Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2026 (1)

Proċedura ta’ opinjoni 1/24

Mibdija fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea

“Opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE — Trasport bl-ajru — Ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn is-Sultanat tal-Oman, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra — Artikolu 3(2) TFUE — Ftehim internazzjonali li jista’ jolqot ir-regoli komuni — Kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi tali ftehim waħedha”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Avvenimenti li wasslu għall-adozzjoni tal-proposta tal-ftehim previst

B. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

C. Il-kuntest tal-ftehim previst

1. Il-kuntest ġuridiku internazzjonali

2. Ftehimiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru konklużi mill-Istati Membri u mill-Unjoni wara s-sentenzi Open Skies

3. Fuq il-kontenut tal-ftehim previst mas-Sultanat tal-Oman

III. Analiżi

A. Ammissibbiltà

B. L-eżistenza u n-natura tal-kompetenza esterna tal-Unjoni

1. Fuq l-eżistenza tal-kompetenza esterna tal-Unjoni

2. In-natura tal-kompetenza esterna tal-Unjoni

3. Ftehimiet imħallta

C. L-attribuzzjoni ta’ kompetenza lill-Unjoni sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi

D. Kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim previst għal raġuni ta’ ħtieġa

E. Kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim previst fuq il-bażi tal-effett ERTA

1. Fuq l-oneru tal-prova

2. Nuqqas ta’ qbil prinċipali bejn il-partijiet f’dawn il-proċeduri

3. L-effett u l-ilqit ERTA

4. Applikazzjoni għall-ftehim previst

a) L-impenji li għandhom jiġu evalwati

b) Artikolu 3 tal-ftehim previst (“għoti ta’ drittijiet”)

1) Hemm sovrappożizzjoni?

2) Ir-regoli komuni tal-Unjoni jistgħu jiġu milquta mingħajr sovrappożizzjoni?

c) Artikolu 8 (“kompetizzjoni ġusta”)

d) Artikolu 11 (“dazji doganali, taxxi, tariffi u imposti”)

e) Dispożizzjonijiet oħra tat-Titolu I

IV. Konklużjonijiet

I.      Introduzzjoni

1.        “Is-sema huwa l-limitu.”

2.        Il-kawża ineżami tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-ajru (għadux) jikkostitwixxi l-limitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi.

3.        Din il-kwistjoni tqajmet mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ rikors tat‑13 ta’ Settembru 2024, sabiex titlob, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti Opinjoni dwar id-domanda li ġejja:

“L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-ftehim fil-qasam tat-trasport bl-ajru bejn is-Sultanat tal-Oman, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra?”

4.        Il-kwistjoni ċentrali li fuqha hija bbażata din id-domanda hija dik dwar jekk l-Unjoni kisbitx kompetenza esklużiva sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi. Tali għoti ta’ drittijiet jippermetti lit-trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi jtiru bejn, fuq, u lejn it-territorju tal-Istati Membri.

5.        Fis-sentenzi tagħha Open Skies (2), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dak iż-żmien, l-Unjoni ma kellhiex kompetenza esklużiva fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bl-ajru (3). Il-Kummissjoni Ewropea, sostnuta mill-Parlament Ewropew, targumenta li s-sitwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni issa teħtieġ risposta differenti.

6.        Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv, dan ikollu l-konsegwenza li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jidħlu iktar fi ftehimiet ta’ trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi – mhux biss mas-Sultanat tal-Oman, bħal fil-kawża ineżami, iżda ma’ kwalunkwe pajjiż terz.

7.        Ir-risposta għad-domanda magħmula mill-Kummissjoni teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tidħol fil-qasam kumpless tad-dritt kostituzzjonali tal-Unjoni li jirregola l-kompetenzi esterni tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l-metodoloġija li permezz tagħha hija tevalwa t-tielet każ deskritt fl-Artikolu 3(2) TFUE, li permezz tiegħu l-Unjoni tikseb kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali jekk dan il-ftehim “[j]ista’ [j]olqot xi regoli komuni jew [i]biddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

8.        Ser nistruttura l-konklużjonijiet tiegħi kif ġej. Ser nispjega qabelxejn l-isfond rilevanti għal dawn il-proċeduri (Taqsima II). Imbagħad, ser nispjega fuq fuq l-avvenimenti li wasslu għall-ftehim previst, il-kontenut tiegħu kif ukoll il-kuntest tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni li fih għandu jitqiegħed. Imbagħad ser nindirizza l-analiżi tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima III). Hemmhekk ser l-ewwel nieħu pożizzjoni fuq l-allegata inammissibbiltà ta’ din it-talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima III.A). Sussegwentement, ser nerġa’ nirreferi għall-ġurisprudenza dwar l-eżistenza u n-natura tal-kompetenzi esterni (Taqsima III.B). Dan iwassalni sabiex nevalwa tal-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni li tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi, ikkontestata minn uħud mill-partijiet fil-proċeduri (Taqsima III.C) u sabiex imbagħad nevalwa n-natura possibbilment esklużiva ta’ din il-kompetenza skont l-Artikolu 3(2) TFUE fuq il-bażi tal-ħtieġa (Taqsima III.D) jew tal-effett ERTA (Taqsima III.E).

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Avvenimenti li wasslu għall-adozzjoni tal-proposta tal-ftehim previst

9.        Fl‑2018, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata, permezz ta’ direttivi ta’ negozjati, tikkonkludi ftehim komprensiv fil-qasam tat-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u s-Sultanat tal-Oman, min-naħa l-oħra (4).

10.      Dawn id-direttivi ġew adottati permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti.

11.      L-ewwel, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mas-Sultanat tal-Oman dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (5).

12.      It-tieni, deċiżjoni oħra ġiet adottata mill-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, u mhux mill-Kunsill bħala istituzzjoni tal-Unjoni. Din id-deċiżjoni awtorizzat lill-Kummissjoni tinnegozja dawk l-aspetti tal-ftehim previst mas-Sultanat tal-Oman li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (6).

13.      L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma tispeċifika liema huma l-materji li huma jqisu li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u dawk li ma jaqgħux taħtha.

14.      Fil-laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, li saret wara l-adozzjoni ta’ dan iż-żewġ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni fissret li ma taqbilx mal-mod kif ġiet fdata bid-direttivi ta’ negozjati msemmija hawn fuq. Hija sostniet b’mod partikolari:

“2.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Unjoni hija kompetenti li tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet komprensivi fil-qasam tat-trasport bl-ajru, fil-partijiet kollha tagħhom. Hija tfakkar ukoll li, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti, kif jidher fil-kawża C‑459/03 (il-punti 92 sa 95), l-eżistenza tal-kompetenza esterna tal-Unjoni, fil-prinċipju, mhix kontinġenti fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ liġi sekondarja li jkopru l-qasam inkwistjoni.

[...]

4.      Il-Kummissjoni tqis barra minn hekk li n-negozjar ta’ ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru mill-Unjoni waħidha huwa l-aktar mod effettiv kif jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tat-Trasport, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-trattament komuni li għandu jingħata fi ħdan l-Unjoni lil trasportaturi tal-ajru stabbiliti f’pajjiżi terzi u t-trattament komuni li għandu jingħata minn pajjiżi terzi lil trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.

5.      Sabiex il-benefiċċji tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-avjazzjoni jinħasdu mingħajr dewmien żejjed, dawn għandhom ikunu japplikaw kemm jista’ jkun malajr wara li jiġu ffirmati. Il-prattika attwali turi li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’dawn il-ftehimiet tikkawża dewmien konsiderevoli fid-dħul fis-seħħ tagħhom, filwaqt li l-applikazzjoni proviżorja mhux dejjem tiġi żgurata f’dawn il-każijiet. (7)”

15.      In-negozjati dwar il-ftehim previst ġew konklużi fis‑7 ta’ Ġunju 2020 u t-test tiegħu ġie rratifikat fl‑1 ta’ Diċembru 2021.

16.      L-abbozz tat-test ta’ dan il-ftehim, kif ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, jantiċipa l-firem kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri kollha tagħha. Minn dan isegwi li, fil-forma attwali tiegħu, dan il-ftehim tfassal sabiex jiġi konkluż bħala ftehim imħallat.

17.      Il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-ftehim inkwistjoni f’isem l-Unjoni (8).

B.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Rumanija, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar it-talba tal-Kummissjoni għal Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li l-Parlament jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-ftehim previst, il-Kunsill u l-Istati Membri parteċipanti kollha huma tal-fehma kuntrarja.

19.      Inżammet seduta fis‑7 u fit‑8 ta’ Lulju 2025, li fiha pparteċipaw il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Bulgarija, taċ-Ċekja, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Italja, ta’ Ċipru, tal-Litwanja, tal-Lussemburgu, tal-Ungerija, ta’ Malta, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Awstrija, tal-Portugall, tas-Slovakkja, tal-Isvezja u tal-Irlanda.

C.      Il-kuntest tal-ftehim previst

1.      Il-kuntest ġuridiku internazzjonali 

20.      Fl‑1944, rappreżentanti ta’ 54 Stat iltaqgħu f’Chicago (l-Istati Uniti tal-Amerika) sabiex “jagħmlu arranġamenti għall-istabbiliment immedjat ta’ rotot u ta’ servizzi tal-ajru globali provviżorji” u “jiddiskutu l-prinċipji u l-metodi li għandhom jiġu segwiti fl-adozzjoni ta’ konvenzjoni ġdida dwar l-avjazzjoni”(9) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21.      Il-Konferenza ta’ Chicago wasslet għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Chicago” (10)).

22.      Il-Konvenzjoni ta’ Chicago għadha sal-lum l-istrument legali internazzjonali fundamentali li jirregola d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati fir-rigward tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali (11). L-Istati Membri kollha huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni, filwaqt li l-Unjoni nnifisha ma hijiex (12).

23.      Fl-Artikolu 1 tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Chicago tistabbilixxi mingħajr ekwivoku “li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu fuq it-territorju tiegħu” (13) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24.      Għal din ir-raġuni, kif jipprevedi l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, “ebda servizz internazzjonali bl-ajru regolari ma jista’ jiġi operat fuq jew lejn it-territorju ta’ Stat kontraenti, ħlief fil-każ ta’ permess speċjali jew awtorizzazzjoni oħra ta’ dan l-Istat, u skont it-termini ta’ dan il-permess jew ta’ din l-awtorizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25.      Skont dan il-qafas, kull permess sabiex issir titjira internazzjonali bejn il-fruntieri territorjali għandu, teoretikament, jingħata mill-Istat affettwat jew mill-Istati affettwati inkwistjoni, permezz ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali (14).

26.      B’mod parallel mal-Konferenza ta’ Chicago – għalkemm b’mod separat mill-Konvenzjoni (15) – in-negozjaturi fformulaw sett ta’ drittijiet kummerċjali fil-qasam tal-avjazzjoni, imsejħa l-“libertajiet tal-ajru” (16).

27.      Illum, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ICAO”) tiddistingwi bejn disa’ libertajiet tal-ajru. Dawn huma rrappreżentati viżwalment hawn taħt: (17)

Image not found


28.      Huma biss it-tielet sad-disa’ libertà li jippermettu t-trasport kummerċjali bl-ajru, u ta’ spiss jissejħu “drittijiet ta’ traffiku”. Huma jiftħu aċċess għas-suq għat-titjiriet li jibdew fi Stat u li jispiċċaw jew jieqfu fit-territorju ta’ Stat ieħor (18). L-ewwel u t-tieni libertà ma jitqisux li jagħtu aċċess għas-suq.

29.      Żewġ ftehimiet multilaterali ġew adottati fil-Konferenza ta’ Chicago li jipprevedu l-iskambju ta’ drittijiet ta’ traffiku fir-rigward ta’ ċerti libertajiet tal-ajru.

30.      L-ewwel, il-Ftehim Internazzjonali dwar it-Tranżitu tas-Servizzi tal-Ajru (19) jipprevedi l-iskambju multilaterali tad-drittijiet ta’ tranżitu bl-ajru, jiġifieri d-dritt ta’ titjir fuq it-territorju (l-ewwel libertà tal-ajru) u d-dritt ta’ nżul għal finijiet tekniċi (it-tieni libertà tal-ajru). L-Istati Membri kollha huma partijiet f’dan il-ftehim (20).

31.      It-tieni, il-Ftehim Internazzjonali dwar it-Trasport bl-Ajru (21) kien intiż li jipprevedi l-iskambju multilaterali tal-ewwel sal-ħames libertà. Madankollu, huwa ġie ffirmat u aċċettat biss minn numru żgħir ta’ Stati, hekk li, fil-parti l-kbira tiegħu, baqa’ mingħajr effett (22).

32.      In-nuqqas ta’ ftehim dwar l-iskambju tad-drittijiet ta’ traffiku fil-livell multilaterali wassal għall-proliferazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali jew reġjonali dwar it-trasport bl-ajru, li jiftħu reċiprokament l-ispazju tal-ajru nazzjonali u s-suq tal-Istati rispettivi għall-operat ta’ servizzi tal-ajru internazzjonali (23).

33.      Għalhekk, qabel is-sentenzi Open Skies, il-prattika stabbilita fl-Unjoni kienet li l-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet ta’ trasport bl-ajru b’mod bilaterali ma’ pajjiżi terzi (24). Fl‑2003, kien stmat li kien hemm madwar 1 500 ftehim bilaterali ta’ dan it-tip (25).

34.      Kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, fl-iskambju ta’ drittijiet ta’ traffiku permezz ta’ ftehimiet bilaterali, l-ewwel sar-raba’ libertà huma skambjati l-iktar spiss, il-ħames u s-sitt libertà huma ġeneralment ristretti, is-seba’ libertà rari jkun hemm qbil fuqha, u t-tmien u d-disa’ libertà kważi dejjem jiġu esklużi (26).

35.      Il-ftehim previst mas-Sultanat tal-Oman, inkwistjoni fil-kawża ineżami, jikkonċerna biss l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku relatati mal-ewwel sar-raba’ libertà (27).

2.      Ftehimiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru konklużi mill-Istati Membri u mill-Unjoni wara s-sentenzi Open Skies

36.      Is-sitwazzjoni fl-Unjoni nbidlet wara s-sentenzi Open Skies. Għalhekk jistħoqqilha deskrizzjoni fil-qosor.

37.      Sa mill-bidu tas-snin 1990, u għalhekk matul perijodu li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta diversi regolamenti li jistabbilixxu suq intern tat-trasport bl-ajru (28), il-Kummissjoni talbet diversi drabi lill-Kunsill jimplimenta direttivi li jawtorizzawha tinnegozja ftehim fil-qasam tat-trasport bl-ajru mal-Istati Uniti, bl-għan li tissostitwixxi għadd ta’ ftehimiet bilaterali bejn dan il-pajjiż u l-Istati Membri (29). Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Istati Membri jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom qabel ma jibdew in-negozjati mal-Istati Uniti.

38.      Peress li (sal‑1996) il-Kunsill ripetutament irrifjuta li jagħtiha mandat bħal dan (30), u peress li sabet li t-talbiet tagħha għal koordinazzjoni bejn l-Istati Membri ma kinux intlaqgħu, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra r-Renju Unit, id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja, il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Awstrija u l-Ġermanja (31).

39.      Fis-sentenzi tagħha f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet biss parti tal-ilmenti ta’ ksur tal-Kummissjoni. L-ewwel, hija qablet li l-Istati Membri kienu nnegozjaw ċerti klawżoli li kienu jkopru kwistjonijiet li, minħabba l-eżistenza ta’ regoli interni tal-Unjoni, kienu saru kompetenza esklużiva tal-Unjoni (32). It-tieni, hija qieset li klawżola partikolari li tinsab f’kull wieħed mill-ftehimiet Open Skies konklużi bejn l-Istati Uniti u l-Istat Membru rispettiv, li kienet tillimita l-proprjetà u l-kontroll tal-linji tal-ajru, kienet tmur kontra d-dritt ta’ stabbiliment, kif żgurat mill-Artikolu 52 TFUE (33).

40.      Madankollu, u dan l-element huwa ta’ importanza partikolari għall-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sitwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dak iż-żmien ma kinitx tirregola l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku jew l-għoti ta’ liċenzji operattivi lil trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, impenn internazzjonali li daħlu għalih dawn l-Istati Membri fl-iskambju tad-drittijiet ta’ traffiku ma’ pajjiż terz ma setax jitqies li jolqot il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (34).

41.      Fil-prattika, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ċerti partijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi kienu jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fissret li l-Istati Membri ma setgħux jibqgħu jidħlu f’tali ftehimiet mingħajr ma l-Unjoni tkun ukoll parti fihom. Fi kliem ieħor, l-Unjoni saret parti neċessarja f’tali ftehimiet. Dan ta spinta lill-Kummissjoni biex tibda ssegwi politika komuni tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru (35).

42.      Sabiex issib tarf tal-ksur ikkonstatat fis-sentenzi Open Skies, il-Kummissjoni ngħatat mandat orizzontali biex tinnegozja mill-ġdid il-ftehimiet mal-Istati Uniti. Ingħatawlha wkoll direttivi sabiex tinnegozja mill-ġdid ftehimiet li kienu ġew konklużi bilateralment mill-Istati Membri u li kien fihom klawżoli li tqiesu li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (36).

43.      Madankollu, il-ftehimiet orizzontali li rriżultaw ma ssostitwixxewx il-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri, iżda sempliċiment immodifikaw jew issupplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti f’dawk il-ftehimiet li tqiesu li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

44.      Il-politika esterna l-ġdida dwar it-trasport bl-ajru segwita mill-Kummissjoni wara s-sentenzi Open Skies tinkludi l-isforz biex jiġu konklużi ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma’ sħab strateġiċi tal-Unjoni u Stati ġirien. Ladarba dawn il-ftehimiet jidħlu fis-seħħ, il-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ma jibqgħux jintużaw u jiġu ssostitwiti b’dawn il-ftehimiet fis-seħħ.

45.      Il-maġġoranza ta’ dawn il-ftehimiet huma konklużi fil-forma ta’ ftehimiet “imħallta”, inkluż il-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru mal-Istati Uniti (37), il-Ftehim Multilaterali li jistabbilixxi l-Ispazju Komuni Ewropew tal-Avjazzjoni ma’ ċerti pajjiżi ġirien (38), u għadd ta’ ftehimiet bilaterali ma’ ċerti pajjiżi terzi (39).

46.      Madankollu, ċerti ftehimiet komprensivi dwar l-ajru ġew konklużi “mill-Unjoni biss”. L-ewwel ftehim ta’ dan it-tip ġie konkluż mar-Renju tan-Norveġja fl‑1992 (40). Sussegwentement, fl‑2002, ġie konkluż ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (41). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mar-Renju Unit (42), konkluż wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ġie konkluż mill-Unjoni biss, iżda fih kapitoli dwar it-trasport bl-ajru u l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku. Għalkemm dawn il-ftehimiet jixhdu l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet ta’ trasport bl-ajru mill-Unjoni waħedha, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-Istati Membri bħala partijiet f’dawn il-ftehimiet ma tikkostitwixxix prova tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-partijiet kollha ta’ tali ftehimiet ta’ trasport bl-ajru.

47.      Fir-rikors tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għal dawn l-eżempji ta’ ftehimiet ta’ trasport bl-ajru konklużi mill-Unjoni biss sabiex tenfasizza l-argument li l-politika esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-avjazzjoni tiġi ssemplifikata u aċċellerata jekk l-Unjoni waħedha tkun tista’ tikkonkludi tali ftehimiet ma’ pajjiżi terzi. Fost eżempji oħra, il-Kummissjoni spjegat li d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet imħallta spiss jieħu iktar minn 10 snin, u dan idewwem il-benefiċċji li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, l-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi, u l-utenti ta’ dawk is-servizzi jistgħu jiksbu minn dawk il-ftehimiet.

48.      Kemm jekk dan huwa minnu u kemm jekk le, tali argumenti ta’ politika ma jistgħux ibiddlu l-eżistenza jew in-natura tal-kompetenzi esterni, kif miftiehem skont it-Trattati. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi jekk is-sitwazzjoni attwali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru, moqri fid-dawl tal-qafas kostituzzjonali rilevanti tal-Unjoni, tippermettix li tinġibed il-konklużjoni li ftehim ta’ trasport bl-ajru – bħall-ftehim previst mas-Sultanat tal-Oman – jaqa’ kollu kemm hu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

49.      Sabiex issir din l-evalwazzjoni, huwa neċessarju li jiġi spjegat fil-qosor il-kontenut tal-ftehim previst (43).

3.      Fuq il-kontenut tal-ftehim previst mas-Sultanat tal-Oman

50.      Il-preambolu tal-ftehim previst jesponi l-għan maħsub tiegħu, li huwa, inter alia, li jsaħħaħ is-servizzi tal-ajru, li jiżgura livell għoli ta’ sikurezza u ta’ sigurtà fl-avjazzjoni, li jiffavorixxi l-kompetizzjoni, l-aċċess għas-suq, il-protezzjoni tal-ambjent u l-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jilħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u li jiffaċilita l-aċċess għall-kapital tal-industrija tat-trasport bl-ajru.

51.      Il-ftehim huwa magħmul minn tliet titoli. Ippreċedut minn taqsima mhux intitolata li tinkludi żewġ dispożizzjonijiet (l-Artikolu 1 dwar id-definizzjonijiet u l-Artikolu 2 dwar l-esklużjoni tal-effett dirett), it-Titolu I jirregola d-“dispożizzjonijiet ekonomiċi” tal-ftehim previst (44), it-Titolu II jirrigwarda l-“kooperazzjoni regolatorja” (45), u t-Titolu III jinkludi “dispożizzjonijiet istituzzjonali” (46). Il-ftehim previst fih ukoll anness li jinkludi dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

52.      Il-lista ta’ firem li tinsab fi tmiem il-ftehim previst turi li dan kien intiż li jiġi konkluż bħala ftehim imħallat, li jinkludi l-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha bħala partijiet.

