KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fil‑11 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑58/24
NE,
MY,
HJ,
XF,
WB,
UV,
VK,
JU,
RJ,
DZ
vs
An Bord Pleanála,
Minister for Housing, Local Government and Heritage, (L-Irlanda)
The Attorney General,
Parti notifikata:
Drumakilla Limited
(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – L-ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 12 – Sistema ta’ protezzjoni stretta għal ċerti speċi ta’ annimali – Artikolu 16 – Deroga mogħtija b’antiċipazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess ta’ ippjanar għal proġett kopert bid-Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 11 – Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus – Artikolu 9(2) – Awtonomija proċedurali – Prinċipju ta’ effikaċja – Regoli proċedurali biex tkun ikkontestata l-validità ta’ deċiżjoni ta’ deroga u deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp)
I. Daħla
|
1. |
Dawn il-Konklużjonijiet jikkonċernaw talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva Habitat ( 2 ) u tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Effetti fuq l-Ambjent (SEA) ( 3 ). Ir-rinviju sar mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), fil-kuntest tal-kawża mressqa minn grupp ta’ persuni fiżiċi ( 4 ) kontra d-deċiżjoni ta’ deroga mogħtija mill-awtoritajiet Irlandiżi, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, biex jitħaffef il-bini ta’ plots residenzjali f’dak li qabel kien il-monasteru Karmelitan f’Delgany (il-Kontea ta’ Wicklow fl-Irlanda) ( 5 ). Dak il-monasteru bħalissa huwa l-post ta’ kolonja kbira ta’ friefet il-lejl żgħar, li huma speċi strettament protetta elenkata fl-Anness IV tad-Direttiva Habitat ( 6 ). |
|
2. |
It-talba toriġina mill-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx il-validità tad-deċiżjoni ta’ deroga inkwistjoni fil-perjodu li, skont il-qorti tar-rinviju, hija stabbilita bil-liġi Irlandiża. Dik id-deroga – li, fil-fehma tal-qorti, hija motivata “b’mod assurd” – kienet ikkontestata fl-istess waqt bħad-deċiżjoni li kienet tat il-kunsens għall-żvilupp għall-proġett, wara li dak il-perjodu kien skada. Skont il-qorti tar-rinviju, dan ifisser li r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ deroga għandu jitqies skadut u għandu jkun miċħud, bla ħsara għal kull regola tad-dritt tal-Unjoni li tista’ teżiġi riżultat kuntrarju. |
|
3. |
Din il-kawża tqajjem, fl-ewwel lok, kwistjonijiet ta’ natura proċedurali. B’mod partikulari, hija teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk regola proċedurali tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi perijodu ta’ żmien differenti li fih tkun tista tiġi kkontesta l-validità ta’, minn naħa, deċiżjoni ta’ deroga mogħtija skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat u, min-naħa l-oħra, deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA, tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, 5speċifikament fid-dawl tal-prinċipju ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja stabbilit fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 7 ). Għal dak l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tirrifletti fuq il-konsegwenzi proċedurali li jirriżultaw mis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement (C‑463/20, UE:C:2022:121) ( 8 ), - li fiha hija ddikjarat, fil-qofol, li deċiżjoni ta’ deroga addottata skont id-Direttiva Habitat tagħmel parti, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp stabbilita mid-Direttiva SEA. Fit-tieni lok, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti gwida ulterjuri dwar il-kundizzjonijiet sostantivi li magħhom awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tikkonforma meta hija tippermetti lil żviluppatur għal proġett kopert mid-Direttiva SEA jidderoga mill-projbizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva Habitat. |
II. Qafas Legali
A. Id-dritt internazzjonali
|
4. |
L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Aarhus, bit-titolu “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprovdi: “[…] 2. Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat
[…] 5. Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jkunu iktar effettivi, kull Parti għandha tiżgura li l-pubbliku jiġi informat dwar il-possibbiltà mogħtija lilu li jibda proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, u għandha tikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ għajnuna intiżi li jeliminaw jew inaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew oħrajn li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
B. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
1. Id-Direttiva Habitat
|
5. |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva Habitat hija din li ġejja: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu: […]
[…]
|
|
6. |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat jipprovdi: “Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15(a) u (b):
[…]
[…]” |
|
7. |
L-Anness IV tad-Direttiva Habitat, bit-titolu “Annimali u speċi ta’ pjanti ta’ interess għall-komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib”, jistabbilixxi: “[…] (a) ANNIMALI VERTEBRATI […] MICROCHIROPTERA […]” |
2. Id-Direttiva SEA
|
8. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva SEA jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima tal-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent. 2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[…]
[…]
[…]” |
|
9. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva SEA jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4. […]” |
|
10. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva SEA jgħid: “[…] 2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b). […] 4. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeħtieġu determinazzjoni għal proġetti elenkati fl-Anness II, l-iżviluppatur għandu jipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinifikattivi li dan x’aktarx ikollu fuq l-ambjent. Il-lista dettaljata tat-tagħrif li għandu jiġi pprovdut hija speċifikata fl-Anness II.A. […] […]” |
|
11. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA jipprovdi: “[…] 2. Bil-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effikaċi tal-pubbliku kkonċernat fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-pubbliku għandu jiġi infurmat dwar il-materji li ġejjin b’mod elettroniku u b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra xierqa kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ raġonevolment jiġi pprovdut:
[…]” |
|
12. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA jistabbilixxi regoli dwar proċeduri miġjuba kontra deċiżjonijiet li jkunu suġġetti għal parteċipazzjoni pubblika skont id-Direttiva SEA: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:
ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. 2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet. […] 5. Biex iżidu l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitpoġġew għad-disponibbilità tal-pubbliku tagħrif prattiku dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju.” |
C. Id-dritt Irlandiż
|
13. |
Ir-regola 21 tal-Ordni 84 tar-Regoli tal-Qrati Superjuri ( 9 ) tipprovdi: “(1) Rikors għal permess biex issir applikazzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju għandu jsir fi żmien tliet xhur mid-data meta l-motivi għar-rikors ikunu tqajmu għall-ewwel darba. […] (3) Minkejja s-subregola (1), il-Qorti tista’, wara rikors għal dak il-fini, testendi l-perjodu li fih jista’ jsir rikors għal permess biex issir talba għal stħarriġ ġudizzjarju, iżda l-Qorti għandha testendi tali perijodu biss jekk tkun issodisfatta li:
[…]” |
III. Fatti, proċedura u d-domandi rinvjati
|
14. |
Fis‑17 ta’ Jannar 2020, b’antiċipazzjoni għal permess ta’ ippjanar għal proġett ta’ żvilupp, Drumakilla Limited ( 10 ) issottomettiet lil National Parks and Wildlife Service (L-Irlanda) applikazzjoni għal deċiżjoni ta’ deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat. L-applikazzjoni kienet dwar friefet il-lejl żgħar, li strettament huma speċi protetti skont l-Anness IV ta’ dik id-direttiva, b’mod partikulari taħt il-grupp ta’ annimali Microchiroptera. Id-deċiżjoni ta’ deroga ngħatat fl‑4 ta’ Marzu 2020 u sussegwentement kienet emendata fil‑21 ta’ Lulju 2020 biex tinkludi l-farfett il-lejl ta’ kulur kannella b’widnejh twal (Plecotus auritus). |
|
15. |
Fil‑21 ta’ Ottubru 2020, Drumakilla applikat għal permess ta’ ippjanar għall-proġett ta’ żvilupp. L-applikazzjoni kellha magħha, inter alia, rapport ta’ screening dwar valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u d-deċiżjoni ta’ deroga emendata. |
