Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑578/25 [Ariez] (i)
Óscar,
Vanesa
vs
Agencia Estatal de Administración Tributaria
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2019/1023 – Proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid‑dejn – Artikolu 20 – Artikolu 23(2) – Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi mill-ħelsien mid-dejn lid-debituri li, matul l-għaxar snin qabel it-talba għall-ħelsien mid-dejn, kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva li testendi r-responsabbiltà – Eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għall-ħelsien mid-dejn – Eżami tal-proporzjonalità mill-qorti nazzjonali – Lista mhux eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet – Assenza ta’ effett dirett”
I. Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l‑effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l‑ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (2).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn koppja li saret insolventi, is-Sur Óscar u s-Sinjura Vanesa, u l-Agencia Estatal de Administración Tributaria (l-Aġenzija tal-Istat tal-Awtorità tat-Taxxa, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“AEAT”), fir-rigward ta’ talba għal ħelsien mid-dejn imressqa minn dawn id-debituri matul il-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernahom. Fil-fatt, l-AEAT opponiet din it-talba sa fejn tikkonċerna lis-Sur Óscar minħabba l-eżistenza ta’ krediti dovuti minnu li jirriżultaw minn deċiżjoni li ddikjaratu responsabbli b’mod sussidjarju għad-djun fiskali ta’ kumpannija li tagħha huwa kien amministratur.
3. Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża, b’mod partikolari, x’inhuma l-konklużjonijiet li l-qorti nazzjonali għandha tiġbed mill-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ proporzjonalità bejn rifjut ta’ ħelsien mid-dejn u l-impossibbiltà għal dik il-qorti li tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha konformi mad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk hijiex possibbli applikazzjoni diretta ta’ din id‑direttiva mill-qorti nazzjonali.
4. Għal talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq it‑tieni domanda preliminari, li tirrigwarda preċiżament dan il-punt.
5. Fi tmiem din l-analiżi, ser nipproponi li tingħata risposta lill‑Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid, Spanja) fis-sens li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal‑Unjoni ma jeżiġix li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun kuntrarja għall-Artikolu 20 u għall-Artikolu 23(2) tad‑Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza ma tiġix applikata, minħabba li dawn id‑dispożizzjonijiet ma humiex inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi sabiex japplikaw direttament.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
6. Il-premessi 1 u 78 sa 81 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l‑insolvenza jistipulaw:
“(1) L-objettiv ta' din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall‑funzjonament tajjeb tas-suq intern u t-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali li jikkonċernaw ir‑ristrutturar preventiv, l-insolvenza, il-ħelsien mid-dejn, u l‑iskwalifiki. Mingħajr ma taffettwa d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħaddiema, din id-Direttiva timmira li tneħħi dawn l-ostakli billi tiżgura li: l-intrapriżi u l-imprendituri vijabbli li jkunu f’diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal oqfsa nazzjonali ta’ ristrutturar preventiv effettivi li jippermettulhom jibqgħu joperaw; l-imprendituri onesti li jkunu insolventi jew li jkollhom dejn eċċessiv ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħelsien sħiħ mid-dejn wara li jkun għadda perjodu ta’ żmien raġonevoli, biex b’hekk jingħataw it-tieni opportunità; u li l-effettività tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn tiġi mtejba, b’mod partikolari bil-għan li titnaqqas id-durata tagħhom.
[...]
(78) Il-ħelsien sħiħ mid-dejn jew it-tmiem tal-iskwalifiki wara perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin mhuwiex xieraq fiċ-ċirkostanzi kollha, u għalhekk jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti derogi minn din ir-regola, li huma debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali. Pereżempju, jenħtieġ li tali derogi jiġu introdotti f’każijiet fejn id-debitur ikun diżonest jew ikun aġixxa in mala fede. Fejn l-imprendituri ma jibbenefikawx minn preżunzjoni ta’ onestà u bona fide skont il-liġi nazzjonali, l‑oneru ta’ prova rigward l-onestà u l-bona fide tagħhom ma għandux jagħmilha wisq diffiċli jew oneruż għalihom biex jidħlu fil-proċedura.