53.      Il-partijiet f’dawn il-proċeduri jaqblu, jew espliċitament jew impliċitament, li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew huma biss anċillari għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza. Madankollu, hemm nuqqas ta’ qbil dwar in-natura ta’ din il-kompetenza fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu I tal-ftehim previst.

54.      L-iktar nuqqas ta’ qbil importanti jirrigwarda l-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst – l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku. Skont din id-dispożizzjoni, id-drittijiet ta’ traffiku relatati mal-ewwel sar-raba’ libertà tal-ajru għandhom jingħataw reċiprokament bejn il-partijiet kontraenti (47).

55.      Minn naħa, il-Kunsill u l-Istati Membri jqisu li l-għoti ta’ dawn id-drittijiet ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Dawn il-partijiet isostnu li d-dritt tal-Unjoni, fis-sitwazzjoni attwali tiegħu, ma jipprevedix regoli komuni li jirregolaw dan l-għoti. Dawn il-partijiet jirreferu, b’mod partikolari, għas-sentenzi Open Skies. Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dawn is-sentenzi, li d-dritt Komunitarju, kif kien jeżisti fi żmien is-sentenzi, ma kienx jirregola l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku u għalhekk ma setax ikun milqut mill-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn Stati Membri u pajjiż terz. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tqis li s-sitwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru evolva b’mod sinjifikattiv wara l-għoti tas-sentenzi Open Skies. Fis-sitwazzjoni attwali tiegħu, dan il-qasam tad-dritt tal-Unjoni jista’ għalhekk jiġi milqut jekk il-ftehim previst jiġi konkluż mill-Istati Membri.

III. Analiżi

56.      Il-qasam tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni huwa wieħed mill-oqsma l-iktar kumplessi tad-dritt kostituzzjonali tal-Unjoni. Dan spiss juri konfużjoni bejn il-kunċetti rilevanti, b’mod partikolari l-attribuzzjoni tal-kompetenzi u n-natura kondiviża jew esklużiva tagħhom, u r-raġunijiet għan-natura mħallta tal-ftehimiet (48).

57.      F’dan ir-rigward, anki jekk id-domanda, kif magħmula mill-Kummissjoni, tippreżupponi l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni, u għalhekk tikkontesta biss in-natura tagħha, għadd ta’ Stati Membri intervenjenti jsostnu li l-għoti ta’ drittijiet tat-traffiku jikkostitwixxi kompetenza tal-Istati Membri li ma ġietx attribwita lill-Unjoni.

58.      Għal din ir-raġuni, l-analiżi tiegħi hija strutturata kif ġej. Wara li niċħad fil-qosor l-argumenti dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima III.A), ser niddelimita l-kunċetti rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni (Taqsima III.B). Sussegwentement, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argumenti li jinnegaw l-eżistenza tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku (Taqsima III.C). Dan ser jippermettili nindirizza argumenti insostenn tal-konstatazzjoni ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tal-ftehim previst. Bil-maqlub tal-istruttura tar-rikors tal-Kummissjoni, l-ewwel ser nistaqsi jekk l-Unjoni kisbitx il-kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-ftehim previst fuq il-bażi tat-tieni sitwazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE – “l-argument tal-ħtieġa” (Taqsima III.D). Sussegwentement ser nesplora jekk kompetenza esklużiva tirriżultax fuq il-bażi tat-tielet sitwazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE – l-“effett ERTA” (Taqsima III.E).

A.      Ammissibbiltà

59.      Għadd ta’ Stati Membri intervenjenti jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal opinjoni, billi jsostnu li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE.

60.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat b’mod ċar li, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, Stat Membru, il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jfittxu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja “f’kull mument, qabel ma’ jkun hemm espressjoni definittiva ta’ l-approvazzjoni tal-[Unjoni] li tkun marbuta mill-ftehim”(49).

61.      Sal-lum, il-ftehim previst mal-Oman għadu “previst” peress li l-Kummissjoni għad trid tipproponi lill-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tiegħu, skont l-Artikolu 218(5) TFUE (50).

62.      F’dan id-dawl, l-ewwel, il-fatt, imqajjem minn ċerti Stati Membri, li l-Kummissjoni stenniet tliet snin sabiex tressaq din it-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE ma jbiddilx in-natura “prevista” ta’ dan il-ftehim. Għaldaqstant, dan ma jistax jaffettwa l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni. Dan huwa l-każ anki jekk, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni kellha tressaq din it-talba fl-iqsar żmien possibbli.

63.      It-tieni, diversi Stati Membri jsostnu li l-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi fir-rigward tal-ftehim previst diġà ġiet deċiża permezz tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw in-negozjati, adottati mill-Kunsill u mill-Istati Membri fl‑2018 (51). Għaldaqstant, il-Kummissjoni issa ma kinitx għadha tista’ tbiddel dan it-tqassim. Talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tqassim tal-kompetenzi tkun, għalhekk, waħda ipotetika.

64.      Dan l-argument lanqas ma huwa validu. Huwa irrilevanti għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ talba skont l-Artikolu 218(11) TFUE jekk il-Kunsill u l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblux jew le mat-tqassim tal-kompetenzi għall-konklużjoni ta’ ftehim speċifiku (52).

65.      Il-kuntrarju jimplika li, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ta’ ftehim internazzjonali, il-Kunsill u l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu t-tqassim tal-kompetenzi tal-Unjoni mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni s-setgħat u l-proċeduri previsti fit-Trattati (53). Dan ineħħi l-iskop tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE (54).

66.      Minn dan isegwi li t-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ipotetika, peress li l-eżitu tal-proċeduri ineżami jista’ jkollu effett fuq il-mod kif jiġi konkluż il-ftehim previst.

B.      L-eżistenza u n-natura tal-kompetenza esterna tal-Unjoni

1.      Fuq l-eżistenza tal-kompetenza esterna tal-Unjoni

67.      Sabiex l-Unjoni tidħol fi ftehim internazzjonali, hija trid tkun vestita bil-kompetenza neċessarja sabiex tagħmel dan. Fid-dritt tal‑Unjoni, dan il-prinċipju huwa magħruf bħala l-“prinċipju ta’ attribuzzjoni” (55).

68.      Kif espress fl-Artikolu 5(2) TUE, dan il-prinċipju jagħti s-setgħa lill-Unjoni sabiex taġixxi “biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati”. Għalhekk, kif jispjegaw l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) TUE, sakemm il-kompetenza biex taġixxi ma tiġix allokata lill-Unjoni, din tibqa’ unikament tal-Istati Membri. Dan jirriżulta f’sitwazzjoni sempliċi: l-Unjoni ma tistax taġixxi sakemm ma tingħatax il-kompetenza biex tagħmel dan.

69.      Għalhekk, kull evalwazzjoni tan-natura esklużiva jew kondiviża ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni tippreżupponi li t-Trattati qabel kollox taw lill-Unjoni l-kompetenza neċessarja sabiex taġixxi.

70.      Kompetenza esterna tista’ tingħata lill-Unjoni espliċitament jew impliċitament (56).

71.      Illum, il-kwistjoni jekk l-Unjoni għandhiex il-kompetenza sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali hija rregolata mill-Artikolu 216(1) TFUE. Din id-dispożizzjoni tkopri kemm il-kompetenzi espliċiti kif ukoll il-kompetenzi impliċiti (57). H ddaħħlet fit-TFUE permezz tat-Trattat ta’ Lisbona u tirrifletti l-iżviluppi preċedenti tal-prattika ġudizzjarja.

72.      L-Artikolu 216(1) TFUE jipprevedi erba’ sitwazzjonijiet li fihom l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (58). Dan huwa l-każ:

(i) meta t-Trattati jipprevedu dan (kompetenza espliċita); jew

(ii) meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-għanijiet imsemmija fit-Trattati (kompetenza impliċita, “kompetenzi [setgħat] esterni paralleli”); (59) jew

(iii) meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun prevista f’att legalment vinkolanti tal-Unjoni (kompetenza impliċita, kif iċċarata fl-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) (60); jew

(iv) meta l-konklużjoni ta’ ftehim tista’ tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (kompetenza impliċita, kif introdotta għall-ewwel darba fis-sentenza ERTA) (61).

73.      Kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’il quddiem, għadd ta’ Stati Membri intervenjenti f’dawn il-proċeduri jikkunsidraw li l-kompetenza għall-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku tappartjeni biss lill-Istati Membri. Għalhekk, fl-ewwel lok, ikun neċessarju li jiġi evalwat jekk din is-setgħa ġietx attribwita lill-Unjoni b’mod espliċitu jew impliċitu (ara t-Taqsima C).

2.      In-natura tal-kompetenza esterna tal-Unjoni

74.      Ladarba jiġi stabbilit li ġiet attribwita kompetenza lill-Unjoni, il-kwistjoni li jmiss tkun dik dwar jekk din il-kompetenza hijiex kondiviża jew esklużiva.

75.      Xi jfisser li l-kompetenza tkun kondiviża jew esklużiva?

76.      Jekk l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu fir-rigward ta’ materja li taqa’ taħt dik il-kompetenza. Dan huwa l-każ anki meta l-Unjoni ma tkunx aġixxiet (62). Fi kliem ieħor, fil-qasam tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, l-Unjoni biss tista’ taġixxi.

77.      Jekk dan jiġi applikat għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri ineżami, il-konstatazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi timplika li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jidħlu iktar fi ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru. Dan huwa l-każ anki f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni tkun iddeċidiet li ma tikkonkludix ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiż terz partikolari, jiġifieri – sakemm l-Unjoni ma tiddelegax l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha lill-Istati Membri sabiex jikkonkludu l-imsemmi ftehim mingħajrha.

78.      Għall-kuntrarju, jekk il-kompetenza inkwistjoni tiġi attribwita bħala waħda kondiviża, kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Unjoni jistgħu jiddeċiedu li jeżerċitawha. Id-deċiżjoni dwar jekk l-Unjoni għandhiex teżerċita din il-kompetenza fir-rigward ta’ pajjiż terz partikolari jew grupp ta’ pajjiżi partikolari hija deċiżjoni politika, li hija limitata mill-prinċipji kostituzzjonali ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (63).

79.      Fir-rigward ta’ atti li jirregolaw il-politiki tal-Unjoni internament, jekk l-Unjoni teżerċita kompetenza kondiviża, it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE jipprekludu lill-Istati Membri milli jaġixxu sakemm il-kwistjoni tibqa’ rregolata fil-livell tal-Unjoni. Dan huwa magħruf bħala l-prinċipju ta’ prelazzjoni. Ir-raġuni li tiġġustifika dan il-prinċipju tinsab fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fiż-żamma ta’ regoli komuni tal-Unjoni (64). Il-Protokoll (Nru 25) dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 25”), dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi kondiviżi, jispjega li l-prelazzjoni tikkonċerna biss l-elementi speċifiċi rregolati minn att tal-Unjoni, u mhux il-qasam kollu li jagħmel parti minnu dan l-att (65).

80.      Il-prelazzjoni tal-azzjoni ta’ Stat Membru għandha konsegwenza simili bħal dik meta tiġi attribwita lill-Unjoni kompetenza esklużiva: l-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu jilleġiżlaw fuq kwistjoni partikolari. Madankollu, hemm differenza waħda li ta’ min wieħed isemmiha: permezz tal-prelazzjoni, l-Istati Membri ma “jitilfux” id-dritt tagħhom li jeżerċitaw kompetenza kondiviża; huma jistgħu jeżerċitaw mill-ġdid din il-kompetenza jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tirrevoka l-att tal-Unjoni dwar suġġett partikolari. Bil-maqlub, f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, anki meta suġġett partikolari ma jkunx okkupat minn att tal-Unjoni, l-Istati Membri huma madankollu preklużi milli jaġixxu (66).

81.      Il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(1) TFUE (67). L-Istati Membri ma jistgħux jadottaw atti interni jew jikkonkludu ftehimiet internazzjonali f’dawn l-oqsma.

82.      Minbarra l-oqsma elenkati ex ante bħala esklużivi, it-Trattat ta’ Lisbona żied it-tieni paragrafu mal-Artikolu 3 TFUE.

83.      Dan il-paragrafu jimplika li, fiċ-ċirkustanzi partikolari previsti fih, ċerti kompetenzi attribwiti bħala kondiviżi jistgħu jsiru esklużivi fid-dimensjoni esterna tagħhom. Fi kliem ieħor, dawn il-kompetenzi ma humiex attribwiti ex ante mit-TFUE bħala esklużivi, iżda jistgħu jakkwistaw din in-natura bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawn it-tipi ta’ kompetenzi ġew ikklassifikati bħala “esklużività sussegwenti”, “esklużività permezz tal-eżerċizzju” (68), jew “esklużività supervenjenti” (69).

84.      Bħala prinċipju, il-kompetenzi esterni tal-Unjoni huma kondiviżi, ħlief jekk il-ftehim internazzjonali inkwistjoni jkopri kwistjoni li taqa’ taħt kompetenza esklużiva espliċita tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) TFUE jew li sussegwentement saret esklużiva fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) TFUE.

85.      Il-politika tal-Unjoni dwar it-trasport bl-ajru, jew il-politika tat-trasport b’mod iktar ġenerali, ma tinsabx fost il-politiki elenkati bħala esklużivi fl-Artikolu 3(1) TFUE.

86.      Għall-kuntrarju, it-trasport huwa wieħed mill-politiki elenkati (u mhux b’mod eżawrjenti) fl-Artikolu 4(2)(g) TFUE bħala kompetenza kondiviża.

87.      Għaldaqstant, l-uniku mod kif l-Istati Membri jistgħu jitqiesu li huma preklużi milli jidħlu fi ftehim dwar it-trasport bl-ajru jekk l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza kondiviża jsir esklużiv għas-suġġett inkwistjoni minħabba li tkun issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE.

88.      L-Artikolu 3(2) TFUE għandu għalhekk is-setgħa li jipprevjeni lill-Istati Membri milli jikkonkludu ftehim internazzjonali f’qasam li fih huma ma attribwixxewx, minn qabel, kompetenza esklużiva (espliċita) lill-Unjoni – kemm‑il darba l-kundizzjonijiet previsti f’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

89.      Peress li t-Trattati jirregolaw it-tip ta’ prelazzjoni li twassal għall-esklużività fir-relazzjonijiet esterni f’dispożizzjoni differenti mit-tip ta’ prelazzjoni li teżisti fil-kamp intern, hemm raġuni għaliex dawn iż-żewġ tipi ta’ prelazzjoni jiġu ttrattati b’mod differenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-Protokoll Nru 25 tat-Trattat ta’ Lisbona ma jirregolax it-tip ta’ prelazzjoni li tistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) TFUE (70). Għall-kuntrarju, l-effetti ta’ regolamentazzjoni interna mill-Unjoni fuq in-natura tal-kompetenza esterna tagħha huma rregolati biss mill-Artikolu 3(2) TFUE, u mhux mill-Artikolu 2(2) TFUE li għalih jirreferi l-Protokoll Nru 25.

90.      L-Artikolu 3(2) TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali:

(i) meta 1-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni; jew

(ii) fejn ikun meħtieġ biex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha (iktar ’il quddiem it-“tieni sitwazzjoni” jew “esklużività minħabba l-ħtieġa”); jew

(iii) sa fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem it-“tielet sitwazzjoni” jew l-“effett ERTA”).

91.      Preliminarjament, huwa importanti li jiġi indikat il-livell għoli ta’ xebh fil-lingwaġġ użat fl-Artikolu 216(1) TFUE u fl-Artikolu 3(2) tiegħu. Għalkemm dan ix-xebh (fil-fehma tiegħi, ġustament) qajjem kritika akkademika (71), il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkritika t-test tat-Trattati, iżda tista’ biss tinterpretah.

92.      F’dan ir-rigward, nosserva li ż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw kwistjonijiet differenti u għalhekk għandhom jiġu interpretati fil-kuntesti rilevanti tagħhom. Filwaqt li l-Artikolu 216(1) TFUE jikkonċerna l-eżistenza ta’ kompetenza esterna u għalhekk huwa marbut mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni, l-Artikolu 3(2) TFUE jikkonċerna n-natura ta’ din il-kompetenza esterna u jiddetermina s-sitwazzjonijiet li fihom ftehimiet internazzjonali għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni biss (72).

93.      Sa fejn naf jien, ma hemm l-ebda att leġiżlattiv tal-Unjoni li jirrikjedi li l-Unjoni tikkonkludi ftehim dwar it-trasport bl-ajru mas-Sultanat tal-Oman b’mod speċifiku, jew ma’ pajjiżi terzi b’mod iktar ġenerali. Għaldaqstant, nipproponi li l-argumenti tal-partijiet f’dawn il-proċeduri jinqraw fis-sens li jirreferu biss għat-tieni u t-tielet sitwazzjoni fejn tista’ tirriżulta l-esklużività skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

3.      Ftehimiet imħallta

94.      Qabel nibda neżamina jekk l-Unjoni għandhiex il-kompetenza esklużiva li tikkonkludi l-ftehim previst, huwa neċessarju li tiġi solvuta kwistjoni relatata oħra: jekk jistgħux jinġibdu xi konklużjonijiet mill-proposta li l-ftehim previst jiġi konkluż bħala ftehim imħallat, u, jekk iva, liema konklużjonijiet jistgħu jinġibdu?

95.      Is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni hija rilevanti peress li għadd ta’ partijiet f’dawn il-proċeduri, fosthom il-Kummissjoni, ressqu argumenti dwar in-“natura mħallta” tal-ftehimiet internazzjonali.

96.      Il-“ftehimiet imħallta”, bħala kategorija speċifika ta’ ftehimiet internazzjonali, ma jissemmewx fit-Trattati, iżda jirriżultaw mill-prattika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-ftehim imħallat bħala dak “konkluż kemm mill-Unjoni kif ukoll minn kull Stat Membru tagħha” (73).

97.      Id-duttrina tiddistingwi bejn ftehimiet imħallta obbligatorji u dawk fakultattivi (74).

98.      Jekk ftehim ikun fih partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u partijiet li jaqgħu jew taħt il-kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni, l-Unjoni ma tistax tikkonkludi tali ftehim waħedha, iżda biss mal-Istati Membri tagħha. F’dan il-każ, in-natura mħallta hija obbligatorja.

99.      Xenarju ieħor li fih in-natura mħallta tista’ tkun obbligatorja, li wieħed jista’ jsejjaħ “natura mħallta obbligatorja u maqluba” huwa s-sitwazzjoni indirizzata fis-sentenzi Open Skies: fejn ftehim internazzjonali nnegozjat minn Stat Membru jkun fih partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, dak l-Istat Membru ma jistax jikkonkludi dak il-ftehim waħedhom (75). F’dan il-każ, jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jkunu partijiet f’tali ftehim, l-Unjoni għandha tingħaqad magħhom (76).

100. Huwa rilevanti għal din id-diskussjoni dwar in-natura mħallta l-fatt li, b’reazzjoni għas-sentenzi Open Skies, l-Unjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 847/2004 (77). Fost aspetti oħra, dan l-att jippermetti lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet “għall-Istat biss”, bil-kundizzjoni li dawn il-ftehimiet ikun fihom klawżoli standard u li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni bil-ftehimiet permezz ta’ tip ta’ proċedura predeterminata (78). Ir-Regolament (KE) Nru 847/2004 – li huwa importanti għal dawn il-proċeduri anki fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi waħedha l-ftehim previst – jista’ jitqies bħala eżempju ta’ att tal-Unjoni li jippermetti lill-Istati Membri jidħlu fi ftehim internazzjonali mingħajr l-Unjoni bħala parti, anki meta partijiet ta’ dan il-ftehim jikkonċernaw materji li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (79).

101. Finalment, meta ftehim jikkonċerna biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża, dan il-ftehim jista’ jiġi konkluż bħala ftehim imħallat jew konkluż mill-Unjoni biss. Id-deċiżjoni dwar kif għandu jiġi konkluż dan il-ftehim, kemm jekk imħallat u kemm jekk mill-Unjoni biss, hija għażla politika (80); mhux ħtieġa kostituzzjonali (81).

102. Isegwi li hemm żewġ raġunijiet għalfejn ftehim internazzjonali jista’ jiġi konkluż mill-Unjoni biss: jew minħabba li l-Unjoni kellha tabilħaqq kompetenza esklużiva għall-ftehim kollu, jew minħabba li l-kompetenza għall-ftehim kollu jew għal partijiet minnu kienet kondiviża, u ġie deċiż, f’livell politiku, li din il-kompetenza tiġi eżerċitata mill-Unjoni waħedha.

103. Għar-raġunijiet preċedenti, ma huwiex determinanti għall-finijiet ta’ dan l-eżerċizzju li, fil-passat, l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku mar-Renju tan-Norveġja, mal-Konfederazzjoni Svizzera u mar-Renju Unit seħħ permezz ta’ ftehimiet konklużi mill-Unjoni biss (82). Fil-fatt, in-natura ta’ dawn il-ftehimiet bħala ftehimiet konklużi mill-Unjoni biss tista’ tiġi spjegata kemm mill-argument li tqies politikament xieraq għall-Unjoni biss li tikkonkludi dawn il-ftehimiet kif ukoll mill-argument li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fuq il-kontenut kollu ta’ dawn il-ftehimiet, inkluż l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku.

104. Bħala konklużjoni, anki jekk il-ftehim previst jaqa’ (parzjalment) taħt kompetenza kondiviża, dan ma jipprekludix li l-imsemmi ftehim jiġi konkluż mill-Unjoni biss. Huwa biss meta l-elementi kollha tal-ftehim previst jaqgħu fl-iskop tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li raġunijiet ta’ natura kostituzzjonali, iktar milli raġunijiet ta’ natura politika, jiddettaw il-ħtieġa ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni biss.

