jew ikunu relattivament żgħar, il-prijorità tal-irmiġġ xorta waħda tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għal Caremar.

9.1.1.4.   Effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(226)

Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (179). Huwa biżżejjed li l-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma’ impriżi oħrajn fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (180).

(227)

F’dan il-każ, il-benefiċjarju jopera f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra li jipprovdu servizzi tat-trasport marittimu fl-Unjoni, b’mod partikolari mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 (181) u r-Regolament (KEE) Nru 3577/92, li jilliberalizzaw is-suq tat-trasport marittimu internazzjonali u l-kabotaġġ marittimu, rispettivament. Għalhekk, il-kumpens għall-operat tar-rotot marittimi skont l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali jista’ jaffettwa l-kummerċ tal-Unjoni u jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern. Għall-istess raġunijiet, dik il-konklużjoni tgħodd ukoll għall-prijorità tal-irmiġġ.

9.1.1.5.   Konklużjoni

(228)

Peress li l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012, abbażi tal-estensjonijiet suċċessivi tal-Konvenzjoni Inizjali, kif ukoll il-prijorità tal-irmiġġ għar-rotot ta’ servizz pubbliku, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil Caremar.

9.1.1.6.   Għajnuna ġdida jew eżistenti

(229)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-kumpens mogħti lil Caremar (dak iż-żmien) għall-operat tal-OSP marittimu sa tmiem l-2008 mhuwiex ivvalutat f’din id-Deċiżjoni (ara l-premessa 17). Il-valutazzjoni ta’ dak il-kumpens, u ta’ jekk jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna eżistenti abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92, hija s-suġġett tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1411 (ara l-premessa 25).

(230)

Skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (182), għajnuna ġdida tfisser “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”. Barra minn hekk, l-Artikolu 108(3) tat-TFUE jipprovdi li l-pjanijiet sabiex tingħata jew tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti jridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u ma jistgħux jiġu implimentati sakemm il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali (183). F’konformità mal-pożizzjoni tal-Qrati tal-Unjoni (184), il-Kummissjoni tqis li l-emendar (jiġifieri, l-estensjoni) tad-durata ta’ miżura ta’ għajnuna li kellha data ta’ skadenza ċara (jiġifieri, l-31 ta’ Diċembru 2008) huwa biżżejjed biex jittrasformaha f’għajnuna ġdida irrispettivament minn jekk inbidlux karatteristiċi oħra tal-miżura jew le. Dan ir-raġunament japplika għall-Konvenzjoni Inizjali estiża li kienet maħsuba bħala bażi ġuridika għall-estensjonijiet temporanji (jiġifieri, sakemm tħabbret il-privatizzazzjoni ta’ Caremar fl-2009, ara l-premessa 29) tal-OSP ikkumpensat fdat lil Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali.

(231)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li, irrispettivament mill-fatt li l-kumpens mogħti lil Caremar (dak iż-żmien) sa tmiem l-2008 ġie kklassifikat bħala għajnuna eżistenti bid-Deċiżjoni (UE) 2020/1411, il-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012, abbażi tal-estensjonijiet suċċessivi tal-Konvenzjoni Inizjali, jenħtieġ li jitqies bħala għajnuna ġdida. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-prijorità tal-irmiġġ applikabbli matul dan il-perjodu.

9.1.2.   L-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid abbinat mal-privatizzazzjoni ta’ Caremar

(232)

Sabiex tikkonkludi dwar jekk l-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid abbinat mal-privatizzazzjoni ta’ Caremar jikkostitwixxix vantaġġ għal Caremar u l-akkwirent tagħha, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni trid tivvaluta l-osservanza tal-kriterji Altmark (ara l-premessa 213).

9.1.2.1.   Altmark 1

(233)

Il-Kummissjoni tfakkar li ma hemm l-ebda definizzjoni uniformi u preċiża ta’ servizz li jista’ jikkostitwixxi SGEI skont id-dritt tal-Unjoni, la skont it-tifsira tal-ewwel kriterju ta’ Altmark u lanqas skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE (185). Il-punt 46 tal-Komunikazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni li jiddefinixxu l-ambitu għall-eżistenza ta’ SGEI, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni ta’ servizz partikolari bħala SGEI u fl-għoti ta’ kumpens lill-fornitur tas-servizz. Il-kompetenza tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija limitata għal li tiċċekkja jekk l-Istat Membru għamilx żball ċar meta ddefinixxa s-servizz bħala SGEI u li tevalwa l-għajnuna mill-Istat involuta fil-kumpens. Fejn jeżistu regoli tal-Unjoni speċifiċi , id-diskrezzjoni tal-Istati Membri hija ulterjorment marbuta minn dawn ir-regoli, mingħajr ħsara għad-dmir tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni jekk l-SGEI ġiex definit b’mod korrett għall-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.”.

(234)

Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali huma intitolati li jqisu li ċerti servizzi huma fl-interess ġenerali u jridu jiġu operati permezz ta’ OSP sabiex jiġi żgurat li l-interess pubbliku jkun protett meta l-forzi tas-suq ma jkunux biżżejjed biex jiggarantixxu li jiġu pprovduti fil-livell jew fil-kundizzjonijiet meħtieġa.

(235)

Fil-qasam tal-kabotaġġ, regoli dettaljati tal-Unjoni li jirregolaw l-OSP ġew stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 u, għall-fini tal-eżami tal-għajnuna potenzjali mill-Istat lill-impriżi involuti fit-trasport marittimu, fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (“Linji Gwida Marittimi”) (186).

(236)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 jipprovdi li:

“Stat Membru jista’ jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, fuq kumpaniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer. Kull meta Stat Membru jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, dan għandu jagħmel hekk fuq bażi mhux diskriminatorja għar-rigward ta’ proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità.”

(237)

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 jistipula li kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jkopri: servizzi tat-trasport li jissodisfaw standards fissi ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità, servizzi ta’ trasport addizzjonali, servizzi ta’ trasport b’rati speċifiċi u suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jew fuq ċerti rotot u aġġustamenti ta’ servizzi għal ħtiġijiet attwali.

(238)

F’konformità mat-taqsima 9 tal-Linji Gwida Marittimi, “jistgħu jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku jew jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta’ servizz pubbliku (PSCs) għas-servizzi indikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92”, jiġifieri servizzi skedati lejn, minn u bejn il-gżejjer.

(239)

Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-OSP jista’ jiġi impost biss jekk ikun iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġu żgurati servizzi tat-trasport marittimu regolari adegwati li ma jistgħux jiġu żgurati mill-forzi tas-suq waħedhom (187). Il-Komunikazzjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 (188) tikkonferma li “huma l-Istati Membri (inkluż, fejn xieraq, l-awtoritajiet reġjonali u lokali) u mhux is-sidien tal-bastimenti li għandhom il-kompetenza biex jiddeterminaw liema rotot jeħtieġu obbligi ta’ servizz pubbliku. B’mod partikolari, l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu kkunsidrati għal servizzi regolari (skedati) ta’ kabotaġġ tal-gżejjer f’każ li s-suq jonqos milli jipprovdi servizzi adegwati”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 jiddefinixxi l-OSP bħala obbligi, li “l-proprjetarju ta’ vapur tal-Komunità f’dak il-każ, jekk ikun qiegħed jikkonsidra l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess grad jew taħt l-istess kundizzjonijiet”.

(240)

F’konformità mal-ġurisprudenza (189), biex tivverifika jekk hemmx ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku u jekk dan kienx meħtieġ u proporzjonali, u b’hekk ukoll jekk ġiex issodisfat l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark, il-Kummissjoni se tivvaluta:

(a)

jekk kienx hemm domanda mill-utenti;

(b)

jekk dik id-domanda kinitx kapaċi li tiġi ssodisfata mill-operaturi tas-suq fin-nuqqas ta’ obbligu impost mill-awtoritajiet pubbliċi (eżistenza ta’ falliment tas-suq);

(c)

jekk is-sempliċi rikors għall-OSP kienx ikun insuffiċjenti biex jirrimedja dak in-nuqqas (l-approċċ l-inqas dannuż).

Domanda mill-utenti

(241)

Skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, Caremar ġiet fdata bil-forniment ta’ servizzi skedati ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri, vetturi (inklużi vetturi ta’ salvataġġ) u effetti postali, b’rati predeterminati, permezz ta’ laneċ u bastimenti veloċi (li tfisser it-TMV fil-każ ta’ servizzi mħallta jew aliskaf fil-każ ta’ servizzi tal-passiġġieri biss) skont l-iskedi indikati fil-programm tat-trasport marittimu stabbilit mir-Reġjun tal-Campania, kif ippreżentat fit-taqsima 3.3.1. L-OSP imposti fuq Caremar kienu jikkonċernaw il-portijiet servuti, it-tip ta’ bastimenti assenjati għall-konnessjonijiet marittimi operati taħt ir-reġim tas-servizz pubbliku, il-frekwenza, l-iskeda tal-ħin u l-kontinwità tas-servizz, il-kwalità tas-servizz, u n-nollijiet massimi li għandhom jiġu ċċarġjati (ara l-premessi 83 sa 91).

(242)

Il-Kummissjoni tosserva li l-OSP imposti fuq Caremar skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid huma maħsuba biex jiżguraw il-kontinwità territorjali bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer billi jissodisfaw il-ħtiġijiet tat-trasport tal-popolazzjoni lokali (prinċipalment il-ħtiġijiet tax-xogħol u tal-istudju) permezz ta’ servizzi tat-trasport marittimu regolari u affidabbli (ara l-premessa 199). Il-Kummissjoni tqis li dawn huma tabilħaqq għanijiet leġittimi ta’ interess pubbliku.

(243)

Fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali, l-Italja spjegat li dawk il-ħtiġijiet baqgħu sostanzjalment l-istess matul is-snin, kif muri mill-konsultazzjonijiet pubbliċi mwettqa mir-Reġjun tal-Campania fl-2006–2007 u fl-2010–2011 (ara l-premessa 179) li kkonfermaw li r-residenti tal-gżejjer tal-Golf ta’ Napli kienu jiddependu fuq it-trasport marittimu għall-ivvjaġġar ta’ kuljum tagħhom lejn l-Italja kontinentali. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li s-sitwazzjoni tat-traffiku marittimu fil-Golf ta’ Napli hija partikolari ħafna minħabba d-densità estremament għolja tal-popolazzjoni tal-gżejjer ta’ Capri, Ischia u Procida, kif spjegat mill-Italja (ara l-premessa 182).

(244)

Dan ta’ hawn fuq huwa kkonfermat mill-istatistika dettaljata rotta b’rotta pprovduta mill-Italja dwar il-passiġġieri, il-vetturi u l-merkanzija ttrasportati minn Caremar fis-snin mill-2009 sal-2021, li turi li r-rotot moqdija minn Caremar kienu kkaratterizzati minn domanda sinifikanti li baqgħet stabbli maż-żmien (ara l-premessa 174).

(245)

Meta wieħed iqis li d-domanda tal-utenti kienet stabbli maż-żmien, inkluż matul is-sentejn qabel ma Caremar ġiet fdata bl-OSP skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, l-Italja, u b’mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali kkonċernati, ġustament qiesu li kien hemm domanda ġenwina għal servizzi marittimi tal-passiġġieri u servizzi mħallta fuq ir-rotot fil-Golf ta’ Napli li jgħaqqdu l-gżejjer ta’ Capri, Ischia u Procida mal-Italja kontinentali (Napli, Sorrento u Pozzuoli).

Eżistenza ta’ falliment tas-suq

(246)

Skont il-punt 48 tal-Komunikazzjoni SGEI, “ma jkunx xieraq li tinkludi obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku ma’ attività li qed tiġi diġà pprovduta jew li tista’ tiġi pprovduta b’mod sodisfaċenti u taħt kundizzjonijiet, bħall-prezz, kriterji oġġettivi tal-kwalità, kontinwità u aċċess għas-servizz, konsistenti mal-interess pubbliku, kif definit mill-Istat, minn impriżi li joperaw skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq” (190). Għalhekk, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk is-servizz ikunx inadegwat jekk il-forniment tiegħu jitħalla f’idejn il-forzi tas-suq biss. Il-punt 48 tal-Komunikazzjoni SGEI jinnota f’dan ir-rigward li “l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija limitata għall-verifika ta’ jekk l-Istat Membru għamilx żball manifest”.

(247)

Peress li kien hemm kumpaniji tat-tbaħħir oħrajn li joperaw fuq ir-rotot koperti mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid (ara l-premessa 184), il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ kull waħda minn dawn ir-rotot qabel il-konklużjoni tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid biex tivverifika jekk is-servizzi pprovduti minn dawk l-operaturi kinux ekwivalenti għal dawk li Caremar trid tipprovdi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid u kien ikun biżżejjed biex tiġi żgurata l-kontinwità territorjali bejn il-gżejjer (Capri, Ischia u Procida) u l-Italja kontinentali.

(248)

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li t-trasport marittimu lejn u mill-gżejjer tal-Golf ta’ Napli jintuża mir-residenti ta’ dawn il-gżejjer bħala trasport lokali sabiex ikun jista’ jkollhom konnessjonijiet frekwenti ħafna mal-Italja kontinentali. Fil-fatt, kif spjegat mill-Italja (il-premessa 182), id-densità estremament għolja tal-popolazzjoni tal-gżejjer ta’ Capri, Ischia u Procida tagħmilhom bħal distrett kontinentali. Din is-sitwazzjoni tirrikjedi li t-trasport marittimu jkun kważi frekwenti daqs it-trasport lokali fuq l-art sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-istudenti u tal-ħaddiema li jivvjaġġaw kuljum lejn/mill-Italja kontinentali. Il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ falliment tas-suq għandha tqis din il-karatteristika partikolari kif xieraq.

(249)

It-tabella 10 turi s-sitwazzjoni kompetittiva tat-tmien rotot operati minn Caremar fil-perjodu 2012–2015, jiġifieri qabel l-inkarigu tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kompetituri ta’ Caremar fil-kummenti tagħhom (ara l-premessi 150, 151, 161, u 168) u mill-Italja (ara l-premessa 184). Fil-premessi 250 sa 259, il-Kummissjoni tipprovdi l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni kompetittiva murija fit-Tabella 10.

Tabella 10

Sitwazzjoni kompetittiva fuq ir-rotot operati minn Caremar fil-perjodu 2012 – 2015

Rotta

Caremar

Kompetituri

Capri/

Sorrento

Servizzi mħallta minn TMV matul is-sena: tmien vjaġġi kuljum (minn Capri fis-7:00 am, fid-8:40 am, fis-13:35, u fis-18:45; u minn Sorrento fit-7:45 am, fid-9:25 am, fis-14:30; u fis-19:25).

NLG: servizzi tal-passiġġieri biss.

Aligruson: servizzi mħallta iżda biss fil-perjodu tas-sajf (minn Sorrento fil-11:30 am u fis-14:00; u minn Capri fin-12:30 u fis-18:05) bit-termini tas-suq.

SNAV: servizzi mħallta iżda biss fil-perjodu tas-sajf (minn Capri fis-7:35 am, fid-9:15 am, f’12:10 am, fl-15:55, fis-17:40, u fis-18:05; u minn Sorrento fit-8:10 am, fil-11:25 am, fis-13:50, fl-16:35) bit-termini tas-suq.

Capri/

Napli

Servizzi mħallta minn TMV matul is-sena: sitt vjaġġi ta’ kuljum (minn Napli fil-5:35 am, f’12:00 am, fil-17:25; u minn Capri fl-10:20 am, fit-15:35, u fit-20:15).

Servizzi mħallta bil-lanċa fil-perjodu tas-sajf: sitt vjaġġi ta’ kuljum (minn Napli fis-7:25 am, fis-13:00, fis-18:35; u minn Capri fis-5:40 am, fid-9:20 am, fit-14:50).

Servizzi mħallta bil-lanċa fil-perjodu tax-xitwa: sitt vjaġġi ta’ kuljum (minn Napli fid-9:00 am, fis-14:20; u minn Capri fis-6:45 am, fil-11:00 am, fl-16:15, fit-20:10).

Servizzi mħallta bit-TMV mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru: żewġ servizzi ta’ kuljum (minn Napli fid-21:35 u minn Capri f’23:50).

SNAV: servizzi tal-passiġġieri biss.

NLG: servizzi tal-passiġġieri biss.

Neapolis: servizzi tal-passiġġieri biss.

Ischia/

Napli

Servizzi mħallta bil-lanċa matul is-sena: erba’ vjaġġi ta’ kuljum (minn Ischia fid-8:45 am; 13:50; u minn Napli fl-15:45 u fit-20:15).

Servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf matul is-sena: vjaġġ wieħed kuljum (minn Napli fit-14:45).

Medmar: servizzi mħallta biss, l-aktar matul l-istaġun tas-sajf. Erba’ vjaġġi kuljum matul is-sena (minn Napli fit-8:35 am, fis-14:10 u fis-18:30; u minn Ischia fil-17:00 (fis-sajf) jew fl-16:35 (fix-xitwa)), kollha taħt l-OSP.

Alilauro: servizzi tal-passiġġieri biss, l-aktar matul l-istaġun tas-sajf. Ħames vjaġġi ta’ kuljum biss matul is-sena (minn Ischia fis-6:30 am, fid-9:25 am, fit-19:55; u minn Napli fis-7:35 am u fit-20:10), il-ħamsa kollha taħt l-OSP.

Ischia/

Procida/

Napli

Servizzi mħallta bil-lanċa matul is-sena: għaxar vjaġġi ta’ kuljum (minn Napli fis-6:25 am (bi tluq minn Procida fis-7:30 am), fil-10:45 am (bi tluq minn Procida f’11:50), fit-15:10 (bi tluq minn Procida fl-16:20), fil-17:30 (bi tluq minn Procida fis-18:35), fis-19:30 (bi tluq minn Procida fit-20:30); fl-21:55 (bi tluq minn Procida fil-23:00); minn Ischia fis-12:55 am (bi tluq minn Procida fis-13:35); fit-15:20 (bi tluq minn Procida fl-15:50), fil-17:20 (bi tluq minn Procida fis-17:50), fis-19:25 (bi tluq minn Procida fit-20:30)).

Servizzi mħallta bil-lanċa mill-15 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru: żewġ vjaġġi ta’ kuljum (minn Ischia fis-7:00 am (bi tluq minn Procida fis-7:25); u minn Napli fid-9:25 am (bi tluq minn Procida fl-10:30 am)).

Servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf matul is-sena: disa’ vjaġġi ta’ kuljum (minn Napli fid-8:40 am (bi tluq fid-9:30 am minn Procida), f’11:45 am (bi tluq fin-12:25 minn Procida), fis-13:10 (bi tluq fis-13:50 minn Procida), fis-18:15 (bi tluq fis-18:55 minn Procida); minn Ischia fis-6:45 am (bi tluq fis-7:05 am minn Procida), fl-10:15 am (bi tluq fl-10:35 minn Procida), fis-13:00 (bi tluq fis-13:15 minn Procida), fis-14:30 (bi tluq fit-14:55 minn Procida), fl-16:25 (bi tluq fil-16:45 minn Procida)).

Servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru: żewġ vjaġġi ta’ kuljum (minn Ischia fis-19:35 (bi tluq fit-20:00 minn Procida); u minn Napli fid-21:05 (bi tluq fl-21:50 minn Procida)).

Medmar: servizzi mħallta bil-lanċa:

—

tnejn kuljum matul is-sena taħt l-OSP (minn Ischia fis-6:25 am (bi tluq minn Procida fis-7:25 am) u fl-10:35 am (bi tluq minn Procida fil-11:15 am)); u

—

wieħed (mhux dejjem kuljum) fil-perjodu tas-sajf taħt l-OSP (minn Ischia fl-22:20 (bi tluq minn Procida fil-23:00)).

Madankollu, skont l-Italja, Medmar kważi qatt ma pprovdiet is-servizzi fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli fl-2012–2015.

SNAV: servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf:

—

seba’ vjaġġi ta’ kuljum taħt l-OSP matul is-sena (minn Napli fit-8:25 am (bi tluq minn Procida fid-9:05 am), fl-16:20 (bi tluq minn Procida fil-17:00), fis-19:00 (bi tluq minn Procida fit-19:40); u minn Ischia fis-7:10 am (bi tluq minn Procida fis-7:30 am), fl-9:45 am (bi tluq minn Procida fl-10:10 am), fis-13:50 (bi tluq minn Procida fis-14:15), fis-17:40 (bi tluq minn Procida fis-18:05)); u

—

tbaħħir wieħed kuljum bit-termini tas-suq fil-perjodu tas-sajf (minn Ischia fil-11:25 am (bi tluq minn Procida f’11:45 am)).

Ischia/

Procida/

Pozzuoli

Servizzi mħallta bil-lanċa matul is-sena: sitt vjaġġi ta’ kuljum (minn Pozzuoli fl-10:15 am (bi tluq minn Procida fil-10:55 am), fis-14: 00 (bi tluq minn Procida fis-14:30), u fis-18:55 (bi tluq minn Procida fid-19:35); u minn Ischia fit-8:35 am (bi tluq minn Procida fid-9:00 am), fil-11:30 am (bi tluq minn Procida f’11:55 am), fil-17:30 (bi tluq minn Procida fis-18:00)).

Servizzi mħallta bil-lanċa mis-16 ta’ Settembru sal-14 ta’ Ġunju: żewġ vjaġġi ta’ kuljum (minn Ischia fis-7:20 am (bi tluq minn Procida fit-7:50 am); u minn Pozzuoli fid-9:00 am (bi tluq minn Procida fl-9:40).

Medmar: servizzi mħallta bil-lanċa l-aktar mingħajr waqfa fi Procida. Erba’ vjaġġi biss kuljum b’waqfa fi Procida (minn Ischia fis-2:30 am u fis-18:55; u minn Pozzuoli fl-4:10 am u fit-20:30), kollha taħt l-OSP u matul is-sena kollha.

Ischia/

Procida

Minbarra s-servizzi pprovduti fuq ir-rotot Ischia/Procida/Pozzuoli u Ischia/Procida/Napli, servizz wieħed ta’ kuljum tal-passiġġieri bl-aliskaf matul is-sena (minn Procida fit-15:30).

SNAV: minbarra t-tmien vjaġġi (servizzi tal-passiġġieri) ipprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, SNAV ipprovdiet fuq ir-rotta Ischia/Procida:

—

servizz wieħed ta’ kuljum tal-passiġġieri bl-aliskaf matul is-sena kollha taħt l-OSP (minn Procida fis-13:15);

—

servizz wieħed ta’ kuljum tal-passiġġieri bl-aliskaf matul is-sena kollha bit-termini tas-suq (minn Ischia fit-8:30 am);

—

sitt servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf fil-perjodu tas-sajf bit-termini tas-suq (minn Procida fit-7:50 am, fil-11:00 am, fis-17:50, fis-19:20; u minn Ischia fis-18:30 u fit-19:45).

Medmar: vjaġġi pprovduti bħala parti minn dawk fuq ir-rotot Ischia/Procida/Pozzuoli u Ischia/Procida/Napli.

Ippocampo/Rumore/Capitan Morgan: servizzi mħallta bit-termini tas-suq iżda l-aktar fil-perjodu tas-sajf u mhux dejjem kuljum. Servizz instabbli ħafna peress li dawn l-operaturi kienu qed jużaw tip ta’ bastimenti li setgħu joperaw biss f’kundizzjonijiet tat-temp tajbin.

Procida/

Pozzuoli

Minbarra s-servizzi pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, żewġ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf (vjaġġ ta’ 15-il minuta) matul is-sena kollha (minn Procida fit-8:10 am, u minn Pozzuoli fid-8:50 am).

Gestour: disa’ servizzi mħallta kuljum bil-lanċa (vjaġġ ta’ 50 minuta) matul is-sena kollha bit-termini tas-suq (minn Pozzuoli fis-6:00 am, fit-8:30 am, fl-10:35 am, fis-12:55, fit-19:50; minn Procida fis-6:50 am, fid-9:30 am, fil-11:20 am, fis-18:55).

Ippocampo: erba’ servizzi mħallta bit-termini tas-suq matul il-perjodu tas-sajf, l-aktar nhar ta’ Ħadd biss (minn Procida fis-18:45 u fit-20:00 u minn Pozzuoli fis-19:20 u fid-20:50).

Procida Lines: skont l-Italja, Procida Lines ma kinitx topera fuq ir-rotta fil-perjodu 2012 – 2015.

Procida/

Napli

Minbarra s-servizzi pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, erba’ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf (vjaġġ ta’ 40 minuta) matul is-sena kollha (minn Procida fis-6:35 am u fid-9:20 am; u minn Napli fis-7:30 am u fis-17:45).

SNAV: servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf flimkien mas-servizzi pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli:

—

wieħed kuljum matul is-sena taħt OSP (minn Napli fin-12:30 am); u

—

tnejn kuljum fil-perjodu tas-sajf bit-termini tas-suq (minn Napli fis-18:45).

Medmar: servizzi mħallta bil-lanċa flimkien ma’ dawk ipprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli:

—

wieħed kuljum matul is-sena kollha taħt l-OSP (minn Napli f’00:20 am).

(250)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fit-Tabella 10, il-Kummissjoni tqis li s-servizzi offruti mill-kompetituri mill-1 ta’ Ottubru 2011 fuq ir-rotot li għandhom jiġu operati minn Caremar fil-Golf ta’ Napli skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mhumiex sostitwibbli għal dawk offruti minn Caremar minħabba d-differenzi sinifikanti li jikkonċernaw it-tip, ir-regolarità u l-kapaċità tas-servizzi offruti, kif stabbilit hawn taħt (ara l-premessi 251 sa 259).

(251)

Fir-rigward tar-rotta Capri/Sorrento, il-Kummissjoni tosserva li Caremar kienet l-uniku operatur li jipprovdi servizzi mħallta fuq ir-rotta matul is-sena. Fil-fatt, minn naħa, NLG ipprovdiet biss servizzi tal-passiġġieri, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-operaturi li pprovdew ukoll servizzi mħallta (Aligruson u SNAV) kienu attivi biss matul l-istaġun tas-sajf. Ma kien hemm l-ebda operatur li jiżgura servizzi ta’ trasport imħallta bejn Capri u Sorrento fix-xitwa, li ħalla lir-residenti tal-gżira / sidien tal-ħwienet / studenti mingħajr il-possibbiltà li jtellgħu l-vettura tagħhom stess fuq il-lanċa biex jivvjaġġaw minn Novembru sa April. Fir-rigward tax-xhur l-oħra tas-sena, is-servizzi mħallta pprovduti minn Aligruson u SNAV bilkemm kienu jkopru l-ħinijiet tal-ġurnata l-aktar imfittxija mill-vjaġġaturi (u inqas interessanti għat-turisti), jiġifieri filgħodu kmieni (191) u tard filgħaxija (192). Barra minn hekk, fir-rigward tal-perjodu tas-sajf, l-iskedi ta’ żmien tal-kompetituri ma kinux iservu b’mod sodisfaċenti l-ħtieġa ta’ vjaġġaturi ta’ kuljum meta jitqiesu d-differenzi mal-iskedi ta’ żmien ta’ Caremar. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Italja ma għamlitx żball manifest meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu mħallat fuq din ir-rotta.

(252)

Fir-rigward tar-rotta Capri/Napli, il-Kummissjoni tosserva li Caremar kienet l-uniku operatur li jipprovdi servizzi mħallta fuq ir-rotta. Fil-fatt, it-tliet kumpaniji tat-tbaħħir l-oħra fuq ir-rotta fil-perjodu 2012 – 2015 (SNAV, NLG u Neapolis) ipprovdew biss servizzi tal-passiġġieri. Dawk is-servizzi ma setgħux jissodisfaw id-domanda għat-trasport marittimu ta’ utenti bil-vetturi, u ħallew residenti tal-gżira / sidien tal-ħwienet / studenti mingħajr il-possibbiltà li jtellgħu l-vettura tagħhom stess fuq il-lanċa biex jivvjaġġaw. Dan jinkludi wkoll it-trasport marittimu ta’ ambulanzi biex ilaħħqu ma’ kwalunkwe emerġenza medika jew emerġenza oħra fil-każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ trasport ta’ emerġenza bl-ajru bil-ħelikopter. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-ħelikopters jistgħu jinżlu / jitilqu biss f’żoni mgħammra għal dak it-tip ta’ trasport bl-ajru u dment li l-kundizzjonijiet tat-temp jippermettu dan (193). Fil-gżira ta’ Capri hemm ħelipad wieħed biss, jinsab fil-Muniċipalità ta’ Anacapri u jservi wkoll titjiriet privati. Il-ħelikopters normalment jintużaw għas-salvataġġ f’żoni li ma jkunux jistgħu jintlaħqu faċilment mill-ambulanzi jew fil-każ ta’ pazjenti li jeħtieġu trasport urġenti lejn l-isptarijiet fl-Italja kontinentali. B’kuntrast ma’ dan, f’każijiet inqas urġenti, fejn il-pazjent jista’ jiġi ttrasferit lejn l-isptar permezz ta’ ambulanza jew karozza privata, jew fil-każ ta’ riħ qawwi wisq li ma jippermettix l-inżul / it-tlugħ ta’ ħelikopters mill-ħelipad f’Anacapri, it-trasport marittimu bil-lanċa huwa l-aktar tip komuni ta’ trasport lejn l-Italja kontinentali (194). Barra minn hekk, mingħajr Caremar, ma kien ikun hemm l-ebda operatur li jservi t-trasport tal-effetti postali lejn/minn Capri. Il-Kummissjoni tqis li l-OSP limitat għat-trasport ta’ vetturi u merkanzija ma kienx ikun xieraq minħabba li s-servizzi tal-passiġġieri pprovduti mill-kompetituri bit-termini tas-suq, waħedhom, ma kinux biżżejjed biex jiggarantixxu livell adegwat ta’ konnettività bejn Capri u Napli. Fil-fatt, kien hemm biss seba’ servizzi tal-passiġġieri kuljum ipprovduti matul is-snin bil-kundizzjonijiet tas-suq: ħames vjaġġi minn Neapolis (minn Capri fid-8:50 am, fis-14:10, u fil-17:30; u minn Napli fl-10:00 am, fl-16:05) u żewġ vjaġġi minn NLG (minn Capri fid-9:35 am u fil-11:35 am). Għalhekk, l-ebda operatur tas-suq ma kien qed jipprovdi servizzi kmieni filgħodu, filwaqt li Caremar kellha tiżgura l-ewwel vjaġġ filgħodu minn Capri għal Napli (fis-5:40 am fil-perjodu tas-sajf u fis-6:45 am fil-perjodu tax-xitwa). Il-Kummissjoni tinnota li l-maġġoranza tal-vjaġġi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar matul is-sena kienu soġġetti għall-OSP (195), li jissuġġerixxi li fil-prinċipju s-suq ma kienx jipprovdihom fin-nuqqas ta’ talba formali mill-awtoritajiet pubbliċi. Meta jitqies li, kif spjegat mill-Italja (il-premessa 182), ir-reġim tal-OSP fis-seħħ fil-Golf ta’ Napli ma kienx jiggarantixxi l-forniment effettiv tas-servizz, l-inklużjoni tas-servizzi tal-passiġġieri skont l-OSP imposti fuq Caremar fuq din ir-rotta skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid kienet raġonevoli. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Italja ma għamlitx żball manifest meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu mħallat fuq din ir-rotta.

(253)

Fir-rigward tar-rotta diretta Ischia/Napli, il-Kummissjoni tosserva li Caremar ipprovdiet servizzi mħallta bil-lanċa f’kompetizzjoni ma’ Medmar u servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf f’kompetizzjoni ma’ Alilauro, li pprovdiet ukoll għadd ta’ vjaġġi kuljum matul is-sena. Madankollu, il-vjaġġi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar fuq din ir-rotta diretta kienu, l-ewwel, f’ħinijiet differenti tal-ġurnata minn dawk moqdija minn Caremar (196), u, it-tieni, kollha kienu soġġetti għall-OSP. Wara li ġew ikkunsidrati l-iskedi ta’ żmien u l-frekwenza tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti minn Caremar matul is-sena (kif deskritt fit-Tabella 10), jidher li l-OSP imposti fuq Caremar kienu maħsuba biex jiggarantixxu għadd minimu kostanti ta’ konnessjonijiet kuljum fil-ħinijiet ewlenin tal-ġurnata li ma kinux servuti mill-kompetituri ta’ Caremar. Għal din ir-raġuni, l-Italja ma għamlitx żball manifest meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi mħallta tat-trasport marittimu u servizzi tal-passiġġieri fuq din ir-rotta. Din il-konklużjoni tgħodd anki meta wieħed iqis li l-konnessjoni diretta Ischia/Napli tkun sostitwibbli b’dik bil-waqfa fi Procida, minkejja t-tul differenti tal-vjaġġ (197). Fil-fatt, kif spjegat fil-premessa 254, is-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli ma kinux biżżejjed biex jiggarantixxu biżżejjed konnessjonijiet regolari bejn Ischia u Napli.

