31991Q0704(02)



Official Journal L 176 , 04/07/1991 P. 0007 - 0032


REGOLI TAL-PROĊEDURA

TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

L-edizzjoni preżenti tikkonsolida:

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tad-19 ta' Ġunju 1991 (ĠU L 176 ta' l-4.7.1991, p. 7, u ĠU L 383 tad-29.12.1992 – korriġenda) u l-emendi li jirriżultaw mill-atti segwenti:

1. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta' Frar 1995 (ĠU L 44 tat-28.2.1995, p.61),

2. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta' Marzu 1997 (ĠU L 103 tad-19.4.1997, p. 1, u ĠU L 351 tat-23.12.1997, p. 72 – korriġenda),

3. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta' Mejju 2000 (ĠU L 122 tal-24.4.2000, p. 43),

4. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta' Novembru 2000 (ĠU L 322 tad-19.12.2000, p. 1),

5. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta' April 2001 (ĠU L 119 tas-27.4.2001, p. 1),

6. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Settembru 2002 (ĠU L 272 tal-10.10.2002, p. 24, u ĠU L 281 tad-19.10.2002, p. 24 – korriġenda).

7. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 2003 (ĠU L 147 tal-14.6.2003, p. 17)

8. Id-Deċiżjoni emendata ta' l-10 ta' Ġunju 2003 dwar il-jiem ta' vakanza annessa mar-Regoli tal-Proċedura (ĠU L 172 ta' l-10.7.2003, p. 12)

9. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tad-19 ta' April 2004 (ĠU L 132 tad-29.4.2004, p. 2).

10. L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-20 ta' April 2004 (ĠU L 127 tad-29.4.2004, p. 107).L-edizzjoni preżenti m'għandhiex forza legali u, għalhekk, il-preamboli tħallew barra.

Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

tad-19 ta' Ġunju 1991 [1]

WERREJ

DISPOŻIZZJONI PRELIMINARI

Artikolu 1

Fid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli:

- It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa msejjaħ … "Trattat dwar l-Unjoni",

- It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa msejjaħ … "Trattat KE",

- It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika huwa msejjaħ … "Trattat KEEA",

- Il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa msejjaħ … "Statut",

- Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea huwa msejjaħ … "ftehim ŻEE"

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawn ir-Regoli:

- "istituzzjonijiet" tfisser l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet u l-korpi, stabbiliti mit-Trattati jew minn att adottat sabiex jimplementahom, u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti,

- "Awtorità tas-Sorveljanza EFTA" tfisser l-awtorità tas-sorveljanza prevista mill-ftehim ŻEE.

TITOLU I

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI

Kapitolu I

FUQ L-IMĦALLFIN U L-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 2

It-terminu tal-kariga ta' Mħallef jibda jiddekorri mid-data stabbilita għal dan fl-att tal-ħatra tiegħu. Jekk l-att tal-ħatra tiegħu ma jistabbilixxix data, it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data ta' dak l-att.

Artikolu 3

1. Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-Imħallfin, fl-ewwel seduta pubblika tal-Qorti li huma jattendu wara l-ħatra tagħhom, jieħdu l-ġurament segwenti:

"Jiena naħlef li naqdi d-dmirijiet tiegħi b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza; jiena naħlef li nżomm sigrieti d-deliberazzjonijiet tal-Qorti."

2. Minnufih wara li jieħdu l-ġurament, l-Imħallfin jiffirmaw dikjarazzjoni li biha jintrabtu solennement li jirrispettaw, matul il-perijodu tal-kariga tagħhom u wara t-tmiem tagħha, l-obbligi li joħorġu minnha, b'mod partikolari l-obbligi ta' onestà u ta' diskrezzjoni f'dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni, wara t-tmiem ta' din il-kariga, ta' ċerti ħatriet u ta' ċerti benefiċċji.

Artikolu 4

Fil-każijiet meta l-Qorti tiġi mitluba tiddeċiedi dwar jekk Imħallef għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, il-President għandu jistieden lill-Imħallef ikkonċernat jidher quddiem il-Qorti in camera sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2, 3 u 4 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli wkoll għall-Avukati Ġenerali.

Artikolu 6

L-ordni tal-preċedenza fost l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali huwa stabbilit, mingħajr distinzjoni, skond l-anzjanità fil-kariga.

Fil-każ li jkun hemm l-istess anzjanità fil-kariga, il-preċedenza għandha tkun stabbilita skond l-età.

Dawk l-Imħallfin u Avukati Ġenerali li fi tmiem il-kariga tagħhom jerġgħu jiġu maħtura mill-ġdid iżommu l-preċedenza li kellhom qabel.

Kapitolu II

FUQ IL-PRESIDENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA U FUQ IL-KOSTITUZZJONI TA' L-AWLI

Artikolu 7

1. Minnufih wara s-sostituzzjoni parzjali prevista mill-Artikoli 223 tat-Trattat KE u 139 tat-Trattat KEEA, l-Imħallfin għandhom jeleġġu wieħed minn fosthom bħala l-President tal-Qorti għal terminu ta' tliet snin.

2. Fil-każ li l-mandat tal-President tal-Qorti jintemm qabel ma jiskadi t-terminu normali tal-kariga tiegħu, huwa għandu jiġi ssostitwit għall-perijodu li jkun fadal.

3. Fl-elezzjonijiet previsti minn dan l-Artikolu, il-vot għandu jkun sigriet. L-Imħallef li jikseb il-maġġoranza assoluta jiġi elett. Fil-każ li ebda Mħallef ma jikseb il-maġġoranza assoluta, għandu jittieħed vot sigriet ieħor u l-Imħallef li jikseb l-ikbar numru ta' voti jiġi elett. Fil-każ li jkun hemm l-istess numru ta' voti, l-Imħallef l-iktar anzjan fl-età jiġi elett.

Artikolu 8

Il-President imexxi l-attivitajiet u d-dipartimenti tal-Qorti; huwa jippresjedi fis-seduti, kif ukoll fid-deliberazzjonijiet in camera.

Artikolu 9

1. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twaqqaf fi ħdanha Awli bi tliet u b'ħames Imħallfin, skond l-Artikolu 16 ta' l-Istatut, u għandha tiddeċiedi liema Mħallfin għandhom jiġu assenjati lill-istess Awli.

L-assenjazzjoni ta' l-Imħallfin lill-Awli għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. Malli jiġi ppreżentat rikors, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jassenja l-kawża lil Awla bi tliet Imħallfin sabiex jittieħdu dawk il-miżuri istruttorji neċessarji u jaħtar wieħed minn dawn l-Imħallfin bħala l-Imħallef Relatur.

3. Fil-każ ta' kawżi assenjati lil xi kulleġġ ġudikanti skond l-Artikolu 44(3), il-kelma "Qorti tal-Ġustizzja" f'dawn ir-Regoli tirreferi wkoll għal dan il-kulleġġ.

4. Fil-kawżi assenjati lil Awla b'ħames jew bi tliet Imħallfin, is-setgħat tal-President tal-Qorti jiġu eżerċitati mill-President ta' dik l-Awla.

Artikolu 10

1. Minnufih wara l-elezzjoni tal-President tal-Qorti, l-Imħallfin għandhom jipproċedu sabiex jeleġġu l-Presidenti ta' l-Awli b'ħames Imħallfin, għal terminu ta' tliet snin.

L-Imħallfin għandhom jeleġġu l-Presidenti ta' l-Awli bi tliet Imħallfin għal terminu ta' sena.

Il-Qorti għandha taħtar l-Avukat Ġenerali Prinċipali għal terminu ta' sena.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(2) u (3) huma applikabbli.

L-elezzjonijiet u l-ħatriet magħmula skond dan il-paragrafu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. L-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jassenja kawża lil wieħed minn fost l-Avukati Ġenerali malli jkun inħatar l-Imħallef Relatur. Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment ta' xi Avukat Ġenerali, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jieħu l-miżuri neċessarji.

Artikolu 11

Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tal-President tal-Qorti jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, il-funzjonijiet ta' din il-kariga għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Presidenti ta' l-Awli b'ħames Imħallfin skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli.

Fil-każ ta' impediment, kemm tal-President tal-Qorti kif ukoll tal-Presidenti ta' l-Awli b'ħames Imħallfin, jew fil-każ li l-karigi tagħhom ikunu kollha vakanti, il-funzjonijiet tal-presidenza għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Presidenti ta' l-Awli bi tliet Imħallfin skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli.

Fil-każ ta' impediment, kemm tal-President tal-Qorti kif ukoll tal-Presidenti kollha ta' l-Awli, jew fil-każ li l-karigi tagħhom ikunu kollha vakanti, il-funzjonijiet tal-presidenza għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Imħallfin l-oħra skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli.

Kapitolu IIa

FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Artikolu 11a

Il-Qorti tiltaqa' fil-kulleġġi ġudikanti li ġejjin:

- is-Seduta Plenarja, komposta mill-Imħallfin kollha;

- l-Awla Manja, komposta minn tlettax-il Imħallef, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11c,

- l-Awli, komposti minn ħames jew minn tliet Imħallfin skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11d.

Artikolu 11b

1. L-Awla Manja hija komposta, għal kull kawża, mill-President tal-Qorti, mill-Presidenti ta' l-Awli b'ħames Imħallfin, mill-Imħallef Relatur u minn dak in-numru ta' Mħallfin li hemm bżonn sabiex jintlaħaq total ta' tlettax. Dawn l-aħħar Imħallfin jiġu maħtura mil-lista stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, skond l-ordni indikat fiha, b'dana illi f'kull laqgħa ġenerali tal-Qorti l-ewwel isem fil-lista għandu jkun dak li fil-laqgħa ġenerali ta' qabel kien it-tieni.

2. Wara l-elezzjoni tal-President tal-Qorti u tal-Presidenti ta' l-Awli b'ħames Imħallfin, għandha ssir lista ta' l-Imħallfin l-oħra sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni ta' l-Awla Manja. Din il-lista għandha ssegwi l-ordni ta' preċedenza stabbilit mill-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli, u għandha talterna fl-ordni invers: l-ewwel Imħallef fuq din il-lista għandu jkun l-ewwel wieħed skond l-ordni stabbilit mill-imsemmi Artikolu, it-tieni Mħallef fuq il-lista għandu jkun l-aħħar wieħed skond dak l-ordni, it-tielet Imħallef għandu jkun it-tieni wieħed skond dak l-ordni, ir-raba' Mħallef għandu jkun ta' qabel ta' l-aħħar skond dak l-ordni u hekk il-bqija.

Il-lista għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11c

1. L-Awli b'ħames Imħallfin u bi tliet Imħallfin għandhom ikunu, għal kull kawża, komposti mill-President ta' l-Awla, mill-Imħallef Relatur, u minn dak in-numru ta' Mħallfin li hemm bżonn sabiex jintlaħaq total ta' ħames u tliet Imħallfin rispettivament. Dawn l-aħħar Imħallfin jiġu maħtura abbażi tal-lista stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, skond l-ordni indikat fiha, b'dana illi f'kull laqgħa ġenerali tal-Qorti l-ewwel isem fil-lista għandu jkun dak li fil-laqgħa ġenerali ta' qabel kien it-tieni.

2. Wara l-elezzjoni tal-Presidenti ta' l-Awli, għandhom isiru listi għall-kompożizzjoni ta' l-Awli b'ħames Imħallfin li jinkludu l-Imħallfin kollha assenjati lill-Awla kkonċernata, minbarra l-President ta' l-istess Awla. Il-listi għandhom jiġu stabbiliti bl-istess mod bħal dak previst mill-Artikolu 11b(2).

Wara l-elezzjoni tal-Presidenti ta' l-Awli, għandhom isiru listi għall-kompożizzjoni ta' l-Awli bi tliet Imħallfin li jinkludu l-Imħallfin kollha assenjati lill-Awla kkonċernata, minbarra l-President ta' l-istess Awla. Il-listi għandhom jiġu stabbiliti bl-istess mod previst mill-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli.

Il-listi msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11d

Fejn il-Qorti jidrilha li diversi kawżi għandhom jiġu deċiżi flimkien mill-istess kulleġġ, il- kompożizzjoni ta' dan il-kulleġġ għandha tkun dik stabbilita għal dik il-kawża li r-rapport preliminari tagħha jkun ġie eżaminat l-ewwel.

Artikolu 11e

Fil-każ ta' impediment ta' membru tal-kulleġġ ġudikanti, huwa għandu jiġi sostitwit minn Imħallef ieħor skond l-ordni stabbilit fil-listi mill-Artikoli 11b(2) jew 11c(2).

Fil-każ ta' impediment tal-President tal-Qorti, il-funzjonijiet tal-President ta' l-Awla Manja għandhom jiġu eżerċitati skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11.

Fil-każ ta' impediment ta' President ta' Awla b'ħames Imħallfin, il-funzjonijiet ta' President ta' Awla għandhom jiġu eżerċitati minn President ta' Awla bi tliet Imħallfin, jekk ikun il-każ skond l-ordni stabbilit fl-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli, jew, jekk f'dak il-kulleġġ m'hemm ebda President ta' Awla bi tliet Imħallfin, minn wieħed mill-Imħallfin l-oħra skond l-ordni stabbilit fl-imsemmi Artikolu 6.

Fil-każ ta' impediment ta' President ta' Awla bi tliet Imħallfin, il-funzjonijiet ta' President ta' Awla għandhom jiġu eżerċitati minn Imħallef tal-Kulleġġ skond l-ordni stabbilit fl-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli.

Kapitolu III

FUQ IR-REĠISTRU

L-Ewwel Taqsima – Fuq ir-Reġistratur u fuq l-Assistenti Reġistraturi

Artikolu 12

1. Il-Qorti għandha taħtar ir-Reġistratur.

Ġimagħtejn qabel id-data stabbilita għall-ħatra, il-President għandu jinforma lill-membri tal-Qorti bl-applikazzjonijet li jkunu ġew ippreżentati.

2. L-applikazzjonijiet għandhom ikollhom magħhom l-informazzjoni kollha dwar l-età, in-nazzjonalità, il-kwalifiki universitarji, il-konoxxenza tal-lingwi, il-karigi attwali u preċedenti, kif ukoll l-esperjenza ta' l-applikanti fil-qasam ġudizzjarju u internazzjonali.