|
16. |
Fil‑15 ta’ Frar 2021, An Bord Pleanála (Il-Bord tal-Ippjanar Irlandiż) approva l-permess ta’ ippjanar għall-proġett ( 11 ). Fid-deċiżjoni tiegħu, huwa qies li r-rapport ta’ screening mibgħut minn Drumakilla kien identifika u ddeskriva adegwatament l-effetti li seta’ jkun hemm tal-proġett ta’ żvilupp fuq l-ambjent. Barra minn dan, fil-fehma ta’ An Bord Pleanála, l-iżvilupp propost x’aktarx li ma kienx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba n-natura u l-lok tas-sit. Huwa, għalhekk, ikkonkluda li ma kinitx meħtieġa evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. |
|
17. |
Fil‑25 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw id-deċiżjoni dwar il-permess ta’ ippjanar u d-deċiżjoni ta’ deroga. |
|
18. |
Il-High Court (il-Qorti Għolja) (l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni dwar il-permess ta’ ippjanar. Għall-kuntrarju, hija aġġornat għal iktar sottomissjonijiet fil-kontestazzjoni miġjuba kontra d-deċiżjoni ta’ deroga. |
|
19. |
F’dak ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tgħid, fl-ewwel lok, li, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ deroga turi li ma hemmx alternattivi sodisfaċenti għall-għoti ta’ dik id-deroga, iċ-ċirkustanzi juru li ma kienet tqieset ebda alternattiva b’impatt inqas fuq speċi strettament protetti, jew dwar l-għażla alternattiva li ma tingħatax il-liċenzja. Jista’ jinftiehem minn dan li x’aktarx ma kienet ingħatat ebda konsiderazzjoni bħal din dwar alternattivi. Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tindika li d-deċiżjoni ta’ deroga tgħid li din ittieħdet fl-interess tal-protezzjoni tal-ispeċi kkonċernati, konklużjoni li, fil-fehma ta’ dik il-qorti, hija “manifestament irraġonevoli u tabilħaqq assurda”. |
|
20. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont il-liġi Irlandiża, ma hemm ebda statut speċifiku li jindika t-terminu għall-kontestazzjoni tal-validità ta’ deċiżjoni ta’ deroga; li jfisser li japplikaw ir-regoli ġenerali dwar stħarriġ ġudizzjarju għal dik il-kontestazzjoni. F’dak ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont ir-regola 21 tal-Ordni 84 tar-RQS, rikors għal permess biex wieħed japplika għal stħarriġ ġudizzjarju għandu jsir fi żmien tliet xhur mid-data meta jkunu tqanqlu għall-ewwel darba motivi għar-rikors jew, dwar talba addizzjonali mir-rikorrenti, mid-data li fiha rikorrent isir jaf jew kien messu jkun jaf dwar id-deċiżjoni kkontestata. |
|
21. |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li sakemm, skont id-dritt Irlandiż, deċiżjoni ta’ deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat tikkostitwixxi deċiżjoni sostantiva separata, u ma tkunx tagħmel parti minn sensiela ta’ deċiżjonijiet ad interim li jwasslu għal kunsens definittiv għal proġett, hija għandha tkun ikkontestata separatament fiż-żmien tat-terminu statutorju stabbilit bir-regola 21 tal-Ordni 84 tar-RQS, u mhux wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni għal permess ta’ ippjanar. Dawk it-termini huma, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, prevedibbli raġonevolment. |
|
22. |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, fil-każ tal-kawża prinċipali, ir-rikorrenti ma kkontestawx id-deċiżjoni ta’ permess ta’ ppjanar abbażi tad-difetti fid-deċiżjoni ta’ deroga. Din hija r-raġuni għaliex, skont dik il-qorti, id-deċiżjoni ta’ permess ta’ ppjanar ġiet miċħuda għalkemm il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ deroga tibqa’ pendenti. |
|
23. |
Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tinnota li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx il-validità tad-deċiżjoni ta’ deroga fi żmien tliet xhur minn meta saru jafu jew messhom saru jafu biha, jiġifieri mid-data li fiha Drumakilla applikat għal permess ta’ ppjanar. Għaldaqstant, dik il-qorti tqis li dik il-kontestazzjoni hija tardiva u għandha tiċħadha. Il-qorti tar-rinviju hija inklinata tkun tal-fehma li ma hemmx regola tad-dritt tal-Unjoni li teżiġi riżultat kuntrarju. Madankollu, minħabba li din il-ħaġa mhijiex għal kollox lil hinn minn kull dubju, il-qorti tar-rinviju qieset li jkun xieraq li tirrinvija l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
24. |
Huwa f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Għolja tal-Irlanda ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti of Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