105. L-eżistenza ta’ tali raġunijiet kostituzzjonali taqa’ fl-iskop tal-analiżi li ser nagħmel taħt it-Taqsimiet D u E.

C.      L-attribuzzjoni ta’ kompetenza lill-Unjoni sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi

106. Għadd ta’ Stati Membri li intervjenew f’dawn il-proċeduri jsostnu li s-setgħa li jingħataw drittijiet ta’ traffiku ma ġietx attribwita lill-Unjoni, iżda tibqa’ kompetenza tal-Istati Membri (83). Huma jsostnu li l-awtorizzazzjoni ta’ titjiriet ta’ trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom hija eżerċizzju tal-prinċipju ta’ sovranità fuq l-ispazju tal-ajru ta’ Stat, kif jikkonferma l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Minħabba f’hekk, l-Unjoni qatt ma tista’ tagħti drittijiet ta’ traffiku, peress li din il-kompetenza ma ġietx attribwita lilha.

107. Fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk ġietx attribwita lill-Unjoni s-setgħa li tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi.

108. Kif ġie spjegat, jista’ jkun li tali attribuzzjoni saret espliċitament jew impliċitament. Sabiex tiġi stabbilita kompetenza espliċita, għandu jiġi eżaminat jekk it-Trattati fihomx bażi legali li tipprevedi speċifikament li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim dwar din il-kwistjoni partikolari (84).

109. F’dan ir-rigward, nirrileva li, anki jekk l-għadd ta’ dispożizzjonijiet li jawtorizzaw espliċitament lill-Unjoni taġixxi fir-rigward ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali żdied mit-Trattat ta’ Ruma (85), il-kapitolu li jirregola l-politika tat-trasport għadu ma fihx klawżola espliċita li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport.

110. Id-dimensjoni esterna tal-politika tat-trasport tal-Unjoni tissemma espliċitament biss fl-Artikolu 207(5) TFUE.

111. Madankollu, din ir-referenza saret sabiex it-trasport jiġi eskluż mill-politika kummerċjali komuni, u għalhekk min-natura espliċitament esklużiva ta’ din tal-aħħar (86).

112. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 207(5) TFUE jirreferi għall-kapitolu tat-Trattat li jittratta l-politika komuni tat-trasport (Titolu VI tat-Tielet Parti), li, fih innifsu, ma jirreferix b’mod espliċitu għal kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali. Fil-fehma tiegħi, din hija r-raġuni għaliex ir-riferiment fl-Artikolu 207(5) TFUE għall-kapitolu dwar il-politika tat-trasport (li llum jinkludi wkoll it-trasport bl-ajru) għall-finijiet tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’dan il-qasam ma jistax jiġi interpretat bħala kompetenza espliċita tal-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehimiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Pjuttost, il-fatt li sar cross-reference jissuġġerixxi li l-kompetenza esterna tal-Unjoni għall-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru hija kompetenza esterna impliċita.

113. Fuq il-bażi tal-Artikolu 216(1) TFUE, kompetenza esterna impliċita teżisti inter alia kull fejn tiġi attribwita kompetenza interna lill-Unjoni, mingħajr ma jingħata kas jekk din il-kompetenza interna tiġix eżerċitata jew le, u fejn il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni. Tali kompetenzi paralleli, li jirrikonoxxu li l-politiki tal-Unjoni jista’ jkollhom dimensjonijiet interni u esterni (87), ġew żviluppati u kkonfermati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma ġew ikkodifikati fl-Artikolu 216(1) TFUE (88).

114. Madankollu, kompetenza esterna impliċita tibqa’ suġġetta għall-prinċipju ta’ attribuzzjoni. Dan ifisser li l-Artikolu 216(1) TFUE ma jistax, minnu nnifsu, iservi bħala bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Il-bażi legali xierqa għal tali ftehim għandha tinstab fid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jattribwixxu lill-Unjoni s-setgħa li tirregola qasam jew kwistjoni partikolari.

115. Meta l-qasam kopert mill-ftehim internazzjonali jkun it-trasport bl-ajru, il-bażi legali tal-kompetenza impliċita sabiex jiġi ffirmat tali ftehim tinsab fl-Artikolu 100(1) TFUE.

116. It-trasport bl-ajru (kif ukoll it-trasport marittimu) huwa parti speċifika tal-politika tat-trasport tal-Unjoni, peress li l-iżvilupp tiegħu (kemm intern kif ukoll estern) jiddependi, skont l-Artikolu 100 TFUE, mill-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi mill-Parlament u mill-Kunsill.

117. Madankollu, illum il-ġurnata, id-dimensjoni interna tal-politika komuni dwar it-trasport bl-ajru hija fil-biċċa l-kbira rregolata minn regoli komuni tal-Unjoni. Dan il-fatt jesprimi l-għażla politika tal-Parlament u tal-Kunsill li jimplimentaw din il-politika tal-Unjoni.

118. Minħabba l-eżistenza ta’ politika interna dwar it-trasport bl-ajru, isegwi li għandu jkun hemm ukoll dimensjoni esterna impliċita.

119. Madankollu, dan iħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk l-elementi kollha rilevanti għar-regolamentazzjoni eżawrjenti tat-trasport bl-ajru ġewx attribwiti lill-Unjoni jew jekk hemmx ċerti aspetti, bħall-għoti tad-drittijiet ta’ traffiku, li l-Istati Membri għażlu li ma jattribwixxux; jiġifieri, dawk li għażlu li jżommu għalihom.

120. F’dan ir-rigward, għandi qabelxejn nosserva li, skont il-prinċipju ta’ sovranità territorjali, espress fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, it-twettiq ta’ kull politika dwar it-trasport bl-ajru fi ħdan l-Unjoni jiddependi mill-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku.

121. Tal-inqas fid-dimensjoni kummerċjali tagħha, mingħajr l-għoti ta’ tali drittijiet, ma huwiex possibbli li tiġi żviluppata politika dwar it-trasport bl-ajru, kemm jekk f’dimensjoni interna tal-Unjoni u kemm jekk f’dimensjoni esterna tal-Unjoni. F’dan is-sens, l-inklużjoni fit-Trattati tal-possibbiltà li tiġi żviluppata politika komuni dwar it-trasport bl-ajru tal-Unjoni skont l-Artikolu 100(1) TFUE għandha neċessarjament timplika wkoll is-setgħa tal-Unjoni li tiddeċiedi jekk għandhomx jingħataw drittijiet ta’ traffiku u, jekk iva, lil liema pajjiżi għandhom jingħataw.

122. Internament, l-iskambju tad-drittijiet ta’ traffiku bejn l-Istati Membri u d-drittijiet relatati tat-trasportaturi tal-UE biex joperaw servizzi kummerċjali fl-Unjoni jirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru”) (89). Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jistabbilixxi suq intern tat-trasport bl-ajru (90).

123. Ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru ma jċaħħadx lill-Istati Membri mis-sovranità tagħhom fuq l-ajru fuq it-territorji tagħhom. Dan ir-regolament huwa biss il-prodott tal-eżerċizzju mill-Unjoni tad-drittijiet sovrani tal-Istati Membri, fuq il-bażi tal-attribuzzjoni, li jsegwu politika tal-Unjoni dwar it-trasport bl-ajru (91).

124. Sabiex tiġi żviluppata d-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport bl-ajru, li tista’ tingħata l-ħajja biss bl-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi, l-Unjoni għandha għalhekk kompetenza esterna impliċita (92).

125. Peress li dan ġie riżolt, issa nista’ nindirizza l-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni dwar jekk din il-politika saritx, fl-intier tagħha, kompetenza esterna esklużiva, b’tali mod li l-ftehim previst għandu jiġi konkluż mill-Unjoni biss.

D.      Kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim previst għal raġuni ta’ ħtieġa

126. Il-Kummissjoni tinvoka t-tieni sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE sabiex issostni li l-konklużjoni tal-ftehim previst mill-Unjoni biss hija meħtieġa sabiex tiġi eżerċitata l-kompetenza interna (kondiviża) fil-qasam tal-politika tat-trasport.

127. Nista’ nżomm fil-qosor dwar dan, peress li din il-kwistjoni diġà ġiet solvuta fis-sentenzi Open Skies. Fihom, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel spjegat li, fid-dawl tal-Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għan-navigazzjoni interna) (93), il-kompetenza esklużiva fuq il-bażi tal-ħtieġa tirriżulta meta kompetenza interna tkun tista’ tiġi effettivament eżerċitata biss flimkien ma’ kompetenza esterna; jew, fi kliem ieħor, li l-imsemmija kompetenza interna ma tistax tinkiseb billi jiġu stabbiliti regoli interni (94).

128. Hawnhekk tinsab id-differenza bejn il-prinċipju ta’ ħtieġa fl-Artikolu 216(1) TFUE u l-Artikolu 3(2) TFUE. L-Artikolu 216(1) TFUE jirrikonoxxi setgħat esterni paralleli fl-oqsma ta’ politika attribwiti lill-Unjoni, li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li sservi din il-politika fil-kuntest tat-Trattati. Din il-kompetenza teżisti, iżda din id-dispożizzjoni ma tgħid xejn dwar il-kwistjoni fuq jekk l-Unjoni għandhiex teżerċitaha. Bil-maqlub, il-“ħtieġa” fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE tfisser li hija biss l-Unjoni li għandha s-setgħa li taġixxi peress li l-eżerċizzju tal-kompetenza interna tagħha jkun impossibbli mingħajr il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

129. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għan-navigazzjoni interna) (95). Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “ħtieġa” bħala raġuni ta’ esklużività. B’hekk, hija evitat ukoll li tikkonfondi s-sens tal-kunċetti ta’ “kompetenzi esterni paralleli” u tal-“esklużività” tagħhom. Il-kuntrarju jwassal għall-għajbien tal-kompetenzi esterni kondiviżi tal-Unjoni, billi hija tingħata s-setgħa esklużiva li taġixxi esternament kull darba li hija tkun awtorizzata timplimenta ċerta politika. Madankollu, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li din kienet l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona meta inkludew il-kunċett ta’ “esklużività minħabba l-ħtieġa” fl-Artikolu 3(2) TFUE.

130. Fis-sentenzi Open Skies, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kellhiex quddiemha biżżejjed provi li, sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi stabbilit suq intern tas-servizzi fil-qasam tat-trasport bl-ajru, l-Unjoni għandu jkollha wkoll kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi (96). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fiż-żmien ta’ dawn is-sentenzi, is-suq intern tas-servizzi tal-ajru kien ġie stabbilit b’suċċess, u b’hekk ċaħdet l-argument tal-ħtieġa (97).

131. Fil-kawża ineżami, bħala l-uniku argument ġdid tagħha apparagun mas-sitwazzjoni fis-sentenzi Open Skies, il-Kummissjoni ssostni li l-qasam tat-trasport bl-ajru, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’dawn is-sentenzi, li huwa rregolat biss b’mod “relattivament limitat”, issa huwa ħafna iktar okkupat mir-regoli tal-Unjoni. Dan jista’ jkun il-każ, iżda ma huwiex ta’ għajnuna għall-Kummissjoni sabiex issostni li l-konklużjoni tal-ftehim previst mas-Sultanat tal-Oman hija “meħtieġa” għall-Unjoni sabiex teżerċita l-kompetenza interna tagħha fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE. Pjuttost għall-kuntrarju, dan iżid mal-argument li din il-politika interna ġiet stabbilita b’suċċess mingħajr il-“ħtieġa” li jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru.

132. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li għadd ikbar ta’ dispożizzjonijiet ġodda tal-leġiżlazzjoni interna tal-Unjoni japplikaw mhux biss għat-trasportaturi tal-Unjoni, iżda wkoll għat-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi (pereżempju, l-Artikolu 15(5) u l-Artikoli 22 sa 24 tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru). Skont il-Kummissjoni, dan joħloq ħtieġa għall-Unjoni li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru. Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni l-argument qiegħda tressqu ta’ taħt fuq. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux li t-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi jingħataw aċċess għas-suq tas-servizzi tat-trasport bl-ajru tal-Unjoni. Pjuttost, dawn id-dispożizzjonijiet jeżistu għal dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet fejn ikun ingħata tali aċċess. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-Unjoni għandu jkollha l-unika kompetenza sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil trasportaturi ta’ pajjiżi terzi għaliex hija għandha r-regoli li jirregolaw id-drittijiet jew l-obbligi tagħhom ladarba jingħataw tali drittijiet.

133. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru mal-Oman fuq il-bażi tat-tieni sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE.

E.      Kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim previst fuq il-bażi tal-effett ERTA

134. L-iktar argument importanti u kumpless imqajjem mill-kawża ineżami jikkonċerna t-tielet sitwazzjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE. Skont din tal-aħħar, l-Unjoni tikseb kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali “sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

1.      Fuq l-oneru tal-prova

135. Qabel ma nindirizza l-argumenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE, jidhirli li huwa neċessarju li nwieġeb għal argument tal-Kunsill. Din l-istituzzjoni, filwaqt li timplika li l-argumenti tal-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-effett ERTA, issostni li hija l-parti li tinvoka n-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi jew argumenti sabiex tistabbilixxi din il-kompetenza.

136. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja użat formulazzjoni simili, hija għamlet dawn l-osservazzjonijiet fil-kuntest tar-rikorsi diretti ppreżentati skont l-Artikolu 263 TFUE (98).

137. Madankollu, il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE ma hijiex proċedura kontradittorja, b’żewġ partijiet kontra xulxin. Il-proċedura għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-għan li taċċetta jew tiċħad talba tal-parti li tkun bdiet il-proċeduri. Pjuttost, din il-proċedura sservi l-interess pubbliku li tiġi prekluża l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jmur kontra t-Trattati u li jista’ joħloq diffikultajiet għall-Unjoni (u jimbarazzaha) fil-konfront tas-sħab internazzjonali tagħha (99).

138. F’dan is-sens, anki jekk l-argumenti mressqa mill-istituzzjoni li talbet opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, l-istess bħal dawk tal-partijiet l-oħra fil-proċeduri, huma utli għall-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddependix minn dawn l-argumenti.

2.      Nuqqas ta’ qbil prinċipali bejn il-partijiet f’dawn il-proċeduri

139. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tipproponi metodoloġija differenti minn dik sostnuta mill-Kunsill u mill-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit l-effett ERTA.

140. Il-Kummissjoni u l-Parlament isostnu li l-Artikolu 3(2) TFUE kkodifika l-ġurisprudenza dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni bħala attribuzzjoni pożittiva ta’ kompetenza. Skont dawn il-partijiet, l-effett ERTA għandu jinftiehem fis-sens li, meta “qasam” ikun kompletament jew tal-inqas “fil-parti l-kbira kopert” minn regoli komuni tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ fil-qasam tat-trasport bl-ajru, għandha tinġibed il-konklużjoni li ftehim dwar it-trasport bl-ajru, inkluż dwar id-drittijiet ta’ traffiku, jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-kompetenza tal-Unjoni għandha mbagħad tkun esklużiva. Ma huwiex importanti jekk l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku tal-ajru lil pajjiżi terzi huwiex irregolat minn regoli tal-Unjoni, peress li dawn ir-regoli jaqgħu fil-qasam iktar wiesa’ tat-trasport bl-ajru, li għalih jeżistu internament regoli komuni tal-Unjoni. Konsegwentement, dawn l-istituzzjonijiet jiċħdu approċċ “nukleatiku” li jeħtieġ li jiġi evalwat kull impenn ta’ ftehim internazzjonali fid-dawl tal-eżistenza ta’ regoli komuni speċifiċi tal-Unjoni għal dan l-għan.

141. Il-Kunsill u l-Istati Membri jaċċettaw li hemm riskju li r-regoli komuni tal-Unjoni jintlaqtu jew jiġu alterati b’mod avvers jekk impenji internazzjonali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli komuni. Huma jaqblu wkoll li dawn ir-regoli komuni tal-Unjoni jistgħu jintlaqtu jew jiġu alterati anki meta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni u dak tar-regoli rilevanti tal-Unjoni ma jikkoinċidux kompletament, sakemm, madankollu, l-impenji inkwistjoni jaqgħu f’qasam li diġà huwa “fil-parti l-kbira kopert” mir-regoli tal-Unjoni. Madankollu, skont dawn il-partijiet, is-sempliċi konstatazzjoni li qasam ta’ politika huwa “fil-parti l-kbira kopert” mir-regoli tal-Unjoni ma tistax, fih innifisha, twassal għal konstatazzjoni ta’ kompetenza esklużiva. Huma jsostnu li dak li huwa neċessarju huwa riskju “reali” li jintlaqtu regoli komuni, liema riskju ma jistax jiġi stabbilit b’riferiment għal sempliċi elenkar ta’ diversi regoli tal-Unjoni li jirregolaw qasam partikolari. Għall-kuntrarju, dak li huwa neċessarju huwa spjegazzjoni speċifika ta’ kif dawn ir-regoli jistgħu jintlaqtu mill-impenji internazzjonali previsti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tinvolvi żewġ stadji: l-ewwel, li jiġu evalwati l-kamp ta’ applikazzjoni u s-sovrappożizzjoni bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli inkwistjoni – jiġifieri r-regoli rilevanti tal-Unjoni inkwistjoni u l-impenji internazzjonali li għandhom jiġu aċċettati – u, it-tieni, li jiġi stabbilit riskju reali li jintlaqtu r-regoli rilevanti tal-Unjoni. Din l-evalwazzjoni għandha ssir dispożizzjoni b’dispożizzjoni sabiex jiġi identifikat speċifikament ir-riskju rilevanti li jintlaqtu regoli komuni. Fil-fehma tal-Kunsill, ir-rikors tal-Kummissjoni jinjora dan it-tieni stadju.

3.      L-effett u l-ilqit ERTA

142. Infakkar li, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni tikseb kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali jekk dan il-ftehim “[j]ista’ [j]olqot xi regoli komuni jew [i]biddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”. Xi jfisser l-ilqit ta’ regoli komuni?

143. La t-test (100) tal-Artikolu 3(2) TFUE u lanqas ix-xogħol preparatorju tiegħu ma jipprovdu ħafna gwida (101).

144. L-oriġini tal-idea li fuqha hija bbażata din id-dispożizzjoni – jiġifieri li kompetenza kondiviża tal-Unjoni tista’ tinbidel f’kompetenza esklużiva tal-Unjoni meta ftehim internazzjonali jista’ jolqot jew jaltera regoli eżistenti tal-Unjoni – tmur lura għas-sentenza ERTA. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li din il-ġurisprudenza għadha rilevanti, billi ddeċidiet li t-tielet sitwazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE għandha tinqara “fid-dawl” ta’ din is-sentenza u tal-ġurisprudenza sussegwenti (102).

145. Għalhekk, għalkemm is-sentenza ERTA ġiet deċiża fi żmien ferm qabel l-introduzzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE fit-test tat-Trattat, l-“idea” tagħha tibqa’ rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom jitnisslu kompetenzi esklużivi (103).

146. Fil-fehma tiegħi, l-effett ERTA għandu żewġ aspetti importanti.

147. L-ewwel aspett importanti jirriżulta mill-punt 17 tas-sentenza ERTA, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “kull darba li l-[Unjoni], bil-għan li timplementa politika komuni kif maħsuba fit-Trattat, tadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu regoli komuni, indipendentement mill-għamla li jistgħu jieħdu, l-Istati Membri ma jkollhomx aktar id-dritt, billi jaġixxu individwalment jew anki kollettivament, li jidħlu għal obbligi ma’ pajjiżi terzi li jolqtu dawk ir-regoli” (104).

148. Din id-dikjarazzjoni tissuġġerixxi li l-effett ERTA huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ prelazzjoni: meta l-Unjoni timplimenta regoli komuni, hija tokkupa dak il-qasam partikolari tad-dritt tal‑Unjoni, bil-konsegwenza li l-Istati Membri ma jibqgħalhomx dritt li jokkupaw l-istess qasam (105).

149. Madankollu, sa mill-bidu tat-Trattat ta’ Lisbona u l-introduzzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE, tnissel dubju jekk l-effett ERTA għandux jinftiehem bħala prelazzjoni jew, kif issostni l-Kummissjoni f’dawn il-proċeduri, bħala għoti pożittiv ta’ kompetenza esklużiva (106).

150. Kif spjegajt iktar ’il fuq (ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 25 għall-Artikolu 3(2) TFUE. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet għalhekk il-possibbiltà li l-“prelazzjoni ERTA” tinftiehem bl-istess mod bħall-“prelazzjoni interna”, li hija limitata għal prelazzjoni fuq il-bażi ta’ regola speċifika.

151. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma tipprekludix li l-effett ERTA jiġi interpretat mill-perspettiva ta’ prelazzjoni b’mod ġenerali. Dan sempliċement jimplika li l-effett ERTA ma huwiex limitat biss għat-tip ta’ prelazzjoni rrikonoxxut fil-kuntest tal-kompetenza interna, jiġifieri, sempliċement limitat għal regoli konkreti, iżda jista’ jkun usa’.

152. F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 3(2) TFUE għandu jinftiehem fis-sens li jawtorizza anki l-“prelazzjoni fuq il-bażi ta’ qasam”.

153. Madankollu, il-Kunsill u l-Istati Membri ma jaqblux ma’ din l-interpretazzjoni. Il-Gvern Svediż, pereżempju, spjega f’dawn il-proċeduri li huwa ma jikkunsidrax li n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Protokoll Nru 25 għandu l-konsegwenza li jkun biżżejjed, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, li sempliċement jiġi kkonstatat li “qasam” rilevanti huwa “fil-biċċa l-kbira” kopert minn regoli tal-Unjoni. Għalhekk, din il-parti sostniet li, anki jekk l-effett ERTA ma setax jinftiehem mill-perspettiva ta’ prelazzjoni, dan ma jfissirx li analiżi speċifika ma hijiex neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-esklużività.

154. Dan iwassalni għat-tieni aspett importanti tal-effett ERTA: li jista’ jiġi spjegat, parzjalment, permezz tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (107), illum espress fl-Artikolu 4(3) TFUE.

