16.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/150


P9_TA(2023)0019

Is-sitwazzjoni tas-sajd fuq skala żgħira fl-UE u l-prospettivi futuri

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2023 dwar is-sitwazzjoni tas-sajd fuq skala żgħira fl-UE u l-prospettivi futuri (2021/2056(INI))

(2023/C 214/14)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra d-dokument ekonomiku marittimu tal-Kummissjoni Nru 08/2020 tad-9 ta' Marzu 2021 bit-titolu “The EU fishing fleet 2020: Trends and economic results” (Il-flotta tas-sajd tal-UE 2020: Xejriet u riżultati ekonomiċi) (1),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2021” (COM(2020)0248),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 38 sa 44 u l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—

wara li kkunsidra l-Premessa (4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (2) (ir-“Regolament PKS”), li tiddikjara li l-PKS għandha tikkontribwixxi għal “sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul” u għal “standard xieraq tal-għajxien għas-settur tas-sajd inkluż is-sajd fuq skala żgħira”, u għall-Premessa (33) tagħha, li tiddikjara li “l-aċċess għal żona tas-sajd għandu jkun ibbażat fuq kriterji trasparenti u oġġettivi inkluż dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika” u li “l-Istati Membri għandhom jippromwovu sajd responsabbli billi jipprovdu inċentivi li dawk l-operaturi li jistadu bl-anqas mod li jagħmel ħsara ambjentali u li jipprovdu l-akbar benefiċċji għas-soċjetà”,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tar-Regolament PKS, li jiddikjara li, meta jallokaw opportunitajiet tas-sajd, l-Istati Membri għandhom jużaw “kriterji trasparenti u oġġettivi inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika”,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (3) (ir-“Regolament OKS”),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (4),

—

wara li kkunsidra l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (5),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (6) (ir-“Regolament FEMSA”),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (ir-“Regolament FEMS”),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (8),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) tal-20 ta' Awwissu 2019 bit-titolu “The 2019 Annual Economic Report on the EU Fishing Fleet” (Ir-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2019 dwar il-Flotta tas-Sajd tal-UE)" (9),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-STECF tas-26 ta' Settembru 2019 bit-titolu “Social data in the EU fisheries sector (STECF 19-03)” (Data soċjali fis-settur tas-sajd tal-UE (STECF 19-03)) (10),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-STECF tat-8 ta' Diċembru 2021 bit-titolu “The 2021 Annual Economic Report on the EU Fishing Fleet (STECF 21-08)” (Ir-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2021 dwar il-Flotta tas-Sajd tal-UE (STECF 21-08)) (11),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-STECF tal-10 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Social dimension of the CFP (STECF 20-14)” (Id-dimensjoni soċjali tal-PKS (STECF 20-14)) (12),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Reġjonali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) “Building a future for sustainable small-scale fisheries in the Mediterranean and Black Sea” (Nibnu futur għal sajd sostenibbli fuq skala żgħira fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed), li saret f'Alġeri mis-7 sad-9 ta' Marzu 2016,

—

wara li kkunsidra l-Għan 14.b tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), li jitlob aċċess għar-riżorsi marini u s-swieq għal sajjieda artiġjanali fuq skala żgħira,

—

wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO biex jiġi Żgurat is-Sajd Sostenibbli fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà tal-Ikel u l-Qerda tal-Faqar,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO bit-titolu “The State of World Fisheries and Aquaculture 2020: Sustainability in Action” (L-Istat tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja 2020: Is-Sostenibbiltà fl-Azzjoni),

—

wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tas-Sajd Artiġjanali u l-Akkwakultura għall-2022, kif ipproklamata min-NU,

—

wara li kkunsidra s-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP) u l-kunċetti mnaqqxa fih, bħal-limiti tal-pjaneta u dawk ekoloġiċi,

—

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni bit-titolu “Small-Scale Fisheries in Europe: Status, Resilience and Governance” (Sajd fuq Skala Żgħira fl-Ewropa: Status, Reżiljenza u Governanza) (13),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ministerjali MedFish4Ever u l-pjan direzzjonali (14),

—

wara li kkunsidra r-rapport ta' implimentazzjoni tal-FEMS għall-2020 (15),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ministerjali tal-2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Sajd fuq Skala Żgħira fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed,

—

wara li kkunsidra l-istudju tal-2018 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bit-titolu “Relative Effects of Fisheries Support Policies” (Effetti Relattivi tal-Politiki ta' Appoġġ għas-Sajd) (16),

—

wara li kkunsidra l-artikolu xjentifiku bit-titolu “Small-scale fisheries access to fishing opportunities in the European Union: Is the Common Fisheries Policy the right step to SDG14b?” (Aċċess għas-sajd fuq skala żgħira għall-opportunitajiet tas-sajd fl-Unjoni Ewropea: Il-Politika Komuni tas-Sajd hija l-pass it-tajjeb għall-SDG14b?) (17),

—

wara li kkunsidra l-artiklu xjentifiku bit-titolu “Defining Small-Scale Fisheries and Examining the Role of Science in Shaping Perceptions of Who and What Counts: A Systematic Review” (Definizzjoni ta' Sajd fuq Skala Żgħira u Eżaminazzjoni tar-Rwol tax-Xjenza fit-Tiswir tal-Perċezzjonijiet ta' Min Jgħodd u x'Jgħodd: Rieżami Sistematiku) (18),

—

wara li kkunsidra l-istudju tal-2017 li sar għall-Kumitat għas-Sajd bit-titolu “Small-scale Fisheries and ‘Blue Growth’ in the EU” (Sajd fuq Skala Żgħira u “Tkabbir Blu” fl-UE) (19),

—

wara li kkunsidra l-istudju tal-2021 li sar għall-Kumitat għas-Sajd bit-titolu “Workshop on electronic technologies for fisheries – Part III: Systems adapted for small-scale vessels” (Workshop dwar it-teknoloġiji elettroniċi għas-sajd – Parti III: Sistemi adattati għal bastimenti fuq skala żgħira) (20),

—

wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2021 li sar għall-Kumitat għas-Sajd bit-titolu “Impacts of the COVID-19 pandemic on EU fisheries and aquaculture” (Impatti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sajd u l-akwakultura tal-UE) (21),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (22),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar innovazzjoni u diversifikazzjoni tas-sajd kostali artiġjanali fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd (23),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd (24),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2021 bit-titolu “Lejn sħubija aktar b'saħħitha mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” (25),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 bit-titolu “Sajjieda għall-futur: Nattiraw ġenerazzjoni ġdida ta' ħaddiema lejn l-industrija tas-sajd u niġġeneraw impjiegi fil-komunitajiet kostali” (26),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0291/2022),

A.

billi r-Regolament FEMSA jiddefinixxi “sajd kostali fuq skala żgħira” bħala attivitajiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tas-sajd fil-baħar jew ilmijiet interni b'tul totali ta' inqas minn 12-il metru u li ma jużawx irkaptu rmunkat, u kif ukoll mis-sajjieda tal-mixi, inkluż dawk li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra, u billi din hija l-unika definizzjoni ta' sajd kostali li teżisti fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

B.

billi d-definizzjoni attwali tas-sajd fuq skala żgħira inkluża fir-Regolament FEMS u r-Regolament FEMSA teskludi ċerti tipi ta' bastimenti, bħal dawk li jużaw xi rkaptu tradizzjonali, li min-naħa tagħhom isibuha diffiċli biex jiksbu finanzjament mill-UE bħala riżultat ta' din l-esklużjoni; billi din l-esklużjoni tnaqqas ukoll il-viżibbiltà tas-sajd fuq skala żgħira u l-preżenza tiegħu fl-istatistika tal-UE, peress li dawn l-unitajiet ma jingħaddux bħala li jappartjenu għas-settur;

C.

billi hemm approċċi oħra inqas stretti għad-definizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u kostali, bħal fil-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar is-Sigurtà Sostenibbli tas-Sajd fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà tal-Ikel u l-Qerda tal-Faqar jew fid-diskussjonijiet li għaddejjin tal-grupp ta' ħidma dwar is-sajd fuq skala żgħira fi ħdan il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran;

D.

billi, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-karatteristiċi li jiddefinixxu s-sajd fuq skala żgħira jmorru lil hinn mid-definizzjoni tal-FEMSA, peress li l-gvernijiet japplikaw firxa ta' kriterji addizzjonali, inkluż fir-rigward tal-irkaptu permess, it-tul massimu tal-bastiment, il-qawwa tal-magna, it-tul massimu tal-vjaġġi tas-sajd, id-distanza mill-port li fih jistgħu joperaw il-bastimenti, iż-żona tal-operat, il-ħin massimu permess għall-ivvjaġġar u s-sjieda tal-bastiment;

E.

billi l-PKS attwali ma tiddefinixxix b'mod xieraq il-kunċett tas-sajd artiġjanali, is-sajd fuq skala żgħira jew is-sajd kostali, billi tibbażah biss fuq it-tul tal-bastiment, filwaqt li definizzjonijiet oħra aktar xierqa u aġġornati ta' dan it-tip ta' sajd huma stabbiliti f'konvenzjonijiet internazzjonali; billi d-definizzjonijiet Ewropej tas-sajd artiġjanali, is-sajd fuq skala żgħira u s-sajd kostali għandhom jiġu riveduti;

F.

billi, fl-2019, is-settur tas-sajd fuq skala żgħira fl-UE-28 kien jikkonsisti fi flotta ta' 42 838 bastiment – li rrappreżentaw biss 7,5 % tat-tunnellaġġ gross u 5,4 % tal-piż li nħatt l-art fl-Istati Membri kollha – u impjega 62 650 sajjied, li jammontaw għal 75 % tal-bastimenti tas-sajd attivi u 48 % tal-ekwipaġġ; billi l-flotta fuq skala kbira kienet tirrappreżenta 19 % tal-bastimenti kollha u 67 % tat-tunnellaġġ gross, timpjega 46 % tas-sajjieda kollha u tirrappreżenta 81 % tal-piż żbarkat irreġistrat fl-Istati Membri; billi l-flotta tal-ilmijiet imbiegħda kellha biss 259 bastiment reġistrat, li jirrappreżentaw inqas minn 1 % tan-numru totali ta' bastimenti iżda 19 % tat-tunnellaġġ gross u 14 % tal-piż totali li nħatt l-art irreġistrat fl-Istati Membri;

G.

billi, minbarra li qed isiru disponibbli riżorsi limitati ħafna għall-appoġġ tal-bastimenti taħt il-FEMS (EUR 500 miljun) u għal rata ta' implimentazzjoni ġeneralment baxxa, is-sajd fuq skala żgħira, minkejja d-daqs u l-importanza tiegħu, huwa s-segment l-inqas appoġġat, li jirċievi l-iżgħar sehem ta' fondi: dan jammonta għal 38 % tal-għadd totali ta' operazzjonijiet marbuta mal-bastimenti, li min-naħa tagħhom jirrappreżentaw biss 25 % tal-infiq totali tal-FEMS fuq il-bastimenti;