3. Il-ħatra ssir skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(3) ta' dawn ir-Regoli.

4. Ir-Reġistratur huwa maħtur għal perijodu ta' sitt snin. Huwa jista' jerġa jinħatar.

5. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli għar-Reġistratur.

6. Ir-Reġistratur m'għandux jitneħħa mill-kariga tiegħu jekk mhux minħabba li m'għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk m'għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu; il-Qorti għandha tieħu deċiżjoni wara li tkun tat lir-Reġistratur l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

7. Jekk ir-Reġistratur jieqaf milli jeżerċita l-kariga qabel ma jiskadi t-terminu tal-mandat tiegħu, il-Qorti għandha taħtar Reġistratur ġdid għall-perijodu ta' sitt snin.

Artikolu 13

Il-Qorti tista' taħtar, skond il-proċedura prevista għall-ħatra tar-Reġistratur, wieħed jew aktar Assistenti Reġistraturi, inkarigati li jassistu lir-Reġistratur u li jissostitwuh fil-limiti stabbiliti mill-istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti fl-Artikolu 15 ta' dawn ir-Regoli.

Artikolu 14

Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tar-Reġistratur u ta' l-Assistenti Reġistraturi jew fil-każ li l-kariga tagħhom tkun vakanti, il-President għandu jinnomina uffiċjali jew aġenti oħra sabiex iwettqu d-dmirijiet tar-Reġistratur.

Artikolu 15

L-istruzzjonijiet lir-Reġistratur għandhom jiġu stabbiliti mill-Qorti fuq proposta tal-President.

Artikolu 16

1. Għandu jinżamm fir-Reġistru, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, reġistru, inizjalat mill-President, li fih jiġu mniżżla, skond l-ordni tal-preżentata, l-atti kollha tal-proċedura u d-dokumenti ppreżentati in sostenn tagħhom.

2. Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament fuq id-dokumenti oriġinali dwar ir-reġistrazzjoni u, fuq talba tal-partijiet, fuq il-kopji li huma jippreżentaw għal dak l-iskop.

3. Ir-reġistrazzjoni u n-notamenti msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom il-valur ta' atti awtentiċi.

4. Ir-regoli dwar kif għandu jinżamm ir-reġistru għandhom jiġu stabbiliti mill-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti mill-Artikolu 15 ta' dawn ir-Regoli.

5. Kull min huwa interessat, jista' jikkonsulta r-reġistru u jikseb kopji jew estratti bi ħlas skond it-tariffa tar-Reġistru stabbilita mill-Qorti fuq proposta tar-Reġistratur.

Barra minn dan, kull parti fil-kawża tista' tikseb, bi ħlas skond it-tariffa tar-Reġistru, kopji ta' l-atti tal-proċedura kif ukoll kopji awtentikati tad-digrieti u tas-sentenzi.

6. Għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li juri d-data tar-reġistrazzjoni tar-rikors, l-isem u l-indirizz tal-partijiet, is-suġġett tal-kawża u t-talbiet tar-rikors kif ukoll indikazzjoni tar-raġunijiet u ta' l-argumenti prinċipali invokati.

7. Meta l-Kunsill jew il-Kummissjoni ma jkunux parti fil-kawża, il-Qorti għandha tibgħatilhom kopja tar-rikors u tar-risposta tad-difiża, mingħajr l-annessi, sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta' xi att li kien ġie adottat minnhom skond l-Artikolu 241 tat-Trattat KE jew l-Artikolu 156 tat-Trattat KEEA. Kopja tar-rikors u tar-risposta tad-difiża għandhom, bl-istess mod, jintbagħtu lill-Parlament Ewropew sabiex dan ikun jista' jikkonstata jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta' xi att adottat minnu flimkien mal-Kunsill skond l-Artikolu 241 tat-Trattat KE.

Artikolu 17

1. Ir-Reġistratur huwa inkarigat li, taħt l-awtorità tal-President, jirċievi, jibgħat, u jżomm fil-kustodja tiegħu d-dokumenti kollha kif ukoll li jwettaq in-notifiki previsti minn dawn ir-Regoli.

2. Ir-Reġistratur għandu jgħin lill-Qorti, lill-President, lill-Presidenti ta' l-Awli u lill-Imħallfin fl-atti kollha tal-kariga tagħhom.

Artikolu 18

Ir-Reġistratur għandu l-kustodja tas-siġilli. Huwa responsabbli għall-arkivji u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti.

Artikolu 19

Salv għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 4 u 27 ta' dawn ir-Regoli, ir-Reġistratur għandu jattendi għas-seduti tal-Qorti u ta' l-Awli.

It-Tieni Taqsima – Fuq id-Dipartimenti tal-Qorti

Artikolu 20

1. L-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Qorti għandhom jiġu maħtura skond id-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar il-persunal.

2. Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-uffiċjali għandhom jieħdu l-ġurament li ġej, quddiem il-President u fil-preżenza tar-Reġistratur:

"Jiena naħlef li naqdi bil-lealtà, bid-diskrezzjoni u bil-kuxjenza kollha d-dmirijiet li jiġu fdati lili mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej."

Artikolu 21

Fuq proposta tar-Reġistratur, il-Qorti għandha tistabbilixxi u timmodifika l-pjan ta' l-organizzazzjoni tad-Dipartimenti tagħha.

Artikolu 22

Il-Qorti għandha twaqqaf dipartiment lingwistiku, kompost minn esperti li għandhom taħriġ ġuridiku adegwat u għarfien wiesà ta' numru ta' lingwi uffiċjali tal-Qorti.

Artikolu 23

Ir-Reġistratur, flimkien ma' amministratur u taħt l-awtorità tal-President, għandu jassigura l-amministrazzjoni tal-Qorti, it-tmexxija finanzjarja u l-kontabbiltà.

Kapitolu IV

FUQ L-ASSISTENTI RELATURI

Artikolu 24

1. Il-Qorti għandha tipproponi l-ħatra ta' Assistenti Relaturi, skond l-Artikolu 13 ta' l-Istatut, jekk jidhrilha li huwa neċessarju għall-eżami u l-istruttorja tal-kawżi li għandha quddiemha.

2. L-Assistenti Relaturi jkunu responsabbli b'mod partikolari:

- li jgħinu lill-President fil-każ ta' proċedura sommarja,

- li jgħinu lill-Imħallfin Relaturi fix-xogħol tagħhom.

3. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, l-Assistenti Relaturi huma responsabbli lejn il-President tal-Qorti, lejn il-President ta' waħda mill-Awli, jew lejn l-Imħallef Relatur, skond il-każ.

4. Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-Assistenti Relaturi għandhom jieħdu l-ġurament quddiem il-Qorti, skond l-Artikolu 3 ta' dawn ir-Regoli.

Kapitolu V

FUQ IL-MOD KIF TAĦDEM IL-QORTI

Artikolu 25

1. Id-dati u l-ħinijiet tas-seduti ta' l-Awla Manja u tal-Qorti Plenarja għandhom jiġu stabbiliti mill-President.

2. Id-dati u l-ħinijiet tas-seduti ta' l-Awli b'ħames jew tliet Imħallfin għandhom jiġu stabbiliti mill-President ta' kull waħda mill-Awli.

3. Il-Qorti tista', għal waħda jew aktar seduti speċifiċi, tagħżel post differenti minn dak fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.

Artikolu 26

1. Jekk, minħabba assenza jew impediment, l-Imħallfin jinsabu f'numru biż-żewġ, l-Imħallef li huwa l-anqas anzjan skond l-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni, ħlief jekk ikun l-Imħallef Relatur. F'dan il-każ, huwa l-Imħallef li jiġi minnufih qablu fl-ordni ta' preċedenza li għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni.

2. Jekk meta tiġi msejħa l-Awla Manja jew is-seduta Plenarja, il-kworum previst fit-tielet jew ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 17 ta' l-Istatut ma jintlaħaqx, il-President għandu jaġġorna s-seduta sakemm tali kworum jintlaħaq.

3. Jekk f'Awla b'ħames jew tliet Imħallfin, il-kworum previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 17 ta' l-Istatut ma jintlaħaqx u jekk ma jkunx possibbli li ssir sostituzzjoni ta' l-Imħallfin impediti skond l-Artikolu 11e, il-President ta' dik l-Awla għandu jinforma lill-President tal-Qorti, li għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

Artikolu 27

1. Il-Qorti għandha tiddelibera in camera.

2. Fid-deliberazzjoni għandhom jieħdu sehem biss l-Imħallfin li jkunu attendew għall-proċedura orali u, jekk ikun il-każ, l-Assistent Relatur inkarigat mill-eżami tal-kawża.

3. Kull wieħed mill-Imħallfin preżenti għad-deliberazzjoni għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u r-raġunijiet għaliha.

4. Fuq talba ta' Mħallef, kull punt jista' jiġi fformulat fil-lingwa li jagħżel hu, u jiġi kkomunikat bil-miktub lill-Qorti qabel ma jittieħed vot fuqu.

5. Il-konklużjonijiet adottati wara d-diskussjoni finali mill-maġġoranza ta' l-Imħallfin għandhom jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-Qorti. Il-voti għandhom jingħataw bl-ordni invers minn dak stabbilit mill-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli.

6. Il-Qorti għandha tiddeċiedi fil-każ ta' nuqqas ta' qbil dwar l-iskop, il-kliem li għandu jintuża fil-mistoqsijiet, l-ordni tal-mistoqsijiet, jew l-interpretazzjoni tal-vot.

7. Meta d-deliberazzjonijiet tal-Qorti jirrigwardaw punti amministrattivi, l-Avukati Ġenerali għandhom jieħdu sehem fihom u jkollhom il-vot. Ir-Reġistratur għandu jkun preżenti, ħlief jekk il-Qorti tiddeċiedi xort'oħra.

8. Meta l-Qorti tiltaqa' mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, hija għandha tinkariga lill-Imħallef li huwa l-inqas anzjan skond l-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli sabiex iħejji, jekk ikun hemm bżonn, proċess verbal li għandu jiġi ffirmat mill-President u minn dan l-Imħallef.

Artikolu 28

1. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni speċjali tal-Qorti, il-ferjat huwa stabbilit kif ġej:

- mit-18 ta' Diċembru sa l-10 ta' Jannar,

- mill-Ħadd ta' qabel l-Għid sat-tieni Ħadd ta' wara l-Għid,

- mill-15 ta' Lulju sal-15 ta' Settembru.

Matul il-ferjat, il-funzjonijiet tal-presidenza jiġu eżerċitati fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha, jew mill-President innifsu, li jżomm kuntatt mar-Reġistratur, jew minn President ta' Awla jew Imħallef ieħor li jiġi mitlub mill-President sabiex jissostitwih.

2. Matul il-ferjat, il-President jista', fil-każ ta' urġenza, ilaqqa' lill-Imħallfin u lill-Avukati Ġenerali.

3. Il-Qorti għandha tosserva l-jiem ta' vakanza legali tal-post fejn hija għandha s-sede tagħha.

4. Il-Qorti tista', għal raġunijiet validi, tagħti lill-Imħallfin u lill-Avukati Ġenerali permess sabiex jieħdu l-leave.

Kapitolu VI

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA

Artikolu 29

1. Il-lingwi tal-kawża huma ċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Iżvediż.

2. Il-lingwa tal-kawża tintgħażel mir-rikorrent, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a) jekk il-konvenut ikun Stat Membru jew persuna fiżika jew ġuridika minn Stat Membru, il-lingwa tal-kawża għandha tkun il-lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat; fejn l-Istat ikollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, ir-rikorrent għandu l-fakultà li jagħżel dik il-lingwa minn fosthom li jixtieq hu;

b) fuq talba konġunta tal-partijiet, l-użu totali jew parzjali ta' lingwa oħra minn fost il-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi awtorizzat;

c) fuq talba ta' waħda mill-partijiet, u wara li l-parti l-oħra u l-Avukat Ġenerali jinstemgħu, b'deroga mid-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi a) u b), jista' jiġi awtorizzat l-użu totali jew parzjali ta' waħda oħra mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bħala lingwa tal-kawża; din it-talba ma tistax tiġi magħmula minn waħda mill-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 103 ta' dawn ir-Regoli, il-lingwa tal-kawża għandha tkun dik tal-qorti nazzjonali li tirrinvija t-talba lill-Qorti. Fuq talba debitament ġustifikata ta' waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, u wara li l-parti l-oħra fil-kawża prinċipali u l-Avukat Ġenerali jinstemgħu, jista' jiġi awtorizzat l-użu ta' waħda mil-lingwi l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu matul il-proċedura orali.

Id-deċiżjoni fuq it-talbiet imsemmija hawn fuq tista' tittieħed mill-President; huwa jista', u, fil-każ li huwa jkun intenzjonat jaċċetta tali talba mingħajr il-kunsens tal-partijiet kollha, huwa għandu, jirrinvija t-talba lill-Qorti.

3. Il-lingwa tal-kawża għandha tiġi użata b'mod partikolari fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet u fl-atti u d-dokumenti annessi, kif ukoll fil-proċessi verbali u fid-deċiżjonijiet tal-Qorti.

Kull att u kull dokument ippreżentat jew anness li huwa miktub f'lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

Madankollu, fil-każ ta' atti jew dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta' estratti. Il-Qorti tista', f'kull ħin, ex officio jew fuq talba ta' xi parti, tordna li ssir traduzzjoni aktar kompluta jew sħiħa.

Minkejja d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, l-Istati Membri huma awtorizzati jużaw il-lingwa uffiċjali tagħhom meta huma jintervjenu fil-kawża pendenti quddiem il-Qorti jew meta huma jipparteċipaw f'rinviju tat-tip previst mill-Artikolu 103. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f'kull każ mir-Reġistratur.

L-Istati kontraenti tal-Ftehim ŻEE, għajr l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA jistgħu jiġu awtorizzati jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1, li mhijiex il-lingwa tal-kawża, meta huma jintervjenu f'kawża quddiem il-Qorti jew meta huma jipparteċipaw fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari previsti fl-Artikolu 23 ta' l-Istatut. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f'kull każ mir-Reġistratur.

L-Istati terzi li jipparteċipaw fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 23 ta' l-Istatut, jistgħu jiġu awtorizzati jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1, barra mil-lingwa tal-kawża. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f'kull każ mir-Reġistratur.