155. Fis-sentenza ERTA, il-Qorti tal-Ġustizzja, immedjatament wara li fakkret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, iddeċidiet li “safejn regoli tal-[Unjoni] jkunu adottati għar-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet tat-Trattat, l-Istati Membri ma jistgħux, barra mill-kuntest ta’ l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni], jassumu obbligi li jistgħu jaffettwaw [jolqtu] dawn ir-regoli jew li jistgħu jibdlu l-portata tagħhom” (108).

156. B’hekk, filwaqt li l-esklużjoni ta-setgħat tal-Istati Membri kienet ibbażata fuq il-loġika ta’ prelazzjoni, kienet l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tal-obbligi li jirriżultaw minnu li introduċiet, f’ERTA, il-loġika tal-“ilqit” (109). Għalhekk, bis-saħħa tal-effett ERTA, l-Istati Membri huma preklużi milli jidħlu għal impenji internazzjonali li jistgħu jolqtu r-regoli komuni.

157. Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza li segwiet is-sentenza ERTA, kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, sabitha diffiċli biex tispjega b’mod ċar l-effett ERTA, b’mod partikolari kif jista’ jiġi konkluż li jeżisti lqit li jipprekludi l-azzjoni tal-Istati Membri. F’ċerti każijiet, il-ġurisprudenza tista’ titqies li saħansitra taċċetta l-loġika tal-“prelazzjoni fuq il-bażi ta’ qasam” (110), u f’każijiet oħra, jidher li hija insistiet fuq analiżi reqqa, regola b’regola, tal-ilqit (111). Wieħed jista’ jifhem għalhekk li d-duttrina ddeskriviet il-ġurisprudenza bħala waħda li twassal għal konfużjoni u mhux ċara (112).

158. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-perċezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat pożizzjonijiet differenti f’kawżi differenti tirriżulta ħafna drabi minn nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku li fih tressqu l-kawżi rispettivi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan il-kuntest jista’ jinfluwenza l-passi li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset neċessarji meta tikkonstata jew teskludi l-esklużività (113).

159. Fil-fatt, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma poġġiet l-effett ERTA f’waħda min-niċeċ diskussi fit-teorija ġuridika, il-ġurisprudenza tagħha ma tidhirx li tappoġġja l-interpretazzjoni ta’ prelazzjoni fuq il-bażi ta’ qasam proposta mill-Kummissjoni.

160. Min-naħa l-oħra, anki jekk, fil-fehma tiegħi, l-istadji meħtieġa mill-ġurisprudenza jidhru li huma spjegati b’mod iktar fidil mill-Kunsill, il-ġurisprudenza, madankollu, ma teħtieġx li dejjem issir evalwazzjoni artikolu b’artikolu.

161. Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tista’ tinftiehem jekk wieħed jitlaq mill-għan tal-effett ERTA. Fl-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano) tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat dan l-għan fis-sens “li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli [tal-Unjoni] u l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minnhom sabiex tiġi mħarsa l-effettività sħiħa tad-dritt [tal-Unjoni] (114)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

162. L-applikazzjoni uniformi u koerenti tad-dritt tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema li huwa jistabbilixxi jistgħu jiġu kompromessi jekk ikun hemm riskju li regoli komuni jiġu milquta minn impenn f’livell internazzjonali li jidħlu għalih l-Istati Membri. L-ilqit, f’dan is-sens, ifisser, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, “impatt fuq is-sens, il-portata u l-effikaċja” tar-regoli komuni tal-Unjoni (115).

163. Għalhekk, il-mistoqsija li għandha ssir biex jiġi stabbilit l-effett ERTA hija jekk l-impenji li jidħol għalihom Stat Membru partikolari fil-livell internazzjonali jistgħux jaffettwaw it-tifsira, il-kamp ta’ applikazzjoni jew l-effettività tar-regoli komuni tal-Unjoni.

164. Minn din il-perspettiva, l-effett ERTA jista’ jiġi interpretat fis-sens li jservi l-għan li jitneħħew l-“ostakoli” li jistgħu jinħolqu mill-azzjoni esterna tal-Istati Membri sabiex jinżamm ordinament ġuridiku uniformi tal-Unjoni kkaratterizzat minn regoli komuni; jiġifieri, tip ta’ “prelazzjoni fuq il-bażi ta’ ostakoli” (116).

165. Il-kwistjoni dwar jekk impenn internazzjonali jikkostitwixxix ostakolu għall-preżervazzjoni tas-sistema kif stabbilita mir-regoli komuni tal-Unjoni tista’ tiġi evalwata b’mod differenti fir-rigward ta’ konvenzjoni multilaterali intiża li tirregola fil-livell internazzjonali qasam speċifiku li diġà huwa rregolat minn regoli komuni tal-Unjoni (117), fir-rigward ta’ ftehim bilaterali globali li jkopri diversi oqsma ta’ politika (118) jew fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali speċifiċi konklużi mill-Istati Membri li jista’ jkun fihom regoli li jissovrapponu ma’ regoli komuni tal-Unjoni (119).

166. Madankollu, ma jistax jiġi miċħud li, sabiex ikun jista’ jirriżulta r-riskju li jintlaqtu r-regoli tal-Unjoni, għandu jkun hemm ċerta interazzjoni taż-żewġ settijiet ta’ regoli: dawk fil-livell internazzjonali u dawk fil-livell tal-Unjoni (120).

167. Hemm żewġ sitwazzjonijiet fejn isseħħ din l-interazzjoni: f’sitwazzjoni ta’ sovrappożizzjoni u barra sitwazzjoni ta’ sovrappożizzjoni.

168. L-ewwel sitwazzjoni tal-effett ERTA hija għalhekk sitwazzjoni fejn ir-regoli internazzjonali u tal-Unjoni jissovrapponu. Huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ilqit minħabba li l-impenji internazzjonali kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni tal-Unjoni (121).

169. Nieħdu l-eżempji tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag (122) u tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Relatati ta’ Organizzazzjonijiet tax-Xandir (123). Fl-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) (124) u fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (125), il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeduċi minn evalwazzjoni tas-sempliċi sovrappożizzjoni (anki jekk parzjali biss) li l-portata u n-natura taż-żewġ settijiet ta’ regoli adottati f’livell internazzjonali setgħu jolqtu r-regoli eżistenti tad-dritt tal-Unjoni u l-iżvilupp prevedibbli tagħhom. Minħabba l-konstatazzjoni li l-impenji inkwistjoni kienu jkopru l-istess qasam u l-istess sitwazzjonijiet previsti fid-dritt tal-Unjoni, ma kinitx meħtieġa analiżi individwali ta’ kull impenn. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet leġittimament tikkonkludi li dawn il-ftehimiet internazzjonali meħuda “fl-intier tagħhom” jirriskjaw li jolqtu r-regoli komuni tal-Unjoni (126).

170. Sabiex tinġibed tali konklużjoni, ma huwiex neċessarju li ż-żewġ settijiet ta’ regoli jkunu f’kunflitt ma’ xulxin (127).

171. Ir-raġuni għall-għoti ta’ kompetenza esklużiva lill-Unjoni hija preċiżament il-prevenzjoni ta’ tali kunflitt. Il-preżenza fil-livell internazzjonali tippermetti lill-Unjoni jew li taqbel dwar l-istess regoli fi ftehim internazzjonali bħal dawk li jeżistu bħala regoli komuni, jew li taċċetta impenji internazzjonali differenti bl-għarfien li r-regoli komuni tal-Unjoni jkollhom jiġu adattati (xi ħaġa li tista’ taċċetta biss l-Unjoni, u mhux l-Istati Membri tagħha). Madankollu, fiż-żewġ każijiet, it-tilwima fil-livell internazzjonali tiġi evitata minħabba li hija l-Unjoni li tidħol għal impenn internazzjonali u mhux l-Istati Membri.

172. Għalhekk, is-sempliċi possibbiltà li l-Istati Membri jeżerċitaw esternament setgħa diġà eżerċitata internament mill-Unjoni sabiex tirregola suġġett partikolari tista’ tkun biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat riskju li tintlaqat is-sistema komuni tar-regoli tal-Unjoni.

173. Għal tali konstatazzjoni, lanqas ma huwa neċessarju li ż-żewġ settijiet ta’ regoli jikkoinċidu kompletament (128).

174. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riskju li jintlaqtu r-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni (minħabba sovrappożizzjoni ta’ impenji) jista’ jirriżulta meta dawn ikunu jkopru qasam li huwa “fil-biċċa l-kbira” (129) suġġett ta’ impenn internazzjonali.

175. Madankollu, l-argument tal-“qasam fil-biċċa l-kbira kopert” ma jistax jiġi invokat jekk ma jkun hemm ebda sovrappożizzjoni, pereżempju, jekk ir-regoli tal-Unjoni inkwistjoni jirregolaw biss sitwazzjoni interna, iżda l-impenji internazzjonali inkwistjoni jikkonċernaw esklużivament sitwazzjoni esterna. F’xenarju bħal dan, ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn ir-regoli komuni tal-Unjoni u impenn internazzjonali. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “qasam fil-biċċa l-kbira kopert” (internament) ma japplikax sabiex jiġi stabbilit riskju li jintlaqtu regoli komuni.

176. Għalhekk, anki jekk, kif jidher li jsostnu l-Kummissjoni u l-Parlament, il-qasam tat-trasport bl-ajru, flimkien ma’ kwistjonijiet adjaċenti bħas-sikurezza u s-sigurtà, jew il-protezzjoni tal-ambjent, issa huwa kompletament kopert minn regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni f’livell intern, dan ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita kompetenza esklużiva esterna awtomatika għal parti minn dan il-qasam li ma hijiex ikkonċernata minn regoli interni komuni. F’każ bħal dan, ma hemmx sovrappożizzjoni.

177. Kif diġà enfasizzajt fil-punt 167 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tieni sitwazzjoni li fiha impenn internazzjonali jista’ jinteraġixxi ma’ regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni sseħħ barra minn sitwazzjoni ta’ sovrappożizzjoni.

178. F’tali każ, anki jekk l-impenn internazzjonali ma jikkonċernax l-istess kwistjoni bħal dik irregolata minn regola tal-Unjoni, dan xorta jista’ jkollu effett fuq din ir-regola tal-Unjoni.

179. Fil-fehma tiegħi, huwa dan it-tip ta’ lqit fl-assenza ta’ sovrappożizzjoni li tirreferi għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha meta tispjega li l-effett ERTA “[għandu jkun ibbażat] fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi globali u konkreta tar-relazzjoni li teżisti bejn il-ftehim internazzjonali maħsub u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. Din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma koperti, rispettivament mir-regoli tal-Unjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub, il-prospetti ta’ żvilupp prevedibbli, kif ukoll in-natura u l-kontenut ta’ dawn ir-regoli u dispożizzjonijiet, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minnhom” (130).

180. Applikati għal dawn il-proċeduri, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ lqit possibbli jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-ftehim previst, jew għaliex l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza kondiviża tagħha internament sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi, jew, fl-assenza ta’ tali regoli interni, għaliex l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku mill-Istati Membri lis-Sultanat tal-Oman jirriskja li jolqot is-sistema ta’ trasport bl-ajru intern stabbilita mir-regoli komuni tal-Unjoni.

181. Wara li esponejt l-evalwazzjoni li għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja, issa ser nittratta l-applikazzjoni ta’ dan il-qafas għall-impenji inklużi fil-ftehim previst.

4.      Applikazzjoni għall-ftehim previst

a)      L-impenji li għandhom jiġu evalwati

182. Fil-punti 50 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, spjegajt l-istruttura tal-ftehim previst u d-diversi tipi ta’ dispożizzjonijiet tiegħu. Infakkar li l-ftehim previst huwa maqsum fi tliet settijiet ta’ dispożizzjonijiet: it-Titolu I dwar id-dispożizzjonijiet ekonomiċi, it-Titolu II dwar il-kooperazzjoni regolatorja u t-Titolu III dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali.

183. Il-qofol tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet – u anki tal-ftehim previst kollu kemm hu – huwa l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku skont l-Artikolu 3 tiegħu. Din id-dispożizzjoni taqa’ taħt it-Titolu I tal-ftehim previst. Kif jispjegaw il-Kunsill u l-Istati Membri, huwa l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku li jikkostitwixxi r-“raison d’être” tal-ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru, peress li, fl-assenza tal-iskambju tagħhom, tali ftehimiet jiġu mċaħħda minn kull effett raġonevoli. Konsegwentement, ser niddiskuti fil-fond din id-dispożizzjoni u l-argumenti mqajma fir-rigward tagħha (Subtaqsima (b) iktar ’l isfel).

184. Il-partijiet jikkontestaw ukoll in-natura esklużiva ta’ żewġ dispożizzjonijiet oħra li jaqgħu taħt it-Titolu I: l-Artikolu 8 (dwar il-kompetizzjoni ġusta) u l-Artikolu 11 (dwar dazji doganali, taxxi, miżati u imposti). Għalhekk ser nanalizza dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet b’mod separat (Subtaqsima (c) iktar ’l isfel).

185. Id-dispożizzjonijiet (ekonomiċi) l-oħra tat-Titolu I jikkonċernaw prinċipalment l-operat tat-trasport bl-ajru u servizzi relatati. Ma huwiex ikkontestat li tal-inqas uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jikkoinċidu ma’ qasam diġà kopert (parzjalment jew totalment) minn regoli tal-Unjoni, jew li jistgħu jolqtu r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw direttament id-drittijiet jew l-obbligi tat-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi mad-dħul tagħhom fl-ajru uniku Ewropew. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ser neżamina fil-qosor il-biċċa l-kbira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (Subtaqsima (d) iktar ’il quddiem).

186. Għall-kuntrarju, mhux ser nanalizza n-natura tal-Unjoni esklużiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu I u d-dispożizzjonijiet tat-Titoli II u III għar-raġunijiet li ġejjin.

187. L-ewwel, it-Titolu II tal-ftehim previst ikopri l-kooperazzjoni regolatorja. Sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet effettivament jinkludu impenji vinkolanti li jistgħu jiskattaw it-tielet sitwazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE (131), dawn id-dispożizzjonijiet ikopru oqsma diġà suġġetti għal regoli komuni tal-Unjoni (132). Fir-rigward ta’ dawn l-aspetti, huwa ċar (u mhux ikkontestat) li din il-kooperazzjoni sseħħ fil-kuntest tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Dan huwa peress li, jekk il-kooperazzjoni regolatorja skont dawn id-dispożizzjonijiet tirriżulta fl-adozzjoni ta’ ċerti standards dwar, pereżempju, is-sikurezza (133) jew is-sigurtà (134) tal-avjazzjoni, li huma differenti jew komplementari għall-istandards attwali adottati skont id-dritt tal-Unjoni, il-konsegwenzi ta’ din il-kooperazzjoni regolatorja jistgħu jolqtu regoli komuni tal-Unjoni. Kif spjegajt fil-punt 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Unjoni biss tista’ taqbel fuq tali konsegwenzi, u b’hekk hija l-Unjoni biss li hija awtorizzata tipparteċipa f’tali kooperazzjoni. Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II jiġu evalwati b’mod separat.

188. It-tieni, il-ftehim previst jinkludi għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar il-qafas istituzzjonali tiegħu kif ukoll aspetti anċillari oħra relatati mal-ftehim previst. Il-biċċa l-kbira minnhom jinsabu fit-Titolu III; madankollu, f’din il-kategorija jaqgħu wkoll l-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”), l-Artikolu 2 (“Effett dirett”), l-Artikolu 6 (“Liberalizzazzjoni tal-proprjetà u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru” (135)), l-Artikolu 9 (“Eżerċizzju tan-negozju” (136)) u l-Artikolu 14 (“Statistika” (137)) tat-Titolu I. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha għandhom l-għan li jiżguraw l-effettività tal-impenji sostantivi li jservu. Fir-rigward ta’ tali dispożizzjonijiet, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkuntratta impenji internazzjonali tinkludi dik li tagħmel dispożizzjonijiet istituzzjonali flimkien ma’ dawn l-impenji. L-inklużjoni tagħhom fil-ftehim ma taffettwax in-natura tal-kompetenza għall-konklużjoni tiegħu. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom natura awżiljarja u għaldaqstant jaqgħu taħt l-istess kompetenza bħal dik li jaqgħu taħtha d-dispożizzjonijiet sostantivi relatati magħhom. (138)” Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet, ukoll, ma jeħtiġux analiżi separata.

b)      Artikolu 3 tal-ftehim previst (“għoti ta’ drittijiet”)

1)      Hemm sovrappożizzjoni?

189. Spjegajt li, fis-sentenzi Open Skies, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fis-sitwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dak il-mument, l-Unjoni ma kinitx eżerċitat il-kompetenza kondiviża interna tagħha sabiex tirregola l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi (139). Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku mill-Istati Membri lill-Istati Uniti ma setax jolqot l-eżerċizzju intern tal-kompetenza kondiviża tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

190. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni evolviet.

191. L-ewwel, din l-istituzzjoni tqis li r-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, issa jkopru s-settur kollu tat-trasport bl-ajru. Dawn ir-regoli issa ssostitwixxew, fi kliem il-Kummissjoni, l-“għanqbuta storika ta’ ftehimiet bilaterali”, b’tali mod li dawn ir-relazzjonijiet ma għadhomx irregolati mid-dritt internazzjonali, iżda biss mid-dritt tal-Unjoni.

192. Ma nqisx li ż-żieda fir-regoli komuni, invokata mill-Kummissjoni, biddlet id-dritt tal-Unjoni b’mod sostantivament rilevanti (fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-mument li fih ingħataw is-sentenzi Open Skies) sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-kompetenza kondiviża għall-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku b’mod estern ġiet eżerċitata internament.

193. Kif ġustament isostni l-Gvern Ċek, ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru jikkonċerna s-suq intern tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru, li fir-rigward tiegħu d-dritt li jiġu sfruttati servizzi tal-ajru huwa awtomatiku għat-trasportaturi tal-Unjoni u jimplika l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku bejn l-Istati Membri (140). Dan jirriżulta mill-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mad-definizzjoni tad-dritt ta’ traffiku li tinsab fl-Artikolu 2(14) tiegħu. Fi kliem ieħor, ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru jikkostitwixxi eżerċizzju intern ta’ kompetenza kondiviża tal-Unjoni biex tirregola l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku internament, bejn l-Istati Membri. Kif spjegajt, dan it-tip ta’ eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża tal-Unjoni ma jistax joħloq effett ERTA – u għalhekk ma jistax jipprekludi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-parti esterna ta’ din il-kompetenza kondiviża, li tikkonsisti fl-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi.

194. Minn dan isegwi li bl-adozzjoni tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, l-Unjoni ma eżerċitatx il-kompetenza kondiviża tagħha sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi, li fir-rigward tagħhom ikun hemm sovrappożizzjoni tal-impenn tal-Istati Membri dwar l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lis-Sultanat tal-Oman.

195. It-tieni, il-Kummissjoni tinvoka r-Regolament Nru 847/2004 sabiex issostni li issa jeżistu regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi. Dan ir-regolament juri li, skont il-Kummissjoni, fis-sitwazzjoni attwali tad-dritt tal-Unjoni, anki l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi huwa issa rregolat minn regoli komuni tal-Unjoni. L-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst għalhekk jolqot regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni.

196. Ma naqbilx mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

197. Huwa minnu li r-Regolament Nru 847/2004 huwa eżempju ta’ eżerċizzju intern tal-kompetenza kondiviża tal-Unjoni sabiex tirregola aspett estern tat-trasport bl-ajru. Madankollu, l-għan prinċipali ta’ dan ir-regolament, li ġie adottat b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Open Skies, huwa li jikkoordina mal-Kummissjoni n-negozjati ta’ ftehimiet bilaterali li permezz tagħhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi, sabiex tiġi żgurata l-konformità ta’ tali ftehimiet mad-dritt tal-Unjoni u b’hekk jiġu protetti r-regoli komuni tal-Unjoni (141). Għal dan l-għan, ir-Regolament Nru 847/2004 jorganizza l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jikkonkludu ftehimiet ta’ trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati l-konstatazzjonijiet tas-sentenzi Open Skies, li fihom ġie kkonstatat li ċerti dispożizzjonijiet li ġeneralment jagħmlu parti minn ftehim dwar it-trasport bl-ajru jistgħu jolqtu regoli komuni tal-Unjoni. Ir-Regolament jagħmel dan billi jirrikjedi li l-ftehimiet innegozjati b’mod bilaterali jkun fihom klawżoli standard li jipproteġu regoli komuni u li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu konklużi sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tevalwa jekk hemmx regoli oħra li jirriskjaw li jolqtu dawn ir-regoli komuni (142).

198. Madankollu, ir-Regolament Nru 847/2004 ma fihx regoli komuni li jirregolaw l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi u lanqas ma jirrestrinġi l-libertà tal-Istati Membri li jagħtu tali drittijiet lil pajjiżi terzi. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens li dan ir-regolament jiddelega lill-Istati Membri s-setgħa li jagħtu drittijiet ta’ traffiku, li sadanittant saret kompetenza esklużiva tal-Unjoni, ma ssib ebda bażi f’dan ir-regolament jew f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li r-Regolament Nru 847/2004 jirregola l-mod li bih l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet ta’ traffiku, inqis li dan l-istrument huwa argument insostenn tal-konklużjoni li, esternament, drittijiet ta’ traffiku jibqgħu jiġu eżerċitati mill-Istati Membri.

199. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 847/2004 ma jikkostitwixxix eżerċizzju intern tal-kompetenza kondiviża tal-Unjoni sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi. Għal din ir-raġuni, l-impenn previst fl-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst ma jissovrapponix ir-regoli komuni li jinsabu f’dan ir-regolament.