H.

billi l-flotta Ewropea kompliet tonqos f'dawn l-aħħar snin u, fl-2020, irreġistrat tnaqqis ta' 17 % fil-valur tal-ħut żbarkat, ta' 19 % fl-impjiegi u ta' 29 % fil-profitti meta mqabbel mal-2019 (27);

I.

billi l-flotta tas-sajd fuq skala żgħira hija l-flotta bl-aktar riżorsi finanzjarji limitati;

J.

billi l-karatteristiċi tipiċi tas-sajd fuq skala żgħira jinkludu l-impatt ambjentali baxx tiegħu; in-natura staġjonalment diversa tiegħu f'termini ta' speċijiet, żoni tas-sajd u rkaptu; l-iskala żgħira tal-operazzjonijiet ta' produzzjoni tagħha; ir-rispett tiegħu għaċ-ċikli bijoloġiċi u migratorji ta' speċijiet differenti bis-saħħa tan-natura versatili tiegħu u l-użu selettiv ħafna tal-irkaptu; il-livelli baxxi ta' qabdiet inċidentali u ta' rimi ta' speċijiet; u l-kapaċità tiegħu li jiġġenera aktar dħul għal kull euro investit, qabdiet akbar għal kull litru ta' fjuwil ikkunsmat u aktar valur soċjoekonomiku għal kull kilo ta' ħut li jinħatt l-art;

K.

billi jeħtieġ li jitqiesu d-differenzi kbar bejn il-flotot, is-segmenti tal-flotta, l-impatt ambjentali ta' segmenti differenti tal-flotta, l-ispeċijiet fil-mira, l-irkaptu tas-sajd, il-produttività u l-preferenzi tal-konsum tad-diversi Stati Membri, flimkien mal-karatteristiċi speċjali tal-attività tas-sajd li jirriżultaw mill-istruttura soċjali tagħha, il-forom ta' kummerċjalizzazzjoni u l-inugwaljanzi strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni tas-sajd;

L.

billi l-karatteristiċi ġenerali tal-flotta fuq skala żgħira jinkludu segmenti antiki ħafna u teknoloġija inadegwata, li jenfasizzaw il-ħtieġa ta' programm ta' appoġġ speċifiku għas-sajd fuq skala żgħira u appoġġ finanzjarju pubbliku qawwi għall-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tagħha, li mingħajrhom il-kontinwità tagħha se tiġi pperikolata;

M.

billi r-Regolament FEMSA jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-sajd kostali fuq skala żgħira meta jwettqu l-analiżi tas-sitwazzjoni f'termini ta' qawwiet, dgħufijiet, opportunitajiet u theddid imsemmija fir-Regolament;

N.

billi, fl-2019, 64,9 % tal-bastimenti fil-flotta tas-sajd tal-UE-28 kellhom mill-inqas 25 sena (28) u l-età medja tal-flotta kienet ta' 29,9 sena b'mod ġenerali (29) u ta' 32,5 sena għall-flotta tas-sajd fuq skala żgħira, li neċessarjament jimplika li porzjon sinifikanti ħafna tal-flotta huwa qadim ħafna, u b'hekk ma jiggarantix l-aħjar kundizzjonijiet ta' sikurezza u operattivi, iżid ir-riskji assoċjati u jagħmel l-operazzjonijiet aktar għaljin;

O.

billi l-profil tal-età tas-sajjieda fuq skala żgħira huwa ogħla minn dak għal tipi oħra ta' sajd, bi 72 % tal-professjonisti tas-sajd fuq skala żgħira jkollhom aktar minn 40 sena u 11 % aktar minn 65 sena;

P.

billi n-natura limitata tal-istatistika eżistenti tagħmilha diffiċli li ssir analiżi preċiża tar-rwol tan-nisa fis-sajd; billi, madankollu, l-evidenza empirika turi li n-nisa għandhom rwol sinifikanti fis-sajd fuq skala żgħira, billi jieħdu rwol aktar prominenti fl-operazzjonijiet tiegħu f'xi komunitajiet, għandhom preżenza importanti fis-sajd għall-frott tal-baħar bil-qoxra u jieħdu rwol ewlieni fuq l-art fit-tħejjija tal-operazzjonijiet u l-irkaptu, kif ukoll fil-bejgħ u l-ipproċessar tal-ħut, b'mod partikolari fl-industrija tal-ippreżervar fil-laned;

Q.

billi, skont ir-rapport dwar id-dimensjoni soċjali tas-sajd fl-UE, in-nisa jirrappreżentaw 5,4 % tal-għadd totali ta' persuni impjegati fis-sajd fuq skala żgħira (aktar mid-doppju taċ-ċifri rispettivi għas-sajd fuq skala kbira u fl-ilmijiet imbiegħda);

R.

billi s-settur tas-sajd tal-UE jaqdi rwol importanti billi jforni l-ħut lill-pubbliku u jżomm l-istokkijiet tal-ikel f'bilanċ fl-Istati Membri u tal-UE kollha kemm hi;

S.

billi jrid jiġi żgurat li ċ-ċentralizzazzjoni tal-ġestjoni tas-sajd promossa mill-PKS tkun kompatibbli mal-ġestjoni lokali li hija essenzjali biex tiġi żgurata l-vijabbiltà soċjoekonomika tas-settur;

T.

billi r-reġjonalizzazzjoni hija waħda mill-pilastri tal-PKS u l-approċċ deċentralizzat huwa ta' importanza partikolari għas-settur tas-sajd kostali fuq skala żgħira, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-settur tas-sajd fost l-Istati Membri individwali;

U.

billi l-ġestjoni konġunta hija kruċjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-segment tas-sajd fuq skala żgħira fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

V.

billi l-PKS għalhekk ma toffrix appoġġ leġiżlattiv ċar u differenzjat għas-sajd fuq skala żgħira li jista' jgħin biex tiġi żgurata l-vijabbiltà soċjoekonomika tiegħu; billi l-Istati Membri qed jonqsu wkoll milli jistabbilixxu miżuri effettivi għal dan it-tip ta' sajd;

W.

billi, f'ħafna reġjuni kostali Ewropej, u b'mod partikolari fil-Mediterran, is-sajd fuq skala żgħira u l-ġbir tal-frott tal-baħar bil-qoxra joperaw fl-intersezzjoni tad-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u jagħtu kontribut importanti għall-benesseri soċjoekonomiku, l-impjiegi u l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali f'diversi reġjuni kostali u ultraperiferiċi li spiss jiffaċċjaw restrizzjonijiet strutturali u jeħtieġu appoġġ biex jisfruttaw l-opportunitajiet għad-diversifikazzjoni ekonomika;

X.

billi, għalhekk, l-introjtu mis-sajd ma għandux jitqies biss bħala profitt, peress li jikkontribwixxi wkoll għat-tkomplija ta' stil ta' ħajja li għandu valur kulturali u storiku enormi għal ħafna komunitajiet kostali, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi xibka ta' sikurezza soċjali u ekonomika importanti; billi, f'dan is-sens, is-sajd fuq skala żgħira jirrappreżenta soluzzjoni għal depopolazzjoni li qed tiżdied, popolazzjonijiet li qed jixjieħu u qgħad li qed jiżdied, li kollha huma sfidi ewlenin għall-biċċa l-kbira tar-reġjuni kostali tal-pajjiżi u l-gżejjer Ewropej; billi l-influwenza tas-sajd fuq skala żgħira fuq il-wirt soċjali u kulturali taż-żoni kostali hija eċċezzjonali u diversa;

Y.

billi s-sajd fuq skala żgħira jista' jkollu rwol fundamentali fil-kisba tal-SDGs, kif rikonoxxut b'mod espliċitu mill-Mira 14.b; billi s-sajd fuq skala żgħira jista' jipprovdi wkoll kontributi għall-imperattivi ta' politika l-oħra sottostanti għall-SDGs, bħall-SDG 2 – “Żero Ġuħ” u l-Mira 2.3 tiegħu, l-SDG 5 – “Ugwaljanza bejn il-Ġeneri” u l-Miri 5.a u 5.b tiegħu, l-SDG 8 – “Xogħol Deċenti u Tkabbir Ekonomiku” u l-Mira 8.5 tiegħu, u l-SDG 13 – “Azzjoni Klimatika” fl-intier tagħhom;

Z.

billi s-sajjieda għandhom rwol bħala “gwardjani tal-baħar” u s-sajd jikkontribwixxi għall-provvista ta' ikel rikk fil-proteini għal dieta tajba għas-saħħa u bbilanċjata;

AA.

billi l-maġġoranza l-kbira tal-aċċidenti u l-inċidenti fuq il-bastimenti tas-sajd huma r-riżultat ta' fatturi umani (62,4 %), bil-fallimenti tas-sistema/tagħmir ikunu t-tieni l-aktar kawża komuni (23,2 % tal-każijiet);

AB.

billi f'ħafna ċirkostanzi s-sajd fuq skala żgħira jitwettaq bi professjonist wieħed biss abbord;

AC.

billi l-kwistjonijiet relatati mas-sikurezza u mal-kumdità tal-flotta tas-sajd fuq skala żgħira ma jistgħux jitqiesu b'mod iżolat mill-isforz tas-sajd u mir-rendiment tal-ħut; billi, f'dan ir-rigward, il-limitazzjoni tat-tunnellaġġ gross, bħala kriterju biex titkejjel il-kapaċità tas-sajd, għandha impatt negattiv fuq is-sikurezza u l-kumdità tal-flotta tas-sajd fuq skala żgħira, peress li tillimita l-inċentiv li l-bastimenti jiġu sostitwiti u modernizzati jew li jiżdied l-ispazju disponibbli sabiex jittejbu l-kumdità tal-ekwipaġġ, is-sikurezza u fl-aħħar mill-aħħar l-attraenza tas-settur, speċjalment għaż-żgħażagħ u n-nisa;

AD.

billi tali kwistjonijiet relatati mas-sikurezza ma jistgħux jitqiesu b'mod iżolat mill-partikolaritajiet tal-flotta tas-sajd fuq skala żgħira fl-Istati Membri, bħall-fatt li l-flotta tista' tkun esposta għal livelli għoljin ta' riskju bħala riżultat tan-nuqqas ta' pariri speċjalizzati dwar is-sikurezza għas-settur, in-natura unika tal-operazzjonijiet, is-sigħat twal ta' xogħol jew il-periklu ta' qbid fit-tagħmir; billi l-kundizzjonijiet tal-operat ivarjaw għall-flotta; billi parti mill-flotta topera mill-bajjiet jew mill-portijiet u l-portijiet fejn il-kundizzjonijiet tal-operat spiss ikunu prekarji; billi, fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni biex il-qawwa ta' propulsjoni tiġi adattata għall-karatteristiċi tal-flotta u għall-kundizzjonijiet tal-operat, mingħajr ma jiżdiedu l-isforzi tas-sajd jew ir-rati tal-qbid, bl-għan li l-kundizzjonijiet għall-flotta jsiru aktar sikuri meta jidħlu u joħorġu mill-port;