4. Fil-każ li x-xhieda jew il-periti jiddikjaraw li huma ma jistgħux jesprimu ruħhom b'mod adegwat f'waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Qorti għandha tawtorizzahom jifformulaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom f'lingwa oħra. Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

5. Il-President tal-Qorti u l-Presidenti ta' l-Awli fit-tmexxija tat-trattazzjoni, l-Imħallef Relatur fir-rapport preliminari u fir-rapport għas-seduta tal-kawża, l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali meta dawn jagħmlu xi mistoqsijiet, u l-avukati ġenerali meta jagħtu l-konklużjonijiet tagħhom, jistgħu jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, barra mil-lingwa tal-kawża. Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

Artikolu 30

1. Fuq talba ta' wieħed mill-Imħallfin, ta' l-Avukat Ġenerali jew ta' waħda mill-partijiet, ir-Registratur għandu jassigura li ssir it-traduzzjoni ta' kull ma ntqal jew inkiteb matul il-proċeduri quddiem il-Qorti, fil-lingwi magħżula minnhom u msemmija fl-Artikolu 29(1).

2. Il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti għandhom isiru fil-lingwi msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill.

Artikolu 31

It-testi miktuba fil-lingwa tal-kawża jew, jekk ikun il-każ, f'lingwa oħra awtorizzata skond l-Artikolu 29 ta' dawn ir-Regoli, għandhom jitqiesu bħala awtentiċi.

Kapitolu VII

FUQ ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TA' L-AĠENTI, TAL-KONSULENTI U TA' L-AVUKATI

Artikolu 32

1. L-aġenti, il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiem il-Qorti jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda mill-Qorti permezz ta' ittra rogatorja, igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawżi jew il-partijiet.

2. Barra minn dan, l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati jgawdu l-privileġġi u l-faċilitajiet li ġejjin:

a) l-atti kollha u d-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri huma eżenti mit-tfittxija u s-sekwestru. Fil-każ ta' kontestazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana jew tal-pulizija jistgħu jissiġillaw l-atti u d-dokumenti kkonċernati, li mbagħad jintbagħtu mingħajr dewmien lill-Qorti sabiex jiġu spezzjonati fil-preżenza tar-Reġistratur u tal-parti interessata;

b) l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom id-dritt li jkollhom dawk il-flus barranin neċessarji sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom;

c) l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom id-dritt jivvjaġġaw mingħajr xkiel fejn dan huwa neċessarju għat-twettiq ta' l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 33

Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu preċedenti, il-persuni interessati għandhom jagħtu prova tal-funzjoni tagħhom:

a) fil-każ ta' l-aġenti, permezz ta' dokument uffiċjali maħruġ mill-mandant tagħhom, li minnufih għandu jibgħat kopja lir-Reġistratur;

b) fil-każ tal-konsulenti u ta' l-avukati, permezz ta' dikjarazzjoni ffirmata mir-Reġistratur. Il-validità ta' din id-dikjarazzjoni għandha tkun limitata għal terminu stabbilit; madankollu, hija tista' tiġi pprorogata jew mqassra skond it-tul tal-proċedura.

Artikolu 34

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 32 ta' dawn ir-Regoli huma mogħtija esklużivament fl-interess tal-kawża.

Il-Qorti tista' tneħħi l-immunità meta jidhrilha li t-tneħħija tagħha ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża.

Artikolu 35

1. Il-konsulent jew l-avukat li jġib ruħu quddiem il-Qorti jew quddiem Imħallef b'mod li jmur kontra d-dekor tal-Qorti jew li juża xi drittijiet li huwa għandu bis-saħħa tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħataw dawn id-drittijiet jista', f'kull waqt, jiġi eskluż mill-patroċinju tal-kawża b'digriet tal-Qorti, wara li jinstema' l-Avukat Ġenerali u wara li l-parti interessata tkun ingħatat l-opportunità li tippreżenta d-difiża tagħha.

Dan id-digriet ikollu effett immedjat.

2. Jekk xi konsulent jew xi avukat jiġi eskluż mill-patroċinju tal-kawża, il-proċedura tiġi sospiża sa ma jiskadi t-terminu ffissat mill-President sabiex il-parti interessata tkun tista' tqabbad konsulent jew avukat ieħor.

3. Id-deċiżjonijiet meħuda skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu revokati.

Artikolu 36

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu huma applikabbli wkoll għal għalliema ta' l-Università li għandhom id-dritt jidhru quddiem il-Qorti skond l-Artikolu 19 ta' l-Istatut.

TITOLU II

FUQ IL-PROĊEDURA

Kapitolu I

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Artikolu 37

1. L-oriġinali ta' l-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

L-att, flimkien ma' l-annessi kollha li jkunu msemmija fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma' ħames kopji għall-Qorti u kopja għal kull parti oħra fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom ikunu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.

2. Barra minn dan, l-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu, fit-termini stabbiliti mill-Qorti, it-traduzzjonijiet ta' l-atti tal-proċedura kollha għal-lingwi l-oħra msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1. L-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 37(1) huwa applikabbli.

3. Kull att tal-proċedura għandu jkun datat. Għall-finijiet tat-termini tal-proċedura hija biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru li għandha tiġi kkunsidrata.

4. Ma' kull att tal-proċedura għandu jiġi anness faxxiklu, li jiġbor fih l-atti u d-dokumenti ċċitati sabiex isostnu l-att flimkien ma' nota li telenka l-istess atti u dokumenti.

5. Jekk, minħabba t-tul ta' att jew ta' dokument, jiġu annessi biss estratti ma' l-att tal-proċedura, l-att jew id-dokument kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandha tiġi ddepożitata fir-Reġistru.

6. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5, id-data li fiha kopja ta' l-oriġinal iffirmat ta' att tal-proċedura - inkluża n-nota li telenka l-atti u d-dokumenti prevista mill-paragrafu 4 - tasal fir-Reġistru permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni użat mill-Qorti, għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal ta' l-att iffirmat, flimkien ma' l-annessi u l-kopji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux aktar tard minn għaxart'ijiem wara.

Artikolu 38

1. Ir-rikors previst mill-Artikolu 21 ta' l-Istatut għandu jinkludi:

a) l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b) id-dettalji tal-parti li kontriha huwa indirizzat ir-rikors;

c) is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa;

d) it-talbiet tar-rikorrent;

e) jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

2. Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jinkludi indirizz għan-notifika fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha. Ir-rikors għandu jindika l-isem tal-persuna li ġiet awtorizzata, u li aċċettat li tirċievi, in-notifiki kollha.

Minbarra, jew minflok, l-indikazzjoni ta' l-indirizz għan-notifika prevista fl-ewwel subparagrafu, ir-rikors jista' jispeċifika li l-avukat jew l-aġent jaċċetta li n-notifiki jsirulu permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, in-notifiki kollha, għal finijiet tal-proċedura, għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta' posta reġistrata indirizzata lill-aġent jew lill-avukat tal-parti sakemm dan in-nuqqas ma jkunx ġie rregolarizzat. F'dak il-każ, b'deroga għall-Artikolu 79(1), in-notifika għandha tiġi meqjusa li saret debitament bid-depożitu ta' l-ittra reġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.

3. L-avukat li jassisti jew jirrappreżenta xi parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim ŻEE.

4. Mar-rikors għandhom jiġu annessi, jekk ikun il-każ, id-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut.

5. Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu:

a) l-istatut tiegħu jew estratt reċenti mir-Reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru ta' l-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tiegħu;

b) prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.

6. Ir-rikorsi ppreżentati skond l-Artikoli 238 u 239 tat-Trattat KE u 153 u 154 tat-Trattat KEEA għandhom ikollhom magħom, skond il-każ, kopja tal-klawsola ta' arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt, regolat mid-dritt pubbliku jew privat, konkluż mill-Komunitajiet jew f'isimhom, jew b'kopja tal-ftehim speċjali li jkun intlaħaq bejn l-Istati Membri kkonċernati.

7. Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 6 ta' dan l-Artikolu, ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi terminu raġjonevoli sabiex ir-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu jew sabiex jissottometti d-dokumenti msemmija hawn fuq. Fin-nuqqas ta' din ir-regolarizzazzjoni jew fin-nuqqas li jiġu sottomessi d-dokumenti fit-terminu mogħti, il-Qorti għandha tiddeċiedi, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, jekk in-nuqqas ta' osservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Artikolu 39

Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut. Fil-każ previst fl-Artikolu 38(7), in-notifika ssir malli r-rikors jiġi rregolarizzat jew malli l-Qorti tkun aċċettat l-ammissibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' forma elenkati f'dak l-Artikolu.

Artikolu 40

1. Fi żmien xahar min-notifika tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tad-difiża tiegħu. Din ir-risposta għandha tinkludi:

a) l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

b) l-argumenti ta' fatt u ta' dritt mressqa;

ċ) it-talbiet tal-konvenut;

d) in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 38(2) sa (5) ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli.

2. It-terminu previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-konvenut.

Artikolu 41

1. Ir-rikors u r-risposta tad-difiża jistgħu jiġu kkompletati bir-replika tar-rikorrent u bil-kontroreplika tal-konvenut.

2. Il-President għandu jistabbilixxi d-dati li fihom dawn l-atti tal-proċedura għandhom jiġu ppreżentati.

Artikolu 42

1. Fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

2. Ebda raġuni ġdida ma tista' tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura.

Jekk, waqt il-proċedura, xi parti tressaq raġuni ġdida, kif previst fis-subparagrafu preċedenti, il-President jista', wara li jkunu skadew it-termini normali tal-proċedura, fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, u wara li jinstema' l-Avukat Ġenerali, jagħti lill-parti l-oħra terminu sabiex twieġeb għal din ir-raġuni.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-raġuni għandha tibqa' riżervata għas-sentenza finali.

Artikolu 43

Jekk l-assenjazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tkun diġà seħħet, il-President jista', f'kull waqt, għal raġunijiet ta' konnessjoni tal-kawżi, wara li jkun sema' lill-partijiet u l-Avukat Ġenerali, jordna li tali kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub jew orali jew għall-finijiet tas-sentenza finali. Il-President jista' jifridhom mill-ġdid u jista' jirriferi dawn il-kwistjonijiet lill-Qorti.

Kapitolu Ia

FUQ IR-RAPPORT PRELIMINARI U FUQ IR-RINVIJU LILL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Artikolu 44

1. Il-President għandu jistabbilixxi d-data li fiha l-Imħallef Relatur għandu jippreżenta r-rapport preliminari tiegħu fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti, skond il-każ,

a) wara l-preżentata tal-kontroreplika;

b) meta jiskadi t-terminu stabbilit skond l-Artikolu 41(2), fil-każ li r-replika jew il-kontroreplika ma tkunx ġiet ippreżentata;

ċ) meta l-parti li għandha interess tkun irrinunzjat għad-dritt tagħha li tippreżenta replika jew kontroreplika;

d) meta l-President jistabbilixxi d-data tas-seduta, fil-każ ta' l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 62a.

2. Ir-rapport preliminari għandu jirrigwarda proposti dwar jekk il-kawża teħtieġx miżuri istruttorji jew miżuri oħra preparatorji kif ukoll dwar il-kulleġġ ġudikanti li lilu għandha tiġi assenjata l-kawża. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll il-proposta ta' l-Imħallef Relatur, dwar jekk għandux ikun hemm id-dispensa mis-seduta għas-sottomissjonijiet orali skond l-Artikolu 44a kif ukoll dwar jekk għandux ikun hemm id-dispensa mill-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali skond il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 20 ta' l-Istatut.

Wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar il-provvedimenti li għandhom jittieħdu fuq il-proposti ta' l-Imħallef Relatur.

3. Il-Qorti għandha tassenja lill-Awli b'ħames jew bi tliet Imħallfin dawk il-kawżi kollha li jkunu mressqa quddiemha sakemm id-diffikultà jew l-importanza tal-kawża jew taċ-ċirkustanzi partikolari ma jirrikjedux li dawn il-kawżi jiġu assenjati lill-Awla Manja.

Madankollu, kawża ma tistax tiġi assenjata lill-Awla b'ħames jew bi tliet Imħallfin meta Stat Membru jew xi istituzzjoni tal-Komunitajiet, li hija parti fil-kawża, tkun talbet li l-kawża tiġi deċiża mill-Awla Manja. F'din id-dispożizzjoni, l-espressjoni "parti fil-kawża" tfisser kull Stat Membru jew kull istituzzjoni li hija waħda mill-partijiet jew li hija parti intervenjenti fil-kawża stess, jew li tkun issottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta' waħda mill-proċeduri għal deċiżjoni preliminari previsti fl-Artikolu 103. Talba bħal dik prevista f'dan is-subparagrafu ma tistax issir fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-aġenti tagħhom.

Il-Qorti tiltaqa' f'Qorti Plenarja meta jiġi ppreżentat rikors skond id-dispożizzjonijiet tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 16 ta' l-Istatut. Meta, skond il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 16 ta' l-Istatut, hija jidhrilha li l-kawża hija ta' importanza eċċezzjonali, il-Qorti tista' tassenja l-kawża lill-Qorti Plenarja.

4. Il-kulleġġ ġudikanti li lilu ġiet assenjata kawża jista', f'kull stadju tal-proċedura, jirrinvija l-kawża lill-Qorti sabiex din terġa' tiġi assenjata lill-kulleġġ kompost b'numru ikbar ta' Mħallfin.

5. Jekk tkun infetħet istruttorja, il-kulleġġ ġudikanti jista', jekk ma jipproċedix huwa stess biha, jassenjaha lill-Awla indikata fl-Artikolu 9(2) ta' dawn ir-Regoli.

Jekk il-proċedura orali tinfetaħ mingħajr istruttorja, il-President tal-kulleġġ ġudikanti għandu jistabbilixxi d-data meta għandha tinfetaħ.

Artikolu 44a

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari f'dawn ir-Regoli, il-proċedura quddiem il-Qorti għandha tinkludi fażi orali. Madankollu, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet previsti fl-Artikolu 40(1) u, jekk ikun il-każ, fl-Artikolu 41(1), il-Qorti tista', fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, u wara li jinstema' l-Avukat Ġenerali u sakemm l-ebda waħda mill-partijiet ma tressaq talba li biha tagħti r-raġunijiet li għalihom hija tkun tixtieq tinstema', tiddeċiedi mod ieħor. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar minn meta l-parti tiġi nnotifikata bl-għeluq tal-proċeduri bil-miktub. Dan it-terminu jista' jiġi pprorogat mill-President.