(254)

Fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida/Napli, il-Kummissjoni tosserva li, minbarra Caremar, Medmar u Alilauro wkoll kienu awtorizzati jipprovdu vjaġġi fuq din ir-rotta. Madankollu, fir-rigward tas-servizzi mħallta tat-trasport, l-offerta tas-suq kienet limitata ħafna peress li l-uniku fornitur ta’ servizzi tat-trasport imħallta għajr Caremar kienet Medmar, li pprovdiet servizz imħallat ta’ kuljum matul is-sena (minn Ischia fl-10:35 am) u żewġ servizzi ta’ kuljum fil-perjodu tas-sajf (minn Ischia fl-22:20 u minn Napli f’00:20) li, skont l-Italja, kważi qatt ma ġew ipprovduti minkejja li kienu soġġetti għall-OSP. Jidher li l-offerta ta’ Medmar ma kinitx biżżejjed biex tissodisfa d-domanda tal-utenti għal konnessjonijiet frekwenti u regolari bejn Ischia, Procida u Napli. Fir-rigward tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, ma kien hemm l-ebda operatur li jipprovdi servizzi marittimi tal-passiġġieri fuq ir-rotta matul is-sena kollha bit-termini tas-suq. Fil-fatt, is-seba’ vjaġġi ta’ kuljum ipprovduti minn SNAV matul is-sena kienu soġġetti għall-OSP. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ SNAV u s-servizzi ta’ Caremar kellhom jiġu pprovduti f’ħinijiet differenti tal-ġurnata (198). L-uniku servizz ipprovdut minn SNAV bit-termini tas-suq fuq din ir-rotta kien vjaġġ ta’ kuljum minn Ischia fil-11:25 am fil-perjodu tas-sajf. Jidher li dan is-servizz kien immirat prinċipalment lejn id-domanda turistika u ma kienx biżżejjed biex jissodisfa bis-sħiħ id-domanda tal-utenti. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Italja ma għamlitx żball manifest meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi mħallta tat-trasport marittimu u servizzi tal-passiġġieri fuq din ir-rotta.

(255)

Fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, il-Kummissjoni tosserva li Caremar operat fuq ir-rotta f’kompetizzjoni ma’ Medmar, li pprovdiet ukoll vjaġġi ta’ kuljum fuq ir-rotta. Madankollu, il-vjaġġi ta’ kuljum ipprovduti matul is-sena kollha kienu soġġetti għall-OSP, barra minn hekk kienu limitati fl-għadd (żewġ vjaġġi ta’ kuljum minn Ischia u żewġ vjaġġi ta’ kuljum minn Pozzuoli) u ġew ipprovduti f’sigħat tal-ġurnata mhux moqdija minn Caremar (199). Għalhekk, mhux biss ma kien hemm l-ebda operatur tat-tbaħħir li jipprovdi servizzi fuq din ir-rotta matul is-sena b’termini tas-suq, iżda anki s-servizzi pprovduti minn Medmar taħt l-OSP ma kinux sostitwibbli għas-servizzi ta’ Caremar li koprew ħinijiet differenti tal-ġurnata. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Italja ma għamlitx żball manifest meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu mħallat fuq din ir-rotta.

(256)

Fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida, il-Kummissjoni tosserva li Caremar hija obbligata tipprovdi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, servizz tal-passiġġieri ta’ kuljum bl-aliskaf matul is-sena kollha (minn Procida fit-15:30) minbarra s-servizzi pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli u Ischia/Procida/Napli. Dan is-servizz tal-OSP ġie inkluż fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mir-Reġjun tal-Campania bi tweġiba għal talba espliċita mill-Muniċipalità ta’ Procida ta’ għadd akbar ta’ konnessjonijiet minn Procida matul is-sena kollha (ara l-premessa 181). Din it-talba kienet iġġustifikata mill-fatt li l-parti l-kbira tal-konnessjonijiet ma’ Procida pprovduti mis-suq kienu fis-sajf u kienu prinċipalment diretti biex jissodisfaw id-domanda turistika. Fil-fatt, is-suq ipprovda biss konnessjoni stabbli waħda (200) bit-termini tas-suq matul is-sena kollha (minn Ischia fit-8:30 am, operata minn SNAV). Kif imsemmi (il-premessi 254 u 255), ma kien hemm l-ebda operatur li jipprovdi vjaġġi ta’ kuljum (jew servizzi tal-passiġġieri jew servizzi mħallta) matul is-sena kollha bit-termini tas-suq (201) fuq ir-rotot Ischia/Procida/Pozzuoli u Ischia/Procida/Napli, u s-servizzi tal-OSP ipprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar ma żgurawx il-konnettività tal-passiġġieri minn Procida wara nofsinhar (bejn is-14:30 u s-17:50). Għal din ir-raġuni, l-Italja ma għamlitx żball manifest meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu mħallta fuq din ir-rotta.

(257)

Fir-rigward tar-rotta Procida/Pozzuoli, il-Kummissjoni tosserva li Caremar kellha tipprovdi żewġ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf fuq ir-rotta matul is-sena kollha minbarra s-servizzi pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, filwaqt li l-kompetituri ta’ Caremar (Gestour, Ippocampo u Procida Lines) kienu joperaw biss fuq ir-rotta servizzi mħallta bil-lanċa. Dawk is-servizzi kienu ħafna aktar bil-mod minn dawk ipprovduti minn Caremar (vjaġġ ta’ 50 minuta bil-lanċa meta mqabbel ma’ vjaġġ ta’ 15-il minuta bl-aliskaf) u għalhekk ma jistgħux jiġu sostitwiti. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-grad ta’ sostitwibbiltà tas-servizzi tal-passiġġieri u tas-servizzi mħallta, il-Kummissjoni tosserva li s-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar matul is-sena kollha – Gestour u Procida Lines (202) biss kienu awtorizzati jipprovdu servizzi matul is-sena kollha – ġew ipprovduti f’ħinijiet differenti tal-ġurnata minn dawk moqdija minn Caremar (203), u ħallew mhux koperti ħinijiet tal-ġurnata importanti għall-vjaġġaturi ta’ kuljum (bejn is-7:00 am u d-9:00 am minn Procida u bejn id-9:00 am u l-10:00 am minn Pozzuoli). Għal din ir-raġuni, l-Italja ma għamlitx żball manifest meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fuq din ir-rotta.

(258)

Fir-rigward tar-rotta Procida/Napli, il-Kummissjoni tosserva li Caremar kellha tipprovdi erba’ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf fuq ir-rotta matul is-sena kollha minbarra s-servizzi pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, filwaqt li Medmar u SNAV ipprovdew rispettivament vjaġġ wieħed biss kuljum flimkien ma’ dawk ipprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli (Medmar minn Napli f’00:20 am u SNAV minn Napli fin-12:30 am), kemm taħt l-OSP kif ukoll f’ħinijiet tal-ġurnata differenti minn dawk moqdija minn Caremar (204). Barra minn hekk, anki meta jitqiesu s-servizzi pprovduti minn SNAV u Medmar fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, ma kien hemm l-ebda operatur tat-tbaħħir li jipprovdi servizzi tal-passiġġieri fuq ir-rotta b’termini tas-suq matul is-sena u s-servizzi tal-passiġġieri tal-OSP ta’ Medmar u SNAV kienu qed iħallu mhux koperti xi ħinijiet tal-ġurnata importanti biex tiġi żgurata l-konnettività tal-vjaġġaturi ta’ kuljum (bejn is-6:00 u s-7:00 am u bejn it-8:00 am u l-10:00 am minn Procida; u bejn is-7:00 u t-8:00 am u bejn il-17:00 u s-18:00 minn Napli). Għal din ir-raġuni, l-Italja ma wettqitx żball manifest skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid meta qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fuq din ir-rotta.

(259)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-OSP stabbilit fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid ma’ Caremar għall-operat tat-tmien rotot imsemmija hawn fuq huwa ġġustifikat minn ħtieġa pubblika ġenwina li tiġi żgurata l-kontinwità territorjali. Fil-fatt, fil-mument tal-inkarigu tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, il-forzi tas-suq waħedhom (anki bl-impożizzjoni tal-OSP) ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku identifikati mill-Italja, f’termini ta’ frekwenza, kontinwità u regolarità.

(260)

Dik il-konklużjoni tapplika wkoll għall-prijorità tal-irmiġġ li minnha tgawdi Caremar għall-forniment tas-servizzi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid. Kif imsemmi hawn fuq, l-Italja kkonfermat li l-prijorità tal-irmiġġ hija applikabbli biss għal servizzi pprovduti taħt ir-reġim tas-servizz pubbliku u li hija anċillari għal dawk is-servizzi għall-benefiċċju tal-fornitur tagħhom (205). Fil-fatt, skont l-Artikolu 19-ter, il-paragrafu 21 tal-Liġi 166/2009 jispeċifika b’mod ċar li l-prijorità tal-irmiġġ hija meħtieġa biex tiġi ggarantita l-kontinwità territorjali mal-gżejjer u għall-finijiet tat-twettiq tal-OSP (ara l-premessa 99). Tabilħaqq, fin-nuqqas ta’ prijorità tal-irmiġġ, Caremar jista’ jkollha tistenna ċ-ċans tagħha qabel ma tittrakka u b’hekk iġġarrab dewmien, li jegħleb l-għan li tiġi żgurata konnettività affidabbli u konvenjenti għaċ-ċittadini. L-iskeda ta’ żmien regolari hija tabilħaqq meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ mobbiltà tal-popolazzjoni tal-gżejjer u sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer ikkonċernati. Barra minn hekk, peress li hemm obbligi speċifiċi ta’ skedar tal-ħin fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għat-tluq tar-rotot ta’ servizz pubbliku, il-prijorità tal-irmiġġ tiżgura li l-portijiet jallokaw l-irmiġġi u l-ħinijiet tal-irmiġġ b’tali mod li l-operatur ta’ servizz pubbliku jkun jista’ jirrispetta l-OSP tiegħu. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li din il-miżura tingħata biex Caremar tkun tista’ twettaq l-OSP tagħha, li jikkostitwixxi SGEI ġenwin (ara l-premessa 267).

L-approċċ li jagħmel l-inqas ħsara

(261)

L-Italja għażlet li tikkonkludi kuntratt pubbliku ta’ servizz ma’ operatur wieħed (Caremar) minkejja l-fatt li diversi operaturi, kif muri fit-Tabella 10, kienu qed jaqdu wkoll ċerti rotot taħt l-OSP mingħajr kumpens.

(262)

Il-Kummissjoni tqis li r-reġim tal-OSP mingħajr kumpens, li kien fis-seħħ biss sal-2017 fil-Golf ta’ Napli (206), ma kien bl-ebda mod komparabbli mal-OSP impost fuq Caremar skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għar-raġunijiet li ġejjin.

(263)

L-ewwel nett, l-OSP imposti fuq il-kompetituri ta’ Caremar kienu differenti minn dawk koperti mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid minħabba li kienu jikkonċernaw biss il-frekwenza, ir-regolarità, it-tipi ta’ bastimenti użati (jiġifieri għall-passiġġieri biss jew għall-passiġġieri, għall-vetturi u għall-merkanzija) u n-nollijiet massimi filwaqt li Caremar kienet soġġetta wkoll għal obbligi f’termini ta’ puntwalità, kwalità u kapaċità tal-bastiment użat (ara l-premessa 183).

(264)

It-tieni, l-OSP imposti fuq il-kompetituri ta’ Caremar ma kinux soġġett għal penali li jiżguraw il-forniment tas-servizz f’konformità mal-OSP; filwaqt li l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jidentifika sistema artikolata ta’ penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-OSP (ara l-premessa 90 u 91). Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Italja (ara l-premessa 183), il-Kummissjoni taċċetta li d-domanda tal-utenti ma setgħetx tiġi ssodisfata billi jiġu imposti OSP mingħajr kumpens minħabba li f’diversi okkażjonijiet il-kompetituri ta’ Caremar ma kkonformawx mal-OSP (207) jew ma pprovdewx is-servizzi taħt l-OSP peress li kienu intitolati li jirtiraw mill-OSP tagħhom soġġett għal avviż ta’ 45 jum, setgħu jitolbu sospensjoni tas-servizz jew setgħu sempliċiment jirrifjutaw li jkomplu jipprovdu l-OSP (208).

(265)

Fl-aħħar nett, anki meta jiġu pprovduti, dawk l-OSP mhux ikkumpensati waħedhom ma kinux ikunu biżżejjed biex jissodisfaw bis-sħiħ il-ħtieġa ta’ servizz pubbliku identifikata mill-Italja – jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità territorjali bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer billi jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-trasport tal-popolazzjoni lokali (prinċipalment il-ħtiġijiet tax-xogħol u tal-istudju) permezz ta’ servizzi regolari u affidabbli tat-trasport marittimu (ara l-premessi 199 u 242) – peress li dawn ħallew mhux koperti ħinijiet tal-ġurnata importanti għall-vjaġġaturi ta’ kuljum.

(266)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota tal-argument tal-Italja li l-għażla għal kuntratt pubbliku ta’ servizz kienet meħtieġa wkoll fid-dawl tal-privatizzazzjoni ta’ Caremar. B’mod aktar speċifiku, l-Italja targumenta li s-sejħa għall-offerti għal Caremar flimkien ma’ kuntratt pubbliku ta’ servizz ġdid ippermettew li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku marittimu u jiġi massimizzat il-valur għall-Istat. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni qablet (ara l-premessa 105) li l-Italja tagħmel sejħa għall-offerti lil Caremar flimkien ma’ kuntratt pubbliku ta’ servizz ġdid. B’dan il-mod, il-Kummissjoni aċċettat ukoll, u ttenni f’din id-Deċiżjoni, li l-Italja ma setgħetx tiddependi fuq OSP ulterjuri mhux ikkumpensati li kienu japplikaw għall-operaturi kollha iżda li pjuttost tippreferi tikkonkludi kuntratt pubbliku ta’ servizz ma’ Caremar biss.

Konklużjoni

(267)

Abbażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma għamlitx żball manifest meta ddefinixxiet is-servizzi fdati lil Caremar bħala SGEI fuq ir-rotot identifikati fit-Tabella 10. Id-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 huma għalhekk eliminati.

(268)

Sabiex tikkonkludi li hemm konformità ma’ Altmark 1, il-Kummissjoni xorta trid tivverifika jekk Caremar ġietx fdata bl-OSP li kienu definiti b’mod ċar u li kien hemm konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92. Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Kummissjoni tinnota li l-OSP huma deskritti b’mod ċar fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid u fl-annessi tiegħu, li jinkludu pereżempju l-ispeċifikazzjonijiet tal-bastimenti għal kull rotta (ara l-premessi 83 sa 91). Bl-istess mod, ir-regoli li jirregolaw il-kumpens huma spjegati fid-dettall fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, fil-Liġi 166/2009 u fid-Deliberazzjoni 111/2007 (ara l-premessi 92 sa 96). Il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għandu wkoll durata ċara (9 snin), jidentifika lil Caremar bħala l-operatur ta’ servizz pubbliku u fih l-arranġamenti biex jiġi evitat u rkuprat kwalunkwe kumpens żejjed (ara l-premessa 94). Fir-rigward tat-tieni punt, il-Kummissjoni tosserva li l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid ġie offrut fuq bażi mhux diskriminatorja fir-rigward tas-sidien tal-bastimenti kollha tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 (ara l-premessi 69 u 70). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ewwel kriterju Altmark huwa ssodisfat.

(269)

Peress li l-prijorità tal-irmiġġ hija miżura anċillari għas-servizzi tal-OSP identifikati skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, il-prijorità tal-irmiġġ tikkonforma wkoll mal-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark.

9.1.2.2.   Altmark 2

(270)

Il-Kummissjoni tfakkar li fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 (ara l-premessa 205 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012) hija kienet tal-fehma preliminari li t-tieni kriterju tas-sentenza Altmark huwa ssodisfat.

(271)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tinnota li l-parametri fil-bażi tal-kalkolu tal-kumpens ġew stabbiliti minn qabel u jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’konformità mat-tieni kriterju Altmark. B’mod aktar speċifiku, il-parametri li abbażi tagħhom ġie kkalkolat il-kumpens huma spjegati fid-dettall fid-Deliberazzjoni 111/2007 u ġew applikati fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid (ara l-premessa 93). Il-metodu tal-kalkolu tal-kumpens, inkluż pereżempju l-elementi tal-kost li għandhom jitqiesu u r-rata ta’ redditu fuq il-kapital, huma spjegati fid-dettall fid-Deliberazzjoni 111/2007 (ara l-premessa 93). Peress li l-prijorità tal-irmiġġ ma tinvolvix kumpens finanzjarju għal Caremar, il-Kummissjoni tqis li din il-miżura tikkonforma mat-tieni kriterju Altmark.

(272)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tieni kriterju tas-sentenza Altmark huwa ssodisfat.

9.1.2.3.   Altmark 3

(273)

Skont it-tielet kriterju Altmark, il-kumpens riċevut għat-twettiq tal-SGEI ma jistax jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kostijiet kollha jew parti minnhom imġarrba fit-twettiq tal-OSP, filwaqt li jitqiesu r-riċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi.

(274)

Skont l-Artikolu 16 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, il-kumpens għal servizz pubbliku huwa kkwantifikat abbażi tal-metodoloġija stabbilita fid-Deliberazzjoni 111/2007 (209), li skontha l-kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kostijiet netti mġarrba għat-twettiq tal-OSP (bilanċ ekonomiku-finanzjarju), inkluż profitt raġonevoli. Kif imsemmi hawn fuq (ara l-premessi 55 sa 66), skont id-Deliberazzjoni 111/2007 l-ambitu tas-servizzi, in-nollijiet massimi stabbiliti mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz u l-kumpens effettivament mogħti jridu jiġu definiti b’tali mod li jagħtu lill-fornitur tas-servizz kopertura tal-kostijiet marbuta mal-forniment tal-SGEI, filwaqt li jitqies id-dħul l-ieħor u profitt raġonevoli.

(275)

Is-sentenza Altmark ma tipprovdix definizzjoni preċiża tal-profitt raġonevoli. Skont il-Komunikazzjoni SGEI, profitt raġonevoli għandu jitqies li jfisser ir-rata ta’ redditu fuq il-kapital li tkun meħtieġa minn kumpanija tipika li tikkunsidra jekk tipprovdix l-SGEI jew le għad-durata kollha tal-perjodu tal-inkarigu, filwaqt li jitqies il-livell tar-riskju. Il-livell tar-riskju jiddependi fuq is-settur ikkonċernat, it-tip tas-servizz u l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu ta’ kumpens.

(276)

Fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-proporzjonalità tal-kumpens imħallas lill-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, inkluż Caremar. B’mod partikolari, fir-rigward tal-kumpens imħallas mill-2010, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-primjum tar-riskju fiss ta’ 6,5 % ma kienx jirrifletti livell xieraq ta’ riskju minħabba li prima facie Caremar ma kinitx tidher li tassumi r-riskji normalment imġarrba fl-operat ta’ tali servizzi. B’mod aktar speċifiku, l-elementi tal-kost għall-fini tal-kalkolu tal-kumpens jinkludu l-kostijiet kollha involuti fil-forniment tas-servizz u tqiesu l-varjazzjonijiet pereżempju fil-prezzijiet tal-fjuwil. B’riżultat ta’ dan, f’dak l-istadju l-Kummissjoni qieset li Caremar setgħet ġiet ikkumpensata żżejjed.

(277)

Il-Kummissjoni tinnota li ċerti aspetti tal-metodu ta’ kumpens, kif stabbilit fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, tabilħaqq jidhru li jnaqqsu r-riskju kummerċjali mġarrab minn Caremar. Il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

—

Skont l-Artikolu 13 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, Caremar tista’ titlob fuq bażi annwali lir-Reġjun tal-Campania l-aġġustament tat-tariffi tal-utenti għall-inflazzjoni, minkejja li r-Reġjun tal-Campania jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix l-aġġustament mitlub jew li jissospendi l-aġġustament diġà mogħti (ara l-premessa 89).

—

L-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għandu l-għan li jżomm l-ekwilibriju ekonomiku-finanzjarju tas-servizz pubbliku. B’mod partikolari, f’każ li l-kumpens għal servizz pubbliku ma kienx biżżejjed biex ikopri l-kost tas-servizzi fdati mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, l-Artikolu 17 jippermetti li tiġi riveduta s-sistema tariffarja, l-ambitu tas-servizzi pubbliċi offruti jew l-assi marittimi ta’ Caremar. Skont l-Artikolu 17 tal-kuntratt, kull 3 snin il-partijiet għandhom jivverifikaw il-kundizzjonijiet tal-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tagħhom skont il-kriterji stabbiliti fid-Deliberazzjoni 111/2007 u r-regoli stabbiliti fil-kuntratt. Għal dan l-għan, Caremar għandha tibgħat, sat-30 ta’ Ġunju tat-3 sena ta’ kull perjodu regolatorju, rapport aġġornat bir-riżultati finanzjarji tal-perjodu kkonċernat.

(278)

Għalkemm dawn is-salvagwardji jidhru li jnaqqsu r-riskju kummerċjali mġarrab minn Caremar, il-Kummissjoni tqis li l-kumpanija tibqa’ esposta għar-riskju li l-kumpens jista’ ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-kostijiet tat-tħaddim tas-servizz. Fil-fatt, kif imsemmi hawn fuq (il-premessa 93), il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tas-servizz jiġi vverifikat biss kull 3 snin u mekkaniżmu ta’ riekwilibriju jista’ jiġi attivat biss fil-każ ta’ kumpens nieqes ta’ aktar minn 5 % tal-kumpens totali. Jekk dan ir-rieżami juri li l-kumpens mhuwiex biżżejjed biex ikopri l-kost tas-servizz pubbliku, allura Caremar u l-Italja jistgħu jaqblu biss li jagħmlu bidliet għall-perjodu ta’ 3 snin li jmiss. Skont l-Artikolu 17, tali bidliet (jekk ikun hemm) huma r-riżultat ta’ proċedura ta’ negozjar u, sakemm jintlaħaq ftehim, Caremar trid tkompli topera s-servizz pubbliku mingħajr tibdil. B’riżultat ta’ dan, Caremar tibqa’ parzjalment esposta għar-riskju li l-kumpens ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-kostijiet tat-tħaddim tas-servizz. Filwaqt li l-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jista’ jintuża biex jerġa’ jinkiseb il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju, dan isir biss fuq bażi li tħares ’il quddiem u ma hemm l-ebda korrezzjoni retroattiva possibbli tal-kumpens nieqes.

(279)

Fir-rigward tal-profitt raġonevoli permess skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, kif indikat fil-premessa 60, id-Deliberazzjoni 111/2007 tipprevedi li jintuża primjum tar-riskju ta’ 6,5 % biex jiġi ddeterminat ir-redditu fuq il-kapital bl-użu tal-formula tad-WACC.

(280)

L-Italja tissottolinja li l-primjum tar-riskju ġie ddeterminat bl-użu ta’ analiżijiet makroekonomiċi li jattribwixxu primjum tar-riskju medju lill-pajjiż jew liż-żona ta’ referenza għas-settur ikkonċernat. Dawn l-analiżijiet identifikaw primjum tar-riskju medju għall-Italja ta’ 6,4 %. Dan il-primjum huwa għalhekk kompletament konformi mal-primjum tar-riskju ta’ 4 % identifikat fid-Deliberazzjoni 111/2007, b’żieda ta’ 2,5 % għal servizzi mhux esklużivi (primjum tar-riskju ta’ 6,5 %). Ir-rata (gross) ta’ 6,5 % intużat sa Lulju 2015, filwaqt li wara dan, għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, ir-rata kkunsidrata għall-finijiet tal-kumpens ġiet stabbilita għal 10,55 %. L-Italja targumenta li r-rata hija ogħla milli fil-kuntratti preċedenti – li jistabbilixxu rata ta’ 6,5 % – minħabba r-riskju intraprenditorjali ogħla li Caremar hija esposta għalih minħabba l-kumpens nieqes probabbli li jista’ jirriżulta (ara l-premessa 198).

(281)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid ma jinkludi l-ebda klawżola li tippermetti aġġustament ta’ kumpens f’każ ta’ devjazzjonijiet kuntrattwali, għajr id-dispożizzjoni mmirata biex timmodifika l-ambitu tas-servizz pubbliku jew is-sistema tan-nollijiet. Għalhekk, f’każ ta’ żieda fil-prezz tal-fjuwil jew tnaqqis sinifikanti fit-traffiku tal-passiġġieri, Caremar hija esposta għar-riskju ta’ żieda fil-kost jew tnaqqis fid-dħul u kumpens nieqes sussegwenti. Kif indikat fil-premessa 278, il-kuntratt pubbliku ta’ servizz, fil-każ ta’ tali kumpens nieqes, jipprovdi rimedji li jaffettwaw biss l-operat futur tas-servizz pubbliku, filwaqt li t-telf li diġà sar ma jistax jiġi kopert b’mod retroattiv. Barra minn hekk, dawn ir-rimedji kuntrattwali japplikaw biss għal kumpens nieqes ta’ aktar minn 5 % tal-kumpens totali (ara l-premessa 277), filwaqt li Caremar iġġorr ir-riskju li ġġarrab hi stess kwalunkwe kumpens nieqes ta’ 5 % jew inqas, li evidentement jikkorrispondi għal ammont sinifikanti fuq bażi annwali. Dan jagħmel il-forniment tas-servizz partikolarment riskjuż, peress li l-kumpanija ma tistax b’mod retroattiv tikkontrobilanċja dak il-kumpens nieqes permezz ta’ żieda fin-nollijiet (li tista’ tiġi aġġustata biss għall-futur), tnaqqis tal-ambitu tas-servizzi pubbliċi offruti jew l-assi materjali tal-kumpanija għall-forniment tas-servizzi.

(282)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-mekkaniżmu ta’ hawn fuq jesponi lil Caremar għal riskju ta’ kumpens nieqes li huwa ogħla mir-riskju merfugħ minn kumpaniji tat-tbaħħir oħrajn fis-suq fl-istess perjodu, li għalih primjum tar-riskju ta’ 6,5 % tqies ġustifikat. Pereżempju, fir-rigward tal-kumpaniji Compagnia Italiana di Navigazione, jiġifieri, l-akkwirent ta’ Tirrenia di Navigazione, u Società Navigazione Siciliana, jiġifieri l-akkwirent ta’ Siremar, il-Kummissjoni qieset li kien iġġustifikat primjum tar-riskju ta’ 6,5 % skont il-kuntratti pubbliċi ta’ servizz konklużi mill-awtoritajiet Taljani kompetenti fl-2012 u fl-2016 ma’ Compagnia Italiana di Navigazione u Società Navigazione Siciliana rispettivament, wara li kkunsidrat il-fatt li l-operaturi tat-tbaħħir setgħu jitolbu reviżjoni tal-ekwilibriju ekonomiku-finanzjarju tal-kuntratt diġà f’każ ta’ nuqqas ta’ kumpens ta’ aktar minn 3 % tal-kumpens totali (210). B’mod raġonevoli, aktar ma jkun għoli l-ammont ta’ kumpens nieqes li għandu jitħallas mill-operatur, aktar ikun għoli l-primjum tar-riskju li jista’ jiġi permess.

(283)

Minbarra dan ta’ hawn fuq, biex tiddetermina jekk ir-redditu fuq il-kapital investit ta’ 10,55 % għal Caremar huwiex raġonevoli, il-Kummissjoni kkalkolat (211) id-WACC għall-kumpaniji Ewropej tal-Punent attivi fis-settur tal-bini tal-bastimenti u dak marittimu (212), filwaqt li qieset ir-riskju tal-pajjiż għall-Italja, għas-sena 2014 (jiġifieri s-sena qabel ma Caremar iffirmat il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid). Minħabba li kemm ir-rata mingħajr riskju (bil-bond sovran Ġermaniż ta’ 10 snin bħala proxy) kif ukoll il-primjum tar-riskju tal-pajjiż għall-Italja (bħala proxy jew bl-użu tal-klassifikazzjoni tal-pajjiż ta’ Moody’s jew abbażi tal-firxiet tas-CDS) ivarjaw matul is-sena, ġiet iddeterminata l-firxa li fiha ċċaqlaq id-WACC matul l-2014. Għal din is-sena, id-WACC għall-kumpaniji f’dan is-settur kien bejn 10,39 % u 11,84 %. Dan ifisser li kumpanija li topera fis-settur tal-bini tal-bastimenti u dak marittimu, bħal Caremar, fl-2014 ikollha tiġġenera redditu f’din il-firxa biex tkopri l-kost tagħha kemm tal-finanzjament tad-dejn kif ukoll tal-ekwità. F’dan l-isfond u filwaqt li jitqiesu r-riskji li Caremar hija esposta għalihom minn perspettiva ex ante (ara l-premessa 281 hawn fuq), ir-redditu fuq il-kapital investit ta’ 10,55 % għal Caremar li ntgħażel permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u kompetittiva, kien konformi mar-riskji li jġib meta jopera servizzi pubbliċi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, fis-snin ta’ qabel l-inkarigu ta’ Caremar, redditu fuq il-kapital ta’ 10,55 % minn perspettiva ex ante kien konformi mar-riskji li hija topera meta topera servizzi pubbliċi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(284)

Barra mill-kompletezza, minn perspettiva ex post, il-Kummissjoni tosserva li l-kumpens mogħti lil Caremar skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid huwa limitat għal EUR 10 778 897 fis-sena, irrispettivament mill-ammont ta’ profitt raġonevoli li Caremar hija intitolata għalih (ara l-premessa 92). F’konformità mal-punt 47 tal-Qafas SGEI tal-2011, il-Kummissjoni tivvaluta jekk kienx hemm kumpens żejjed matul id-durata kollha tal-kuntratt. Kif muri fit-Tabella 11, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Italja, iċ-ċifri għall-perjodu 2015–2021 juru li l-kumpens attwali għas-servizz pubbliku riċevut minn Caremar f’xi snin qabeż l-ammont eliġibbli ta’ kumpens f’dawk is-snin (bl-eċċezzjoni tal-ammonti għall-2015, l-2020 u l-2021, li ma kinux biżżejjed biex ikopru l-kost nett tas-servizz u b’hekk irriżulta f’kumpens nieqes għal dawk is-snin). Kif imsemmi fil-premessa 96, il-kumpens żejjed kollu ġie identifikat mir-Reġjun tal-Campania u mħallas lura minn Caremar skont l-Artikolu 18 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

Tabella 11

Kost nett tas-servizz pubbliku operat minn Caremar għall-perjodu 2015–2021

(EUR)

Caremar

2015

2016

2017

2018

2019

2020

2021

Total ġenerali

Dħul totali

12 941 000

28 392 000

29 807 000

31 807 921

32 885 236

[20 000 000 – 30 000 000 ]

[20 000 000 – 30 000 000 ]

182 741 669

– Kostijiet totali

18 920 000

35 764 000

37 714 000

35 252 016

36 684 806

[30 000 000 – 40 000 000 ]

[30 000 000 – 40 000 000 ]

228 957 910

– Amortizzamenti

1 033 000

2 045 000

1 827 000

1 705 330

1 639 441

[1 000 000 – 2 000 000 ]

[1 000 000 – 2 000 000 ]

11 380 741

= Kost nett tas-servizz pubbliku

–7 012 000

–9 417 000

–9 734 000

–5 149 425

–5 439 011

– [11 000 000 – 12 000 000 ]

– [9 000 000 – 10 000 000 ]

–57 596 982

+ Redditu fuq il-kapital (10,5 %)

– 202 000

– 775 000

– 645 000

– 751 680

– 697 858

– [700 000 – 800 000 ]

– [600 000 – 700 000 ]

–4 479 446

= Eliġibbli għal kumpens

–7 214 000

–10 192 000

–10 379 000

–5 901 105

–6 136 869

– [10 000 000 – 20 000 000 ]

– [10 000 000 – 20 000 000 ]

–62 076 428

+ Kumpens attwali

4 961 000

10 778 000

10 778 000

10 363 306

8 462 289

[10 000 000 – 20 000 000 ]

[8 000 000 – 9 000 000 ]

64 301 641

= Kumpens żejjed/nieqes

–2 253 000

586 000

399 000

4 462 201

2 325 420

– [1 000 000 – 2 000 000 ]

– [1 000 000 – 2 000 000 ]

2 225 213

(285)

Il-mekkaniżmu ta’ verifika previst fl-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet tal-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tas-servizz jikkonċerna mhux biss il-każijiet ta’ kumpens nieqes iżda wkoll ta’ kumpens żejjed (ara l-premessa 94). F’każ ta’ kumpens żejjed, ir-Reġjun tal-Campania għandu jaġġorna l-kumpens imħallas għall-perjodu regolatorju li jmiss. L-Artikolu 18 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jipprevedi l-irkupru ta’ kumpens żejjed għall-perjodu regolatorju rilevanti fi żmien 30 jum mit-talba rilevanti.