AE.

billi dawn l-aspetti relatati ma' żieda fis-saħħa tal-magna għal raġunijiet speċifiċi ta' sikurezza għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' sussidji u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għandhom jiġu appoġġati mill-FEMSA, dment li ma jżidux l-isforz tas-sajd jew il-kapaċità li jinqabad il-ħut; billi, għal dawn ir-raġunijiet, l-appoġġ tal-FEMSA għandu jkun disponibbli wkoll għall-operazzjonijiet ta' tħammil fil-portijiet;

AF.

billi s-sajd fuq skala żgħira jiddependi ħafna aktar mill-kundizzjonijiet tal-baħar mis-sajd fuq skala kbira, li jwassal, skont it-tip ta' bastiment u tal-irkaptu, għal irregolarità akbar fil-perjodi tas-sajd, u b'hekk jaffettwa l-għadd ta' jiem ta' xogħol fis-sena li fihom ikunu possibbli vjaġġi;

AG.

billi s-sajd artiġjanali huwa sostenibbli f'termini ta' ġestjoni bijoloġika tal-istokkijiet tal-ħut u fir-rigward tar-riżorsi u s-selettività, kif ukoll soċjalment u ekonomikament, li kollha jikkontribwixxu għall-profondità ta' din l-attività;

AH.

billi l-fatturi li jagħmlu pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut, u li jikkawżaw ukoll ħsara diretta u indiretta lis-sajd, jinkludu t-tniġġis, it-telf tal-ħabitats, it-traffiku marittimu u l-kompetizzjoni għall-ispazju, kif ukoll it-tibdil fil-klima, li l-effetti notevoli tiegħu huma ż-żieda fit-temperaturi tal-ilma, l-aċidifikazzjoni, il-bidliet fil-kurrenti tal-oċeani, l-asinkronija tal-ispeċijiet u l-wasla ta' speċijiet mhux indiġeni;

AI.

billi huwa meħtieġ li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' adattament u mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kriżijiet billi jiġu adottati miżuri biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet kostali;

AJ.

billi s-sajd fuq skala żgħira għandu wkoll il-potenzjal li jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar għall-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

AK.

billi s-sajd fuq skala żgħira huwa importanti ħafna fl-UE, speċjalment għal numru ta' komunitajiet tas-sajd, flimkien mas-sajd fuq skala kbira u s-sajd f'ilmijiet imbiegħda;

AL.

billi ħafna mill-kawżi tas-sitwazzjoni soċjoekonomika li sejra għall-agħar fis-settur għad iridu jiġu indirizzati, inkluż il-bżonn li tissaħħaħ il-pożizzjoni tas-sajjieda fil-katina tal-provvista;

AM.

billi r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet u l-ħabitats tas-sajd jippermettilhom li jkollhom aċċess għall-għajnuna finanzjarja, u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom permezz ta' ġestjoni konġunta tista' b'mod ċar ittejjeb il-qligħ fis-settur;

AN.

billi l-qligħ għas-sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u kostali huwa affettwat minn prezzijiet volatili u fluttwazzjonijiet qawwija tas-suq, li huma sensittivi għal ħafna fatturi esterni, bħall-pandemija tal-COVID-19;

AO.

billi s-sistemi differenti ta' introjtu u pagi fis-settur tas-sajd ivarjaw b'mod wiesa' u jiddependu ħafna mill-opportunitajiet tas-sajd offruti mill-baħar, u dan huwa wieħed mill-fatturi li jagħmilha inqas attraenti għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda;

AP.

billi l-professjonisti tas-sajd spiss jitħallsu pagi baxxi u jkollhom jiffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli – ħafna drabi prekarji – fi professjoni li tibqa' l-aktar perikoluża fid-dinja, filwaqt li l-ispejjeż dejjem jiżdiedu assoċjati mal-bidu ta' negozju tas-sajd, flimkien mal-konċentrazzjoni li qed tiżdied fl-industrija, jagħmluha prospett inqas attraenti, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

AQ.

billi s-swieq spiss ikunu ddominati minn għadd żgħir ta' prodotti stabbiliti u l-prodotti tas-sajd fuq skala żgħira li joffru alternattiva sostenibbli għal speċijiet sfruttati ħafna ma jirċevux biżżejjed attenzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni; billi l-konsumaturi spiss ma jitħallewx jiksbu informazzjoni sħiħa dwar il-prodott li qed jixtru jew is-sistema ta' produzzjoni u l-irkaptu tas-sajd involut;

AR.

billi l-profittabbiltà sostenibbli tas-sajd fuq skala żgħira hija importanti biex is-settur isir aktar attraenti;

AS.

billi l-bastimenti fuq skala żgħira huma l-aktar milquta b'mod sever mill-isfidi marbuta mal-allokazzjoni tal-liċenzji tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, minħabba d-diffikultajiet li jiffaċċjaw biex jagħtu prova tal-istorja tas-sajd tagħhom;

AT.

billi l-intrapriżi tas-sajd fuq skala żgħira spiss huma sottokapitalizzati jew sottofinanzjati u għandhom aċċess limitat ħafna għal għodod kontabilistiċi bażiċi, kreditu, mikrofinanzjament u assigurazzjoni;

AU.

billi s-settur tas-sajd fuq skala żgħira għadu jesperjenza diffikultajiet ekonomiċi u tnaqqis sostanzjali fid-dħul bħala riżultat taż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-operat u fatturi aggravanti oħra bħat-tnaqqis fil-valur tal-ħut tal-ewwel bejgħ u ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil; billi dawn il-fatturi u fatturi oħra għamlu s-sajd fuq skala żgħira dejjem aktar dipendenti fuq is-sussidji fuq il-fjuwil u spiss jirrikjedu li s-sajjieda jżidu l-isforz tas-sajd sabiex l-attività tagħhom issir ekonomikament vijabbli;

AV.

billi t-TFUE u r-Regolament FEMSA jipprevedu u joffru appoġġ speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE;

AW.

billi s-settur tas-sajd fuq skala żgħira tradizzjonalment sofra minn nuqqas ta' kapaċità organizzattiva; billi l-fatturi ewlenin li jillimitaw l-azzjoni kollettiva mis-sajd fuq skala żgħira jinkludu l-għadd kbir ta' atturi fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira, flimkien mat-tixrid ġeografiku tagħhom; in-natura tan-negozju, li huwa prinċipalment ibbażat fuq intrapriżi żgħar tal-familja; in-nuqqas ta' persunal imħarreġ iddedikat għall-maniġment; u n-nuqqas ta' appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-sajd fuq skala żgħira biex jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

AX.

billi s-sajd fuq skala żgħira fl-UE ġeneralment ġie injorat f'termini ta' monitoraġġ u kontroll mix-xjentisti tas-sajd u l-maniġers tas-sajd fil-livelli nazzjonali u tal-UE; billi l-monitoraġġ u l-kontroll tas-sajd fuq skala żgħira għandhom jittejbu biex jissostanzjaw il-ġestjoni sostenibbli tas-sajd tal-UE u jipprovdu prova tal-attivitajiet tas-sajd meta jkun meħtieġ;

AY.

billi huwa meħtieġ investiment akbar biex titwettaq riċerka aġġornata dwar l-istat tar-riżorsi naturali, l-ekosistemi tal-baħar u b'mod speċifiku l-istokkijiet tal-ħut u jittejjeb il-fehim tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tagħhom;

AZ.

billi l-istrateġiji ta' ġestjoni bbażati biss fuq it-tnaqqis tal-jiem tas-sajd, bħal dak applikat għall-Punent tal-Mediterran, qed iqiegħdu lis-settur tas-sajd fuq skala żgħira għarkupptejh; billi tali tnaqqis kontinwu, flimkien mas-sitwazzjoni diġà prekarja kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, jirriskjaw li jwasslu għall-kollass ta' sehem kbir tas-settur, li ma jkunx għadu jista' jilħaq il-limitu minimu ta' profittabbiltà li jiggarantixxi s-sopravivenza tiegħu; billi dan it-tnaqqis iqajjem ukoll diversi kwistjonijiet, bħal tħassib dwar is-sikurezza abbord, riskju akbar ta' korrimenti, żieda fis-sajd illegali u r-riperkussjonijiet soċjali tal-qgħad;

BA.

billi l-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda bħax-xrieki ta' negozjanti huma atturi ewlenin fis-sistemi tal-ikel ta' xi Stati Membri, fejn joperaw bħala entitajiet mhux għall-profitt u tal-ekonomija soċjali li jirrappreżentaw is-settur tas-sajd, u speċjalment l-flotta kostali fuq skala żgħira u dawk li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra, jaħdmu flimkien mal-amministrazzjoni pubblika, u jwettqu funzjonijiet ta' interess ġenerali għall-benefiċċju tas-sajd marittimu u tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd, kif ukoll iwettqu funzjonijiet relatati man-negozju, bħal kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u provvediment ta' servizzi ta' konsulenza u ta' ġestjoni;

BB.

billi hemm bżonn li tiġi ddeterminata politika ta' ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd li tirrispetta l-aċċess kollettiv għar-riżorsi tas-sajd, li tkun ibbażata primarjament fuq l-aspetti bijoloġiċi tagħhom u li tieħu l-forma ta' sistema ta' ġestjoni konġunta tas-sajd li tqis il-kundizzjonijiet speċifiċi tar-riżorsi tas-sajd u taż-żoni tal-baħar rispettivi, bil-parteċipazzjoni effettiva ta' dawk li jaħdmu fis-settur;

BC.

billi l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt tħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet bħax-xrieki jkunu rikonoxxuti fl-ambitu tad-dritt tal-UE u jkunu eliġibbli jirċievu għajnuna finanzjarja fuq bażi ugwali mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi; billi l-Kummissjoni ntalbet tadotta inizjattiva f'dan ir-rigward;

BD.

billi s-sajjieda artiġjanali jeħtieġu taħriġ, inkluż biex jiżviluppaw ħiliet ġodda;

BE.

billi x-xogħol tan-nisa jipprovdi valur miżjud fis-settur tas-sajd artiġjanali;

BF.

billi s-settur tas-sajd fuq skala żgħira jinsab dejjem aktar f'kompetizzjoni ma' attivitajiet oħra tal-ekonomija blu, kif ukoll mal-interessi tal-enerġija rinnovabbli li jaffettwaw ħafna attivitajiet tul il-kosta, fil-bajjiet jew fiż-żoni tal-port, u b'hekk potenzjalment jieħu f'idejh żoni li qabel kienu jintużaw kważi esklussivament mis-sajd fuq skala żgħira, u dan jirriżulta fi spostament u “ħtif tal-baħar u tal-kosta”;