Kapitolu II

FUQ L-ISTRUTTORJA U L-MIŻURI PREPARATORJI

L-Ewwel Taqsima – Fuq il-miżuri istruttorji

Artikolu 45

1. Wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti għandha tistabbilixxi l-miżuri istruttorji li hija tqis xierqa, permezz ta' digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu ppruvati. Il-partijiet għandhom jinstemgħu qabel ma l-Qorti tiddeċiedi dwar il-miżuri istruttorji previsti fil-paragrafu 2 c), d), u e).

Dan id-digriet għandu jigi nnotifikat lill-partijiet.

2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 24 u 25 ta' l-Istatut, il-miżuri istruttorji jinkludu:

a) id-dehra personali tal-partijiet;

b) it-talba għal informazzjoni u għal preżentata ta' dokumenti;

ċ) il-provi permezz tax-xhieda;

d) il-perizja;

e) l-aċċessi.

3. Il-Qorti għandha hija stess tipproċedi bil-miżuri istruttorji li hija tistabbilixxi jew inkella tinkariga lill-Imħallef Relatur.

L-Avukat Ġenerali għandu jieħu sehem fil-miżuri istruttorji.

4. Il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa jibqgħu riżervati.

Artikolu 46

1. L-Awla inkarigata bl-istruttorja għandha teżerċita s-setgħat mogħtija lill-Qorti permezz ta' l-Artikolu 45 u l-Artikoli 47 sa 53 ta' dawn ir-Regoli; is-setgħat mogħtija lill-President tal-Qorti għandhom jiġu eżerċitati mill-President ta' l-Awla.

2. L-Artikoli 56 u 57 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli għall-proċeduri quddiem l-Awla.

3. Il-partijiet jistgħu jkunu preżenti waqt il-miżuri istruttorji.

It-Tieni Taqsima – Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti

Artikolu 47

1. Wara li tisma' l-Avukat Ġenerali, il-Qorti, ex officio jew fuq talba tal-partijiet, tordna li ssir verifika ta' ċerti fatti permezz ta' xhieda. Dan id-digriet tal-Qorti għandu jindika l-fatti li għandhom jiġu stabbiliti.

Ix-xhieda għandhom jiġu mħarrka mill-Qorti, ex officio jew fuq talba tal-partijiet jew fuq talba ta' l-Avukat Ġenerali.

It-talba ta' parti sabiex jiġi eżaminat xhud, għandha tindika b'mod preċiż il-fatti li dwarhom ix-xhud jeħtieġ li jinstema' u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tiegħu.

2. Ix-xhieda li l-eżami tagħhom huwa meqjus neċessarju, għandhom jiġu mħarrka b'digriet tal-Qorti li għandu jinkludi:

a) il-kunjom, l-isem, l-okkupazzjoni u l-indirizz tax-xhieda;

b) l-indikazzjoni tal-fatti li dwarhom ix-xhieda ser jinstemgħu;

ċ) fejn ikun il-każ, referenza għall-provvedimenti meħuda mill-Qorti għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż li jkunu saru mix-xhieda u għall-pieni applikabbli għax-xhieda li jonqsu li jidhru.

Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet u lix-xhieda.

3. Il-Qorti tista' tissuġġetta t-taħrik tax-xhieda li l-partijiet jitolbu li jiġu eżaminati, għall-ħlas ta' somma bħala garanzija għall-ispejjeż intaxxati, li għandha tiġi ddepożitata għand il-kaxxier tal-Qorti. Il-Qorti għandha tistabbilixxi dan l-ammont.

Il-kaxxier tal-Qorti għandu jipprovdi bil-quddiem il-fondi neċessarji għall-eżami tax-xhieda mħarrka ex officio.

4. Wara li ssir il-verifika ta' l-identità tax-xhieda, il-President għandu jinfurmahom illi huma jkollhom jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom bil-mod speċifikat b'dawn ir-Regoli.

Ix-xhieda għandhom jinstemgħu mill-Qorti, wara li l-partijiet ikunu msejħa sabiex jattendu. Wara d-depożizzjoni, il-President jista', fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

L-Imħallfin kollha u l-Avukat Ġenerali jistgħu wkoll jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

Il-President jista' jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

5. Wara li jagħmel id-depożizzjoni tiegħu, ix-xhud għandu jieħu l-ġurament li ġej:

"Jiena naħlef li għidt il-verità, il-verità kollha u xejn għajr il-verità."

Il-Qorti tista', wara li tisma' lill-partijiet, teżenta lix-xhud milli jieħu l-ġurament.

6. Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal li jirripproduċi d-depożizzjoni tax-xhieda.

Il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur inkarigat mill-eżami kif ukoll mir-Reġistratur. Qabel ma' l-proċess verbal jiġi ffirmat, ix-xhud għandu jingħata l-opportunità li jivverifika l-kontenut tal-proċess verbal u li jiffirmah.

Il-proċess verbal huwa att awtentiku.

Artikolu 48

1. Ix-xhieda, debitament imħarrka, għandhom joqogħdu għat-taħrika u jidhru għas-seduta.

2. Meta xhud, debitament imħarrek, ma jidhirx quddiem il-Qorti, din tista' tikkundannah għal ammenda ta' mhux aktar minn 5000 euro [2] u tordna taħrika ġdida tax-xhud bi spejjeż għalih.

L-istess ammenda tista' tingħata lil xhud li, mingħajr raġuni leġittima, jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament jew li jagħmel id-dikjarazzjoni solenni li tista' tissostitwixxi tali ġurament.

3. Ix-xhud li jagħti raġunijiet leġittimi lill-Qorti jista' jiġi eżentat milli jħallas l-ammenda li jkun ġie kkundannat għaliha. L-ammenda tista' titnaqqas fuq talba tax-xhud meta dan juri illi din hija sproporzjonata għad-dħul tiegħu.

4. L-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandha tiġi infurzata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 244 u 256 tat-Trattat KE u l-Artikoli 159 u 164 tat-Trattat KEEA.

Artikolu 49

1. Il-Qorti tista' tordna li ssir perizja. Id-digriet li jaħtar il-perit għandu jispeċifika l-inkarigu tiegħu u għandu jistabbilixxi terminu għall-preżentata tar-rapport tiegħu.

2. Il-perit għandu jirċievi kopja tad-digriet tal-Qorti, flimkien mad-dokumenti kollha neċessarji sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Huwa għandu jkun taħt il-kontroll ta' l-Imħallef Relatur, li jista' jkun preżenti waqt l-investigazzjoni tal-perit u li għandu jinżamm infurmat dwar l-iżvolġiment ta' l-inkarigu ta' l-istess perit.

Il-Qorti tista' titlob depożitu, minn waħda jew iktar mill-partijiet, bħala garanzija għall-ispejjeż tal-perizja.

3. Fuq talba tal-perit, il-Qorti tista' tiddeċiedi li tkompli bl-eżami tax-xhieda skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 47 ta' dawn ir-Regoli.

4. Il-perit jista' jagħti l-opinjoni tiegħu biss fuq dawk il-punti li jiġu espressament sottomessi lilu.

5. Wara l-preżentata tar-rapport tal-perit, il-Qorti tista' tordna li jinstema' l-perit, wara li jissejħu l-partijiet.

Il-President jista' jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lill-perit.

6. Wara l-preżentata tar-rapport, il-perit għandu jieħu l-ġurament li ġej:

"Jiena naħlef li qdejt l-inkarigu tiegħi b'kuxjenza u b'imparzjalità sħiħa."

Il-Qorti tista', wara li tisma' lill-partijiet, teżenta lill-perit milli jieħu l-ġurament.

Artikolu 50

1. Il-Qorti tiddeċiedi fil-każ li waħda mill-partijiet tirrikuża xhud jew perit minħabba inkapaċità, inadegwatezza jew minħabba kull raġuni oħra jew fil-każ li xhud jew perit jirrifjuta li jixhed, li jieħu ġurament jew li jagħmel dikjarazzjoni solenni flok il-ġurament.

2. Ir-rikuża ta' xhud jew ta' perit għandha ssir fi żmien ġimagħtejn mid-data tan-notifika tad-digriet li jħarrek lix-xhud jew li jaħtar il-perit, permezz ta' att li jinkludi r-raġunijiet għar-rikuża u n-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

Artikolu 51

1. Ix-xhieda u l-periti għandhom dritt għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġ. Il-kaxxier tal-Qorti jista' jagħtihom xi ħlas bil-quddiem bħala akkont għal dawn l-ispejjeż.

2. Ix-xhieda għandhom dritt għal kumpens għal telf ta' qligħ u l-periti għandhom dritt għal onorarju għas-servizzi tagħhom. Dan il-kumpens għandu jiġi mħallas mill-kaxxier tal-Qorti lix-xhieda u lill-periti wara li huma jkunu wettqu d-dmirijiet tagħhom jew l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 52

Il-Qorti tista', fuq talba tal-partijiet jew ex officio, tibgħat ittri rogatorji għall-eżami ta' xhieda jew ta' periti, kif ipprovdut mir-regoli addizzjonali msemmija fl-Artikolu 125 ta' dawn ir-Regoli.

Artikolu 53

1. Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal ta' kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur u huwa att awtentiku.

2. Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha kif ukoll ir-rapport tal-perit fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

It-Tielet Taqsima – Fuq l-Għeluq ta' l-Istruttorja

Artikolu 54

Wara l-għeluq tal-miżuri istruttorji, il-President għandu, sakemm il-Qorti ma tiddeċidiex li tistabbilixxi terminu għall-partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, tistabbilixxi data għall-bidu tal-proċedura orali.

Jekk ikun ingħata terminu għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub, il-President għandu jistabbilixxi d-data tal-bidu tal-proċedura orali wara li jiskadi dan it-terminu.

Ir-Raba' Taqsima – Fuq il-Miżuri Preparatorji

Artikolu 54a

L-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali jistgħu jitolbu lill-partijiet sabiex jissottomettu, fit-terminu stabbilit, l-informazzjoni kollha li għandha x'taqsam mal-fatti, id-dokumenti kollha u d-dettalji kollha li jidhrilhom huma rilevanti. L-informazzjoni u d-dokumenti sottomessi għandhom jiġu kkomunikati lill-partijiet l-oħra.

Kapitolu III

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

Artikolu 55

1. Salv għall-prijorità tad-deċiżjonijiet prevista mill-Artikolu 85 ta' dawn ir-Regoli, il-Qorti għandha teżamina l-kawżi li għandha quddiemha skond l-ordni li fih titlesta l-istruttorja tagħhom. Fil-każ li l-istruttorja ta' numru ta' kawżi titlesta kontemporanjament, l-ordni għandu jiġi stabbilit skond id-data tar-reġistrazzjoni ta' l-att introduttiv tal-kawżi fir-reġistru.

2. Il-President jista', minħabba ċirkustanzi partikolari, jiddeċiedi li tingħata prijorità lil kawża fuq l-oħrajn.

Wara li jinstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali, il-President jista', ex officio jew fuq talba ta' waħda mill-partijiet, jiddeċiedi li, minħabba ċirkustanzi partikolari, il-kawża tiġi ddifferita. Jekk, bi ftehim bejniethom, il-partijiet fil-kawża jitolbu li din tiġi ddifferita, il-President jista' jilqa' t-talba tagħhom.

Artikolu 56

1. Il-President għandu jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni tal-kawża u huwa responsabbli għall-bon ordni waqt is-seduta.

2. Id-deċiżjoni li kawża tinstema' in camera ġġib magħha l-projbizzjoni li tiġi ppubblikata t-trattazzjoni.

Artikolu 57

Il-President jista', matul it-trattazzjoni, jagħmel xi mistoqsijiet lill-aġenti, lill-konsulenti jew lill-avukati tal-partijiet.

L-Imħallfin l-oħra u l-Avukat Ġenerali jistgħu jagħmlu l-istess.

Artikolu 58

Il-partijiet jistgħu jindirizzaw lill-Qorti permezz ta' l-aġent, il-konsulent jew l-avukat tagħhom biss.

Artikolu 59

1. L-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta oralment il-konklużjonijiet motivati tiegħu, qabel l-għeluq tal-proċedura orali.

2. Wara li l-Avukat Ġenerali jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu, il-President jiddikjara l-għeluq tal-proċedura orali.

Artikolu 60

Wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tista' f'kull waqt, skond l-Artikolu 45(1), tordna miżura istruttorja jew tordna li att istruttorju jerġa' jsir jew li jsir b'mod aktar estiż. Hija tista' tinkariga lill-Awla jew lill-Imħallef Relatur sabiex jeżegwixxi dawn il-miżuri.

Artikolu 61

Wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tista' tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Artikolu 62

1. Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal għal kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur u huwa att awtentiku.

2. Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha kif ukoll ir-rapport tal-perit fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

Kapitolu IIIa

FUQ IL-PROĊEDURI MĦAFFA

Artikolu 62a

1. Fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President jista', f'każijiet eċċezzjonali, fuq proposta ta' l-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-kontroparti u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li l-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli, u dan meta l-urġenza partikolari tal-kawża teżiġi li l-Qorti tiddeċiedi fl-inqas żmien possibbli.

It-talba sabiex il-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa għandha tiġi ppreżentata b'att separat flimkien mal-preżentata tar-rikors jew tar-risposta.

2. Fil-każ li tiġi applikata l-proċedura mħaffa, ir-rikors u r-risposta ma jistgħux jiġu segwiti b'replika u b'kontroreplika ħlief jekk il-President jidhirlu li dan huwa neċessarju.

L-intervenjent ma jistax jippreżenta sottomissjonijiet ta' l-intervent ħlief jekk il-President jidhirlu li dan huwa neċessarju.

3. Mal-preżentata tar-risposta tad-difiża jew, fil-każ li d-deċiżjoni li l-kawża għandha tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa tittieħed biss wara l-preżentata ta' din ir-risposta, mat-teħid ta' din id-deċiżjoni, il-President għandu jistabbilixxi d-data tas-seduta, li għandha tiġi avżata minnufih lill-partijiet. Il-President jista' jiddifferixxi d-data tas-seduta jekk dan huwa meħtieġ mill-organizzazzjoni tal-miżuri istruttorji jew ta' miżuri oħra preparatorji.