(286)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, mill-ammont aggregat ta’ kumpens żejjed identifikat fit-Tabella 11, diġà ġie rkuprat ammont ta’ EUR 2 224 868 għall-perjodu kollu mill-2015 sal-2021 (ara l-premessa 96). B’mod partikolari, il-proċedura ta’ verifika, ibbażata fuq ċifri awditjati għall-2015, l-2016 u l-2017 u fuq ċifri proviżorji għall-2018, identifikat dan li ġej:

—

għall-2015, EUR 2 253 000 (kumpens nieqes);

—

għall-2016, EUR 586 000 (kumpens żejjed);

—

għall-2017, EUR 399 429 (kumpens żejjed);

—

għall-2018, EUR 2 103 400 (kumpens żejjed).

(287)

Il-verifika ta’ hawn fuq wasslet għal kumpens żejjed totali ta’ EUR 835 058 matul il-perjodu 2015–2018, li ġie rkuprat mir-Reġjun tal-Campania (ara l-premessa 96).

(288)

Barra minn hekk, għall-perjodu 2018–2021, il-proċedura ta’ verifika, ibbażata fuq ċifri awditjati għas-snin 2018, 2019 u 2020 u fuq ċifri proviżorji għall-2021 identifikat dan li ġej:

—

għall-2018, EUR 4 462 201 (kumpens żejjed);

—

għall-2019, EUR 2 325 420 (kumpens żejjed);

—

għall-2020, EUR 1 676 056 (kumpens nieqes);

—

għall-2021, EUR 1 618 352 (kumpens nieqes).

(289)

Il-verifika ta’ hawn fuq wasslet għal kumpens żejjed residwu ta’ EUR 1 389 811, matul il-perjodu 2018–2021, li ġie rritornat lir-Reġjun tal-Campania (ara l-premessa 96). (213)

(290)

Il-Kummissjoni tqis li dawk il-miżuri huma biżżejjed biex jiġi evitat u identifikat kwalunkwe kumpens żejjed possibbli.

(291)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, filwaqt li jitqies li r-redditu fuq il-kapital li Caremar setgħet tistenna minn perspettiva ex ante kien konformi mar-riskji li kellha meta operat is-servizzi pubbliċi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid u li l-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid fih mekkaniżmu ta’ rkupru li jiżgura n-nuqqas ta’ kumpens żejjed, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kostijiet imġarrba fit-twettiq tal-OSP tagħha, filwaqt li jitqiesu r-riċevuti rilevanti u profitt raġonevoli.

(292)

Fir-rigward tal-prijorità tal-irmiġġ u kwalunkwe kumpens żejjed possibbli li jista’ jirriżulta minnha, il-Kummissjoni tinnota li, sal-punt li din il-miżura tnaqqas il-kostijiet operatorji jew iżżid id-dħul tal-operatur ta’ servizz pubbliku, dawn l-effetti jkunu riflessi bis-sħiħ fil-kontijiet interni tal-operatur permezz ta’ kostijiet operatorji aktar baxxi korrispondenti jew dħul ogħla. L-analiżi tal-Kummissjoni kkonfermat li fil-perjodu 2015–2021 Caremar ma żammet l-ebda kumpens żejjed (ara l-premessa 281) u li hemm fis-seħħ mekkaniżmu ta’ rkupru xieraq biex jiżgura n-nuqqas (jew l-irkupru) ta’ kwalunkwe kumpens żejjed anki fil-perjodu 2022–2024 (il-premessa 290).

(293)

Għalhekk, id-dubji tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar, inkluż il-prijorità tal-irmiġġ, mat-tielet kundizzjoni tas-sentenza Altmark huma eliminati. Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatt li fl-2015 ir-Reġjun tal-Campania ta EUR 2 155 008 lil Caremar sabiex jirrestawra l-pożizzjoni finanzjarja ta’ Caremar fil-livell li kien fis-seħħ fiż-żmien tal-offerta b’suċċess għall-akkwiżizzjoni ta’ Caremar (il-premessi 77 u 79). Dak it-trasferiment ta’ riżorsi kien kundizzjonali għall-akkwist ta’ Caremar mill-offerent magħżul u kien strettament limitat biex ikopri t-tnaqqis fil-valur irreġistrat mill-ekwità ta’ Caremar bejn tmiem l-2013 u tmiem l-2014 minħabba l-litigazzjoni nazzjonali li dewmet l-għoti tal-offerta. Fil-każ ta’ tnaqqis fil-valur ta’ dak li jiġi riċevut meta mqabbel mal-valur ta’ dak li kien jiġi riċevut taħt kuntratt, hija prattika komuni tas-suq li l-kreditur tal-prestazzjoni huwa intitolat għal tnaqqis fil-prezz (214). Meta jitqies li r-restawr tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ Caremar għandu l-istess effett ta’ tnaqqis fil-prezz ta’ Caremar, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ma kienet tinvolvi l-ebda vantaġġ għal Caremar u għax-xerrej tagħha.

9.1.2.4.   Altmark 4

(294)

Ir-raba’ kriterju Altmark jiġi ssodisfat jekk il-benefiċjarju tal-kumpens għall-operat tal-SGEI ikun intgħażel wara proċedura tal-offerti, li tippermetti l-għażla tal-offerent li jkun kapaċi jipprovdi l-SGEI bl-inqas kost għall-komunità jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-kumpens ikun ġie kkalkolat b’referenza għall-kostijiet ta’ impriża effiċjenti.

(295)

Skont il-punt 63 tal-Komunikazzjoni SGEI, l-aktar mod sempliċi biex l-awtoritajiet pubbliċi jissodisfaw ir-raba’ kriterju Altmark huwa li jwettqu proċedura ta’ akkwist pubbliku miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja f’konformità mad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (215) u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (216).

(296)

Il-Kummissjoni tosserva li, f’dan il-każ, il-proċedura tal-offerti tnediet qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (217) (li tapplika għall-kuntratti pubbliċi mogħtija għall-operat ta’ servizzi tat-trasport marittimu) u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (218). F’dak iż-żmien, id-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE kienu għadhom fis-seħħ. Madankollu, id-Direttiva 2004/17/KE ma tapplikax għas-servizzi tat-trasport marittimu, bħal dawk ipprovduti minn Caremar. Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/17/KE jagħmilha ċara li huma biss is-servizzi tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-trammijiet, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil li huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(297)

Il-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ servizz tagħhom għat-trasport marittimu, kostali jew tax-xmajjar jaqgħu minflok fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE abbażi tal-premessa 20 tagħha. Madankollu, is-servizzi tat-trasport bl-ilma huma elenkati wkoll fl-Anness II B ta’ dik id-Direttiva li jimplika (219) li huma soġġetti biss għall-Artikoli 23 u 35(4) tagħha. Dan ifisser li, skont id-Direttiva 2004/18/KE, kuntratt pubbliku għas-servizzi tat-trasport marittimu huwa soġġett biss għall-obbligi li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (l-Artikolu 23) u għall-obbligu li jiġi ppubblikat avviż ta’ għoti ta’ kuntratt (wara li l-kuntratt ikun ingħata u, għalhekk, fl-aħħar, mhux fil-bidu, tal-proċedura tal-għoti; ara l-Artikolu 35(4)). Ir-regoli l-oħra kollha previsti mid-Direttiva 2004/18/KE, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tal-avviżi li għandhom jiġu ppubblikati (l-Artikolu 36(1)) u d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji tal-għażla (l-Artikoli 45 sa 52), mhumiex applikabbli għall-kuntratti pubbliċi għas-servizzi tat-trasport marittimu.

(298)

Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/18/KE fi kwalunkwe każ ma tapplikax għal konċessjonijiet ta’ servizzi kif definit fl-Artikolu 1(4) tagħha (220). Il-Kummissjoni tinnota li l-konċessjonijiet ta’ servizz (u l-kuntratti pubbliċi) li għandhom ċertu interess transfruntier xorta jibqgħu soġġetti għall-prinċipji ġenerali tat-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali. Abbażi ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-Direttiva 2004/18/KE tista’ tapplika biss fil-każ ta’ kuntratt pubbliku iżda mhux fir-rigward ta’ konċessjoni ta’ servizz. Barra minn hekk, peress li l-każ preżenti jikkonċerna servizzi tat-trasport bl-ilma soġġetti għal kuntratt pubbliku ta’ servizz, ċerti rekwiżiti biss ta’ dik id-Direttiva, kif imsemmi fil-premessa 305, ikunu applikabbli. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li ma tistax toqgħod biss fuq il-konformità mad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku sabiex tintwera l-konformità mar-raba’ kriterju Altmark.

(299)

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni sussegwentement tivvaluta jekk il-proċedura tal-offerti użata mill-Italja kinitx kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u inkondizzjonata. Biex tagħmel din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tibbaża fuq il-gwida rilevanti stabbilita fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Kunċett ta’ Għajnuna mill-Istat (221) (b’mod partikolari l-punti 89 et seq.) u l-Komunikazzjoni SGEI (b’mod partikolari l-punti 63 et seq.).

In-natura kompetittiva u trasparenti tal-offerta

(300)

Il-punt 90 tal-Avviż dwar il-Kunċett ta’ Għajnuna jispeċifika li proċedura tal-offerti trid tkun kompetittiva (222) biex tippermetti lill-offerenti interessati u kwalifikati kollha jipparteċipaw fil-proċess. Barra minn hekk, skont il-punt 91 ta’ dik il-Komunikazzjoni, il-proċedura għandha tkun trasparenti biex tippermetti lill-offerenti interessati kollha li jkunu infurmati b’mod ugwali u xieraq f’kull stadju tal-proċedura tal-offerti. Dak il-punt jenfasizza wkoll li l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni, żmien suffiċjenti għall-offerenti interessati, u ċ-ċarezza tal-kriterji tal-għażla u tal-għoti huma kollha elementi kruċjali għal proċedura tal-għażla trasparenti u jindika li offerta għandha tiġi ppubbliċizzata tajjeb biżżejjed, sabiex l-offerenti potenzjali kollha jkunu jistgħu jieħdu nota tagħha.

(301)

F’dan il-każ, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess ġiet ippubblikata fis-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana, kif ukoll fuq is-sit web tar-Reġjun tal-Campania (ara l-premessa 68). Din is-sejħa stiednet lil kull min seta’ jiżgura l-kontinwità tas-servizz tat-trasport marittimu pubbliku u l-kontinwità territorjali mal-gżejjer fil-Golf ta’ Napli biex jesprimi l-interess tiegħu u ma impona l-ebda kundizzjoni ulterjuri. L-offerenti potenzjali ngħataw biżżejjed żmien (mis-17 ta’ Lulju 2012 sal-21 ta’ Settembru 2012) biex jesprimu b’mod adegwat l-interessi tagħhom li jippermettilhom li mbagħad jipparteċipaw fil-proċess ulterjuri. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-bejgħ ta’ Caremar u l-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid saru disponibbli b’mod wiesa’ b’tali mod li ntlaħqu l-offerenti kollha possibbli.

(302)

Barra minn hekk, l-offerenti jridu jingħataw id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-proċess tal-offerti sabiex b’hekk ikunu jistgħu jivvalutaw sew il-kumpanija għall-bejgħ. Tali informazzjoni trid tkun disponibbli għall-offerenti potenzjali b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju u l-parteċipanti interessati kollha għandu jkollhom aċċess indaqs għall-informazzjoni rilevanti. Għar-raġunijiet spjegati hawn taħt (il-premessi 303 sa 308), il-Kummissjoni ssib li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati f’dan il-każ.

(303)

L-ewwel nett, is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess indikat li l-offerenti kellhom bżonn ikunu jistgħu “jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizz tat-trasport marittimu”. Filwaqt li s-sejħa ma speċifikatx kif l-offerenti setgħu jagħtu prova li ssodisfaw dan ir-rekwiżit, minbarra li jissodisfaw ċerti rekwiżiti finanzjarji (ara l-premessa 308), dan kien ifisser awtomatikament li seta’ jintuża kwalunkwe mezz xieraq ta’ evidenza. Dan il-kriterju tal-għażla, li kien l-uniku wieħed fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-offerti, kien iġġustifikat fid-dawl tal-objettiv segwit u ġie mgħarraf lill-offerenti interessati kollha.

(304)

It-tieni, il-Liġi 166/2009 għamlitha ċara lill-partijiet interessati li kuntratt pubbliku ta’ servizz ġdid kien se jiġi konkluż mat-tlestija tal-proċedura tal-offerti u li l-ammont annwali ta’ kumpens għal servizz pubbliku kien ġie stabbilit għal massimu ta’ EUR 19 839 226 miljun fis-sena. Barra minn hekk, is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess indikat li l-objettiv kien li Caremar tinbiegħ għal prezz ogħla minn EUR 6 000 000. Barra minn hekk, kif ikkonfermat mill-Italja, l-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tal-ambitu tal-bejgħ, inkluż l-abbozz tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz li għandu jiġi konkluż bejn ix-xerrej u l-Italja, saret disponibbli għad-disa’ partijiet li ġew ammessi għall-istadju li jmiss tal-proċess tal-offerti. Dan ippermetta lil dawn il-partijiet jiddeċiedu jekk jagħmlux offerta jew le u, jekk iva, ta’ kemm. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li kien ċar biżżejjed mis-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess li l-bejgħ kien jikkonċerna n-negozju ta’ Caremar abbinat ma’ kuntratt pubbliku ta’ servizz ġdid. Wara li esprimew l-interess tagħhom, il-partijiet ingħataw aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiddeċiedu dwar offerta possibbli.

(305)

It-tielet, il-Kummissjoni tqis li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess ġibdet numru sostanzjali ta’ offerenti potenzjali, għaxra.

(306)

Ir-raba’, id-disa’ kumpaniji kollha li ġew mistiedna għall-istadju li jmiss tal-proċess tal-offerti rċevew informazzjoni dettaljata mir-Reġjun tal-Campania dwar il-proċess (ara l-premessa 73).

(307)

Il-ħames, is-sejħa kien fiha l-informazzjoni minima meħtieġa sabiex tiġi ppreżentata espressjoni ta’ interess (jiġifieri, il-kontinwazzjoni tas-servizz pubbliku), u ma setgħetx twassal għall-esklużjoni ta’ operaturi marittimi li kieku kienu interessati. L-awtoritajiet tal-ippjanar iddeċidew li jiżguraw il-kontinwità tas-servizz pubbliku u l-konnettività tal-gżejjer tal-Golf ta’ Napli mal-Italja kontinentali. Din il-kundizzjoni ġiet mgħarrfa minn qabel, kif spjegat hawn fuq, lill-operaturi potenzjali kollha li esprimew interess li jipparteċipaw fil-proċedura tal-offerti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kriterji tal-għażla u l-iżvilupp ulterjuri tal-proċedura kienet prevista fl-ittra ta’ stedina mibgħuta lid-disa’ partijiet kollha li ġew ammessi għall-istadju tal-offerti, li l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni.

(308)

Fl-aħħar nett, kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 (il-punti 138 sa 144), l-abbozz oriġinali tas-sejħa għall-offerti għal Caremar kien jinkludi ċerti rekwiżiti tekniċi u finanzjarji (jiġifieri volumi predeterminati ta’ mili nawtiċi u fatturat fis-settur tat-trasport marittimu) li kienu jagħmluha possibbli biss għall-kumpaniji tat-tbaħħir li jieħdu sehem fil-proċedura tal-offerti. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa 70, is-sejħa għall-offerti ppubblikata ma kinitx għadha tinkludi dawk il-kriterji tekniċi li kienu ġew sostitwiti b’rekwiżiti finanzjarji li jikkonċernaw kapaċità ekonomika u finanzjarja adegwata, evidenzjati jew minn konferma minn tal-inqas żewġ istituzzjonijiet finanzjarji ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ EUR 6 miljun jew assi netti ta’ mill-inqas EUR 6 miljun (ara l-premessa 70). Il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti finanzjarji msemmija, li huma marbuta mal-prezz minimu stabbilit għall-bejgħ ta’ Caremar (ara l-premessa 74), huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-kapaċità finanzjarja tal-offerenti b’interess li jixtru Caremar u jiggarantixxu l-kontinwazzjoni tas-servizzi marittimi fil-Golf ta’ Napli skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid. Barra minn hekk, kif huwa evidenti mill-proċess tal-offerti, dawn ir-rekwiżiti ma skoraġġewx il-parteċipazzjoni ta’ għadd adegwat ta’ offerenti possibbli.

(309)

L-intenzjoni tar-Reġjun tal-Campania li jċedi n-negozju ta’ Caremar u li jikkonkludi kuntratt pubbliku ta’ servizz ġdid b’durata ta’ 9 snin mal-offerent rebbieħ saret pubblika b’mod li tilħaq lill-offerenti kollha possibbli fis-suq reġjonali jew internazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-offerenti potenzjali setgħu faċilment jesprimu l-interess tagħhom u ma kellhom għalfejn jieħdu l-ebda impenn f’dak l-istadju. Dment li setgħu juru li ssodisfaw l-uniku kriterju tal-għażla li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizz, dawk il-partijiet imbagħad ingħataw l-informazzjoni u ż-żmien kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddeċiedu ta’ kemm riedu jagħmlu offerta għan-negozju ta’ Caremar u għall-forniment tas-servizzi.

(310)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-komunikazzjoni mal-offerenti interessati ppermettiet li dawn jiġu infurmati bl-istess mod u kif xieraq f’kull stadju tal-proċedura tal-offerti kif deskritt fil-premessi 67 sa 77.

(311)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li, meta titqies kollha kemm hi, il-proċedura tal-offerti kienet kompetittiva u trasparenti u li d-dubji tagħha fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 li l-proċedura tal-offerti ma kinitx trasparenti biżżejjed minħabba nuqqasijiet possibbli fis-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess tneħħew.

In-natura mhux diskriminatorja tal-offerta

(312)

Il-punt 92 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kunċett ta’ Għajnuna jenfasizza li t-trattament mhux diskriminatorju tal-offerenti kollha fl-istadji kollha tal-proċedura u l-kriterji oġġettivi tal-għażla u tal-għoti speċifikati qabel il-proċess huma kundizzjonijiet indispensabbli biex jiġi żgurat li t-tranżazzjoni li tirriżulta tkun konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, dan il-punt jippreċiża li, sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament, il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt għandhom jippermettu li l-offerti jiġu pparagunati u evalwati b’mod oġġettiv.

(313)

Kif indikat aktar ’il fuq (ara l-premessa 303), l-unika kundizzjoni fis-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess kien li l-offerenti jkunu kapaċi “jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizz tat-trasport marittimu”. L-10 partijiet kollha li wieġbu għas-sejħa u li esprimew interess kienu konxji minn dak l-obbligu. Il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni kienet oġġettiva u kienet ġiet magħmula ċara biżżejjed lill-partijiet interessati kollha fis-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. L-ittra ta’ stedina speċifikat li l-kriterju tal-għoti kien l-aħjar prezz u speċifikat il-metodoloġija għall-kalkolu tiegħu (ara l-premessa 73). Dak il-kriterju kien oġġettiv, u ppermetta li l-offerti jiġu pparagunati u evalwati b’mod oġġettiv peress li kien ibbażat fuq l-ammont ta’ skont offrut mal-ammont tal-kumpens massimu stabbilit fis-sejħa għall-offerti u fuq il-prezz offrut għall-akkwist ta’ Caremar mal-prezz minimu stabbilit fis-sejħa għall-offerti.

(314)

Disa’ offerenti interessati li ġew ammessi għall-istadju li jmiss tal-proċedura tal-offerti mbagħad ġew mistiedna jissottomettu offerta wara li kollha rċevew l-istess informazzjoni (ara l-premessa 73). L-offerenti kollha kellhom il-possibbiltà li jitolbu kjarifiki qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerta u, biex tiġi żgurata l-akbar trasparenza, ir-Reġjun tal-Campania ppubblika wkoll l-aktar mistoqsijiet frekwenti u t-tweġibiet tagħhom qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti (ara l-premessa 73). L-eżitu tal-proċedura tal-għażla ġie mgħarraf pubblikament fis-sessjoni pubblika li saret fid-29 ta’ Lulju 2013 mill-kumitat tal-offerti u l-offerenti kollha ġew mgħarrfa bil-proċedura ta’ verifika diskrezzjonali mibdija mir-Reġjun tal-Campania biex jiġu vverifikati l-adegwatezza u l-affidabbiltà tal-aħjar offerta u tar-riżultat ta’ dik il-proċedura (ara l-premessa 73).

(315)

Id-dubji tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess setgħet ma kinitx trasparenti biżżejjed u inkondizzjonata huma għalhekk riżolti. Il-partijiet kollha kienu korrettament u ugwalment infurmati matul id-diversi stadji tal-proċedura tal-offerti u setgħu jagħmlu offerta b’għarfien sħiħ tal-proċedura u tar-rekwiżiti. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-kriterji għall-għoti ppermettew tqabbil u valutazzjoni oġġettivi tal-offerti.

Żgurar li s-servizzi jiġu pprovduti bl-inqas prezz għall-komunità

(316)

Il-punt 65 tal-Komunikazzjoni SGEI jipprovdi li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, proċedura ta’ akkwist pubbliku teskludi biss l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fejn tippermetti l-għażla tal-offerent li kapaċi jipprovdi s-servizz “bl-inqas prezz għall-komunità”.

(317)

F’dan il-każ, il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid abbinat man-negozju ta’ Caremar, aktar milli biss il-kuntratt pubbliku ta’ servizz innifsu, ġie offrut abbażi tal-aktar prezz baxx. L-Italja ddeċidiet li l-prezz għall-bejgħ tan-negozju ta’ Caremar jenħtieġ li jkun ogħla minn EUR 6 000 000 (ara l-premessa 74), filwaqt li għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid l-Italja stabbiliet ammont massimu għad-durata kollha tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, soġġett għal reviżjonijiet ’l isfel.

(318)

Il-punt 67 tal-Komunikazzjoni SGEI jindika li l-aktar prezz baxx ovvjament jissodisfa r-raba’ kriterju Altmark.

(319)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Italja għamlet enfasi fuq l-għażla ta’ operatur li jipprovdi s-servizz bl-aktar prezz baxx, bl-użu tal-formula deskritta fil-premessa 73. Il-formula użata għall-kalkolu tal-ogħla prezz nett tinkorpora ċerta rata ta’ aġġustament ibbażata fuq ir-redditu fuq bonds tal-Gvern ta’ 9 snin, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-kuntratt. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa 308), il-kriterji tekniċi li ġew sottomessi fl-abbozz tal-offerta oriġinali tneħħew qabel il-pubblikazzjoni tal-offerta u ġew sostitwiti b’rekwiżiti finanzjarji, u b’hekk ġiet żgurata n-natura kompetittiva u trasparenti tal-proċedura. Barra minn hekk, l-ittra ta’ stedina għas-sottomissjoni ta’ offerta kienet tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jimtlew l-offerti finanzjarji u tekniċi, kif ukoll stedina lill-offerenti kollha biex jaċċessaw il-“kamra tad-data”, fejn setgħu jikkonsultaw u jikkupjaw, fejn possibbli, kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar Caremar, il-pjan industrijali tagħha u l-karta tas-servizz. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-użu tal-orħos prezz bħala l-kriterju tal-għoti għas-servizz ikkonċernat abbinat mal-bejgħ tan-negozju ta’ Caremar ippermetta lill-Italja toħloq kompetizzjoni effettiva u tikseb servizz bl-ogħla valur possibbli bl-inqas prezz għall-komunità.

(320)

F’dak li għandu x’jaqsam b’mod partikolari mal-iggruppar tas-servizz mal-bejgħ tan-negozju ta’ Caremar, fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li s-sejħa għall-offerti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid mingħajr obbligu li jittieħdu l-bastimenti ta’ Caremar meħtieġa biex jitwettaq is-servizz pubbliku kienet tirriżulta f’kost aktar baxx għall-komunità.

(321)

Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet hawn fuq li l-proċedura tal-offerti kienet trasparenti biżżejjed u mhux diskriminatorja sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-akbar numru possibbli ta’ offerenti potenzjali. Tabilħaqq, wara l-pubblikazzjoni mifruxa tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, 10 operaturi marittimi wieġbu fl-affermattiv u disgħa ġew ammessi għall-istadju tal-offerti. L-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-proċedura tal-offerti ġiet ipprovduta fl-ittra ta’ stedina mibgħuta lil dawn id-disa’ operaturi.

(322)

Wara l-istadju tal-espressjoni ta’ interess, ġew sottomessi tliet offerti kompetittivi, li r-Reġjun tal-Campania evalwa.

(323)

Il-kundizzjoni obbligatorja biex tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizz pubbliku u l-iggruppar tal-assi mal-OSP huma interrelatati. B’mod partikolari, billi għaqqad il-bejgħ ta’ Caremar ma’ kuntratt pubbliku ta’ servizz ġdid, l-akkwirent, SNAV/Rifim awtomatikament issir soġġetta għar-rekwiżit li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku u tingħata l-prijorità tal-irmiġġ. Il-Kummissjoni tqis li l-iggruppar tan-negozju ta’ Caremar mal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid u l-għoti tal-prijorità tal-irmiġġ ma jirriżultawx fi prezz aktar baxx minn meta l-assi u dan il-kuntratt kienu jinbiegħu separatament, għar-raġunijiet li ġejjin.

(324)

In-negozju ta’ Caremar kien assoċjat biss mat-twassil tas-servizz pubbliku u l-iżgurar tal-kontinwità territorjali. Minkejja dan, il-bastimenti kollha ta’ Caremar intużaw u bħalissa qed jintużaw għas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, il-bastimenti ta’ Caremar jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi previsti fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid. Dan ifisser li, bis-saħħa tal-bejgħ ta’ dawk il-bastimenti flimkien mal-inkarigu tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, kwalunkwe kumpanija (anke dawk mhux mgħammra b’bastimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi imposti skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid) kienet tkun tista’ tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid f’termini tat-tip ta’ bastimenti li għandhom jintużaw għall-forniment tal-SGEI. Ma jistax jiġi argumentat li bejjiegħ privat kien jikseb prezz ogħla kieku dawk jew xi bastimenti nbiegħu mingħajr l-imsemmija kundizzjoni. Fil-fatt, il-valur tal-bastimenti ta’ Caremar kien prinċipalment fl-adegwatezza tagħhom biex iwettqu l-OSP koperti mill-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe rabta mal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, il-bastimenti ta’ Caremar jattiraw domanda kummerċjali baxxa, sakemm mhux bl-intenzjoni li jixtru għall-investiment, ir-restawr u l-modernizzazzjoni fuq perjodu qasir ta’ żmien. Minkejja dan, jidher improbabbli li l-bastimenti setgħu jinbiegħu għal skopijiet ta’ trasport marittimu, minbarra dak li jinkludi l-kundizzjoni li jitkompla s-servizz pubbliku, għal prezz ogħla minn dak li kienu bbaġitjati għalih.

(325)

Barra minn hekk, li kieku l-kuntratt pubbliku ta’ servizz ġie offrut separatament mill-bejgħ ta’ Caremar, il-Kummissjoni tqis li huwa improbabbli li l-offerenti potenzjali setgħu kellhom tali riżorsi sinifikanti (li jikkonsistu f’disa’ bastimenti u tagħmir industrijali u kummerċjali) faċilment disponibbli għar-riallokazzjoni biex joperaw l-OSP stabbiliti fil-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid. Dan huwa partikolarment minnu peress li l-kuntratt il-ġdid fih rekwiżiti speċifiċi dwar il-bastimenti li għandhom jintużaw fuq ir-rotot ta’ servizz pubbliku differenti (ara l-premessa 88 u penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ ċerti standards minimi ta’ kwalità (ara l-premessa 83). Probabbilment l-operaturi li diġà kellhom ir-riżorsi meħtieġa kienu diġà qegħdin jużawhom fuq rotot oħra u r-riallokazzjoni tagħhom f’konformità mal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid kienet inevitabbilment twassal għat-telf tad-dħul mill-użu preċedenti tagħhom.

(326)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-iggruppar ta’ dawk il-bastimenti mal-kuntratt pubbliku ta’ servizz ippermetta li jinkiseb prezz ogħla għall-bastimenti ta’ Caremar mill-prezz li l-Italja kienet tikseb billi tbigħ il-bastimenti separatament. Il-fatt li, bħala korrispettiv għall-operat tal-bastimenti fuq ir-rotot ta’ servizz pubbliku, l-akkwirent tagħhom kien se jirċievi kumpens għal servizz pubbliku għal perjodu ta’ 9 snin irrenda lil dawk il-bastimenti aktar attraenti mill-perspettiva tan-negozju milli kienu jkunu fuq bażi awtonoma. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma rabtet l-ebda kundizzjoni li x’aktarx kienet tnaqqas il-prezz jew li bejjiegħ privat ma kienx jitlob.

(327)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubju tagħha li s-sejħa għall-offerti għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid flimkien man-negozju ta’ Caremar ma setgħetx tirriżulta f’kost aktar baxx għall-komunità tneħħa.

(328)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-użu tal-orħos prezz bħala l-kriterju tal-għoti għall-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid abbinat man-negozju ta’ Caremar irriżulta f’diversi operaturi marittimi li esprimew l-interess tagħhom li jixtru n-negozju ta’ Caremar u jwettqu s-servizz pubbliku marittimu li jservi l-gżejjer tal-Golf ta’ Napli.

(329)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterju Altmark 4 huwa osservat fir-rigward ta’ din il-miżura.

9.1.2.5.   Konklużjoni

(330)

Peress li l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Altmark huma ssodisfati b’mod kumulattiv, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid abbinat man-negozju ta’ Caremar u l-prijorità tal-irmiġġ lil Caremar ma jagħtix vantaġġ ekonomiku lil din tal-aħħar u lill-akkwirent tagħha, SNAV/Rifim.

(331)

Peress li mhux il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz marbut mal-privatizzazzjoni ta’ Caremar u l-prijorità tal-irmiġġ lil Caremar u lill-akkwirent tagħha SNAV/Rifim ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

9.1.3.   Il-miżuri stabbiliti mil-Liġi 163/2010

(332)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 li l-miżuri kollha stabbiliti mid-Digriet Amministrattiv 125/2010 ikkonvertiti b’emendi fil-Liġi 163/2010 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur il-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, inkluż Caremar, sal-punt li l-benefiċjarji rispettivi setgħu jużaw dawn il-miżuri biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ likwidità u b’hekk itejbu l-pożizzjoni finanzjarja ġenerali tagħhom.

(333)

Abbażi tal-informazzjoni li waslet matul l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li t-tliet miżuri jiġu vvalutati separatament.