BG.

billi l-proċessi ta' ġentrifikazzjoni li jseħħu f'ħafna żoni kostali li qed jiżviluppaw jirriskjaw li jagħmluha dejjem aktar għalja wisq għas-sajjieda fuq skala żgħira biex jgħixu f'żoni kostali, b'tali mod li jiġu mbuttati 'l bogħod mill-post tax-xogħol tagħhom u b'hekk l-attività tagħhom issir saħansitra aktar diffiċli u inkonvenjenti;

BH.

billi l-enfasi akbar fuq il-konservazzjoni promossa mill-UE għandha impatt partikolari fuq is-sajd fuq skala żgħira, li eżempju tiegħu huwa l-implimentazzjoni ta' Żoni Marini Protetti (MPAs) u networks tal-MPAs, li jaffettwaw is-sajd fuq skala żgħira billi jirrestrinġu l-attivitajiet assoċjati u jillimitaw il-mobbiltà; billi l-impatt fuq dan is-segment rari jitqies fit-tfassil ta' dawn il-politiki, aspett li huwa aggravat mill-fatt li l-atturi mis-segment mhumiex involuti b'mod adegwat f'dawn il-proċessi (30);

BI.

billi s-settur tas-sajd b'mod ġenerali u s-sajd fuq skala żgħira b'mod partikolari mhumiex rappreżentati biżżejjed fid-definizzjoni tal-politiki u l-politiki tal-ġestjoni tas-sajd dwar l-użu tal-ispazju marittimu;

BJ.

billi hemm diversi tipi ta' organizzazzjonijiet tas-sajd, b'livelli differenti ta' sħubija li jirrappreżentaw is-sajd fuq skala żgħira: minn organizzazzjonijiet tal-produtturi għal assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u kooperattivi, fost oħrajn; billi ħafna sidien ta' bastimenti żgħar mhuma affiljati mal-ebda organizzazzjoni; billi l-professjonisti fl-industrija tas-sajd huma rrappreżentati fit-trade unions tas-sajd; billi għandu jkun f'idejn is-settur li jiddetermina kif jorganizza lilu nnifsu;

BK.

billi d-diżaggregazzjoni tad-data rilevanti mhijiex adegwata, u dan jagħmel l-aċċess għal informazzjoni dettaljata diffiċli, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd fuq skala żgħira, u jxekkel l-analiżi, b'mod partikolari f'termini ta' tqassim tal-impriżi, tas-sidien tal-bastimenti, tal-professjonisti tas-sajd, tal-bastimenti u tal-irkaptu, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-età u tal-ġeneru, fost affarijiet oħra;

It-tisħiħ tas-sajd fuq skala żgħira tul il-katina tal-valur, il-promozzjoni ta' introjtu ogħla mis-sajd u l-għoti ta' opportunitajiet ta' diversifikazzjoni tal-introjtu

1.

Huwa tal-fehma li l-futur tas-sajd fuq skala żgħira, kostali u artiġjanali jiddependi mhux biss minn miżuri fit-tul u sostenibbli, iżda wkoll minn miżuri immedjati, sinifikanti u effettivi biex jiżdiedu l-marġnijiet ta' profitt tas-sajjieda anke permezz ta' allokazzjonijiet ogħla ta' kwoti f'konformità mal-parir xjentifiku; iqis li huwa meħtieġ li jissaħħu l-kapaċitajiet organizzattivi u kummerċjali tas-settur u l-attraenza tal-professjoni, li jiġi pprovdut taħriġ u appoġġ immirat għaż-żgħażagħ u li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-operat, b'mod partikolari għall-inklużjoni tan-nisa abbord il-bastimenti u fis-settur b'mod aktar ġenerali, u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-katina tal-provvista; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tistabbilixxi u timplimenta mekkaniżmi ta' appoġġ, fi ħdan il-qafas tal-FEMSA, għas-sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u kostali li jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi f'din il-parti tas-settur;

2.

Jemmen li l-futur tas-sajd fuq skala żgħira jirrikjedi li n-natura speċifika tiegħu tiġi rikonoxxuta fil-PKS u li l-istrumenti attwali jiġu adattati sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' dan is-settur;

3.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni komuni, usa' u aktar xierqa ta' sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u kostali; jenfasizza li definizzjoni bħal din għandha tkun prammatika, tista' titkejjel u ċara; jenfasizza wkoll li d-definizzjoni għandha tirriżulta minn valutazzjoni xierqa, li tqis il-karatteristiċi u l-kriterji tas-segment tas-sajd fuq skala żgħira minbarra t-tul tal-bastiment, sabiex id-definizzjoni tal-UE tas-sajd fuq skala żgħira issir konformi mar-realtà tas-segment, kif diġà huwa l-każ bid-definizzjonijiet eżistenti inklużi f'ċerti konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) jew il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM);

4.

Jenfasizza l-fatt li din id-definizzjoni għandha tiġi inkluża f'regolament aktar orizzontali, bħar-Regolament dwar il-PKS, sabiex tinkludi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sajd fl-intier tagħha; iqis li kwalunkwe bidla fid-definizzjoni m'għandhiex tħalli impatt fuq l-implimentazzjoni tal-FEMSA għall-perjodu attwali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fi ħdan ir-rieżami futur tar-Regolament PKS;

5.

Jafferma l-ħtieġa li tissaħħaħ u titqassar il-katina tal-valur tas-settur bejn il-produttur u l-konsumatur, u b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet għal bejgħ dirett mis-sajjieda għall-konsumatur u jitnaqqas l-għadd ta' intermedjarji sabiex, idealment, jintlaħaq il-punt fejn il-produttur ikun jista' jforni lill-klijent finali direttament; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi strateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni ta' kanali ġodda ta' distribuzzjoni, u li jitrawmu mekkaniżmi li jtejbu d-differenzjazzjoni tal-prodotti, sabiex jinkiseb il-benefiċċju massimu għas-sajjieda, tiżdied il-profittabbiltà, jiġu appoġġati remunerazzjonijiet ogħla u tiġi promossa d-distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-valur miżjud lis-sajjieda;

6.

Jitlob li jkun hemm distribuzzjoni aktar ġusta u xierqa tal-valur miżjud matul il-katina tal-valur tas-settur u li jitqiesu forom ta' intervent simili għal prezzijiet garantiti u prezzijiet gwida, li għalihom il-kostijiet tal-produzzjoni għandhom jitqiesu bħala varjabbli, sabiex jinkiseb l-għan imsemmi hawn fuq u jittejjeb l-introjtu tas-sajjieda; itenni li meta jkun hemm żbilanċi serji fil-katina, l-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa li jintervjenu;

7.

Jenfasizza l-fatt li s-sajd fuq skala żgħira huwa l-aktar segment dgħajjef tul il-katina tal-valur u l-arranġamenti ta' kummerċjalizzazzjoni spiss għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-interessi tax-xerrej aktar milli tas-sajjieda, li ftit li xejn għandhom kontroll fuq l-ipprezzar, li min-naħa tiegħu jwassal għal qligħ marġinali għall-prodotti mibjugħa;

8.

Jitlob miżuri fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri bl-għan li jiddefendu jew joħolqu swieq tal-oriġini, u b'hekk jippromwovu kanali ta' bejgħ bin-nieqes preferenzjali għal prodotti tradizzjonali; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u d-difiża tal-kwalitajiet tal-ħut maqbud mis-sajd fuq skala żgħira bħal, fost l-oħrajn, il-freskezza, l-istaġjonalità, il-wirt kulturali u s-sostenibbiltà; jitlob appoġġ aktar b'saħħtu għal tali prodotti fil-fieri kummerċjali, fil-ħwienet iż-żgħar u fir-ristoranti, filwaqt li jitqiesu d-drawwiet tal-ikel tal-popolazzjoni, bħala mod kif jiġi massimizzat il-valur tal-prodotti tas-sajd lokali u jiġi promoss l-iżvilupp lokali; jinsisti fuq il-ħolqien ta' kampanji promozzjonali għall-prodotti tas-sajd lokali li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-OKS u l-PKS;

9.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa d-diversifikazzjoni tal-prodotti permezz ta' inizjattivi mmirati lejn il-ħolqien ta' swieq ġodda, li jivvalutaw speċijiet li jittieklu u kkunsmati inqas magħrufa sabiex itejbu l-pożizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira fis-suq, itaffu d-domanda għal prodotti li l-provvista kostanti tagħhom matul is-sena tista' tiġi ggarantita biss mill-importazzjonijiet u jgħinu biex titnaqqas il-pressjoni tas-sajd fuq l-ispeċijiet sfruttati żżejjed; itenni l-ħtieġa li tiġi appoġġjata wkoll il-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-prodotti fl-industrija tal-ikel ippreżervat fil-laned, jiġifieri permezz tal-użu ta' speċijiet sottovalutati jew inqas ikkunsmati;

10.

Jitlob l-implimentazzjoni ta' programm ta' taħriġ għas-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-catering (Horeca), li jipprovdi għarfien dwar il-prodotti tal-frott tal-baħar u prattiki tajbin għall-protezzjoni tar-riżorsi, b'mod partikolari s-sensibilizzazzjoni dwar l-ispeċijiet “mhux għal bejgħ” u “mhux għal konsum” matul l-istaġun magħluq;

11.

Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati proġetti innovattivi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li jenfasizza l-ħidma ta' kooperazzjoni mal-ħtija tas-sajjieda u l-assoċjazzjonijiet tas-sajd fuq skala żgħira, li permezz tagħha tinżamm relazzjoni mill-qrib mal-konsumatur finali;

12.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet produtturi jikkunsidraw modi aħjar ta' kif jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd ipproċessati b'valur miżjud ogħla, fosthom il-prodotti fil-laned, billi jiġi segwit l-eżempju ta' ċerti prodotti agrikoli, u programmi għall-promozzjoni esterna tal-prodotti tas-sajd tal-UE, inkluża l-preżentazzjoni tagħhom f'kompetizzjonijiet u fieri internazzjonali;

13.

Jenfasizza l-fatt li s-settur tal-frott tal-baħar għandu għodod limitati ħafna, bħat-tikketti, disponibbli għall-konsumaturi sabiex jiġu vvalutati l-kriterji ta' sostenibbiltà għas-segment tas-sajd fuq skala żgħira u jiġu promossi prodotti b'impatt baxx; jissottolinja li fejn jeżistu tikketti, dawn jistgħu jsiru żvantaġġ għas-sajd fuq skala żgħira, peress li jista' jkun ta' piż għall-aċċess ta' xi data meħtieġa jew jista' jkun li ma jkollhomx il-kapaċità finanzjarja biex jibdew proċess ta' ċertifikazzjoni;

14.