|
25. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Jannar 2024. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Minister for Housing, Local Government and Heritage (l-Irlanda), l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammet ebda seduta f’din il-kawża. Madankollu, il-partijiet wieġbu bil-miktub għad-domandi magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Marzu 2025. |
IV. Analiżi
|
26. |
Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, b’mod partikulari fid-dawl tal-prinċipju ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja stabbilit fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni Aarhus. |
|
27. |
B’mod aktar speċifiku, permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva SEA, b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha, għandux ikun interpretat fis-sens li, meta proġett ta’ żvilupp ma jkunx jista jiġi awtorizzat mingħajr ma l-iżviluppatur ikun l-ewwel kiseb deċiżjoni ta’ deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, dik id-deċiżjoni għandha titqies bħala parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp, b’mod partikulari għal finijiet li ma jkunux relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ materji li jkollhom ikunu eżaminati skont id-Direttiva SEA (l-ewwel domanda). Il-qorti tar-rinviju tagħmel dik id-domanda biex tiċċara iktar jekk il-perijodu biex tiġi kkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ deroga jistax jintemm qabel id-data ta’ deċiżjoni dwar kunsens għall-iżvilupp, speċifikament meta l-applikant ma jikkontestax il-validità tad-deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp abbażi ta’ difetti fid-deċiżjoni ta’ deroga (it-tieni domanda). Għall-kuntrarju, jekk wieħed jassumi li l-perijodu li fih setgħet tkun ikkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ deroga seta’ jintemm qabel id-data tad-deċiżjoni dwar kunsens għall-iżvilupp, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dak il-perjodu kellux ikun speċifikat fil-leġislazzjoni adottata jew fit-tagħrif prattiku msemmi fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva SEA, jew jekk setax sempliċement ikun raġonevolment prevedibbli (it-tielet domanda). |
|
28. |
Wara dan, permezz tal-aħħar żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju titlob li jkun iċċarat, essenzjalment, (i) jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat jeħtieġx eżami effettiv ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-ispeċi protetti kkonċernati qabel it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ deroga (ir-raba’ domanda), u (ii) jekk dik id-dispożizzjoni tipprekludix awtorità kompetenti milli tikkonkludi li jkun fl-interess tal-protezzjoni ta’ fawna u flora selvaġġi u tal-konservazzjoni ta’ habitati naturali li tittieħed deċiżjoni li tawtorizza li żviluppatur jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 ta’ dik id-direttiva biex iwettaq proġett ta’ żvilupp (il-ħames domanda). |
|
29. |
Sakemm l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda huma relatati mal-istess kwistjoni proċedurali, dwar il-kundizzjonijiet għal termini li japplikaw skont id-dritt nazzjonali biex tkun ikkontestata l-validità ta’ deċiżjoni ta’ deroga mogħtija skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat biex jitwettaq proġett li jaqa’ taħt id-Direttiva SEA, jiena ser neżaminahom flimkien. Wara ser neżamina r-raba’ u l-ħames domanda, li għandhom rabta mal-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom ikunu aċċettati minn awtorità kompetenti meta tiġi biex tiddeċiedi jekk tagħtix deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi biex jitħaffef proġett ta’ żvilupp. |
A. L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda
|
30. |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tfittex li, essenzjalment, taċċerta ruħha jekk l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva SEA għandux ikun interpretat fis-sens li perijodu ta’ dekadenza li fih tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità ta’ deċiżjoni ta’ deroga meħuda skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, għall-finijiet ta’ proġett ta’ żvilupp skont id-Direttiva SEA, jistax jintemm qabel id-data li fiha jingħata l-kunsens għall-iżvilupp. Jekk dan huwa minnu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, permezz tat-tielet domanda tagħha, jekk l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva SEA għandux ikun interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ dekadenza applikabbli għal deċiżjonijiet ta’ deroga għandhom ikunu stabbiliti espressament fil-leġislazzjoni nazzjonali jew fit-tagħrif prattiku msemmi f’dik dispożizzjoni tad-direttiva. |