9.1.3.1.   Użu possibbli tal-fondi għall-immodernizzar tal-bastimenti għall-finijiet ta’ likwidità

(334)

Riżorsi tal-Istat: il-fondi inkwistjoni ngħataw mill-Istat mill-baġit tiegħu stess (ara l-premessa 130) u l-użu tagħhom għal skopijiet ta’ likwidità kien possibbli bis-saħħa tal-Liġi 163/2010. Għaldaqstant, il-miżura hija imputabbli lill-Istat u hija mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

(335)

Selettività: din il-miżura ngħatat biss lill-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, inkluż Caremar, u għalhekk hija selettiva.

(336)

Vantaġġ ekonomiku: skont l-Italja, Caremar ibbenefikat mill-fondi inkwistjoni għall-ħidma ta’ modernizzazzjoni fuq il-flotta tagħha biex tinġieb f’konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza. Xi wħud mix-xogħlijiet kienu jinvolvu żewġ unitajiet tal-flotta ta’ Caremar li ġew ittrasferiti mingħajr ħlas lil Laziomar (ara l-premessa 203). Skont l-Italja, dawn il-fondi qatt ma ntużaw għal skopijiet ta’ likwidità (ara l-premessa 203) u l-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza għall-kuntrarju.

(337)

Peress li Caremar ma użatx dawn il-fondi għal skopijiet ta’ likwidità sabiex tevita l-kostijiet, li normalment ikollha tkopri hi stess permezz tar-riżorsi finanzjarji proprji tagħha, id-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 ma għadhomx validi u l-Kummissjoni tqis li għalhekk ma ngħata l-ebda vantaġġ ekonomiku lil Caremar permezz tal-użu tal-fondi msemmija.

(338)

Konklużjoni: peress li mhux il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

9.1.3.2.   Eżenzjonijiet fiskali relatati mal-proċess ta’ privatizzazzjoni

(339)

Kif deskritt fil-premessa 102(a), skont l-Artikolu 1 tal-Liġi 163/2010, ċerti atti u operazzjonijiet imwettqa għall-privatizzazzjoni tal-Tirrenia Group u deskritti fl-Artikolu 19-ter, il-paragrafi 1 sa 15, tad-Digriet Amministrattiv 135/2009, ikkonvertit b’modifiki fil-Liġi 166/2009, huma eżentati minn kwalunkwe taxxa normalment dovuta fuq dawk l-atti u l-operazzjonijiet.

(340)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li jridu jiġu vvalutati żewġ settijiet separati ta’ trasferimenti: (i) it-trasferimenti tal-ex sussidjarji ta’ Tirrenia Caremar, Saremar u Toremar minn Tirrenia lir-Reġjuni tal-Campania, Sardenja u t-Toskana; (ii) it-trasferiment ta’ Caremar mir-Reġjun tal-Campania għal SNAV/Rifim. It-taxxi eżentati huma b’mod partikolari d-dazju tar-reġistrazzjoni, it-tariffi tar-reġistru tal-artijiet u tar-reġistrazzjoni tal-ipoteki, it-taxxa tal-boll, il-VAT u t-taxxa korporattiva fuq l-introjtu. Il-benefiċjarji ta’ din il-miżura ta’ għajnuna jkunu l-bejjiegħ, ix-xerrej, jew it-tnejn li huma. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss it-tieni trasferiment. (223)

(341)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni tinnota li skont id-Digriet Presidenzjali Nru 633 tas-26 ta’ Ottubru 1972, it-trasferimenti ta’ negozji avvjati jew unitajiet tan-negozju lil kumpanija oħra mhumiex meqjusa bħala provvista ta’ oġġetti u għalhekk jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. Għalhekk, peress li tranżazzjonijiet bħall-bejgħ ta’ Caremar lil SNAV/Rifim mhumiex soġġetti għall-VAT, l-eżenzjoni mit-taxxa ma setgħetx tat vantaġġ lil Caremar fir-rigward tal-VAT. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt tal-bejgħ għal Caremar jiddikjara b’mod ċar li x-xerrej, jiġifieri, SNAV/Rifim, irid iħallas il-kostijiet kollha relatati mal-bejgħ (jiġifieri, it-tariffi tar-reġistrazzjoni, il-kostijiet notarili, ir-reġistru tal-artijiet, it-tariffi tar-reġistrazzjoni ipotekarja, it-taxxa tal-boll, eċċ.), mingħajr referenza għal kwalunkwe eżenzjoni li tgawdi SNAV/Rifim fuq dawn il-kostijiet. Fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva fuq l-introjtu, tali taxxa tapplika biss għad-dħul iġġenerat mill-entità taxxabbli. F’dan il-każ, madankollu, SNAV/Rifim xtrat lil Caremar mingħand ir-Reġjun tal-Campania, li jfisser li din it-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi spiża għal SNAV/Rifim u b’riżultat ta’ dan ma setgħet tkun dovuta l-ebda taxxa korporattiva fuq l-introjtu. Għalhekk, din il-miżura ma tapplikax għal SNAV/Rifim. Il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, tikkonkludi li la Caremar u lanqas SNAV/Rifim ma bbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet fiskali.

(342)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet fiskali msemmija hawn fuq ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

9.1.3.3.   Il-possibbiltà li jintużaw riżorsi tal-FAS sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ likwidità

(343)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni identifikat il-possibbiltà li l-kumpaniji tal-(ex)’ Tirrenia Group, inkluż Caremar, jużaw ir-riżorsi tal-FAS (224) sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ likwidità attwali. Madankollu, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Italja ċċarat li r-riżorsi tal-FAS ma kinux maħsuba bħala kumpens addizzjonali għal Caremar jew SNAV/Rifim (jew kwalunkwe kumpanija oħra tal-ex Tirrenia Group jew l-akkwirenti rispettivi tagħhom). Minflok, dawn ir-riżorsi saru disponibbli biex jissupplimentaw l-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-pagament tal-kumpensi tas-servizz pubbliku lill-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, f’każ li ma kinux biżżejjed. Tabilħaqq, l-Artikolu 1, il-paragrafu 5-ter, tal-Liġi 163/2010 ippermetta lir-Reġjuni jużaw ir-riżorsi tal-FAS biex jiffinanzjaw parti mill-kumpens tas-servizz pubbliku regolari u b’hekk jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi pubbliċi marittimi. Fi kliem ieħor, din il-miżura tikkonċerna biss allokazzjoni ta’ riżorsi fil-baġit tal-Istat Taljan għall-pagament tal-kumpensi tas-servizz pubbliku.

(344)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-riżorsi tal-FAS huma biss sors ta’ finanzjament li jippermetti lill-Istat iħallas il-kumpensi tas-servizz pubbliku (mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni Inizjali estiża) u ma jikkostitwixxux miżura separata li Caremar tista’ tibbenefika minnha flimkien ma’ dawn il-kumpensi tas-servizz pubbliku. Għalhekk, l-użu possibbli tar-riżorsi tal-FAS ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

9.1.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna

(345)

Abbażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li:

—

il-kumpens mogħti lil Caremar għall-operat tar-rotot marittimi fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012 (jiġifieri, l-estensjoni tal-Konvenzjoni inizjali) u l-prijorità tal-irmiġġ marbuta mal-forniment ta’ dawk is-servizzi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE;

—

l-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għall-perjodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-15 ta’ Lulju 2024, abbinat mal-privatizzazzjoni ta’ Caremar u l-prijorità tal-irmiġġ marbuta mal-forniment ta’ dawk is-servizzi, jikkonforma mal-erba’ kriterji Altmark u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE;

—

peress li Caremar ma użatx il-fondi biex taġġorna l-bastimenti għal finijiet ta’ likwidità, kif permess mil-Liġi 163/2010, dik il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat lil Caremar skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE;

—

l-eżenzjonijiet fiskali relatati mal-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat lil Caremar jew SNAV/Rifim skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE;

—

il-possibbiltà li jintużaw riżorsi tal-FAS biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ likwidità, kif stabbilit mil-Liġi 163/2010, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

9.2.   Legalità tal-għajnuna

(346)

Il-miżuri ta’ għajnuna fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni daħlu fis-seħħ qabel l-approvazzjoni formali mill-Kummissjoni. Għalhekk, sa fejn dawn il-miżuri ta’ għajnuna ma kinux eżentati min-notifika skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE jew id-Deċiżjoni 2012/21/UE, dawn ingħataw mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE (225).

9.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

(347)

Il-kompatibbiltà tal-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża u l-prijorità tal-irmiġġ marbuta jridu jiġu vvalutati fid-dawl tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(348)

Kif diġà indikat hawn fuq (it-taqsima 3.1.1), l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali wara t-tmiem tal-2008 twettqet permezz ta’ atti legali sussegwenti, kif ġej:

(a)

Id-Digriet Amministrattiv 207/2008, ikkonvertit fil-Liġi 14/2009, stabbilixxa l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009;

(b)

Id-Digriet Amministrattiv 135/2009, ikkonvertit fil-Liġi 166/2009, stabbilixxa fost l-oħrajn l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Settembru 2010;

(c)

Id-Digriet Amministrattiv 125/2010, ikkonvertit fil-Liġi 163/2010, ippreveda estensjoni ulterjuri tal-Konvenzjoni Inizjali mill-1 ta’ Ottubru 2010 sa tmiem il-proċessi ta’ privatizzazzjoni ta’ Tirrenia u Siremar.

(349)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tinnota li dawk it-tliet estensjonijiet kienu qabel id-dħul fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2012 tad-Deċiżjoni 2012/21/UE u tal-Qafas SGEI tal-2011. Madankollu, l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2012/21/UE u l-punt 69 tal-Qafas SGEI tal-2011 fihom regoli li jipprevedu l-applikazzjoni tagħhom ukoll għal għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

(350)

B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 2012/21/UE tipprevedi fl-Artikolu 10(a) tagħha li: “kwalunkwe għajnuna li ngħatat effett qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni” (jiġifieri qabel il-31 ta’ Jannar 2012) “li kienet kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE għandha tibqa’ kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika għal perjodu ulterjuri ta’ sentejn.”. Dan ifisser li l-għajnuna li ngħatat fil-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2005/842/KE fid-19 ta’ Diċembru 2005 u d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2012/21/UE fil-31 ta’ Jannar 2012 se titqies kompatibbli mas-suq intern iżda biss mid-data li fiha ngħatat sat-30 ta’ Jannar 2014 inkluża. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(b) jgħid li: “kwalunkwe għajnuna li ngħatat effett qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni” (jiġifieri qabel il-31 ta’ Jannar 2012) “li ma kinitx kompatibbli mas-suq intern u lanqas ma kienet eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE” iżda tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni “għandha tibqa’ kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel.”.

(351)

Fir-rigward tal-Qafas SGEI tal-2011, il-punti 68 u 69 jispeċifikaw li l-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dak il-Qafas għall-proġetti kollha ta’ għajnuna notifikati, kemm jekk in-notifika tkun saret qabel jew wara l-31 ta’ Jannar 2012, kif ukoll għall-għajnuna illegali kollha li fuqha tieħu deċiżjoni wara l-31 ta’ Jannar 2012, anki jekk dik l-għajnuna tkun ingħatat qabel il-31 ta’ Jannar 2012. Fil-każ tal-aħħar, id-dispożizzjonijiet tal-punti 14, 19, 20, 24, 39 u 60 tal-Qafas SGEI tal-2011 mhumiex applikabbli.

(352)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-regoli dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2005/842/KE u d-Deċiżjoni 2012/21/UE u l-Qafas SGEI tal-2011 kif deskritt hawn fuq ifissru li l-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012 matul il-Konvenzjoni Inizjali estiża jista’ jiġi vvalutat skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE jew, jekk l-għajnuna ma tkunx koperta mid-Deċiżjoni 2005/842/KE, skont il-Qafas SGEI tal-2011 (mingħajr ma jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-punti 14, 19, 20, 24, 39, 60 u tal-Qafas SGEI tal-2011 peress li l-estensjonijiet kollha tal-Konvenzjoni Inizjali ġew adottati qabel il-31 ta’ Jannar 2012) (226).

(353)

Il-Kummissjoni tinnota li kemm id-Deċiżjoni 2005/842/KE kif ukoll id-Deċiżjoni 2012/21/UE huma applikabbli biss għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku għal konnessjonijiet marittimi ma’ gżejjer li fihom it-traffiku annwali medju matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik li fiha ġie assenjat l-SGEI ma jaqbiżx it-300 000 passiġġier.

(354)

Iċ-ċifri ppreżentati mill-Italja (ara t-Tabelli 3 u 9 fil-premessi 175 u 176) ma jippermettux li jiġi konkluż li t-traffiku annwali medju tal-passiġġieri matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel kull estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali ma qabiżx it-300 000 passiġġier. Fil-fatt, jew id-data pprovduta hija ogħla minn dak il-limitu (227) jew inkella ma hijiex kompluta (228).

(355)

Għalhekk, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar għall-operat tar-rotot marittimi skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża (jiġifieri t-tmien rotot fil-Golf ta’ Napli operati fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012 u t-tliet rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino operati fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Mejju 2011) jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-Qafas SGEI tal-2011. Kif imsemmi fil-premessa 351, peress li l-għajnuna ngħatat qabel il-31 ta’ Jannar 2012 (jiġifieri d-dħul fis-seħħ tal-Qafas SGEI tal-2011), il-Qafas SGEI tal-2011 jibqa’ applikabbli, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti 14, 19, 20, 24, 39 u 60.

9.3.1.   SGEI ġenwin

(356)

Skont il-punt 12 tal-Qafas SGEI tal-2011, “l-għajnuna trid tingħata għal servizz ġenwin u definit b’mod korrett ta’ interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat”. Il-punt 13 jiċċara li “l-Istati Membri ma jistgħux jorbtu OSP speċifiku ma’ servizzi li huma diġà pprovduti jew li jistgħu jiġu pprovduti b’mod sodisfaċenti u taħt kundizzjonijiet, bħall-prezz, il-karatteristiċi oġġettivi tal-kwalità, il-kontinwità u l-aċċess għas-servizz, konsistenti mal-interess pubbliku, kif definit mill-Istat, minn impriżi li joperaw f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Rigward il-kwistjoni dwar jekk servizz jistax ikun provdut mis-suq, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija limitata għal verifika dwar jekk id-definizzjoni tal-Istat Membru hijiex vizzjata minn żball ċar, sakemm id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea ma jipprovdux standard aktar strett”. Fl-aħħar nett, il-punt 56 tal-Qafas SGEI tal-2011 jirreferi għall-“marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru” fir-rigward tan-natura tas-servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala SGEI.

(357)

Il-valutazzjoni ta’ jekk l-SGEI humiex ġenwini trid titwettaq ukoll fid-dawl tal-Komunikazzjoni SGEI (ara l-premessi 170 u 186), ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 (ara l-premessi 173, 174 u 175) u l-ġurisprudenza (ara l-premessi 176 u 177). Għalhekk, għall-perjodu tal-estensjoni l-Kummissjoni trid tivvaluta:

(a)

jekk kienx hemm domanda mill-utenti;

(b)

jekk dik id-domanda kinitx kapaċi li tiġi ssodisfata mill-operaturi tas-suq fin-nuqqas ta’ obbligu impost mill-awtoritajiet pubbliċi (l-eżistenza ta’ falliment tas-suq);

(c)

dak is-sempliċi rikors għall-OSP ma kienx biżżejjed sabiex jirrimedja dak in-nuqqas (l-approċċ l-inqas dannuż).

Domanda mill-utenti

(358)

Skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża, Caremar ġiet fdata bil-forniment ta’ servizzi skedati tat-trasport marittimu ta’ passiġġieri u vetturi (inkluż vetturi tas-salvataġġ), b’rati predeterminati, permezz ta’ laneċ u bastimenti veloċi (li jfisser it-TMV fil-każ ta’ servizzi mħallta jew l-aliskaf fil-każ ta’ servizzi tal-passiġġieri biss) skont l-iskedi indikati fil-programm tat-trasport marittimu stabbilit mir-Reġjun tal-Campania, kif ippreżentat fit-taqsima 3.3.1. L-OSP imposti fuq Caremar kienu jikkonċernaw il-portijiet servuti, it-tip ta’ bastimenti assenjati għall-konnessjonijiet marittimi operati taħt ir-reġim tas-servizz pubbliku, il-frekwenza, l-iskeda tal-ħin u l-kontinwità tas-servizz, il-kwalità tas-servizz, u n-nollijiet massimi li għandhom jiġu ċċarġjati (ara l-premessi 40 sa 44). L-OSP imposti fuq Caremar fiż-żmien tal-estensjoni (jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2009, l-1 ta’ Jannar 2010 u l-1 ta’ Ottubru 2010) kienu l-istess bħal dawk ipprovduti skont il-Konvenzjoni Inizjali (ara l-premessa 37).

(359)

Il-Kummissjoni l-ewwel tfakkar li l-Italja imponiet l-OSP stabbiliti fil-Konvenzjoni Inizjali prinċipalment biex tiżgura l-kontinwità territorjali bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer u biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer ikkonċernati, permezz ta’ servizzi regolari u affidabbli tat-trasport marittimu. Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet (ara l-premessa 242) li dawn huma tabilħaqq objettivi leġittimi ta’ interess pubbliku.

(360)

Fir-rigward tad-domanda tal-utenti, il-kunsiderazzjonijiet espressi diġà fil-premessi 243 u 244 japplikaw ukoll għall-Konvenzjoni Inizjali estiża. Fil-fatt, l-istatistika dettaljata rotta b’rotta pprovduta mill-Italja dwar il-passiġġieri, il-vetturi u l-merkanzija ttrasportati minn Caremar fis-snin mill-2009 sal-2012 turi li r-rotot moqdija minn Caremar kienu kkaratterizzati minn domanda sinifikanti li baqgħet stabbli maż-żmien (ara l-premessa 174).

Eżistenza ta’ falliment tas-suq

(361)

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ falliment tas-suq fuq ir-rotot moqdija minn Caremar fil-Golf ta’ Napli, għar-raġunijiet spjegati fil-premessi minn (362) sa (366) hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li l-konklużjoni milħuqa mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti fiż-żmien tal-inkarigu tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid (ara l-premessa 259) tapplika wkoll għall-perjodu 2009 – 2012, jiġifieri fiż-żmien tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali.

(362)

L-ewwel nett, ir-rotot ta’ servizz pubbliku operati minn Caremar matul il-Konvenzjoni Inizjali estiża fil-Golf ta’ Napli (jiġifieri fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012) kienu l-istess bħal dawk fdati lilha skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid (ara l-premessi 34(a) u 84) u li l-OSP imposti fuq Caremar f’dak il-perjodu kienu jvarjaw biss marġinalment ħafna minn dawk imposti skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid f’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien, kif deskritt fil-premessa 39. Fil-fatt, kemm skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid kif ukoll skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża, Caremar kienet soġġetta għall-istess obbligi ta’ kontinwità, frekwenza, regolarità, puntwalità, obbligi li jikkonċernaw l-għadd, it-tip u l-kapaċità tal-bastimenti assenjati għar-rotot tal-OSP, l-obbligi tariffarji, u l-obbligi tal-kwalità tas-servizz.

(363)

F’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien, il-programm tat-trasport marittimu rilevanti għal Caremar fuq dawk ir-rotot għall-perjodu mis-16 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Lulju 2012 kien ġie stabbilit mir-Reġjun tal-Campania fid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9.8.2011 kif emendata bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30.12.2011. Dak il-programm kien l-istess bħal dak li abbażi tiegħu ġew imposti l-obbligi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid (ara l-premessi 83 sa 85). Bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-15 ta’ Jannar 2012, Caremar kienet soġġetta għall-programm tat-trasport marittimu stabbilit mir-Reġjun tal-Campania fid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 548 tal-1 ta’ April 2007 li kienet ġiet adottata skont il-Konvenzjoni Inizjali (ara l-premessa 36). Il-Kummissjoni tosserva li d-differenzi bejn il-programm tal-2007 u l-programm tal-2011 (kif deskritt fil-premessa 39) kienu marġinali ħafna u ddettati mill-ħtieġa li s-servizzi ta’ Caremar isiru kemm jista’ jkun magħluqa għall-ħtiġijiet tat-trasport marittimu tal-popolazzjonijiet lokali. Kif spjegat mill-Italja (il-premessi 178 sa 181), il-qafas proċedurali għad-definizzjoni mir-Reġjun tal-Campania tal-OSP fis-settur tat-trasport marittimu huwa stabbilit mill-Artikolu 17 tal-Liġi Reġjonali Nru 3 tat-28 ta’ Marzu 2002 li jipprevedi verifika regolari, u jekk meħtieġ aġġornament, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSP imposti fuq l-operaturi tat-trasport marittimu, inkluż Caremar. Għaldaqstant, fl-2010 ir-Reġjun tal-Campania nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSP operati minn Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża, li wasslet għal aġġornament tal-frekwenzi u tal-iskedi, mhux biss ta’ Caremar iżda wkoll tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-OSP fil-Golf ta’ Napli, approvata bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011. Dak l-aġġornament kompla jiġi aġġustat marġinalment bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30 ta’ Diċembru 2011 fir-rigward tas-servizzi ta’ Caremar, sabiex jitqiesu talbiet ulterjuri li ttieħdu mill-Muniċipalità ta’ Procida, li qiesu li ma kinux qed jingħataw servizzi suffiċjenti skont il-programm tat-trasport marittimu approvat bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011.

(364)

Kif spjegat mill-Italja (ara l-premessa 184), is-sitwazzjoni kompetittiva tat-tmien rotot operati minn Caremar fil-Golf ta’ Napli fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-15 ta’ Jannar 2012, jiġifieri fiż-żmien tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali, kienet simili ħafna għal dik fil-perjodu 2012 – 2015, jiġifieri qabel l-inkarigu tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid, ivvalutat fil-premessi minn 249 sa 259. Bħala eċċezzjoni, kif imsemmi mill-Italja (il-premessa 183), bejn l-aħħar ta’ Diċembru 2010 u l-1 ta’ Ottubru 2011, Caremar kienet l-uniku operatur marittimu li jaqdi taħt l-OSP ir-rotot Capri/Sorrento, Capri/Napli, Ischia/Napli, Ischia/Procida/Napli, Ischia/Procida/Pozzuoli, Ischia/Procida, u Procida/Napli; filwaqt li Gestour u Procida Lines kienu joperaw taħt l-OSP ir-rotta Procida/Pozzuoli, minħabba li l-operaturi tat-tbaħħir l-oħra kollha rrifjutaw li jipprovdu s-servizzi taħt l-OSP f’dak il-perjodu. F’dak il-perjodu, ir-Reġjun tal-Campania kellu jżid il-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSP imposti fuq Caremar (f’termini ta’ frekwenzi u skedi ta’ żmien) sabiex ilaħħaq mal-interruzzjoni f’daqqa tas-servizzi pprovduti minn xi kompetituri ta’ Caremar. Dik l-interruzzjoni f’daqqa hija indikazzjoni ċara li s-servizzi tal-OSP ipprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar ma setgħux jiġu invokati bis-sħiħ mill-popolazzjoni lokali.

(365)

Meta jitqies dan ta’ hawn fuq u abbażi wkoll tal-informazzjoni pprovduta mill-kompetituri ta’ Caremar fil-kummenti tagħhom (ara l-premessi 150, 151, 161 u 168), il-Kummissjoni tosserva dan li ġej:

(a)

Fir-rigward tar-rotta Capri/Sorrento, fil-perjodu 2009 – 2011 Caremar kienet l-uniku operatur li jipprovdi servizzi mħallta fuq ir-rotta matul is-sena. Fil-fatt, il-kompetituri ta’ Caremar jew ipprovdew biss servizzi ta’ trasport marittimu tal-passiġġieri (dan kien il-każ ta’ NLG u ta’ Alimar (229)) jew kienu joperaw ukoll servizzi mħallta iżda biss fil-perjodu tas-sajf (dan kien il-każ ta’ SNAV (230) u Aligruson (231)). Minħabba li s-servizzi pprovduti minn SNAV u Aligruson baqgħu l-istess matul il-perjodu 2009 – 2012 (ara l-premessa 185(a)), u li s-servizzi ta’ Caremar inbidlu biss marġinalment ħafna bejn l-2009 u l-2012, prinċipalment minħabba aġġustamenti limitati għall-iskedi ta’ żmien (ara l-premessa 39(a)), il-Kummissjoni tqis li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi mħallta tat-trasport marittimu fuq din ir-rotta.

(b)

Fir-rigward tar-rotta Capri/Napli, fil-perjodu 2009 – 2011 Caremar kienet l-uniku operatur li jipprovdi servizzi mħallta fuq ir-rotta matul is-sena. Tabilħaqq, il-kompetituri ta’ Caremar fuq ir-rotta (SNAV, NLG, Neapolis u Metrò del Mare) ipprovdew biss servizzi tat-trasport marittimu tal-passiġġieri u mhux dejjem matul is-sena (ara l-premessa 185(b)). Kif spjegat fil-premessa 252, is-servizzi tal-passiġġieri ma setgħux jitqiesu bħala alternattiva għas-servizzi mħallta minħabba li ħallew mhux moqdija parti importanti mid-domanda tal-utenti, jiġifieri d-domanda għat-trasport tal-vetturi (inklużi l-ambulanzi) u għas-servizzi postali. Barra minn hekk, fl-2009 u fl-2010, ma kien hemm l-ebda servizz tal-passiġġieri pprovdut kuljum matul is-sena bil-kundizzjonijiet tas-suq (skont l-OSP biss). Fl-2011, l-operaturi tas-suq bdew joperaw xi servizzi bil-kundizzjonijiet tas-suq matul is-sena, b’mod partikolari ħames vjaġġi minn Neapolis (minn Capri fid-8:50 am, fis-14:10, u fil-17:30; u minn Napli fl-10:00 am, fl-16:05) u żewġ vjaġġi minn NLG (minn Capri fid-9:35 am u fil-11:35 am), li waħedhom madankollu ma kinux biżżejjed biex jiggarantixxu l-kontinwità bejn Capri u l-Italja kontinentali. L-ewwel nett, l-ebda wieħed minn dawk is-servizzi ma kien kmieni filgħodu (jiġifieri bejn il-5:00 am u t-8:30 am), li huwa ħin tal-ġurnata fejn is-servizzi huma meħtieġa ħafna minn dawk li jivvjaġġaw. It-tieni, is-servizzi tas-suq kienu jaqdu prinċipalment id-domanda turistika peress li kienu f’ħinijiet tal-ġurnata mhux adattati għall-istudenti u l-ħaddiema. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-vjaġġi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar matul is-sena kienu soġġetti għall-OSP, li jissuġġerixxi li fil-prinċipju s-suq ma kienx jipprovdihom fin-nuqqas ta’ impożizzjoni formali mill-awtoritajiet pubbliċi. Kif spjegat mill-Italja, madankollu, anki l-impożizzjoni tal-OSP ma kinitx tiggarantixxi s-servizz kif muri mill-fatt li, bejn tmiem Diċembru 2010 u l-1 ta’ Ottubru 2011, il-kompetituri ta’ Caremar kienu waqfu jipprovdu s-servizzi tal-OSP fuq diversi rotot, inkluż ir-rotta Capri/Napli (ara l-premessa 183(b)). F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu mħallta fuq din ir-rotta.

(c)

Fir-rigward tar-rotta diretta Ischia/Napli, fil-perjodu 2009 – 2011 Caremar ipprovdiet servizzi mħallta bil-lanċa f’kompetizzjoni ma’ Medmar u servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf f’kompetizzjoni ma’ Alilauro. Is-sitwazzjoni kompetittiva deskritta mill-Italja (ara l-premessa 185(c)) turi li s-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet pubbliċi tal-popolazzjoni lokali. L-ewwel nett, il-kompetituri ta’ Caremar ma pprovdew l-ebda servizz bit-termini tas-suq fuq din ir-rotta diretta u s-servizzi pprovduti taħt l-OSP kienu jew biss fis-sajf (dan kien il-każ tas-servizzi mħallta pprovduti minn Medmar mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011) jew fi kwalunkwe każ f’ħinijiet differenti tal-ġurnata minn dawk moqdija minn Caremar (232). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi mħallta tat-trasport marittimu u tal-passiġġieri fuq din ir-rotta. Din il-konklużjoni tibqa’ valida anke meta wieħed iqis li l-konnessjoni diretta Ischia/Napli tkun sostitwibbli b’dik bil-waqfa fi Procida, minkejja t-tul differenti tal-vjaġġ (233). Fil-fatt, kif spjegat fil-premessa 365(d), is-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli ma kinux biżżejjed biex jiggarantixxu biżżejjed konnessjonijiet regolari bejn Ischia u Napli.

(d)

Fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida/Napli, fil-perjodu 2009 – 2011 Caremar kienet l-uniku operatur tat-tbaħħir li pprovda għadd suffiċjenti ta’ servizzi tat-trasport kuljum (imħallta u tal-passiġġieri) matul is-sena fuq ir-rotta. Fir-rigward tas-servizzi mħallta tat-trasport, ma kien hemm l-ebda kumpanija tat-tbaħħir li topera fuq ir-rotta matul is-sena bit-termini tas-suq; fil-fatt, Medmar, li kienet l-unika kumpanija oħra li tipprovdi servizzi mħallta fuq ir-rotta, kienet toperata taħt l-OSP, u, skont l-Italja, ma kienx hemm konformità ma’ dawk l-OSP, li fi kwalunkwe każ kienu f’ħinijiet differenti tal-ġurnata minn dawk moqdija minn Caremar (ara l-premessa 185(d)). Fir-rigward tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, l-unika kumpanija oħra li tipprovdi servizzi tal-passiġġieri fuq ir-rotta, SNAV, ipprovdiet biss vjaġġ wieħed ta’ kuljum matul is-sena (il-vjaġġi l-oħra kollha kienu kkonċentrati fil-perjodu tas-sajf), jiġifieri, dak li jitlaq minn Ischia (Casamicciola) fl-9:45 am u minn Procida fl-10:05 am. Dan is-servizz kien manifestament insuffiċjenti biex jaqdi l-ħtiġijiet tat-trasport marittimu tal-popolazzjoni lokali, meta jitqies li dawn kienu f’ħin tal-ġurnata li ma kienx jissodisfa l-ħtiġijiet tal-vjaġġaturi (prinċipalment ħaddiema u studenti) minn Ischia u li kien biss f’direzzjoni waħda. B’kuntrast ma’ dan, kif imsemmi fil-premessa 39(d), mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Settembru 2011, Caremar kellha tiżgura tmien servizzi tal-passiġġieri kuljum matul is-sena u mill-1 ta’ Ottubru 2011 għaxar servizzi tal-passiġġieri kuljum matul is-sena kollha f’ħinijiet tal-ġurnata xierqa għall-vjaġġaturi (234), biż-żieda ulterjuri ta’ żewġ vjaġġi fil-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru (235). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi mħallta tat-trasport marittimu u tal-passiġġieri fuq din ir-rotta.

(e)

Fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, fil-perjodu 2009 – 2011 Caremar ipprovdiet servizzi mħallta bil-lanċa f’kompetizzjoni ma’ Medmar fuq dik ir-rotta. Is-sitwazzjoni kompetittiva deskritta mill-Italja (ara l-premessa 185(e)) turi li s-servizzi pprovduti minn Medmar b’waqfa fi Procida ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet pubbliċi tal-popolazzjoni lokali minħabba l-frekwenza limitata ħafna tagħhom (darba kuljum matul is-sena taħt OSP, bi tbaħħir addizzjonali minn Ischia fis-7:30 am matul il-perjodu skolastiku bit-termini tas-suq) u l-konċentrazzjoni tagħhom kmieni filgħodu, li ħallew kompletament mhux koperta l-bqija tal-ġurnata (236). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu mħallta fuq din ir-rotta.

(f)

Fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida, il-Kummissjoni tosserva li, fil-perjodu 2009 – 2011, Caremar ma kellha tipprovdi l-ebda servizz minbarra dawk diġà pprovduti fuq ir-rotot Ischia/Procida/Pozzuoli u Ischia/Procida/Napli (ara l-premessa 39(f)). Għalhekk, ma hemmx bżonn li tiġi vvalutata s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ dan is-segment b’mod separat mis-sitwazzjoni kompetittiva diġà deskritta fil-premessi 365(d) u 365(e) fir-rigward tar-rotot Ischia/Procida/Napli u Ischia/Procida/Pozzuoli.