Jindika l-ħtieġa ta' reviżjoni ambizzjuża tar-Regolament OKS bl-għan li jiżdied il-kontribut tagħha għall-introjtu tas-settur u l-istabbiltà tas-suq, kif ukoll għat-titjib tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u jiżdied il-valur miżjud tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jinħolqu tikketti ċċertifikati tal-frott tal-baħar u mekkaniżmi tal-marka tal-prodotti tas-sajd, kif ukoll li tiżdied it-traċċabbiltà fil-katina tal-provvista, li min-naħa tagħha ttejjeb l-informazzjoni lill-konsumaturi, filwaqt li tħeġġiġhom jixtru frott tal-baħar minn sorsi lokali u sostenibbli u jżidu l-għarfien tagħhom dwar il-prodotti tas-sajd fuq skala żgħira;

15.

Jitlob li jiġu ffaċilitati programmi ta' appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira permezz tal-FEMSA bl-għan li jittejbu l-ġestjoni tan-negozju u l-kapaċitajiet organizzattivi, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni, jittejbu l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ u tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali, b'mod partikolari permezz ta' flotta aktar sostenibbli u moderna;

16.

Jenfasizza d-diffikultajiet li s-settur tas-sajd fuq skala żgħira għadu għaddej minnhom, li jistgħu jiġu aggravati wkoll minn prezzijiet li jvarjaw u li qed jogħlew għall-fjuwil u inputs oħra, sitwazzjoni li taffettwa b'mod partikolari s-segmenti inqas kompetittivi tal-flotta, jiġifieri s-sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u kostali;

It-titjib tal-kundizzjonijiet tal-operat u l-garanzija tal-futur tas-sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u kostali

17.

Jilqa' l-fatt li l-FEMSA jipprovdi l-possibbiltà li jiġu appoġġati l-modernizzazzjoni, is-sostituzzjoni jew l-akkwist ta' magni aktar ġodda li jarmu inqas CO2, inklużi magni li jużaw teknoloġiji ġodda effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u l-konverżjoni tal-magni tal-petrol; iqis li għandhom jintużaw l-ogħla rati ta' kofinanzjament eżistenti; iwissi li ħafna minn dawn is-soluzzjonijiet alternattivi ta' motorizzazzjoni għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed jew jinvolvu żieda sinifikanti fit-tunnellaġġ gross, bħal fil-każ ta' xi muturi elettriċi;

18.

Jissottolinja li f'ċerti reġjuni, il-parti l-kbira tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira (SSF) jiddependi mis-sussidji fuq il-fjuwil; iwissi li l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (COM(2021)0563), billi ttemm l-eżenzjoni obbligatorja attwali għas-settur tas-sajd u tintroduċi rata minima ta' tassazzjoni, tpoġġi f'riskju l-vijabbiltà tal-parti l-kbira tas-segment tas-sajd fuq skala żgħira, li ma jistax jagħmel vjaġġi twal sabiex jagħti l-fjuwil mill-ġdid fil-portijiet bi prezzijiet aktar baxxi. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet ugwali fil-livell internazzjonali u għalhekk ikomplu jeżentaw lill-industrija tas-sajd mit-tassazzjoni fuq il-fjuwil; jisħaq li kwalunkwe approċċ ġdid ma għandux jirriżulta f'piż għas-sajd fuq skala żgħira u għandu jiffoka fuq soluzzjonijiet alternattivi li jippermettu lis-settur jikkombina tranżizzjoni ġusta lejn l-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku mal-kapaċità li jirnexxi ekonomikament u jiggarantixxi kundizzjonijiet deċenti għall-ħaddiema tiegħu; iqis, f'dan ir-rigward, u minħabba l-inflazzjoni straordinarja attwali tal-prezzijiet tal-fjuwil, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri straordinarji biex jipprovdu għajnuna lis-segment tas-sajd fuq skala żgħira, kostali u artiġjanali għall-kostijiet tal-produzzjoni li mistennija jiżdiedu, b'mod partikolari fil-kamp ta' applikazzjoni tal-FEMSA u l-programmi operattivi nazzjonali;

19.

Jenfasizza d-diffikultajiet u l-effetti ekonomiċi u soċjali negattivi serji li l-kriżi tal-COVID-19 kellha fuq is-settur tas-sajd u l-importanza li l-Istati Membri jidderieġu l-fondi nazzjonali u tal-UE disponibbli, jekk ikun meħtieġ, kif ukoll il-kunsiderazzjoni ta' miżuri eċċezzjonali biex jgħinu lis-sajjieda, inkluż il-ħaddiema, jegħlbu l-kriżijiet jew id-disturb fis-suq; jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi disponibbli permezz tal-mekkaniżmi ta' kriżi biex jappoġġaw is-sajd fuq skala żgħira; jissottolinja li, minkejja l-kriżi, is-settur tas-sajd kostali fuq skala żgħira għadu jiffunzjona, u jagħti liċ-ċittadini tal-UE aċċess għall-frott tal-baħar, speċjalment fir-reġjuni kostali iżolati, fil-gżejjer u fir-reġjuni ultraperiferiċi;

20.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw fondi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-investiment fil-flotta kostali fuq skala żgħira bil-għan li jgħinu lis-sajjieda u lill-operaturi li jagħmlu xogħol assoċjat, l-aktar in-nisa, bħal dawk li jsewwu x-xbieki, l-assistenti u dawk li jippakkjaw fuq l-art, u l-ħaddiema;

21.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita, taħt il-patroċinju tal-FEMSA, l-appoġġ speċifiku għas-settur tas-sajd fuq skala żgħira għall-installazzjoni ta' infrastruttura għall-ħżin, l-iffriżar u t-tkessiħ u għaż-żamma tal-katina ta' tkessiħ mid-dgħajsa sal-konsumatur finali; iqis li dan l-appoġġ huwa element deċiżiv biex is-segment tas-sajd fuq skala żgħira jkun jista' jieħu vantaġġ sħiħ mir-riżorsi tas-sajd – mingħajr ma jeqred jew inaqqas l-istokkijiet – kif ukoll biex jiżgura provvista u konsenja regolari ta' prodotti friski u ta' kwalità għolja lill-pubbliku, lis-settur tal-Horeca u lill-industrija tal-ipproċessar tal-ikel;

22.

Iqis li kundizzjonijiet xierqa ta' ħżin fil-portijiet jistgħu jiffaċilitaw u jiggarantixxu l-preservazzjoni tal-ħut u jgħinu l-inklużjoni kummerċjali, bil-għan li tittejjeb il-profittabbiltà tal-ħut billi tittieħed azzjoni indiretta fil-formazzjoni tal-prezzijiet; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-possibilitajiet previsti fl-OKS u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

23.

Huwa tal-fehma li l-FEMSA u l-programmi operattivi nazzjonali l-ġodda għandhom isaħħu u jipprovdu appoġġ ċar għas-sajd fuq skala żgħira, sabiex jikkontribwixxu biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-vijabbiltà futura tal-komunitajiet kostali numerużi li tradizzjonalment huma dipendenti fuq is-sajd, sabiex jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi ta' dan is-settur u tiġi appoġġata l-ġestjoni lokali sostenibbli tas-sajd involut;

24.

Iqis li l-appoġġ mogħti mill-Istati Membri meta jimplimentaw l-FEMSA għandu jkun akkumpanjat biex jindirizza l-fallimenti strutturali, u b'hekk jikkontribwixxi għal żieda fid-dħul mis-sajd, jippromwovi l-impjiegi bi drittijiet fis-settur u jiżgura prezzijiet ġusti għall-produtturi, jappoġġa l-iżvilupp ta' attivitajiet relatati, upstream u downstream mis-sajd, jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-koeżjoni tar-reġjuni kostali f'qafas ta' sajd sostenibbli u futur għas-settur tas-sajd fuq skala żgħira;

25.

Jisħaq li, bil-ħsieb li tittejjeb ir-rata ta' eżekuzzjoni tal-finanzjament tal-FEMSA u jiġi żgurat li s-sajd fuq skala żgħira jkollu aċċess għall-appoġġ, huwa meħtieġ li jiġu eżaminati u implimentati miżuri biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri, u b'hekk jitnaqqsu l-burokrazija, il-kumplessità u l-ħin ta' approvazzjoni tal-applikazzjonijiet; jiġi emendat il-proċess ta' finanzjament biex tingħata l-għajnuna u jiġi sostitwit b'sistema ta' prefinanzjament; u jintużaw bis-sħiħ il-limiti tal-finanzjament tal-fond;

26.

Jisħaq li l-UE hija nieqsa minn għodda biex tifhem il-firxa tal-investimenti tal-FEMS u tal-FEMSA fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira, l-għadd ta' prattiki tajba ffinanzjati, it-twassil ta' riżultati konkreti u kif il-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd qed jaħdmu u jimplimentaw b'mod effettiv il-PKS; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi tali għodda bħala pass fundamentali sabiex tifhem kif għandha żżid il-prattiki tajbin u tirreplika metodi tas-sajd virtużi fuq skala tal-UE kollha;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu assistenza teknika fil-livell lokali biex jiffaċilitaw l-aċċess tas-sajjieda fuq skala żgħira għall-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali;

28.

Iwissi dwar l-età medja għolja tal-flotta tas-sajd fuq skala żgħira u jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li l-attività tas-sajd ta' dan is-segment issir attraenti għaż-żgħażagħ u n-nisa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġġedded u tiġi aġġornata l-flotta fuq skala żgħira bil-għan li jittejbu s-sikurezza u l-kundizzjonijiet tal-għajxien abbord, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u s-segment isir aktar ekoloġiku, filwaqt li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda żieda fil-kapaċità tas-sajd fil-flotta ġenerali tas-sajd u tittejjeb is-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tal-komunitajiet tas-sajd li jiddependu fuq il-flotta; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn il-bastimenti jkunu skadew u b'hekk jiżdiedu l-kostijiet tal-operat, tal-manutenzjoni u tar-riklassifikazzjoni (ekonomikament u ambjentalment), li min-naħa tagħhom jikkompromettu l-kundizzjonijiet ta' sikurezza garantiti matul l-operazzjonijiet; jisħaq li l-kriterji tat-tunnellaġġ gross biex titkejjel il-kapaċità tas-sajd, billi jiġi inkluż ukoll l-ispazju riżervat għall-faċilitajiet u l-kumdità tal-ekwipaġġ, jistgħu jfixklu l-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd u t-titjib tant meħtieġ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-flotta tas-sajd fuq skala żgħira; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tirrevedi dawn il-kriterji u dispożizzjonijiet interkonnessi oħra sabiex tinstab soluzzjoni li tista' tiżgura bilanċ tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema tas-sajd fuq skala żgħira mal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kapaċità tas-sajd tal-flotta tal-UE ma tiżdiedx;

29.