(79) Biex jiġi stabbilit jekk imprenditur kienx diżonest, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jqisu ċirkostanzi bħal: in‑natura u l-firxa tad-dejn; iż-żmien meta d-dejn iġġarrab; l-isforzi tal-imprenditur biex iħallas id-djun u jikkonforma mal-obbligi legali, inklużi r-rekwiżiti tal-liċenzjar pubbliku u l-ħtieġa ta’ kontabbiltà korretta; azzjonijiet min-naħa tal-imprenditur biex jiffrustra r-rikors mill-kredituri; it-twettiq tad-dmirijiet fil‑probabbiltà ta’ insolvenza, li jaqgħu fuq l-imprendituri li huma diretturi ta’ kumpannija; u l-konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jirrigwardaw il-kompetizzjoni u x-xogħol. Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li jiġu introdotti derogi fejn l‑imprenditur ma jkunx ikkonforma ma’ ċerti obbligi legali, inkluż obbligi biex jiġu mmassimizzati r-redditi lill-kredituri li jistgħu jieħdu l-għamla ta’ obbligu ġenerali biex jiġi ġġenerat dħul jew assi. Barra dan, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu introdotti derogi speċifiċi meta jkun meħtieġ li jiġi ggarantit il-bilanċ bejn id-drittijiet tad‑debitur u d-drittijiet ta’ kreditur wieħed jew aktar, bħal meta l‑kreditur ikun persuna fiżika li teħtieġ iktar protezzjoni mid‑debitur.
(80) Deroga tista’ wkoll tkun iġġustifikata fejn l-ispejjeż tal-proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn, inkluż it-tariffi tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi u l-prattikanti, ma jkunux koperti. L‑Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu li l-benefiċċji ta’ dak il-ħelsien mid-dejn jistgħu jiġu revokati fejn, pereżempju, is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur titjieb b’mod sinifikanti minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, bħar-rebħ ta’ lotterija, jew billi jiġi fil-pussess ta’ wirt jew donazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux preklużi milli jipprevedu derogi addizzjonali f’ċirkostanzi definiti tajjeb u meta jkunu debitament ġustifikati.
(81) Fejn hemm raġuni debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali, jista’ jkun xieraq li tiġi limitata l-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn għal ċerti kategoriji ta’ dejn. [...] Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi oħra ta’ dejn meta jkun debitament ġustifikat.”
7. L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għall-ħelsien mid-dejn”, jipprevedi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien sħiħ mid-dejn f’konformità ma’ din id-Direttiva.
[...]
2. L-Istati Membri li fihom il-ħelsien sħiħ mid-dejn ikun soġġett għall-kondizzjoni li d-dejn jitħallas parzjalment mill-imprenditur għandhom jiżguraw li l-obbligu ta’ ħlas lura relatat ikun ibbażat fuq is‑sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u, b’mod partikolari, huwa proporzjonat għad-dħul u l-assi li jistgħu jiġu sekwestrati jew dawk disponibbli tal-imprenditur waqt il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, u jqis l‑interess ekwitabbli tal-kredituri.
[...]”
8. L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Derogi”, jinqara kif ġej:
“1. B’deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri għandhom iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l‑aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju ta’ tali ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-ksib ta’ ħelsien sħiħ mid‑dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal fejn l-imprenditur insolventi ikun aġixxa b’mod diżonest jew in mala fede, skont il-liġi nazzjonali, fil‑konfront tal-kredituri jew ta’ partijiet ikkonċernati oħra meta ddejjen, matul il-proċedura ta’ insolvenza jew waqt il-ħlas tad-dejn, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar l-oneru tal-prova.