(g)

Fir-rigward tar-rotta Procida/Pozzuoli, bejn l-2009 u l-2011 Caremar ipprovdiet servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf f’kompetizzjoni ma’ Procida Lines, Gestour u Ippocampo li kienu joperaw servizzi mħallta permezz ta’ lanċa fuq dik ir-rotta. Madankollu, is-servizzi ta’ Caremar u s-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar ma kinux sostitwibbli minħabba li l-vjaġġi bl-aliskaf huma ħafna aktar rapidi minn dawk operati bil-lanċa (50 minuta ta’ vjaġġar bil-lanċa meta mqabbla ma’ 15-il minuta ta’ vjaġġar bl-aliskaf). Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-grad ta’ sostitwibbiltà tas-servizzi tal-passiġġieri u tas-servizzi mħallta, is-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar matul is-sena, b’mod partikolari minn Gestour u Procida Lines minħabba li Ippocampo kienet topera biss fil-perjodu tas-sajf, ġew ipprovduti f’ħinijiet differenti tal-ġurnata minn dawk ipprovduti minn Caremar (237) (ara l-premessa 185(g)). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fuq din ir-rotta.

(h)

Fir-rigward tar-rotta Procida/Napli, fil-perjodu 2009 – 2011 Caremar ipprovdiet servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf f’kompetizzjoni ma’ SNAV u Medmar. Madankollu, sat-30 ta’ Settembru 2011, Medmar ma pprovdiet l-ebda vjaġġ minbarra dawk ipprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, u SNAV ipprovdiet vjaġġ wieħed biss matul is-sena flimkien ma’ dawk diġà pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli (minn Procida fis-7:35 am). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Medmar ipprovdiet vjaġġ wieħed kuljum minbarra dawk ipprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli (minn Napli f’00:20 am) u SNAV baqgħet tipprovdi biss vjaġġ wieħed kuljum matul is-sena flimkien ma’ dawk diġà pprovduti fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli (dak iż-żmien minn Napli fin-12:30 am). Dawk il-vjaġġi kollha ġew ipprovduti taħt l-OSP u f’ħinijiet tal-ġurnata differenti minn dawk moqdija minn Caremar (238) (ara l-premessa 185(h)). Barra minn hekk, anki meta jitqiesu s-servizzi pprovduti minn SNAV u Medmar fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, ma kien hemm l-ebda operatur tat-tbaħħir li jipprovdi servizzi tal-passiġġieri fuq ir-rotta b’termini tas-suq matul is-sena, u s-servizzi tal-passiġġieri tal-OSP ta’ Medmar u SNAV kienu qed iħallu mhux koperti xi ħinijiet tal-ġurnata importanti biex tiġi żgurata l-konnettività tal-vjaġġaturi ta’ kuljum (bejn is-6:00 u s-7:00 am u bejn it-8:00 am u l-10:00 am minn Procida; u bejn is-7:00 u t-8:00 am u bejn il-17:00 u s-18:00 minn Napli). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fuq din ir-rotta.

(366)

Billi qieset dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-OSP stabbilit fil-Konvenzjoni Inizjali estiża għall-operat tar-rotot fil-Golf ta’ Napli huwa ġġustifikat minn ħtieġa pubblika ġenwina li tiġi żgurata l-kontinwità territorjali. Fil-fatt, fil-mument tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (2009, 2010), il-forzi tas-suq waħedhom (anki bl-impożizzjoni tal-OSP) ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku identifikati mill-Italja, f’termini ta’ frekwenza, kontinwità u regolarità.

(367)

Fir-rigward tar-rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino, kif imsemmi hawn fuq (ara l-premessa 34(b)), Caremar ipprovdiet servizzi tal-passiġġieri u servizzi mħallta fuq ir-rotot Ponza/Formia, Ponza/Anzio u Formia/Ventotene sal-31 ta’ Mejju 2011. L-OSP imposti fuq Caremar fuq ir-rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino kienu jikkonċernaw il-portijiet servuti, it-tip u l-kapaċità tal-bastimenti assenjati għall-konnessjonijiet marittimi operati taħt ir-reġim tas-servizz pubbliku, il-frekwenza tas-servizz u n-nollijiet massimi li kellhom jiġu ċċarġjati (ara l-premessi 36(d), 36(e), 36(f), u minn 40 sa 44).

(368)

Il-Kummissjoni tinnota li, bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Mejju 2011, żewġ operaturi oħra, Vetor u/jew SNAP, offrew servizz tal-passiġġieri fuq ir-rotot Ponza/Formia, Ponza/Anzio u Formia/Ventotene. Kif spjegat mill-Italja, madankollu, is-servizzi ta’ Vetor u ta’ SNAP ma setgħux jitqiesu bħala sostitwibbli għal dawk offruti minn Caremar f’termini ta’ kontinwità u regolarità (ara l-premessa 186).

(369)

B’mod partikolari, fuq ir-rotta Ponza/Formia, Vetor operat matul is-sena kollha servizz tal-passiġġieri ta’ kuljum bl-aliskaf taħt l-OSP; filwaqt li Caremar operat matul is-sena kollha mhux biss servizz wieħed ta’ kuljum tal-passiġġieri bl-aliskaf iżda wkoll żewġ servizzi mħallta ta’ kuljum permezz ta’ bastimenti (ara l-premessa 36(d)). Is-servizzi pprovduti minn Vetor għalhekk ma kinux ikopru t-trasport ta’ vetturi u merkanzija (eż. effetti postali) li, skont l-Italja, kien essenzjali biex tiġi żgurata konnessjoni ta’ kuljum mal-Italja kontinentali għal vjaġġaturi li jivvjaġġaw bil-vettura tagħhom. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, l-Italja spjegat (ara l-premessa 185(a)) li Caremar kienet meħtieġa żżomm il-bastimenti fuq il-gżira matul il-lejl sabiex tiżgura l-ewwel tbaħħir tal-ġurnata u tiggarantixxi konnessjoni ta’ kuljum mal-Italja kontinentali għal raġunijiet ta’ studju u xogħol. Id-disponibbiltà ta’ bastimenti fuq il-gżira matul il-lejl kienet maħsuba wkoll biex tiżgura t-trasport marittimu lejn l-Italja kontinentali f’każ ta’ emerġenza medika li ma setgħetx tiġi ssodisfata mill-ħelikopter. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fuq din ir-rotta.

(370)

Fuq ir-rotta Ponza/Anzio, Vetor operat servizz tal-passiġġieri ta’ kuljum bl-aliskaf bit-termini tas-suq matul l-eqqel staġun u s-Sibtijiet matul l-istaġun kwiet taħt l-OSP, filwaqt li Caremar ipprovdiet servizz tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja kuljum fl-eqqel staġun mit-Tnejn sas-Sibt u żewġ servizzi mħallta kuljum matul is-sena fil-Ħdud u fil-vaganzi (ara l-premessa 36(e)). L-Italja spjegat (ara l-premessa 185(b)) li l-OSP kien iġġustifikat għal raġunijiet ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku u kellu l-għan li jiżgura lill-passiġġieri b’vetturi l-possibbiltà li jkollhom vjaġġ bir-ritorn minn/lejn Ponza matul is-sena mill-inqas fil-Ħdud u fil-vaganzi (eż. sabiex ikunu jistgħu jsiru żjarat familjari). Il-Kummissjoni tosserva li s-servizzi pprovduti minn Vetor ma kinux qed ikopru l-ħtieġa tas-servizz pubbliku ta’ trasport ta’ vetturi u merkanzija (eż. effetti postali). Barra minn hekk, is-servizzi tal-passiġġieri pprovduti minn Vetor fl-eqqel staġun bil-kundizzjonijiet tas-suq kienu mmirati b’mod predominanti lejn is-settur turistiku, filwaqt li l-preżenza ta’ Caremar kienet maħsuba biex tkopri t-traffiku tar-residenti, anki billi tiżgura nollijiet aċċessibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fuq din ir-rotta.

(371)

Fuq ir-rotta Formia/Ventotene, Vetor ipprovdiet servizz wieħed ta’ kuljum għall-passiġġieri bl-aliskaf matul l-istaġun kwiet u tbaħħir addizzjonali kull nhar ta’ Tnejn matul l-eqqel staġun, it-tnejn li huma taħt l-OSP; u SNAP ipprovdiet servizz wieħed ta’ kuljum għall-passiġġieri matul l-eqqel staġun bl-aliskaf bit-termini tas-suq. B’kuntrast ma’ dan, Caremar operat żewġ servizzi mħallta ta’ kuljum u żewġ (239) servizzi tal-passiġġieri kuljum matul is-sena kollha (ara l-premessa 36(f)). Is-servizzi pprovduti minn Vetor u SNAP ma kinux ikopru l-ħtieġa tas-servizz pubbliku tat-trasport ta’ vetturi u merkanzija (eż. effetti postali) u, fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, ma kinux biżżejjed biex jiżguraw kontinwità mal-Italja kontinentali minħabba l-frekwenza u r-regolarità limitati tagħhom. Kif spjegat mill-Italja (ara l-premessa 185(c)), is-servizzi ta’ Caremar ippermettew lir-residenti jivvjaġġaw lejn l-Italja kontinentali għal raġunijiet professjonali jew ta’ studju. Barra minn hekk, peress li l-bastimenti ta’ Caremar baqgħu fuq il-gżira matul il-lejl, huma żguraw it-trasport marittimu lejn l-Italja kontinentali f’każ ta’ emerġenza medika. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma għamlitx żball manifest billi qieset li kien hemm falliment tas-suq fuq din ir-rotta.

L-approċċ li jagħmel l-inqas ħsara

(372)

Il-Kummissjoni tosserva li, fid-dawl tal-privatizzazzjoni ppjanata ta’ Caremar u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi li kienu operati skont il-Konvenzjoni Inizjali, l-Italja ddeċidiet li testendi l-Konvenzjoni Inizjali mingħajr tibdil (ħlief għall-bidla fil-metodoloġija tal-kumpens applikabbli mill-2010 ’l quddiem).

(373)

Il-Kummissjoni taċċetta li d-domanda tal-utenti ma setgħetx tiġi ssodisfata billi tistrieħ biss fuq l-OSP mhux ikkumpensati imposti fuq il-kompetituri ta’ Caremar għar-rotot inkwistjoni. Fil-fatt, għar-raġunijiet diġà msemmija hawn fuq (il-premessi minn 262 sa 265, ir-reġim tal-OSP li kien fis-seħħ fil-Golf ta’ Napli bl-ebda mod ma kien komparabbli mal-OSP imposti fuq Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża. Ta’ min ifakkar li, bejn l-aħħar ta’ Diċembru 2010 u l-1 ta’ Ottubru 2011, il-kompetituri ta’ Caremar (bl-eċċezzjoni ta’ Gestour u Procida Lines) waqfu jipprovdu s-servizzi taħt l-OSP mhux ikkumpensati. Fin-nuqqas ta’ Caremar, il-biċċa l-kbira tar-rotot fil-Golf ta’ Napli kienu jibqgħu mhux moqdija (ara l-premessa 183(b)). Fir-rigward tar-rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino, il-Kummissjoni tosserva li l-offerta pprovduta mill-operaturi l-oħra fuq ir-rotot ma ssodisfatx ir-rekwiżiti (kollha) tar-regolarità, tal-kontinwità, tal-kapaċità u tal-prezz u li l-operat tal-biċċa l-kbira tar-rotot (jekk mhux kollha), speċjalment fl-istaġun kwiet, ikun qed jagħmel it-telf b’tali mod li mingħajr kumpens għas-servizz pubbliku x’aktarx li ma jitħaddem xejn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taċċetta li, fid-dawl tal-proċess għall-privatizzazzjoni ta’ Caremar, l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali kienet l-uniku mod biex tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi sakemm issir il-privatizzazzjoni ta’ Caremar.

Konklużjoni

(374)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma għamlitx żball manifest meta ddefinixxiet is-servizzi fdati lil Caremar bħala SGEI għar-rotot identifikati fil-premessi 365 u minn 367 sa 371. Id-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet ta’ Estensjoni tal-2011 u l-2012 huma għalhekk eliminati.

9.3.2.   Ħtieġa għal att ta’ inkarigu li jispeċifika l-OSP u l-metodi tal-kalkolu tal-kumpens

(375)

Kif indikat fit-taqsima 2.3 tal-Qafas SGEI tal-2011, il-kunċett ta’ SGEI skont it-tifsira tal-Artikolu 106 tat-TFUE jfisser li l-impriża inkwistjoni ġiet fdata bl-operat ta’ SGEI permezz ta’ att uffiċjali wieħed jew aktar.

(376)

Dawn l-atti jridu jispeċifikaw, b’mod partikolari: (a) in-natura preċiża tal-OSP u d-durata tiegħu; (b) l-impriża u t-territorju kkonċernat; (c) in-natura tad-drittijiet esklużivi; (d) il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens; u (e) l-arranġamenti biex jiġi evitat u jitħallas lura kwalunkwe kumpens żejjed.

(377)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha tal-2011 u fid-Deċiżjonijiet ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-att ta’ inkarigu kienx jipprevedi deskrizzjoni komprensiva tan-natura tal-OSP ta’ Caremar matul il-perjodu ta’ estensjoni. Madankollu, il-Kummissjoni fakkret ukoll li elementi differenti tal-inkarigu jistgħu jiddaħħlu f’diversi atti mingħajr ma tiġi ddubitata l-adegwatezza tad-definizzjoni tal-obbligi. Matul il-perjodu ta’ estensjoni, l-att ta’ inkarigu ta’ Caremar kien jinkludi l-Konvenzjoni Inizjali (kif emendata u estiża maż-żmien), id-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 548 tal-1 ta’ April 2007 li tidentifika l-OSP impost fuq Caremar f’termini tat-tip ta’ bastimenti, frekwenzi u skedi ta’ żmien sat-30 ta’ Settembru 2011, bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011 li tidentifika l-OSP imposti fuq Caremar f’termini tat-tip ta’ bastimenti, frekwenzi u skedi mill-1 ta’ Ottubru 2011 sal-15 ta’ Jannar 2012, u bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30 ta’ Diċembru 2011 li tidentifika l-OSP imposti fuq Caremar f’termini tat-tip ta’ bastimenti, frekwenzi u skedi ta’ żmien mis-16 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Lulju 2012 (ara l-premessi 36 u 38), serje ta’ deċiżjonijiet ad hoc mill-Italja, id-Deliberazzjoni 111/2007 u l-Liġi 166/2009.

(378)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-Konvenzjoni Inizjali estiża li tifforma l-att ta’ inkarigu ta’ Caremar, baqgħet applikabbli bis-sħiħ sal-31 ta’ Lulju 2012 (ara l-premessa 348).

(379)

Skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża, il-pjanijiet ta’ 5 snin jispeċifikaw ir-rotot u l-portijiet li għandhom jiġu servuti, it-tip u l-kapaċità tal-bastimenti li għandhom jintużaw għall-konnessjonijiet marittimi inkwistjoni, il-frekwenza tas-servizz u n-nollijiet li għandhom jitħallsu, inkluż nollijiet sussidjati, b’mod partikolari għar-residenti tar-reġjuni insulari. Il-Kummissjoni tosserva li, fl-2007, jiġifieri qabel l-ewwel estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali, ir-Reġjun tal-Campania adotta permezz tad-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 548 tal-1 ta’ April 2007 il-pjan ta’ 5 snin għall-perjodu 2007–2011, li kompla japplika mingħajr ebda tibdil fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSP sat-30 ta’ Settembru 2011. Għalhekk, dak il-pjan kien applikabbli fiż-żmien tal-ewwel estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (f’Diċembru 2008), tat-tieni estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (f’Settembru 2009) u tat-tielet estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (f’Awwissu 2010). Il-pjan ta’ 5 snin għall-perjodu 2011–2015 ġie adottat mir-Reġjun tal-Campania bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011, u kif modifikat bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30 ta’ Diċembru 2011, kopra l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sa tmiem l-2015. Il-pjan ta’ 5 snin 2011 – 2015 kien japplika mingħajr ebda bidla fil-perjodu kopert mill-Konvenzjoni Inizjali estiża mill-1 ta’ Ottubru 2011 sal-iskadenza tagħha fil-31 ta’ Lulju 2012. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-OSP li Caremar kellha tikkonforma miegħu matul il-perjodu ta’ estensjoni ġie definit b’mod ċar biżżejjed.

(380)

Il-Kummissjoni diġà nnotat fil-premessi 239 u 240 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 li l-parametri meħtieġa għall-kalkolu tal-ammont ta’ kumpens ġew stabbiliti minn qabel u huma deskritti b’mod ċar. B’mod partikolari, għas-sena 2009, il-Konvenzjoni Inizjali estiża (ara l-premessi 48 sa 52) fiha lista eżawrjenti u preċiża tal-elementi tal-kost li għandhom jitqiesu kif ukoll il-metodoloġija tal-kalkolu tar-redditu fuq il-kapital investit għall-operatur. Għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-metodoloġija rilevanti hija stabbilita fid-Deliberazzjoni 111/2007 (ara l-premessa 53). B’mod aktar speċifiku, id-Deliberazzjoni 111/2007 tagħti dettalji dwar l-elementi tal-kost ikkunsidrati u r-redditu fuq il-kapital investit. Il-Konvenzjoni Inizjali estiża żgurat li l-kumpens kien ibbażat fuq il-kostijiet u d-dħul reali mġarrba għat-twettiq tas-servizz pubbliku. B’dan il-mod, il-kumpens żejjed seta’ jiġi osservat u faċilment evitat. Fejn applikabbli, l-Istat imbagħad ikun jista’ jirkupra l-kumpens żejjed minn Caremar.

(381)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li għall-perjodu tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali l-atti ta’ inkarigu stabbilixxew definizzjoni ċara tal-OSP, id-durata, l-impriża u t-territorju kkonċernati, il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-rieżami tal-kumpens u l-arranġamenti biex jiġi evitat u jitħallas lura kwalunkwe kumpens żejjed, kif meħtieġ skont il-Qafas SGEI tal-2011.

9.3.3.   Tul tal-perjodu tal-inkarigu

(382)

Kif indikat fil-punt 17 tal-Qafas SGEI tal-2011, “[...] it-tul tal-perjodu tal-inkarigu għandu jiġi ġġustifikat b’referenza għal kriterji oġġettivi bħall-ħtieġa li jiġu amortizzati assi fissi mhux trasferibbli. Fil-prinċipju, it-tul tal-perjodu tal-inkarigu ma għandux jaqbeż il-perjodu meħtieġ għad-deprezzament tal-assi l-iżjed sinifikanti meħtieġa biex jiġi pprovdut l-SGEI.”.

(383)

Il-Kummissjoni tosserva li l-estensjonijiet tal-Konvenzjoni Inizjali kienu meħtieġa biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku sakemm titlesta l-privatizzazzjoni.

(384)

Meta jitqies li d-durata tal-estensjonijiet tal-Konvenzjoni Inizjali kienet iġġustifikata mill-ħtieġa li Caremar tiġi privatizzata u li dawk l-estensjonijiet ma għamlux id-durata tal-perjodu tal-inkarigu tal-SGEI taqbeż il-perjodu meħtieġ għad-deprezzament tal-bastimenti użati minn Caremar għall-forniment tal-SGEI (li jista’ jaqbeż il-25 sena), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Konvenzjoni Inizjali estiża tikkonforma mal-punt 17 tal-Qafas SGEI tal-2011.

9.3.4.   Konformità mad-Direttiva 2006/111/KE

(385)

Skont il-punt 18 tal-Qafas SGEI tal-2011, “[...] l-għajnuna se titqies kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat biss meta l-impriża tikkonforma, fejn applikabbli, mad-Direttiva 2006/111/KE dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (240)”.

(386)

Barra minn hekk, il-punt 44 tal-Qafas SGEI tal-2011 jirrikjedi li: “Fejn impriża twettaq attivitajiet li jaqgħu kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ambitu tal-SGEI, il-kontijiet interni jridu juru separatament il-kostijiet u d-dħul assoċjati mal-SGEI u dawk tas-servizzi l-oħra li huma konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 31.”

(387)

L-Italja kkonfermat li Caremar kienet attiva biss fil-forniment tas-servizzi pubbliċi skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża. Għalhekk, Caremar ma tikkwalifikax bħala “impriża meħtieġa li żżomm kontijiet separati” skont id-Direttiva 2006/111/KE (241) u r-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/111/KE ma japplikawx peress li jikkonċernaw biss impriżi li jwettqu wkoll attivitajiet oħra għajr is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li impriża tkun fdata bihom.

(388)

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/111/KE, il-Kummissjoni tosserva li mill-Konvenzjoni Inizjali estiża joħorġu b’mod ċar l-ammont ta’ fondi pubbliċi magħmula disponibbli mill-awtoritajiet pubbliċi lil Caremar u l-użu li fil-fatt sar minn dawk il-fondi pubbliċi.

(389)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-punt 18 tal-Qafas SGEI huwa sodisfatt u li l-punt 44 tal-Qafas SGEI tal-2011 mhuwiex applikabbli.

9.3.5.   Ammont ta’ kumpens

(390)

Il-punt 21 tal-Qafas SGEI tal-2011 jiddikjara li “[...] l-ammont tal-kumpens ma jridx jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kost nett (242) tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, inkluż profitt raġonevoli”.

(391)

F’dan il-każ, b’mod partikolari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali, peress li l-kumpens jikkostitwixxi għajnuna illegali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, il-punt 69 tal-Qafas SGEI tal-2011 jipprevedi speċifikament li, għall-fini tal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, l-użu tal-metodoloġija tal-kostijiet netti evitati skont il-punt 24 tal-Qafas SGEI tal-2011 mhuwiex meħtieġ. Minflok, jistgħu jintużaw metodi alternattivi għall-kalkolu tal-kost nett meħtieġ biex jiġi rilaxxat l-OSP, bħall-metodoloġija bbażata fuq l-allokazzjoni tal-kostijiet. Skont il-metodoloġija tal-aħħar, il-kost nett jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn il-kostijiet u d-dħul għal fornitur deżinjat biex jissodisfa l-OSP, kif speċifikat u stmat fl-att ta’ inkarigu. Il-punti 28 sa 38 tal-Qafas SGEI tal-2011 jistabbilixxu f’aktar dettall kif din il-metodoloġija jenħtieġ li tiġi applikata.

(392)

Fid-deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha tal-2011 u fid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-primjum tar-riskju ta’ 6,5 %, li kien japplika mill-2010 ’l quddiem. B’mod partikolari, il-Kummissjoni staqsiet jekk dan il-primjum jirriflettix livell xieraq ta’ riskju, filwaqt li qieset li prima facie Caremar ma kinitx tidher li tassumi r-riskji normalment imġarrba fl-operat ta’ tali servizzi. B’mod aktar speċifiku, l-elementi ta’ kost għall-fini tal-kalkolu tal-kumpens jinkludu l-kostijiet kollha involuti fil-provvista tas-servizz u l-varjazzjonijiet pereżempju fil-prezzijiet tal-fjuwil ittieħdu inkunsiderazzjoni. B’riżultat ta’ dan, f’dak l-istadju l-Kummissjoni qieset li Caremar setgħet ġiet ikkumpensata żżejjed.

(393)

Fir-rigward tal-livell tal-profitt raġonevoli, il-Kummissjoni tosserva li r-redditu fuq il-kapital ġie kkalkolat abbażi ta’ primjum tar-riskju ta’ 6,5 % bl-użu tal-formula tad-WACC (243). Kif diġà ġie osservat (ara l-premessa 280) dan il-primjum tar-riskju huwa kompletament konformi mal-primjum tar-riskju ta’ 6,4 % li ġie ddeterminat mill-Istat Membru għas-settur bl-użu ta’ analiżijiet makroekonomiċi.

(394)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qabblet ir-redditu fuq il-kapital investit ta’ 6,5 % li ġie applikat għal Caremar mar-redditu medjan fuq il-kapital iġġenerat minn grupp ta’ referenza fl-2008 u fl-2011 (is-snin ta’ qabel l-inkarigi separati ta’ Caremar). Il-grupp ta’ referenza jikkonsisti f’operaturi tal-laneċ magħżula li offrew konnessjonijiet marittimi fl-Italja jew bejn l-Italja u Stati Membri oħra (244), li l-Kummissjoni tqis li huma rappreżentattivi biżżejjed tas-sitwazzjoni tas-suq. L-analiżi turi li r-redditu fuq il-kapital applikat għal Caremar huwa simili għar-redditu medjan iġġenerat mill-kumpaniji fil-grupp ta’ referenza. Għalhekk, redditu fuq il-kapital ta’ 6,5 % minn perspettiva ex ante kien ukoll konformi mar-riskji li kellu meta jopera servizzi pubbliċi skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża.

(395)

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan il-primjum jirriflettix il-livell ta’ riskju mġarrab minn Caremar fl-operat tal-SGEI, il-Kummissjoni tosserva li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-fjuwil jistgħu jitqiesu biss permezz ta’ aġġustament annwali possibbli tal-limitu massimu tan-nollijiet. Għalhekk, il-kalkolu tal-kumpens mhux neċessarjament kopra żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil jekk dik iż-żieda ma kinitx ġiet imsarrfa f’tariffi ogħla. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, kif muri fit-Tabella 12, Caremar ġiet ikkumpensata b’mod insuffiċjenti fl-2011 u fl-2012, b’riżultat ta’ żieda sinifikanti fil-kost tal-fjuwil u tnaqqis fit-traffiku tal-passiġġieri li rriżulta mill-kriżi ekonomika f’dawk is-snin. Għalhekk, Caremar kienet esposta għal riskji matul il-perjodu rilevanti li ma ppermettewlha tibbenefika minn ebda marġni ta’ profitt fil-prattika.

(396)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li d-Deliberazzjoni 111/2007 sottomessa tqis ċerti valuri tas-suq applikabbli fis-settur tal-kabotaġġ marittimu. Hija tippreskrivi l-kostijiet eliġibbli għall-finijiet tal-OSP, kif ukoll il-prinċipji tal-kalkolu li jikkonċernaw ir-rata ta’ redditu fuq il-kapital abbażi tal-informazzjoni, il-kundizzjonijiet u r-riskji rilevanti għal dan is-settur partikolari.

(397)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li r-redditu fuq il-kapital ta’ 6,5 % huwa raġonevoli.

(398)

F’dan il-kuntest, abbażi tal-kontijiet rotta b’rotta ppreżentati mill-Italja u kif aggregati fit-Tabella 12, il-Kummissjoni vverifikat li għall-perjodi mill-2009 sa Lulju 2012 (il-Konvenzjoni Inizjali) il-kumpens attwali għas-servizz pubbliku mħallas lil Caremar ma qabiżx il-kumpens eliġibbli inkluż ir-redditu fuq il-kapital ta’ 6,5 %. Fil-fatt, ir-riżultati operattivi ta’ Caremar kif awditjati għall-perjodu kollu (mill-2009 sal-2012) juru riżultat negattiv:

Tabella 12

Kost nett tas-servizz pubbliku operat minn Caremar għall-perjodu 2009- Lulju 2012

(EUR)

Caremar

2009

2010

2011

2012

Total ġenerali

Dħul totali

26 854 000

26 139 000

24 362 000

13 348 000

90 703 000

– Kostijiet totali

54 349 000

52 773 000

47 166 000

24 908 000

179 196 000

– Amortizzazzjonijiet

2 445 000

2 060 000

1 817 000

827 000

7 149 000

=Kost nett tas-servizz pubbliku

–29 940 000

–28 694 000

–24 621 000

–12 387 000

–95 642 000

+ Redditu fuq il-kapital (6,5 %)

– 924 105

– 547 000

– 425 000

– 314 000

–2 210 105

=Eliġibbli għal kumpens

–30 864 105

–29 241 000

–25 046 000

–12 701 000

–97 852 105

+ Kumpens attwali

32 474 450

29 869 832

24 018 645

11 473 000

97 835 927

=Kumpens żejjed/nieqes

1 610 345

628 832

–1 027 355

–1 228 000

–16 178

(399)

Il-punt 49 tal-Qafas SGEI tal-2011 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpens mogħti għat-tħaddim ta’ SGEI ma jirriżultax f’impriżi li jirċievu kumpens żejjed (kif definit fil-punt 47 ta’ dak il-Qafas). Fost l-oħrajn, l-Istati Membri jridu jipprovdu evidenza fuq talba mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandhom iwettqu kontrolli regolari, jew jiżguraw li tali kontrolli jitwettqu, fi tmiem il-perjodu tal-inkarigu u, fi kwalunkwe każ, f’intervalli ta’ mhux aktar minn 3 snin. Dan jiżgura li l-ammont tal-kumpens ma jaqbiżx il-kostijiet netti tas-servizz (li magħhom fil-prinċipju jiżdied redditu fuq il-kapital).

(400)

L-Italja kkonfermat, fuq talba tal-Kummissjoni, li l-ammont ta’ kumpens mogħti lil Caremar ġie vverifikat, skont id-Deliberazzjoni 111/2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ verifika fi tmiem kull perjodu regolatorju ta’ 3 snin, għas-snin finanzjarji 2010, 2011 u 2012 (sal-1 ta’ Awwissu 2012). Barra minn hekk, l-Italja sostniet li s-sena finanzjarja 2009 ġiet ivverifikata wkoll, għal raġunijiet ta’ trasparenza u akkontabilità, għalkemm id-Deliberazzjoni 111/2007 kienet għadha ma tapplikax. Wara dawn il-verifiki, l-Italja sabet kumpens nieqes, kif muri fit-Tabella 12.

(401)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li dawk il-miżuri huma biżżejjed biex jiġi evitat u identifikat kwalunkwe kumpens żejjed possibbli. Għalhekk, l-ammont ta’ kumpens mogħti lil Caremar matul l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali ma wassalx għal kumpens żejjed skont it-taqsima 2.8 tal-Qafas SGEI tal-2011.

9.3.6.   Il-prijorità tal-irmiġġ

(402)

L-Artikolu 19-ter, il-paragrafu 21, tal-Liġi 166/2009 jispeċifika b’mod ċar li l-prijorità tal-irmiġġ kienet meħtieġa biex tiġi ggarantita l-kontinwità territorjali mal-gżejjer u fid-dawl tal-OSP tal-kumpaniji tal-eks Tirrenia Group, inkluż Caremar. Tabilħaqq, kieku ma kien hemm l-ebda rmiġġ prijoritarju għall-kumpaniji fdati bl-OSP, dawn jista’ jkollhom jistennew li jmisshom qabel ma jittrakkaw u b’hekk iġarrbu dewmien, li jegħleb l-għan li tiġi żgurata konnettività affidabbli u konvenjenti għall-konsumaturi. Skeda ta’ żmien regolari hija tabilħaqq meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ mobbiltà tal-popolazzjoni tal-gżejjer u sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer ikkonċernati. Barra minn hekk, il-prijorità tal-irmiġġ hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-portijiet jallokaw l-irmiġġi u l-ħinijiet tal-irmiġġ b’tali mod li l-operatur tas-servizz pubbliku jkun jista’ jirrispetta l-OSP tiegħu.

(403)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li din il-miżura ngħatat biex Caremar tkun tista’ twettaq l-OSP tagħha, li jikkostitwixxi SGEI ġenwin (ara t-taqsima 9.3.1). Barra minn hekk, l-Italja kkonfermat li l-prijorità tal-irmiġġ hija applikabbli biss għas-servizzi pprovduti taħt ir-reġim tas-servizz pubbliku.

(404)

Il-Kummissjoni diġà vvalutat fid-dettall il-kompatibbiltà tal-SGEI u l-kumpens relatat għal Caremar matul l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali (ara t-taqsimiet 9.3.1 sa 9.3.5). B’hekk, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-prijorità tal-irmiġġ tista’ tkun limitata sabiex jiġi stabbilit jekk din il-miżura tistax twassal għal kumpens żejjed jew le.

(405)

Il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe vantaġġ monetarju possibbli mill-prijorità tal-irmiġġ ikun limitat (ara l-premessa 225). B’riżultat ta’ dan, anke r-riskju ta’ kumpens żejjed li jirriżulta mill-miżura jkun limitat. Barra minn hekk, sa fejn din il-miżura tkun tnaqqas il-kostijiet operatorji jew iżżid id-dħul tal-operatur tas-servizz pubbliku, dawn l-effetti jkunu riflessi bis-sħiħ fil-kontijiet interni tal-operatur. Għalhekk, il-kontrolli ta’ kumpens żejjed li ġew applikati għal Caremar kif deskritt fit-taqsima 9.3.5 huma xierqa wkoll biex jidentifikaw kwalunkwe kumpens żejjed possibbli li jirriżulta mill-prijorità tal-irmiġġ.