Bla ħsara għall-Artikolu 42, il-partijiet jistgħu jissupplementaw l-argumenti tagħhom u jippreżentaw provi ulterjuri matul il-proċedura orali. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

4. Il-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali.

Kapitolu IV

FUQ IS-SENTENZI

Artikolu 63

Is-sentenza għandha tinkludi:

- l-indikazzjoni li s-sentenza tkun qiegħda tingħata mill-Qorti,

- id-data ta' meta qed tingħata,

- l-ismijiet tal-President u ta' l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw fid-deliberazzjoni,

- l-isem ta' l-Avukat Ġenerali,

- l-isem tar-Reġistratur,

- l-indikazzjoni tal-partijiet,

- l-ismijiet ta' l-aġenti, tal-konsulenti jew ta' l-avukati tal-partijiet,

- it-talbiet tal-partijiet,

- referenza għall-fatt li l-Qorti semgħet lill-Avukat Ġenerali,

- il-fatti fil-qosor,

- ir-raġunijiet,

- il-parti operattiva, inkluża d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 64

1. Is-sentenza għandha tingħata fil-Qorti bil-miftuħ, wara li l-partijiet jiġu nnotifikati sabiex jattendu.

2. L-oriġinal tas-sentenza, iffirmat mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjoni u mir-Reġistratur, għandu jiġi ssiġillat u ddepożitat fir-Reġistru; il-partijiet kollha għandhom jiġu nnotifikati b'kopja awtentikata tas-sentenza.

3. Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament tad-data ta' meta s-sentenza ngħatat fuq l-oriġinal tas-sentenza.

Artikolu 65

Is-sentenza jkollha forza legali mill-ġurnata li tingħata.

Artikolu 66

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tas-sentenzi, l-iżbalji tal-pinna jew fil-kalkoli jew ineżattezzi evidenti oħra jistgħu jiġu kkorreġuti mill-Qorti, sew ex officio, kif ukoll fuq talba ta' xi parti, bil-kundizzjoni li din it-talba tiġi ppreżentata fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha tingħata s-sentenza.

2. Il-partijiet, debitament avżati mir-Reġistratur, jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f'terminu stabbilit mill-President.

3. Il-Qorti għandha tiddeċiedi in camera, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali.

4. L-oriġinal tad-digriet ta' korrezzjoni għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tas-sentenza kkorreġuta. Fil-marġni ta' l-oriġinal tas-sentenza kkorreġuta għandu jsir notament dwar dan id-digriet.

Artikolu 67

Jekk il-Qorti tkun naqset milli tiddeċiedi dwar kap wieħed tat-talbiet jew dwar l-ispejjeż, il-parti li għandha l-intenzjoni li tinvoka dan in-nuqqas għandha tagħmel talba f'dan is-sens lill-Qorti permezz ta' rikors fi żmien xahar min-notifika tas-sentenza.

Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-parti l-oħra u l-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Wara l-preżentata ta' dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u, fl-istess ħin, dwar il-mertu ta' din it-talba.

Artikolu 68

Ir-Reġistratur għandu jassigura li tiġi ppubblikata ġabra tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Kapitolu V

FUQ L-ISPEJJEŻ

Artikolu 69

1. Deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

2. Il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

3. Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Il-Qorti tista' tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż illi hi tkun ikkawżatilha u li l-Qorti tqis fiergħa jew vessatorji.

4. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

L-Istati kontraenti fil-ftehim ŻEE, li mhumiex Stati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ukoll ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu fil-kawża.

Il-Qorti tista' tiddeċiedi li parti intervenjenti, barra minn dawk imsemmija fis-subparagrafi preċedenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

5. Il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. Madankollu, fuq it-talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher ġustifikat mill-aġir ta' l-istess kontroparti.

Fil-każ ta' ftehim bejn il-partijiet dwar l-ispejjeż, il-Qorti għandha tiddeċiedi skond dak il-ftehim.

Fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

6. Fil-każ li m'hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, l-Qorti tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Artikolu 70

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Artikolu 71

L-ispejjeż ta' l-infurzar ta' sentenza jew digriet tal-Qorti li parti kellha tħallas, għandhom jiġu mħallsa lura mill-kontroparti skond it-tariffa li hija fis-seħħ fl-Istat fejn dan l-infurzar jitwettaq.

Artikolu 72

Il-proċedura quddiem il-Qorti hija bla ħlas, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a) jekk il-Qorti għamlet spejjeż li setgħu jiġu evitati, hija tista', wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, tikkundanna lill-parti li kkawżathom sabiex tħallashom lura;

b) l-ispejjeż tal-kopji kollha u tat-traduzzjoni magħmula fuq talba ta' parti, li huma kkunsidrati żejda mir-Reġistratur, għandhom jiġu mħallsa lura minn din il-parti skond it-tariffa prevista mill-Artikolu 16(5) ta' dawn ir-Regoli.

Artikolu 73

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu preċedenti, l-ispejjeż li ġejjin għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru:

a) l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti skond l-Artikolu 51 ta' dawn ir-Regoli;

b) l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-kawża, partikolarment l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni ta' aġent, konsulent jew avukat.

Artikolu 74

1. Fil-każ ta' kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, l-Awla msemmija fl-Artikolu 9(2) ta' dawn ir-Regoli, li lilha kienet ġiet assenjata l-kawża, għandha tiddeċiedi permezz ta' digriet li mhuwiex appellabbli, fuq talba tal-parti interessata, u wara li tisma' l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra u l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali.

2. Il-partijiet jistgħu, għall-finijiet ta' l-eżekuzzjoni, jitolbu kopja eżekuttiva ta' dan id-digriet.

Artikolu 75

1. Il-kaxxier tal-Qorti għandu jeffettwa l-pagamenti fil-valuta li tintuża fil-pajjiż fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.

Fuq talba ta' l-interessat, il-pagamenti għandhom isiru fil-valuta tal-pajjiż fejn saru l-ispejjeż li jistgħu jinġabru jew tal-pajjiż fejn saru l-atti li wasslu għall-kumpens.

2. Id-debituri l-oħra għandhom jeffettwaw il-pagamenti tagħhom fil-valuta tal-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom.

3. Il-kambju tal-flus għandu jsir skond ir-rati tal-kambju uffiċjali fil-jum tal-ħlas fil-pajjiż fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.

Kapitolu VI

FUQ IL-BENEFIĊĊJU TA' L-GĦAJNUNA LEGALI BLA ĦLAS

Artikolu 76

1. Jekk parti ma tkunx tista' tħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża jew parti minnhom, hija tista', f'kull stadju, titlob il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas.

It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja li turi li min qed jagħmilha jinsab fil-bżonn, u, b'mod partikolari, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti li jiċċertifika l-istat ta' bżonn tiegħu.

2. Jekk it-talba tiġi ppreżentata qabel ir-rikors li l-applikant bi ħsiebu jressaq, hija għandha tinkludi, fil-qosor, is-suġġett ta' dan ir-rikors.

Mhuwiex neċessarju li t-talba ssir permezz ta' avukat.

3. Il-President għandu jaħtar l-Imħallef Relatur. Wara li tieħu konjizzjoni ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-kontroparti u, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, l-Awla bi tliet Imħallfin, li minnha jagħmel parti l-Imħallef Relatur, għandha tiddeċiedi dwar jekk għandux jiġi ammess il-benefiċċju, sħiħ jew parzjali, ta' l-għajnuna legali bla ħlas. Hija għandha teżamina jekk l-azzjoni hijiex manifestament infondata.

L-Awla għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta' digriet li mhuwiex motivat u li mhuwiex appellabbli.

4. L-Awla tista', f'kull waqt, kemm ex officio kif ukoll fuq talba, tirrevoka l-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas jekk il-kundizzjonijiet, li wasslu għall-ammissjoni għal dan il-benefiċċju, jinbidlu matul il-kawża.

5. Fil-każ ta' l-ammissjoni għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas, l-ispejjeż jiġu mħallsa bil-quddiem mill-kaxxier tal-Qorti.

Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tista' tipprovdi għall-ħlas lill-kaxxier tal-Qorti ta' l-ammonti mħallsa bħala għajnuna legali.

Ir-Reġistratur għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġbor dawn l-ammonti mingħand dik il-parti li tkun ġiet ikkundannata tħallashom.

Kapitolu VII

FUQ IR-RINUNZJA GĦALL-ATTI

Artikolu 77

Jekk, qabel ma l-Qorti tkun tat id-deċiżjoni tagħha, il-partijiet jiftiehmu dwar is-soluzzjoni għall-kwistjoni ta' bejniethom u jekk dawn jinfurmaw lill-Qorti illi huma qed jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha tagħhom, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 69(5), wara li jqis, jekk ikun il-każ, il-proposti magħmula mill-partijiet f'dan ir-rigward.

Din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għar-rikorsi previsti mill-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat KE u mill-Artikoli 146 u 148 tat-Trattat KEEA.

Artikolu 78

Jekk ir-rikorrent jinforma lill-Qorti bil-miktub illi huwa għandu l-intenzjoni li jirrinunzja għall-atti, il-President għandu jordna li l-kawża titħassar mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond l-Artikolu 69(5).

Kapitolu VIII

FUQ IN-NOTIFIKI

Artikolu 79

1. Ir-Reġistratur għandu jassigura li jsiru n-notifiki previsti f'dawn ir-Regoli, fl-indirizz għan-notifika tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata, u dan jew billi tintbagħat kopja ta' l-att li għandu jiġi nnotifikat bil-posta reġistrata b'dikjarazzjoni ta' rċevuta, jew billi din il-kopja tittieħed personalment taħt l-għotja ta' rċevuta.

Il-kopji ta' l-oriġinal li għandu jiġi nnotifikat, għandhom jiġu ppreparati u awtentikati mir-Reġistratur ħlief meta l-partijiet innifishom jippreżentaw il-kopji skond l-Artikolu 37(1) ta' dawn ir-Regoli.

2. Fil-każ li, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 38(2), il-persuna li għandha tiġi nnotifikata taċċetta li n-notifiki jsirulha permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, in-notifika ta' kull att tal-proċedura, minbarra tas-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti, tista' ssir billi tintbagħat kopja tad-dokument b'dan il-mezz.

Jekk għal raġunijiet tekniċi jew minħabba n-natura jew il-volum ta' l-att, din it-trażmissjoni ma tistax isseħħ, fejn il-persuna li għandha tiġi nnotifikata ma tindikax indirizz għan-notifika, l-att għandu jiġi nnotifikat fl-indirizz ta' l-istess persuna skond il-proċedura prevista mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-persuna li għandha tiġi nnotifikata tiġi avżata b'dan permezz ta' faks jew permezz ta' xi mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni. F'dan il-każ, in-notifika ta' din il-persuna għandha titqies li saret bil-posta reġistrata, fl-għaxar jum wara li l-att ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju postali fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha, sakemm l-irċevuta ma tindikax li l-istess persuna rċevietha f'data oħra jew sakemm l-istess persuna ma tinfurmax lir-Reġistratur, fi żmien tliet ġimgħat mill-avviż li jkun sarilha permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, li n-notifika ma waslitilhiex.

Kapitolu IX

FUQ IT-TERMINI

Artikolu 80

1. It-termini tal-proċedura previsti mit-Trattat dwar l-Unjoni, mit-Trattat KE u mit-Trattat KEEA, mill-Istatut tal-Qorti u mir-Regoli preżenti għandhom jiġu kalkolati kif ġej:

a) terminu, li huwa espress f'jiem, f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin, għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih jiġri avveniment jew jitwettaq att, il-jum li fih jiġri l-avveniment jew li jitwettaq l-att m'għandux jiġi inkluż fit-terminu;

b) terminu espress f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin għandu jispiċċa ma' l-iskadenza ta' dak il-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, iġib l-istess isem jew l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat it-terminu. Jekk f'terminu espress f'xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza tiegħu ma jinsertax fl-aħħar xahar tat-terminu, dan it-terminu jiskadi ma' tmiem l-aħħar jum ta' dak ix-xahar;

ċ) meta terminu huwa espress f'xhur u f'jiem, għandhom l-ewwel jiġu meqjusa x-xhur sħaħ u wara l-jiem;

d) it-termini jinkludu l-jiem ta' vakanza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet;

e) it-termini ma jiġux sospiżi matul il-ferjat.

2. Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta' vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għat-tmiem ta' l-ewwel jum ta' xogħol li jmiss.

Il-lista tal-jiem ta' vakanza legali stabbilita mill-Qorti għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 81

1. Meta terminu għall-preżentata ta' rikors kontra att ta' istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta' dak l-att, dan it-terminu għandu jiġi kkalkulat li jibda, skond l-Artikolu 80(1)(a) minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dak l-att fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b'terminu ta' għaxart ijiem għal raġuni ta' distanza.

Artikolu 82

It-termini stabbiliti taħt dawn ir-Regoli jistgħu jiġu pprorogati mill-awtorità li stabbiliethom.

Il-President u l-Presidenti ta' Awla jistgħu jiddelegaw lir-Reġistratur is-setgħa li jiffirma sabiex jistabbilixxi ċerti termini li huma jistgħu jistabbilixxu bis-saħħa ta' dawn ir-Regoli, jew sabiex jipproroga dawn it-termini.

Kapitolu X

FUQ IS-SOSPENSJONI TAL-PROĊEDURI

Artikolu 82a

1. Il-proċedura tista' tiġi sospiża:

a) fil-każijiet previsti mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 54 ta' l-Istatut, fuq digriet tal-Qorti mogħti wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali;

b) fil-każijiet l-oħra kollha, b'deċiżjoni tal-President, meħuda wara li jisma' lill-Avukat Ġenerali u, bl-eċċezzjoni tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari previsti mill-Artikolu 103, wara li jisma' lill-partijiet.

Il-proċedura tista' titkompla permezz ta' digriet jew ta' deċiżjoni li tingħata bl-istess proċedura ta' sospensjoni.

Id-digrieti jew id-deċiżjonijiet previsti minn dan il-paragrafu għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet.

2. Is-sospensjoni tal-proċedura tidħol fis-seħħ fid-data indikata fid-digriet jew fid-deċiżjoni ta' sospensjoni jew, fin-nuqqas ta' din l-indikazzjoni, fid-data tad-digriet jew tad-deċiżjoni.

Matul il-perijodu ta' sospensjoni, l-ebda terminu tal-proċedura ma jiddekorri fir-rigward tal-partijiet.