2. B’deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-kisba ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal f’ċerti ċirkostanzi definiti sew u fejn tali derogi huma debitament iġġustifikati, bħal fejn:
a) l-imprenditur insolventi ikun kiser b’mod sostanzjali obbligi skont pjan ta’ ħlas lura jew xi obbligu legali ieħor li għandu l-għan li jissalvagwardja l-interessi tal-kredituri, inkluż l-obbligu biex jiġu mmassimizzati r-redditi lill-kredituri;
b) l-imprenditur insolventi jkun naqas milli jikkonforma mal-obbligi ta’ informazzjoni jew kooperazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali;
c) ikun hemm applikazzjonijiet abbużivi għal ħelsien mid-dejn;
d) ikun hemm applikazzjoni oħra għal ħelsien mid-dejn fi ħdan ċertu perjodu ta’ żmien wara li l-imprenditur insolventi ġie mogħti ħelsien sħiħ mid-dejn jew ġie rifjutat ħelsien sħiħ mid-dejn minħabba ksur serju tal-obbligi ta’ informazzjoni jew kooperazzjoni;
e) l-ispiża tal-proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn ma tkunx koperta; jew
f) deroga tkun neċessarja biex tiggarantixxi l-bilanċ bejn id-drittijiet tad-debitur u d-drittijiet ta’ kreditur wieħed jew aktar.
[...]
4. L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill‑ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta’:
a) dejn garantit;
b) dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali;
c) dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni;
d) dejn rigward obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ filjazzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;
e) dejn imġarrab mill-applikazzjoni għal jew il-ftuħ ta’ proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn; u
f) dejn li jirriżulta mill-obbligu li titħallas l-ispiża tal-proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn.
[...]”
B. Id-dritt Spanjol
1. Il-Kostituzzjoni Spanjola
9. L-Artikolu 31(1) tal-Constitución española (il-Kostituzzjoni Spanjola) huwa fformulat kif ġej:
“Kull persuna għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż pubbliċi, skont il‑kapaċità ekonomika tagħha, permezz ta’ sistema fiskali ġusta bbażata fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-progressività, li fl-ebda każ, m’għandha tieħu n-natura ta’ konfiska.”
2. It-TRLC
10. Il-liġi nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali hija r-Real Decreto Legislativo 1/2020 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Concursal (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020 li Jadotta t-Test Ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Insolvenza) (3) tal‑5 ta’ Mejju 2020, kif emendat bil-Ley 16/2022 de reforma del texto refundido de la Ley Concursal, aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/2020, para la transposición de la Directiva (UE) 2019/1023 [il-Liġi 16/2022 li Tirriforma t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza, approvat mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020, bl-għan li jittrasponi d‑Direttiva (UE) 2019/1023] (4) tal‑5 ta’ Settembru 2022 (iktar ’il quddiem it-“TRLC”).
11. Il-preambolu ta’ din il-liġi jiddikjara:
“[...]
[...] Meta d-debitur insolventi jkun persuna fiżika, il-proċedura ta’ insolvenza tfittex li tidentifika d-debituri in bona fide u li toffrilhom ħelsien parzjali tad-dejn tagħhom, u b’hekk tagħtihom ċans ieħor u tipprevjeni li dawn jidħlu fl-ekonomija sewda jew f’sitwazzjoni ta’ marġinalizzazzjoni.
[...]
Id-[Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza] tobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu mekkaniżmu tat-tieni opportunità sabiex jiġi evitat li d-debituri jkollhom it-tentazzjoni li jirrilokaw ruħhom f’pajjiżi oħra li diġà jipprevedu dawn il-mekkaniżmi, bl-ispiża li dan jimplika kemm għad-debitur kif ukoll għall-kredituri tiegħu. Fl-istess ħin, l‑omoġenizzazzjoni f’dan ir-rigward titqies bħala essenzjali għall‑funzjonament tas-suq uniku Ewropew.
Waħda mill-bidliet l-iktar radikali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hija li, minflok ma tissuġġetta l-ħelsien għall-ħlas ta’ ċertu tip ta’ dejn (kif kien jipprevedi l-Artikolu 487(2) tat-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l‑Insolvenza), qed tiġi adottata sistema ta’ ħelsien ibbażata fuq il-mertu li fiha kull debitur, irrispettivament minn jekk ikunx imprenditur jew le, bil‑kundizzjoni li jissodisfa r-rekwiżit tal-bona fide li fuqu hija bbażata din l-istituzzjoni, jista’ jkollu aċċess għal ħelsien mid-djun kollha tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, eċċezzjonalment u minħabba n-natura speċjali tagħhom, jitqiesu li legalment ma jistax jingħata ħelsien minnhom. L‑għażla, li diġà kienet ġiet aċċettata mil-leġiżlatur Spanjol fl-2015, li jingħata ħelsien lil kull debitur li huwa persuna fiżika ta’ bona fide, irrispettivament minn jekk ikunx imprenditur jew le, tibqa’.