200. Finalment, is-sempliċi fatt li fil-passat (143) l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiż terz ma jsostnix il-konklużjoni li kompetenza kondiviża tal-Unjoni sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi ġiet definittivament eżerċitata esternament, b’tali mod li dan jista’ jiġġustifika esklużività għal tali ftehimiet ma’ kwalunkwe pajjiż terz. Kif spjegajt, dawn il-preċedenti sempliċement jixhdu l-possibbiltà li l-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru jistgħu jiġu konklużi mill-Unjoni waħedha, peress li l-partijiet kollha tagħhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, iżda ma jurux u lanqas ma jaġixxu bħala sors ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni għall-ftehim kollu dwar it-trasport bl-ajru.

201. F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż u dak Svediż jenfasizzaw żewġ regolamenti li ġew adottati sabiex jippermettu lill-Unjoni tistabbilixxi konnettività tal-ajru bażika mar-Renju Unit wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ (144) sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenzi tagħha, inkluż l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku fir-rigward tar-Renju Unit (145). Madankollu, dawn ir-regolamenti jillimitaw ratione temporis dan l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni għall-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti. Dwar dan il-punt, iż-żewġ regolamenti jiddikjaraw b’mod espliċitu li “[l]-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet tat-traffiku fi kwalunkwe negozjati, kemm attwali kif ukoll futuri, iffirmar, jew konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali relatati mas-servizzi tal-ajru ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mar-Renju Unit, fir-rigward tal-perjodu wara li dan ir-Regolament ma jibqax japplika” (146).

202. Dawn ir-regolamenti jixhdu għalhekk, jekk xejn, l-assenza ta’ rieda politika li tippermetti l-eżerċizzju tal-kompetenza li jingħataw drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi mill-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ rieda politika tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jippermetti li tiġi stabbilita l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

203. Għalhekk inqis li l-kompetenza interna tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi għadha ma ġietx eżerċitata bl-adozzjoni ta’ regoli komuni, b’tali mod li l-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst ma jissovrapponix ma’ tali regoli.

2)      Ir-regoli komuni tal-Unjoni jistgħu jiġu milquta mingħajr sovrappożizzjoni?

204. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet komuni li l-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst jista’ jissovrapponi magħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja issa għandha tevalwa jekk din id-dispożizzjoni tistax tolqot regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni.

205. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, permezz tal-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lis-Sultanat tal-Oman, it-trasportaturi tal-ajru Omani jistgħu jibdew jipparteċipaw fis-suq intern tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru. Għalhekk, ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw dan is-suq isiru applikabbli għal dawn it-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi. Dan, min-naħa tiegħu, jirriskja li jolqot dawn ir-regoli. Fi kwalunkwe każ, anki fl-assenza tal-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku, il-Kummissjoni ssostni li jeżistu għadd ta’ regoli interni li ma japplikawx biss fil-livell intern, iżda li japplikaw ukoll direttament għat-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi.

206. Għal darba oħra, ma nqisx li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ lqit, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE.

207. L-ewwel, kif ġie ppreċiżat ukoll waqt is-seduta, il-konklużjoni tal-ftehim previst ma hijiex ser ikollha l-effett li tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru Omani jipparteċipaw fis-suq tal-Unjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru. Dawn it-trasportaturi ma humiex ser jiġu assimilati mat-trasportaturi tal-Unjoni għat-titjiriet ġewwa l-Unjoni peress li d-drittijiet ta’ traffiku li jingħataw skont il-ftehim previst jikkonċernaw biss l-ewwel sar-raba’ libertà tal-ajru. Fi kliem ieħor, dawn it-trasportaturi mhux ser jitħallew iġorru passiġġieri jew merkanzija bejn l-ajruporti ta’ Stati Membri differenti jew tal-istess Stat Membru (u għalhekk mhux ser jipparteċipaw fis-suq intern għas-servizzi tat-trasport bl-ajru) (147).

208. It-tieni, is-setgħa ta’ titjir lejn u mis-Sultanat tal-Oman minn u lejn ċerti punti fl-Unjoni tinvolvi l-applikazzjoni ta’ għadd ta’ regoli komuni tal-Unjoni dwar is-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali, ir-regoli dwar l-ajruporti, inkluż id-distribuzzjoni ta’ slots u regoli oħra(148). Madankollu, kif sostnut minn diversi gvernijiet parteċipanti, dan ifisser biss li dawn ir-regoli ser ikunu applikabbli għal għadd ta’ trasportaturi addizzjonali, u mhux li ser jiġu “milquta”. Fiha nnifisha s-sempliċi applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tistax toħloq “impatt fuq is-sens, il-portata u l-effikaċja” (ara l-punt 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fi kliem ieħor, it-tip ta’ lqit “fattwali” allegat mill-Kummissjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiskatta l-effett ERTA (149).

209. Finalment, meta ċerti regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni diġà jirregolaw l-attivitajiet tat-trasportaturi tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi, jew saħansitra jikkonċernaw speċifikament biss it-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi, dawn ir-regoli, fi kwalunkwe każ, japplikaw biss wara l-għoti tad-drittijiet ta’ traffiku. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jiġu milquta minn għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku peress li jsiru applikabbli minħabba dan l-għoti jekk kemm‑il darba trasportatur tal-ajru Omani wieħed jew iktar jiddeċiedu li jeżerċitaw dawn id-drittijiet ta’ traffiku fil-futur.

210. Evidentement, dan ma jfissirx li dispożizzjonijiet oħra tal-ftehim previst li jistgħu jkunu rilevanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku ma jistgħux jolqtu dawn ir-regoli komuni tal-Unjoni li japplikaw kemm għat-trasportaturi tal-Unjoni kif ukoll għat-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, għall-inqas fir-rigward tal-impenn li jinsab fl-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst, m’iniex konvint li hemm riskju ta’ lqit fis-sens tal-ġurisprudenza ERTA.

211. Għalhekk, inqis li l-Unjoni ma kisbitx kompetenza esklużiva sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi minħabba r-riskju li jintlaqtu r-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni li ma jissovrapponux.

212. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tagħti drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-effett ERTA, kif previst fl-Artikolu 3(2) TFUE. Fl-istess ħin, dan ifisser li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva biex tikkonkludi l-ftehim kollu dwar it-trasport bl-ajru mas-Sultanat tal-Oman.

c)      Artikolu 8 (“kompetizzjoni ġusta”)

213. L-Artikolu 8 tal-ftehim previst jistabbilixxi l-għan komuni ta’ ambjent ġust u kompetittiv. F’dan is-sens, iż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom li jadottaw jew iżommu fis-seħħ liġi tal-kompetizzjoni, awtoritajiet tal-kompetizzjoni indipendenti bis-setgħat u r-riżorsi meħtieġa, jimpenjaw ruħhom li jipprojbixxu kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni jew prattika inġusta, u li ma jagħtux jew iżommu fis-seħħ sussidji li joħolqu distorsjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-partijiet kontraenti jistgħu jappoġġjaw lit-trasportaturi tal-ajru f’ċerti sitwazzjonijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet.

214. Filwaqt li invokaw il-possibbiltà li jipprovdu appoġġ finanzjarju lit-trasportaturi tal-ajru f’ċerti ċirkustanzi, għadd ta’ Stati Membri sostnew li l-Artikolu 8 ma jistax jolqot ir-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, peress li din id-dispożizzjoni ma tobbligahomx jagħtu miżuri ta’ sostenn inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

215. Madankollu, il-fatt li dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali tkun konformi mar-regoli eżistenti tal-Unjoni ma jeskludix il-konstatazzjoni ta’ lqit f’sitwazzjoni ta’ sovrappożizzjoni. Indipendentement mill-kundizzjonijiet preċiżi li fihom jistgħu jingħataw miżuri ta’ appoġġ finanzjarju skont l-Artikolu 8 tal-ftehim previst, is-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni jaqa’ taħt regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni – u dan, fil-fatt, taħt żewġ aspetti. Għalhekk jeżisti riskju li, jekk titħalla f’idejn l-Istati Membri, tali dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali tista’ tolqot regoli komuni li hija tissovrapponi.

216. L-ewwel, jeżistu strumenti leġiżlattivi tal-Unjoni (150) li jirregolaw b’mod ġenerali l-applikazzjoni tal-Artikoli 101, 102, 107 u 108 TFUE għall-attivitajiet li jista’ jkollhom effett fuq is-suq intern, inkluż fir-rigward tal-qasam tat-trasport bl-ajru (151). It-tieni, is-suġġett tal-Artikolu 8 tal-ftehim previst jissovrapponi wkoll ma’ ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw speċifikament l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 487/2009 (152) jistabbilixxi regoli li jirregolaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet u ta’ prattiki kkonċernati fis-settur tat-trasport bl-ajru, inkluż bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (153). Iktar reċentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa wkoll ir-Regolament (UE) 2019/712 (154), li jistabbilixxi regoli settorjali għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bl-ajru u, fi kliem il-Kunsill, “huwa immirat b’mod partikolari għal pajjiżi terzi u entitajiet ta’ pajjiżi terzi”. Dan ir-regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri biex tindirizza l-prattiki, inklużi s-sussidji, fit-territorju ta’ pajjiżi terzi li jfixklu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u l-imsemmija trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi u li b’hekk jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw ħsara lit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni (155).

217. Minn dan isegwi li l-Artikolu 8 tal-ftehim previst jissovrapponi mar-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li hemm ir-riskju li din id-dispożizzjoni tolqot dawn ir-regoli komuni. Għalhekk, l-Istati Membri ma għadhomx jistgħu jidħlu fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi dwar miżuri li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati ma’ dawn ir-regoli komuni.

d)      Artikolu 11 (“dazji doganali, taxxi, tariffi u imposti”)

218. L-Artikolu 11 tal-ftehim previst ikopri l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u mit-taxxi fuq il-karburant, it-tagħmir, l-ispare parts u merkanzija oħra (pereżempju, l-ikel, ix-xorb jew merkanzija oħra mibjugħa lill-passiġġieri) li t-trasportaturi tal-ajru jgħabbu, iħottu jew jużaw fit-territorju tal-parti kontraenti kkonċernata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi tal-avjazzjoni.

219. Tal-inqas fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ prodotti tal-enerġija għall-avjazzjoni ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li jeżistu regoli komuni tal-Unjoni fil-forma tad-Direttiva 2003/96/KE (156), adottata sabiex tiġi żgurata l-osservanza, inter alia, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (157). Peress li dawn ir-regoli japplikaw kemm għat-trasportaturi tal-Unjoni kif ukoll għat-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi, l-Artikolu 11 tal-ftehim previst jissovrapponi, tal-inqas f’dan ir-rigward, ma’ suġġett irregolat mid-dritt tal-Unjoni. Il-Kunsill aċċetta din il-konklużjoni waqt is-seduta.

220. Madankollu, il-Kunsill u diversi Stati Membri jsostnu li, sa fejn l-Artikolu 11 tal-ftehim previst jipprevedi eżenzjoni minn dazji u taxxi oħra, inkluż sa fejn jidħol it-trasport ta’ spare parts u ta’ merkanzija oħra, ma jeżistux regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni.

221. Madankollu, mill-memorandum ta’ konsultazzjoni anness mal-ftehim previst jirriżulta li, “fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Ftehim previst, id-delegazzjoni tal-Unjoni spjegat li l-eżenzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tad-dazji doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huma rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 (158) (għad-dazji doganali) u mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE (159) (għall-VAT) u li l-Artikolu 11 jinkludi l-eżenzjonijiet speċifikament marbuta mal-avjazzjoni, kif jippermettu r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 u d-Direttiva tal-Kunsill 2009/132 fir-rigward tal-prattiki rrakkomandati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali” (160) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

222. La l-Kunsill u lanqas l-Istati Membri ma jikkontestaw din id-dikjarazzjoni.

223. Ir-Regolament Nru 1186/2009, li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, mid-dazji fuq l-esportazzjoni u minn ċerti miżuri oħra (161), jipprevedi, fl-Artikolu 132(b) tiegħu, li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar l-istivi ta’ [...] inġenji tal-ajru”. Id-Direttiva 2009/132, li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti eżenzjonijiet mill-VAT (162), tipprevedi, fl-Artikolu 93(c) tagħha, li din id-direttiva “m’għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri [...] l-eżenzjonijiet fil-kuntest tal-ftehim konklużi a bażi ta’ reċiproċità ma’ pajjizi terzi li huma partijiet tal-[Konvenzjoni Chicago] bil-għan li jiġu implimentati l-Prattiċi Rakkommandati 4.42 u 4.44 fl-Anness 9 ta’ din il-Konvenzjoni”.

224. Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni jokkupa s-suġġett tal-eżenzjoni mid-dazji u mill-VAT għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija, iżda jħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu ċerti eżenzjonijiet li jaqgħu fl-iskop ta’ dan is-suġġett għall-finijiet tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru lejn u minn pajjiżi terzi u li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago.

225. Din it-tip ta’ regolamentazzjoni tikkostitwixxi wkoll eżerċizzju ta’ kompetenza tal-Unjoni peress li tinterferixxi mal-libertà tal-Istati Membri li jirregolaw f’dan il-qasam ta’ kompetenzi kondiviżi lil hinn minn dawn l-elementi speċifiċi. Peress li dawn ir-regoli japplikaw kemm għat-trasportaturi tal-Unjoni kif ukoll ta’ pajjiżi terzi, l-impenji inklużi fl-Artikolu 11 tal-ftehim previst jissovrapponu ma’ dawn ir-regoli u għalhekk jistgħu jolqtuhom.

226. Kif spjegat ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan is-sens, ir-regoli msemmija iktar ’il fuq huma ssupplimentati, minn naħa, taħt id-Direttiva (UE) 2020/262 (163), b’eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għall-karburant tal-avjazzjoni u, taħt ir-Regolament (UE) 2018/581 (164), b’eżenzjoni mid-dazji doganali għat-tagħmir ajrunawtiku, u, min-naħa l-oħra, b’sistema estiża ta’ eżenzjonijiet fil-qasam tal-VAT fuq il-bażi tad-Direttiva 2006/112/KE (165), li lkoll japplikaw b’mod ugwali għat-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi. Din l-aħħar direttiva tistabbilixxi s-sistema komuni tal-VAT (166) u, fil-punti (e), (f) u (g) tal-Artikolu 148 tagħha, tistabbilixxi eżenzjoni obbligatorja tal-“provvista ta’ merkanzija għall-għoti tal-karburant u l-provviżjoni ta’ ajruplani użati minn linji ta’ l-ajru li joperaw għall-ħlas l-aktar fuq rotot internazzjonali”, tal-“provvista, modifikazzjoni, tiswija, manutenzjoni, noliġġ u kiri ta’ [tali inġenji tal-ajru], u l-provvista, kiri, tiswija u manutenzjoni ta’ tagħmir inkorporat jew użat hemmhekk”, kif ukoll tal-“provvista ta’ servizzi, barra dawk imsemmija [...] biex jilħqu l-bżonnijiet diretti [tali inġenji tal-ajru] jew tat-tagħbija tagħhom”. Skont il-Kummissjoni, dejjem mingħajr ma ġiet kontradetta, dawn l-eżenzjonijiet mill-VAT ikopru l-elementi kollha elenkati fl-Artikolu 11 tal-ftehim previst.

227. Finalment, għandha tittieħed pożizzjoni dwar id-dikjarazzjoni addizzjonali tal-Kunsill u ta’ ċerti Stati Membri li l-eżenzjoni mit-taxxi u imposti oħra, bħal dawk fuq il-proprjetà jew kapital, ma tikkonċernax l-eżerċizzju ta’ kompetenza tal-Unjoni.

228. Dan l-argument jikkonċerna l-eżistenza ta’ kompetenza. Madankollu, kif spjegajt, l-Unjoni għandha l-kompetenza li tirregola fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Unjoni hija awtorizzata tieħu kull impenn li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jgħin sabiex iseħħ dan l-użu ta’ kompetenza tal-Unjoni (167).

229. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-ftehim previst: dan l-impenn huwa maħsub biex jeżenta mid-dazji, mit-taxxi, u minn ħlasijiet oħra “l-inġenji tal-ajru użati fil-kuntest ta’ trasport internazzjonali bl-ajru mit-trasportaturi tal-ajru tal-Parti Kontraenti l-oħra” kif ukoll it-tagħmir, il-provvisti u l-oġġetti l-oħra tagħha “maħsuba jew użati esklużivament b’rabta mal-operat jew mal-manutenzjoni” tal-imsemmija inġenji tal-ajru (168) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, dan iservi l-għan ewlieni tal-ftehim previst li jilliberalizza s-servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn il-partijiet kontraenti. Dan ifisser li huwa jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

230. Għalkemm jista’ jkun minnu, tal-inqas sa fejn naf jien, li bħalissa ma jeżistu ebda regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni li jeżentaw lill-inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi u lit-tagħmir, provvisti u beni oħra regolari kollha mill-imposti fuq il-kapital u t-taxxi fuq il-proprjetà, dan ma huwiex rilevanti għall-konklużjoni li l-Artikolu 11 tal-ftehim previst, fl-intier tiegħu, jolqot suġġett li fil-biċċa l-kbira tiegħu diġà huwa kopert minn regoli komuni tal-Unjoni u jista’, għalhekk, minkejja l-fatt li s-sovrappożizzjoni hija biss parzjali, jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi kompetenza esklużiva tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) TFUE.

231. Nikkunsidra, għalhekk, li l-Artikolu 11 tal-ftehim previst jista’ jolqot regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni.

e)      Dispożizzjonijiet oħra tat-Titolu I

232. L-Artikoli 4, 5, 7, 10, 12 u 13 tal-ftehim previst kollha jirrigwardaw ir-regoli sostantivi li jirregolaw l-aċċess, l-eżerċizzju u r-restrizzjoni tal-eżerċizzju tat-trasport bl-ajru u tas-servizzi anċillari. Dawn l-impenji huma komposti minn obbligi orizzontali u speċifiċi, li wħud minnhom huma espressi bi kliem obbligatorju, uħud minnhom bi kliem iktar wiesa’, u li huma indirizzati jew lill-partijiet kontraenti stess jew li jorbtu lit-trasportaturi tal-ajru rispettivi tagħhom.

233. L-ewwel, l-Artikoli 4 u 5 tal-ftehim previst jirregolaw, essenzjalment, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għar-rifjut, għar-revoka, għas-sospensjoni jew għal-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet operattivi (jiġifieri l-kundizzjoni ta’ wara l-għoti tad-drittijiet ta’ traffiku). Dawk l-impenji jirrikjedu, inter alia, it-trattament tat-trasportaturi tal-ajru Omani taħt l-istess termini u kundizzjonijiet bħat-trasportaturi tal-Unjoni (169), u jirrikjedu li t-trasportaturi tal-ajru Omani josservaw ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni għall-għoti, ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet għal awtorizzazzjoni operattiva (170). Il-kundizzjonijiet għall-għoti u ż-żamma ta’ awtorizzazzjoni operattiva huma koperti mir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru (171). Għalhekk, l-Artikoli 4 u 5 tal-ftehim previst jissovrapponu ma’ ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw dan is-suġġett. Għalhekk, dawn jolqtu dawn ir-regoli komuni tal-Unjoni.

234. It-tieni, l-Artikolu 7 tal-ftehim previst huwa intitolat “Osservanza tal-liġijiet u tar-regolamenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] – waqt is-seduta, din id-dispożizzjoni ssemmiet ukoll bħala “klawżola ta’ osservanza”. Fil-paragrafu 1, din id-dispożizzjoni teħtieġ ġeneralment l-osservanza tal-“liġijiet u r-regolamenti kollha relatati mal-ammissjoni [fit-territorju tal-Unjoni], l-operar fih jew il-ħruġ minnu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li huma obbligatorji għat-trasportaturi tal-ajru Omani meta jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru. Il-paragrafu 2 iżid ma’ dan billi jimponi dan l-istess obbligu ta’ osservanza wkoll “fir-rigward tal-ammissjoni [fit-territorju tal-Unjoni], l-operar fih jew il-ħruġ minnu ta’ passiġġieri, ekwipaġġ, bagalji, merkanzija u/jew posta fuq inġenji tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

235. Fi kliem ieħor, meħuda flimkien, l-Artikolu 7(1) u (2) tal-ftehim previst jistabbilixxu orizzontalment li t-trasportaturi tal-ajru Omani li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ traffiku tal-ajru mogħtija skont l-Artikolu 3 tiegħu għandhom josservaw ir-regoli kollha applikabbli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw it-trasport bl-ajru u s-servizzi anċillari. B’dan il-mod, dawn il-paragrafi jirriflettu mingħajr dubju l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jeħtieġ l-osservanza tal-liġijiet u tar-regolamenti lokali fl-eżerċizzju tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru fit-territorju rispettiv tal-Istat l-ieħor.

236. L-Artikolu 7 tal-ftehim previst jinkludi għalhekk impenn li tinżamm l-effettività u l-uniformità tar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru fl-Unjoni, u fil-fatt l-effettività tal-ordinament ġuridiku kollu kemm hu tal-Unjoni. Kieku dan ma kienx il-każ, l-Istati Membri jkunu jistgħu jidħlu għal impenn internazzjonali li jista’ jeżiġi adattament tar-regoli komuni tal-Unjoni sabiex jiġu akkomodati ċerti titjiriet tat-trasportaturi tal-ajru Omani minn u lejn l-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Artikolu 7 huwa dispożizzjoni li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, peress li l-għan tiegħu huwa li jipprevjeni li jiġu milquta r-regoli komuni.

