KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fl‑4 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑81/24 [Jenec] ( i )
LH
vs
OTP banka d.d., li kienet NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrajno sodišče v Mariboru (il-Qorti Distrettwali ta’ Maribor, is-Slovenja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi finanzjarji – Ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva 2014/92/UE – Direttiva (UE) 2015/849 – Konsumatur li jidher f’lista tal-Uffiċċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin (OFAC) – Rifjut, mill-bank, li jwettaq ħlas u ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi”
I. Introduzzjoni
|
1. |
X’rabta għandu d-dritt għal kont bankarju mar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus? |
|
2. |
Id-Direttiva 2014/92/UE ( 2 ) tipprevedi dritt għal kont ta’ ħlas sabiex tiġi ffavorita l-inklużjoni sakemm ma jkunx hemm ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Issa, id-Direttiva (UE) 2015/849 ( 3 ) tistabbilixxi prinċipji ta’ evalwazzjoni tar-riskji, ta’ identifikazzjoni tal-klijenti u tas-sidien benefiċjarji tagħhom u ta’ verifika tal-identità tagħhom kif ukoll ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza mad-dħul fir-relazzjoni ta’ negozju u matulha sabiex jiġi evitat li s-sistema finanzjarja tintuża għal finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. |
|
3. |
Mill-mument li fih il-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tinbena madwar approċċ globali bbażat fuq ir-riskji, tqum il-kwistjoni dwar kif għandha tinftiehem l-ipoteżi partikolari fejn il-konsumatur li jitlob il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi jiġi rrifjutat dan il-ftuħ minħabba l-inklużjoni tiegħu f’lista ta’ sanzjonijiet stabbilita minn pajjiż terz, meta huwa la kien is-suġġett ta’ kwalunkwe kundanna kriminali definittiva fid-dinja għar-reati li ġġustifikaw din l-inklużjoni f’din il-lista u lanqas ta’ xi miżura restrittiva min-naħa tal-Istat Membru tiegħu, tal-Unjoni Ewropea jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li l-Istat Membru inkwistjoni jew l-Unjoni huma membri tagħha. |
|
4. |
Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser niffoka l-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel domanda magħmula mill-Okrajno sodišče v Mariboru (il-Qorti Distrettwali ta’ Maribor, is-Slovenja), li tistaqsi jekk l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2015/849, jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jimponu fuq il-banek l-obbligu li jiċħdu l-applikazzjoni ta’ konsumatur għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi minħabba li huwa inkluż f’lista tal-Office of Foreign Assets Control (OFAC) (l-Uffiċċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin (OFAC), l-Istati Uniti) li jiddependi mill-United States Department of the Treasury (id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti tal-Amerika). |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2014/92
|
5. |
Il-premessi 34, 37 u 47 tad-Direttiva 2014/92 jiddikjaraw:
[…]
[…]
|
|
6. |
L-Artikolu 16(1) sa (4) u (7) tad-Direttiva 2014/92 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi huma offruti lil konsumaturi mill-istituzzjonijiet tal-kreditu jew minn għadd suffiċjenti ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu biex jiġi garantit l-aċċess għalihom għall-konsumaturi kollha fit-territorju tagħhom, u biex jiġu evitati d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. […] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi legali [li jirrisjedu legalment] fl-Unjoni, inklużi konsumaturi mingħajr indirizz fiss u persuni li jfittxu asil, u konsumaturi li mhumiex garantiti permess ta’ residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom hija impossibbli għal raġunijiet legali jew fattwali jkollhom id-dritt li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma’ istituzzjonijiet tal-kreditu li jinsabu fit-territorju tagħhom. Tali dritt għandu japplika irrispettivament mill-post tar-residenza tal-konsumatur. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, b’rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattati, jitolbu lill-konsumaturi li jixtiequ jiftħu kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fit-territorju tagħhom biex juri interess ġenwin li jagħmlu dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tad-dritt ma jsirx diffiċli jew oneruż iżżejjed fuq il-konsumatur. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jiftħu l-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jew jirrifjutaw l-applikazzjoni ta’ konsumatur għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi f’kull każ mingħajr dewmien inutli u l-aktar tard sa għaxart ijiem ta’ negozju wara li jkunu rċevew applikazzjoni sħiħa. 