3. Meta d-digriet jew id-deċiżjoni ta' sospensjoni ma tkunx stabbiliet il-perijodu tagħha, is-sospenjoni tispiċċa fid-data indikata fid-digriet jew fid-deċiżjoni li bihom titkompla l-proċedura jew, fin-nuqqas ta' din l-indikazzjoni, fid-data ta' dan id-digriet jew din id-deċiżjoni.

It-termini tal-proċedura jerġgħu jibdew jiddekorru mill-ġdid mad-data li fih il-proċeduri jitkomplew.

TITOLU III

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI

Kapitolu I

FUQ IS-SOSPENSJONI TA' L-EŻEKUZZJONI U FUQ MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TAL-PROĊEDURA SOMMARJA

Artikolu 83

1. Talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' att ta' istituzzjoni skond l-Artikoli 242 tat-Trattat KE u 157 tat-Trattat KEEA hija biss ammissibbli jekk min jitlob tali sospensjoni jkun ikkontesta dak l-att b'rikors quddiem il-Qorti.

Talba għal xi waħda mill-miżuri provviżorji l-oħra taħt l-Artikolu 243 tat-Trattat KE u l-Artikolu 158 tat-Trattat KEEA hija biss ammissibbli jekk din issir minn parti f'kawża li tinsab quddiem il-Qorti u jekk din tirreferi għall-kawża msemmija.

2. It-talbiet previsti mill-paragrafu preċedenti għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, ir-raġunijiet għall-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba.

3. It-talba għandha tiġi ppreżentata permezz ta' att separat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 37 u 38 ta' dawn ir-Regoli.

Artikolu 84

1. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-kontroparti wara li l-President jistabbilixxi terminu qasir għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha.

2. Il-President għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok li jordna l-ftuħ ta' l-istruttorja.

Il-President jista' jilqa' t-talba anki qabel ma l-kontroparti tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Din il-miżura tista' tiġi suċċessivament immodifikata jew irrevokata, anki ex officio.

Artikolu 85

Il-President għandu jieħu d-deċiżjoni huwa stess jew jirrinvija t-talba lill-Qorti.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tal-President.

Jekk it-talba tiġi rrinvjata lill-Qorti, din għandha tieħu d-deċiżjoni b'urġenza, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 84 huma applikabbli.

Artikolu 86

1. Id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tingħata permezz ta' digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat minnufih lill-partijiet.

2. L-eżekuzzjoni tad-digriet tista' tiġi ssuġġettata għal depożitu ta' garanzija minn min għamel it-talba. L-ammont u n-natura ta' tali garanzija għandhom jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi.

3. Dan id-digriet jista' jistabbilixxi data minn meta l-miżura ma tibqax fis-seħħ. Jekk din id-data ma tiġix stabbilita, il-miżura tispiċċa mis-seħħ meta tingħata s-sentenza definittiva.

4. Dan id-digriet għandu natura provviżorja u ma jippreġudikax id-deċiżjoni tal-Qorti fil-kawża prinċipali.

Artikolu 87

Dan id-digriet jista' jiġi mmodifikat jew irrevokat f'kull waqt fuq talba ta' parti minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi.

Artikolu 88

Iċ-ċaħda ta' talba għal miżura provviżorja ma tipprojbixxix lill-parti li tkun għamlitha milli tippreżenta talba oħra bbażata fuq fatti ġodda.

Artikolu 89

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu huma applikabbli għal talba għal sospensjoni ta' l-infurzar ta' deċiżjoni tal-Qorti jew ta' att ta' istituzzjoni oħra, ippreżentata skond l-Artikoli 244 u 256 tat-Trattat KE u l-Artikoli 159 u 164 tat-Trattat KEEA.

Id-digriet li jilqa' t-talba għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, id-data meta l-miżura provviżorja ma tibqax fis-seħħ.

Artikolu 90

1. It-talba prevista fit-tielet u r-raba' paragrafi ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KEEA għandha tinkludi:

a) l-ismijiet u l-indirizz tal-persuni jew ta' l-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni;

b) l-iskop u l-għan ta' l-ispezzjoni.

2. Il-President għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu permezz ta' digriet. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 86 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tal-President.

Kapitolu II

FUQ KWISTJONIJET PROĊEDURALI

Artikolu 91

1. Talba minn waħda mill-partijiet lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwar eċċezzjoni jew kwistjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta' att separat.

It-talba għandha tesponi r-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt li fuqhom hija bbażata u t-talbiet; magħha għandhom jiġu annessi d-dokumenti invokati in sostenn tagħha.

2. Mal-preżentata ta' l-att li bih titressaq it-talba, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-kontroparti tippreżenta bil-miktub ir-raġunijiet u t-talbiet tagħha.

3. Il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

4. Il-Qorti, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi dwar it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali.

Jekk il-Qorti tiċħad it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali, il-President għandu jistabbilixxi termini ġodda għall-kontinwazzjoni tal-kawża.

Artikolu 92

1. Meta l-Qorti hija manifestament inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta' rikors, jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti tista', wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta' digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

2. Il-Qorti tista', f'kull waqt u ex officio, teżamina l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, jew tiddikjara, wara li tisma' lill-partijiet, li r-rikors m'għadx għandu skop u li m'għadx hemm lok għal deċiżjoni; id-deċiżjoni għandha tittieħed skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 91(3) u (4) ta' dawn ir-Regoli.

Kapitolu III

FUQ L-INTERVENT

Artikolu 93

1. It-talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni ta' l-avviż imsemmi fl-Artikolu 16(6).

It-talba għal intervent għandha tinkludi:

a) indikazzjoni tal-kawża;

b) indikazzjoni tal-partijiet fil-kawża;

ċ) l-isem u l-indirizz ta' l-intervenjent;

d) l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika ta' l-intervenjent fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha;

e) it-talbiet li l-intervenjent qiegħed jitlob li jsostni bl-intervent tiegħu;

f) meta t-talba hija ppreżentata skond it-tieni jew it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut, deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li jagħtu d-dritt għall-intervent.

L-intervenjent għandu jkun irrappreżentat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19 ta' l-Istatut.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 37 u 38 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli.

2. It-talba għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet.

Qabel ma jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent, il-President għandu jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment.

Il-President għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent huwa stess permezz ta' digriet jew għandu jirrinvija t-talba lill-Qorti.

3. Fil-każ li l-President jilqa' t-talba għal intervent, l-intervenjent għandu jirċievi kopja ta' l-atti kollha tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet. Madankollu, il-President jista', fuq talba ta' parti, jeskludi xi dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali.

4. L-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

5. Il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih l-intervenjent għandu jippreżenta s-sottomissjonijiet ta' l-intervent.

Is-sottomissjonijiet ta' l-intervent għandhom jinkludu:

a) it-talbiet ta' l-intervenjent intiżi sabiex isostnu jew sabiex jiċħdu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta' xi waħda mill-partijiet;

b) ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervenjent;

ċ) jekk ikun il-każ, il-provi li jixtieq iressaq.

6. Wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet ta' l-intervent, il-President għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, terminu li fih il-partijiet jistgħu jwieġbu għal dawn is-sottomissjonijiet.

7. It-talba għal intervent li tiġi ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu previst fil-paragrafu 1, iżda qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura orali skond l-Artikolu 44(3), tista' tiġi kkunsidrata. F'dan il-każ, jekk il-President jilqa' t-talba għal intervent, l-intervenjent jista' jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, ibbażati fuq ir-Rapport għas-Seduta li għandu jintbagħat lilu, waqt il-proċedura orali, jekk din tinżamm.

Kapitolu IV

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA FIL-KAŻ TA' KONTUMAĊJA U FUQ L-OPPOŻIZZJONI

Artikolu 94

1. Jekk konvenut, li kien debitament innotifikat b'rikors, jonqos li jwieġeb għalih fil-forma u fit-termini preskritti, ir-rikorrent jista' jitlob lill-Qorti sabiex tilqa' t-talbiet tiegħu.

Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut. Il-Qorti tista' tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali fuq din it-talba.

2. Qabel ma tagħti s-sentenza fil-każ ta' kontumaċja, il-Qorti, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, għandha teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors u għandha tivverifika jekk il-formalitajiet ġewx osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati. Hija tista' tordna li jittieħdu miżuri istruttorji.

3. Is-sentenza fil-każ ta' kontumaċja hija eżekuttiva. Madankollu, il-Qorti tista' tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm hija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu kif ukoll tista' tissuġġetta tali eżekuzzjoni għal depożitu ta' garanzija li l-ammont u l-kundizzjonijiet tagħha jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi; din il-garanzija għandha tiġi rilaxxata jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.

4. Tista' ssir oppożizzjoni kontra sentenza li tingħata fil-każ ta' kontumaċja.

L-oppożizzjoni għandha ssir f'terminu ta' xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza u għandha ssir fil-forom preskritti fl-Artikoli 37 u 38 ta' dawn ir-Regoli.

5. Wara n-notifika ta' l-oppożizzjoni, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Il-proċedura għandha tiżvolgi skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44 et seq ta' dawn ir-Regoli.

6. Il-Qorti tiddeċiedi permezz ta' sentenza li kontra tagħha ma tistax issir oppożizzjoni.

L-oriġinal ta' din is-sentenza għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tas-sentenza li tkun ingħatat fil-każ ta' kontumaċja. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni fil-marġni ta' l-oriġinal tas-sentenza mogħtija fil-każ ta' kontumaċja.

Kapitolu V

Artikolu 95

(Imħassar)

Artikolu 96

(Imħassar)

Kapitolu VI

FUQ RIMEDJI EĊĊEZZJONALI

L-Ewwel Taqsima – Fuq l-Oppożizzjoni minn Terzi Artikolu 97

1. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 37 u 38 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli għal talba minn terz biex jopponi; din għandha, barra minn hekk:

a) tispeċifika s-sentenza kkontestata;

b) tindika kif is-sentenza kkontestata tippreġudika d-drittijiet tat-terz li qed jopponi;

ċ) tindika r-raġunijiet għaliex it-terz li qed jopponi ma setax ikun parti fil-kawża prinċipali.

L-oppożizzjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali.

Jekk is-sentenza tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahrejn minn din il-pubblikazzjoni.

2. Is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkontestata tista' tiġi ordnata fuq talba tat-terz li qed jopponi. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I tat-Titolu 3 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli.

3. Is-sentenza kkontestata għandha tiġi mmodifikata f'dawk il-punti fejn l-oppożizzjoni tat-terz tiġi milqugħa.

L-oriġinal tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tas-sentenza kkontestata. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz fil-marġni ta' l-oriġinal tas-sentenza kkontestata.

It-Tieni Taqsima – Fuq ir-Reviżjoni

Artikolu 98

Ir-reviżjoni għandha tintalab mhux aktar tard minn tliet xhur mill-jum li fih min jitlobha jkun sar jaf bil-fatt li fuqu hija bbażata t-talba għar-reviżjoni.

Artikolu 99

1. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 37 u 38 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli għal talba għal reviżjoni; talba għal reviżjoni għandha wkoll:

a) tispeċifika s-sentenza kkontestata;

b) tindika l-punti li fuqhom qiegħda tiġi kkontestata s-sentenza;

ċ) tispeċifika l-fatti li fuqhom it-talba hija bbażata;

d) tindika n-natura tal-provi intiżi sabiex juru l-eżistenza ta' fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni u sabiex juru li t-terminu preskritt mill-Artikolu preċedenti ġie rrispettat.

2. It-talba għal reviżjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fis-sentenza li tagħha tintalab ir-reviżjoni.

Artikolu 100

1. Bla ħsara għad-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba, b'sentenza mogħtija in camera, wara li tisma' l-Avukat Ġenerali u wara li tikkunsidra l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet.

2. Jekk il-Qorti tiddikjara li t-talba hija ammissibbli, hija għandha tipproċedi għall-eżami tal-mertu u għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta' sentenza, skond id-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli.

3. L-oriġinal tas-sentenza ta' reviżjoni għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tas-sentenza li ġiet riveduta. Għandu jsir notament tas-sentenza ta' reviżjoni fil-marġni ta' l-oriġinal tas-sentenza li ġiet riveduta.

Kapitolu VII

FUQ IR-RIKORSI KONTRA D-DEĊIŻJONIJIET TAL-KUMITAT TA'ARBITRAĠĠ

Artikolu 101

1. Ir-rikors previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 18 tat-Trattat KEEA għandu jinkludi:

a) l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b) f'liema kwalità aġixxa min iffirma;

c) riferiment għad-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Arbitraġġ ikkontestata;

d) id-dettalji tal-partijiet;

e) il-fatti fil-qosor;

f) ir-raġunijiet u t-talbiet tar-rikorrent.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 37(3) u (4), u ta' l-Artikolu 38(2), (3) u (5) ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli.

Kopja awtentikata tad-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annessa mar-rikors.

3. Malli jiġi ppreżentat ir-rikors, ir-Reġistratur tal-Qorti għandu jitlob lir-Reġistratur tal-Kumitat ta' Arbitraġġ biex jibgħat il-proċess tal-kawża lill-Qorti.

4. Il-proċedura għandha tiżvolġi skond l-Artikoli 39, 40, 55 et seq ta' dawn ir-Regoli.

5. Il-Qorti għandha tiddeċiedi permezz ta' sentenza. Fil-każ li d-deċiżjoni tal-Kumitat tiġi annullata, hija għandha, jekk ikun il-każ, tirrinvija l-kawża lura lill-Kumitat.

Kapitolu VIII

FUQ L-INTERPRETAZZJONI TAS-SENTENZI

Artikolu 102

1. It-talba għal interpretazzjoni għandha tiġi ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 37 u 38 ta' dawn ir-Regoli. Hija għandha wkoll tindika:

a) is-sentenza kkonċernata;

b) il-partijiet tas-sentenza li tagħhom tkun qed tintalab l-interpretazzjoni.

It-talba għandha titressaq kontra l-partijiet kollha fis-sentenza.

2. Il-Qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta' sentenza wara li tkun tat lill-partijiet l-opportunità sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali.

L-oriġinal tas-sentenza li tagħti l-interpretazzjoni għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tas-sentenza li tagħha ngħatat l-interpretazzjoni. Fil-marġni ta' l-oriġinal tas-sentenza li tagħha ngħatat interpretazzjoni għandu jsir notament tas-sentenza li tat l-interpretazzjoni.

