|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1785 |
10.9.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1785
tad-9 ta’ Settembru 2025
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 fir-rigward tal-istandards armonizzati għal ċerti ġugarelli li jistgħu jintrikbu (wave rollers) abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/48/KE, il-ġugarelli li jkunu konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/48/KE u fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Fl-4 ta’ April 2023, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 (2), li telenka l-istandards armonizzati għall-ġugarelli. Il-lista kienet tinkludi l-istandard EN 71–1:2014+A1:2018 Is-Sikurezza tal-ġugarelli — Parti 1: Kwalitajiet mekkaniċi u fiżiċi. |
|
(3) |
F’Jannar 2024, il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandard EN 71–1:2014+A1:2018 fir-rigward ta’ ċerti ġugarelli li jistgħu jintrikbu, jiġifieri wave rollers. Wave roller huwa ġugarell li jista’ jintrikeb fejn it-tfal ikunu bilqiegħda, li l-istering u l-propulsjoni tiegħu jkunu kkontrollati bis-saqajn u li jkollu r-roti li jistgħu jintlaħqu waqt l-użu. |
|
(4) |
Ir-raġuni tal-oġġezzjoni formali kienet ibbażata fuq l-allegat nuqqas tal-istandard armonizzat imsemmi li jindirizza r-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza tad-Direttiva 2009/48/KE fir-rigward tal-wave rollers. |
|
(5) |
Skont l-oġġezzjoni, dan in-nuqqas jikkonsisti fin-nuqqas ta’ rekwiżiti li jiżguraw li inċidenti ta’ tgħaffiġ, tqaxxir, imblukkar jew qbid jiġu evitati meta t-tfal ikunu qed isuqu wave roller, fejn ir-rota tkun qrib is-sit u tkun aċċessibbli waqt l-użu tal-ġugarell, speċjalment meta jitqies li l-idejn tat-tfal ikunu ħielsa meta jużaw il-wave roller u li t-tfal ikunu f’pożizzjoni bilqiegħda baxxa. Is-swaba’ jistgħu jitgħaffġu, jitqaxxru, jiċċartu jew jinqatgħu jew jistgħu jinġibdu fl-ispazju vojt li hemm bejn il-furketta u r-rota bil-forza diretta tar-rota. |
|
(6) |
Il-Ġermanja sostniet li r-riskji ppreżentati mill-wave rollers mhumiex koperti kompletament mill-EN 71–1 minħabba l-mekkaniżmu u l-mod ta’ funzjonament tagħhom u l-mezzi ta’ propulsjoni tagħhom, u r-riskji li jirriżultaw matul il-logħob. Għalkemm l-istandard armonizzat EN 71–1:2014+A1:2018 ikopri xi riskji fuq bażi ta’ każ b’każ, mhumiex indirizzati l-punti kollha meħtieġa ta’ tgħaffiġ, tqaxxir, imblukkar jew qbid: ir-rekwiżiti għal ġugarelli li jistgħu jintrikbu f’dak l-istandard huma parzjalment speċifiċi għall-prodott (pereżempju, għal roti tal-logħob, scooters tal-logħob) jew huma relatati ma’ ċerti komponenti u definizzjonijiet tal-ġugarelli (pereżempju, mekkaniżmi tas-sewqan, mekkaniżmi li jintwew u jiżżerżqu). Madankollu, ir-rekwiżiti ġeneriċi u bbażati fuq il-periklu għal ġugarelli li jistgħu jintrikbu li jikkonċernaw il-punti ta’ tgħaffiġ u tqaxxir u l-punti ta’ qbid u mblukkar, b’mod partikolari għas-swaba’ u għall-idejn, mhumiex koperti minn dak l-istandard. B’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ “mekkaniżmu tas-sewqan” li tinsab fil-klawżola 3.19 ta’ dan l-istandard ma tinkludix il-wave rollers u dan l-istandard ma jkoprix kompletament ir-riskju ta’ tgħaffiġ tal-id jew tas-saba’ u r-riskju li jitqaxxar is-saba’. Il-Ġermanja għalhekk ikkonkludiet li, fin-nuqqas ta’ rekwiżiti bħal dawn, ma jistax jiġi żgurat li l-wave rollers, għalkemm f’konformità mal-istandard armonizzat EN 71–1:2014+A1:2018, jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali kollha ta’ sikurezza previsti fid-Direttiva 2009/48/KE. |
|
(7) |
Fit-28 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ppubblikat l-oġġezzjoni formali mressqa mill-Ġermanja dwar is-sistema ta’ notifika (3) stabbilita skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(8) |
Il-Kumitat Tekniku 52 tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN, European Committee for Standardization) (“CEN/TC 52”) irreaġixxa għall-oġġezzjoni formali mressqa mill-Ġermanja billi talab aktar dettalji dwar l-aċċident, b’mod partikolari dwar ir-riskju speċifiku u l-mudell tal-ġugarell involut fl-aċċident. CEN/TC 52 staqsa wkoll jekk il-virga murija fl-oġġezzjoni formali kinitx virga b’dijametru ta’ 5 mm jew 12 mm, bl-argument li l-ġugarell involut fl-aċċident ma kienx konformi mal-istandard eżistenti (ippubblikat), jiġifieri l-klawżola 4.15.1.6 c) tiegħu — li huwa r-rekwiżit ġenerali għall-qbid tas-swaba’ għal ġugarelli li jistgħu jintrikbu. Il-valutazzjoni tas-CEN/TC 52 kienet ibbażata fuq il-fatt li wieħed mir-ritratti ppreżentati fl-oġġezzjoni formali wera l-introduzzjoni tal-iżgħar virga tat-test f’xi spazji bejn ir-rota u l-qafas, u deher qisu dawk l-istess spazji ma kinux se jaċċettaw il-wisa’ tas-sondi jew tal-vireg kif speċifikat fil-metodu tat-test rispettiv tal-istandard eżistenti, u b’hekk jirrappreżentaw nuqqas ta’ konformità. Skont dik l-evalwazzjoni, l-osservanza tal-istandard eżistenti setgħet evitat il-korriment jew, tal-inqas, tnaqqas is-severità tiegħu. Is-CEN/TC 52, madankollu, ġibed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li diġà kien qed isir xogħol fil-grupp ta’ ħidma rilevanti tiegħu biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-oġġezzjoni formali, billi rreveda l-istandards inkwistjoni: l-abbozz tal-verżjoni riveduta jipprevedi, fil-klawżola 4.15, rekwiżiti ġodda għal ġugarelli li jistgħu jintrikbu li jkopru r-riskji ta’ tgħaffiġ u tqaxxir tas-saba’. |