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjonijiet tal-kreditu jirrifjutaw applikazzjoni għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi meta l-ftuħ ta’ tali kont jirriżulta fi ksur tad-dispożizzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroristi stabbilit bid-Direttiva [2005/60]. […] 7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragraf[u] 4, […] wara t-teħid tad-deċiżjoni tagħha, l-istituzzjoni tal-kreditu tinforma minnufih lill-konsumatur dwar ir-rifjut u dwar ir-raġuni speċifika għal dak ir-rifjut, bil-miktub u mingħajr ħlas, dment li tali żvelar ma jmurx kontra l-objettivi tas-sigurtà nazzjonali, il-politika pubblika jew id-Direttiva [2005/60]. Fl-eventwalità ta’ rifjut, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tavża lill-konsumatur bil-proċedura biex jiġi ppreżentat ilment kontra r-rifjut, u dwar id-dritt tal-konsumatur lijikkuntattja lill-awtorità kompetenti rilevanti u l-korp alternattiv għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u tipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt rilevanti.” |
2. Id-Direttiva 2015/849
|
7. |
Il-premessa 22 tad-Direttiva 2015/849 tiddikjara: “Ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu mhuwiex l-istess f’kull każ. Għaldaqstant, għandu jintuża approċċ olistiku bbażat fuq ir-riskju. L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju mhuwiex għażla permissiva bla bżonn għall-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b’obbligu. Dan jinvolvi l-użu tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-bażi ta’ provi biex jiġu mmirati b’mod aktar effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jiffaċċjaw l-Unjoni u dawk li joperaw fiha.” |
|
8. |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.” |
|
9. |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta’ fatturi ta’ riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, ervizzi, transazzjonijiet jew kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b’obbligu. 2. Il-valutazzjonijiet tar-riskju imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddokumentati, jinżammu aġġornati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi awtoregolatorji rilevanti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati mhumiex meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u jinftiehmu. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri biex jimmitigaw u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, il-livell tal-Istati Membri, u l-livell tal-entitajiet marbutin b’obbligu. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs ta’ dawk l-entitajiet marbutin b’obbligu. 4. Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu:
5. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri tagħhom għall-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri li huma jistabbilixxu u li jimmonitorjaw u jsaħħu l-miżuri meħuda, fejn xieraq.” |
|
10. |
Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2015/849: “1. Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti għandhom jinkludu:
[…] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw kull rekwiżit ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti stabbilit fil-paragrafu 1. Madankollu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiddeterminaw il-firxa ta’ miżuri bħal dawn fuq bażi ta’ sensittività għar-riskji. 3. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu kont tal-inqas tal-indikaturi stabbiliti fl-Anness I meta jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi awtoregolatorji li l-miżuri huma xierqa fir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati. […]” |
|
11. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, fejn entità marbuta b’obbligu ma tkunx tista’ tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1), hi ma għandhiex twettaq transazzjoni permezz ta’ kont tal-bank, tistabbilixxi relazzjoni ta’ negozju jew twettaq it-transazzjoni, u li għandha twaqqaf ir-relazzjoni ta’ negozju u tqis jekk għandhiex tfassal rapport dwar transazzjoni suspettuża lill-[Unità ta’ Informazzjoni Finanzjarja tal-Unjoni] fir-rigward tal-klijent f’konformità mal-Artikolu 33.” |
|
12. |
L-Artikolu 48(8) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw il-livell ta’ diskrezzjoni permess lill-entità marbuta b’obbligu, u janalizzaw kif xieraq il-valutazzjonijiet tar-riskju abbażi ta’ din id-diskrezzjoni, u l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni tagħha.” |
3. Il-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-fatturi ta’ riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu
|
13. |
Il-Linji Gwida 1 li jinsabu fil-Linji Gwida tal-EBA, tal‑1 ta’ Marzu 2021, skont l-Artikoli 17 u 18(4) tad-Direttiva [2015/849] dwar id-diliġenza dovuta tal-klijenti u l-fatturi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji għandhom jikkunsidraw meta jivvalutaw ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma’ relazzjonijiet ta’ negozju individwali u tranżazzjonijiet okkażjonali (“Il-Linji Gwida dwar il-Fatturi tar-riskju ta’ ML/TF [ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu]”), li jħassar u jissostitwixxi l-Linji Gwida JC/2017/37 ( 5 ), intitolati “Valutazzjonijiet tar-riskju: prinċipji ewlenin għad-ditti kollha”, jistabbilixxu, fil-punt 1.30(c) tagħhom: “Id-ditti dejjem għandhom jikkunsidraw is-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin: […]
|
|
14. |
Il-Linji Gwida 2 tal-EBA, intitolati “L-identifikazzjoni tal-fatturi ta’ riskju ta’ ML/TF [ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu]”, jistabbilixxu, fil-punti 2.3. u 2.5. tagħhom:
[…]” |
|
15. |
Il-Linji Gwida 3 tal-EBA, intitolati “Valutazzjoni tar-riskju ta’ ML/TF [ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu]”, jipprovdu fil-punti 3.2. u 3.3. tagħhom:
|
|
16. |
Il-Linji Gwida 4 tal-EBA, intitolati “Miżuri ta’ CDD [diliġenza fir-rigward tal-klijenti] li għandhom jiġu applikati mid-ditti kollha”, jipprovdu, fil-punti 4.9., 4.10. u 4.66. tagħhom:
|
B. Id-dritt Sloven
1. Il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, Servizzi ta’ Ħruġ ta’ Flus Elettroniċi u Sistemi ta’ Ħlas
|
17. |
L-Artikolu 180(1) taż-Zakon o plačilnih storitvah, storitvah izdajanja elektronskega denarja in plačilnih sistemih (il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, Servizzi ta’ Ħruġ ta’ Flus Elettroniċi u Sistemi ta’ Ħlas) ( 6 ), tas‑7 ta’ Frar 2018, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “Konsumatur li jirrisjedi legalment fl-Unjoni […] u li japplika sabiex jinfetaħlu kont ta’ ħlas bażiku fl-Unjoni […] jew sabiex ikollu aċċess għalih, ma jistax ikun is-suġġett ta’ diskriminazzjoni min-naħa tal-bank ibbażata, b’mod partikolari, fuq in-nazzjonalità tiegħu, il-post ta’ residenza tiegħu, is-sess tiegħu, ir-razza tiegħu, il-kulur tiegħu, l-oriġini etnika jew soċjali tiegħu, il-karatteristiċi ġenetiċi tiegħu, il-lingwa tiegħu, ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal komunità nazzjonali, għal minoranza nazzjonali ta’ Stat ieħor, il-patrimonju tiegħu, it-twelid tiegħu, id-diżabbiltà tiegħu, l-età tiegħu jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-ftuħ u għall-aċċess għal kont ta’ ħlas bażiku ma jistgħu bl-ebda mod iwasslu għal distinzjoni mhux iġġustifikata.” |
|
18. |
L-Artikolu 181 ta’ din il-liġi jistabbilixxi: “1. Il-banek kollha li jiġġestixxu kontijiet ta’ ħlas ta’ konsumaturi għandhom joffru kont ta’ ħlas bażiku lill-konsumaturi. […] 3. Konsumatur li jirrisjedi legalment fl-Unjoni […], inkluż konsumatur li ma jgħixx f’post fiss u applikant għal ażil kif ukoll konsumatur li ma ngħatalux permess ta’ residenza u li t-tneħħija tiegħu mit-territorju ma hijiex possibbli għal raġunijiet legali jew materjali, għandu d-dritt għall-ftuħ u għall-użu ta’ kont ta’ ħlas bażiku ma’ bank. Dan id-dritt japplika indipendentement mill-post ta’ residenza abitwali tal-konsumatur. 4. Il-bank għandu jorganizza l-proċedura għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku b’mod li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jkunx diffiċli jew oneruż wisq għall-konsumatur. Il-bank għandu jiftaħ il-kont ta’ ħlas bażiku mingħajr dewmien inutli jew l-iktar tard f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mir-riċezzjoni ta’ applikazzjoni kompleta tal-konsumatur għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku. 5. It-terminu previst fil-paragrafu preċedenti għandu japplika wkoll fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tal-konsumatur għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku. 6. Bank għandu jiċħad l-applikazzjoni ta’ konsumatur għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku meta l-ftuħ ta’ tali kont iwassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. […] F’dan il-każ, il-bank għandu jaġixxi f’konformità mal-liġi li tirregola l-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. […] 8. Fil-każijiet previsti mill-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-artikolu, il-bank, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku, għandu jinforma lill-konsumatur immedjatament bil-miktub u mingħajr ħlas biċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu u bir-raġuni konkreta għar-rifjut, ħlief jekk dan ikun ipprojbit skont dispożizzjonijiet oħra. 9. Il-bank, fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku, għandu jinforma lill-konsumatur bil-proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni, bid-dritt li wieħed jinforma l-Banko Slovenije [il-Bank tas-Slovenja] biċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku u bid-dritt għar-riżoluzzjoni ekstraġudizzjarja tat-tilwim skont l-Artikolu 286 ta’ din il-liġi. Fil-komunikazzjoni tiegħu, il-bank għandu wkoll jindika dettalji ta’ kuntatt utli. […]” |
2. Il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu
|
19. |
Il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) taż-Zakon o preprečevanju pranja denarja in financiranja terorizma (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu) ( 7 ), tal‑4 ta’ April 2022, jipprovdi: “Il-banek u l-fergħat tagħhom fl-Istati Membri, il-fergħat tal-banek ta’ Stati terzi u banek ta’ Stati Membri li jistabbilixxu fergħa fir-Repubblika tas-Slovenja għandhom jimplimentaw il-miżuri ta’ identifikazzjoni u ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu previsti f’din il-liġi, qabel kif ukoll fil-mument tar-riċezzjoni, tal-kunsinna, tal-konverżjoni, tal-konservazzjoni, taż-żamma jew ta’ forom oħra ta’ ġestjoni tal-kapital jew assi oħra, u waqt l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet ta’ negozju.” |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
20. |
Fit‑22 ta’ Ottubru 2017, LH, ir-rikorrent, ipprova jħallas lil stazzjon tas-servizz permezz ta’ trasferiment minn kont li jappartjeni lil martu, miftuħ ma’ NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR d.d. (iktar ’il quddiem “NKBM”). Dan it-trasferiment ġie bblokkat wara li ddaħħlet id-data personali tiegħu fis-sistema. NKBM iġġustifikat dan l-ibblokkar ma’ martu billi spjegat li hija kienet adottat sensiela ta’ miżuri iktar stretti sabiex tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-ħasil tal-flus, b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ klijent inkluż f’lista ta’ miżuri restrittivi (l-Unjoni Ewropea, l-OFAC, in-Nazzjonijiet Uniti, lista interna). Dokumenti interni oħra ta’ NKBM ( 8 ) jinkludu rekwiżiti simili dwar il-persuni inklużi f’lista tal-OFAC. |
|
21. |
Matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju mibdija mir-rikorrent kontra NKBM sabiex jikseb il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi u kumpens għad-danni, dan tal-aħħar mar personalment, fit‑23 ta’ Marzu 2022, f’aġenzija ta’ NKBM sabiex jitlob il-ftuħ ta’ tali kont. Wara l-preżentazzjoni tal-karta ta’ identità valida tiegħu, l-impjegata ta’ NKBM indikatlu li s-sistema ma kinitx tippermetti li jinfetaħ kont kurrenti f’ismu. Ma ngħatat ebda tweġiba bil-miktub għall-applikazzjoni tiegħu għall-ftuħ ta’ kont fi żmien għaxart ijiem minn din l-applikazzjoni. |
|
22. |
Issa, fit‑23 ta’ Frar 2015, l-iSpecializirano državno tožilstvo Republike Slovenije (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat tar-Repubblika tas-Slovenja) kien għalaq u arkivja l-proċedura mibdija kontra r-rikorrent u li kienet tirrigwarda l-istess reati bħal dawk li wasslu għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest internazzjonali kontrih. Ir-rikorrent ma ġiex ikkundannat xi mkien ieħor fid-dinja għar-reat kriminali li għalih huwa inkluż f’lista tal-OFAC u ebda miżura restrittiva ma ttieħdet fil-konfront tiegħu min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni jew mir-Repubblika tas-Slovenja. |
|
23. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li l-partijiet ma jaqblux fuq il-punt jekk is-sempliċi inklużjoni f’lista tal-OFAC mingħajr ebda kundanna kriminali għal reat li għalih huwa jinsab f’din il-lista jew mingħajr ebda miżura restrittiva li toriġina min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni jew minn Stat Membru tikkostitwixxix ksur ta’ dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jista’ jiġġustifika rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Hija żżid li, għalkemm din l-inklużjoni tikkostitwixxi ċirkustanza partikolari li tiġġustifika sorveljanza msaħħa, ma huwiex ċar jekk din tistax tiġġustifika rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Fl-ipoteżi li tali rifjut ikun iġġustifikat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rispett tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza protett mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 9 ). |
|
24. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okrajno sodišče v Mariboru (il-Qorti Distrettwali ta’ Maribor) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
25. |
Gew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, minn NKBM, mill-Gvern Sloven, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Analiżi
|
26. |
Kif tixtieq il-Qorti tal-Ġustizzja, ser niffoka l-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel domanda preliminari. |
|
27. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92 jawtorizzax lill-Istati Membri jimponu fuq il-banek l-obbligu li jirrifjutaw lil konsumatur il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi minħabba li dan il-konsumatur huwa inkluż f’lista tal-OFAC u minħabba li l-ftuħ ta’ tali kont jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu skont id-Direttiva 2015/849. |
|
28. |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/92 ifakkar li matul l-eżami tal-applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas fir-rigward ta’ konsumatur li jirrisjedi legalment fl-Unjoni ma tista’ sseħħ ebda diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tiegħu. L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi dritt ta’ aċċess għal kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi ( 10 ) filwaqt li jispeċifika ċertu numru ta’ elementi sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan id-dritt. |
|
29. |
Għaldaqstant, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 16 jesponi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi jiġu offruti f’numru suffiċjenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u li dawn il-kontijiet ta’ ħlas ma jiġux offruti biss minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu tali kontijiet online biss. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 16 jispeċifika wkoll dak li għandu jinftiehem b’“konsumatur legali [li jirrisjedi legalment] fl-Unjoni”. Fl-aħħar nett, it-tielet paragrafu tal-istess Artikolu 16 jipprovdi li l-ftuħ jew ir-rifjut ta’ ftuħ għandu jseħħ mingħajr dewmien inutli u l-iktar tard fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mir-riċezzjoni ta’ applikazzjoni kompleta. |
|
30. |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/92 jipprevedi wkoll il-każijiet ta’ rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi billi jagħmel distinzjoni bejn tliet ipoteżijiet. L-ewwel ipoteżi ta’ rifjut hija dik fejn il-ftuħ ta’ kont iwassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu stabbiliti mid-Direttiva 2015/849 ( 11 ). Fit-tieni ipoteżi, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrifjutaw il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi jekk il-konsumatur diġà jkollu tali kont fit-territorju tagħhom ( 12 ). It-tielet ipoteżi tistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu numru limitat ta’ każijiet oħra li fihom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jkunu obbligati jew jistgħu jiddeċiedu li jirrifjutaw applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi, bil-kundizzjoni li dawn il-każijiet ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jkunu intiżi jew li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-konsumatur għal kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi mingħajr ħlas, jew li jiġi evitat li l-konsumaturi jabbużaw mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għal kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi ( 13 ). F’dawn it-tliet ipoteżijiet ta’ rifjut, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jinformaw immedjatament lill-konsumatur bir-raġunijiet preċiżi għar-rifjut, bil-miktub u mingħajr ħlas, sakemm din l-informazzjoni ma tmurx kontra l-għanijiet ta’ sigurtà nazzjonali u ta’ żamma tal-ordni pubbliku jew l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 14 ). |
|
31. |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2014/92 tipprevedi armonizzazzjoni minima tal-każijiet ta’ rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi filwaqt li tħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri ħlief fil-każ fejn dan il-ftuħ iwassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra t-terroriżmu previsti mid-Direttiva 2015/849. F’dan il-każ, l-Istati Membri ma għandhomx marġni ta’ evalwazzjoni, ħaġa li hija riflessa fil-frażi “[l‑]Istati Membri għandhom jiżguraw li”. |
|
32. |
Madankollu, il-premessa 34 tad-Direttiva 2014/92 tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 ( 15 ) ma għandhomx jintużaw bħala pretest sabiex jiġu rrifjutati konsumaturi li jkunu kummerċjalment inqas attraenti. |
|
33. |
Fir-rigward tal-premessa 47 tad-Direttiva 2014/92, din tindika li, fl-ipoteżi ta’ riskju ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ir-rifjut ta’ ftuħ jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-konsumatur ma josservax din il-leġiżlazzjoni u mhux għas-sempliċi raġuni li l-proċedura intiża sabiex tiġi vverifikata din l-osservanza hija oneruża wisq jew għalja wisq. |
|
34. |
Id-diffikultà tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta mill-fatt li d-Direttiva 2015/849 hija wkoll direttiva ta’ armonizzazzjoni minima. |
|
35. |
Fil-fatt, ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jipprovdu li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri iktar stretti sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ). L-imsemmija direttiva tipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom għażliet bħal, pereżempju, li jawtorizzaw lill-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati meta Stat Membru jew entità marbuta b’obbligu jkunu identifikaw oqsma ta’ riskju iktar baxx ( 17 ), jew li l-entitajiet jistgħu huma stess jiddeterminaw il-portata tal-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti skont l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji ( 18 ). Din il-flessibbiltà hija marbuta mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskji adottat bħala bażi tad-Direttiva 2015/849 ( 19 ). |
|
36. |
Għalhekk għandu jiġi eżaminat f’dan id-dawl liema huwa l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jista’ jiġġustifika rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi fis-sens tad-Direttiva 2014/92. |
|
37. |
L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi espressament biss ipoteżi waħda fejn relazzjoni ta’ negozju ma għandhiex tiġi stabbilita: meta l-entità marbuta b’obbligu ma tkunx f’pożizzjoni li tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva. Infakkar li dawn l-obbligi ta’ diliġenza jirrigwardaw l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tiegħu (l-Artikolu 13(1)(a) tal-imsemmija direttiva), l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju u t-teħid ta’ miżuri raġonevoli sabiex tiġi vverifikata l-identità ta’ din il-persuna (l-Artikolu 13(1)(b) tal-istess direttiva), kif ukoll l-evalwazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-kisba ta’ informazzjoni fuq l-għan u n-natura pprospettata tar-relazzjoni ta’ negozju (l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2015/849). F’dan il-każ, bla ħsara għall-eżami mill-qorti tar-rinviju, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jidher li huwa nieqes peress li l-klijent huwa identifikat, l-eżistenza ta’ sid benefiċjarju differenti mill-klijent ma hijiex allegata u r-relazzjoni ta’ negozju mixtieqa tikkonsisti fil-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Konsegwentement, prima facie, ir-rifjut ta’ ftuħ tal-kont mitlub ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi ta’ din id-direttiva. |
|
38. |
Barra minn hekk, il-Gvern Sloven jispeċifika li, bħala miżuri iktar stretti li jistgħu jiġu implementati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849, huwa ma ppreveda ebda obbligu ta’ rifjut li tiġi stabbilita relazzjoni ta’ negozju fil-każ ta’ inklużjoni f’lista tal-OFAC. Għaldaqstant, jidher li, għal NKBM, ir-rifjut li jinfetaħ kont bankarju b’karatteristiċi bażiċi għas-sempliċi raġuni li l-klijent potenzjali huwa inkluż f’lista tal-OFAC imur lil hinn mil-limiti tad-dritt tal-Unjoni li jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri ( 20 ). |
|
39. |
Barra minn hekk, kif jirrileva ġustament il-Parlament, anki fil-każ ta’ miżuri restrittivi meħuda skont id-dritt tal-Unjoni, il-qafas regolamentari tal-Unjoni jipprevedi li, b’awtorizzazzjoni speċifika, jistgħu jiġu pprovduti servizzi finanzjarji lil persuni li jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri restrittivi ( 21 ). Għaldaqstant, l-għan tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus ma jipprojbixxix totalment l-użu tas-sistema bankarja. |
|
40. |
Għaldaqstant, billi ppreveda projbizzjoni milli tiġi stabbilita relazzjoni ta’ negozju fl-ipoteżijiet iċċitati iktar ’il fuq biss (nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-klijent jew tas-sid benefiċjarju, assenza ta’ evalwazzjoni tal-għan u tan-natura tar-relazzjoni ta’ negozju), il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq bilanċ tal-interessi bejn id-dritt għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi, minn naħa, u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, min-naħa l-oħra. |
|
41. |
B’kuntrast ma’ dan, is-sempliċi inklużjoni f’lista tal-OFAC tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ diliġenza li għandu jiġi applikat għar-relazzjoni ta’ negozju ladarba din tiġi stabbilita. |
|
42. |
Fil-fatt, id-Direttiva 2015/849 tipprevedi diversi livelli ta’ diliġenza li għandhom jiġu applikati matul ir-relazzjoni ta’ negozju, peress li l-monitoraġġ kontinwu ta’ din ir-relazzjoni jagħmel parti mill-obbligi ta’ diliġenza normali ( 22 ). |
|
43. |
Minn naħa, l-Artikoli 15 sa 17 ta’ din id-direttiva jipprevedu każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw obbligu ta’ diliġenza ssemplifikat mill-entità marbuta b’obbligu. |
|
44. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 18 sa 24 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu l-obbligi ta’ diliġenza msaħħa. L-Anness III tal-istess direttiva jistabbilixxi l-fatturi ta’ riskju potenzjalment ogħla li l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni bħala minimu. Dan it-tisħiħ tal-obbligu ta’ diliġenza huwa marbut ma’ fatturi ta’ riskju jew ġeografiċi (pajjiżi terzi b’riskju għoli jew relazzjonijiet transkonfinali li jinvolvu pajjiż terz), jew marbuta mal-prodotti, mas-servizzi, mat-tranżazzjonijiet jew mal-kanali ta’ distribuzzjoni (b’mod partikolari l-użu ta’ teknoloġiji ġodda), jew inerenti għall-klijent (pereżempju persuni politikament esposti). |
|
45. |
F’dak li jirrigwarda l-fatturi ta’ riskju inerenti għall-klijent, la l-formulazzjoni tad-Direttiva 2015/849 u lanqas dik tal-Anness III tagħha ma jipprospettaw l-ipoteżi tal-inklużjoni f’lista ta’ sanzjonijiet. Madankollu, fil-Linji Gwida tal-EBA, din l-awtorità tindika li, għal dan il-fattur ta’ riskju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju marbut mar-reputazzjoni tal-klijent ( 23 ) u li, f’dan ir-rigward, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rapporti negattivi fil-media jew f’sorsi rilevanti oħra ta’ informazzjoni, mingħajr ma l-assenza ta’ kundanna kriminali tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet ta’ reati ( 24 ), jew il-fatt li l-assi tal-klijent ġew iffriżati minħabba proċedura amministrattiva jew kriminali inkluż fil-passat ( 25 ). Barra minn hekk, l-EBA tirrakkomanda li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li toriġina mill-awtoritajiet pubbliċi ( 26 ). Għaldaqstant, l-inklużjoni f’lista tal-OFAC tista’ tikkorrispondi għal dawn il-fatturi ta’ riskju marbuta mal-klijent. |
|
46. |
Barra minn hekk, l-EBA tispeċifika li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiksbu stampa globali tal-fatturi ta’ riskju identifikati ( 27 ) u li għandhom iżommu f’moħħhom li, sakemm id-Direttiva 2015/849 jew id-dritt nazzjonali ma jipprevedux mod ieħor, il-preżenza ta’ fatturi ta’ riskju iżolati ma tfissirx neċessarjament li relazzjoni għandha tiġi kklassifikata f’kategorija ta’ riskju ogħla jew iktar baxxa ( 28 ). |
|
47. |
Konsegwentement, meta l-entità marbuta b’obbligu tkun istituzzjoni bankarja, hija għandu jkollha analiżi globali u ponderata tal-grad ta’ riskju maħluq minn relazzjoni ta’ negozju ġdida sabiex tevalwa l-livell ta’ diliġenza li għandu jiġi applikat fil-konfront tagħha. Huwa għalhekk li, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, l-inklużjoni f’lista tal-OFAC tista’ tiġġustifika miżuri ta’ diliġenza msaħħa. |
|
48. |
Madankollu, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkollhom politiki, kontrolli u proċeduri sabiex jimmitigaw u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, tal-Istat Membru u tal-entità marbuta b’obbligu u li dawn il-politiki, kontrolli u proċeduri jkunu proporzjonati għan-natura u għad-daqs tal-entitajiet marbutin b’obbligu. |
|
49. |
Għaldaqstant, għandu jiġi mistoqsi x’inhuwa l-marġni ta’ manuvra tal-istituzzjoni bankarja li tqis li l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri tagħha ma humiex biżżejjed sabiex itaffu u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskju li hija identifikat permezz ta’ miżuri proporzjonati għan-natura u għad-daqs tagħha. Din l-ipoteżi toħloq każ leġittimu ieħor ta’ rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi? |
|
50. |
Inqis, bħall-Kummissjoni, li l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92 dwar ir-rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi jekk il-ftuħ ta’ tali kont iwassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jista’, fil-fatt, iservi bħala bażi għal tali rifjut fl-ipoteżi fejn l-istituzzjoni bankarja ma tkunx tista’ tiġġestixxi r-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Il-Linji Gwida tal-EBA jipprevedu espressament każ bħal dan ( 29 ). |
|
51. |
Madankollu, fl-analiżi tagħha sabiex tasal għal din id-deċiżjoni, NKBM, fil-fehma tiegħi, għandha tieħu diversi elementi inkunsiderazzjoni. |
|
52. |
Fl-ewwel lok, favur id-deċiżjoni li jinfetaħ, minkejja kollox, kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi, minn naħa, l-EBA tiddikjara b’mod ċar fil-Linji Gwida tagħha li l-fatt li jiġu offruti biss prodotti u servizzi finanzjarji bażiċi jillimita l-kapaċità tal-utenti li jabbużaw minn dawn il-prodotti u servizzi għal finijiet ta’ kriminalità finanzjarja ( 30 ). Għaldaqstant, l-applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi biss hija ta’ natura li tillimita r-riskju. Min-naħa l-oħra, kif fakkart qabel ( 31 ), is-sempliċi kwistjoni tal-ispiża tal-kontroll ma tistax tiġġustifika r-rifjut li jinfetaħ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. |
|
53. |
Fit-tieni lok, id-Direttiva 2015/849 tipprovdi b’mod ċar li, jekk, minkejja l-eżami ta’ dawn l-elementi, l-istituzzjoni bankarja tqis li jkun neċessarju li tirrifjuta l-ftuħ ta’ tali kont, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha ma hijiex illimitata. Minn naħa, l-Artikolu 48(8) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li “[l‑]Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw il-livell ta’ diskrezzjoni permess lill-entità marbuta b’obbligu, u janalizzaw kif xieraq il-valutazzjonijiet tar-riskju abbażi ta’ din id-diskrezzjoni, u l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni tagħha”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 16(7) tad-Direttiva 2014/92 jindika li, meta l-istituzzjoni bankarja tirrifjuta l-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi, hija għandha tindika lill-konsumatur il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex ir-rifjut jiġi kkontestat u d-dritt tiegħu li jadixxi l-awtorità kompetenti kif ukoll il-korp innominat għar-riżoluzzjoni ekstraġudizzjarja tat-tilwim. Konsegwentement, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni bankarja taqa’ taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru. |
|
54. |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li ser ikollha tevalwa jekk fatturi ta’ riskju oħra minbarra l-inklużjoni f’lista tal-OFAC iġġustifikawx id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi u jekk NKBM kinitx f’pożizzjoni li tiżgura l-monitoraġġ kontinwu tar-relazzjoni ta’ negozju fl-ipoteżi tal-ftuħ ta’ kont. |
|
55. |
Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li istituzzjoni bankarja ma tistax tirrifjuta l-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi għas-sempliċi raġuni li isem il-konsumatur li jitlob il-ftuħ ta’ tali kont jinsab f’lista tal-OFAC. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk fid-dritt nazzjonali jeżistix jew le teħid inkunsiderazzjoni espress tal-inklużjoni f’lista tal-OFAC sabiex jiġi rrifjutat il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. |
V. Konklużjoni
|
56. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Okrajno sodišče v Mariboru (il-Qorti Distrettwali ta’ Maribor, is-Slovenja): L-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2019, għandu jiġi interpretat fis-sens li: istituzzjoni bankarja ma tistax tirrifjuta l-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi għas-sempliċi raġuni li isem il-konsumatur li jitlob il-ftuħ ta’ tali kont jinsab f’lista tal-Office of Foreign Assets Control (OFAC) (l-Uffiċċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin (OFAC), l-Istati Uniti) li jiddependi mill-United States Department of the Treasury (id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti tal-Amerika). Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk fid-dritt nazzjonali jeżistix jew le teħid inkunsiderazzjoni espress tal-inklużjoni f’lista tal-OFAC sabiex jiġi rrifjutat il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, rettifika fil-ĠU L, 2024/90601), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2019 (ĠU 2019, L 334, p. 155) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849”).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102). Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2015/849.
( 5 ) EBA/GL/2021/02, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-EBA”. Verżjoni ġdida ta’ dawn il-linji gwida hija attwalment fis-seħħ, jiġifieri l-Linji Gwida tal-EBA, tal‑31 ta’ Marzu 2023, dwar politiki u kontrolli biex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF) [ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu] meta jingħata aċċess għal servizzi finanzjarji (EBA/GL/2023/04).
( 6 ) Uradni list RS, Nri 7/18 u 9/18.
( 7 ) Uradni list RS, Nru 48/22.
( 8 ) Pereżempju, l-istruzzjonijiet għall-istabbiliment ta’ relazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni fiżiċi, il-politika ta’ aċċettazzjoni tal-klijenti, il-metodoloġija applikabbli fil-qasam tal-miżuri restrittivi u l-kodiċi ta’ kondotta.
( 9 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 10 ) Infakkar li s-servizzi bażiċi huma speċifikati fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/92 u jinkludu b’mod partikolari servizzi li jippermettu li jsiru t-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ftuħ, għall-ġestjoni u għall-għeluq ta’ kont ta’ ħlas, servizzi ta’ depożitu ta’ fondi f’kont ta’ ħlas, servizzi ta’ ġbid ta’ flus kontanti fl-Unjoni minn kont ta’ ħlas, kif ukoll servizzi li jippermettu li jitwettqu fl-Unjoni t-tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett, ta’ ħlas permezz ta’ kard ta’ ħlas jew trasferimenti ta’ kreditu.
( 11 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92.
( 12 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(5) tad-Direttiva 2014/92.
( 13 ) Ara l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva 2014/92.
( 14 ) Ara l-Artikolu 16(7) tad-Direttiva 2014/92.
( 15 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva 2015/849, kif ukoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punti 46 sa 48), u tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et (C‑78/21, EU:C:2023:137, punti 63 u 64).
( 17 ) Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2015/849.
( 18 ) Ara l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2015/849.
( 19 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2015/849.
( 20 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), li jipprevedi possibbiltà ta’ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji stabbilita fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.
( 22 ) Ara l-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 2015/849.
( 23 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 2.3(b).
( 24 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 2.5(a).
( 25 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 2.5(b).
( 26 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 1.30(c).
( 27 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 3.2.
( 28 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 3.3.
( 29 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 4.66.
( 30 ) Ara l-Linji Gwida tal-EBA, punt 4.10(b).
( 31 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.