Itenni li l-appoġġ għat-tiġdid u/jew il-modernizzazzjoni meħtieġa tal-flotta huwa meħtieġ għat-titjib tas-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali tal-attivitajiet; jisħaq, madankollu, li dan għandu jinkiseb biss mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd;

30.

Huwa tal-fehma li jekk tiġi injorata l-ħtieġa tat-tiġdid tal-flotta u l-manutenzjoni u t-titjib tal-bastimenti, b'mod partikolari iżda mhux esklussivament, ta' bastimenti skaduti u ineffiċjenti, dan jipperikola l-futur tas-sajd fuq skala żgħira, speċjalemnt fir-reġjuni ultraperiferiċi;

31.

Jirrimarka li l-FEMSA jipprovdi opportunitajiet għal investimenti fis-sikurezza, kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar u rendiment tal-enerġija għall-bastimenti, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju wkoll għall-flotta kostali u artiġjanali fuq skala żgħira, u li dan għandu joffri wkoll opportunitajiet ta' finanzjament għat-tiġdid, ir-ristrutturar u r-restawr tal-bastimenti, u x-xiri ta' bastimenti ġodda fil-flotta tas-sajd fuq skala żgħira – speċjalment fil-każijiet identifikati fejn din il-flotta hija ta' età medja avvanzata u ma tiggarantixxix kundizzjonijiet essenzjali ta' sikurezza u operabbiltà – kif ukoll għal żidiet fis-saħħa tal-magna, fejn ikun debitament ġustifikat, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' sikurezza aħjar abbord matul l-operazzjonijiet u mad-dħul u l-ħruġ mill-baħar, u biex jiżdied il-ħin imqatta' fuq il-baħar, dment li ma jkunx hemm żieda fil-kapaċità tal-isforz tas-sajd, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi;

32.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards u r-regolamenti tal-UE fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-sikurezza, tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti tas-sajd;

33.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jaħdmu kontinwament fuq iż-żamma u t-titjib tal-portijiet tagħhom biex jiġi żgurat li l-qabdiet jistgħu jinħattu l-art u jinħattu f'kundizzjonijiet ta' sikurezza;

34.

Jisħaq fuq l-importanza soċjoekonomika, f'termini ta' impjiegi u koeżjoni soċjali, tas-settur tas-sajd, inkluż is-sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u kostali għar-reġjuni ultraperiferiċi, żoni li huma kkaratterizzati minn restrizzjonijiet strutturali u inqas opportunitajiet għad-diversifikazzjoni ekonomika; jitlob, għalhekk, għal żieda fl-appoġġ tal-UE għas-settur tas-sajd fuq skala żgħira f'dawk ir-reġjuni;

35.

Jinnota l-appoġġ, ipprovdut fl-ambitu tal-FEMSA, għas-settur tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi, bil-ħsieb, b'mod partikolari, li jingħata appoġġ għall-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mid-distanza fir-rigward tal-bejgħ ta' ċerti prodotti tas-sajd minn xi reġjuni ultraperiferiċi;

36.

Jindika l-karatteristiċi speċifiċi tal-ktajjen tal-valur tas-settur tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi u jsostni li hi meħtieġa attenzjoni speċjali biex issaħħaħhom u tiffaċilita l-aċċess tagħhom għas-swieq, għan li jista' jintlaħaq billi mhux biss tiġi stabbilita mill-ġdid skema POSEI għas-sajd, iżda wkoll billi tiġi stabbilita skema simili għat-trasport;

37.

Jenfasizza l-potenzjal tas-sajd turistiku f'dawn ir-reġjuni bħala mod kif iż-żgħażagħ jiġu attirati lejn il-professjoni u jiġi diversifikat id-dħul tas-sajjieda mingħajr ma jiżdied l-isforz tas-sajd tagħhom, jiġu rispettati l-limiti tal-isforz tas-sajd u ssir sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-tradizzjonijiet tas-settur u l-għarfien dwar il-baħar; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi garantit tnaqqis fil-burokrazija relatata ma' din l-attività u li jingħata appoġġ tal-UE għal dawn l-attivitajiet;

38.

Iqis li l-futur tas-sajd fuq skala żgħira jirrikjedi li r-regolamenti tal-UE jiżguraw ambjent regolatorju li jsaħħaħ il-pożizzjoni tas-sajjieda fil-katina tal-provvista u jipprovdi investimenti għas-sostenibbiltà, l-istabbiltà u l-kompetittività ekonomika fit-tul tas-settur;

39.

Huwa tal-fehma li l-objettivi ta' politika tas-sajd għandhom jinkludu l-garanzija tal-provvista tal-ħut lill-pubbliku – bħala parti mill-iżgurar tas-sigurtà u s-sovranità tal-ikel – l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali, filwaqt li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd jiżviluppaw fil-limiti ekoloġiċi, u l-promozzjoni tal-professjonijiet relatati mas-sajd billi tiżdied l-attraenza tagħhom; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-PKS għandha tirrikonoxxi wkoll ir-rwol soċjoekonomiku tas-sajd fuq skala żgħira fil-komunitajiet tas-sajd, billi tipprovdi impjiegi u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tas-sajjieda u tal-ħaddiema li jwettqu kompiti awżiljarji, normalment in-nisa, bit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-abitabbiltà u tal-kundizzjonijiet tas-sikurezza għall-ekwipaġġi, sabiex jiġu attirati ż-żgħażagħ u jinkiseb tiġdid ġenerazzjonali ta' din l-attività, f'qafas ta' sostenibbiltà garantita u konservazzjoni tajba tar-riżorsi;

40.

Itenni li r-realtà tas-sajd fl-UE hija kumplessa u tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor f'termini tal-flotot tas-sajd rispettivi, l-impatt ambjentali ta' segmenti differenti tal-flotta, l-irkaptu tas-sajd, l-istokkijiet tal-ħut u l-istat ta' konservazzjoni tagħhom, u d-drawwiet tal-konsum tal-popolazzjoni; jenfasizza l-possibbiltà tar-reġjonalizzazzjoni, fejn xieraq, tal-ġestjoni tas-sajd fil-qafas tal-PKS, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda kollha, inkluż fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd; jafferma mill-ġdid li din id-diversità kbira tirrikjedi li l-ġestjoni tas-sajd tkun akkumpanjata minn eċċezzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jimplimentaw prattiki ta' ġestjoni aktar speċjalizzati, li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi, jippromwovu d-djalogu, jinvolvu s-settur u l-komunitajiet kostali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki, u li jkunu bbażati fuq għarfien xjentifiku sod;

41.

Jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' ġestjoni fil-livell lokali permezz ta' ġestjoni konġunta jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-programmi tal-FEMSA tal-Istati Membri;

42.

Jenfasizza li r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 dwar il-kontroll tas-sajd għandha tirrispetta l-karatteristiċi speċjali tal-attività tas-sajd fuq skala żgħira u mhux tgħabbiha żżejjed bil-burokrazija, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġeolokalizzazzjoni jew it-trażmissjoni elettronika tad-data dwar il-qabdiet; jitlob li jkun hemm sistema ta' kontroll imfassla b'mod speċifiku u adattata għar-realtà u d-diversità tal-flotta kostali fuq skala żgħira, inkluż il-ġbir tal-frott tal-baħar bil-qoxra u s-sajd mingħajr bastimenti, li fiha l-proporzjonalità u approċċ gradwali huma kruċjali;

43.

Iqis li d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet fl-ekonomija blu sostenibbli usa' hija importanti, u din tinvolvi t-tisħiħ tal-kultura tal-komunitajiet, il-promozzjoni ta' prodotti sekondarji u prodotti tas-sajd li, filwaqt li għandhom potenzjal, ma għandhom l-ebda valur kummerċjali; iqis, madankollu, li tali attivitajiet m'għandhomx jikkompromettu l-attività tas-sajd jew id-drittijiet storiċi tas-sajjieda għall-baħar;

44.

Jemmen li l-użu tal-ispazju marittimu għal żoni oħra ta' sfruttament ekonomiku m'għandux jikkomprometti d-drittijiet storiċi tas-sajd; iqis li s-sajd fuq skala żgħira għandu jiġi integrat bis-sħiħ fl-ippjanar strateġiku ta' dawn il-politiki; jemmen li teżisti sitwazzjoni simili fl-ilmijiet interni, fejn is-sajd fuq skala żgħira jiffaċċja kunflitti dejjem akbar dwar l-użu tar-riżorsi u tal-ilma ħelu, li jikkompetu ma' industriji li għandhom impatt negattiv fuq il-ħabitats riparji u r-riżorsi tal-ħut;

45.

Jisħaq li l-isfidi soċjoekonomiċi u ambjentali li jirriżultaw mill-ġestjoni taż-żoni marini protetti joffru soluzzjoni potenzjali għar-rikonċiljazzjoni tal-objettivi ta' konservazzjoni u ta' sostenibbiltà minn naħa waħda bl-integrazzjoni tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira fid-deċiżjonijiet ta' ġestjoni fiż-żoni marini protetti u madwarhom min-naħa l-oħra; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċi parteċipatorji għall-ġestjoni taż-żoni marini protetti, abbażi ta' data bijoloġika u soċjoekonomika fformulata, implimentata u riveduta b'mod konġunt flimkien mal-prattikanti taż-żoni marini protetti, il-partijiet ikkonċernati u s-settur tas-sajd fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-iżvilupp ta' prattiki ta' ġestjoni parteċipattiva, anke bil-ħsieb li jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd fuq skala żgħira u, fejn applikabbli, l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu responsabbli;

46.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' protezzjoni ekonomika u soċjali matul il-perjodi li fihom ma jsirx sajd u fil-każ ta' diżastri li jxekklu l-attivitajiet; jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi li jipprevedu kumpens għall-pagi għal qligħ mitluf matul dawn il-perjodi; jisħaq li tali kumpens għandu jiġi ttrattat bħala ħin tax-xogħol reali għall-finijiet tal-pensjoni tal-irtirar u intitolamenti oħra tas-sigurtà soċjali;

47.

Jemmen li, jekk nixtiequ naraw tiġdid ġenerazzjonali, iridu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet attraenti għaż-żgħażagħ u n-nisa, li jfisser li jiġi vvalutat id-dħul tas-sajd filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà tiegħu, u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali, tiżdied l-allokazzjoni tal-kwoti għas-sajd fuq skala żgħira f'konformità mal-parir xjentifiku, jiġi żgurat taħriġ taħt kundizzjonijiet li jqisu kif xieraq id-diversità tal-prattiki tas-sajd, l-irkaptu tas-sajd u l-ħtiġijiet ta' kull Stat Membru, kif ukoll jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol u sikurezza adegwati abbord; ifakkar li l-FEMSA jipprovdi appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali; iqis li t-taħriġ għandu jiggarantixxi komponent prattiku b'saħħtu, filwaqt li titqies ir-realtà speċifika tal-kuntest nazzjonali, reġjonali jew lokali li fih iseħħ; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li għandu jkun possibbli li dan jiġi kkombinat mat-taħriġ teoretiku, filwaqt li jsir gwadann ukoll mill-għarfien akkumulat ta' dawk li kienu jew li jinsabu fuq il-baħar;

48.