[...]
Il-bona fide tad-debitur tibqa’ l-bażi tal-ħelsien. F’konformità mar‑rakkomandazzjonijiet tal-korpi internazzjonali, hija stabbilita delimitazzjoni normattiva tal-bona fide, b’riferiment għal ċertu aġir oġġettiv elenkat b’mod eżawrjenti (lista magħluqa), mingħajr ma jsir riferiment għal mudelli ta’ aġir vagi jew mhux speċifiċi biżżejjed, jew li l-prova tagħhom timponi fuq id-debitur oneru impossibbli. [...]
[...]
Il-ħelsien mid-dejn huwa estiż għat-talbiet kollha fil-kuntest tal‑proċedura kollettiva u tal-krediti kontra l-patrimonju. L-eċċezzjonijiet huma bbażati, f’ċerti każijiet, fuq l-importanza partikolari tas‑sodisfazzjon tagħhom għal soċjetà ġusta u ta’ solidarjetà bbażata fuq l-Istat tad-dritt (bħall-manteniment dovut, id-dejn li jirriżulta minn krediti taħt id-dritt pubbliku, id-djun li jirriżultaw minn reati kriminali kif ukoll id-djun li jirriżultaw minn responsabbiltà għal delitt).
Għalhekk, il-ħelsien mid-dejn li jirriżulta minn krediti taħt id-dritt pubbliku huwa suġġett għal ċerti limiti u jista’ jseħħ biss waqt l-ewwel ħelsien mid-dejn, u mhux matul il-ħelsien segwenti. F’każijiet oħra, l‑eċċezzjoni hija ġġustifikata minn sinerġiji jew esternalitajiet negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-ħelsien minn ċerti tipi ta’ dejn: il-ħelsien mid-dejn li jirriżulta mill-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż tal-proċedura li tiftaħ il‑proċedura għall-ħelsien mid-dejn jista’ jiddiswadi lil ċerti terzi milli jikkollaboraw mad-debitur għal dan l-għan (pereżempju, l-avukati), u dan jipprekludi lill-persuna li tkun falliet milli jkollha aċċess għall-fajl tagħha. Bl-istess mod, il-ħelsien mid-dejn għall-krediti b’garanziji reali jippreġudika, mingħajr ebda bażi, wieħed mill-elementi essenzjali tal‑aċċess għall-kreditu u, għaldaqstant, tal-funzjonament tajjeb tal‑ekonomiji moderni, li hija l-immunità tal-kreditur li jibbenefika minn garanzija reali soda quddiem it-tibdil fiċ-ċirkustanzi tal-insolvenza jew tal-falliment tad-debitur. Fl-aħħar nett, b’mod eċċezzjonali, il-qorti hija awtorizzata tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta’ ħelsien totali jew parzjali ta’ ċerti djun meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi evitata l-insolvenza tal‑kreditur.
[...]”
12. Il-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC jipprovdi:
“Id-debitur li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin ma jistax jikseb il-ħelsien mid-djun mhux imħallsa:
[...]
2° Meta, matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien, ikun ġie ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva għal ksur gravi ħafna fil-qasam fiskali, jew ksur tas-sigurtà soċjali jew tal-ordni soċjali, jew meta, matul l-istess perijodu, tkun ittieħdet deċiżjoni definittiva li testendi r-responsabbiltà, sakemm, fid‑data tal-preżentata tat-talba għal ħelsien, huwa ma jkunx ħallas id-djun kollha li huwa jkun responsabbli għalihom.
Fil-każ ta’ ksur gravi, id-debituri li ġew issanzjonati għal ammont li jaqbeż il-ħamsin fil-mija tal-ammont eliġibbli għall-ħelsien mill‑[AEAT] imsemmi fil-punt 5 tal-Artikolu 489(1) jistgħu jiksbu l-ħelsien biss jekk fid-data tal-preżentata tat-talba għal ħelsien huma jkunu ħallsu d-djun kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.”