|
(9) |
Il-Ġermanja wieġbet għall-kummenti tas-CEN/TC 52 billi ddikjarat li xi riskji, b’mod partikolari t-tgħaffiġ ta’ saba’, il-qbid u t-tgħaffiġ tal-id mill-forza ta’ ġbid tar-rota, it-tgħaffiġ tas-saba’ jew tal-id mit-tidwir tal-manubriju ma kinux indirizzati fl-istandard attwali (ippubblikat). Skont il-Ġermanja, ir-reviżjoni tal-klawżola 4.15 tal-istandard armonizzat EN 71–1:2014+A1:2018 bl-inklużjoni ta’ oqsma ġodda ta’ riskju turi li bħalissa l-verżjoni attwali tal-istandard ma tkoprix b’mod adegwat ir-riskji kollha għal dan it-tip speċjali ta’ ġugarelli li jistgħu jintrikbu u, għalhekk, li l-istandard ma jindirizzax ir-rekwiżiti essenzjali kollha tas-sikurezza li għandu l-għan li jkopri. Il-Ġermanja indikat ukoll li l-oġġezzjoni formali ma tqajmitx biss minħabba dan il-ġugarell u l-inċident partikolari, peress li fis-suq kien hemm diversi prodotti simili oħra bi problemi u riskji simili li ma kinux koperti mill-istandard eżistenti. |
|
(10) |
L-oġġezzjoni formali ġiet diskussa fil-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fit-18 ta’ April 2024. |
|
(11) |
Wara li eżaminat l-istandard armonizzat EN 71–1:2014+A1:2018 flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fil-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli u r-rappreżentanti tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni taqbel mal-analiżi li saret fl-oġġezzjoni, u tikkonkludi li l-klawżoli ta’ dawk l-istandards armonizzati li għandhom l-għan li jkopru r-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/48/KE u fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva ma jindirizzawx b’mod adegwat ir-riskji relatati, b’mod partikolari r-riskju ta’ tgħaffiġ u tqaxxir tas-saba’ u tal-id, għal dan it-tip speċifiku ta’ ġugarell li jista’ jintrikeb. L-istandard EN 71–1:2014+A1:2018 ma jinkludix rekwiżiti speċifiċi biex jiġi żgurat li t-tfal ikunu jistgħu jilagħbu b’mod sikur meta jużaw il-wave rollers, peress li ma jipprovdux protezzjoni adegwata kontra r-riskju ta’ tgħaffiġ u tqaxxir tas-swaba’ u tal-id. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-wave rollers iddisinjati u manifatturati skont il-klawżoli 3.19 (id-definizzjoni ta’ “mekkaniżmu tas-sewqan”) u 4.15.1 ta’ dak l-istandard jistgħu jikkawżaw aċċidenti u inċidenti simili li jinvolvu t-tfal. |
|
(12) |
Minkejja dan, il-Kummissjoni tqis li l-klawsoli l-oħra tal-istandard armonizzat rilevanti, li mhumiex is-suġġett tal-oġġezzjoni formali, jibqgħu validi biex jagħtu preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza essenzjali tad-Direttiva 2009/48/KE li għandhom l-għan li jkopru. |
|
(13) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-referenzi tal-istandard armonizzat EN 71–1:2014+A1:2018, ippubblikat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740, jenħtieġ li jiġu ppubblikati b’restrizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-restrizzjoni jenħtieġ li teskludi l-klawżoli speċifiċi ta’ dawk l-istandards li għandhom l-għan li jkopru r-rekwiżit stabbilit fil-Parti I, il-punt 3, tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE, jiġifieri r-rekwiżit li l-ġugarelli għandhom ikunu ddisinjati u prodotti b’tali mod li ma joħolqu l-ebda riskju jew inkella joħolqu l-inqas riskju possibbli inerenti mal-użu tagħhom li jista’ jinħoloq miċ-ċaqliq tal-partijiet tagħhom.” Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 tiġi emendata skont dan. |
|
(14) |
Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tat-tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 170 30.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/48/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/740 tal-4 ta’ April 2023 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/740/oj).
(3) DocsRoom - il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj).
ANNESS
Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740, ir-ringiela 1 hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“1. |
EN 71–1:2014+A1:2018 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 1: Kwalitajiet mekkaniċi u fiżiċi Restrizzjoni: Fir-rigward tal-klawżoli 3.19 (definizzjoni ta’ “mekkaniżmu tas-sewqan”) u 4.15.1 għal wave rollers (ġugarell li jista’ jintrikeb fejn it-tfal ikunu bilqiegħda, li l-istering u l-propulsjoni tiegħu huma kkontrollati bis-saqajn, u li għandu roti li jistgħu jintlaħqu waqt l-użu), l-istandard armonizzat EN 71–1:2014+A1:2018 ma jagħtix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2009/48/KE u fil-Parti I, il-punt 3, tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva.”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1785/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)