Jitlob li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u tekniċi għar-riċerka dwar is-sajd f'kull Stat Membru bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet immirati lejn ir-riżorsi tas-sajd, jiżdiedu u jittejbu l-ġbir tad-data u l-valutazzjoni tal-istat tar-riżorsi.

49.

Jitlob żieda fir-riżorsi finanzjarji u tekniċi għar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi relatati mas-sajd fl-UE u f'kull Stat Membru; b'mod partikolari, jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-istituti ta' riċerka u l-laboratorji f'dan il-qasam b'riżorsi materjali u umani bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet immirati lejn il-promozzjoni ta' sajd fuq skala żgħira, kostali u artiġjanali, u l-garanzija ta' fehim aħjar tal-kawżi varji tat-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut, u l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-ħut; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti s-sajjieda u l-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda fl-attivitajiet ta' monitoraġġ xjentifiku, ta' mmappjar, ta' ġbir tad-data, ta' ġestjoni u ta' kontroll, sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-għarfien tagħhom;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi azzjoni ta' mmappjar komprensiv u fir-reġjun kollu biex jiġi żviluppat korp preċiż u komplut ta' data ta' bażi dwar is-sajd fuq skala żgħira bil-għan li jitkejjel l-impatt ekonomiku u soċjali tas-sajd fuq skala żgħira kemm f'termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi u biex jiġi stmat il-valur tal-output prodott mis-sajd fuq skala żgħira; l-impatt ekonomiku tagħhom fuq il-komunitajiet kostali; u l-impatt tagħhom fuq setturi relatati;

51.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw ir-riċerka dwar prattiki li jżidu u jiddiversifikaw id-dħul tal-komunitajiet tas-sajd u tas-settur tas-sajd, inkluż is-sajd fuq skala żgħira; jemmen li r-riżultat ta' tali riċerka għandu jinxtered fl-UE bil-għan li jiġu replikati, implimentati u promossi proġetti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

52.

Jenfasizza li minkejja t-titjib fil-kopertura tad-data, għad hemm nuqqas ta' data u indikaturi statistiċi ekonomiċi, soċjali u territorjali eżawrjenti fil-livell Ewropew dwar is-sajd fuq skala żgħira; jisħaq li dan in-nuqqas ta' statistika ma jippermettix analiżi xierqa tas-segment u għalhekk jagħmilha aktar diffiċli li tiġi stabbilita azzjoni leġiżlattiva xierqa biex jiġu indirizzati l-aktar kwistjonijiet kritiċi li qed jiffaċċja s-sajd fuq skala żgħira;

53.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu u jtejbu l-ġbir u d-diżaggregazzjoni xierqa tad-data dwar is-sajd, jiksbu data statistika adegwata dwar il-qabdiet u l-ħatt l-art bil-għan li ssir valutazzjoni u ġestjoni aħjar tar-riżorsi, inklużi attivitajiet assoċjati, aspetti soċjali u ekonomiċi, u analiżi ta' użi kummerċjali oħra, b'mod partikolari għas-sajd fuq skala żgħira u l-komunitajiet assoċjati magħhom;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi mmappjar komprensiv u fir-reġjun kollu tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ u disponibbli għas-sajd fuq skala żgħira fl-Istati Membri bil-għan li jiġu identifikati u promossi l-aktar għażliet ta' suċċess, inklużi mekkaniżmi leġiżlattivi u istituzzjonali li jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tas-sajd fuq skala żgħira fl-attivitajiet kollha relatati mal-iżvilupp sostenibbli tas-settur, bħall-iżvilupp ta' attivitajiet alternattivi, il-ġestjoni konġunta, l-appoġġ finanzjarju, it-tikkettar, it-traċċabbiltà u d-dritt għal xogħol deċenti u l-protezzjoni soċjali;

55.

Huwa tal-fehma li meta jimplimentaw il-PKS, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-objettivi ambjentali meħtieġa trid timxi id f'id mad-definizzjoni tal-objettivi soċjali u ekonomiċi, u li l-interdipendenza tagħhom għandha titqies mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, kemm meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni kif ukoll meta jfasslu inizjattivi leġiżlattivi futuri;

56.

Jisħaq li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jista' jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-istrutturi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd fuq skala żgħira, fit-titjib tal-aċċess għas-suq għall-prodotti tas-sajd fuq skala żgħira u fiż-żieda tad-disponibbiltà tal-prodotti tal-ikel lokali fil-komunitajiet kostali; jisħaq b'mod partikolari fuq il-fatt li dawn l-attivitajiet ta' tisħiħ u ta' promozzjoni jgħinu biex is-sajd fuq skala żgħira jitqiegħed f'pożizzjoni aħjar biex jiġu nnegozjati l-prezzijiet, u tiġi promossa kompetizzjoni intersettorjali b'saħħitha u użu aktar effiċjenti tal-istrutturi u r-riżorsi tagħhom stess permezz ta' azzjoni kollettiva;

57.

Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza kruċjali li s-settur tas-sajd fuq skala żgħira jkollu kapaċità organizzattiva ddedikata aktar b'saħħitha sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-katina tal-valur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex iżidu s-setgħa ta' negozjar tas-sajjieda fuq skala żgħira u jappoġġaw, jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet u kooperattivi għal dan is-segment bħala għodda importanti fit-titjib tas-saħħa tagħhom fil-katina tal-provvista u jżidu s-setgħa ta' negozjar tagħhom fil-konfront ta' atturi oħra tas-suq, sabiex jiġu żgurati marġnijiet ta' profitt tajbin u jiġu ġestiti aħjar l-attivitajiet tas-sajd tagħhom;

58.

Jinsisti li assoċjazzjonijiet u xirkiet ta' negozjanti jridu jiġu rikonoxxuti u jkunu eliġibbli li jirċievu għajnuna finanzjarja fuq bażi ugwali mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-qafas tar-riforma tal-OKS, biex jadottaw inizjattivi dwar din il-kwistjoni bil-għan li titneħħa kwalunkwe diskriminazzjoni bejn ix-xirkiet ta' negozjanti u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

59.

Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu r-Regolament OKS billi jistabbilixxu pjanijiet reġjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd fuq skala żgħira sabiex tiżdied il-profittabbiltà tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira u jittejbu l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodotti tiegħu;

60.

Jisħaq fuq l-importanza li s-sajjieda fuq skala żgħira jiġu involuti fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jtejbu t-trasparenza fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tas-sajd fuq skala żgħira biex tiġi żgurata r-responsabbiltà; iħeġġeġ l-għoti tas-setgħa lill-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda fuq skala żgħira biex jikkondividu r-responsabbiltà u s-setgħa tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ġestjoni konġunta mal-awtoritajiet nazzjonali fil-kumitati ta' ġestjoni konġunta;

61.

Jisħaq li l-vijabbiltà tas-sajd fuq skala żgħira tiddependi b'mod kritiku fuq l-aċċess sigur għar-riżorsi u ż-żoni tas-sajd minn naħa waħda, u għas-swieq b'valur miżjud min-naħa l-oħra; jitlob, f'dan ir-rigward, approċċ differenzjat għall-ġestjoni tas-sajd fuq skala żgħira li jinkludi aċċess prijoritarju għaż-żoni tas-sajd qrib il-kosta;

62.

Iqis li l-ġestjoni konġunta hija għodda vitali għas-sajd fuq skala żgħira, u din tagħmilha possibbli li tiġi ottimizzata l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd bl-użu ta' approċċ integrat, filwaqt li jitqiesu l-aspetti kollha tas-sostenibbiltà, inklużi l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u li jiġu inkorporati l-parteċipazzjoni u l-involviment attivi tal-amministrazzjoni, is-settur tas-sajd, il-komunità xjentifika u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

63.

Jissottolinja l-impatt ambjentali baxx tas-sajd u l-produzzjoni ta' ikel san tiegħu, peress li ma jinvolvix għalf artifiċjali, antibijotiċi, fertilizzanti jew kwalunkwe użu ta' pestiċidi kimiċi;

64.

Jisħaq li ma għandux jinħoloq kunflitt artifiċjali bejn is-sajjieda industrijali meta mqabbla mas-sajjieda fuq skala żgħira; huwa tal-fehma li s-sajjieda industrijali u dawk fuq skala żgħira mhumiex f'kompetizzjoni ma' xulxin, peress li fil-biċċa l-kbira jistadu għal speċijiet differenti l-aktar f'postijiet tas-sajd differenti; jieħu nota tal-fatt li l-hekk imsejħa kumpaniji tas-sajd industrijali huma wkoll negozji tal-familja li ilhom jeżistu għal ġenerazzjonijiet sħaħ u li għandhom għeruq fondi fil-komunitajiet tas-sajd lokali u huma konnessi magħhom;

65.

Jirrimarka li d-dikjarazzjoni tal-2022 bħala s-Sena Internazzjonali tas-Sajd Artiġjanali u l-Akkwakultura tikkostitwixxi opportunità eċċezzjonali biex tingħata attenzjoni globali lill-ħidma li saret minn dan is-segment tal-flotta għas-sigurtà tal-ikel u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, kif ukoll biex jiġi żgurat li s-sajd artiġjanali jikseb il-viżibbiltà u jiġi inkluż b'mod aktar attiv fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

66.

Iqis li t-titjib tas-selettività u li ssir it-tranżizzjoni lejn tekniki tas-sajd b'impatt baxx huma kruċjali għas-sopravivenza u l-prosperità tas-sajd fuq skala żgħira;

67.

Jisħaq li l-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għas-segmenti l-aktar dgħajfa tal-flotta sabiex irawmu l-ktajjen tal-valur u jipprevjenu l-fallimenti tas-suq; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu inizjattivi leġiżlattivi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament formali għas-settur tas-sajd fuq skala żgħira; jisħaq li dan għandu jinkludi aċċess kemm għall-kreditu formali għall-ispejjeż kapitali kif ukoll għall-finanzjament għall-operazzjonijiet tas-sajd; l-iżvilupp, fi sħubija mal-istituzzjonijiet finanzjarji, ta' faċilitajiet u prodotti finanzjarji għal investiment fuq terminu medju sa twil; u l-applikazzjoni ta' skemi ta' finanzjament formali bħal kuntratti ta' produzzjoni jew irċevuti tal-ħżin, bil-parteċipazzjoni ta' sajjieda, kummerċjanti u awtoritajiet pubbliċi;

68.

Jenfasizza li l-ippjanar tal-ispazju marittimu (MSP) huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-użu u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar; jenfasizza li l-ippjanar tal-ispazju marittimu huwa għodda ewlenija biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' sajjieda fuq skala żgħira fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

69.