(406)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prijorità tal-irmiġġ, li kienet marbuta b’mod inseparabbli mas-servizz pubbliku mwettaq minn Caremar matul l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali, hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE u tal-Qafas SGEI tal-2011.

9.3.7.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà

(407)

Abbażi tal-valutazzjoni fil-premessi 347 sa 406, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kumpens mogħti lil Caremar għall-forniment tas-servizzi marittimi skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża fil-Golf ta’ Napli fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012 u fl-Arċipelagu ta’ Pontino mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Mejju 2011, flimkien mal-prijorità tal-irmiġġ, jikkonforma mal-kundizzjonijiet applikabbli tal-Qafas SGEI tal-2011 u għalhekk huwa kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106 tat-TFUE.

10.   KONKLUŻJONI

(408)

Abbażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil Caremar skont il-Konvenzjoni Inizjali estiża huwa kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106 tat-TFUE. Barra minn hekk, peress li l-prijorità tal-irmiġġ hija marbuta b’mod inseparabbli mal-prestazzjoni tal-SGEI minn Caremar, din il-miżura hija kompatibbli wkoll mas-suq intern skont l-Artikolu 106 tat-TFUE.

(409)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri li ġejjin ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE:

—

il-kumpens mogħti lil Caremar għall-forniment ta’ servizzi marittimi skont il-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għall-perjodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-15 ta’ Lulju 2024, abbinat man-negozju ta’ Caremar u mal-prijorità tal-irmiġġ lil Caremar, minħabba li jikkonforma mal-erba’ kriterji Altmark;

—

L-użu possibbli ta’ fondi minn Caremar biex jiġu aġġornati l-bastimenti għal skopijiet ta’ likwidità, peress li Caremar ma għamlitx użu minn dawn il-fondi għall-finijiet imsemmija;

—

l-eżenzjonijiet fiskali relatati mal-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar u l-possibbiltà li jintużaw ir-riżorsi tal-FAS sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ likwidità kif stabbilit mil-Liġi 163/2010.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kumpens lil Caremar u l-prijorità tal-irmiġġ għall-forniment ta’ servizzi marittimi taħt l-estensjoni tal-Konvenzjoni Inizjali fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Lulju 2012 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-Italja implimentat l-għajnuna lil Caremar bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għoti tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid għall-perjodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-15 ta’ Lulju 2024, inkluż il-kumpens għal servizz pubbliku mħallas abbażi ta’ dan tal-aħħar, flimkien mal-bejgħ tan-negozju ta’ Caremar u l-prijorità tal-irmiġġ, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 3

Il-possibbiltà li jintużaw, fuq bażi temporanja, ir-riżorsi finanzjarji diġà impenjati għall-aġġornament u l-modernizzazzjoni tal-flotta, biex jiġu koperti l-ħtiġijiet urġenti ta’ likwidità, kif stabbilit mil-Liġi 163/2010, ma ntużatx sa fejn hija kkonċernata Caremar. Għalhekk, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat lil Caremar skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 4

L-eżenzjonijiet fiskali relatati mal-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar kif stabbiliti mil-Liġi 163/2010 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat lil Caremar u lill-akkwirent tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 5

Il-possibbiltà li jintużaw ir-riżorsi tal-Fondo Aree Sottoutilizzate biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ likwidità, kif stabbilit mil-Liġi 163/2010, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU C 28, 1.2.2012, p. 18 u ĠU C 84, 22.3.2013, p. 58.

(2)  Fit-23 ta’ Marzu 2009, fid-9 ta’ Diċembru 2009, fil-21 ta’ Diċembru 2009, fis-6 ta’ Jannar 2010, fis-27 ta’ Settembru 2010 u fit-12 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni rċeviet sitt ilmenti dwar diversi miżuri ta’ appoġġ adottati mill-Istat Taljan favur il-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, li kien jikkonsisti mill-kumpaniji tat-tbaħħir Tirrenia di Navigazione S.p.A. (“Tirrenia”), Adriatica S.p.A. (“Adriatica”), Caremar – Campania Regionale Marittima S.p.A. (“Caremar”), Saremar – Sardegna Regionale Marittima S.p.A. (“Saremar”), Siremar – Sicilia Regionale Marittima S.p.A. (“Siremar”), u Toremar – Toscana Regionale Marittima S.p.A. (“Toremar”).

(3)  Fir-rigward ta’ Caremar, fid-29 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Taljani kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kumpens għal servizz pubbliku mħallas fl-2009 u fl-2010 mill-Istat Taljan lil Caremar. In-notifika u l-iskambji sussegwenti mal-awtoritajiet Taljani, li fost l-oħrajn jestendu n-notifika għall-kumpens imħallas sa tmiem l-2011, ġew irreġistrati taħt il-każ bin-numru N 338/2010. Madankollu, il-miżura ġiet sussegwentement irreġistrata bħala għajnuna mhux notifikata taħt il-każijiet bin-numri SA 32014, SA 32015 u SA 32016 peress li l-appoġġ mill-Istat ġie stabbilit qabel ma l-Kummissjoni setgħet tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern. Fit-28 ta’ Settembru 2011, l-Italja infurmat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li tipprivatizza l-kumpaniji reġjonali tal-ex Grupp Tirrenia, inkluż Caremar.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 28 tal-1.2.2012, p. 18). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 84, 22.3.2013, p. 58). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

(6)  Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/261 tat-22 ta’ Jannar 2014 dwar il-miżuri SA.32014 (2011/C), SA.32015 (2011/C), SA.32016 (2011/C) implimentati mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar (ĠU L 49, 22.2.2018, p. 22), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ xi miżuri adottati mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/756 tat-30 ta’ Settembru 2021 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja u mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar (ĠU L 138, 17.5.2022, p. 19), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri li fadal mogħtija lil Saremar. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1412 tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (11/C) (ex 11/NN) implimentati mill-Italja għal Tirrenia di Navigazione u għall-akkwirent tagħha Compagnia Italiana di Navigazione (ĠU L 332, 12.10.2020, p. 45), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Tirrenia u lill-akkwirent tagħha Compagnia Italiana di Navigazione għall-perjodu 2009–2020. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/348 tas-17 ta’ Ġunju 2021 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja u mir-Reġjun tat-Toskana għal Toremar u għall-akkwirent tagħha Moby (ĠU L 64, 2.3.2022, p. 6), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Toremar u lill-akkwirent tagħha Moby S.p.A. għall-perjodu 2009–2023. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/448 tas-17 ta’ Ġunju 2021 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja għal Siremar u l-akkwirent tagħha Società Navigazione Siciliana (ĠU L 97, 24.3.2022, p. 1), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Siremar u lill-akkwirent tagħha Società Navigazione Siciliana għall-perjodu 2009–2028. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1328 tat-30 ta’ Settembru 2021 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja u mir-Reġjun tal-Lazio għal Laziomar (ĠU L 200, 29.7.2022, p. 154), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Laziomar u lill-akkwirent tagħha Compagnia Laziale di Navigazione S.r.l. għall-perjodu 2011–2024.

(7)  L-ilment ġie rreġistrat mill-Kummissjoni taħt il-Kawża SA.42685.

(8)  Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Mejju 2013, ir-Reġjun ta’ Sardenja talab lill-Kummissjoni tissepara mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa bid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2011 u estiża bid-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012 il-miżuri li jikkonċernaw lil Saremar u biex tagħti prijorità lil dawn il-miżuri, b’mod partikolari fid-dawl tal-privatizzazzjoni imminenti tal-kumpanija.

(9)  Permezz ta’ nota tat-2 ta’ Awwissu 2017, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-konklużjoni tal-investigazzjoni dwar Tirrenia u l-akkwirent tagħha CIN fid-dawl ta’ ċerti klawżoli fil-kuntratt tal-bejgħ konkluż ma’ CIN. Barra minn hekk, mill-kuntratti pubbliċi l-ġodda kollha konklużi mal-akkwirenti tal-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group, il-kuntratt ma’ CIN kien l-ewwel wieħed li skada.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 64/99 (ex NN 68/99) implimentata mill-Italja għall-kumpaniji tat-tbaħħir Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (il-Tirrenia Group) (ĠU L 332, 12.10.2020, p. 1).

(11)  Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

(12)  Bid-Deċiżjoni Nru 502 tal-21 ta’ Settembru 2012, ir-Reġjun tal-Campania awtorizza l-konklużjoni ta’ kuntratt tranżitorju ma’ Caremar u bid-Digriet Eżekuttiv Reġjonali Nru 314 tad-19 ta’ Diċembru 2012 approva l-kuntratt tranżitorju.

(13)  Il-kuntratt tranżitorju ġie estiż diversi drabi sat-tlestija tal-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar (jiġifieri, bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 191 tat-18 ta’ Ġunju 2013, sal-31 ta’ Diċembru 2013; bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 632 tas-27 ta’ Diċembru 2013, sat-28 ta’ Frar 2014; bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 60 tat-28 ta’ Frar 2014 sat-30 ta’ April 2014; bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 123 tad-29 ta’ April 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014; bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 243 tas-27 ta’ Ġunju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014; bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 697 tat-23 ta’ Diċembru 2014 sal-31 ta’ Marzu 2015 u bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 161 tat-28 ta’ Marzu 2015 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2015). Permezz tal-Liġi Nru 228 tal-24 ta’ Diċembru 2012, l-Italja awtorizzat il-ħlas lir-Reġjun tal-Campania tar-riżorsi meħtieġa biex tiġi ggarantita l-kontinwità territorjali tas-servizzi marittimi fiż-żona reġjonali sat-tlestija tal-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Caremar.

(14)  Ara l-premessi 54 u 55 tad-Deċiżjoni ta’ Estensjoni tal-2012.

(15)  Fintecna (Finanziaria per i Settori Industriale e dei Servizi S.p.A.) hija kompletament proprjetà tal-Ministeru Taljan tal-Ekonomija u l-Finanzi u tispeċjalizza fil-ġestjoni tal-proċessi ta’ privatizzazzjoni u ta’ parteċipazzjoni azzjonarja, kif ukoll tittratta proġetti għar-razzjonalizzazzjoni u r-ristrutturar ta’ kumpaniji li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet industrijali, finanzjarji jew organizzazzjonali.

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 64/99 (ex NN 68/99) implimentata mill-Italja għall-kumpaniji tat-tbaħħir Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (il-Tirrenia Group) (ĠU L 332, 12.10.2020, p. 1).

(17)  Fis-6 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-kumpens imħallas lis-sitt kumpaniji tal-Tirrenia Group, inkluż Caremar. Matul il-fażi ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet Taljani talbu li l-każ tal-Tirrenia Group jinqasam sabiex tkun tista’ tingħata prijorità biex tintlaħaq deċiżjoni finali dwar Tirrenia. Din it-talba kienet immotivata mill-pjan tal-awtoritajiet Taljani li jipprivatizzaw il-Grupp, billi jibdew b’Tirrenia, u l-intenzjoni tagħhom li jħaffu l-proċess fir-rigward ta’ dik il-kumpanija. Il-Kummissjoni ddeċidiet li setgħet tilqa’ t-talba tal-awtoritajiet Taljani, u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/851/KE tal-21 ta’ Ġunju 2001 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpanija tat-tbaħħir Tirrenia di Navigazione mill-Italja (ĠU L 318, 4.12.2001, p. 9) hija għalqet il-proċedura mibdija fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil Tirrenia. L-għajnuna ġiet iddikjarata kompatibbli soġġett għal ċerti impenji mill-awtoritajiet Taljani. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/163/KE tas-16 ta’ Marzu 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat imħallsa mill-Italja lill-kumpaniji tat-tbaħħir Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (il-Tirrenia Group) (ĠU L 53, 26.2.2005, p. 29), il-Kummissjoni ddikjarat il-kumpens mogħti mill-Italja lil Caremar u lill-kumpaniji l-oħra tal-kumpaniji tal-Tirrenia Group (bl-eċċezzjoni ta’ Tirrenia li kienet koperta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/851/KE) bħala parzjalment kompatibbli mas-suq intern, parzjalment kompatibbli bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati għadd ta’ impenji mill-awtoritajiet Taljani, u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern. Id-Deċiżjoni 2005/163/KE ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009 (kawżi magħquda), Tirrenia di Navigazione SpA (T-265/04), Caremar SpA u Oħrajn (T-292/04) u Navigazione Libera del Golfo SpA (T-504/04) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ECLI:EU:T:2009:48. Biex tikkonforma ma’ dik is-sentenza, il-Kummissjoni reġgħet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li eventwalment ġiet konkluża bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1411.

(18)  Dan it-trasferiment ġie fformalizzat fl-1 ta’ Ġunju 2011.

(19)  L-Artikolu 19-ter, il-paragrafu 10, tal-Liġi 166/2009.

(20)  Li minnhom EUR 19 839 226 huma mill-Campania u EUR 10 030 606 huma mil-Lazio.

(21)  Mill-1 ta’ Ġunju 2011, dawn ir-rotot kienu operati minn Laziomar li kienet għadha kif ġiet ikkostitwita. Il-Kummissjoni vvalutat il-kumpens mogħti lil Laziomar għall-operat ta’ dawn ir-rotot mill-1 ta’ Ġunju 2011 sal-14 ta’ Jannar 2024 fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Settembru 2021 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (11/C) (ex 11/NN) implimentati mill-Italja u mir-Reġjun tal-Lazio għal Laziomar (ĠU L 200, 29.7.2022, p. 154), ara n-nota f’qiegħ il-paġna 6.

(22)  Stabbiliti mid-Digriet Amministrattiv 207/2008 ikkonvertit fil-Liġi 14/2009, ara l-premessa 28.

(23)  Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 548 tal-1 ta’ April 2007.

(24)  TMV huwa l-akronimu ta’ “Traghetto Motonave Veloce”.

(25)  Jiġifieri, minn Capri għal Sorrento (vjaġġ ta’ 25 minuta) fis-7:00 am, fid-8:40 am, fis-13:40, u fis-18:15; u minn Sorrento għal Capri (vjaġġ ta’ 20 minuta) fit-7:45 am, fid-9:25 am, fis-14:30; u fis-19:00.

(26)  Il-port ta’ Napli għandu diversi mollijiet, l-aktar importanti huma l-moll Calata Massa (għat-TMVs u l-laneċ) u l-moll Beverello (għall-aliskaf).

(27)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri fis-5:40 am (bit-TMV), fil-17:00 (bit-TMV), u fis-18:40 (bil-lanċa); u minn Capri għal Napli fit-14:50 (bil-lanċa), 15:40 (bit-TMV), u fit-19:50 (bit-TMV).

(28)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri fis-7:35 am (bil-lanċa), fil-12:15 am (bit-TMV), fis-12:55 (bil-lanċa); u minn Capri għal Napli fis-5:45 am (bil-lanċa), fid-9:30 am (bil-lanċa), fl-10:25 (bit-TMV), fit-20:05 (bit-TMV) li tmexxa għall-22:20 fil-perjodu bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru).

(29)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri fid-21:10.

(30)  Jiġifieri, mill-port ta’ Ischia għal Napli (vjaġġ ta’ siegħa u 25 minuta) fid-9:00 am, fis-13:50 u fit-20:10.

(31)  Jiġifieri, mill-port ta’ Ischia għal Napli (vjaġġ ta’ 45 minuta) fis-6:50 am u fid-8:50 am; minn Napli għall-port ta’ Ischia (vjaġġ ta’ 45 minuta) fit-7:50 am u fis-18:15.

(32)  Jiġifieri, minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (durata totali ta’ siegħa u 40 minuta) fis-6:25 am (bi tluq minn Procida fis-7:30 am), fid-8:55 am (bi tluq minn Procida fl-10:00 am) fil-10:40 am (bi tluq minn Procida f’11:55 am), fis-14:30 minn Napli għal Procida (bi tluq minn Procida fit-15:35), fl-15:40 (bi tluq minn Procida fil-16:45), fil-17:30 (bi tluq minn Procida fis-18:35), fis-19:20 (bi tluq minn Procida fit-20:25); u fl-21:55 (bi tluq minn Procida fil-23:00). Minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (durata totali ta’ siegħa u 35 minuta) fis-6:45 am (bi tluq minn Procida fis-7:15), fin-12:30 am (bi tluq minn Procida fis-12:55), fit-15:20 (bi tluq minn Procida fil-16:50), fil-17:15 (bi tluq minn Procida fis-17:45), fis-19:30 (bi tluq minn Procida fit-20:00).

(33)  Jiġifieri, minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (vjaġġ totali ta’ siegħa u 10 minuti) fl-9:55 am (bi tluq minn Procida fl-10:35 am), fis-13:10 (bi tluq minn Procida fis-13:50), fit-15:10 (bi tluq minn Procida fl-15:50) u fit-20:20 (bi tluq minn Procida fid-20:55).

Minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (vjaġġ totali ta’ siegħa u 10 minuti) f’12:00 am (bi tluq minn Procida f’12:10 am), fis-14:15 (bi tluq minn Procida fit-15:05), fl-16:15 (bi tluq minn Procida fl-16:25), fis-19:10 (bi tluq minn Procida fis-19:20).

(34)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli (vjaġġ totali ta’ siegħa) fit-8:30 am (bi tluq minn Procida fid-8:50), fil-11:20 am (bi tluq minn Procida f’11:40), u fil-17:35 (bi tluq minn Procida fis-18:00).

Minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (vjaġġ totali ta’ siegħa) fl-9:55 am (bi tluq minn Procida fl-10:30), fis-13:50 (bi tluq minn Procida fis-14:20), fis-18:55 (bi tluq minn Procida fis-19:30).

(35)  Jiġifieri minn Procida għal Pozzuoli (vjaġġ ta’ 15-il minuta) fit-8:25 am, u minn Pozzuoli għal Procida (vjaġġ ta’ 15-il minuta) fid-8:50 am.

(36)  Jiġifieri, minn Procida għal Napli (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-6:35 am, u fid-9:20 am; u minn Napli għal Procida (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-7:30 am u fis-17:45.

(37)  Erba’ servizzi ta’ kuljum kull nhar ta’ Tnejn.

(38)  Stabbiliti rispettivament bid-Digriet Amministrattiv 135/2009 ikkonvertit fil-Liġi 166/2009, ara l-premessa 31, u bid-Digriet Amministrattiv 125/2010 ikkonvertit fil-Liġi 163/2010, ara l-premessa 33.

(39)  Għal deskrizzjoni tad-diskussjonijiet li wasslu għad-definizzjoni tal-programm ta’ 3 snin adottat bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 443 tad-9 ta’ Awwissu 2011, ara l-premessi minn 178 sa 181.

(40)  B’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu żgurati servizzi ta’ trasport adegwati għall-istudenti li jgħixu f’Ischia iżda li jistudjaw fi Procida, kif spjegat fil-premessi tad-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 857 tat-30 ta’ Diċembru 2011, li kienet tinvolvi xi varjazzjonijiet fl-iskedi ta’ żmien u żieda żgħira fin-numru ta’ konnessjonijiet mal-gżira ta’ Procida.

(41)  Jiġifieri bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 632 tas-27 ta’ Diċembru 2012 (li tkopri sat-30 ta’ Settembru 2014) u bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 230 tal-5 ta’ Mejju 2015 (li tkopri sal-31 ta’ Diċembru 2015).

(42)  Jiġifieri, minn Capri għal Sorrento (vjaġġ ta’ 25 minuta) fis-7:00 am, fid-8:40 am, fis-13:35 (minflok fis-13:40), u fis-18:30 (minflok fis-18:15); u minn Sorrento għal Capri (vjaġġ ta’ 20 minuta) fit-7:45 am, fid-9:25 am, fis-14:25 (minflok fis-14:30); u fis-19:00 fil-perjodu tas-sajf (filwaqt li fis-19:15 fil-perjodu tax-xitwa).

(43)  Jiġifieri, minn Capri għal Sorrento (vjaġġ ta’ 25 minuta) fis-7:00 am, fid-8:40 am, fis-13:35 (minflok fis-13:40), u fis-18:45 (minflok fis-18:30); u minn Sorrento għal Capri (vjaġġ ta’ 20 minuta) fit-7:45 am, fid-9:25 am, fis-14:30 (minflok fis-14:25); u fis-19:25 (minflok fis-19:00 fis-sajf u fis-19:15 fix-xitwa).

(44)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri bit-TMV: fil-5:35 am (minflok fis-5:40 am), f’12:00 am, fil-17: 00; u minn Capri għal Napli bit-TMV: fl-10:25 am, fit-15:30 (minflok fl-15:40), u fit-19:55 (minflok fit-19:50).

(45)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri bit-TMV: fil-5:35 am (minflok fis-5:40 am), f’12:00 am, fil-17:25 (minflok fil-17:00); u minn Capri għal Napli bit-TMV: fl-10:20 am (minflok fl-10:25 am), fit-15:35 (minflok fit-15:30), u fit-20:15 (minflok fit-19:55).

(46)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri bil-lanċa: fis-7:35 am, fis-13:00, fis-18:40; u minn Capri għal Napli fis-5:45 am, fid-9:20 am, fit-14:50. Mis-16 ta’ Jannar 2012, l-iskeda kienet: minn Napli għal Capri bil-lanċa: fis-7:25 am, fis-13:00, u fis-18:35; u minn Capri għal Napli bil-lanċa: fis-5:40 am, fid-9:20 am, u fit-14:50.

(47)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri bil-lanċa: fid-9:05 am u fis-14:20; u minn Capri għal Napli bil-lanċa: fis-6:45 am, fil-11:00 am, fl-16:15, fit-20:10. Mis-16 ta’ Jannar 2012, l-iskeda kienet: minn Napli għal Capri bil-lanċa: fid-9:00 am, fis-14:20; u minn Capri għal Napli bil-lanċa: fis-6:45 am, fil-11:00 am, fl-16:15, u fit-20:10.

(48)  Jiġifieri, minn Napli għal Capri bit-TMV: fid-21:20 u minn Capri għal Napli bit-TMV fil-23:30. Mis-16 ta’ Jannar 2012, l-iskeda kienet: minn Napli għal Capri bit-TMV fid-21:35 u minn Capri għal Napli bit-TMV f’23:50.

(49)  Jiġifieri, minn Ischia għal Napli (vjaġġ ta’ siegħa u 25 minuta) fid-8:45 am; u minn Napli għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u 20 minuta) fl-16:05 u fit-20:25.

(50)  Jiġifieri, minn Ischia għal Napli (vjaġġ ta’ siegħa u 25 minuta) fid-8:45 am; u wieħed addizzjonali fis-13:50; u minn Napli għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u 20 minuta) fit-20:15 (minflok fit-20:25 u dak tal-16:05 twaqqaf).

(51)  Jiġifieri, minn Napli għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u kwart) fl-15:45.

(52)  Jiġifieri, minn Napli għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u 5 minuti) fit-14:45.

(53)  Il-vjaġġ fl-15:40 minn Napli għal Procida u sussegwentement għall-port ta’ Ischia ġie mwaqqaf.

(54)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (vjaġġ totali ta’ siegħa) fis-12:55 am mill-port ta’ Casamicciola (bi tluq minn Procida fis-13:35).

(55)  Jiġifieri, minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (durata totali ta’ siegħa u 35 minuta) fis-6:25 am (bi tluq minn Procida fis-7:30 am), fid-9:10 am (minflok fid-8:55, bi tluq minn Procida fl-10:20 am); fil-10:45 am (minflok fil-10:40 am, bi tluq minn Procida f’11:45), fit-15:15 (minflok fis-14:30, bi tluq minn Procida fl-16:15), fis-17:45 (minflok fil-17:30, bi tluq minn Procida fis-18:45), fis-19:30 (minflok fis-19:20, bi tluq minn Procida fit-20:30); u fl-22:15 (minflok fl-21:55, bi tluq minn Procida fil-23:15). Minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (durata totali ta’ siegħa u 35 minuta) fis-7:00 am (minflok fis-6:45 am, bi tluq minn Procida fis-7:30), fis-13:55 (minflok fin-12:30 am, bi tluq minn Procida fis-14:35), fit-15:30 (minflok fit-15:20, bi tluq minn Procida fl-16:15), fil-17:25 (minflok fil-17:15, bi tluq minn Procida fis-18:05), fit-19:55 (minflok fis-19:30, bi tluq minn Procida fit-20:30).

(56)  Il-vjaġġi fis-7:00 am u fis-13:55 minn Ischia għal Procida u sussegwentement lejn il-port ta’ Ischia ġew imwaqqfa.

(57)  L-iskeda ta’ żmien baqgħet l-istess (jiġifieri t-tluq fis-12:55 am mill-port ta’ Casamicciola (Ischia), ara n-nota f’qiegħ il-paġna 54).

(58)  Jiġifieri, minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (durata totali ta’ siegħa u 35 minuta) fis-6:25 am (bi tluq minn Procida fis-7:30 am), fil-10:45 am (bi tluq minn Procida f’11:50), fit-15:10 (minflok fit-15:15, bi tluq minn Procida fl-16:20), reġa’ ġie stabbilit fil-17:30 (minflok fis-17:45, bi tluq minn Procida fis-18:35), fis-19:30 (minflok fis-19:20, bi tluq minn Procida fit-20:30); u fl-21:55 (minflok fl-22:15, bi tluq minn Procida fil-23:00). Minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (vjaġġ ta’ siegħa u 35 minuta) fit-15:20 (minflok fit-15:30, bi tluq minn Procida fl-15:50), fil-17:20 (minflok fil-17:25, bi tluq minn Procida fis-17:50), fis-19:25 (bi tluq minn Procida fit-20:30).

(59)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (vjaġġ ta’ siegħa u 35 minuta) fis-7:00 am (bi tluq minn Procida fis-7:25); u minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u 35 minuta) fid-9:25 am (bi tluq minn Procida fl-10:30 am.

(60)  Jiġifieri, minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (vjaġġ totali ta’ siegħa u 10 minuti) fid-8:50 am (minflok fl-9:55, bi tluq fid-9:30 am minn Procida), f’11:45 am (bi tluq fin-12:25 minn Procida), fis-13:10 (bi tluq fis-13:50 minn Procida), fit-15:10 (bi tluq minn Procida fl-15:50), u fis-18:15 (bi tluq fis-18:55 minn Procida).

Minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (vjaġġ ta’ siegħa u 10 minuti) fis-7:30 am (bi tluq minn Procida fit-7:55 am), fl-10:10 am (bi tluq fl-10:35 minn Procida), fis-13:05 (minflok f’12:00 am, bi tluq fis-13:30 minn Procida), fis-14:30 (minflok fis-14:15, bi tluq fit-14:55 fi Procida), fl-16:30 (minflok fl-16:15, bi tluq fil-16:55 minn Procida).

(61)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli fis-19:35 (bi tluq fit-20:00 minn Procida); u minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia fid-20:55 (bi tluq fid-21:30 minn Procida).

(62)  Jiġifieri, minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u 10 minuti) fid-8:40 am (minflok fit-8:50, bi tluq fid-9:30 am minn Procida), f’11:45 am (bi tluq fin-12:25 minn Procida), fis-13:10 (bi tluq fis-13:50 minn Procida), u fis-18:15 (bi tluq fis-18:55 minn Procida).

Minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli (vjaġġ totali ta’ siegħa u 10 minuti) fis-6:45 am (minflok fis-7:30, bi tluq fis-7:05 am minn Procida), fl-10:15 am (minflok fl-10:10 am, bi tluq fl-10:35 minn Procida), fis-13:00 (minflok fis-13:05 am, bi tluq fis-13:15 minn Procida), fis-14:30 (minflok fis-14:15, bi tluq fit-14:55 minn Procida), fl-16:25 (minflok fl-16:30, bi tluq fil-16:45 minn Procida).

(63)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli fis-19:35 (bi tluq fit-20:00 minn Procida); u minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia fid-21:05 (minflok fid-20:55, bi tluq fl-21:50 minn Procida).

(64)  Jiġifieri, minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u 15-il minuta) fl-10:20 am (bi tluq fil-10:55 am minn Procida).

(65)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli (vjaġġ ta’ siegħa) fit-8:30 am (tluq minn Procida fid-9:10 am), fil-11:30 am (minflok fil-11:20, bi tluq minn Procida f’12:10 am), fis-18:00 am (minflok fil-17:35, bi tluq fis-18:35 minn Procida). Minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (vjaġġ ta’ siegħa u 15-il minuta) fis-13 50 (bi tluq minn Procida fis-14:20); u fis-19:15 (minflok fis-18:55, bi tluq minn Procida fit-19:45).

(66)  Jiġifieri, minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia fl-10:15 am (bi tluq minn Procida fil-10:55 am); u minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli fil-17:30 mill-port ta’ Casamicciola (bi tluq minn Procida fis-18:00).

(67)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli fit-8:35 am (bi tluq minn Procida fid-9:00 am), fil-11:30 am (bi tluq minn Procida f’11:55 am); minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia fis-14:00 (bi tluq minn Procida fis-14:30), u fis-18:55 (bi tluq minn Procida fis-19:35).

(68)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli fis-7:20 am (bi tluq minn Procida fit-7:50 am); u minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia fid-9:00 am (bi tluq minn Procida fl-9:40).

(69)  Jiġifieri, minn Procida għal Ischia (vjaġġ ta’ 20 minuta) fit-15:30.

(70)  Jiġifieri minn Procida għal Pozzuoli (vjaġġ ta’ 15-il minuta) fit-8:10 am (minflok fit-8:25 am), u minn Pozzuoli għal Procida (vjaġġ ta’ 15-il minuta) fid-8:55 am (minflok fid-8:50 am).

(71)  Jiġifieri minn Procida għal Pozzuoli (vjaġġ ta’ 15-il minuta) fit-8:10 am (minflok fit-8:25 am), u minn Pozzuoli għal Procida (vjaġġ ta’ 15-il minuta) fid-8:50 am (minflok fid-8:55 am).

(72)  Jiġifieri, minn Procida għal Napli (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-6:35 am, u fid-9:20 am; u minn Napli għal Procida (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-7:30 am u fis-17:45.

(73)  Jiġifieri, minn Procida għal Napli (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-6:35 am, u fid-9:25 am (minflok fid-9:20 am); u minn Napli għal Procida (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-7:30 am u fil-17:30 (minflok fis-17:45).

(74)   Deliberazione 9 Novembre 2007 – Criteri per la determinazione degli oneri di servizio pubblico e delle dinamiche tariffarie nel settore dei servizi di cabotaggio marittimo di pubblico interesse (‘Deliberazione n. 111/2007’) (Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana, Serie Generale No 50 del 28.2.2008).

(75)  Skont l-Artikolu 3(10) tal-Konvenzjoni Inizjali, kwalunkwe ammont ta’ kumpens żejjed li jirriżulta mill-kontijiet iċċertifikati tal-kumpanija għandu jitħallas lura mill-kumpanija fi żmien 15-il jum mill-approvazzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-kumpanija għas-sena rilevanti.

(76)  Skont l-Artikolu 1, il-punt 999, tal-Liġi Nru 296 tas-27 ta’ Diċembru 2006 u l-Artikolu 1, il-punt e), tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 430 tal-5 ta’ Diċembru 1997.

(77)  Ir-rata ta’ redditu mixtieqa għal investitur tal-ekwità fid-dawl tal-profil tar-riskju tal-kumpanija u l-flussi ta’ flus assoċjati.

(78)  Li minnhom EUR 19 839 226 huma mill-Campania u EUR 10 030 606 huma mil-Lazio.

(79)  Il-proċedura ristretta tal-offerti msemmija fl-Artikolu 55(6) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi Taljan – id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 (il Codice dei Contratti pubblici) kienet proċess f’żewġ stadji fejn dawk l-operaturi li ġew mistiedna għall-fażi tal-offerti biss jistgħu jissottomettu l-offerti.

(80)  Id-Digriet Eżekuttiv Nru 78 tas-17 ta’ Mejju 2013 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Reġjun tal-Campania Nru 28 tas-27 ta’ Mejju 2013 kif ukoll fuq is-sit web tar-Reġjun tal-Campania. B’mod parallel, ir-Reġjun tal-Campania ppubblika wkoll fuq is-sit web tiegħu kjarifiki għas-sejħa għall-offerti fil-forma ta’ tweġibiet għall-mistoqsijiet frekwenti.

(81)  Minbarra l-abbozz il-ġdid tal-kuntratt ta’ 9 snin li għandu jiġi ffirmat bejn l-offerent rebbieħ u r-Reġjun tal-Campania, dik l-informazzjoni kienet tinkludi l-abbozz tal-kuntratt tal-bejgħ ta’ Caremar, l-abbozz tal-mudell tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li l-partijiet kellhom isegwu għall-preżentazzjoni tal-offerta tagħhom, abbozz ta’ mudell ta’ offerta u abbozz ta’ mudell ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn li l-partijiet setgħu jsegwu għas-sottomissjoni tal-offerta tagħhom u r-regoli li għandhom jiġu segwiti għall-aċċess għall-bini ta’ Caremar u għall-kamra tad-data). Fir-rigward tal-proċedura, il-partijiet ġew infurmati fost l-oħrajn dwar it-twaqqit u l-kundizzjonijiet ta’: i) l-aċċess għall-kamra tad-data tal-proċedura tal-offerti u għall-bini tan-negozju ta’ Caremar; ii) is-sottomissjoni tal-offerti; iii) is-sottomissjoni ta’ garanzija b’appoġġ għall-offerta; iv) l-għoti tal-offerta (inkluż il-kriterju tal-għoti); v) il-possibbiltà li jintalbu kjarifiki dwar l-offerta.

(82)  Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, il-prezz tal-irkant bażi ta’ Caremar għal EUR 6 000 000 ġie kkalkolat billi mal-valur tal-assi netti kontabilistiċi tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 (jiġifieri EUR 4 470 008) ġie miżjud il-qligħ kapitali fuq il-flotta u komponent ġeneriku tal-avvjament relatat mal-fatt li Caremar kienet kumpanija bl-għarfien prattiku u l-preżenza tagħha stess imsejsa fit-territorju, u li kienet marka rikonoxxuta fis-suq li topera fih.

(83)  Dik il-klassifikazzjoni kienet ġiet ippubblikata mill-kumitat tal-offerti matul is-sessjoni pubblika tiegħu tad-29 ta’ Lulju 2013. F’dik l-okkażjoni, il-kumitat tal-offerti informa li l-offerta rebbieħa kienet se tintbagħat lill-awtorità kontraenti (jiġifieri r-Reġjun tal-Campania) għall-verifika. Permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 130 tat-2 ta’ Awwissu 2012, ir-Reġjun tal-Campania ddeċieda li jibda l-proċedura ta’ verifika diskrezzjonali skont l-Artikolu 86(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 136/2006 li jitlob lill-kumitat tal-offerti jivvaluta l-adegwatezza tal-offerta sottomessa minn SNAV/Rifim. Il-Kumitat tal-offerti fis-sessjoni tiegħu tas-16 u tas-27 ta’ Settembru 2013 eżamina fid-dettall is-suppożizzjonijiet finanzjarji li fuqhom hija bbażata l-offerta sottomessa minn SNAV/Rifim u ddikjara l-adegwatezza u l-affidabbiltà tal-offerta. Il-Kumitat tal-offerti kkomunika r-riżultati tal-proċedura ta’ verifika fis-sessjoni pubblika tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2013 fejn ikkonferma wkoll il-lista ta’ klassifikazzjoni ppubblikata fid-29 ta’ Lulju 2013.

(84)  Ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Reġjun tal-Campania Nru 35 tat-8 ta’ Ġunju 2015. Dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata bid-Digriet Presidenzjali Nru 116 tal-15 ta’ Lulju 2015 ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Reġjun tal-Campania Nru 45 tal-20 ta’ Lulju 2015.

(85)  L-Artikolu 8(4)(m) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(86)  L-Artikolu 13(4) u 13(5) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(87)  Eż. l-Artikolu 25(1)(A) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jistabbilixxi penali ta’ EUR 80/mil għal kull vjaġġ li ma jsirx u penali addizzjonali ta’ EUR 5 000 hija prevista f’każ li l-istess vjaġġ ma jitwettaqx għal aktar minn seba’ darbiet f’xahar wieħed. Jekk f’perjodu ta’ 3 xhur Caremar tonqos milli twettaq l-istess vjaġġ darbtejn għal aktar minn seba’ darbiet f’xahar wieħed, allura l-inkarigu tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz jiġi revokat.

(88)  Eż. l-Artikolu 25(1)(B) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jistabbilixxi penali ta’ EUR 150 għal kull komunikazzjoni motivata mitlufa fi żmien 24 siegħa ta’ dewmien ta’ aktar minn 30 minuta. Għal kull dewmien ta’ aktar minn 30 minuta, il-penali hija ta’ EUR 500 jekk id-dewmien jikkonċerna vjaġġ li kien diġà sofra dewmien ta’ aktar minn 30 minuta fl-istess xahar.

(89)  Eż. l-Artikolu 25(1)(I) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jipprovdi penali ta’ EUR 1 500 fil-każ ta’ żewġ ilmenti bil-miktub fi trimestru dwar il-ksur tat-tariffi, il-penali tiżdied għal EUR 5 000 fil-każ tat-tielet ilment fl-istess trimestru.

(90)  L-Artikolu 16(2) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid jipprovdi: “ Il-kumpens imsemmi hawn fuq ma jistax jaqbeż, għat-tul ta’ dan il-kuntratt ta’ servizz, l-ammont ta’ EUR 10 778 897 għas-sena kalendarja, minbarra l-VAT, indikat ’l isfel fl-Offerta. ”

(91)  L-Artikolu 16(3) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(92)  L-Artikolu 16(1) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(93)  L-Artikolu 16(5) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid. L-Artikolu 16(6) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid speċifika li l-kumpens għall-perjodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015 jitħallas f’żewġ pagamenti: l-ewwel pagament parzjali ta’ 70 % sal-15 ta’ Awwissu 2015 u t-tieni pagament parzjali ta’ 30 % sal-31 ta’ Jannar 2016.

(94)  Kif stabbilit mill-Artikolu 19, il-paragrafu 13a, tad-Digriet Amministrattiv Nru 78 tal-1 ta’ Lulju 2009, ikkonvertit fil-Liġi Nru 102 tat-3 ta’ Awwissu 2009 (“il-Liġi 102/2009”), u mill-Artikolu 19-ter, il-paragrafu 19, tal-Liġi 166/2009.

(95)  Dawn l-istandards ta’ sikurezza mbagħad ġew spjegati fid-Direttiva tal-Kunsill 98/18/KE tas-17 ta’ Marzu 1998 dwar ir-regoli u n-normi ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 144, 15.5.1998, p. 1), trasposta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 45 tal-4 ta’ Frar 2000, id-Direttiva 2003/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/16/KE dwar ir-regoli u n-normi ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 18), trasposta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 52 tat-8 ta’ Marzu 2005, u d-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2003 dwar il-ħtiġiet ta’ stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 22), trasposta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 65 tal-14 ta’ Marzu 2005.

(96)  Il-fondi kollha (jiġifieri EUR 7 000 000) ipprovduti mill-Artikolu 19-ter, il-paragrafu 19, tal-Liġi 166/2009 u EUR 16 750 000 mill-fondi pprovduti mil-Liġi 102/2009.

(97)  Il-Fond għal Żoni Sottoutilizzati (Fondo Aree Sottoutilizzate) huwa fond nazzjonali li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Politika reġjonali Taljana. Ir-riżorsi tiegħu jiġu allokati fil-biċċa l-kbira tagħhom għal reġjuni identifikati bħala tali mill-awtoritajiet Taljani.

(98)   Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 137 tas-16 ta’ Ġunju 2009.

(99)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(100)  L-ittra ta’ intimazzjoni ġiet adottata fit-28 ta’ Jannar 2010 iżda kien biss l-għada li din ġiet innotifikata lill-Italja.

(101)  Anki jekk it-trasferiment formali tas-sjieda ta’ Tirrenia, ta’ Toremar u ta’ Siremar ma seħħx qabel l-2012.

(102)  Is-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415.

(103)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67).

(104)  Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4).

(105)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

(106)  L-Artikolu 19-ter tad-Digriet Amministrattiv 135/2009.

(107)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segmenti Ischia/Procida u Procida/Napli u fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli. L-Italja pprovdiet ukoll id-diżaggregazzjoni għal kull segment tat-traffiku tal-passiġġieri ta’ Caremar għas-snin 2011–2021 li turi li anki t-traffiku għal kull segment baqa’ stabbli matul is-snin.

(108)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segment Procida/Pozzuoli. L-Italja pprovdiet ukoll id-diżaggregazzjoni għal kull segment tat-traffiku tal-passiġġieri ta’ Caremar għas-snin 2011–2021 li turi li anki t-traffiku għal kull segment baqa’ stabbli matul is-snin.

(109)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segmenti Ischia/Procida u Procida/Napli u fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli.

(110)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segment Procida/Pozzuoli.

(111)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segmenti Ischia/Procida u Procida/Napli u fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli. L-Italja pprovdiet ukoll id-diżaggregazzjoni għal kull segment tat-traffiku ta’ Caremar għas-snin 2013–2021 li turi li l-għadd ta’ vetturi ttrasportati minn Caremar fuq kull segment baqa’ stabbli matul is-snin.

(112)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segment Procida/Pozzuoli. L-Italja pprovdiet ukoll id-diżaggregazzjoni għal kull segment tat-traffiku ta’ Caremar għas-snin 2013–2021 li turi li l-għadd ta’ vetturi ttrasportati minn Caremar fuq kull segment baqa’ stabbli matul is-snin.

(113)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segmenti Ischia/Procida u Procida/Napli u fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli.

(114)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segment Procida/Pozzuoli.

(115)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segmenti Ischia/Procida u Procida/Napli u fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli. L-Italja pprovdiet ukoll id-diżaggregazzjoni għal kull segment tat-traffiku ta’ Caremar għas-snin 2013–2021 li turi li l-metri lineari tal-merkanzija ttrasportata minn Caremar fuq kull segment baqgħu stabbli matul is-snin.

(116)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segment Procida/Pozzuoli. L-Italja pprovdiet ukoll id-diżaggregazzjoni għal kull segment tat-traffiku ta’ Caremar għas-snin 2013–2021 li turi li l-metri lineari tal-merkanzija ttrasportata minn Caremar fuq kull segment baqgħu stabbli matul is-snin.

(117)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segmenti Ischia/Procida u Procida/Napli u fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli.

(118)  It-traffiku fuq din ir-rotta kien jinkludi wkoll it-traffiku fuq is-segment Procida/Pozzuoli.

(119)  Mill-1 ta’ Ġunju 2011, ir-rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino ġew servuti minn Laziomar.

(120)  Skont l-Italja, id-data li jifdal dwar it-traffiku tal-passiġġieri fl-2011, il-vetturi ttrasportati fl-2010 u fl-2011, u t-traffiku tal-merkanzija fis-snin 2009-2011 ma setgħetx tiġi rkuprata aktar.

(121)  Is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2017, Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) vs Il-Kummissjoni, T-454/13, ECLI:EU:T:2017:134, il-punti 130 u 134.

(122)  Bid-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 548 tat-2 ta’ April 2007.

(123)  Pereżempju, fil-25 ta’ Frar 2011, ir-Reġjun tal-Campania stieden lir-rappreżentanti tal-muniċipalitajiet ta’ Ischia għal laqgħa teknika tat-2 ta’ Marzu 2011 dwar id-definizzjoni tal-programm ta’ servizzi tat-trasport marittimu bejn Napli / Pozzuoli u Ischia. Matul dik il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-muniċipalitajiet ta’ Ischia enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati konnessjonijiet lejn/minn Ischia: (a) fil-bidu nett tal-ġurnata u matul il-lejl biex ikun jista’ jsir l-akkwist ta’ oġġetti; (b) bejn is-6:30 am u d-9:00 am biex jippermettu l-ivvjaġġar ta’ kuljum tal-istudenti u tal-ħaddiema lejn Napli/Pozzuoli u bejn in-12:30 am u t-15:00 biex jippermettu l-ivvjaġġar lura lejn Ischia; (c) bejn id-9:00 am u n-12:30 am, u bejn it-15:00 u s-18:00, biex il-popolazzjoni ta’ Ischia tkun tista’ twettaq attivitajiet fl-Italja kontinentali matul il-jum u terġa’ lura għal Ischia matul il-jum, barra minn hekk, dawn l-oqfsa ta’ żmien jippermettu aċċess għal servizzi tat-trasport ferrovjarju u tal-avjazzjoni fl-Italja kontinentali mingħajr il-ħtieġa ta’ waqfa ta’ lejl f’Napli/Pozzuoli; (d) bejn is-18:00 u 24:00 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità territorjali anke matul il-lejl u tiġi permessa l-parteċipazzjoni ta’ attivitajiet kulturali.

(124)  F’dak il-kuntest, pereżempju, ir-rappreżentant ta’ Ischia talab li jiġi pospost l-ewwel tluq filgħodu minn Casamicciola mis-7:00 am għas-7:10 am. Il-muniċipalità ta’ Capri talbet żewġ vjaġġi addizzjonali minn/lejn Napli, jiġifieri minn Napli għal Capri fis-18:10 u minn Capri għal Napli fis-19:10. Il-muniċipalità ta’ Procida talbet li l-vjaġġ bl-aliskaf minn Procida jiġi pospost mis-6:30 am għas-6:40 am, u li l-bastimenti li jitilqu minn Ischia fl-10:35 am lejn Napli jagħmlu waqfa fi Procida. Ir-reġjun tal-Campania ħa nota tat-talbiet u talab għal żmien biex jivverifika l-fattibbiltà tagħhom.

(125)  B’mod partikolari, ir-rappreżentanti ta’ Procida osservaw li mill-41 vjaġġ ipprogrammat minn Ischia, 18-il vjaġġ biss kienu jgħaddu minn Procida u talbu għadd akbar ta’ waqfiet fi Procida.

(126)  Il-gżira ta’ Capri tkopri 10,4 kilometri kwadri u tikkonsisti f’żewġ muniċipalitajiet (Capri u Anacapri) li jammontaw għal madwar 13 900 abitant. Il-muniċipalità ta’ Capri għandha madwar 7 300 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 1 800 abitant għal kull kilometru kwadru) u l-muniċipalità ta’ Anacapri għandha madwar 6 600 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 1 000 abitant għal kull kilometru kwadru). Sors: https://www.italiapedia.it (l-aħħar żjara fil-31.5.2024).

(127)  Il-gżira ta’ Ischia tkopri 46,3 kilometru kwadru u tikkonsisti f’sitt muniċipalitajiet (Barano d’Ischia, Casamicciola Terme, Forio, Ischia, Lacco Ameno, Serrara Fontana) li jammontaw għal madwar 61 500 abitant u hija t-tielet gżira l-aktar popolata fl-Italja (wara Sqallija u Sardenja) minkejja li hija biss it-tmien l-akbar gżira fl-Italja. Il-muniċipalità ta’ Ischia għandha madwar 18 600 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 2 300 abitant għal kull kilometru kwadru), il-muniċipalità ta’ Barano d’Ischia għandha madwar 9 800 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 900 abitant għal kull kilometru kwadru), il-muniċipalità ta’ Casamicciola Terme għandha madwar 8 300 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 1 500 abitant għal kull kilometru kwadru), il-muniċipalità ta’ Forio għandha madwar 17 000 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 1 300 abitant għal kull kilometru kwadru), il-muniċipalità ta’ Lacco Ameno għandha madwar 4 600 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 2 300 abitant għal kull kilometru kwadru), il-muniċipalità ta’ Serrara Fontana għandha madwar 3 200 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 480 abitant għal kull kilometru kwadru). Sors: https://www.italiapedia.it (l-aħħar żjara fil-31.5.2024).

(128)  Il-gżira ta’ Procida tkopri 4,1 kilometri kwadri u tikkonsisti f’muniċipalità waħda (il-muniċipalità ta’ Procida) b’madwar 10 600 resident (jiġifieri densità tal-popolazzjoni ta’ madwar 2 500 abitant għal kull kilometru kwadru). Sors: https://www.italiapedia.it (l-aħħar żjara fil-31.5.2024).

(129)  Sors: https://www.italiapedia.it (l-aħħar żjara fil-31.5.2024).

(130)  L-Italja spjegat li din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni kienet ibbażata fuq id-Digriet Eżekuttiv Reġjonali Nru 80 tal-21 ta’ Frar 2003 sad-9 ta’ Jannar 2017. Skont l-Artikolu 4 ta’ dak id-digriet, l-awtorizzazzjoni għall-operat ingħatat lill-kumpaniji tat-tbaħħir li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mil-liġi sabiex joperaw servizzi ta’ trasport marittimu. Mill-10 ta’ Jannar 2017, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Eżekuttiva Reġjonali Nru 442 tat-2 ta’ Awwissu 2016.

(131)  Pereżempju, bid-Digriet Eżekuttiv Nru 269 tal-2012, ir-Reġjun tal-Campania rrevoka l-awtorizzazzjoni mogħtija fil-21 ta’ Settembru 2011 lil Medmar għall-operat tas-servizzi li ġejjin fuq ir-rotta Ischia (Casamicciola) / Pozzuoli: minn Ischia għal Pozzuoli fis-6:00 am, fis-14:00, fis-17:45; u minn Pozzuoli għal Ischia fil-11:00 am, fl-15:40, u fis-19:30. L-awtorizzazzjoni ġiet irrevokata minħabba li dawk is-servizzi qatt ma kienu ġew operati minn Medmar. Fir-rigward tat-tbaħħir minn Ischia għal Pozzuoli fit-20:30, li rriżulta f’operazzjoni minn Medmar biss nhar il-Ġimgħa/is-Sibt/il-Ħadd mill-15 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru, l-awtorizzazzjoni baqgħet fis-seħħ biss għall-parti tas-servizzi effettivament ipprovduti.

(132)  Din is-sistema ta’ OSP mhux ikkumpensata baqgħet fis-seħħ sad-9 ta’ Jannar 2017. Mill-10 ta’ Jannar 2017, Caremar kienet l-uniku operatur marittimu soġġett għall-OSP fil-Golf ta’ Napli, l-operaturi l-oħra kollha baqgħu soġġetti biss għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni.

(133)  Dan il-punt jissemma wkoll fil-premessi tad-Digriet Eżekuttiv Reġjonali Nru 374 tal-2009 li jfakkar fl-ittri tal-25 ta’ Marzu 2009 u tat-22 ta’ Ġunju 2009 mibgħuta mill-kompetituri ta’ Caremar lir-Reġjun ta’ Campania li jikkonċernaw rispettivament it-tnaqqis tal-għadd ta’ servizzi ta’ OSP u ż-żieda tan-nollijiet massimi li jistgħu jiġu imposti fuq l-utenti fuq ir-rotot tal-OSP li jifdal.

(134)  Mill-15 ta’ Lulju 2009 sal-15 ta’ Settembru 2009.

(135)  Ir-rotot ikkonċernati kienu Capri/Sorrento, Capri/Napli, Ischia/Procida/Napli, u Ischia/Napli. Is-servizzi ta’ OSP mhux ipprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar fuq dawk ir-rotot ma ġewx ikkunsidrati fil-valutazzjoni tal-ambjent kompetittiv fil-Golf ta’ Napli.

(136)  Permezz tad-Digriet Eżekuttiv Reġjonali Nru 402 tal-2010, ir-Reġjun tal-Campania ħa nota tas-sitwazzjoni, issospenda l-qafas tal-irmiġġ fis-seħħ dak iż-żmien u adotta qafas ta’ emerġenza għall-irmiġġ li kien fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2011. Abbażi ta’ dak il-qafas tal-irmiġġ ta’ emerġenza, Caremar kienet l-uniku operatur marittimu li joffri servizzi taħt l-OSP fuq ir-rotot Capri/Sorrento, Capri/Napli, Ischia/Napli, Ischia/Procida/Napli, Ischia/Procida/Pozzuoli, Ischia/Procida, u Procida/Napli; filwaqt li Gestour u Procida Lines operaw taħt l-OSP ir-rotta Procida/Pozzuoli.

(137)  L-annullament jew is-sospensjoni frekwenti tas-servizz mill-kompetituri ta’ Caremar fil-Golf ta’ Napli ġie indikat ukoll mill-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni fid-deċiżjoni tagħha Nru 25295 tat-28 ta’ Jannar 2015 adottata fil-Kawża I689C, li permezz tagħha l-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni ssanzjonat lill-kumpaniji NLG, Alilauro, Alicost S.p.A., Alilauro Gruson S.p.A., Medmar, SNAV, Servizi Liberi Marittimi Giuffrè & Lauro S.r.l., Consorzio Linee Marittime Partenopee in liquidazione, Gescab S.r.l. u Associazione Cabotaggio Armatori Partenopei talli implimentaw ftehim orizzontali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport marittimu tal-passiġġieri fil-Golf ta’ Napli mill-1998 (ara b’mod partikolari l-punt 255 tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Taljana Nru 25295 tat-28 ta’ Jannar 2015).

(138)  Medmar u Alilauro ġew sanzjonati mill-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni fl-2012 għal prattiki kummerċjali li ma ppermettewx l-akkwist ta’ biljetti bit-tariffi mnaqqsa għar-residenti (id-Deċiżjoni Nru 23258 tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Taljana tal-31 ta’ Jannar 2012 fil-Kawża PS5983 dwar Medmar u d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Taljana Nru 23264 tal-31 ta’ Jannar 2012 fil-Kawża PS7667 dwar Alilauro).

(139)  L-Italja enfasizzat li din it-tip ta’ skeda ta’ żmien tirrikjedi li Caremar iżżomm bastiment fuq il-gżira matul il-lejl (b’kostijiet addizzjonali mhux imġarrba mill-kompetituri ta’ Caremar).

(140)  In-nuqqas ta’ forniment tas-servizz fuq perjodu twil ta’ żmien, ladarba aċċertat mill-awtoritajiet kompetenti, kellu biss bħala konsegwenza ewlenija r-revoka tal-awtorizzazzjoni biex jiġi operat il-ħin rilevanti (kemm fil-każ ta’ servizz operat fuq terminu tas-suq kif ukoll fil-każ ta’ servizz operat taħt OSP).

(141)  NLG ipprovdiet żewġ vjaġġi ta’ kuljum fl-istaġun kwiet u seba’ vjaġġi ta’ kuljum fl-eqqel staġun (tlieta minnhom taħt l-OSP, jiġifieri tnejn jitilqu minn Sorrento fl-9:40 am u fis-13:10, u (mill-2010) wieħed jitlaq minn Capri fid-8:55). L-Italja osservat li s-servizzi ta’ NLG fuq ir-rotta Capri/Sorrento ma kinux verament f’kompetizzjoni mas-servizzi ta’ Caremar kif ikkonfermat mill-fatt li l-kummenti ta’ NLG ma kinux jikkonċernaw ir-rotta Capri/Sorrento iżda biss ir-rotta Napli/Capri (ara l-premessa 168).

(142)  Skont l-Italja, Alimar kienet awtorizzata ropera żewġ vjaġġi tal-passiġġieri ta’ kuljum, wieħed minn Capri għal Sorrento fis-6:00 am u wieħed minn Sorrento għal Capri fil-22:55, iżda biss mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu.

(143)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta, kemm taħt il-programmi tat-trasport marittimu tal-2007 kif ukoll tal-2011 (jiġifieri mill-2009 ’l quddiem) SNAV kienet awtorizzata topera għaxar vjaġġi ta’ kuljum bit-TMV (sitta minn Capri għal Sorrento fis-7:35 am, fid-9:15 am, f’12:10, fl-15:55, fis-17:40, u fis-18:05; u erbgħa minn Sorrento għal Capri fit-8:10 am, fil-11:25 am, fis-13:50, fl-16:35) iżda biss fil-perjodu tas-sajf (b’mod partikolari, mill-1 ta’ April sat-3 ta’ Novembru).

(144)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta, kemm taħt il-programmi tat-trasport marittimu tal-2007 kif ukoll tal-2011 (jiġifieri mill-2009 ’l quddiem) Aligruson kienet awtorizzata topera erba’ vjaġġi ta’ kuljum (tnejn minn Sorrento għal Capri fil-11:30 am u fis-14:00; u tnejn minn Capri għal Sorrento fin-12:30 u fis-18:05) iżda fil-perjodu tas-sajf biss.

(145)  Fl-2009, fl-2010 u f’parti mill-2011, SNAV ipprovdiet 12-il servizz tal-passiġġieri kuljum fuq ir-rotta li minnhom 11-il vjaġġ bl-aliskaf fis-sajf (parzjalment taħt l-OSP u parzjalment skont ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni) u tbaħħir wieħed bl-aliskaf matul is-sena (minn Capri għal Napli fit-8:10 am, taħt l-OSP). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, SNAV operat 25 servizz tal-passiġġieri kuljum fuq ir-rotta bl-aliskaf, li minnhom 13-il vjaġġ huma ta’ kuljum matul is-sena, kollha taħt l-OSP (li 11 minnhom kienet tipprovdi flimkien ma’ NLG).

(146)  Fl-2009, fl-2010 u f’parti mill-2011, NLG ipprovdiet servizzi marittimi ta’ kuljum għall-passiġġieri fuq ir-rotta fis-sajf biss (21 vjaġġ bl-aliskaf), parzjalment taħt l-OSP u parzjalment taħt ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni. Mill-1 ta’ Ottubru 2011, NLG operat 34 servizz tal-passiġġieri kuljum fuq ir-rotta bl-aliskaf, li minnhom, 15-il vjaġġ kienu ta’ kuljum matul is-sena. Tnejn minn dawk il-15-il vjaġġ ta’ kuljum (jiġifieri dawk minn Capri għal Napli fid-9:35 am u fil-11:35 am) ġew ipprovduti bit-termini tas-suq, it-13 l-oħra taħt l-OSP (11 minn dawk is-servizzi tal-OSP ġew ipprovduti flimkien ma’ SNAV).

(147)  Neapolis kienet impriża konġunta stabbilita fil-31 ta’ Awwissu 2004 bejn NLG (sehem ta’ 50 %) u SNAV (sehem ta’ 50 %). Hija operat fuq ir-rotta fis-snin 2009, 2010 u 2011. Fl-2009–2010, Neapolis kellha tipprovdi tmien vjaġġi kuljum bl-aliskaf taħt l-OSP fuq ir-rotta, b’mod partikolari minn Capri għal Napli fis-6:50 am (matul is-sena kollha), fid-8:50 am (fis-sajf biss), fis-14:10 (matul is-sena kollha); fil-17:25 (fis-sajf biss); u minn Napli għal Capri fit-7:55 am (fis-sajf biss), fl-10:00 am (fis-sajf biss); fl-16:05 (fis-sajf biss); u fit-20:05 (fis-sajf biss). Fl-2011, is-servizzi tnaqqsu għal ħamsa u ġew operati matul is-sena bil-kundizzjonijiet tas-suq (taħt ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni), b’mod partikolari minn Capri għal Napli fid-8:50 am, fis-14:10, u fil-17:30; u minn Napli għal Capri fl-10:00 am, fl-16:05.

(148)  Metrò del Mare kienet impriża konġunta stabbilita fl-20 ta’ Mejju 2002 bejn NLG (sehem ta’ 20 %), SNAV (sehem ta’ 40 %), Alilauro (sehem ta’ 20 %) u Aligruson (sehem ta’ 20 %). Hija operat fuq ir-rotta fis-snin 2009 u 2010. Fl-2009–2010, Metrò del Mare kellha tipprovdi fis-sajf erba’ vjaġġi (kważi kuljum) bl-aliskaf taħt l-OSP fuq ir-rotta, b’mod partikolari minn Capri għal Napli fl-10:30 am, u fil-10:50 am; u minn Napli għal Capri fl-16:30 u fil-17:05.

(149)  Jiġifieri, dak minn Napli għal Ischia fid-9:35 am.

(150)  Jiġifieri, minn Ischia għal Napli fis-6:30 am, fid-9:25 am u fit-19:55; u minn Napli għal Ischia fis-7:35 am u fit-20:10. Kif imsemmi fil-premessa 39(c), Caremar ma kellhiex għalfejn tipprovdi servizzi tal-passiġġieri fuq din ir-rotta fil-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u l-15 ta’ Jannar 2012, u mis-16 ta’ Jannar 2012 kellha tipprovdi servizz tal-passiġġieri wieħed biss kuljum bl-aliskaf minn Napli għal Ischia fit-14:45.

(151)  Jiġifieri, minn Napli għal Ischia fit-8:35 am u fis-14:10.

(152)  Jiġifieri, minn Ischia għal Napli fl-16:35 u minn Napli għal Ischia fis-18:30.

(153)  Jiġifieri, minn Ischia għal Napli fil-17:00 u minn Napli għal Ischia fis-18:30.

(154)  Skont l-oqfsa tal-irmiġġ, fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Medmar kellha topera matul is-sena kollha taħt l-OSP żewġ servizzi mħallta kuljum bil-lanċa, jiġifieri minn Ischia fl-22:00 (bi tluq minn Procida fil-22:40); u minn Napli f’24:00 (bi tluq minn Procida fis-1:00 am). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Medmar kellha topera taħt l-OSP żewġ servizzi mħallta ta’ kuljum matul is-sena, jiġifieri minn Ischia fis-6:25 am (bi tluq minn Procida fis-7:25) u fl-10:35 am (bi tluq minn Procida fil-11:15) u servizz imħallat wieħed fil-perjodu tas-sajf (iżda mhux dejjem kuljum) minn Ischia fl-22:20 (bi tluq minn Procida fil-23:00).

(155)  Jiġifieri, dak minn Ischia għal Procida u sussegwentement lejn Napli li jitlaq minn Casamicciola fl-9:45 am (u minn Procida fl-10:05 am).

(156)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement lejn Napli li jitilqu minn Casamicciola fis-7:10 am (u minn Procida fis-7:30 am), fl-9:45 am (u minn Procida fl-10:10 am), fis-13:50 (u minn Procida fis-14:15), fis-17:40 (u minn Procida fis-18:05); u minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia fit-8:25 am (u minn Procida fid-9:05 am), fl-16:20 (u minn Procida fil-17:00), fis-19:00 (u minn Procida fit-19:40). Dawk il-vjaġġi kollha ġew operati taħt l-OSP.

(157)  L-uniku tbaħħir operat biss fil-perjodu tas-sajf kien ukoll l-uniku wieħed operat bit-termini tas-suq. Fil-perjodu tas-sajf, SNAV kienet awtorizzata topera servizzi tal-passiġġieri permezz ta’ aliskaf minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli li jitilqu minn Casamicciola fil-11:25 am (u minn Procida f’11:45 am).

(158)  Tliet vjaġġi biss minn 39 ġew ipprovduti matul is-sena (taħt l-OSP) – tnejn fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli u wieħed fuq ir-rotta diretta Ischia (Casamicciola)/Pozzuoli – u vjaġġ wieħed ġie pprovdut biss matul il-perjodu tal-iskola (mis-16 ta’ Settembru sal-14 ta’ Ġunju). Il-35 vjaġġ li jifdal ġew ipprovduti biss fil-perjodu tas-sajf.

(159)  Żewġ servizzi taħt l-OSP li għandhom jiġu pprovduti matul is-sena, jiġifieri minn Ischia (Casamicciola) għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli fis-2:30 am; u minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (Casamicciola) fl-4:10 am; u servizz wieħed f’termini tas-suq, jiġifieri minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli fis-7:30 am li madankollu kien ipprovdut biss matul il-perjodu skolastiku (mis-16 ta’ Settembru sal-14 ta’ Ġunju).

(160)  Dawn l-erba’ servizzi kienu kollha taħt l-OSP biex jiġu pprovduti matul is-sena, jiġifieri minn Ischia (Casamicciola) għal Procida u sussegwentement għal Pozzuoli fis-2:30 am u fis-18:55; u minn Pozzuoli għal Procida u sussegwentement għal Ischia (Casamicciola) fl-4:10 am u fit-20:30.

(161)  Medmar kienet waqfet tipprovdi s-servizz minn Ischia fis-7:30 bit-termini tas-suq matul il-perjodu skolastiku.

