|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/4648 |
23.9.2026 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar il-proposti ta’ riforma u investiment ifformulati bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2025-2026
(C/2026/4648)
Relaturi: Gonçalo LOBO XAVIER
Andrea MONE
Luca JAHIER
|
Bażi legali |
Artikolu 52(4) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
18.6.2026 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
606 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
175/3/0 |
1. Introduzzjoni
|
1.1. |
Din ir-riżoluzzjoni tagħmel parti minn pakkett, flimkien mar-rapport ta’ informazzjoni (1) u l-anness iddettaljat tiegħu (2), u tirriżulta mill-ħidma annwali tal-Grupp Ad Hoc dwar is-Semestru Ewropew (GSE) tal-KESE: il-konsultazzjoni mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri tal-UE dwar suġġetti ewlenin tas-Semestru Ewropew. Ir-rapport ta’ informazzjoni (3) jiġbor il-fehmiet tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-27 Stat Membru dwar il-proposti nazzjonali ta’ riforma u ta’ investiment u l-implimentazzjoni tagħhom (iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2025-2026) (4); din ir-riżoluzzjoni tikkomplementa r-rapport billi tipprovdi r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika, il-konklużjonijiet u l-proposti ta’ politika tal-KESE bbażati fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kif stabbilit fir-rapport. |
|
1.2. |
Dan l-eżerċizzju jkompli l-ħidma li l-KESE ilu jsegwi għal dawn l-aħħar snin dwar il-promozzjoni ta’ Semestru Ewropew u qafas ta’ governanza ekonomika aktar parteċipattivi, bi sjieda akbar fil-livell nazzjonali u involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Parteċipazzjoni wiesgħa tappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u l-leġittimità demokratika, u tespandi l-appoġġ pubbliku għal politiki trasformattivi u bidla sistemika. |
2. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar il-proposti ta’ riforma u investiment ifformulati bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2025-2026
Il-KESE:
|
2.1. |
itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li għamel fl-Opinjonijiet tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) (5), il-Pakkett tal-Ħarifa (6) u r-Regolament dwar il-Prestazzjoni (7); |
|
2.2. |
jenfasizza s-sejbiet ewlenin tiegħu: ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) huma bla dubju rilevanti, imma m’hemmx biżżejjed enfasi fuq id-dimensjonijiet soċjali. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kellha valur strateġiku, iżda trid titqies fil-kuntest tal-pandemija u b’mod ġenerali wriet li hija kumplessa wisq u ċentralizzata żżejjed u li ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq. Ir-rabta bejn il-QFP u s-Semestru Ewropew tista’ ssaħħaħ il-valur miżjud tal-UE, iżda tiddependi ħafna mis-salvagwardji għad-demokrazija, is-sussidjarjetà u l-bilanċ soċjali. L-aktar importanti mill-perspettiva tal-KESE hu li l-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jibqa’ proċedurali, u ma jħallix impatt. Barra minn hekk, għad hemm lakuni ġenerali fl-implimentazzjoni, u għalhekk il-KESE jitlob li ssir enfasi akbar fuq il-kapaċità ta’ eżekuzzjoni, l-effiċjenza amministrattiva u l-eżiti li jistgħu jitkejlu; |
|
2.3. |
jafferma li l-futur tal-UE jiddependi mill-interkonnessjoni dinamika u b’saħħitha bejn l-erba’ forom ta’ kapital tagħha (kapital ekonomiku, uman, soċjali u ambjentali), b’enfasi intensifikata daqstant ieħor fuq kompetittività sostenibbli msaħħa, ankrata b’mod sod fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Patt Ekoloġiku u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinseġ dawn l-erba’ forom ta’ kapital flimkien, u timxi lil hinn mit-tkabbir iċċentrat fuq il-PDG (kif rakkomandat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) (8)) biex tadotta mudell ta’ sigurtà definit mir-reżiljenza ekonomika, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali. L-implimentazzjoni tas-suq uniku, b’attenzjoni partikolari għall-unjoni tas-swieq kapitali, trid tiġi integrata bis-sħiħ fis-Semestru Ewropew u s-CSRs, flimkien mar-responsabbiltà politika għall-infurzar tar-regoli tas-suq uniku; |
|
2.4. |
iqis li, sabiex jiġi segwit u jitwassal valur miżjud Ewropew ġenwin fir-rabta bejn is-Semestru Ewropew u l-QFP, huwa kruċjali li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-UE waqt li jiġu ppreżervati l-flessibbiltà, is-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli. Madankollu, il-KESE jirrifjuta bil-qawwa l-loġika ta’ kundizzjonalità makroekonomika punittiva, u jirrakkomanda struttura ta’ inċentivi pożittivi, li fiha s-Semestru jidentifika ostakli strateġiċi u l-QFP jipprovdi appoġġ immirat biex jindirizzahom. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza dejjem tikber tar-reżiljenza u l-prontezza tad-difiża, u jappella għall-istabbiliment ta’ ambjent regolatorju li joffri ċertezza legali u appoġġ biex jiġi mobilizzat l-investiment fil-kapaċitajiet ikkoordinati mill-UE, bl-għan li jittejbu l-produttività, il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika; |
|
2.5. |
jirrakkomanda li jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza tal-passat (b’mod partikolari n-nuqqasijiet tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) u li jiġi żgurat li l-objettivi soċjali tal-UE u l-governanza f’diversi livelli jiġu ppreżervati fi ħdan l-arkitettura tal-QFP. Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-objettivi strateġiċi tal-UE u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħha, għandu jinħoloq spazju fiskali biex jintlaħqu l-objettivi soċjali komuni tal-UE u, b’mod partikolari, biex jikkontribwixxi għaċ-Ċentru ta’ Investiment Soċjali li tnieda dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea; |