237. It-tielet, l-Artikolu 10 tal-ftehim previst jirrigwarda, essenzjalment, attivitajiet kummerċjali u servizzi marbuta mal-operazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru. Dawn l-attivitajiet jikkonċernaw, fost l-oħrajn, id-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ groundhandling, l-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti, ċerti arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni kooperattiva bħall-kondiviżjoni tal-kodiċijiet, u ċerti tipi ta’ arranġamenti ta’ kiri ta’ inġenji tal-ajru (172). Dawn l-impenji huma kollha koperti mid-dritt tal-Unjoni u japplikaw b’mod ugwali, fil-każ ta’ impenn bħal dak inkluż fil-ftehim previst, għall-operaturi ta’ pajjiżi terzi: għalhekk, il-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling huwa kopert mid-Direttiva 96/67/KE (173) l-allokazzjoni ta’ slots hija rregolata mir-Regolament (KEE) Nru 95/93 (174) u l-arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni kooperattiva bħall-kondiviżjoni tal-kodiċijiet u l-arranġamenti ta’ kiri tal-ajru huma koperti mir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru (175). Għalhekk, l-Artikolu 10 tal-ftehim previst jissovrapponi ma’ suġġett kopert minn regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni u jolqtuh fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE.

238. Ir-raba’, l-Artikolu 12 tal-ftehim previst jikkonċerna l-ħlas tal-imposti tal-utent għall-użu tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru kif ukoll tal-ajruporti, tas-sigurtà tal-avjazzjoni u tal-installazzjonijiet u tas-servizzi relatati. Illum (176), anki din id-dispożizzjoni tkopri suġġett irregolat minn regoli komuni tad-dritt tal‑Unjoni: għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 (177) jirregola regoli komuni għall-iskemi ta’ ħlasijiet għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-funzjonijiet tan-network (178), li japplika għal kull “utent tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru” (179), u għalhekk japplika bl-istess mod għat-trasportaturi tal-Unjoni u dawk mhux tal-Unjoni, bħal dawk Omani.

239. Bl-istess mod, id-Direttiva 2009/12/KE (180) tistabbilixxi prinċipji komuni għall-ġbir ta’ ħlasijiet tal-ajruport fl-ajruporti tal-Komunità (181), li japplikaw għall-ħlasijiet mill-“utenti tal-ajruport” (182) kollha b’mod mhux diskriminatorju (183), u għalhekk indipendentement mill-pajjiż terz ta’ oriġini ta’ trasportatur tal-ajru. Minn dan isegwi li l-Artikolu 12 tal-ftehim previst jissovrapponi u jolqot regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni (184).

240. Il-ħames, l-Artikolu 13 tal-ftehim previst jirrigwarda, essenzjalment, in-nollijiet u r-rati għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru u huwa intiż li jiżgura li l-linji tal-ajru jkunu jistgħu jiffissaw il-prezzijiet tagħhom mingħajr influwenza indebita mill-awtoritajiet pubbliċi. Fil-kuntest tal-Unjoni, is-suġġett tal-ipprezzar u l-iffissar u t-trasparenza tan-nollijiet tal-ajru u r-rati tal-ajru huwa kopert mir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru. L-Artikolu 22 tiegħu jestendi speċifikament il-libertà li jiġu ffissati n-nollijiet tal-ajru u r-rati tal-ajru wkoll għat-trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi f’każ ta’ reċiproċità (185). Bl-istess mod, l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi obbligi speċifiċi dwar iċ-ċarezza u t-trasparenza tan-nollijiet tal-ajru u tar-rati tal-ajru kif ukoll l-idea li l-aċċess għan-nollijiet tal-ajru u għar-rati tal-ajru għandu jkun nondiskriminatorju. Dawn ir-regoli japplikaw “għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru” (186) u għalhekk ukoll għat-trasportaturi tal-ajru Omani li joperaw fil-każ tal-konklużjoni tal-ftehim previst. L-Artikolu 13 tal-ftehim previst ikopri għalhekk suġġett irregolat mid-dritt tal-Unjoni u jista’ jolqot dawn ir-regoli komuni.

241. Nikkunsidra, għalhekk, li l-Artikoli 4, 5, 7, 10, 12 u 13 tal-ftehim previst jolqtu regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni.

IV.    Konklużjonijiet

242. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula:

L-Unjoni Ewropea ma għandha l-ebda kompetenza esklużiva li tikkonkludi l-Ftehim fil-Qasam tat-Trasport bl-Ajru bejn is-Sultanat tal-Oman, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra.

Il-kompetenza li jingħataw drittijiet ta’ traffiku lil pajjiżi terzi ma ġietx eżerċitata internament u għalhekk taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑466/98, EU:C:2002:624); tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑467/98, EU:C:2002:625); tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑468/98, EU:C:2002:626); tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑469/98, EU:C:2002:627); tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑471/98, EU:C:2002:628); tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑472/98, EU:C:2002:629); tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑475/98, EU:C:2002:630); u tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑476/98, EU:C:2002:631, iktar ’il quddiem, flimkien, is-sentenzi “Open Skies”). Għall-konvenjenza, ser nirreferi għan-numerazzjoni tas-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑471/98, iktar ’il quddiem “Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju” EU:C:2002:628).


3      Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 69 u 70), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għalkemm l-Unjoni ċertament kisbet ċerti kompetenzi [setgħat] esklużivi sabiex tikkuntratta mal-Istati terzi impenji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru internazzjonali u, konsegwentement, fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago [...] l-Istati Membri żammew kompetenzi [setgħat] li jaqgħu fil-qasam tal-imsemmija konvenzjoni, bħal dawk li jirrigwardaw l-attribuzzjoni tad-dazji [drittijiet] tat-traffiku”.


4      Dawn id-direttivi huma r-riżultat tal-inizjattiva tal-Kummissjoni tal‑2015 li tiftaħ negozjati dwar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u għadd ta’ Stati Membri tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf. Ara r-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u s-sitt Stati Membri tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (COM (2015) 607 final). Għalkemm it-test ta’ din ir-rakkomandazzjoni ma huwiex aċċessibbli għall-pubbliku, ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni bħala anness mar-rikors tagħha.


5      Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u s-Saltna tal-Oman, fir-rigward ta’ materji li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (Dokument Nru 11258/18, 30 ta’ Awwissu 2018).


6      Deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tinnegozja, f’isem l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u s-Sultanat tal-Oman fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (Dokument Nru 11273/18, 30 ta’ Awwissu 2018).


7      Sommarju tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tat‑12 u l-14 ta’ Settembru 2018 (Dokument Nru 12469/18, 25 ta’ Settembru 2018, p. 10).


8      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li r-raġuni għaliex ma ġietx ippreżentata proposta lill-Kunsill kienet marbuta ma’ deċiżjoni interna li ma tibdiex il-proċess ta’ ffirmar tal-ftehim previst sa ma l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-opinjoni tagħha fil-kawża ineżami.


9      Proċeduri tal-Konferenza dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, “Invitation of the United States of America to the Conference”, Vol. 1, Parti I, p. 1. Dwar il-viżjoni ta’ din il-konferenza, ara wkoll il-Bullettin tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, Indirizz mill-Assistent Segretarju tal-Istati Uniti Berle, dak iż-żmien President temporanju tal-Konferenza ta’ Chicago, mogħti f’Chicago fl‑1 ta’ Novembru 1944, Vol. XI, Nru 260, 5 ta’ Novembru 1944, p. 530: “[l]-użu tal-ajru għandu dan komuni mal-użu tal-baħar: huwa awtostrada mogħtija min-natura lill-bnedmin kollha. Huwa differenti mill-baħar b’dan il-mod: huwa suġġett għas-sovranità tan-nazzjonijiet li fuqhom jiċċaqlaq. In-nazzjonijiet għandhom għalhekk jorganizzaw bejniethom l-użu tiegħu hekk li jkun tal-ikbar benefiċċju għall-umanità kollha, tkun fejn tkun” [traduzzjoni libera].


10      Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis‑7 ta’ Diċembru 1944 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, Nru 102; iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”).


11      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago huwa deskritt fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, iktar ’il quddiem “ATAA”, EU:C:2011:864, punti 50 u 59).


12      Ara ATAA, punt 60. Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Artikolu 92(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.


13      Mendes De Leon jispjega li l-proklamazzjoni tal-prinċipju ta’ sovranità fuq l-ispazju tal-ajru ta’ Stat kellha, fost affarijiet oħra, kuntest militari. B’hekk, biż-żieda fin-numru ta’ inġenji tal-ajru militari li kienu qegħdin itiru fuq l-ispazju tal-ajru nazzjonali barrani matul, b’mod partikolari, it-Tieni Gwerra Dinjija, ġie kkunsidrat li kien hemm bżonn kontroll strett tal-limiti tal-ispazju tal-ajru. L-invokazzjoni tas-sovranità serviet bħala għodda biex jiġi żgurat dan il-kontroll. Ara Mendes De Leon, P., “The Dynamics of Sovereignty and jurisdiction in International Aviation Law”, fi Kreijen, G., Brus, M., Duursma, J., de Vos, E. u Dugard, J. (edituri), State, Sovereignty, and International Governance, Oxford University Press, Oxford, 2002, p. 484.


14      Ara, f’dan is-sens, Weld, E., “ICAO and the major problems of international air transport”, Journal of Air Law and Commerce, Vol. 20, Ħarġa 4, 1953, p. 454‑462, b’mod partikolari p. 454‑456.


15      Għalhekk, il-Konvenzjoni ta’ Chicago ma tiddefinixxix it-tipi ta’ drittijiet ta’ traffiku li Stat jista’ jagħti lil Stat ieħor.


16      Salacuse jispjega li, għalkemm il-libertà ta’ titjir fuq it-territorju ta’ parti kontraenti oħra mingħajr inżul kienet diġà ġiet espressa fil-Konvenzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni tan-Navigazzjoni bl-Ajru (1919) (11 LNTS 173), il-kunċettwalizzazzjoni ta’ libertajiet oħra seħħet biss matul il-Konvenzjoni ta’ Chicago; ara Salacuse, J. W., “The Little Prince and the Businessman: Conflict and Tensions in Public International Air Law”, Journal of Air Law and Commerce, Vol. 45, Ħarġa 4, 1980, p. 822.


17      Ara l-Manwal dwar ir-Regolamentazzjoni tat-Trasport bl-Ajru Internazzjonali, Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (Dok. 9626, 2016, p. 117).


18      Ara, pereżempju, Weber, L., “The Chicago Convention”, f’Dempsey, P. S. u Jakhu, R. (edituri), Routledge Handbook of Public Aviation Law, Routledge, Londra, 2016, p. 9‑32, b’mod partikolari p. 14 u 15 (li jispjega li “d-drittijiet ta’ traffiku huma drittijiet kummerċjali, jiġifieri d-dritt li wieħed itir fit-territorju ta’ Stat ieħor sabiex itella’ u/jew iniżżel il-passiġġieri, merkanzija jew posta għal finijiet kummerċjali. Dawn jinkludu t-tielet, ir-raba’ u l-ħames libertà, jiġifieri, id-dritt li wieħed iġorr passiġġieri, merkanzija jew posta lejn punt li jinsab fi Stat ieħor, id-dritt li wieħed itella’ passiġġieri, merkanzija jew posta f’punt li jinsab fi Stat ieħor sabiex jiġu ttrasportati lejn l-Istat ta’ oriġini tat-trasportatur tal-ajru u d-dritt li wieħed iġorr passiġġieri, merkanzija jew posta minn punt li jinsab fi Stat ieħor lejn punt iktar ’il bogħod li jinsab fit-territorju ta’ Stat terz, rispettivament. Xi drabi, id-drittijiet jew il-privileġġi tas-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ libertà jissejħu wkoll “drittijiet ta’ traffiku”) [traduzzjoni libera].


19      Ftehim Internazzjonali dwar it-Tranżitu ta’ Servizzi tal-Ajru ffirmat f’Chicago fis‑7 ta’ Diċembru 1944 (84 UNTS 389).


20      Ara l-lista tal-partijiet għall-Ftehim Internazzjonali dwar it-Tranżitu ta’ Servizzi tal-Ajru tal-ICAO: disponibbli fuq: https://www.icao.int/sites/default/files/secretariat/legal/CurrentListofParties/Transit_EN.pdf.


21      Ftehim Internazzjonali dwar it-Trasport bl-Ajru, infra nota f’qiegħ il-paġna 26, p. 255 u 256.


22      Jidher li l-Greċja (għalkemm tirriżerva l-għoti tad-drittijiet tal-ħames libertà) u l-Pajjiżi l-Baxxi huma l-uniċi Stati Membri li aċċettaw il-Ftehim Internazzjonali dwar it-Trasport bl-Ajru. Ara l-lista tal-Partijiet fil-Ftehim Internazzjonali dwar it-Trasport bl-Ajru tal-ICAO, disponibbli fuq https://www.icao.int/sites/default/files/secretariat/legal/CurrentListofParties/Transport_EN.pdf.


23      Skont l-Artikolu 83 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-Istati għandhom jirreġistraw il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali bilaterali u multilaterali dwar it-trasport bl-ajru mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Madankollu, ma stajtx insib numru preċiż ta’ ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru fis-seħħ.


24      Dwar l-iżvilupp tal-politika esterna tal-Unjoni dwar it-trasport bl-ajru qabel u wara s-sentenzi Open Skies, ara Savić, I., Spreading the Wings of EU Aviation Acquis: Comprehensive Air Transport Agreements, Fakultà tal-Liġi, Università ta’ Żagreb, Żagreb, 2019, Titolu 2.3, p. 32.


25      Ara l-House of Lords (Renju Unit), il-Kumitat Magħżul dwar l-Unjoni Ewropea, “‘Open Skies’ or open markets? The effect of the European Court of Justice (ECJ) judgments on aviation relations between the European Union (EU) and the United States of America (USA), Sessjoni 2002‑03, is‑17‑il Rapport, 8 ta’ April 2003, p. 9.


26      Ara wkoll, f’dan is-sens, Salazar, J. C., u van Fenema, P., “International air transport agreements”, f’Dempsey, P. S. u Jakhu, R. (edituri), Routledge Handbook of Public Aviation Law, Routledge, Londra, 2016, p. 252‑294, b’mod partikolari p. 258 u 259.


27      Ara l-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst.


28      Ara, f’dan ir-rigward, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 tal‑24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 277), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 3), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 dwar nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 427), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat‑18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3).


29      Il-ftehimiet li l-Istati Membri kienu kkonkludew mal-Istati Uniti kienu jagħmlu parti mill-politika Open Skies ta’ dan il-pajjiż. Dawn il-ftehimiet kienu essenzjalment intiżi li jilliberalizzaw id-dritt ta’ titjir bejn l-Istati Uniti u kull wieħed mill-Istati Membri inkwistjoni. Stadlmeier huwa tal-fehma li din il-politika kienet ibbażata fuq strateġija ta’ divide et impera li offriet liberalizzazzjoni limitata lil Stati Ewropej iżgħar b’linji tal-ajru attivi f’livell internazzjonali u b’mill-inqas ajruport maġġuri wieħed bħala ċentru suprareġjonali (permezz ta’ punti ta’ dħul addizzjonali fl-Istati Uniti) bi skambju għal liberalizzazzjoni sħiħa fid-direzzjoni opposta. B’dan il-mod, setgħet issir pressjoni fuq l-Stati Ewropej ikbar li (dak iż-żmien) kellhom linji tal-ajru internazzjonali iktar b’saħħithom (bħar-Renju Unit u Franza) billi l-kompetituri tagħhom, b’mod partikolari KLM, Lufthansa u Sabena, jingħataw vantaġġ fuq ir-rotot diretti lejn l-Istati Uniti permezz ta’ punti ta’ dħul ikbar f’dan il-pajjiż. Fl-istess ħin, fuq ir-rotot lejn l-Unjoni, il-linji tal-ajru tal-Istati Uniti setgħu jikkompetu b’mod iktar qawwi ma’ Air France u British Airways minħabba drittijiet tal-ħames libertà mingħajr limitu. Huwa bis-saħħa ta’ dawn l-elementi li Stadlmeier jispjega t-tħassib u l-interess tal-Kummissjoni li tikkoordina l-pożizzjoni tal-Istati Membri. Ara Stadlmeier, S., “Die Liberalisierung des Luftverkehrs in der EU und die Beziehungen mit Drittstaaten: Divide et Impera?’, f’Simma, B., u Schulte, C., Völker- und Europarecht in der aktuellen Diskussion: Akten des 23. Österreichischen Völkerrechtstages, Linde, Vjenna, 1999, p. 167.


30      It-talbiet tal-Kummissjoni għal mandat ta’ negozjar għal ftehim komprensiv tal-Unjoni mal-Istati Uniti huma deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Open Skies; ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punti 15 sa 21.


31      Għal iktar kuntest, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano f’Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑466/98, EU:C:2002:63, punti 8 et seq.).


32      B’mod iktar speċifiku, din tikkonċerna r-regoli dwar it-tariffi u r-rati imposti fuq ir-rotot intra-Unjoni, ir-regoli dwar is-sistema ta’ riżervazzjoni kompjuterizzata u r-regoli dwar l-allokazzjoni tas-slots, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li lkoll jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Ara, pereżempju, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punti 112, 114, 116 u 120).


33      Ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 142. Din il-klawżola rrikonoxxiet id-dritt tal-Istati Uniti li jirrevokaw, jissospendu jew jillimitaw id-drittijiet ta’ traffiku fil-każijiet fejn it-trasportaturi tal-ajru indikati mir-Renju tal-Belġju ma kinux proprjetà ta’ dan l-Istat jew taċ-ċittadini tiegħu.


34      Ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punti 103 sa 106.


35      Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2005: It-tfassil tal-aġenda tal-politika esterna tal-Komunità fil-qasam tal-avjazzjoni, (COM(2005) 79 final).


36      Fl-anness mat-talba tagħha għal Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri ineżami, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja lista ta’ tali ftehimiet, bħalissa fis-seħħ ma’ 21 Stat terz. Dawn il-ftehimiet jiġu konklużi fil-forma ta’ ftehimiet tal-Unjoni biss, peress li jikkonċernaw biss l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.


37      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1110 tat‑23 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (ĠU 2020, L 244, p. 6).


38      Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/145 tad‑9 ta’ Ottubru 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja, u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo dwar l-istabbiliment ta’ Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA) (ĠU 2018, L 26, p. 1).


39      Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/702 tal‑15 ta’ April 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 120, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/948 tas‑26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU 2020, L 212, p. 3). Ftehimiet oħra bħal dawn ġew konklużi u ffirmati wkoll mill-Unjoni, iżda billi għadhom ma ġewx irratifikati mill-Istati Membri, għadhom ma daħlux fis-seħħ. Jista’ jitqies, pereżempju, il-ftehim mal-Istat tal-Qatar, li ġie konkluż bħala ftehim imħallat minkejja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi konkluż dan il-ftehim konkluż mill--Unjoni biss; ara r-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u s-sitt Stati Membri tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (COM (2015) 607 final) u l-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Qatar, min-naħa l-oħra (ĠU 2021, L 391, p. 3).


40      Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju tal-Isvezja fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU 1992, L 200, p. 21).


41      Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (ĠU 2002, L 114, p. 73)


42      Ara l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2021, L 149, p. 10), li jkopri t-trasport bl-ajru fit-Titolu I tat-Tieni Intestatura tat-Tieni Parti, inkluż l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku fl-Artikolu 419 tiegħu.


43      Għalkemm it-test innegozjat tal-ftehim previst mas-Sultanat tal-Oman ma huwiex aċċessibbli għall-pubbliku meta nkitbu dawn il-konklużjonijiet, dan ġie pprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni flimkien mar-rikors promotur tagħha fil-kawża ineżami.


44      It-Titolu I tal-ftehim previst jinkludi l-Artikolu 3 (“Għoti ta’ drittijiet”), l-Artikolu 4 (“Awtorizzazzjoni għall-operat”), l-Artikolu 5 (“Rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni”), l-Artikolu 6 (“Liberalizzazzjoni tal-proprjetà u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru”), l-Artikolu 7 (“Osservanza tal-liġijiet u tar-regolamenti”), l-Artikolu 8 (“Kompetizzjoni leali”), l-Artikolu 9 (“Eżerċizzju tan-Negozju”), l-Artikolu 10 (“Opportunitajiet kummerċjali”), l-Artikolu 11 (“Dazji doganali, taxxi, miżati u imposti”), l-Artikolu 12 (“Spejjeż għall-utent”), l-Artikolu 13 (“Tariffi”) u l-Artikolu 14 (“Statistika”).


45      It-Titolu II tal-ftehim previst jinkludi l-Artikolu 15 (“Sikurezza tal-avjazzjoni”), l-Artikolu 16 (“Sigurtà tal-avjazzjoni”), l-Artikolu 17 (“Ġestjoni tat-traffiku tal-ajru”), l-Artikolu 18 (“Ambjent”), l-Artikolu 19 (“Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru”), l-Artikolu 20 (“Protezzjoni tal-konsumatur”), l-Artikolu 21 (“Sistemi ta’ riżervazzjoni bil-kompjuter”) u l-Artikolu 22 (“Aspetti soċjali”).


46      It-Titolu III tal-ftehim previst jinkludi l-Artikolu 23 (“Interpretazzjoni u implimentazzjoni”), l-Artikolu 24 (“Il-Kumitat Konġunt”), l-Artikolu 25 (“Soluzzjoni ta’ tilwim u arbitraġġ”), l-Artikolu 26 (“Relazzjoni ma’ ftehimiet oħra”), l-Artikolu 27 (“Emendi tal-Ftehim”), l-Artikolu 28 (“Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-Unjoni Ewropea”), l-Artikolu 29 (“Xoljiment tal-Ftehim”), l-Artikolu 30 (“Reġistrazzjoni tal-Ftehim”) u l-Artikolu 31 (“Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja”).


47      Hemm ukoll nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-proċeduri ineżami dwar jekk l-Artikoli 8, 10 u 11 tal-ftehim previst jaqgħux fl-iskop tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.


48      Il-proċeduri ineżami turi b’mod partikolari ċerta konfużjoni bejn l-eżistenza ta’ kompetenza u n-natura tagħha. Pereżempju, ċerti Stati Membri, wara li sostnew li l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku jikkostitwixxi kompetenza kondiviża, sostnew ukoll li kemm‑il darba l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrikonoxxi kompetenza esklużiva tal-Unjoni, dan imur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni.


49      Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal‑15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, punt 12).