|
31. |
Bħala osservazzjoni preliminari, infakkar li, skont l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva SEA, ċerti proġetti li jikkonsistu fit-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ( 12 ) jeħtieġu, qabel ma jingħata kunsens għall-iżvilupp mill-awtoritajiet kompetenti, (i) valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u (ii) parteċipazzjoni pubblika. |
|
32. |
Dwar il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, din essenzjalment tikkonsisti f’rapport li jkopri l-effetti sinjifikattivi kollha li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent ( 13 ). Dik il-valutazzjoni tkun sistematika ( 14 ) għat-tipi ta’ proġetti elenkati fl-Anness I għad-Direttiva SEA ( 15 ), filwaqt li għal dawk elenkati fl-Anness II tagħha, inklużi proġetti ta’ żvilupp urban, bħalma fil-każ fil-kawża prinċipali, dik id-direttiva tħalli għall-Istati Membri li jiddeterminaw jekk proġett għandux ikun suġġett għaliha ( 16 ). Għal dak it-tip ta’ proġett, l-iżviluppatur għandu, madankollu, jagħti informazzjoni li tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinjifikattivi li x’aktarx ikollu fuq l-ambjent ( 17 ). Barra minn dan, fejn il-proġett x’aktarx ikollu impatt fuq speċi protetti strettament skont id-Direttiva Habitat, il ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li dak l-impatt għandu jkun indirizzat waqt il-valutazzjoni tal-ambjent tal-proġett ( 18 ). |
|
33. |
Wara dan, dwar parteċipazzjoni pubblika, dik il-parteċipazzjoni tirreferi għall-proċess li bih il-pubbliku kkonċernat, kif definit fl-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva SEA, ikollu l-opportunità jesprimi l-fehmiet, tiegħu, sabiex jistgħu jittieħdu inkonsiderazzjoni fid-deċiżjoni finali (il-kunsens għall-iżvilupp). L-għan ewlieni ta’ parteċipazzjoni pubblika huwa li jkun żgurat li l-pubbliku kkonċernat ikollu sehem effettiv fi stadju kmieni fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-ambjent, li jikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni pubblika ta’ kwistjonijiet ambjentali u t-tisħiħ tas-sostenn pubbliku għad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu ( 19 ). Dak l-għan jissaħħaħ iktar bl-assigurazzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu jkollu aċċess għal proċeduri ta’ stħarriġ biex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni pubblika tad-Direttiva SEA ( 20 ). Huwa importanti jkun innotat li d-derogi mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ispeċi għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku kkonċernat ( 21 ). |
|
34. |
Barra minn dan, il-Qorti diġà kellha l-opportunità tindirizza r-rabta li teżisti bejn, minn naħa, deċiżjoni ta’ deroga meħuda skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp stabbilita bid-Direttiva SEA. Dik kienet id-domanda ċentrali li s-sentenza Namur-Est Environnement wieġbet, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fl-ewwel lok, jekk deċiżjoni ta’ deroga għandhiex titqies parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp meta dik id-deċiżjoni tittieħed biex jitwettaq proġett li jaqa’ taħt l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA. B’rabta ma’ dik id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll, fit-tieni lok, jekk il-parteċipazzjoni pubblika mitluba għal proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA kellhiex tkun diġà żgurata qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ deroga. |
|
35. |