|
2.6. |
jissottolinja b’mod partikolari li l-kwistjonijiet soċjali spiss jiġu sottovalutati fis-CSRs, waqt li l-livell ta’ implimentazzjoni tas-CSRs soċjali storikament kien inadegwat, ineffiċjenti jew saħansitra ineżistenti. Għal din ir-raġuni, il-KESE qed isegwi l-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali b’interess, u se jkompli jimmonitorja l-impatt reali tiegħu fuq iċ-ċiklu ġenerali ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-UE. Il-KESE jemmen li, sakemm jiġu solvuti l-isfidi identifikati, l-azzjoni tal-gvern jeħtieġ li tingħata mandat u tissaħħaħ sabiex jiġi skattat id-dinamiżmu meħtieġ fil-livell nazzjonali, bil-ħsieb li jiġu aċċellerati t-tfassil, l-implimentazzjoni u t-twettiq tar-riformi, kif ukoll l-evalwazzjoni demokratika tagħhom; |
|
2.7. |
huwa konvint bis-sħiħ li, sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, l-UE jeħtiġilha tiżviluppa qafas kollaborattiv aktar robust li fih ir-riżultati u l-prestazzjoni jiġu ppremjati permezz ta’ assistenza teknika mmirata u flessibbiltà fil-kofinanzjament, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntesti nazzjonali u reġjonali; |
|
2.8. |
għalhekk jirrakkomanda li jiżdied l-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (bl-għan li jissaħħaħ il-prinċipju tas-sħubija pass pass hekk kif il-governanza tal-QFP u s-Semestru Ewropew jikkonverġu) billi dan jiġi ttrasformat minn rekwiżit kważi proċedurali għal xprun sostantiv tas-suċċess tal-politika, abbażi ta’ evalwazzjoni obbligatorja tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati tul iċ-ċiklu kollu tal-politika, kif ukoll permezz tas-semplifikazzjoni ġenwina u l-iżgurar tal-proporzjonalità tal-piż amministrattiv u regolatorju mqiegħed fuq l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mhux biss fuq is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea; |
|
2.9. |
jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb kemm il-kwalità kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-proċessi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fi ħdan is-Semestru Ewropew. Dan jinkludi l-investiment fil-bini tal-kapaċitajiet għad-djalogu ċivili u soċjali, it-tisħiħ tal-proċessi ta’ konsultazzjoni u t-titjib tal-iskedi ta’ żmien tagħhom, it-titjib tal-aċċess għal data trasparenti u komparabbli, u l-istabbiliment ta’ kodiċi Ewropew li jistabbilixxi kif għandhom jitwettqu l-konsultazzjonijiet fil-qafas tas-Semestru Ewropew u kif għandhom jiġu abbozzati u implimentati l-pjani nazzjonali, b’konformità mal-prattiki nazzjonali u l-oqfsa ta’ djalogu soċjali; |
|
2.10. |
jitlob, għalhekk, l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni obbligatorja tal-kwalità u l-impatt tas-sħubija. Din ma għandhiex tkun limitata għall-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsieħba ġewx ikkonsultati, iżda għandha teżamina wkoll sa liema punt il-kontribut tagħhom sawwar il-programmi operazzjonali finali. Dan kollu jrid ikun akkumpanjat minn semplifikazzjoni radikali tal-mekkaniżmi eżekuttivi, imfassla b’mod konġunt mal-awtoritajiet ta’ ġestjoni, il-korpi reġjonali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex jiġi żgurat li s-sistemi ta’ awditjar u monitoraġġ ikunu proporzjonati u jirrispettaw il-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża mingħajr ma tiġi imposta duplikazzjoni burokratika eċċessiva. |
Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2026.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Séamus BOLAND
(1) The point of view of organised civil society in the EU Member States on national reform and investment proposals and their implementation (2025-2026 European Semester cycle) Il-perspettiva tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri tal-UE dwar il-proposti nazzjonali ta’ riforma u investiment u l-implimentazzjoni tagħhom (iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2025-2026) [mhux disponibbli bil-Malti].
(3) Il-GSE ġabar il-fehmiet ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati, permezz ta’ kwestjonarju u ħames żjarat fil-pajjiżi, bejn Jannar u Marzu 2026.
(4) Il-kwestjonarju kien fih 10 mistoqsijiet, miġbura f’erba’ suġġetti ewlenin: (1) Miżuri ta’ riforma u investiment fl-Istati Membri, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u l-implimentazzjoni tagħhom; (2) It-tlestija tal-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza; (3) L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju; (4) Ir-rabta bejn il-qafas finanzjarju pluriennali u s-Semestru Ewropew.
(5) Il-perkors lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (ĠU C, C/2025/3202, 2.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3202/oj), u Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034 (ĠU C, C/2026/1974, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1974/oj).
(6) Semestru Ewropew 2025 — Pakkett tal-Ħarifa, (ĠU C, C/2025/2019, 30.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2019/oj), u Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar it-triq ’il quddiem għas-Semestru Ewropew 2025 ( ĠU C, C/2026/10, 16.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/10/oj).
(7) Qafas għall-ittrekkjar tan-nefqa baġitarja u għall-prestazzjoni tal-baġit tal-UE, Opinjoni li qed titħejja bħalissa.
(8) Beyond GDP: delivering sustainable and inclusive wellbeing (Lil hinn mill-PDG: noħolqu benesseri sostenibbli u inklużiv) [mhux disponibbli bil-Malti], Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4648/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)