3. Il-Liġi Fiskali Ġenerali 58/2003
13. L-Artikolu 3 tal-Ley 58/2003 General Tributaria (il-Liġi Fiskali Ġenerali 58/2003) (5) tas‑17 ta’ Diċembru 2003, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:
“1. L-organizzazzjoni tas-sistema fiskali hija msejsa fuq il-kapaċità finanzjarja tal-persuni obbligati jħallsu t-taxxi, kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ ġustizzja, ta’ universalità, ta’ ugwaljanza, ta’ progressività, ta’ tqassim ekwu tal-piż fiskali u ta’ nuqqas ta’ konfiska.
Għal dan il-għan, huwa pprojbit li jiġi stabbilit kwalunkwe mekkaniżmu straordinarju ta’ regolarizzazzjoni fiskali li jista’ jwassal għal tnaqqis tad‑dejn fiskali li jkun tnissel skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
2. L-applikazzjoni tas-sistema fiskali hija msejsa fuq il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ limitazzjoni tal-ispejjeż indiretti li jirriżultaw mill-osservanza ta’ obbligi formali, u tiżgura r-rispett tad‑drittijiet u l-osservanza tal-garanziji tal-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.”
14. Skont l-Artikolu 41(1) ta’ din il-liġi:
“Il-liġi tista’ tistabbilixxi li persuni jew entitajiet oħra jkunu responsabbli in solidum jew responsabbli sussidjarjament għad-dejn fiskali flimkien mad-debituri prinċipali. [...]”
15. L-Artikolu 43(1)(b) tal-imsemmija liġi jipprovdi:
“Il-persuni jew l-entitajiet segwenti huma responsabbli in solidum għad‑dejn fiskali:
[...]
b) L-amministraturi de jure jew de facto tal-persuni ġuridiċi li jkunu temmew l-attivitajiet tagħhom, fir-rigward tal-obbligi fiskali tagħhom li jkunu nħolqu u li huma sospiżi fil-mument tat-tmiem, fejn ma jkunux ħadu l-miżuri neċessarji għall-pagament tagħhom jew meta jkunu kkonkludew ftehimiet jew ħadu miżuri li wasslu għan-nuqqas ta’ pagament.”
III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16. Fl‑10 ta’ Settembru 2024, wara li ntemmet il-proċedura konġunta ta’ falliment tal-konjuġi Óscar u Vanesa, dawn talbu l‑ħelsien mid-djun mhux imħallsa. L-AEAT, filwaqt li bbażat ruħha fuq il‑punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC, opponiet il-ħelsien mid-dejn tas‑Sur Óscar għar-raġuni li, fl‑4 ta’ Jannar 2016, huwa kien ġie ddikjarat, b’mod definittiv, responsabbli sussidjarjament għad-djun fiskali tal‑kumpannija tiegħu mis-Servizz Reġjonali tal-Irkupru tal-AEAT ta’ Castilla y León (Spanja).
17. Is-sentenza tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba għall-ħelsien mid‑dejn tas-Sur Óscar.
18. Dan tal-aħħar appella minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid), billi sostna li l-AEAT abbużat mill-prerogattivi tagħha fil-konfront ta’ debitur bona fides meta opponiet l-għoti ta’ ħelsien mid-dejn ta’ EUR 282 000 li kien għad baqa’ wara l-likwidazzjoni tal-patrimonju tiegħu, inkluża d-dar prinċipali tiegħu, filwaqt li l-ħelsien mid-djun fiskali seta’ jirrigwarda biss ammont ta’ EUR 10 000, li jikkorrispondi għall-massimu previst fil-liġi, u li xorta jibqa’ dovut ammont ta’ EUR 20 547.19 fi djun fiskali. Huwa żied jgħid li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ likwidazzjoni marbuta mal‑insolvenza, kienu diġà tħallsu lura EUR 17 856.95. Ir-rikorrenti jqisu għalhekk li r-rifjut tal-ħelsien mid-dejn huwa sproporzjonat fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6).
19. L-AEAT topponi dan ir-raġunament minħabba li n‑nuqqas ta’ proporzjonalità ma huwiex previst fl-Artikolu 487 tat-TRLC bħala eċċezzjoni għall-kawżi ta’ esklużjoni mill-kisba tal-ħelsien mid-dejn.
20. Id-djun fiskali mhux imħallsa fit-terminu stabbilit u li fir-rigward tagħhom kienu nbdew proċeduri ta’ rkupru infurzat kontra l-kumpannija li s-Sur Óscar kien l-amministratur tagħha kienu joriġinaw minn żieda minħabba l-preżentazzjoni tardiva ta’ dikjarazzjoni tat‑taxxa li kienet turi bilanċ favur l-awtorità tat-taxxa, il-likwidazzjoni provviżorja ta’ taxxa miżmuma f’ras il-għajn, il-likwidazzjoni ta’ interessi moratorji, dikjarazzjoni tat-taxxa mingħajr il‑ħlas tat-taxxa dovuta u akkumpanjata minn talba għal differiment tal‑ħlas, jew dikjarazzjonijiet tat-taxxa mingħajr il-ħlas tat-taxxa dovuta għas-snin finanzjarji 2010 sa 2013. Meta din il-kumpannija waqqfet l-attività tagħha matul is-sena 2014, l-obbligi fiskali mhux issodisfatti tagħha kienu jammontaw għal EUR 40 397.63. L-imsemmija kumpannija ġiet iddikjarata bħala debitur inadempjenti permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2015.
21. L-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid), filwaqt li tapplika l-qafas analitiku stabbilit fis-sentenza Corván u Bacigán, teżamina, fl-ewwel lok, il-proporzjonalità tal-punt 2 tal‑Artikolu 487(1) tat-TRLC fid-dawl tal-ordinament ġuridiku kollu. Dik il-qorti tqis li l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ta’ persuni li, matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien mid-dejn, kienu s‑suġġett ta’ deċiżjoni definittiva li testendi r-responsabbiltà għal djun fiskali, sakemm, fid-data li fiha titressaq it-talba għal ħelsien mid‑dejn, ma jkunux ħallsu d-djun kollha li għalihom huma jkunu responsabbli, ma hijiex proporzjonata. Dik il-qorti tqis li din l-eċċezzjoni ma ġietx iġġustifikata waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l‑insolvenza u li l-prinċipju ta’ kontribuzzjoni għas-sistema ta’ nfiq pubbliku stabbilit fl-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Spanjola u fl‑Artikolu 3 tal-Liġi Fiskali Ġenerali 58/2003 ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni suffiċjenti. Hija tqis li l-estensjoni tar-responsabbiltà għal persuna oħra tmur kontra l-prinċipju kostituzzjonali ta’ kontribuzzjoni għall-infiq pubbliku skont il-kapaċità ekonomika tal-persuna kkonċernata, li fuqu hija bbażata s-sistema fiskali. Barra minn hekk, hija tindika li l-azzjoni tal-AEAT sabiex tikseb estensjoni tar-responsabbiltà ma hija suġġetta għal ebda limitazzjoni ratione temporis u li din tista’ tissanzjona saħansitra sempliċi negliġenza, irrispettivament mill-kapaċità kontributtiva tal-amministratur jew tad-direttur hekk iddikjarat responsabbli, u dan joħloq diffikultà fir-rigward tal-osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.
22. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma hijiex żgurata fis-sitwazzjoni tas-Sur Óscar, peress li, oriġinarjament, id-dejn fiskali kien jammonta għal EUR 40 397.63 minn dejn totali ta’ EUR 282 000 u peress li huwa pprova l‑bona fides tiegħu billi biegħ ir-residenza prinċipali tiegħu. Għalhekk, l-AEAT qiegħda topponi l-għoti tal-ħelsien mid-dejn lis-Sur Óscar, indipendentement mill-aġir tiegħu u mill-kapaċità ekonomika tiegħu, sabiex ma titlifx EUR 10 000, liema ammont jikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ ħelsien minn dejn fiskali.
23. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tfakkar li l-effett dirett tad-direttivi huwa limitat għall-ħolqien ta’ drittijiet favur il-partijiet privati li jistgħu jiġu invokati kontra l-Istat, tqis li hija ma għandhiex is‑setgħa li twarrab ir-regola li tirriżulta mill-punt 2 tal‑Artikolu 487(1) tat-TRLC bħala kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u li l‑ġurisprudenza kostituzzjonali tobbligaha tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Valladolid (il‑Qorti Provinċjali ta’ Valladolid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Jekk, wara li titwettaq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità fis-sens tas-sentenza [Corván u Bacigán], jiġi konkluż li l-punt 2 tal‑Artikolu 487(1) tat-[TRLC] ma josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 20 tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza]?
2) B’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali relatata mal-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], il‑qorti tar-rinviju tqis li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma huwiex applikabbli, peress li ma huwiex possibbli li tintlaħaq konklużjoni contra legem, liema tkun il-konsegwenza prattika — effett dirett vertikali ’il fuq possibbli tad-[Direttiva dwar ir‑ristrutturar u l-insolvenza] — tal-assenza ta’ proporzjonalità possibbli tal-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-[TRLC]”?
25. Is-Sur Óscar, l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
IV. Analiżi
26. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 20 tad‑Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwu u Stat Membru, jew wieħed mill-korpi tiegħu, tapplika direttament din id-dispożizzjoni u ma tapplikax dispożizzjoni derogatorja tad-dritt nazzjonali adottata minn dak l-Istat Membru jekk dik il-qorti tikkonstata li tali dispożizzjoni ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tkun interpretazzjoni contra legem.
27. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk l‑Artikolu 20 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza jistax jipproduċi effett dirett fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi u l-AEAT, hekk li tkun tista’ ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-fehma tagħha, tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.
28. Jidhirli li, peress li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar l-osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn stabbilit fl-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar ir‑ristrutturar u l-insolvenza, huwa l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva li għandu jiġi analizzat sabiex jiġi evalwat jekk għandux effett dirett jew le (7).
29. Issa, l-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza huwa kkaratterizzat mill-fatt li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill‑Istati Membri sabiex jipprevedu eċċezzjonijiet għas-sistema ta’ ħelsien mid-dejn. Għalhekk, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi lista mhux eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jadottaw dispożizzjonijiet li jirrifjutaw jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn. Fir-rigward tal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, dan jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ kategoriji speċifiċi ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-ħelsien mid-dejn. Għaldaqstant, l-istess Artikolu 23 jipprevedi biss armonizzazzjoni minima tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn.
30. Billi għamel użu mill-possibbiltajiet li toffrilu din id‑dispożizzjoni, il-leġiżlatur Spanjol ippreveda, fil-punt 2 tal‑Artikolu 487(1) tat-TRLC, esklużjoni mill-ħelsien mid-dejn għal debitur “[m]eta, matul l-għaxar snin qabel it-talba għal ħelsien, [...] tkun ittieħdet deċiżjoni definittiva li testendi r-responsabbiltà, sakemm, fid‑data li fiha titressaq it-talba għal ħelsien, huwa ma jkunx ħallas id‑djun kollha li huwa jkun responsabbli għalihom”.
31. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 23(2) tad‑Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza ma jipprekludix tali dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn ikun jirriżulta mid-dritt nazzjonali li tali esklużjoni tkun ġġustifikata bit-tfittxija ta’ interess pubbliku leġittimu, li hija ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju (8).
32. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni jekk tali dispożizzjoni nazzjonali, li tipprevedi każ addizzjonali ta’ rifjut ta’ aċċess għall-ħelsien mid-dejn meta mqabbla mal-lista mhux eżawrjenti prevista fl‑Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza, u li, skont il-qorti tar-rinviju, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din id‑direttiva, tistax titwarrab minn dik il-qorti
33. L-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ din id-dispożizzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali, taħt l-istħarriġ tal-qorti suprema tagħha. Fir-rigward tal-interpretazzjoni konformi, mit-termini stess tat‑talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li jeżistu diversi deċiżjonijiet kontradittorji fi ħdan l-ordinament ġudizzjarju Spanjol, u dan donnu jindika li interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva ma hijiex impossibbli.
34. Madankollu, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, għandu jiġi ddeterminat, abbażi ta’ dawn iż-żewġ premessi, li, fil-fehma tiegħi, huma dibattibbli, jekk il-punt 2 tal‑Artikolu 487(1) tat-TRLC jistax jitwarrab minħabba l-effett dirett tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza.
35. Għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija stabbilita sew fir-rigward tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li l-effett dirett ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu huwa l-korollarju tagħha. Għalhekk, l-obbligu ta’ qorti nazzjonali li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha, li tkun tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm jirriżulta mis‑supremazija rrikonoxxuta lil din l-aħħar dispożizzjoni, huwa, madankollu, u suġġett għall-effett dirett tal-imsemmija dispożizzjoni fit‑tilwima li biha tkun adita din il-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma hijiex marbuta, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jkollhiex effett dirett (9).
36. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jidhru, mill-perspettiva tal‑kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l‑individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l‑Istat, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar ikun ittrasponihom b’mod inkorrett (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma jkun ikkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma jkun suġġett, fl‑eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri u, min‑naħa l-oħra, tkun preċiża biżżejjed sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu b’mod ċar (11).
37. F’din il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-AEAT tagħmel parti mill-Istat Spanjol u li, għaldaqstant, dispożizzjoni ta’ direttiva li tkun inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tista’ tiġi invokata fil-konfront tagħha.
38. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir‑ristrutturar u l-insolvenza ma huwiex inkundizzjonat inkwantu jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ħelsien mid-dejn. Għalhekk, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi liema eċċezzjonijiet ikun jixtieq jimplimenta, u dan jikkostitwixxi intervent fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għall-istess raġuni, inqis li l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ħelsien mid-dejn, lanqas ma huwa inkundizzjonat, peress li t-test stess tal-imsemmija direttiva jipprevedi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, li n-numru tagħhom jista’ jiżdied mill-Istati Membri.
39. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza ma huwiex suffiċjentement preċiż. Fil-fatt, mill-mument li Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija minn din id‑dispożizzjoni li jżid eċċezzjonijiet għall-ħelsien mid-dejn, dan l‑artikolu ma jkunx suffiċjentement preċiż sabiex jiġġustifika li titwarrab dispożizzjoni nazzjonali li tkun kuntrarja għalih. Li kellu jiġi deċiż mod ieħor jiġri li l-qrati nazzjonali jitħallew iwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li permezz tagħhom l-Istati Membri jkunu ddeċidew li jipprevedu eċċezzjonijiet addizzjonali, minkejja li l-prinċipju ta’ tali eċċezzjonijiet ikun espressament previst f’direttiva. L-istess raġunijiet jgħoddu fir-rigward tan-natura suffiċjentement preċiża tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza.
40. Għaldaqstant, la l-Artikolu 23(2) u lanqas l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva ma għandhom effett dirett. Konsegwentement, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata twarrab dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija tqis li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni.
41. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l‑prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l‑insolvenza, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati tagħhom, huma obbligati jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom, sa fejn possibbli, b’mod konformi mad-dritt tal‑Unjoni sabiex jiġi żgurat riżultat kompatibbli mal-għan li tfittex li tilħaq din id-direttiva.
V. Konklużjoni
42. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid, Spanja) bil-mod kif ġej:
Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax dispożizzjoni tad‑dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l‑insolvenza), peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati tagħhom, huma obbligati jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom, sa fejn possibbli, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat riżultat kompatibbli mal-għan li tfittex li tilħaq din id‑direttiva.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.
2 ĠU 2019, L 172, p. 18, rettifika fil-ĠU 2026, L 2026/90284.
3 BOE Nru 127 tas‑7 ta’ Mejju 2020, p. 31518.
4 BOE Nru 214 tas‑6 ta’ Settembru 2022, p. 23682.
5 BOE Nru 302 tat‑18 ta’ Diċembru 2003, p. 44987.
6 Huma jirreferu b’mod partikolari għas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Corván u Bacigán(C‑289/23 u C‑305/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Corván u Bacigán”, EU:C:2024:934).
7 Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2025, Amilla (C‑723/23, EU:C:2025:262, punt 43).
8 Ara s-sentenza Corván u Bacigán (punt 47).
9 Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 68 u l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 64 sa 67).
10 Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 46), u tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Kosmiro (C‑232/24, EU:C:2025:820, punt 71 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
11 Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Kosmiro (C‑232/24, EU:C:2025:820, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).