Kapitolu IX

FUQ IR-RINVIJI GĦAL DEĊIŻJONIJIET PRELIMINARI U FUQ PROĊEDURI OĦRA TA' INTERPRETAZZJONI

Artikolu 103

1. Fil-każ ikkontemplat mill-Artikolu 23 ta' l-Istatut, il-proċedura għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli ħlief għal xi modifiki imposti min-natura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma applikabbli għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, previsti mill-Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Frar 1968, fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta' kumpanniji u ta' persuni ġuridiċi u mill-Protokoll dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, li ġew iffirmati fil-Lussemburgu, fit-3 ta' Ġunju 1971, kif ukoll għall-proċeduri stabbiliti mill-Artikolu 4 ta' l-aħħar Protokoll.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma applikabbli wkoll għal rinviji għal deċiżjonijiet preliminari li jistgħu jkunu previsti minn ftehim oħra.

Artikolu 104

1. Id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali kkontemplati mill-Artikolu 103 għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri fil-verżjoni oriġinali, flimkien ma' traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat destinatarju.

Fil-każijiet previsti mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 23 ta' l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati kontraenti tal-ftehim ŻEE, li mhumiex Stati Membri, kif ukoll lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA fil-verżjoni oriġinali, flimkien ma' traduzzjoni f'waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1), li għandha tiġi magħżula mill-Istat destinatarju.

Meta Stat terz ikollu d-dritt li jkun parti fi proċedura għal deċiżjoni preliminari skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 23 ta' l-Istatut, id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali għandha tiġi kkomunikata lilu fil-verżjoni oriġinali, flimkien ma' traduzzjoni f'waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1), li għandha tiġi magħżula mill-Istat terz ikkonċernat.

2. Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti għandha tikkunsidra r-Regoli tal-Proċedura applikabbli quddiem il-qorti nazzjonali li għamlet ir-rinviju f'dak li għandu x'jaqsam mar-rappreżentanza u mad-dehra tal-partijiet fil-kawża prinċipali.

3. Fil-każ li domanda għal deċiżjoni preliminari tkun identika għal domanda li l-Qorti diġà ddeċidiet dwarha, jew fil-każ li t-tweġiba għal tali domanda tkun tista' kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, jew fil-każ li t-tweġiba għad-domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġjonevoli, il-Qorti tista', wara li tkun infurmat lill-qorti li għamlet ir-rinviju, wara li tkun semgħet l-osservazzjonijiet ta' l-interessati indikati fl-Artikolu 23 ta' l-Istatut u wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta' digriet motivat, li għandu jkun fih, skond il-każ, referenza għas-sentenza preċedenti jew għall-ġurisprudenza kkonċernata.

4. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, fil-każ ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura quddiem il-Qorti għandha tinkludi fażi orali. Madankollu, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet jew ta' l-osservazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 ta' l-Istatut, fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, u wara li tkun infurmat lill-interessati li, skond id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq, għandhom dritt li jippreżentaw dawn is-sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet u jekk l-ebda wieħed minnhom ma jippreżenta talba li tindika r-raġunijiet li għalihom jixtieq jinstema', il-Qorti tista', wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi mod ieħor. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mid-data tan-notifika tal-parti jew ta' l-interessat tas-sottomissjonijiet jew ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub li jkunu ġew ippreżentati. Dan it-terminu jista' jiġi pprorogat mill-President.

5. Wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tista' titlob kjarifiki lill-qorti nazzjonali.

6. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

F'każijiet partikolari, il-Qorti tista' tagħti, bħala benefiċċju ta' għajnuna legali bla ħlas, assistenza intiża sabiex tiffaċilita r-rappreżentanza jew id-dehra ta' parti.

Artikolu 104a

Fuq talba tal-qorti nazzjonali, u fuq proposta ta' l-Imħallef Relatur, il-President jista', f'każijiet eċċezzjonali u wara li jisma' lill-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li japplika l-proċedura mħaffa, liema proċedura tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli, meta ċ-ċirkustanzi invokati jixhdu l-urġenza straordinarja sabiex issir deċiżjoni dwar id-domanda rinvijata għal deċiżjoni preliminari.

F'dan il-każ, il-President għandu jistabbilixxi minnufih id-data tas-seduta, li għandha tiġi kkomunikata, flimkien man-notifika tad-deċiżjoni tar-rinviju, lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta' l-Istatut.

Il-partijiet u l-persuni l-oħra interessati msemmija fil-paragrafu preċedenti jistgħu, fit-terminu stabbilit mill-President, li ma jistax ikun ta' inqas minn 15-il jum, jippreżentaw sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub. Il-President jista' jistieden lill-partijiet u lill-persuni interessati kkonċernati l-oħra sabiex jillimitaw is-sottomissjonijiet jew l-osservazzjonijiet tagħhom għall-punti essenzjali ta' liġi mqajma fid-domanda rrinvijata għal deċizjoni preliminari.

Fil-każ li jkun hemm sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub, dawn għandhom jiġu kkomunikati qabel is-seduta lill-partijiet u lill-persuni interessati l-oħra msemmija hawn fuq.

Il-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali.

Kapitolu X

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI PREVISTI FL-ARTIKOLI 103 SA 105 TAT-TRATTAT KEEA

Artikolu 105

1. Ir-rikors li jsir skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 103, tat-Trattat KEEA, għandu jiġi ppreżentat f'erba' kopji awtentikati u għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

2. Abbozz tal-ftehim jew tal-kuntratt ikkonċernat, bl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni indirizzati lill-Istat interessat, kif ukoll id-dokumenti l-oħra kollha li jsostnuh, għandu jiġi anness mar-rikors.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti f'terminu ta' għaxart'ijiem, li jista' jiġi pprorogat mill-President wara li jisma' lill-Istat interessat.

Kopja awtenikata ta' l-osservazzjonijiet imsemmija hawn fuq għandha tiġi nnotifikata lil dan l-Istat.

3. Malli r-rikors jiġi ppreżentat, il-President għandu jaħtar l-Imħallef Relatur. Minnufih wara l-ħatra ta' l-Imħallef Relatur, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni tal-Kawża lil wieħed mill-Avukati Ġenerali.

4. Id-deċiżjoni għandha tittieħed in camera, wara li jinstema' l-Avukat Ġenerali.

L-aġenti jew il-konsulenti ta' l-Istat interessat u tal-Kummissjoni għandhom jinstemgħu, fuq talba tagħhom.

Artikolu 106

1. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 37 et seq ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli fil-każijiet previsti fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 104 u fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 105 tat-Trattat KEEA.

2. Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-Istat ta' appartenenza tal-persuna jew l-impriża li kontra tagħha r-rikors huwa indirizzat.

Kapitolu XI

FUQ L-OPINJONIJIET

Artikolu 107

1. Jekk it-talba għal opinjoni preliminari prevista fl-Artikolu 300 tat-Trattat KE tiġi ppreżentata mill-Parlament Ewropew, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Jekk it-talba tiġi ppreżentata mill-Kunsill, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew. Jekk it-talba tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri. Jekk it-talba tiġi ppreżentata minn wieħed mill-Istati Membri, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri l-oħra.

Il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri nnotifikati bit-talba jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

2. L-opinjoni tista' tirrigwarda kemm il-kompatibbiltà tal-ftehim ikkonċernat mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE kif ukoll il-kompetenza tal-Komunità jew ta' waħda mill-istituzzjonijiet sabiex tikkonkludi tali ftehim.

Artikolu 108

1. Malli tiġi ppreżentata t-talba għal opinjoni preliminari prevista fl-Artikolu preċedenti, il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur.

2. Wara li tisma' lill-Avukati Ġenerali, il-Qorti għandha tagħti opinjoni motivata in camera.

3. L-opinjoni, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li jkunu pparteċipaw fid-deliberazzjonijiet u mir-Reġistratur, għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri.

Artikolu 109

(Imħassar)

Kapitolu XII

FUQ IT-TALBIET GĦAL INTERPRETAZZJONI PREVISTI FL-ARTIKOLU 68 TAT-TRATTAT KE

Artikolu 109a

1. Jekk it-talba sabiex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjoni ta' interpretazzjoni prevista fl-Artikolu 68(3) tat-Trattat KE titressaq mill-Kunsill, hija għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri; jekk titressaq mill-Kummissjoni, hija għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill u lill-Istati Membri; jekk titressaq minn Stat Membru hija għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra.

Il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri li ġew innotifikati bit-talba jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

2. Malli tiġi ppreżentata t-talba prevista fil-paragrafu 1, il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur. L-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu, minnufih wara, jassenja dik it-talba lil wieħed mill-Avukati Ġenerali.

3. Il-Qorti għandha tiddeċiedi permezz ta' sentenza, wara li jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali.

Fuq talba ta' Stat Membru jew waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-proċedura dwar it-talba għandha tinkludi fażi orali.

Kapitolu XIII

FUQ IS-SOLUZZJONI TAL-KWISTJONIJIET PREVISTI MILL-ARTIKOLU 35 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI

Artikolu 109b

1. Fil-każ ta' kwistjonijiet bejn l-Istati Membri previsti fl-Artikolu 35(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni l-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti minn waħda mill-partijiet permezz ta' talba. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni.

Fil-każ ta' kwistjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni previsti fl-Artikolu 35(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti minn waħda mill-partijiet permezz ta' talba. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni jekk din tkun ġiet imressqa minn Stat Membru. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kunsill jekk din tkun ġiet imressqa mill-Kummissjoni.

Il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri li ġew innotifikati bit-talba, jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

2. Malli t-talba prevista fil-paragrafu 1 tiġi ppreżentata, il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur. Minnufih wara dan, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jassenja dik it-talba lil wieħed mill-Avukati Ġenerali.

3. Il-Qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta' sentenza, wara li jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali.

Il-proċedura dwar it-talba għandha jkollha fażi orali jekk xi Stat Membru jew waħda mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 titlob dan.

4. L-istess proċedura għandha tapplika meta ftehim konkluż bejn l-Istati Membri jagħti l-kompetenza lill-Qorti sabiex tiddeċiedi dwar xi kwistjoni bejn l-Istati Membri jew bejn l-Istati Membri u xi istituzzjoni.

TITOLU IV

FUQ L-APPELLI MID-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

Artikolu 110

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 29(2) (b) u (ċ), u r-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 29(3) ta' dawn ir-Regoli, fil-każ ta' appell mid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikoli 56 u 57 ta' l-Istatut, il-lingwa tal-kawża hija dik tad-deċiżjoni tat-Qorti tal-Prim'Istanza li tkun qiegħda tiġi appellata.

Artikolu 111

1. L-appell għandu jsir permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

2. Ir-Reġistru tal-Qorti ta' Prim'Istanza għandu jibgħat minnufih il-proċess tal-kawża ta' l-ewwel istanza u, jekk ikun il-każ, ir-rikors ta' l-appell, lir-Reġistru tal-Qorti.

Artikolu 112

1. Ir-rikors ta' l-appell għandu jinkludi:

a) l-isem u l-indirizz tal-parti li tagħmel l-appell, li tissejjaħ ir-rikorrent;

b) id-dettalji tal-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

ċ) ir-raġunijiet u l-argumenti ta' dritt invokati;

d) it-talbiet tar-rikorrent.

L-Artikoli 37 u 38(2) u (3) ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli għall-appell.

2. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tkun qiegħda tiġi appellata għandha tiġi annessa mar-rikors ta' l-appell. Għandha tiġi indikata d-data li fiha d-deċiżjoni appellata tkun ġiet innotifikata lir-rikorrent.

3. Jekk ir-rikors ta' l-appell ma jikkonformax ma' l-Artikolu 38(3) jew il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 38(7) ta' dawn ir-Regoli huwa applikabbli.

Artikolu 113

1. It-talbiet fir-rikors ta' l-appell għandhom ikunu intiżi:

- għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza;

- sabiex jintlaqgħu l-istess talbiet, b'mod totali jew parzjali, ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta' kull talba ġdida.

2. L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

Artikolu 114

Ir-rikors ta' l-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet kollha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. L-Artikolu 39 ta' dawn ir-Regoli huwa applikabbli.

Artikolu 115

1. Kull waħda mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tippreżenta risposta ta' l-appell fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tar-rikors ta' l-appell. Dan it-terminu għar-risposta ma jistax jiġi pprorogat.

2. Ir-risposta ta' l-appell għandha tinkludi:

a) l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżentaha;

b) id-data li fiha r-rikors ta' l-appell ġie nnotifikat lil din il-parti;

ċ) ir-raġunijiet u l-argumenti ta' dritt invokati;

d) it-talbiet.

L-Artikolu 37 u l-Artikolu 38(2) u (3) ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli.

Artikolu 116

1. It-talbiet fir-risposta ta' l-appell għandhom ikunu intiżi:

- għaċ-ċaħda totali jew parzjali ta' l-appell, jew l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza,

- sabiex jintlaqgħu t-talbiet, b'mod totali jew parzjali, ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta' kull talba ġdida.

2. Ir-risposta ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

Artikolu 117

1. Ir-rikors ta' l-appell u r-risposta ta' l-appell jistgħu jiġu kkompletati bir-replika u bil-kontroreplika jekk il-President, wara li ssir talba f'dan is-sens mir-rikorrent f'terminu ta' sebat ijiem mid-data tan-notifika tar-risposta, jidhirlu li dan ikun neċessarju u jawtorizza espressament il-preżentata ta' replika sabiex jippermetti lir-rikorrent jiddefendi l-perspettiva tiegħu jew jipprepara d-deċiżjoni dwar l-appell. Il-President għandu jistabbilixxi d-data li fiha r-replika għandha tiġi ppreżentata u, man-notifika ta' tali replika, id-data li fiha kontroreplika għandha tiġi ppreżentata.

2. Fil-każ li t-talbiet fir-risposta ta' l-appell huma intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq raġuni li ma kinitx ġiet mqajma fir-rikors ta' l-appell, ir-rikorrent jew kull waħda mill-partijiet l-oħra jistgħu jippreżentaw replika fuq din ir-raġuni biss, f'terminu ta' xahrejn mid-data tan-notifika tar-risposta kkonċernata. Il-paragrafu 1 huwa applikabbli għas-sottomissjonijiet komplementari kollha li jiġu ppreżentati wara din ir-replika.