50      Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara l-punti 10 sa 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/20 (Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE (Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija Mmodernizzata)) tas‑16 ta’ Ġunju 2022 (EU:C:2022:485, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata)) (li tispjega li l-possibbiltà li titressaq talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE ma teħtieġx, bħala kundizzjoni preliminari, ftehim finali bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati).


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Iffirmar ta’ ftehimiet internazzjonali) (C‑551/21, EU:C:2024:281, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata) (li tispjega li prattika ma tistax tbiddel ir-regoli tat-Trattati li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati josservaw).


54      Jista’ jingħad ukoll li ż-żewġ deċiżjonijiet li jagħtu l-mandat ta’ negozjar lill-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma esprimewx il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Istati Membri fir-rigward ta’ liema mill-partijiet tal-ftehim previst huma kondiviżi u liema jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Dwar il-fehmiet differenti tal-allokazzjoni tal-kompetenzi fl-ordinamenti ġuridiċi federali, ara Beaud, O., “The Allocation of Competences in a Federation – A General Introduction”, f’Azoulai, L. (editur), The Question of Competence in the European Union, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 19 sa 38.


56      Il-kunċett ta’ kompetenzi impliċiti ma huwiex uniku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Huwa aċċettat ukoll fid-dritt internazzjonali fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Ara, b’mod ġenerali, l-Opinjoni Konsultattiva dwar il-Kumpens għad-Danni mġarrba fis-servizz tan-Nazzjonijiet Uniti (QIĠ Ġabra 1949, p. 174).


57      L-Artikolu 216 TFUE jiftaħ it-Titolu V tat-Trattat FUE u huwa intitolat “Ftehim internazzjonali”. Filwaqt li l-Artikolu 216 TFUE jirrigwarda l-eżistenza tal-kompetenza sabiex jiġu konklużi tali ftehimiet, l-Artikolu 218 TFUE (li jaqa’ taħt l-istess titolu) jipprevedi l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Madankollu, din il-proċedura tista’ tiġi emendata jekk dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati jipprevedu hekk.


58      Schütze josserva li t-tieni u t-tielet sitwazzjoni li fihom l-Artikolu 216(1) TFUE jipprevedi kompetenza impliċita għall-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim internazzjonali (ara s-sitwazzjonijiet (iii) u (iv) tal-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet) fir-realtà jaqgħu taħt l-ewwel sitwazzjoni (sitwazzjoni (ii) tiegħu), dik ta’ “setgħat esterni paralleli”. Ara Schütze, R., European Union Law, ir‑4 edizzjoni: Cambridge University Press, Cambridge, 2025, p. 293. Nista’ naqbel ma’ din il-pożizzjoni, iżda nżid ngħid li r-riferiment għal dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet mhux biss ma huwiex neċessarju, iżda fir-realtà joħloq konfużjoni bejn il-kunċetti tal-eżistenza ta’ kompetenza u tan-natura esklużiva tagħha, irregolati fl-Artikolu 3(2) TFUE bl-istess kliem bħall-Artikolu 216(1) TFUE.


59      Fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, iktar ’il quddiem is-“sentenza ERTA”, EU:C:1971:32, punt 16), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat għall-ewwel darba li l-kompetenza sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali “tirriżulta mhux biss minn attribuzzjoni espliċita mit-Trattat [...] imma tista’ tirriżulta wkoll minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u minn miżuri adottati, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Komunità”. Din il-formulazzjoni ħalliet ftit tad-dubju jekk miżuri interni humiex neċessarji għall-eżistenza ta’ kompetenza esterna. Il-ġurisprudenza sussegwenti ddeċidiet dan favur “kompetenza esterna parallela”. Fil-punt 3 tal-Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għan-Navigazzjoni Interna) tas‑26 ta’ April 1977 (EU:C:1977:63), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, “kull darba li d-dritt Komunitarju jkun ħoloq, għall-istituzzjonijiet tal-Komunità, kompetenzi [setgħat] fil-kuntest tas-sistema interna tagħha sabiex tilħaq għan speċifiku, il-Komunità għandha l-awtorità tidħol għall-impenji internazzjonali neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita f’dan ir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, fil-punt 4 ta’ dik l-opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rraġunat li tali setgħat “[jirriżultaw] impliċitament mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li joħolqu l-kompetenza [setgħa] interna” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


60      Opinjoni tal‑15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384). Ara l-punt 95 tagħha. fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li “[p]eress li l-Komunità inkludiet, fl-atti leġiżlattivi interni tagħha, klawżoli dwar it-trattament li għandu jingħata liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew meta hija espliċitament tagħat kompetenza [setgħat] lill-istituzzjonijiet tagħha sabiex jinnegozjaw ma’ pajjiżi terzi, hija akkwistat kompetenza esterna esklużiva fl-oqsma koperti minn dawn l-atti”. Hija biss it-tieni sitwazzjoni prevista f’dan il-paragrafu li ġiet inkluża fl-Artikolu 216(1) TFUE.


61      Fil-punt 16 tas-sentenza ERTA, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-awtorità sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali tista’ tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat “u minn miżuri adottati, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Komunità”. Fil-punt 17 tal-istess sentenza, hija kompliet tispjega li “kull darba li l-Komunità, bil-għan li timplementa politika komuni kif maħsuba fit-Trattat, tadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu regoli komuni, indipendentement mill-għamla li jistgħu jieħdu, l-Istati Membri ma jkollhomx aktar id-dritt, billi jaġixxu individwalment jew anki kollettivament, li jidħlu għal obbligi ma’ pajjiżi terzi li jaffettwaw [jolqtu] dawk ir-regoli”. Din id-dikjarazzjoni ddeskriviet, fl-istess ħin, sitwazzjoni li fiha tirriżulta kompetenza impliċita tal-Unjoni u meta din issir esklużiva, li tkun kwistjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 3(2) TFUE.


62      Ara l-Artikolu 2(1) TFUE.


63      Ara l-Artikolu 5(3) u (4) TUE.


64      Il-prelazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) TFUE, tfisser li l-qasam irregolat mill-miżuri tal-Unjoni huwa “okkupat”. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri ma jistgħux jirregolaw l-istess kwistjoni, anki jekk jagħżlu li jirregolawha b’mod kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni inkwistjoni. Għalhekk, il-prelazzjoni teskludi l-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ regoli. Madankollu, meta Stat Membru jilleġiżla fil-qasam okkupat mid-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tmur kontra r-regoli komuni tal-Unjoni inkwistjoni, prinċipju ieħor – dak tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni – isolvi l-kunflitt li jirriżulta favur l-applikazzjoni tar-regoli komuni tal-Unjoni.


65      Il-Protokoll Nru 25 tat-Trattat ta’ Lisbona huwa fformulat kif ġej: “B’referenza għall-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea dwar kompetenzi kondiviżi, meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f’ċertu qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ta’ kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu.”


66      Ara, f’dan ir-rigward, Timmermans, C., ECJ Doctrines on Competences, f’Azoulai, L. (editur), The Question of Competence in the European Union, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 156 sa 167, f’p. 162: “Din ir-regola ta’ bblokkar, ta’ prelazzjoni, għandha tingħażel mis-sitwazzjoni ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, fejn ma jkun hemm ebda kompetenza nazzjonali” [traduzzjoni liberali].


67      L-oqsma elenkati huma: l-unjoni doganali; l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern; il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd; u l-politika kummerċjali komuni.


68      Ara, f’dan ir-rigward, Schütze, R., “Parallel external powers in the European Union From ‘cubist’ perspectives towards ‘naturalist’ constitutional principles?’”, f’Schütze, R., Foreign Affairs and the EU Constitution: Selected Essays: Cambridge University Press, Cambridge, 2014, p. 272.


69      Ara, pereżempju, Chamon, M., Implied exclusive powers in the ECJ’S post-Lisbon jurisprudence: The continued development of the ERTA doctrine, Common Market Law Review, Vol. 55, Ħarġa 5, 2018, p. 1101 sa 1141.


70      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 73). Rigward il-kritika akkademika ta’ din il-pożizzjoni, ara Chamon, M., Implied exclusive powers in the ECJ’S post-Lisbon jurisprudence: The continued development of the ERTA doctrine, Common Market Law Review, Vol. 55, Ħarġa 5 2018, p. 1124 sa 1126.


71      Ara, pereżempju, Dashwood, A, “The relationship between the Member States and the European Union/European Community”, f’McDonnell (editur), A Review of Forty Years of Community Law: Legal Developments in the European Communities and the European Union, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2005, p. 55; Cremona, M., “The Union’s external action: Constitutional perspectives”, f’ Amato, G., Bribosia, H. u de Witte, B. (edituri), Genèse et destinée de la Constitution européenne – Genesis and destiny of the European Constitution (Bruylant, Brussell, 2007, p. 1184 sa 1189; Schütze, R., “Lisbon and the federal order of competences: A prospective analysis”, European Law Review, Vol. 33, Ħarġa 5, 2008, p. 709 sa 722, b’mod partikolari p. 713 sa 714.


72      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, punti 46 sa 50).


73      Ara l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 29). Dwar il-ftehimiet imħallta, ara, b’mod ġenerali, Rosas, A., ‘Mixity Past, Present and Future: Some Observations’, f’Chamon, M. u Govaere, I. (edituri), EU External Relations Post-Lisbon, Brill, Leiden, 2020, p. 8 sa 18.


74      It-termini natura mħallta “obbligatorja” u “fakultattia” ħoloqhom Allan Rosas, ara Rosas, A., “Mixed Union – Mixed Agreements”, f’Koskenniemi, M. (editur), International Law Aspects of the European Union, Brill, Leiden, 1998, p. 131. Ara wkoll Chamon, M., u Govaere, I., “Introduction: Facultative Mixity, More than Just a Childhood Disease of EU Law?” f’Chamon, M. u Govaere, I. (edituri), EU External Relations Post-Lisbon, Brill, Leiden, 2020, p. 2; Govaere, I., “Facultative” and “Functional Mixity” in light of the Principle of Partial and Imperfect Conferral, College of Europe Research Paper in Law 3/2019; Hillion, C. U Chamon, M., “Facultative Mixity and Sincere Cooperation”, f’Chamon, M. u Govaere, I. (edituri), EU External Relations Post-Lisbon, Brill, Leiden, 2020, p. 86


75      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Madankollu, tali ftehimiet jistgħu jiġu konklużi wkoll bħala ftehimiet konklużi mill-Unjoni biss, bil-kundizzjoni li jiġu attribwiti lill-Unjoni setgħat fuq il-partijiet kollha ta’ dan il-ftehim. Madankollu, dan tal-aħħar huwa possibbli biss jekk l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.


77      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 193).


78      Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 847/2004.


79      Ser nerġa’ lura għar-rilevanza ta’ dan ir-regolament sabiex nirrispondi għall-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-ftehim previst fit-Taqsima III.E iktar ’il quddiem.


80      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft (C‑500/20, EU:C:2022:79, punt 30).


81      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 68) u tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 126).


82      Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata espliċitament mill-Gvernijiet tal-Bulgarija, tal-Greċja, tal-Litwanja u tal-Ungerija. Fil-fehma tiegħi, din l-istess pożizzjoni ġiet sostnuta wkoll, anki jekk mhux b’mod daqshekk espliċitu, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Ċipru u tal-Irlanda.


84      Fit-Trattat FUE, ara, pereżempju, l-Artikolu 79(3) (dwar ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid ma’ pajjiżi terzi), l-Artikolu 191(4) (dwar l-ambjent) jew l-Artikolu 207(3) (dwar il-politika kummerċjali komuni).


85      It-Trattat oriġinali kien jinkludi biss żewġ dispożizzjonijiet li espliċitament jattribwixxu l-kompetenza lill-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali: ftehim dwar il-kummerċ u dwar it-tariffi (l-Artikolu 113 tat-Trattat KEE) u ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 238 tat-Trattat KEE). Għal ħarsa ġenerali u spjegazzjoni tal-kompetenzi esterni espliċiti tal-Unjoni wara t-Trattat ta’ Lisbona, ara Neframi, E., L’action extérieure de l’Union européenne: Fondements, moyens, principes, LGDJ, 2010, p. 21 sa 58.


86      Ara l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal‑15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, punt 48).


87      Ara, f’dan ir-rigward, Cremona, M., “EU External Competence-Rationales for Exclusivity’, f’Garben, S. u Govaere, I. (edituri), The division of competences between the EU and the Member States, Hart, 2017, p. 133 sa 150, f’p. 136, li tissuġġerixxi li ‘l-inklużjoni tal-Artikolu 216(1) fit-TFUE tfisser li x’aktarx illum huwa iktar preċiż li jsir riferiment mhux għal setgħat espliċiti u impliċiti, iżda pjuttost li ssir distinzjoni bejn kompetenzi li huma espliċitament parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni [...] u kompetenzi li huma deskritti bħala l-‘aspetti esterni tal-politiki l-oħra [tal-Unjoni]’.”


88      Ara l-Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għan-Navigazzjoni Interna) tas‑26 ta’ April 1977 (EU:C:1977:63, punt 3; Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 7); Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 114); u Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 67).


89      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru”); ara l-punt (1) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tiegħu, li jipprevedi li t-“trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom ikunu intitolati joperaw servizzi ta’ l-arju intra-Komunitarji”. Din il-liberalizzazzjoni seħħet għall-ewwel darba bir-Regolament Nru 2408/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420) (ara l-Artikolu 3(1) tiegħu, li jipprovdi li, “[s]uġġett għal dan ir-Regolament, it-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta’ traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità.”).


90      Fis-sentenzi Open Skies, il-Kummissjoni sostniet li s-suq intern tas-servizzi tal-ajru kien “twettaq” fl‑1992 (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 71).


91      Inżid ngħid li r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru jirriżerva espliċitament lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw jew jirrifjutaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet f’sitwazzjonijiet ta’ problemi ambjentali serji jew ta’ emerġenza; ara l-Artikoli 20 u 21 tiegħu. Barra minn dawn is-sitwazzjonijiet, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw jew jirrifjutaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ta’ traffiku fl-Unjoni sakemm ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru jibqa’ fis-seħħ.


92      L-eżistenza ta’ tali kompetenza esterna impliċita ma hijiex ikkontestata mill-argument, imqajjem b’mod partikolari mill-Gvern Ungeriż, li l-politika dwar it-trasport bl-ajru jista’ jkollha rabtiet mas-sigurtà nazzjonali, li, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE, tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru. Din ir-rabta ma “tirriservax” dan l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku għas-setgħa esklużiva tal-Istati Membri. Għall-finijiet tal-kawża ineżami, l-Artikolu 4(2) TUE sempliċement jimponi fuq l-Unjoni l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tagħha meta tiddeċiedi jekk tikkonkludix jew le l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil pajjiż terz bl-għan li tikkonkludi ftehim ta’ trasport bl-ajru u li tiżgura li dan l-għoti u l-konklużjoni tal-imsemmi ftehim li jirriżulta minn dan l-għoti ma jostakolawx l-eżerċizzju xieraq tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 43).


93      Opinjoni tas‑26 ta’ April 1977 (EU:C:1977:63).


94      Ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 68, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-punt 89 tal-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal‑15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384).


95      Opinjoni tas‑26 ta’ April 1977 (EU:C:1977:63). Il-bażi ta’ dik l-opinjoni kienet it-twaqqif tal-istruttura ta’ ġestjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni tar-Rhine u tal-Moselle sabiex tiġi rrazzjonalizzata s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tat-trasport bil-passaġġi interni tal-ilma f’dan ir-reġjun ġeografiku. Peress li dan ir-reġjun jinkludi l-Konfederazzjoni Svizzera, dan l-għan ma jistax jintlaħaq mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dan il-pajjiż terz. Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tidħol fi ftehimiet internazzjonali neċessarji ma’ dan il-pajjiż.


96      Ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 72.


97      Ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 71.


98      Fil-fatt, l-unika ġurisprudenza li l-Kunsill jirreferi għaliha fir-rigward tal-oneru tal-prova tiegħu tirriżulta mir-rikorsi għal annullament: ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill  (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 75), tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antarktiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 115) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima)  (C‑161/20, EU:C:2021:957, punt 120).


99      Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., Gutman, K. u Nowak, J.T., EU Procedural Law, it-tieni edizzjoni, Oxford European Union Law Library, Oxford, 2023, p. 521, punt 12.01, li jsostnu li l-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE għandha l-għan inter alia li tipprevjeni l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn tilwim dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni u li tevita li jirriżultaw konsegwenzi negattivi fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali.


100      Eżami lingwistiku tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti jidher li jiżvela ċerti differenzi. Minn naħa, ċerti verżjonijiet lingwistiċi, b’mod partikolari dawk bl-Ingliż (“affect”), bl-Ispanjol (“affectar”), bil-Franċiż (“affecter”) u bil-Kroat (“utjecati”), kollha jużaw terminu li jimplika li anki effett potenzjalment vag fuq id-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-impenji internazzjonali inkwistjoni huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE. Verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal dik bil-Ġermaniż (“beeinträchtigen”) u dik bl-Olandiż (“aantasten”), jużaw terminu li jimplika li l-impenji inkwistjoni għandhom jinterferixxu mar-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni, jippreġudikawhom jew iħallu marka fuqhom.


101      Kif diġà ġie eżaminat mill-Avukati Ġenerali Kokott, Sharpston u Jääskinen. Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill  (C‑137/12, EU:C:2013:441, punti 111 sa 117); Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill  (C‑114/12, EU:C:2014:224, punti 95 sa 97) u t-Teħid ta’ Pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), EU:C:2014:2292, punti 69 u 70).


102      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 66 u 67); Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 71); u l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).


103      L-ispazju jżommni milli nidħol fid-dettall sabiex nispjega ċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza ERTA. Fil-qosor ħafna, din il-kawża kienet tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport bit-Triq taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni, sabiex issostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ewropea kellha l-kompetenza tikkonkludi dan il-ftehim, invokat ir-Regolament (KEE) Nru 543/69 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq (ĠU 1969, L 77, p. 49) li jirregola l-aspetti soċjali tat-trasport bit-triq. Filwaqt li wriet ruħha miftuħa għal dan l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ikkunsidrat li s-setgħa sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali setgħet tiġi dedotta mill-attribuzzjoni ta’ setgħat lil dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ewropea f’dan il-qasam ta’ politika, anki jekk fit-Trattat ma kienet teżisti ebda awtorizzazzjoni espliċita sabiex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport bit-triq. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fil-qasam kopert mir-regolament ikkontestat, l-Istati Membri ma jibqgħalhomx is-setgħa sabiex jikkonkludu l-ftehim previst (ara s-sentenza ERTA, punti 16 u 17). Is-sentenza ERTA hija għalhekk eżempju ta’ sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fl-istess ħin żewġ kunċetti importanti tad-dritt tal-Unjoni: il-kunċett ta’ kompetenzi impliċiti u l-possibbiltà li, jekk tiġi eżerċitata internament, tali kompetenza esterna impliċita tista’ ssir esklużiva. Għal deskrizzjoni ddettaljata taċ-ċirkustanzi tas-sentenza ERTA, ara McNaughton, A., “Acts of Creation: The ERTA Decision as a Foundation Stone of the EU Legal System”, f’Nicola, F. u Davies, B. (edituri), EU Law Stories, Contextual and Critical Histories of European Jurisprudence, Cambridge University Press, Cambridge, 2017, p. 134 sa 153.


104      Ara s-sentenza ERTA, punt 17, enfasi miżjuda minni.


105      Ara Lenaerts, K., “Les Répercussions des compétences de la Communauté européenne sur les compétences externes des états membres et la question de ‘pré‑emption’”, f’Demaret, P. (editur), Relations extérieures de la Communauté européenne et marché intérieur: aspects juridiques et fonctionnels, Bruges, 1986), p. 39 u 42 sa 43.


106      Madankollu, li kellu l-akkwist ta’ kompetenza esklużiva fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) TFUE jitqies bħala għoti pożittiv ta’ kompetenza, jinħolqu problemi kostituzzjonali teoretiċi. Kif josserva Schütze, il-fatt li kompetenza tista’ tbiddel in-natura tagħha permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iktar milli fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, imur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni bħala kategorija kostituzzjonali. Għalhekk, il-loġika ta’ prelazzjoni tista’ tispjega aħjar l-effett ERTA. Ara, Schütze, R., “Parallel external powers in the European Union from ‘cubist’ perspectives towards ‘naturalist’ constitutional principles?”, f’Schütze, R., Foreign Affairs and the EU Constitution: Selected Essays, Cambridge University Press, Cambridge, 2014..


107      Ara s-sentenza ERTA, punti 21 u 22. F’dak iż-żmien, dan il-prinċipju kien espress fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.


108      ERTA, punt 22, enfasi miżjuda minni. Fiċ-ċirkustanzi tas-sentenza ERTA, diġà kienu jeżistu regoli komuni fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ għall-movimenti tat-trasport bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi (permezz tar-Regolament Nru 543/69). Konsegwentement, l-Istati Membri ma setgħux jidħlu għal impenji internazzjonali paralleli għall-istess suġġett– jiġifieri r-regoli li jirregolaw il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ għal dawn il-movimenti – permezz tal-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali.


109      Madankollu, wieħed jista’ jgħid ukoll li ma hemmx differenza reali, peress li l-għan ta’ prelazzjoni huwa wkoll li jiġi evitat li jiġu milquta r-regoli tal-Unjoni.


110      Dan speċjalment f’kawżi fejn jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet favur ġurisdizzjoni esklużiva fuq il-bażi tal-argument ta’ “qasam fil-parti l-kbira kopert mir-regoli tal-Unjoni”. Ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-ILO) tad‑19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punti 25 u 26).


111      Ara, pereżempju, Verellen, li jispjega li “fil-livell ta’ prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja tpinġi stampa ambigwa. Minn naħa, hija tapprova t-test tal-‘qasam fil-parti l-kbira kopert’. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat il-ħtieġa li ssir ‘analiżi speċifika’” [traduzzjoni libera]. Ara, Verellen, T., “The ERTA Doctrine in the Post-Lisbon Era: Note under Judgment in Commission v Council (C‑114/12) and Opinion 1/13”, Columbia Journal of European Law, Vol. 21, Ħarġa 2, 2015, p. 383 sa 410, f’p. 402.