(162)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Medmar kienet awtorizzata topera erba’ servizzi mħallta kuljum lejn/minn Ischia: tlieta matul is-sena taħt l-OSP (minn Procida fis-1:10 am; u minn Ischia fis-2:30 am u fl-22:00) u wieħed biss matul il-perjodu tal-iskola bit-termini tas-suq (minn Ischia fis-7:30 am). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Medmar kienet awtorizzata topera tmien servizzi mħallta kuljum lejn/minn Ischia, sitta matul is-sena (minn Procida fil-5:00 am, u fid-21:20) u minn Ischia fis-2:30 am, fis-6:25 am, fl-10:35 am, fis-18:55) u tnejn biss fil-perjodu tas-sajf (minn Procida fis-1:30 am u minn Ischia fl-22:20), kollha taħt l-OSP. Madankollu, l-Italja spjegat li xi wħud mis-servizzi fuq ir-rotta kważi qatt ma kienu operati minn Medmar (b’mod partikolari, is-servizzi li kienu jikkonċernaw is-segment Ischia/Procida).

(163)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, SNAV operat 14-il servizz tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf lejn/minn Ischia, erbgħa matul is-sena – b’mod partikolari, 3 taħt l-OSP (minn Ischia fis-7:10 am, fl-9:45 am, u minn Procida fis-13:10 am), u wieħed bit-termini tas-suq (minn Ischia fit-8:30 am) – u 10 biss matul il-perjodu tas-sajf – b’mod partikolari, sitta taħt l-OSP (minn Procida fid-9:00 am, fil-17:00, fis-19:05, u fis-19:20; u minn Ischia fis-13:35, fis-17:40) u erbgħa bil-kundizzjonijiet tas-suq (minn Procida fit-7:50 am, fis-17:50; u minn Ischia fis-18:30 u fit-19:45). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, SNAV operat 16-il servizz tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf lejn/minn Ischia, disgħa matul is-sena: b’mod partikolari, tmienja taħt l-OSP (minn Ischia fis-7:10 am, fl-9:45 am, fis-13:50, fis-17:40; u minn Procida fid-9:05 am, fis-13:15, fil-17:00, fit-19:40), u wieħed bit-termini tas-suq (minn Ischia fit-8:30 am); u sebgħa biss matul il-perjodu tas-sajf bil-kundizzjonijiet tas-suq (minn Procida fit-7:50 am, fil-11:00 am, fis-17:50, fis-19:20; u minn Ischia fil-11:25 am, fis-18:30 u fit-19:45).

(164)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Alilauro kienet awtorizzata tipprovdi tliet servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf lejn Ischia, bit-termini tas-suq fil-perjodu tas-sajf, b’mod partikolari minn Procida fit-8:35 am, fin-12:35 am, u fis-18:35. Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Alilauro ma baqgħetx awtorizzata topera r-rotta.

(165)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Ippocampo kienet awtorizzata tipprovdi żewġ servizzi mħallta bit-termini tas-suq iżda biss fis-sajf u mhux dejjem kuljum (l-aktar fi tmiem il-ġimgħa), jiġifieri minn Ischia fid-9:25 am u minn Procida fil-17:00. Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Ippocampo kienet awtorizzata tipprovdi sitt servizzi mħallta bit-termini tas-suq iżda biss fil-perjodu tas-sajf u mhux dejjem kuljum, jiġifieri minn Ischia fid-9:25 am, f’11:40 am, fis-14:30; u minn Procida fil-11:00 am, fis-13:00 u fil-17:00.

(166)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Rumore kienet awtorizzata tipprovdi erba’ servizzi mħallta bit-termini tas-suq, li tlieta minnhom biss fil-perjodu tas-sajf u mhux dejjem kuljum (minn Procida f’12:20 am u fis-18:30; u minn Ischia fit-15:10) u wieħed kuljum matul is-sena (minn Ischia fil-10:40 am). Is-servizzi u l-iskeda taż-żmien ta’ Rumore ma nbidlux mill-1 ta’ Ottubru 2011.

(167)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Marine Club kienet awtorizzata tipprovdi servizz imħallat wieħed bil-kundizzjonijiet tas-suq nhar ta’ Ħamis matul il-perjodu tas-sajf (minn Procida fil-12:15). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Marine Club ma kinitx għadha awtorizzata topera r-rotta.

(168)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Capitan Morgan kienet awtorizzata tipprovdi żewġ servizzi mħallta kuljum bit-termini tas-suq fil-perjodu tas-sajf (minn Ischia fit-15:10 u minn Procida fis-18:00). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Capitan Morgan kienet awtorizzata tipprovdi tliet servizzi mħallta ta’ kuljum bit-termini tas-suq fil-perjodu tas-sajf (minn Ischia fit-15:10 u fis-18:35; u minn Procida fis-18:00).

(169)  Pereżempju, operaturi iżgħar tat-tbaħħir, bħal Ippocampo, Rumore, Marine Club u Capitan Morgan, kienu qed jużaw bastimenti iżgħar u inqas b’saħħithom minn dawk użati minn Caremar li, b’mod differenti minn dawk użati minn Caremar, setgħu joperaw biss f’kundizzjonijiet tat-temp tajbin.

(170)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Ippocampo kienet awtorizzata tipprovdi erba’ servizzi mħallta matul il-perjodu tas-sajf (l-aktar fil-Ħdud biss), jiġifieri minn Procida fis-18:45 u fit-20:00 u minn Pozzuoli fis-19:20 u fid-20:50. Dawk is-servizzi baqgħu l-istess ukoll f’termini ta’ skedi ta’ żmien mill-1 ta’ Ottubru 2011.

(171)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Procida Lines kienet awtorizzata tipprovdi 16-il servizz imħallat matul is-sena iżda mhux dejjem kuljum, 11 bit-termini tas-suq (minn Procida fis-5:50 am, fil-10:45 am, fit-15:25, fil-17:30, fis-19:15; u minn Pozzuoli fil-5:05 am, fid-9:25 am, fis-13:35, fl-16:25, fis-18:25, fit-20:00) u ħamsa taħt l-OSP (minn Procida fl-4:00 am (nhar ta’ Ġimgħa biss), fit-7:50 am, fis-12:40 am; minn Pozzuoli fis-7:05 am, f’11:50 am). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Procida Lines kienet awtorizzata tipprovdi 15-il servizz imħallat matul is-sena iżda mhux dejjem kuljum, 14 bit-termini tas-suq (minn Procida fl-4:00 am (nhar ta’ Ġimgħa biss), fit-7:50 am, fil-10:45 am, fis-12:40 am, fit-15:25, fil-17:30, fis-19:15; u minn Pozzuoli fil-5:05 am, fis-7:05 am, f’11:50 am, fis-13:35, fl-16:25, fis-18:25, fit-20:00) u wieħed taħt l-OSP (minn Procida fis-5:50 am). Madankollu, l-Italja spjegat li dawk is-servizzi kważi qatt ma ġew ipprovduti fil-perjodu 2012–2015. Pereżempju, fir-rigward tas-servizz taħt l-OSP, ladarba ġie aċċertat li Procida Lines ma kinitx konformi mal-OSP, bid-Digriet Eżekuttiv Nru 18 tad-29 ta’ Frar 2012, ir-Reġjun tal-Campania rrevoka s-servizz tal-OSP minn Procida Lines u inkarigah lil Gestour sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(172)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Gestour ipprovdiet 13-il servizz imħallat kuljum bil-lanċa (50 minuta ta’ vvjaġġar) matul is-sena kollha, tmienja bit-termini tas-suq (minn Pozzuoli fis-6:00 am, fit-8:30 am, fl-10:35 am, fis-12:55 am; minn Procida fis-6:50 am, fid-9:30 am, fil-11:20 am, fil-17:05) u ħamsa taħt l-OSP (minn Pozzuoli fit-15:05, fis-17:55; 19:50; minn Procida fis-14:05, fis-18:55). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Gestour ipprovdiet disa’ servizzi mħallta kuljum bil-lanċa (vjaġġ ta’ 50 minuta) matul is-sena kollha bit-termini tas-suq (minn Pozzuoli fis-6:00 am, fit-8:30 am, fl-10:35 am, fis-12:55 am, fit-19:50; minn Procida fis-6:50 am, fid-9:30 am, fil-11:20 am, fis-18:55).

(173)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, SNAV operat disa’ servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf taħt l-OSP, tnejn matul is-sena (jiġifieri minn Procida fis-7:35 am u fl-10:05 am) u sebgħa fil-perjodu tas-sajf (jiġifieri minn Napli (Beverello) fit-8:20 am, fin-12:30 am, fl-16:20, fis-18:40, fis-18:45; u minn Procida fis-13:50 u fis-18:00). Mill-1 ta’ Ottubru 2011, SNAV operat għaxar servizzi tal-passiġġieri kuljum bl-aliskaf (20 minuta ta’ vvjaġġar), li minnhom tmienja matul is-sena kienu taħt l-OSP (jiġifieri minn Procida fis-7:30 am, fl-10:10 am, fis-14:15, fis-18:05) u minn Napli (Beverello) fit-8:25 am, fin-12:30 am, fl-16:20, u fis-19:00); u tnejn biss fis-sajf bit-termini tas-suq (minn Procida f’11:45 am u minn Napli (Beverello) fis-18:45).

(174)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Medmar operat kuljum żewġ servizzi mħallta bil-lanċa (vjaġġ ta’ 60 minuta) taħt l-OSP matul is-sena kollha, jiġifieri minn Napli (Calata Massa) f’24:00 u minn Procida fil-22:40. Mill-1 ta’ Ottubru 2011, Medmar operat żewġ servizzi mħallta taħt l-OSP matul is-sena, jiġifieri minn Napli (Calata Massa) f’00:20 am u minn Procida fil-11:15 am, u servizz imħallat taħt OSP fil-perjodu tas-sajf (mhux dejjem kuljum) minn Procida fil-23:00.

(175)  Caremar allokat EUR 1 410 000 mill-ammont imsemmi biex taġġorna tnejn mill-bastimenti li aktar tard ġew ittrasferiti lil Laziomar mingħajr ħlas (Quirino u Tetide). L-ammont li fadal ta’ EUR 705 000 intuża għall-aġġornament ta’ bastiment li għadu proprjetà ta’ Caremar.

(176)  Is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, IT-314/15, ECLI:EU:T:2017:903, il-punt 79.

(177)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

(178)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1412, il-premessa 265.

(179)  Is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, 730/79, ECLI:EU:C:1980:209, il-punt 11; Is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring, C-53/00, ECLI:EU:C:2001:627, il-punt 21; Is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, ECLI:EU:C:2004:234, il-punt 44.

(180)  Il-Kawża tat-30 ta’ April 1998, Het Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, EU:T:1998:77.

(181)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1).

(182)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248 tal-24.9.2015, p. 9).

(183)  Il-Kawża tas-26 ta’ Ottubru 2016, P DEI u l-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C-590/14, ECLI:EU:C:2016:797, il-punt 45.

(184)  Is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002 (kawżi magħquda), Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava (T-127/99), Comunidad Autónoma del País Vasco u Gasteizko Industria Lurra, SA (T-129/99) u Daewoo Electronics Manufacturing España, SA (T-148/99) v il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, EU:T:2002:59, il-punt 175.

(185)  Il-Kawża T 289/03 BUPA u Oħrajn vs il-Kummissjoni [2008] ECR II 81, il-punt 96. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża C 53/00 Ferring, ECR I 9069 u l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża C 126/01, GEMO, [2003] ECR I 13769.

(186)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2004) 43 – Community Guidelines on State aid to maritime transport (ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3).

(187)  Is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Asociación Profesional de Empresas Navieras de Líneas Regulares (Analir) and Others and Administración General del Estado C-205/99, ECLI:EU:C:2001:107.

(188)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li taġġorna u tirrettifika l-Komunikazzjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), (COM (2014) 232 final tat-22.4.2014).

(189)  Is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2017, Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) vs Il-Kummissjoni, T-454/13, ECLI:EU:T:2017:134, il-punti 130 u 134.

(190)  Is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Asociación Profesional de Empresas Navieras de Líneas Regulares (Analir) and Others and Administración General del Estado, C-205/99, ECLI:EU:C:2001:107.

(191)  Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ Caremar (li kienet obbligata taqdi l-ewwel vjaġġ minn Capri fis-7:00 am u l-ewwel vjaġġ minn Sorrento fit-7:45 am), l-ewwel vjaġġ filgħodu kien jiġi pprovdut minn SNAV biss fis-7:35 am minn Capri u fit-8:10 am minn Sorrento. Minbarra dawk iż-żewġ vjaġġi, l-utenti ma kien ikollhom l-ebda possibbiltà oħra li jaslu fid-destinazzjoni tagħhom kmieni filgħodu meta jitqies li l-vjaġġi li ġejjin kienu jkunu biss fid-9:15 am minn Capri u fil-11:25 minn Sorrento.

(192)  Fir-rigward ta’ filgħaxija, fin-nuqqas ta’ Caremar, l-aħħar vjaġġ disponibbli tal-ġurnata kien ikun minn Sorrento fl-16:35 (minn SNAV) u minn Capri fis-18:05 (minn SNAV u Aligruson), filwaqt li Caremar kienet obbligata tiggarantixxi wkoll vjaġġ fis-19:25 minn Sorrento u fis-18:45 minn Capri.

(193)  Pereżempju, ara l-aħbarijiet tal-15 ta’ Diċembru 2017 disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://www.ilmattino.it/napoli/citta/mareggiata_capri_corsa_straordinaria_traghetto_naiade_caremar_sorrento-3430586.html (aċċessat l-aħħar fil-5.6.2024), u l-aħbarijiet tat-12 ta’ Jannar 2022 disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://caprinews.it/?p=31904 (aċċessat l-aħħar fil-5.6.2024).

(194)  Ara pereżempju l-aħbarijiet tat-12 ta’ Awwissu 2019 disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://nursetimes.org/capri-lodissea-di-un-turista-brasiliano-soccorsi-lunghi-sei-ore/72139 (aċċessat l-aħħar fil-5.6.2024).

(195)  Jiġifieri, it-13-il servizz tal-passiġġieri ta’ kuljum ipprovduti minn SNAV fuq ir-rotta matul is-sena kollha (li 11 minnhom kienu pprovduti flimkien ma’ NLG) kienu taħt l-OSP; u mill-15-il vjaġġ ta’ kuljum ipprovduti minn NLG fuq din ir-rotta matul is-sena, 13 kienu pprovduti taħt l-OSP (11 minnhom flimkien ma’ SNAV).

(196)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta pprovduti matul is-sena, minn Ischia, Caremar operat fid-8:45 am u fis-13:50, filwaqt li Medmar operat fil-17:00 fis-sajf u fl-16:35 fix-xitwa; minn Napli, Caremar operat fl-15:45 u fit-20:15 filwaqt li Medmar operat fit-8:35, fis-14:10 u fis-18:30. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri pprovduti matul is-sena, minn Napli, Caremar operat fit-14:45, filwaqt li Alilauro operat fis-7:35 am u fit-20:10. Caremar ma operatx servizzi tat-trasport tal-passiġġieri minn Ischia.

(197)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta bil-lanċa, il-waqfa fi Procida żżid madwar 15-il minuta mal-vjaġġ (li huwa ta’ siegħa u 25 minuta fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli). Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf , il-waqfa fi Procida żżid kważi 30 minuta mal-vjaġġ (li huwa ta’ 45 minuta fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli).

(198)  Minn Napli, Caremar kellha tiżgura t-tluq fid-8:40 am, f’11:45 am, fis-13:10, fis-18:15; filwaqt li SNAV kellha tiżgura t-tluq fit-8:25 am, fl-16:20, fis-19:00. Minn Ischia, Caremar kellha tiżgura t-tluq fis-6:45 am, fl-10:15 am, fis-13:00, fis-14:30 u fl-16:25; filwaqt li SNAV kellha tiżgura t-tluq fis-7:10 am, fl-9:45 am, fis-13:50, fis-17:40.

(199)  Medmar operat minn Ischia fis-2:30 am u fis-18:55, u minn Pozzuoli fl-4:10 am u fit-20:30; filwaqt li Caremar operat minn Ischia fis-7:20 (fis-sajf biss), fit-8:35 am, fil-11:30 am u fil-17:30, u minn Pozzuoli fid-9:00 (fis-sajf biss), fl-10:15 am, fis-14:00 u fis-18:55.

(200)  Is-servizzi mħallta pprovduti bit-termini tas-suq mill-kumpaniji tat-tbaħħir Ippocampo, Rumore u Capitan Morgan kienu ftit wisq u instabbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ konnettività tal-popolazzjoni lokali. Kif imsemmi mill-Italja (il-premessa 185(f)), mhux biss dawk l-operaturi kienu qed jużaw tip ta’ bastimenti li setgħu joperaw biss f’kundizzjonijiet tat-temp tajbin iżda kellhom ukoll offerta ffukata l-aktar fuq il-perjodu tas-sajf, u mhux dejjem kuljum. Fir-rigward tar-rotta Ischia/Procida, il-Kummissjoni tosserva li l-kompetituri ta’ Caremar kienu qed joperaw l-aktar fl-istaġun tas-sajf, u mhux dejjem kuljum. Rumore biss ipprovdiet servizz imħallat ta’ kuljum matul is-sena kollha bit-termini tas-suq (minn Ischia fil-10:40 am).

(201)  Is-servizzi pprovduti mill-kompetituri ta’ Caremar fuq dawk ir-rotot matul is-sena kollha kienu kollha soġġetti għall-OSP. Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli, Medmar ipprovdiet erba’ servizzi mħallta kuljum matul is-sena kollha, kollha taħt l-OSP. Fuq ir-rotta Ischia/Procida/Napli, Medmar kellha tipprovdi servizz imħallat ta’ kuljum matul is-sena kollha taħt l-OSP u SNAV seba’ servizzi tal-passiġġieri kuljum matul is-sena kollha, kollha taħt l-OSP.

(202)  Madankollu, skont l-Italja, Procida Lines ma pprovdietx is-servizz fil-perjodu 2012–2015.

(203)  Minn Procida, Caremar operat matul is-sena fit-8:10 am, filwaqt li Gestour operat matul is-sena fis-6:50 am, fid-9:30 am, fil-11:20 am u fis-18:55 (u Procida Lines kellha topera fis-5:50 am, fit-7:50 am, fil-10:45 am, fis-12:40 am, fit-15:25 am, fil-17:30, fis-19:15). Minn Pozzuoli, Caremar operat fid-8:50 am, filwaqt li Gestour operat matul is-sena fis-6:50 am, fid-9:30 am, fil-11:20 am u fis-18:55 (u Procida Lines suppost kellha topera fil-5:05 am, fis-7:05 am, f’11:50 am, fis-13:35, fl-16:25, fis-18:25, u fit-20:00).

(204)  Minn Procida, Caremar ipprovdiet servizzi tal-passiġġieri kuljum fis-6:35 am u fid-9:20 am; u, minn Napli, Caremar ipprovdiet servizzi tal-passiġġieri kuljum fis-7:30 am u fis-17:45.

(205)  Pereżempju, fil-każ ta’ Laziomar, meta s-servizzi tat-trasport marittimu fuq it-tliet rotot fl-Arċipelagu ta’ Pontino ġew ittrasferiti minn Caremar għal Laziomar, il-prijorità tal-irmiġġ relatata mal-portijiet servuti taħt dawk ir-rotot ġiet trasferita awtomatikament lil Laziomar.

(206)  Is-sistema tal-OSP mhux ikkumpensata baqgħet fis-seħħ sad-9 ta’ Jannar 2017. Mill-10 ta’ Jannar 2017, Caremar kienet l-uniku operatur marittimu soġġett għall-OSP fil-Golf ta’ Napli.

(207)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 126.

(208)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 125.

(209)  L-Artikolu 16(1) tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz il-ġdid.

(210)  Fir-rigward ta’ Compagnia Italiana di Navigazione, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1412 tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (11/C) (ex 11/NN) implimentati mill-Italja għal Tirrenia di Navigazione u għall-akkwirent tagħha Compagnia Italiana di Navigazione (ĠU L 332, 12.10.2020, p. 45), il-premessi 244 u 361. Fir-rigward ta’ Società Navigazione Siciliana, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/448 tas-17 ta’ Ġunju 2021 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja għal Siremar u l-akkwirenta tagħha Società Navigazione Siciliana (ĠU L 97, 24.3.2022, p. 1), il-premessa 362.

(211)  Biex tikkalkula d-WACC, il-Kummissjoni użat is-settijiet tad-data ppubblikati fuq is-sit web ta’ Aswath Damodaran (Professur tal-Finanzi fi Stern School of Business fl-Università ta’ New York) u kisbet id-data storika dwar il-bonds sovrani Ġermaniżi minn www.worldgovernmentbonds.com.

(212)  Id-WACC huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ data għal kumpaniji kkwotati fil-Borża. F’dan il-każ, il-kampjun jikkonsisti fi 62 kumpanija Ewropea attivi fil-bini tal-bastimenti jew fis-settur marittimu li huma elenkati fil-Borża. Dan il-kampjun huwa l-eqreb approssimazzjoni għas-settur li fih topera Caremar (li mhijiex elenkata pubblikament), jiġifieri t-trasport marittimu ta’ passiġġieri, vetturi u merkanzija. Investitur privat juża grupp ta’ referenza simili biex jiddetermina r-redditu li jistenna minn Caremar.

(213)  Il-kontijiet ta’ Caremar għall-2018, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Italja, urew kumpens żejjed ta’ EUR 4 462 201. Meta jitqies li matul l-ewwel verifika għall-perjodu 2015–2018 diġà tħallas lura ammont ta’ EUR 2 103 400 lir-Reġjun tal-Campania għall-2018 (fil-kuntest tal-bilanċ ta’ EUR 835 058), id-differenza ġiet ikkalkolata għal EUR 2 358 801, li, flimkien mar-riżultati tas-snin l-oħra (l-2019, l-2020 u l-2021) irriżultat f’kumpens żejjed totali ta’ EUR 1 389 911, li ġie rritornat ukoll lir-Reġjun tal-Campania. Barra minn hekk, l-Italja sostniet li d-data finanzjarja tal-2021 għadha provviżorja u se tiġi vverifikata mir-Reġjun tal-Campania, skont l-Artikolu 17 tal-kuntratt pubbliku ta’ servizz, fil-kuntest tal-aħħar perjodu regolatorju (mill-2022 sal-2024).

(214)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 9:401 (Right to reduce price) ta’ “ Principles of European Contract Law ” (ara Lando, O. u Beale, H., Principles of European contract law, Il-Partijiet I u II, Kluwer Law International, The Hague, 2000); jew l-Artikolu III.–3:601 (Right to reduce the price) of the Draft Common Frame of Reference (ara von Bar, C. et al., Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law, draft Common Frame of Reference: outline edition, Sellier European Law Publishers, Munich, 2009).

(215)  Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).

(216)  Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).

(217)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(218)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(219)  Skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/18/KE.

(220)  L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18/KE jgħid: “ ‘Konċessjoni tas-servizz’ huwa kuntratt tal-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għad-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.”

(221)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1).

(222)  Fil-Komunikazzjoni dwar il-Kunċett ta’ Għajnuna, il-Kummissjoni tosserva li fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, il-Qrati tal-Unjoni spiss jirreferu għal proċedura tal-offerti “miftuħa”. L-użu tal-kelma “miftuħa”, madankollu, ma jirreferix għal proċedura speċifika skont id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kelma “kompetittiva” tidher aktar xierqa. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tinnota wkoll li dan mhuwiex maħsub biex jiddevja mill-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti fil-ġurisprudenza.

(223)  L-ewwel sett ta’ trasferimenti ġie vvalutat fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1412 (ara l-premessi 417 u ff. ta’ dik id-deċiżjoni).

(224)  Ir-riżorsi tal-Fondo Aree Sottoutilizzate, ara l-premessa 102(b).

(225)  Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk dan kienx tabilħaqq il-każ fit-taqsima 5.3.1.

(226)  Il-Konvenzjoni Inizjali ġiet estiża tliet darbiet: fit-30 ta’ Diċembru 2008 (sal-31 ta’ Diċembru 2009), fil-25 ta’ Settembru 2009 (sat-30 ta’ Settembru 2010), u fil-5 ta’ Awwissu 2010 (sal-31 ta’ Lulju 2012).

(227)  Dan huwa l-każ tat-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-rotot Capri/Sorrento fl-2009 u l-2010 u Capri/Napli fl-2009, l-2010, l-2011 u l-2012.

(228)  Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni estensjoni (it-30 ta’ Diċembru 2008 u l-25 ta’ Settembru 2009), l-Italja ma pprovdietx data għas-sentejn ta’ qabel l-estensjoni rilevanti. Fir-rigward tat-tielet estensjoni, (il-5 ta’ Awwissu 2010), l-Italja pprovdiet data għas-snin 2009 u 2010, iżda mhux għall-2008. Fi kwalunkwe każ, għal dawk is-snin l-unika data sinifikanti hija dik li tikkonċerna r-rotot Capri/Sorrento u Capri/Napli, filwaqt li għar-rotot l-oħra ġiet ipprovduta f’forma aggregata, jiġifieri, għar-rotta Ischia/Procida/Napli mingħajr ma ġew separati s-segmenti Ischia/Procida, Procida/Napli u Ischia/Napli, u għar-rotta Ischia/Procida/Pozzuoli mingħajr separazzjoni tas-segment Procida/Pozzuoli. Fir-rigward tal-2010, bl-eċċezzjoni tar-rotot Capri/Sorrento u Capri/Napli, id-data ġiet ipprovduta f’forma aggregata.

(229)  Alimar operat biss fl-2009 u fl-2010.

(230)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta, SNAV kienet awtorizzata topera għaxar vjaġġi ta’ kuljum bit-TMV (sitta minn Capri għal Sorrento fis-7:35 am, fid-9:15 am, f’12:10, fl-15:55, fis-17:40, u fis-18:05; u erbgħa minn Sorrento għal Capri fit-8:10 am, fil-11:25 am, fis-13:50, fl-16:35) iżda biss fil-perjodu tas-sajf (b’mod partikolari, mill-1 ta’ April sat-3 ta’ Novembru).

(231)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta, Aligruson kienet awtorizzata topera erba’ vjaġġi ta’ kuljum (tnejn minn Sorrento għal Capri fil-11:30 am u fis-14:00; u tnejn minn Capri għal Sorrento fin-12:30 u fis-18:05) iżda biss fil-perjodu tas-sajf.

(232)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta pprovduti matul is-sena minn Ischia, Caremar operat fid-8:45 am, filwaqt li (mill-1 ta’ Ottubru 2011) Medmar operat fil-17:00 fis-sajf u fl-16:35 fix-xitwa; minn Napli, Caremar operat fl-16:05 u fit-20:25 filwaqt li (mill-1 ta’ Ottubru 2011) Medmar operat fit-8:35, fis-14:10 u fis-18:30. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri pprovduti matul is-sena, minn Napli, Caremar operat mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011 fit-7:50 am u fis-18:15, filwaqt li Alilauro operat mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011 fid-9:35 u mill-1 ta’ Ottubru 2011 fis-7:35 am u fit-20:10; minn Ischia, Caremar operat mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011 fis-6:50 am u fid-8:50 am, filwaqt li Alilauro ma operatx matul is-sena minn Ischia fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011. Mill-1 ta’ Ottubru 2011, meta Alilauro bdiet tipprovdi servizzi tal-OSP minn Ischia għal Napli matul is-sena, Caremar ma operatx servizzi tat-trasport tal-passiġġieri minn Ischia għal Napli.

(233)  Fir-rigward tas-servizzi mħallta bil-lanċa, il-waqfa fi Procida żżid madwar 15-il minuta mal-vjaġġ (li huwa ta’ siegħa u 25 minuta fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli). Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri bl-aliskaf, il-waqfa fi Procida żżid kważi 30 minuta mal-vjaġġ (li huwa ta’ 45 minuta fuq ir-rotta diretta Ischia/Napli).

(234)  Jiġifieri, minn Napli fid-8:50 am (fl-9:55 sal-1 ta’ Ottubru 2011), f’11:45 am, fis-13:10, fit-15:10, u fis-18:15. Minn Ischia fis-7:30 am, fl-10:10 am, fis-13:05 (f’12 00 sal-1 ta’ Ottubru 2011, fis-14:30 (fis-14:15 sal-1 ta’ Ottubru 2011), fl-16:30 (fl-16:15 sal-1 ta’ Ottubru 2011).

(235)  Jiġifieri, minn Ischia għal Procida u sussegwentement għal Napli fis-19:35 (bi tluq fit-20:00 minn Procida); u minn Napli għal Procida u sussegwentement għal Ischia fid-20:55 (bi tluq fid-21:30 minn Procida).

(236)  Mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Settembru 2011, Medmar ipprovdiet servizz wieħed biss bil-kundizzjonijiet tas-suq, jiġifieri minn Ischia fis-7:30 am matul il-perjodu skolastiku (mis-16 ta’ Settembru sal-14 ta’ Ġunju) u żewġ servizzi taħt l-OSP matul is-sena kollha, jiġifieri minn Ischia (Casamicciola) fis-2:30 am; u minn Pozzuoli fl-4:10 am.

(237)  Minn Procida, Caremar operat matul is-sena fit-8:25 am (fit-8:10 am mill-1 ta’ Ottubru 2011), filwaqt li Gestour operat matul is-sena fis-6:50 am, fid-9:30 am, fil-11:20 am; fis-14:05 (sat-30 ta’ Settembru 2011), fil-17:05 (sat-30 ta’ Settembru 2011) u fis-18:55, u Procida Lines operat fis-5:50 am, fit-7:50 am, fil-10:45 am, fis-12:40 , fit-15:25, fil-17:30, fis-19:15). Minn Pozzuoli, Caremar operat fid-8:55 am (fid-8:50 am mill-1 ta’ Ottubru 2011), filwaqt li Gestour operat matul is-sena fis-6:00 am, fit-8:30 am, fl-10:35 am, fis-12:55, fit-15:05 (sat-30 ta’ Settembru 2011), fis-17:55 (sat-30 ta’ Settembru 2011) u fit-19:50, u Procida Lines operat fil-5:05 am, fis-7:05 am, fid-9:25 am (sat-30 ta’ Settembru 2011), f’11:50 am, fis-13:35, fl-16:25, fis-18:25, u fit-20:00).

(238)  Jiġifieri, minn Procida għal Napli (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-6:35 am, u fid-9:20 am (fid-9:25 am bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u s-16 ta’ Jannar 2012); u minn Napli għal Procida (vjaġġ ta’ 40 minuta) fis-7:30 am u fis-17:45 (fil-17:30 bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u s-16 ta’ Jannar 2012).

(239)  Erba’ servizzi ta’ kuljum kull nhar ta’ Tnejn.

(240)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).

(241)  Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/111/KE, “impriża mitluba żżomm kontijiet separati” tfisser kull impriża li tgawdi minn dritt speċjali jew esklużiv mogħti minn Stat Membru skont l-Artikolu 86(1) [106(1)] tat-Trattat jew fdata bit-tħaddim ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skont l-Artikolu 86(2) [106(2)] tat-Trattat, li tirċievi kumpens ta’ servizz pubbliku fi kwalunkwe forma fir-rigward ta’ dan is-servizz u li twettaq attivitajiet oħra.

(242)  F’dan il-kuntest, il-kost nett ifisser il-kost nett kif iddeterminat f’konformità mal-punt 25 tal-Qafas SGEI tal-2011 jew il-kostijiet nieqes id-dħul fejn il-metodoloġija tal-kost nett evitat ma tistax tiġi applikata.

(243)  Il-primjum tar-riskju miżjud mar-rata mingħajr riskju ta l-valur tal-kost tal-kapital ta’ riskju li huwa meħtieġ biex tiġi ddeterminata r-rata ta’ redditu fuq il-kapital ikkalkolata abbażi tad-WACC.

(244)  B’mod partikolari, dan jikkonċerna lil Minoan Lines Shipping, La Méridionale, Moby, Grandi Navi Veloci, Libertylines, Grimaldi Group, Corsica Ferries u Caronte & Tourist. Kumpaniji oħra tal-ex Tirrenia Group (eż., CIN, Laziomar, Siremar u Toremar) ġew esklużi mill-grupp ta’ referenza.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/440/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)