Artikolu 118

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin, l-Artikolu 42(2), u l-Artikoli 43, 44, 55 sa 90, 93, 95 sa 100 u 102 ta' dawn ir-Regoli huma applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti fil-każ ta' appell minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Artikolu 119

Meta l-appell ikun, totalment jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tista', f'kull waqt, wara r-rapport ta' l-Imħallef Relatur, u wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell, totalment jew parzjalment, permezz ta' digriet motivat.

Artikolu 120

Wara l-preżentata tad-dokumenti previsti mill-Artikolu 115(1) u, jekk ikun il-każ, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet previsti mill-Artikolu 117(1) u (2) ta' dawn ir-Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista', fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, u wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tiddeċiedi li taqta' l-appell mingħajr fażi orali, sakemm waħda mill-partijiet ma tippreżentax talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema'. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mid-data li fiha dik il-parti tiġi nnotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub. Dan it-terminu jista' jiġi pprorogat mill-President.

Artikolu 121

Ir-rapport previst fl-Artikolu 44(2) għandu jiġi ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet previsti fl-Artikolu 115(1) u, jekk ikun il-każ, fl-Artikolu 117(1) u (2). Jekk dawn is-sottomissjonijiet ma jiġux ippreżentati, l-istess proċedura għandha tapplika ma' l-iskadenza tat-terminu pprovdut għall-preżentata tagħhom.

Artikolu 122

Meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-aġenti tagħhom:

- l-Artikolu 70 ta' dawn ir-Regoli japplika biss fil-każ ta' appelli li jsiru mill-istituzzjonijiet;

- b'deroga mill-Artikolu 69(2) ta' dawn ir-Regoli, il-Qorti tista', fl-appelli mressqa mill-uffiċjali jew mill-aġenti oħra ta' xi istituzzjoni, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż bejn il-partijiet, safejn hekk titlob l-ekwità.

Jekk l-appell jiġi rtirat, l-Artikolu 69(5) huwa applikabbli.

Jekk appell magħmul minn Stat Membru jew minn xi istituzzjoni li ma tkunx interveniet fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jkun fondat, il-Qorti tista' tiddeċiedi li l-ispejjeż għandhom jiġu maqsuma bejn il-partijiet jew li r-rikorrent li jkun rebaħ iħallas lura lill-parti telliefa l-ispejjeż li jkun ġarrab minħabba dan l-appell.

Artikolu 123

It-talba għal intervent ippreżentata lill-Qorti matul il-proċedura ta' l-appell, għandha tiġi ddepożitata qabel l-iskadenza ta' terminu ta' xahar mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(6).

TITOLU V

FUQ IL-PROĊEDURI PREVISTI MILL-FTEHIM ŻEE

Artikolu 123a

1. Fil-każ previst mill-Artikolu 111(3) tal-Ftehim ŻEE [3], il-kwistjoni għandha tiġi mressqa quddiem il-Qorti permezz ta' talba magħmula mill-Partijiet Kontraenti li huma partijiet fil-kwistjoni. Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet Kontraenti l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u, jekk ikun il-każ, lill-interessati l-oħra li jiġu nnotifikati fil-każ ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni komunitarja.

Il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih il-Partijiet Kontraenti u l-interessati l-oħra li jiġu nnotifikati bit-talba għandhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub.

It-talba għandha ssir f'waħda fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1). Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 sa 5 ta' dan l-Artikolu huma applikabbli. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 104(1) huma applikabbli mutatis mutandis.

2. Malli t-talba prevista fil-paragrafu 1 tiġi ppreżentata, il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur. Minnufih wara dan, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jassenja t-talba lill-wieħed mill-Avukati Ġenerali.

Wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar it-talba in camera.

3. Id-deċiżjoni tal-Qorti, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjonijiet u mir-Reġistratur, għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet Kontraenti u lill-interessati l-oħra msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 123b

Fil-każ previst mill-Artikolu 1 tal-Protokoll 34 tal-Ftehim ŻEE, it-talba tal-qorti nazzjonali għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet fil-kawża, lill-Partijiet Kontraenti, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, u jekk ikun il-każ, lill-interessati l-oħra li huma nnotifikati fil-każ ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni komunitarja.

Jekk it-talba ma tiġix ippreżentata f'waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1), hija għandha jkollha magħha traduzzjoni f'waħda minn dawn il-lingwi.

Il-partijiet, il-Partijiet Kontraenti u l-interessati l-oħra previsti fl-ewwel paragrafu jistgħu jippreżentaw sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.

Il-proċedura hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli, bl-eċċezjoni ta' xi modifiki li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba n-natura tat-talba.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 124

1. Il-President għandu javża lill-persuni msejħa sabiex jieħdu ġurament quddiem il-Qorti bħala xhieda jew bħala periti sabiex jgħidu l-verità jew sabiex jaqdu l-kariga tagħhom b'kuxjenza u b'imparzjalità sħiħa, u għandu jiġbdilhom l-attenzjoni għall-konsegwenzi kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-każ ta' ksur ta' dan id-dmir.

2. Ix-xhieda għandhom jieħdu l-ġurament skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 47(5), jew skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tax-xhieda tipprovdi l-possibbiltà li, fil-qasam tal-proċedura ġudizzjarja, minbarra l-ġurament, minfloku jew flimkien miegħu, issir dikjarazzjoni li tissostitwih, ix-xhieda jistgħu jagħmlu din id-dikjarazzjoni taħt il-kundizzjonijiet u l-forom stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi, la għall-possibbiltà li jittieħed ġurament u l-anqas għall-possibbiltà li ssir din id-dikjarazzjoni, għandha tiġi segwita l-proċedura prevista fil-paragrafu 1.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 huma applikabbli mutatis mutandis għall-periti iżda minflok l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 47(5) ta' dawn ir-Regoli, huwa applikabbli l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 49(6).

Artikolu 125

Bla ħsara għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 223 tat-Trattat KE u 139 tat-Trattat KEEA, il-Qorti, wara li tikkonsulta mal-Gvernijiet interessati, għandha tadotta, f'dak li għandu x'jaqsam magħha, regoli addizzjonali dwar:

a) l-ittri rogatorji;

b) it-talbiet għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas;

ċ) id-denunzja mill-Qorti ta' ksur ta' ġurament tax-xhieda u tal-periti skond l-Artikolu 30 ta' l-Istatut.

Artikolu 125a

Il-Qorti tista' toħroġ istruzzjonijiet prattiċi dwar, b'mod partikolari, il-preparazzjoni u l-iżvolġiment tas-seduti quddiemha kif ukoll il-preżentata tas-sottomissjonijiet jew ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 126

Dawn ir-Regoli jissostitwixxu r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej adottati fl-4 ta' Diċembru 1974 (Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej Nru. L 350 tat-28 ta' Diċembru 1974, paġna 1), kif l-aħħar emendati fil-15 ta' Mejju 1991.

Artikolu 127

Dawn ir-Regoli, li huma awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1) ta' dawn ir-Regoli, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

[1] ĠU L 176 ta' l-4.7.1991, p.7, bil-korriġendum ĠU L 383 tad-29.12.1992, p. 117, bl-emendi tal-21 ta' Frar 1995, ippubblikati fil-ĠU tat-28.2.1995, p. 61, tal-11 ta' Marzu 1997, ippubblikati fil-ĠU L 103 tad-19.4.1997, p. 1, bil-korriġendum ĠU L 351 tat-23.12.1997, p. 72, tas-16 ta' Mejju 2000, ippubblikati fil-ĠU L 122 ta' l-24.5.2000, p. 43, u tat-28 ta' Novembru 2000, ippubblikati fil-ĠU L 322 tad-19.12.2000, p. 1, tat-3 ta' April 2001, ippubblikati fil-ĠU L 119 tas-27.4.2001, p.1, tas-17 ta' Settembru 2002, ippubblikati fil-ĠU L 272 ta' l-10.10.2002, bil-korriġendum ĠU L 281 tad-19.10.2002, p. 24, tat-8 ta' April 2003, ippubblikati fil-ĠU L 147 ta' l-14.6.2003, p. 17, għall-Anness tar-Regoli, id-deċiżjoni tal-Qorti ta' l-10 ta' Ġunju 2003, ippubblikata fil-ĠU L 172 ta' l-10 ta' Lulju 2003, p. 12, bl-emendi tad-19 ta' April 2004, ippubblikati fil-ĠU L 132 tad-29.4.2004, p.2, u bl-emendi ta' l-20 ta' April 2004, ippubblikati fil-ĠU L 127 tad-29.4.2004, p.107.

[2] Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1103/97, Artikolu 2, ĠU L 162 tad-19.6.1997, p. 1.

[3] ĠU L 1 tat-3.1.1994, p. 27.

--------------------------------------------------

ANNESS

DEĊIŻJONI DWAR IL-JIEM TA' VAKANZA

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 80(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jinkariga lill-Qorti sabiex tistabbilixxi l-lista tal-jiem ta' vakanza legali,

TIDDEĊIEDI:

Artikolu 1

Skond l-Artikolu 80(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-lista tal-jiem ta' vakanza legali hija stabbilita kif ġej:

- l-ewwel jum tas-sena,

- it-Tnejn ta' wara Ħadd-il Għid,

- l-1 ta' Mejju,

- l-Axxensjoni,

- it-Tnejn tal-Pentekoste,

- it-23 ta' Ġunju,

- il-15 ta' Awwissu,

- l-1 ta' Novembru,

- il-25 ta' Diċembru,

- is-26 ta' Diċembru.

Il-jiem ta' vakanza legali msemmija fl-ewwel paragrafu huma dawk osservati fil-post fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-sede tagħha.

Artikolu 2

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 80(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirreferu esklussivament għall-jiem ta' vakanza legali msemmija fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni, li hija annessa mar-Regoli tal-Proċedura, tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

--------------------------------------------------

Regoli Addizzjonali [1]

Werrej

Kapitolu I Fuq l-ittri rogatorjali (Art. 1 sa 3) …

Kapitolu II Fuq il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas (Art. 4 u 5) …

Kapitolu III Fuq id-denunzja tal-ksur ta' ġurament tax-xhieda u tal-periti (Art. 6 u 7) …

Dispożizzjonijiet finali (Art. 8 u 9) … Anness I Lista msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 …

Anness II Lista msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4 …

Anness III Lista msemmija fl-Artikolu 6 …

KAPITOLU I

Fuq l-ittri rogatorjali

Artikolu 1

L-ittra rogatorjali tinħareġ permezz ta' digriet; dan għandu jinkludi l-kunjom, l-isem, l-okkupazzjoni u l-indirizz tax-xhieda jew tal-periti, jindika l-fatti li dwarhom ix-xhieda jew il-periti ser jinstemgħu, jindika l-partijiet, l-aġenti, avukati jew konsulenti tagħhom, kif ukoll l-indirizz tagħhom għan-notifika u jesponi s-suġġett tal-kawża fil-qosor.

Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet mir-Reġistratur.

Artikolu 2

Ir-Reġistratur għandu jibgħat id-digriet lill-awtorità kompetenti, imsemmija fl-Anness I, ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ser isir l-eżami tax-xhieda jew tal-periti. Jekk ikun il-każ, id-digriet għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru li lilu jkun indirizzat.

L-awtorità inkarigata skond l-ewwel paragrafu għandha tibgħat id-digriet lill-awtorità ġudizzjarja li tkun kompetenti skond il-liġi nazzjonali tagħha.

L-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha teżegwixxi l-ittra rogatorjali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħha. Wara l-eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tibgħat id-digriet dwar l-ittra rogatorjali, l-atti dwar l-eżekuzzjoni tagħha u lista ta' l-ispejjeż lill-awtorità inkarigata skond l-ewwel paragrafu. Dawn id-dokumenti għandhom jintbagħtu lir-Reġistratur tal-Qorti.

It-traduzzjoni ta' l-atti fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata mir-Reġistratur.

Artikolu 3

Il-Qorti għandha tħallas l-ispejjeż ta' l-ittri rogatorjali, iżda, jekk ikun il-każ, tista' tordna li jitħallsu mill-partijiet.

KAPITOLU II

Fuq il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas

Artikolu 4

Fid-digriet li bih tiddeċiedi li parti għandha tiġi ammessa għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas, il-Qorti għandha tordna li jiġi maħtur avukat sabiex jassisti lill-parti kkonċernata.

Jekk din il-parti ma tipproponix avukat hija stess jew jekk il-Qorti jidhrilha li m'għandhiex taċċetta l-għażla tagħha, ir-Reġistratur għandu jibgħat kopja awtentikata tad-digriet u kopja tat-talba għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat ikkonċernat imsemmija fl-Anness II.

Fid-dawl tal-proposti mibgħuta minn din l-awtorità, il-Qorti għandha tipproċedi ex officio biex taħtar l-avukat inkarigat biex jassisti lill-parti kkonċernata.

Artikolu 5

Il-Qorti għandha tħallas l-ispejjeż bil-quddiem.

Hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż u l-onorarju ta' l-avukat; fuq talba ta' l-avukat, il-President jista' jordna li jsirlu pagament bil-quddiem.

KAPITOLU III

Fuq id-denunzja tal-ksur ta' ġurament tax-xhieda u tal-periti

Artikolu 6

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 124 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, tista' tiddeċiedi li tiddenunzja kull xhieda falza jew kull dikjarazzjoni falza ta' perit mogħtija taħt ġurament quddiemha, lill-awtorità kompetenti, imsemmija fl-Anness III, ta' l-Istat Membru li l-qrati tiegħu huma kompetenti biex jipproċedu kriminalment fuqha.

Artikolu 7

Id-deċiżjoni tal-Qorti għandha tintbagħat mir-Reġistratur. Hija għandha tesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-denunzja.

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 8

Dawn ir-Regoli Addizzjonali jissostitwixxu r-Regoli Addizzjonali tad-9 ta' Marzu 1962 (ĠU 34 tal-5.5.1962, p. 1113/62).

Artikolu 9

Dawn ir-Regoli, li huma awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huma għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom.

(L-annessi ġew emendati wara t-tkabbir)

[1] Adottati fil-Lussemburgu, fl-4 ta' Diċembru 1974, (ĠU L 350, p. 1), bl-emendi tal-11 ta' Marzu 1997 (ĠU L 103 tad-19.4.1997, p. 4) u tal-21 ta' Frar 2006 (ĠU L 72 tal-11.3.2006, p. 1).

--------------------------------------------------