112      Pereżempju, Kuijper innotat li “d-duttrina ERTA saret tant ikkumplikata li hija kważi inutli għall-istituzzjonijiet politiċi tal-Komunità bħala gwida għal azzjonijiet oħra” [traduzzjoni libera]. Ara, Kuijper, P.-J., Of Mixity and Double-hatting: EU External Relations Law Explained, Vossiuspers: UvA, Amsterdam, 2008, p. 9.


113      Dan jinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tip ta’ proċeduri li wasslu għal sentenza partikolari. Fil-fatt, il-kawżi diskussi mill-partijiet f’dawn il-proċeduri waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’modi differenti: uħud minnhom inbdew permezz ta’ talbiet għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 218(11) TFUE (bħall-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303)), uħud ġew ippreżentati bħala rikors għal annullament (pereżempju s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151)), uħud waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (infakkar fis-sentenzi Open Skies) u oħrajn permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network (C‑66/13, EU:C:2014:2399)). Madankollu, dawn id-differenzi proċedurali ma għandhomx ibiddlu t-tweġiba fir-rigward tat-tifsira tal-ilqit, li twassal għall-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.


114      Ara l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano) tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 128). F’dan is-sens, Cremona osservat li, fil-ġurisprudenza ta’ wara Lisbona, “l-enfasi [tal-Qorti tal-Ġustizzja] hija pjuttost fuq l-identifikazzjoni tal-punt sa fejn ir-regoli tal-Unjoni jistabbilixxu sistema unifikata u fuq jekk il-funzjonament effettiv tagħha jistax jiġi kompromess” [traduzzjoni libera]. Ara Cremona, M., “External Relations of the European Union: The Constitutional Framework for International Action”, f’Craig, P. u de Búrca, G. (edituri), The Evolution of EU Law, Oxford University Press, Oxford, 2021, p. 458.


115      Ara l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 85). Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (ŻPB Antarktiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).


116      Bl-istess mod, ara Schütze, R., “Supremacy without Pre-emption? The Very Slowly Emergent Doctrine of Community Pre-emption”, Common Market Law Review, Vol. 43, Ħarġa 4, 2006, p. 1023 sa 1048, p. 1036 et seq. Ara wkoll Chamon, M., Implied Exclusive Powers in the ECJ’s Post-Lisbon jurisprudence, Common Market Law Review, Vol. 55, Ħarġa 4, p. 1101 sa 1142.


117      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151), u l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303).


118      Ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376).


119      Infakkar fis-suġġett inkwistjoni fis-sentenzi Open Skies.


120      Ara, b’mod simili, l-Avukat Ġenerali Szpunar, li qies li “[k]ieku impenn internazzjonali ma jkollu ebda effett fuq id-dritt tal-Unjoni (meħud inkunsiderazzjoni l-iżvilupp futur prevedibbli tiegħu), il-fatt li ż-żewġ sistemi ta’ regoli jikkonċernaw l-istess qasam ikun irrilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE.” Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima) (C‑161/20, EU:C:2021:957, punt 117).


121      Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 71), u s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 68).


122      Inkwistjoni fl-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303).


123      Inkwistjoni fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151).


124      Opinjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303).


125      Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014 (C‑114/12, EU:C:2014:2151).


126      Ara wkoll l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li “meta ftehim bejn l-Unjoni u Stat terz jipprevedi l-applikazzjoni, għar-relazzjonijiet internazzjonali koperti minn dan il-ftehim, ta’ regoli li jestendu ħafna fuq ir-regoli komuni tal-Unjoni applikabbli għas-sitwazzjonijiet intra-Komunitarji, dan il-ftehim għandu jitqies li jista’ jaffettwa [jolqot] jew li jbiddel il-portata ta’ dawn ir-regoli komuni”.


127      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati) tal‑14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata) (li tispjega li r-riskju li regoli komuni tal-Unjoni jiġu milquta jew alterati b’mod avvers minn impenji internazzjonali japplika “anki jekk ma jkun hemm ebda possibbiltà ta’ kontradizzjoni bejn dawn l-impenji u dawn ir-regoli”). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano f’Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑466/98, EU:C:2002:63, punti 71 u 75).


128      Ara l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


129      Ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-ILO) tad‑19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 25) (li tispjega li parti tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol “tikkonċerna qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu diġà huwa kopert minn regoli Komunitarji adottati progressivament mill‑1967 bl-għan li jintlaħaq livell ta’ armonizzazzjoni dejjem ogħla”, b’tali mod li l-imsemmija impenji “għandhom jitqiesu [...] li jaqgħu fil-qasam kopert mid-direttivi ċċitati iktar ’il fuq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) u l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303), punt 73 (li tispjega li “[b]’mod partikolari, il-portata tar-regoli tal-Unjoni tista’ tintlaqat jew tinbidel minn impenji internazzjonali meta dawn tal-aħħar jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli”).


130      Ara, ex multis, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag) tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-Opinjoni  3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati) tal‑14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punt 74). Enfasi miżjuda minni.


131      Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punti 275 u 276), meta tali impenji ma jinkludux impenji vinkolanti, dawn ma jistgħux ikollhom effett fuq in-natura tal-kompetenza sabiex jiġi konkluż il-ftehim previst.


132      Fir-rigward tal-Artikolu 15 (“Sikurezza tal-avjazzjoni”) ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU 2018, L 212, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 116, p. 30); fir-rigward tal-Artikolu 16 (“Sigurtà tal-avjazzjoni”), ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU 2008, L 97, p. 72); fir-rigward tal-Artikolu 17 (“Ġestjoni tat-traffiku tal-ajru”), ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) 2024/2803 (ĠU L, 2024/2803), fir-rigward tal-Artikolu 18 (“ambjent”), ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) 2017/2392 (ĠU 2017, L 350, p. 7) u r-Regolament (UE) 2024/2803 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L, 2023/2405, rettifiki fil-ĠU L, 2024/90126 u fil-ĠU L, 2025/90825); fir-rigward tal-Artikolu 19 (“Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru”), ara, pereżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489) fir-rigward tal-Artikolu 20 (“Protezzjoni tal-konsumatur”), ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol.8, p. 10), fir-rigward tal-Artikolu 21 (“Sistemi ta’ riżervazzjoni bil-kompjuter”), ara r-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU 2009, L 35, p. 47) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 15 sa 117, u fir-rigward tal-Artikolu 22 (“aspetti soċjali”), ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU 2006, L 204, p. 1).


133      Is-sikurezza tal-avjazzjoni hija koperta minn regoli komuni tal-Unjoni, kif stabbiliti, inter alia, mir-Regolament 2018/1139 (ĠU 2018, L 212, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 116, p. 30).


134      Is-sigurtà tal-avjazzjoni hija suġġetta għal regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni skont, inter alia, ir-Regolament 2018/1139 u r-Regolament Nru 300/2008.


135      L-Artikolu 6 tal-ftehim previst jirrigwarda l-liberalizzazzjoni tal-proprjetà u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru. Huwa jipprevedi li l-partijiet kontraenti “jirrikonoxxu” l-benefiċċji potenzjali tal-liberalizzazzjoni progressiva tal-proprjetà u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru rispettivi tagħhom u li huma “jaqblu li jesploraw” f’“mument xieraq” fi ħdan il-Kumitat Konġunt (stabbilit skont l-Artikolu 24 tal-ftehim previst) il-liberalizzazzjoni reċiproka tal-proprjetà u tal-kontroll, b’tali mod li dan il-kumitat “jista’ jirrakkomanda” emendi għall-ftehim. Dan il-lingwaġġ juri l-karatteristiċi tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta’ ideat, kuntrarjament għal impenn li, fuq il-bażi tiegħu, jistgħu jiġu milquta regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni.


136      L-Artikolu 9 tal-ftehim previst, intitolat “Eżerċizzju tan-negozju”, jistabbilixxi ftehim bejn il-partijiet fis-sens li “l-ostakoli għall-forniment ta’ servizzi tal-ajru [...] li jiltaqgħu magħhom it-trasportaturi tal-ajru rispettivi tagħhom jistgħu jfixklu l-benefiċċji li għandhom jinkisbu minn dan il-Ftehim”. Għal dan l-għan, il-partijiet kontraenti jaqblu li “jikkooperaw” biex ineħħu dawn l-ostakoli u li l-Kumitat Konġunt “għandu jimmonitorja” l-progress ta’ din il-kooperazzjoni. Minbarra li tistabbilixxi obbligu li l-Kumitat Konġunt jaġixxi b’ċertu mod, din id-dispożizzjoni ma tidher li tinkludi ebda impenn li jista’ jiġi evalwat skont l-Artikolu 3(2) TFUE.


137      L-Artikolu 14 tal-ftehim previst jirrigwarda l-istatistika. Fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, huwa jistabbilixxi l-obbligu ta’ kull parti kontraenti li tiskambja l-istatistika disponibbli dwar it-trasport bl-ajru, kif koperta mill-ftehim previst, sa fejn il-liġijiet nazzjonali rispettivi jippermettu dan, u “kif jista’ jkun raġonevolment mistenni”. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxi ftehim ta’ kooperazzjoni intiż li jiffaċilita l-iskambju ta’ din l-informazzjoni. Huwa ċar li l-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni ma jinkludi ebda impenn li jista’ jolqot ir-regoli komuni (u għalhekk jidher ħafna iktar simili għall-impenji li jinsabu fit-Titolu II tal-ftehim previst). Għalkemm il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni huwa fformulat b’mod li jistabbilixxi obbligu ta’ skambju ta’ statistika, dan l-obbligu jirrigwarda biss dik l-istatistika dwar it-trasport bl-ajru bejn il-partijiet kontraenti, kif illiberalizzat bis-saħħa tal-ftehim previst. Barra minn hekk, kif tindika r-referenza ta’ dan il-paragrafu għall-kumitat konġunt, dan l-iskambju jseħħ biss fil-kuntest ta’ dan il-kumitat, u biss għall-“monitoraġġ tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru skont dan il-Ftehim”. Għaldaqstant, jidhirli li din id-dispożizzjoni hija intiża, fir-realtà, li tippreżerva l-effettività tal-ftehim previst kollu kemm hu, u għalhekk ma tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE.


138      Ara l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 276 u l-ġurisprudenza ċċitata).


139      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret din l-istess konklużjoni wkoll fis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 70 u 71) u tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management (C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 39).


140      Essenzjalment, dan huwa wkoll dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Open Skies fir-rigward tar-regolament predeċessur tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru: ir-Regolament Nru 2408/92; ara Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 104.


141      Ara l-premessa 16 tar-Regolament Nru 847/2004, li fil-parti rilevanti tiddikjara li “l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, [huma] l-kordinament tan-negozjati mal-pajjiżi terzi [bl-għan li jiġu konklużi ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru, il-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ armonizzat fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet] u l-verifika tal-konformità tagħhom mal-liġijiet Komunitarji”.


142      Ara l-premessi 2 sa 4 tar-Regolament Nru 847/2004 li jfakkru ċerti konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Open Skies u sussegwentement jistabbilixxu li, bħala konsegwenza ta’ dawn is-sentenzi, għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ kooperazzjoni.


143      Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


144      Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2019, C 384I, p. 1).


145      Ara r-Regolament (UE) 2019/502 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Marzu 2019 dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fit-trasport bl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni (ĠU 2019, L 85I, p. 49) u r-Regolament (UE) 2020/2225 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Diċembru 2020 dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika fit-trasport bl-ajru wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 437, p. 86).


146      Ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2019/502 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2020/2225.


147      Waqt is-seduta, saret diskussjoni dwar jekk il-fatt li tiġi permessa l-kondiviżjoni tal-kodiċi bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u tal-Oman, permezz tal-Artikolu 10(10) tal-ftehim previst, jistax jippermetti tali aċċess għas-suq. Madankollu, matul dawn id-diskussjonijiet, ġie ppreċiżat li anki t-trasportaturi tal-ajru Omani jistgħu, skont din id-dispożizzjoni, jikkonkludu ftehimiet ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi (code-sharing), jirreklamaw dawn il-ftehimiet u jbigħu biljetti għal dawn it-titjiriet, dawn is-segmenti tat-titjiriet ġewwa l-Unjoni għandhom jinġarru mit-trasportaturi tal-Unjoni, anki jekk it-titjiriet jikkondividu l-istess kodiċi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(10) tal-ftehim previst ma jippermettix lit-trasportaturi tal-ajru Omani jipparteċipaw fis-suq intern tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-Unjoni.


148      Fil-fatt, l-applikabbiltà tar-regoli tal-Istat li trasportatur tal-ajru jtir minnu jew lejh hija prevista fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, u l-istess tip ta’ obbligu huwa riprodott fl-Artikolu 7 tal-ftehim previst.


149      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal‑15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, punti 78 u 79) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 98.


150      Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat‑13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU 2015, L 248, p. 1).


151      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 1986, Asjes et (209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188, punt 45). Meta aġir antikompetittiv iseħħ barra mit-territorju tal-Unjoni, iżda jkollu effetti fuq is-suq intern, ir-regoli li jirregolaw l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE diġà ġew irrikonoxxuti li jistgħu japplikaw għal aġir limitat kompletament għat-territorju ta’ Stati terzi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punti 17 u 18) u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 43 sa 45).


152      Regolament tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU 2009, L 148, p. 1).


153      Ara l-premessa 3 tar-Regolament Nru 487/2009, li tispjega li “[l]-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa li tagħti eżenzjonijiet ġenerali fis-settur tat-trasport bl-ajru rigward [...] rigward traffiku bejn il-Komunità u pajjiżi terzi”.


154      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 (ĠU 2019, L 123, p. 4). Dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi approċċ settorjali sussegwentement adottat fir-rigward ta’ setturi ekonomiċi oħra fir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU 2022, L 330, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2024/90559).


155      Ara l-premessa 9 tar-Regolament 2019/712 (li tiddikjara li “leġislazzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva tibqa’ meħtieġa sabiex jinżammu kundizzjonijiet li jwasslu għal livell għoli ta’ konnettività tal-Unjoni u biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta mat-trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi fdata bis-setgħa li twettaq investigazzjoni u tieħu miżuri fejn meħtieġ. Miżuri bħal dawn jenħtieġ li jkunu disponibbli fejn prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni jikkawżaw ħsara lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni”). Ara wkoll il-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-“prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni” bħala “diskriminazzjoni u sussidji”, it-tnejn sussegwentement iddefiniti fil-punti 8 u  9 tal-Artikolu 2 tiegħu.


156      Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405, rettifika fil-ĠU L, 2024/90328).


157      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata) (li tispjega li d-Direttiva 2003/96/KE “tipprevedi, fl-Artikolu 14(1)(b) tagħha, eżenzjoni fiskali ta’ enerġija pprovduta għall-użu bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni tal-ajru minbarra dak privat, u dan sabiex, hekk kif jirriżulta mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, l-Unjoni tosserva b’mod partikolari ċerti obbligi internazzjonali, inklużi dawk marbuta mal-eżenzjonijiet fiskali fuq il-prodotti ta’ enerġija intiżi għall-avjazzjoni ċivili li minnhom jibbenefikaw il-kumpanniji tal-ajru bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u ta’ ftehim bilaterali internazzjonali tat-trasport bl-ajru konklużi mill-Unjoni u/jew mill-Istati Membri ma ċerti Stati terzi”).


158      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU 2009, L 324, p. 23).


159      Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU 2009, L 292, p. 5).


160      Ara l-punt 10 tal-memorandum ta’ konsultazzjoni anness mal-ftehim.


161      Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1186/2009.


162      Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/132.


163      Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva (UE) 2020/262”). Il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 11(f) ta’ din id-direttiva, li jeżenta mill-ħlas tad-dazji tas-sisa l-oġġetti “għall-konsum skont ftehim konkluż ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bil-kundizzjoni li dan il-ftehim ikun permess jew awtorizzat fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud”.


164      Ara r-Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2018 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1147/2002 (ĠU 2018, L 98, p. 1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) tiegħu, li jistabbilixxi li d-“dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni stabbiliti fir-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana.(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2 p.382] għall-partijiet, il-komponenti u oġġetti oħra tat-tip maħsuba li jiġu inkorporati fl-inġenji tal-ajru jew użati għall-inġenji tal-ajru u partijiet minnhom fil-proċess tal-manifattura, it-tiswija, il-manutenzjoni, il-bini mill-ġdid, il-modifika jew il-konverżjoni għandhom jiġu sospiżi.”


165      Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).


166      Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/112.


167      Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata) (li tispjega li “[i]kun, barra minn hekk, inkoerenti li jitqies li d-dispożizzjonijiet li jilliberalizzaw il-kummerċ bejn l-Unjoni u Stat terz jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni u li dawk li huma intiżi li jiżguraw li din il-liberalizzazzjoni ta’ kummerċ isseħħ b’osservanza tal-iżvilupp sostenibbli ma jaqgħux taħt din il-politika kummerċjali komuni. Fil-fatt, it-tmexxija tal-kummerċ komformement mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli huwa [...] parti integrali minn din il-politika”).


168      Ara l-Artikolu 11(1) tal-ftehim previst.


169      Ara l-Artikolu 4(2) tal-ftehim previst, li jippreċiża li “meta jagħtu awtorizzazzjonijiet operattivi u permessi tekniċi, il-Partijiet Kontraenti għandhom jittrattaw lit-trasportaturi kollha tal-Parti Kontraenti l-oħra b’mod mhux diskriminatorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


170      Ara l-Artikolu 4(1)(d) u l-Artikolu 5 (1)(c) tal-ftehim previst, li t-tnejn jirreferu għall-kundizzjonijiet “preskritti minn liġijiet u regolamenti” li normalment japplikaw għall-operat ta’ trasport internazzjonali bl-ajru [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 5(1)(c) tal-ftehim previst jagħmel ukoll cross-reference għall-osservanza tal-liġijiet u tar-regolamenti msemmija fl-Artikolu 7 tal-ftehim previst bħala raġuni għar-rifjut, għar-revoka, għas-sospensjoni, għall-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew għal-limitazzjoni ta’ awtorizzazzjoni operattiva.


171      Ara l-Artikolu 3 sa 14 tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru. Ara wkoll il-premessa 5 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru fir-rigward tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ monitoraġġ li fuqu hija bbażata ż-żamma kontinwa tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjonijiet operattivi.


172      Aspetti oħra ta’ din id-dispożizzjoni jinkludu impenn ċar ta’ osservanza tal-liġijiet u tar-regolamenti applikabbli tal-parti kontraenti kkonċernata, u jinkludu obbligu ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(2) u (3) (4), (5), (14), u (15) tal-ftehim.


173      Ara d-Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 496), u b’mod partikolari l-premessa 26 u l-Artikolu 20(1) tagħha, li jestendi d-drittijiet irrikonoxxuti minn din id-direttiva għall-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling ta’ pajjiżi terzi u għall-utenti tal-ajruporti ta’ pajjiżi terzi fuq il-bażi tar-reċiproċità.


174      Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), u b’mod partikolari l-premessa 14 u l-Artikolu 12 tiegħu, li joffri lit-trasportaturi minn pajjiżi terzi trattament ekwivalenti suġġett għar-reċiproċità. Ara wkoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (punt 120), għar-rikonoxximent mill-Qorti tal-Ġustizzja li dan is-suġġett jikkostitwixxi kompetenza esklużiva tal-Unjoni.


175      Ara l-premessa 10, l-Artikolu 15(4) u (5) tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru dwar arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċijiet, li joffru arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċijiet suġġetti għal reċiproċità, kif ukoll l-Artikolu 13(3) u (4) tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru dwar ftehimiet ta’ kiri mingħajr ekwipaġġ jew bl-ekwipaġġ b’rabta ma’ pajjiż terz, għal darba oħra suġġetti għar-reċiproċità fil-każ ta’ kiri bl-ekwipaġġ.


176      Ikkuntrasta dan mas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 70), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-iffissar tal-ħlasijiet tal-ajruport ma kienx, f’dak il-mument, kopert minn regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni.


177      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU 2019, L 56, p. 1).


178      Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317.


179      Ara l-Artikolu 2(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “utent tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru” bħala “l-operatur tal-inġenju tal-ajru fil-ħin li t-titjira kienet imwettqa jew, jekk l-identità tal-operatur ma tkunx magħrufa, is-sid tal-inġenju tal-ajru, sakemm ma jipprovax li persuna oħra kienet l-operatur f’dak il-ħin”.


180      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU 2009, L 70, p. 11).


181      Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/12. Kif tirrileva l-Kummissjoni, dawn ir-regoli ma kinux jeżistu meta saret l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 70).


182      Il-kunċett ta’ “utent tal-ajruport” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/12 kif ġej: “kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru lejn, jew minn, l-ajruport konċernat”.


183      Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/12, li jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imposti tal-ajruport ma jiddiskriminawx bejn l-utenti tal-ajruport”.


184      Nirrileva li l-Artikolu 12 tal-ftehim previst jirrikjedi speċifikament li t-trasportaturi tal-ajru tal-partijiet kontraenti jkunu ttrattati “b’mod mhux inqas favorevoli mill-iktar mod favorevoli li jista’ jgawdi minnu kwalunkwe trasportatur tal-ajru ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta tal-Partijiet Kontraenti, u għalhekk tat-trasportaturi Omani fl-Unjoni. Għaldaqstant, indipendentement mill-fatt li r-regoli tal-Unjoni inkwistjoni japplikaw għal kull utent tal-ajruport, hemm ilqit tas-suġġett minħabba l-fatt li l-impenn li jinsab fil-ftehim jassimila speċifikament lit-trasportaturi Omani mat-trasportaturi tal-Unjoni.


185      Ara l-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru.


186      Ara l-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru.