SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Mejju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 5(1)(a) u (c) – Obbligu ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti li ma humiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju – Obbligu, għall-kummerċjant, li jinforma lill-konsumatur dwar il-karatteristiċi prinċipali tas-servizz – Dazji doganali – Obbligu, għall-kummerċjant, li jinforma lill-konsumatur dwar il-prezz totali tas-servizz – Spejjeż addizzjonali – Kontenut tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur – Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq (CMR) – Artikoli 6 u 11”
Fil-Kawża C‑488/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2024, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura
D.V.
vs
MB “Kigas”,
fil-preżenza ta’:
Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen, R. Frendo (Relatriċi) u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u S. Grigonis, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene u A. Steiblytė, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU 2024, L 90093, p. 1), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 328, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/83”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn D.V., konsumatur, u MB “Kigas”, kumpannija tat-trasport, dwar il-ħlas ta’ fattura dwar servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq u li tinkludi somma li tikkorrispondi għal dazji doganali mħallsa minn Kigas. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq, iffirmata f’Genève fid‑19 ta’ Mejju 1956, kif emendata bil-Protokoll iffirmat f’Genève fil‑5 ta’ Lulju 1978 (iktar ’il quddiem iċ-“CMR”), ġiet innegozjata fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Iktar minn 50 Stat, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea aderew għaċ-CMR. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 taċ-CMR: “1. Din il-konvenzjoni tapplika għal kull kuntratt ta’ trasport bi ħlas ta’ merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi, meta l-post tal-ġbir tal-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna, kif indikati fil-kuntratt, jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti u li mill-inqas wieħed minnhom ikun Stat kontraenti. Dan huwa l-każ irrispettivament mid-domiċilju u min-nazzjonalità tal-partijiet. [...] 4. Din il-Konvenzjoni ma tapplikax: [...] (c) Għat-trasport ta’ rilokazzjoni. [...]” |
|
5 |
L-Artikolu 4 taċ-CMR jipprevedi: “Il-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonstatat permezz ta’ nota tal-kunsinna. L-assenza, l-irregolarità jew it-telf tan-nota tal-kunsinna ma għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt ta’ trasport li jibqa’ suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” |
|
6 |
L-Artikolu 6(1) taċ-CMR jiddikjara: “In-nota tal-kunsinna għandu jkun fiha l-indikazzjonijiet li ġejjin: [...] (i) l-ispejjeż relatati mat-trasport (prezz tat-trasport, spejjeż anċillari, dazji doganali u spejjeż oħra li jirriżultaw mill-konklużjoni tal-kuntratt sal-kunsinna); [...]” |
|
7 |
L-Artikolu 11(1) u (2) taċ-CMR jipprovdi: “1. Għall-finijiet tal-formalitajiet doganali jew oħrajn li għandhom jitlestew qabel il-kunsinna tal-merkanzija, l-ispeditur għandu jehmeż id-dokumenti meħtieġa man-nota tal-kunsinna jew iqegħedhom għad-dispożizzjoni tat-trasportatur u għandu jipprovdilu l-informazzjoni kollha meħtieġa. 2. It-trasportatur ma huwiex obbligat jinvestiga l-korrettezza jew l-adegwatezza ta’ dawn id-dokumenti u ta’ din l-informazzjoni. L-ispeditur għandu jkun responsabbli fir-rigward tat-trasportatur għal kwalunkwe dannu kkawżat min-nuqqas, mill-insuffiċjenza jew mill-irregolarità ta’ dawn id-dokumenti u ta’ din l-informazzjoni, ħlief fil-każ ta’ tort jew ta’ negliġenza tat-trasportatur.” |
Id-dritt tal-Unjoni
|
8 |
Skont il-premessi 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2011/83:
[...]
|
|
9 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.” |
|
10 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[...]” |
|
11 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tapplika, taħt il-kundizzjonijiet u sal-punt stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur [...]” |
|
12 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti li mhumiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt li mhuwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli, jekk dik l-imformazzjoni mhijiex diġà evidenti mill-kuntest:
[...]
[...]” |
Id-dritt Litwan
|
13 |
L-Artikolu 6.2286 tal-Lietuvos Respublikos civilinio kodekso patvirtinimo, įsigaliojimo ir įgyvendinimo įstatymas Nr. VIII-1864 (il-Liġi Nru VIII-1864, dwar l-Approvazzjoni, id-Dħul fis-Seħħ u l-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Ċivili Litwan), tat‑18 ta’ Lulju 2000 (Žin., 2000, Nru 74‑2262), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Rekwiżiti ġenerali relatati mad-dritt għall-informazzjoni tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Qabel ma jikkonkludi kuntratt ma’ konsumatur li ma huwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa, preċiża, kompleta u mhux qarrieqa b’mod ċar u li jinftiehem. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur fil-lingwa nazzjonali. Il-kummerċjant għandu jippreżenta din l-informazzjoni lill-konsumatur permezz ta’ ttikkettjar jew bi kwalunkwe mezz ieħor, sakemm din ma tirriżultax mill-kuntest:
[...]
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
14 |
D.V., konsumatur, ikkonkluda permezz tat-telefon ma’ Kigas, kumpannija tat-trasport, kuntratt ta’ trasport ta’ oġġetti li jappartjenu lilu, jiġifieri żewġ muturi, kwadriċiklu, żewġ magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u żewġ magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, min-Norveġja lejn il-Litwanja għall-ammont ta’ EUR 450. Għalhekk, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma kkonkludewx kuntratt ta’ trasport bil-miktub u ma stabbilixxewx nota ta’ kunsinna. |
|
15 |
Fis‑16 ta’ Ġunju 2020, D.V. ikkonsenja l-oġġetti tiegħu lil Kigas fin-Norveġja u indika, bi tweġiba għal mistoqsija dwar dan il-punt min-naħa ta’ din il-kumpannija, li peress li l-oġġetti ttrasportati kienu intiżi għall-użu personali tagħha, ma kienx neċessarju li tiġi pprovduta dikjarazzjoni doganali. |
|
16 |
Fis‑17 ta’ Ġunju 2020, waqt kontroll fil-fruntiera bejn in-Norveġja u l-Isvezja, l-awtoritajiet doganali Svediżi qiesu li dawn l-oġġetti kellhom jiġu ddikjarati lid-dwana mad-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni. Konsegwentement, ġiet stabbilita dikjarazzjoni doganali, li tiffissa l-ammont tad-dazji doganali għal 40899 krona Svediża (SEK) (madwar EUR 3 890.59), li Kigas ħallset. |
|
17 |
Fit‑18 ta’ Ġunju 2020, Kigas bagħtet lil D.V. fattura li kienet tinkludi kemm l-ammont ta’ EUR 450 inizjalment miftiehem għas-servizz ta’ trasport ta’ oġġetti kif ukoll is-somma li tikkorrispondi għad-dazji doganali imposti mill-awtoritajiet doganali Svediżi. |
|
18 |
Fl‑20 ta’ Ġunju 2020, Kigas ikkunsinnat, fil-post miftiehem fil-Litwanja, l-oġġetti kollha li kienu ġew fdati lilha minn D.V. bl-eċċezzjoni ta’ mutur li hija żammet sakemm tiġi saldata l-fattura. |
|
19 |
D.V. ippreżenta rikors kontra Kigas quddiem il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas, il-Litwanja), fejn talab, essenzjalment, lil din il-qorti, minn naħa, tirrikonoxxi li ma kienx obbligat iħallas is-somma mdaħħla fil-kontijiet fuq din il-fattura bħala rimbors tad-dazji doganali. Min-naħa l-oħra, D.V. talab lill-imsemmija qorti tikkundanna lil Kigas troddlu lura mingħajr dewmien il-mutur li hija kienet qiegħda żżomm. |
|
20 |
Kigas ressqet kontrotalba intiża sabiex D.V. jiġi kkundannat iħallasha EUR 450 għat-trasport tal-merkanzija u EUR 3 876.76 bħala spejjeż. |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2023, il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas) laqgħet din il-kontrotalba filwaqt li ordnat lil Kigas trodd lura lil D.V. il-mutur li hija ma kinitx ikkunsinnat. |
|
22 |
Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Novembru 2023, il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja), li ddeċidiet fl-appell, ikkonfermat din id-deċiżjoni. |
|
23 |
Dawn iż-żewġt iqrati, essenzjalment, iddeċidew li l-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ biss taħt id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru VIII‑1864 dwar l-Approvazzjoni, id-Dħul fis-Seħħ u l-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Ċivili Litwan, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, li tirregola l-kuntratti ta’ trasport, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet taċ-CMR, u li fil-każ ta’ kunflitt għandhom jipprevalu d-dispożizzjonijiet taċ-CMR. |
|
24 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qrati sostnew li D.V., bħala speditur tal-oġġetti, kien naqas mill-obbligu tiegħu li jipprovdi lit-trasportatur id-dokumenti u l-informazzjoni kompleta neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali – liema fatt kien jiġġustifika l-kundanna tiegħu għar-rimbors lil Kigas tas-somma relatata mad-dazji doganali li din kienet ħallset. Fil-fehma tagħhom, dawn id-dazji doganali ma setgħux jitqiesu li jagħmlu parti mir-remunerazzjoni għat-trasport ta’ dawn l-oġġetti. |
|
25 |
F’dan il-kuntest, D.V. ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
26 |
D.V. isostni li, fil-kuntest tal-kuntratt konkluż ma’ Kigas, l-obbligu ta’ informazzjoni tal-konsumatur impost fuq il-kummerċjant bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/83 jinkludi l-obbligu li jipprovdilu informazzjoni ddettaljata dwar id-dazji doganali, ir-rata tagħhom u d-dokumenti neċessarji għat-twettiq tal-proċeduri doganali. L-obbligu tal-ispeditur, previst fl-Artikolu 11 taċ-CMR, li jipprovdi lit-trasportatur id-dokumenti u l-informazzjoni neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali u oħrajn japplika biss meta l-konsumatur ikun irċieva minn qabel l-informazzjoni ddettaljata li għandha tiġi pprovduta lilu konformement ma’ dan l-Artikolu 5. |
|
27 |
Kigas issostni li, bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport ta’ merkanzija għall-benefiċċju ta’ konsumatur ma huwiex obbligat jipprovdilu informazzjoni dwar il-proċeduri doganali, id-dazji doganali u d-dokumenti neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali. Skont din il-kumpannija, konformement mal-Artikolu 11 taċ-CMR, il-konsumatur għandu, fil-kapaċità tiegħu ta’ speditur, jipprovdi din l-informazzjoni lill-kummerċjant. |
|
28 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar, minn naħa, li l-kawża prinċipali tikkonċerna trasport internazzjonali ta’ oġġetti bit-triq intiżi għall-użu personali tal-ispeditur. Konsegwentement, ir-relazzjonijiet kuntrattwali kontenzjużi jikkonċernaw konsumatur u kummerċjant u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83. |
|
29 |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li s-servizz ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni taċ-CMR, premess li dan is-servizz ma jikkostitwixxix trasport ta’ rilokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(4) tagħha. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) taċ-CMR, għall-finijiet tal-formalitajiet doganali jew oħrajn li għandhom jitlestew qabel il-kunsinna tal-merkanzija, l-ispeditur għandu jehmeż id-dokumenti meħtieġa man-nota tal-kunsinna jew iqegħedhom għad-dispożizzjoni tat-trasportatur u għandu jipprovdilu l-informazzjoni kollha meħtieġa. L-Artikolu 11(2) taċ-CMR jistipula li t-trasportatur ma huwiex obbligat jinvestiga l-korrettezza jew l-adegwatezza ta’ dawn id-dokumenti u ta’ din l-informazzjoni u l-ispeditur għandu jkun responsabbli fir-rigward tat-trasportatur għal kwalunkwe dannu kkawżat min-nuqqas, mill-insuffiċjenza jew mill-irregolarità ta’ dawn id-dokumenti u ta’ din l-informazzjoni, ħlief fil-każ ta’ tort jew ta’ negliġenza tat-trasportatur. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/83, li jipprevedi l-obbligu għall-kummerċjant li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi prinċipali tas-servizz, għandux jiġi interpretat b’mod strett, fis-sens li jkopri biss l-informazzjoni dwar il-post ta’ kunsinna tal-oġġetti, l-itinerarju u l-prezz, jew b’mod wiesa’, fis-sens li jimponi fuq il-kummerċjant, li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija lil konsumatur, l-obbligu li jinformah ukoll dwar il-proċeduri doganali applikabbli għat-trasport. F’dan it-tieni każ, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk huwiex biżżejjed għall-kummerċjant li jindika lill-ispeditur-konsumatur li dan tal-aħħar għandu jieħu ħsieb id-dokumenti neċessarji għat-tlestija tal-proċeduri doganali u jħallas id-dazji doganali, jew jekk il-kummerċjant għandux jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti preċiżi li għandhom jiġu ppreżentati lis-servizzi doganali kif ukoll ir-rati u l-ammonti tad-dazji doganali. L-imsemmija qorti hija inklinata li tikkunsidra li l-impożizzjoni ta’ tali piż fuq il-kummerċjant tirriskja li tkun sproporzjonata. |
|
31 |
Fil-fatt, huwa l-ispeditur li jkun jaf bl-aħjar mod, bħala prinċipju, il-proprjetajiet u l-karatteristiċi tal-merkanzija fdata lit-trasportatur kif ukoll l-għan tat-trasport. Skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk l-obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bil-karatteristiċi prinċipali tas-servizz jinkludi l-fatt li l-oġġetti li għandhom jiġu ttrasportati jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri doganali, din l-informazzjoni għandha tkun biss ta’ natura ġenerali. Il-kummerċjant ma jistax jintalab jindika lill-konsumatur id-dokumenti preċiżi li għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana u lanqas li jikkalkola u jikkomunika lill-konsumatur l-ammont preċiż tad-dazji doganali applikabbli. |
|
32 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu, previst fl-Artikolu 5(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE, li l-konsumatur jiġi informat dwar il-prezz tal-oġġett jew tas-servizz bit-taxxi kollha inklużi jew, fejn il-prezz ma jistax raġonevolment jiġi kkalkolat minn qabel minħabba n-natura tal-oġġett jew tas-servizz, il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz u, jekk ikun il-każ, tal-ispejjeż addizzjonali kollha ta’ trasport, ta’ kunsinna jew ta’ spedizzjoni jew, meta dawn l-ispejjeż ma jistgħux raġonevolament jiġu kkalkolati minn qabel, li jiġi informat li dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu dovuti, jimplikax, għall-kummerċjant li jipprovdi lill-konsumatur servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, l-obbligu li jinforma lil dan tal-aħħar bid-dazji doganali, bir-rati u bl-ammonti, applikabbli għal dan it-trasport. |
|
33 |
Din il-qorti tqis ukoll li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata kemm b’mod strett, kif ukoll b’mod wiesa’, peress li l-konklużjoni hija li l-kummerċjant huwa għalhekk, rispettivament, eżentat milli jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni dwar ir-rati u l-ammonti tad-dazji doganali, jew obbligat li jipprovdi din l-informazzjoni. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
35 |
Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi li hija tagħmel, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ dan (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Almirall, C‑589/24, EU:C:2026:217, punti 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja intiża biex jiġi ppreċiżat jekk il-kuntratt ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġie konkluż bit-telefon, għandux jitqies bħala kuntratt li ma huwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, bil-konsegwenza li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi mill-kummerċjant jkollha tiġi pprovduta konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/83 jew jekk, għall-kuntrarju, dan il-kuntratt għandux jitqies bħala kuntratt mill-bogħod fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li, bħala qorti ta’ kassazzjoni, hija marbuta mill-konstatazzjonijiet tal-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell, fejn għalhekk ma tevalwax hija stess il-fatti u tiddeċiedi esklużivament fuq il-punti ta’ liġi. Hija indikat li, fuq il-bażi tal-elementi fattwali hekk ikkonstatati, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li huwa kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva u li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kummerċjant lill-konsumatur kienet għalhekk irregolata mill-Artikolu 5 tagħha. |
|
37 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok, sabiex tingħata risposta għaż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/83. |
Fuq id-domandi preliminari
|
38 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) (a) u (c) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq bi tluq minn pajjiż terz u b’destinazzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni jimplika li l-ispeditur‑konsumatur għandu jiġi informat li l-importazzjoni tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni tista’ tirrikjedi t-twettiq ta’ formalitajiet doganali u li jistgħu jkunu dovuti dazji doganali. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kummerċjant għandux jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana kif ukoll dwar ir-rati u l-ammonti tad-dazji doganali applikabbli. |
|
39 |
Preliminarjament, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li t-tilwima bejn D.V. u Kigas taqa’, skont il-qorti tar-rinviju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni taċ-CMR. |
|
40 |
Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 1 taċ-CMR, din il-konvenzjoni tapplika għal kull kuntratt ta’ trasport bi ħlas ta’ merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi, meta l-post previst għall-ġbir tal-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna, kif indikati fil-kuntratt, jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti u li mill-inqas wieħed minnhom ikun Stat kontraenti. |
|
41 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda kuntratt ta’ trasport bi ħlas ta’ merkanzija bit-triq, bi tluq min-Norveġja u b’destinazzjoni lejn il-Litwanja, li t-tnejn huma Stati kontraenti għaċ-CMR, u li dan is-servizz ma jikkostitwixxix trasport ta’ rilokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(4) taċ-CMR. |
|
42 |
Min-naħa l-oħra, kif jipprevedi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/83, kull kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Issa, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li D.V., li kkonkluda l-kuntratt ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ Kigas, professjonist tat-trasport, kellu l-kwalità ta’ konsumatur, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, peress li aġixxa għal finijiet li ma kinux jaqgħu fil-qafas tal-attività kummerċjali, industrijali, artiġjanali jew professjonali tiegħu. Għaldaqstant, dan il-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83. |
|
43 |
Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7 tagħha, l-imsemmija direttiva hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiggarantixxi li dawn jiġu informati u billi tiggarantixxi s-sigurtà tagħhom fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-politiki tal-Unjoni hija stabbilita fl-Artikolu 169 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 34). |
|
44 |
Konsegwentement, id-Direttiva 2011/83 hija intiża sabiex il-konsumaturi jibbenefikaw minn protezzjoni estiża, billi tagħtihom ċerti drittijiet. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni, hija, għall-konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Fil-fatt, huwa fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma kummerċjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punti 35 u 36). |
|
45 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/83 jipprevedi li l-kummerċjant għandu, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt li ma huwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew b’offerta tal-istess tip, jipprovdi tipi differenti ta’ informazzjoni lil dan il-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem, sakemm din l-informazzjoni ma tirriżultax mill-kuntest. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, kemm tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni, li tippermetti lil dan il-konsumatur jiddeċiedi jekk ikunx jixtieq jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant, kif ukoll tal-informazzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni t-tajba ta’ dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Victorinox, C‑179/21, EU:C:2022:353, punt 26). |
|
46 |
B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali li jinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/83, dan tal-aħħar jipprevedi li l-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur bil-karatteristiċi prinċipali tal-oġġett jew tas-servizz, sa fejn ikun xieraq għall-mezz ta’ komunikazzjoni użat u għall-oġġett jew servizz ikkonċernat. |
|
47 |
Minn dan isegwi li l-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata minn qabel, minn kummerċjant, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, għandha tiġi evalwata skont, b’mod partikolari, in-natura tas-servizz. |
|
48 |
Issa, il-fatt li l-importazzjoni tal-merkanzija ttrasportata tista’ teħtieġ formalitajiet doganali jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport ipprovdut, billi jdewwem jew saħansitra jipprekludi l-kunsinna tal-merkanzija jew billi joħloq spejjeż addizzjonali. Għaldaqstant, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tan-natura transkonfinali tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija u tal-fatt li l-importazzjoni tagħhom minn pajjiż terz tista’, jekk ikun il-każ, tkun suġġetta għal dazji doganali, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-formalitajiet doganali jikkostitwixxu waħda mill-karatteristiċi prinċipali ta’ dan it-tip ta’ kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/83, li bihom konsumatur għandu jiġi informat mill-kummerċjant qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. |
|
49 |
Konsegwentement, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasportatur kummerċjant huwa obbligat jinforma lill-konsumatur li l-importazzjoni tal-merkanzija ttrasportata tista’ teżiġi t-twettiq ta’ formalitajiet doganali. |
|
50 |
B’kuntrast, meta huwa jieħu ħsieb esklużivament it-trasport tal-merkanzija mingħajr barra minn hekk ma jwettaq servizz ta’ senserija doganali, dan il-kummerċjant ma jistax ikun obbligat jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-Artikolu 11(1) u (2) taċ-CMR jirriżulta li huwa l-ispeditur li għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tat-trasportatur id-dokumenti neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali u li t-trasportatur ma huwiex obbligat jeżamina jekk dawn id-dokumenti humiex eżatti jew suffiċjenti. |
|
51 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur bil-prezz totali tal-oġġett jew tas-servizz bit-taxxi kollha inklużi jew, fejn il-prezz ma jistax raġonevolment jiġi kkalkolat minn qabel minħabba n-natura tal-oġġett jew tas-servizz, il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz, kif ukoll, jekk ikun hemm lok, l-ispejjeż addizzjonali kollha ta’ trasport, ta’ kunsinna jew ta’ spedizzjoni jew, fejn dawn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, l-indikazzjoni li dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu dovuti. |
|
52 |
Mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, qabel kollox, jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn l-indikazzjoni tal-prezz finali u dik relatata mal-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-prezz, sussegwentement, jirriżulta li hija n-natura tas-servizz li tiddetermina s-sitwazzjoni li fiha l-imsemmi prezz ma jistax raġonevolment jiġi kkalkolat minn qabel mill-kummerċjant, u, fl-aħħar nett, jirriżulta li, jekk il-kummerċjant ma jkunx jista’ jindika dan l-istess prezz, huwa għandu jindika l-modalitajiet li fuq il-bażi tagħhom dan huwa kkalkolat jew, fi kliem ieħor, il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz finali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, NEW Niederrhein Energie und Wasser, C‑518/23, EU:C:2025:35, punt 30). Barra minn hekk, indipendentement mill-indikazzjoni tal-prezz totali jew mill-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-prezz, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż addizzjonali li jistgħu jingħaddu mal-prezz totali tas-servizz u li, jekk ma jistgħux jiġu kkalkolati minn qabel, għandhom jiġu indikati lill-konsumatur bħala li jistgħu jkunu dovuti. |
|
53 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(1)(i) taċ-CMR jirriżulta li d-dazji doganali jinsabu fost l-“ispejjeż relatati mat-trasport” li għandhom jissemmew fin-nota ta’ kunsinna ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq. |
|
54 |
Sa fejn dawn huma eżiġibbli mhux minħabba l-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport bħala tali, iżda minħabba l-introduzzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni tal-merkanzija ttrasportata, id-dazji doganali għandhom jitqiesu bħala spejjeż addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, li jingħaddu mal-prezz totali tas-servizz ta’ trasport. |
|
55 |
Fil-fatt, minħabba l-fatt li d-dazji doganali huma kkalkolati skont il-merkanzija li għandha tiġi ttrasportata, il-kummerċjant jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jkun jaf, minn qabel u b’mod preċiż, il-komponenti kollha tal-prezz totali, b’tali mod li jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jikkomunika lill-konsumatur il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-prezz b’mod tali li l-persuna kkonċernata tkun tista’ twettaq dan il-kalkolu hija stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, NEW Niederrhein Energie und Wasser, C‑518/23, EU:C:2025:35, punt 38). |
|
56 |
F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, ma huwiex dejjem possibbli għall-kummerċjant li jikkalkola l-prezz totali tas-servizz “bit-taxxi kollha inklużi” qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport, b’mod partikolari peress li l-ammont eżatt tad-dazji doganali jista’ jiddependi minn ċerti elementi li jistgħu ma jkunux magħrufa minn qabel, bħal, pereżempju, il-valur tal-merkanzija, il-klassifikazzjoni tariffarja tagħha u l-oriġini tagħha. |
|
57 |
Għalhekk, fil-kuntest tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjant huwa obbligat jinforma lill-konsumatur biss bil-fatt li jistgħu jkunu dovuti dazji doganali, li jikkostitwixxu spejjeż addizzjonali li għandhom jitħallsu minn dan tal-aħħar li ma jistgħux raġonevolment jiġu kkalkolati minn qabel u integrati fil-prezz tas-servizz ta’ trasport. |
|
58 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq bi tluq minn pajjiż terz u b’destinazzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni jimplika li l-ispeditur‑konsumatur għandu jiġi informat li l-importazzjoni tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni tista’ tirrikjedi t-twettiq ta’ formalitajiet doganali u li jistgħu jkunu dovuti dazji doganali minn dan il-konsumatur. Min-naħa l-oħra, il-kummerċjant la huwa obbligat li jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana u lanqas li jindika r-rati u l-ammonti tad-dazji doganali applikabbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq bi tluq minn pajjiż terz u b’destinazzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni jimplika li l-ispeditur‑konsumatur għandu jiġi informat li l-importazzjoni tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni tista’ tirrikjedi t-twettiq ta’ formalitajiet doganali u li jistgħu jkunu dovuti dazji doganali minn dan il-konsumatur. Min-naħa l-oħra, il-kummerċjant la huwa obbligat li jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana u lanqas li jindika r-rati u l-ammonti tad-dazji doganali applikabbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.