|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2365 |
10.10.2024 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2365 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-11 ta’ April 2024
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għas-sena finanzjarja 2022
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għas-sena finanzjarja 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0089/2024), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (l-“Impriża Konġunta Clean H2”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Novembru 2021 għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (1); billi l-Impriża Konġunta Clean H2 issostitwiet u ssuċċediet l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (l-“Impriża Konġunta FCH”) li ġiet stabbilita f’Mejju 2008 għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017 fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 (2) u estiża f’Mejju 2014 fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 (3) (l-“Impriża Konġunta FCH 2”); |
|
B. |
billi l-Impriża Konġunta Clean H2 hija sħubija pubblika-privata fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kamp tat-teknoloġija tal-idroġenu u ċ-ċelloli tal-fjuwil; billi l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-assoċjazzjoni tal-industrija (Hydrogen Europe) u l-assoċjazzjoni tar-riċerka (Hydrogen Europe Research); |
|
C. |
billi, biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta Clean H2 għandha tiżvela, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu joperaw, l-Impriża Konġunta Clean H2 għandha tippreżenta għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali li jiġu stabbiliti għall-programm rispettiv, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet li jiġu riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; jissuġġerixxi li l-Impriża Konġunta Clean H2 tkompli ttejjeb it-trasparenza; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Idroġenu Clean H2 (ir-“rapport tal-Qorti”) isib li l-kontijiet annwali tal-2022 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta Clean H2 fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżultati tal-operati tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li tkun intemmet f’dik id-data, f’konformità mar-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
|
2. |
Jilqa’ r-rwol tal-Impriża Konġunta Clean H2 fl-appoġġ tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-idroġenu fl-Ewropa; |
|
3. |
Jinnota li l-baġit disponibbli għall-2022 (4) f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (5) kien ta’ EUR 314,3-il miljun (meta mqabbel ma’ EUR 15,8-il miljun fl-2021), li minnhom EUR 305,8 miljun kienu ddedikati għal attivitajiet operattivi u EUR 8 miljun għan-nefqa amministrattiva filwaqt li l-baġit disponibbli għall-2022 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (6) kien ta’ EUR 118,3-il miljun (meta mqabbel ma’ EUR 56,2 miljun fl-2021), li minnhom EUR 109,7 miljun kienu ddedikati għall-attivitajiet operattivi u EUR 8,1 miljun għan-nefqa amministrattiva; |
|
4. |
Jinnota li l-bidliet fid-daqs tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean H2 fil-biċċa l-kbira jiddependu mill-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni, li qed timplimenta; jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta Clean H2 bdiet bl-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa u li, għalhekk, il-baġit tal-2022 jinkludi l-baġit ta’ impenn għall-ewwel sejħiet ta’ Orizzont Ewropa ppjanati għall-2022, u l-baġit ta’ pagament għall-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati; |
|
5. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) tqis li l-informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-membri fil-livell tal-programm mhijiex biżżejjed; jilqa’ l-impenn tal-Impriża Konġunta Clean H2 biex tindirizza din il-kwistjoni; |
|
6. |
Jinnota li fil-kontijiet annwali għall-2022 tal-Impriża Konġunta Clean H2, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet rikonoxxuti għal kull kategorija ta’ membri (l-UE u l-membri privati) ivarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin; jinnota li dan huwa minħabba li l-kontribuzzjonijiet fi flus mill-Unjoni jiġu vvalidati u rikonoxxuti meta jitħallsu lill-Impriża Konġunta Clean H2 fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri jiġu rikonoxxuti biss wara l-validazzjoni tal-ispejjeż li jiġġarrbu u li jiġu ddikjarati għall-implimentazzjoni tal-proġett; |
|
7. |
Jistieden lill-Impriża Konġunta Clean H2 tindirizza d-differenza bejn l-ammont rikonoxxut ta’ kontribuzzjonijiet fi flus, minn naħa waħda, u kontribuzzjonijiet in natura, min-naħa l-oħra, billi tipprovdi informazzjoni dwar l-impenji legali tal-membri tal-Impriża Konġunta Clean H2 fi tmiem is-sena, f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati; |
|
8. |
Jilqa’ l-fatt li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, l-Impriża Konġunta Clean H2 laħqet il-miri ta’ kontribuzzjoni tal-membri; |
|
9. |
Jinnota li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet impenjat EUR 425,8 miljun (jew 95 %) tal-kontribuzzjoni operattiva massima tal-UE ta’ EUR 450 miljun għal ftehimiet ta’ għotja ffirmati fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka; jinnota li, minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 3 miljun (jew 0,7 %) kien għad kellhom jitħallsu fl-2023 għall-għeluq tal-aħħar proġett li kien għadu għaddej fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka; jinnota, barra minn hekk, li fi tmiem l-2022, il-membri privati ddikjaraw kontribuzzjonijiet in natura fil-livell tal-mira minima ta’ EUR 450 miljun, li kienu ġew ivvalidati bis-sħiħ mill-Impriża Konġunta Clean H2; |
|
10. |
Jinnota li, fir-rigward tal-programm Orizzont 2020, il-livell baxx ta’ kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati vvalidati għall-attivitajiet operattivi ta’ EUR 51,7 miljun (2021: EUR 38,6 miljun) huwa riżultat tal-fatt li l-Impriża Konġunta Clean H2 tiċċertifikahom aktar tard, ladarba jsiru l-pagamenti finali għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 u jkunu dovuti ċ-ċertifikati tar-rapport finanzjarju; |
|
11. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-impenji legali tal-Membri huma fil-livell tal-miri ta’ kontribuzzjoni tagħhom; |
|
12. |
Jinnota li, fir-rigward tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta Clean H2 għall-programm Orizzont 2020, f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet impenjat bis-sħiħ il-kontribuzzjoni operattiva massima tal-Unjoni ta’ EUR 646 miljun għall-ftehimiet ta’ għotja u l-kuntratti ffirmati fil-qafas ta’ dak il-programm; jinnota, barra minn hekk, li minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 88,5 miljun (jew 13,7 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti u kuntratti li għad iridu jitlestew; |
|
13. |
Jinnota, apparti dan, li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta Clean H2 ta’ EUR 190,5 miljun, u kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali ta’ EUR 1 039 miljun (jew 340,6 %) tal-mira minima ta’ EUR 361 miljun; jinnota li dawn l-ammonti impenjati kienu rrapportati bis-sħiħ fi tmiem l-2022; |
|
14. |
Jinnota li, għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta Clean H2 ma rċeviet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiva ġdida peress li l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet spiċċat l-aħħar sejħa għal proposti tagħha sa tmiem l-2020; |
|
15. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti, li l-implimentazzjoni tal-pagament operattiv tal-baġit tal-2022 għall-attivitajiet ta’ Orizzont 2020 naqset (81 % għall-2022 meta mqabbla ma’ 88 % għall-2021) peress li l-benefiċjarji kienu qed jiffaċċjaw spejjeż u problemi ta’ konsenja li kienu qed jiżdiedu wara l-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u li, bħala konsegwenza, id-durata tal-biċċa l-kbira tal-proġetti ta’ Orizzont 2020 kellha tiġi estiża u l-pagamenti finali ġew posposti għall-2023; |
|
16. |
Jinnota li, fl-2022, fir-rigward tal-programm Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni għamlet kontribuzzjonijiet fi flus ta’ EUR 80 miljun, li minnhom l-Impriża Konġunta Clean H2 użat EUR 47 miljun (jew 59 %) għall-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati mal-ewwel ftehimiet ta’ għotja konklużi fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa; |
|
17. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 nediet l-ewwel sejħa għal proposti dwar l-Idroġenu fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, b’valur totali ta’ EUR 300 miljun; jinnota li l-evalwazzjoni tas-sejħa tal-2022 irriżultat fl-irtirar ta’ erba’ suġġetti li għalihom ma kienet ġiet ippreżentata l-ebda proposta adatta (7); jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 ittrasferiet il-baġit għall-pagamenti mhux użat ta’ EUR 33 miljun għall-2023, għall-pagament ta’ prefinanzjamenti relatati ma’ ftehimiet ta’ għotja ġodda, li kienu ppjanati li jiġu ffirmati fil-bidu tal-2023; |
|
18. |
Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li, fi tmiem l-2022, ir-rati ta’ implimentazzjoni għar-rati tal-baġit amministrattiv (Titolu 2) kienu baxxi bi 62 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u 51 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament; jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 spjegat li dan kien minħabba s-sospensjonijiet tal-pagamenti rigward l-arranġament tal-avveniment tal-Ġimgħa Ewropea għall-Idroġenu, l-akkwist pospost għar-rinnovazzjoni tal-bini tal-uffiċċji, u l-konklużjoni mdewma ta’ kuntratt qafas ta’ servizz importanti; |
Akkwist u persunal
|
19. |
Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività konsolidat, li, fl-2022, b’kontinwazzjoni tal-prattika tal-Impriża Konġunta Clean H2 matul l-aħħar snin, il-ġestjoni tal-offerti u tal-kuntratti inkludiet proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali mnedija mill-Kummissjoni jew minn korpi oħra tal-UE u l-kuntratti qafas pluriennali li jirriżultaw minnhom; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta Clean H2 tikkoopera ma’ Impriżi Konġunti oħra għal dak li jikkonċerna l-ħtiġijiet tal-offerti sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun l-isforz amministrattiv; |
|
20. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 għamlet użu intensiv mill-moduli tas-sejħa għall-offerti elettronika, tal-avviżi elettroniċi u tas-sottomissjoni elettronika ta’ offerti u bdiet il-proċess tal-integrazzjoni tal-għodda ta’ ġestjoni tal-akkwist pubbliku (PPMT), li se tkun qed topera fl-2023; |
|
21. |
Jinnota li t-tim ta’ persunal statutorju tal-Impriża Konġunta Clean H2 jikkonsisti f’29 pożizzjoni (27 aġent temporanju u żewġ aġenti kuntrattwali); jinnota, barra minn hekk, li r-riżorsi tal-persunal jinkludu żewġ Esperti Nazzjonali Sekondati; |
|
22. |
Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività konsolidat tal-2022, li l-post tax-xogħol diġitali għal kull membru tal-persunal huwa mmodernizzat b’mod kostanti: il-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta Clean H2 ġie żgurat aċċess adegwat għas-sett sħiħ ta’ applikazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-għotjiet; l-introduzzjoni għat-tiġdid tal-hardware ġiet eżegwita kif ippjanat flimkien mat-tiġdid tal-liċenzja meħtieġ għal applikazzjonijiet essenzjali bħal Slido, Webex, Business Object, Adobe jew it-telefonija mobbli, li jagħti lil kull membru tal-persunal aktar flessibbiltà fl-ambitu tal-iskema l-ġdida ta’ ħidma b’telexogħol; |
|
23. |
Jinnota li, skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (8) u l-linji gwida tal-Impriża Konġunta Clean H2, il-kumitat tal-persunal għandu jaħtar mill-inqas membru wieħed għall-kumitat ta’ selezzjoni għall-proċeduri esterni ta’ reklutaġġ; jinnota li l-Qorti sabet li l-kumitat ta’ selezzjoni għall-proċedura ta’ reklutaġġ awditjata ma kienx jinkludi membru maħtur mill-kumitat tal-persunal u li l-Impriża Konġunta Clean H2 ma setgħetx tistabbilixxi kumitat tal-persunal minkejja t-tnedija ta’ diversi sejħiet għal interess fost il-persunal tagħha; |
Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
|
24. |
Jinnota li għan-nefqa tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, l-Impriża Konġunta Clean H2 wettqet awditi ex post, filwaqt li s-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni kien responsabbli għall-awditi ex post tan-nefqa ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa; jinnota, barra minn hekk, li għan-nefqa finali tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka li saret fl-2022, l-Impriża Konġunta Clean H2 ma wettqitx awditi ex post minħabba l-ammonti insinifikanti u li, għaldaqstant, hija ppubblikat, bħala rati finali ta’ żbalji għan-nefqa tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, ir-rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,0 % u r-rata tal-iżball residwu ta’ 1,1 % li kisbet fl-aħħar tal-2021; |
|
25. |
Jinnota li, għan-nefqa tal-Impriża Konġunta Clean H2 fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (ikklerjar u pagamenti finali), l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,9 % u rata tal-iżball residwu ta’ 0,9 % (9); jinnota, barra minn hekk, li għall-programm Orizzont Ewropa, ma twettaq l-ebda awditu ex post, billi l-ewwel pagamenti interim huma mistennija biss fl-2024; |
|
26. |
Jinnota li sabiex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta Clean H2, il-Qorti awditjat kampjun aleatorju ta’ pagamenti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2022, fil-livell tal-benefiċjarji finali (10); jinnota li, għal każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball serju li jirriżulta mill-ispejjeż tal-persunal minħabba li l-benefiċjarju ddikjara sigħat maħduma matul il-perjodi ta’ liv u inkluda spejjeż ta’ remunerazzjoni addizzjonali ineliġibbli fl-ispejjeż iddikjarati u għal każ ieħor, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball serju li jirriżulta mill-ispiża mitluba għat-tagħmir, li l-benefiċjarju ma użax matul il-perjodu ta’ rapportar, u mill-ispejjeż tal-persunal ikkalkulati b’mod żbaljat; |
|
27. |
Jilqa’ l-fatt li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet żviluppat u implimentat approċċ sħiħ ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante f’konformità mal-gwida tas-Servizz tal-Awditjar Komuni tal-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tar-riskju speċifiċi għall-Impriża Konġunta Clean H2; jinnota li, għal dan il-għan, l-Impriża Konġunta Clean H2 irnexxielha tidentifika l-kriterji tar-riskju l-aktar rilevanti u fasslet, abbażi tagħhom, approċċ ta’ monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju; |
|
28. |
Jinnota li dan l-approċċ ippermetta lill-Impriża Konġunta Clean H2 tivvaluta l-livell ta’ riskju ta’ kull proġett u benefiċjarju matul il-fażijiet prinċipali tal-implimentazzjoni tal-proġett, bħat-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja, l-emenda tal-ftehim ta’ għotja, ir-rapportar, u l-pagament; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-Impriża Konġunta Clean H2 fasslet ukoll linji gwida interni dwar l-approċċ tagħha bbażat fuq ir-riskju, u ħarrġet u ggwidat lill-membri tal-persunal tagħha dwar l-applikazzjoni xierqa u konsistenti tiegħu; |
|
29. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon l-fatt li l-Impriża Konġunta Clean H2 żviluppat approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-awditjar ex post biex tnaqqas ir-rata ta’ żball tagħha billi tqawwi l-effett ta’ tindif tal-awditi ex post tagħha; |
|
30. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta Clean H2 żviluppat approċċ imfassal apposta bbażat fuq ir-riskju biex issaħħaħ l-aċċertament li tikseb minn kontrolli ex ante u awditi ex post: fil-bidu tal-2022, l-Impriża Konġunta Clean H2 analizzat il-popolazzjoni kollha tal-benefiċjarji tagħha fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u mmarkat dawk li kienu jippreżentaw l-ogħla riskju għal awditi ex post ibbażati fuq ir-riskju; jinnota li l-benefiċjarji l-aktar riskjużi kienu l-benefiċjarji ewlenin kollha b’ammont ta’ kontribuzzjoni mill-Impriża Konġunta Clean H2 ta’ aktar minn EUR 1 miljun fuq il-proġetti kollha fil-qafas ta’ Orizzont 2020 imħaddma mill-Impriża Konġunta Clean H2, li qatt ma kienu ġew awditjati ex post u li kellhom profil tar-riskju ta’ parteċipant ġdid jew ta’ intrapriża żgħira u medja; |
|
31. |
Jinnota li l-benefiċjarji ewlenin li kien jifdal ġew mistiedna jimlew kwestjonarju qasir ta’ awtovalutazzjoni li ffoka fuq l-aktar żbalji komuni li kienu nqabdu minn awditi ex post preċedenti, bħall-kumplessità tal-għażla tal-ispejjeż tal-persunal magħżula, is-sottokuntrattar sinifikanti, ix-xiri ta’ assi, il-provvisti interni, il-metodu ta’ rapportar tal-ispejjeż, u l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-awditjar ex post preċedenti; jinnota li, abbażi tat-tweġibiet tagħhom, l-Impriża Konġunta Clean H2 identifikat dawk il-benefiċjarji ewlenin b’riskju għoli ta’ kontroll ex ante u organizzat webinars finanzjarji magħhom, b’enfasi fuq il-karatteristiċi ewlenin ta’ dikjarazzjoni korretta tal-ispejjeż b’elementi sinifikanti ta’ spejjeż; jinnota, barra minn hekk, li l-eżitu tal-webinars intuża mill-uffiċjali tal-proġett u dawk finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean H2 biex itejbu l-effettività tal-kontrolli ex ante tagħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li kien imiss u li kellhom isiru minn dawn il-benefiċjarji ewlenin (il-fażi ta’ pagament); |
|
32. |
Japprezza li l-Impriża Konġunta Clean H2 żviluppat approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-awditjar ex post bil-għan li tnaqqas ir-rata ta’ żball tagħha permezz ta’ kampjun immirat aħjar biex jiġu identifikati l-aktar benefiċjarji suxxettibbli għall-iżbalji u b’hekk, jissaħħaħ l-effett tat-tindif tal-awditi ex post tagħhom; iqis li din hija bidla pożittiva importanti fl-approċċ tal-awditjar ex post peress li l-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni għall-għotjiet ta’ Orizzont Ewropa ma jippermettix li jiġu stabbiliti kampjuni rappreżentattivi speċifiċi tal-Impriża Konġunta u, konsegwentement, li jiġu kkalkulati r-rati ta’ żball rappreżentattivi u residwi speċifiċi għall-Impriżi Konġunti; |
|
33. |
Jinnota li l-Qorti sabet li l-Impriżi Konġunti b’approċċ tal-awditjar ex post ibbażat fuq ir-riskju żviluppat tajjeb għandhom rata tal-iżball residwu taħt il-medja tal-Impriżi Konġunti li ma adattawx dan l-approċċ, minħabba l-identifikazzjoni u l-awditjar sistematiċi tal-benefiċjarji l-aktar riskjużi; |
Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti
|
34. |
Jinnota li l-“osservazzjonijiet” fir-rapporti annwali speċifiċi tal-Impriża Konġunta Clean H2 huma fil-fatt “rakkomandazzjonijiet mhux f’waqthom” mill-Qorti; jinnota li l-QEA ssegwi kull sena dawk l-osservazzjonijiet billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”; |
|
35. |
Jinnota li għall-Impriża Konġunta Clean H2, l-osservazzjonijiet kollha mis-snin preċedenti kienu magħluqa minħabba l-azzjonijiet korrettivi li l-Impriża Konġunta Clean H2 ħadet matul l-2022. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108).
(4) Il-baġit disponibbli jinkludi l-approprjazzjonijiet mhux użati mis-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta Clean H2 reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena attwali, kif ukoll id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena li jmiss.
(5) L-approprjazzjonijiet ta’ impenn ivvotati kienu ta’ EUR 8,4 miljun, sussegwentement emendati biex jinkludu ż-żieda fid-dħul u n-nefqa relatati mal-Programm il-ġdid fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u l-approprjazzjonijiet mhux użati minn snin preċedenti.
(6) L-approprjazzjonijiet ta’ pagament ivvotati kienu ta’ EUR 53,2 miljun u l-emenda żiedet l-ammont – bħala riżultat tal-Programm il-ġdid u – biex tkopri s-sejħa ppjanata għall-proposti mnedija fl-2022, li għandha l-għan li timplimenta l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni (SRIA).
(7) Skont il-kjarifika tal-Impriża Konġunta, “l-irtirar tas-suġġetti” għandu jinftiehem bħala “l-ebda kopertura tas-suġġetti minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjonijiet/proposti ta’ suċċess”.
(8) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj.
(9) Ir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022 tal-Impriża Konġunta Clean H2, il-Kapitolu 4.1.1.1.
(10) Rigward it-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rapportar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati.
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2365/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)