Isostni li t-tnaqqis kontinwu fl-appoġġ tal-UE għas-settur fl-ambitu ta' oqfsa finanzjarji pluriennali suċċessivi u, b'mod partikolari, it-tnaqqis fil-finanzjament għall-FES/FEMSA u l-OKS, huwa wieħed mill-fatturi li wasslu biex is-sitwazzjoni tas-settur tmur għall-agħar; itenni, għalhekk, li l-appoġġ finanzjarju tal-UE għas-settur tas-sajd jeħtieġ li jiżdied b'mod konsiderevoli;

70.

Iqis il-Linji Gwida Volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU għas-Sostenibbiltà tas-Sajd fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà tal-Ikel u l-Qerda tal-Faqar bħala kontribut siewi fid-definizzjoni ta' qafas li jissalvagwardja, jimmassimizza u jippromwovi s-sajd fuq skala żgħira fil-kuntest ta' politika ta' ġestjoni tas-sajd;

71.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jsaħħu r-rwol tax-xogħol tan-nisa fis-sajd permezz ta' proġetti speċifiċi u billi jagħtu rikonoxximent legali sħiħ lir-rwol tan-nisa bħala “assistenti” u koħaddiema f'azjendi tas-sajd immexxija minn tal-familja, bil-għan li jiġu żgurati garanziji tax-xogħol akbar, dħul għall-futur u benefiċċji tas-sigurtà soċjali;

72.

Iqis li huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bil-għan li jiġi rikonoxxut it-taħriġ bażiku pprovdut minn skejjel jew istituzzjonijiet edukattivi li huma rikonoxxuti mis-sistemi edukattivi nazzjonali ta' kull Stat Membru jew pajjiż terz u li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

73.

Iqis li l-bini ta' punti ta' unità bejn il-firxa varjata ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-settur ikun element importanti fid-difiża tat-talbiet tiegħu u fl-iżgurar li dan jitqies kif xieraq fid-definizzjoni tal-politiki tal-ġestjoni tas-sajd u tal-politiki għall-użu tal-ispazju marittimu;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi proġetti, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, li se jikkontribwixxu għall-protezzjoni taż-żoni kostali u tal-gżejjer bħala partijiet integrali tal-wirt tas-sajd u dak marittimu;

75.

Jisħaq li s-settur tas-sajd fuq skala żgħira, aktar mill-bqija tas-segmenti tal-flotta, jista' jġorr il-piż tal-impatt tal-ħtieġa dejjem tikber ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku tal-UE; jisħaq li s-sajd fuq skala żgħira se jiġi affettwat b'mod partikolari jekk iseħħ spostament li jirriżulta mill-installazzjoni ta' għadd dejjem jikber ta' unitajiet ta' parks eoliċi lil hinn mill-kosta fil-postijiet tas-sajd qrib il-kosta, peress li jista' jkun li dawn ma jkollhomx il-kapaċità li jiċċaqilqu lejn postijiet tas-sajd aktar 'il bogħod jew li jibdlu l-metodi tas-sajd; jappella, f'dan ir-rigward, għal ippjanar tal-ispazju marittimu xieraq sabiex jiġu ggarantiti l-interessi tas-setturi kollha u għal kumpens ġust lis-sajjieda fuq skala żgħira bħala l-aħħar alternattiva;

76.

Jisħaq fuq l-opportunitajiet li jirriżultaw minn sinerġiji possibbli bejn is-sajd fuq skala żgħira u setturi oħra u, b'mod partikolari, mat-turiżmu kostali li jikkondividi l-istess assi u infrastrutturi bħas-settur tas-sajd fuq skala żgħira; jisħaq li tali sinerġiji jippermettu d-diversifikazzjoni fl-ekonomija lokali, jipprovdu impjiegi u dħul addizzjonali lill-familji, u jgħinu biex jistabbilizzaw it-tnaqqis fil-profittabbiltà u l-impjiegi fis-settur tas-sajd; jitlob, f'dan ir-rigward, definizzjoni ċara ta' “turiżmu tas-sajd” li tippermetti attività regolata u fl-istess ħin li s-sajjieda professjonali fuq skala żgħira jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ipprovduti mis-sinerġiji mas-settur tal-ekonomija blu;

77.

Jenfasizza li fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira n-nisa għadhom sottorappreżentati; jisħaq li minkejja dan, in-nisa minn dejjem kellhom rwol attiv, għalkemm spiss inviżibbli, fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira; jisħaq li din l-“inviżibbiltà” hija attribwibbli mhux biss għal raġunijiet kulturali, iżda wkoll għan-nuqqas ta' data statistika uffiċjali dwar l-impjiegi tan-nisa fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw proġetti ddedikati għall-ġbir ta' informazzjoni dwar l-impjiegi tan-nisa, kif ukoll biex in-nisa jkunu jistgħu jidħlu fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira u jokkupaw rwol ċentrali fi ħdanu;

78.

Iqis li l-garanzija ta' ambjent tax-xogħol aċċessibbli, inkluż fis-settur tas-sajd, bil-għan li jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol kemm is-sajjieda attivi kif ukoll l-eks sajjieda u ħaddiema oħra fl-industrija tas-sajd li jbatu minn diżabilitajiet fiżiċi jew mentali, twassal għal aktar inklużjoni soċjali u tgħin biex jinħolqu aktar inċentivi għall-ġenerazzjoni tad-dħul fis-settur tas-sajd u fil-komunitajiet tas-sajd;

o

o o

79.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE.

(1)  Dokument ekonomiku marittimu Nru 08/2020, “The EU fishing fleet 2020: Trends and economic results” (Il-flotta tas-sajd tal-UE 2020: Xejriet u riżultati ekonomiċi), Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, 9 ta' Marzu 2021.

(2)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(3)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.

(5)  ĠU C 474, 24.11.2021, p. 218.

(6)  ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1.

(7)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(8)  ĠU C 184, 5.5.2022, p. 2.

(9)  “The 2019 Annual Economic Report on the EU Fishing Fleet (STECF 19-06)” (Ir-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2019 dwar il-Flotta tas-Sajd tal-UE (STECF 19-06)), il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, 20 ta' Awwissu 2019: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/ca63ab82-c3bf-11e9-9d01-01aa75ed71a1

(10)  “Social data in the EU fisheries sector (STECF 19-03)” (Data soċjali fis-settur tas-sajd tal-UE (STECF 19-03)), il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, 26 ta' Settembru 2019: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/fd0f6774-e0dd-11e9-9c4e-01aa75ed71a1

(11)  “The 2021 Annual Economic Report on the EU Fishing Fleet (STECF 21-08)” (Ir-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2021 dwar il-Flotta tas-Sajd tal-UE (STECF 21-08)), il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, 8 ta' Diċembru 2021: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/77fb8e7b-58a7-11ec-91ac-01aa75ed71a1

(12)  “Social dimension of the CFP (STECF 20-14)” (Id-dimensjoni soċjali tal-PKS (STECF 20-14)), il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, 10 ta' Diċembru 2020: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2672864/STECF+20-14+-+Social%20+dimension+CFP.pdf/a68c6c42-6b64-41fc-b5a0-b724c71aa78e

(13)  Pascual-Fernández, J.J., Pita, C. u Bavinck, M. (eds), Small-Scale Fisheries in Europe: Status, Resilience and Governance, MARE Publication Series (Sajd fuq Skala Żgħira fl-Ewropa: Status, Reżiljenza u Governanza), Vol. 23, Springer, Cham, l-Iżvizzera, 2020.

(14)  https://www.actu-environnement.com/media/pdf/news-28756-declaration-malte-surpeche-mediterranee.pdf

(15)  Rapport ta' implimentazzjoni tal-FEMS għall-2020, Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Unità ta' Appoġġ għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tas-Sajd u l-Akkwakultura, Settembru 2021: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/system/files/2021-09/emff-implementation-report-2020_en.pdf

(16)  Martini, R. and Innes, J., “Relative Effects of Fisheries Support Policies” (Effetti Relattivi tal-Politiki ta' Appoġġ għas-Sajd), OECD Food, Agriculture and Fisheries Papers, Nru 115, OECD Publishing, Pariġi, 2018: https://www.oecd-ilibrary.org/agriculture-and-food/relative-effects-of-fisheries-support-policies_bd9b0dc3-en

(17)  Said, A. et al., “Small-scale fisheries access to fishing opportunities in the European Union: Is the Common Fisheries Policy the right step to SDG14b?” (Aċċess għas-sajd fuq skala żgħira għall-opportunitajiet tas-sajd fl-Unjoni Ewropea: Il-Politika Komuni tas-Sajd hija l-pass it-tajjeb għall-SDG14b?), Marine Policy, Vol. 118, 2020: https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0308597X20302475

(18)  Smith, H. u Basurto, X., “Defining Small-Scale Fisheries and Examining the Role of Science in Shaping Perceptions of Who and What Counts: A Systematic Review” (Definizzjoni ta' Sajd fuq Skala Żgħira u Eżaminazzjoni tar-Rwol tax-Xjenza fit-Tiswir tal-Perċezzjonijiet ta' Min Jgħodd u x'Jgħodd: Rieżami Sistematiku), Frontiers in Marine Science, Vol. 6, 2019: https://www.frontiersin.org/articles/10.3389/fmars.2019.00236/full

(19)  Studju – “Small-scale Fisheries and ‘Blue Growth’ in the EU” (Sajd fuq Skala Żgħira u “Tkabbir Blu” fl-UE), il-Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment tal-Politika B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 18 ta' Marzu 2017: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/573450/IPOL_STU(2017)573450_EN.pdf

(20)  Study – “Workshop on electronic technologies for fisheries – Part III: Systems adapted for small-scale vessels” (Workshop dwar it-teknoloġiji elettroniċi għas-sajd – Parti III: Sistemi adattati għal bastimenti fuq skala żgħira), il-Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment tal-Politika B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 30 ta' Lulju 2021: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/690863/IPOL_STU(2021)690863_EN.pdf

(21)  Studju – “Impacts of the COVID-19 pandemic on EU fisheries and aquaculture” (Impatti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sajd u l-akwakultura tal-UE), il-Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment tal-Politika B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 7 ta' Lulju 2021: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/690880/IPOL_STU(2021)690880_EN.pdf

(22)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 167.

(23)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 82.

(24)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 20.

(25)  ĠU C 117, 11.3.2022, p. 18.

(26)  ĠU C 117, 11.3.2022, p. 67.

(27)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2022” (COM(2021)0279),

(28)  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/FISH_FLEET_ALT__custom_1479572/default/table?lang=en

(29)  https://ec.europa.eu/fisheries/facts_figures_en?qt-facts_and_figures=2

(30)  Ara p. 8 ta' Small-Scale Fisheries in Europe: Status, Resilience and Governance (Sajd fuq Skala Żgħira fl-Ewropa: Status, Reżiljenza u Governanza).