Huwa importanti jkun innotat li, fis-sentenza Namur-Est Environnement, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li deroga mogħtija skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat tikkostitwixxi deċiżjoni preliminari ( 22 ) li fiha biss valutazzjoni parzjali tal-effetti li proġett jista’ jkollu fuq speċi protetti strettament ( 23 ). Għal dik ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li deċiżjoni ta’ deroga għandha bilfors tittieħed qabel ma jingħata kunsens għall-iżvilupp ( 24 ). Barra minn dan, il-Qorti ddeċidiet li, fejn Stat Membru jagħti s-setgħa li ssir valutazzjoni tal-effetti ta’ proġett skont id-Direttiva Habitat lil awtorità li ma tkunx dik li toħroġ il-kunsens għall-iżvilupp, dik il-valutazzjoni parzjali ma tistax tippreġudika l-valutazzjoni globali li dik l-awtorità tal-aħħar ikollha f’kull każ twettaq ( 25 ). Fuq dik il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li deċiżjoni ta’ deroga u deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp jagħmlu parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp, fejn, fl-ewwel lok, il-proġett ma jkunx jista’ jitwettaq qabel ma l-iżviluppatur ikun l-ewwel kiseb id-deċiżjoni ta’ deroga u, fit-tieni lok, l-awtorità kompetenti għall-għoti ta’ kunsens għall-iżvilupp iżżomm il-kapaċità li tivvaluta l-impatt ambjentali tal-proġett b’mod iktar strett minn dak li jkun sar f’dik id-deċiżjoni ( 26 ). |
|
36. |
Għalkemm is-sentenza Namur-Est Environnement kienet dwar proġett suġġett għar-rekwiżit ta’ valutazzjoni sħiħa tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA ( 27 ), dak li sabet il-Qorti f’dik is-sentenza għandu japplika fejn ikun għall-Istat Membru li jiddetermina, skont l-Artikolu 4(2), jekk proġett għandux issirlu dik il-valutazzjoni (screening), kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali. |
|
37. |
F’dan ir-rigward, nenfasizza, l-ewwel nett, li, kemm il-valutazzjoni sħiħa tal-impatt u l-valutazzjoni tal-iscreening għandhom l-għan li jiżguraw li kunsiderazzjonijiet ambjentali jkunu integrati fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet stabbilit bid-Direttiva SEA għal proġetti ta’ żvilupp ( 28 ), inklużi dawk magħmula abbażi ta’ tagħrif li l-pubbliku li x’aktarx ikun ikkonċernat mill-proġett inkwistjoni jkun intitolat li jipprovdi skont dik id-direttiva ( 29 ). |
|
38. |
Barra minn dan, bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Namur-Est Environnement, id-deċiżjoni ta’ deroga tikkostitwixxi deċiżjoni preliminari għall-finijiet tad-deċiżjoni li jkollha tittieħed skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva SEA. L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva SEA ma jħalli ebda dubju f’dak ir-rigward, minħabba li jiddikjara espressament li, f’dawk il-każijiet, id-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti għandha ssir abbażi tar-riżultati tal-verifiki preliminari jew valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent magħmula skont leġislazzjoni tal-Unjoni minbarra d-Direttiva SEA, inkluża, għalhekk, id-Direttiva Habitat. |
|
39. |
Fl-aħħar nett, għall-fini li jiġi deċiż, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva SEA, jekk proġett għandux jgħaddi minn valutazzjoni sħiħa tal-impatt fuq l-ambjent, l-Artikolu 4(3) ta’ dik id-direttiva jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-kriterji rilevanti tal-għażla stabbiliti fl-Anness III ( 30 ). Dan ifisser li, meta l-valutazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ delega skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Habitat ma hijiex allinjata ma’ dawk il-kriterji, l-awtorità kompetenti żżomm is-setgħa li tivvaluta l-impatt tal-proġett b’mod aktar strett dwar l-effetti fuq l-ispeċi protetti, bl-istess mod għal dak li għamlet riferiment għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Namur-Est Environnement. |
|
40. |
Isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fid-digriet tar-rinviju, id-deċiżjoni ta’ deroga inkwistjoni għandha titqies bħala li tagħmel parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp skont kif stipulat f’Namur-Est Environnement ( 31 ). |
|
41. |
Il-mistoqsija tibqa’ jekk, meta deċiżjoni ta’ deroga għandha titqies li tkun tagħmel parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Namur-Est Environnement, id-dritt nazzjonali jistax jeżiġi li dik id-deċiżjoni tkun ikkontestata qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ dekadenza stabbilit fir-rigward tal-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp. |
|
42. |
F’dak ir-rigward, isegwi mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, skont id-Direttiva SEA, l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni jiddeterminaw ir-regoli proċedurali li skonthom tkun tista’ tingħata deċiżjoni finali dwar kunsens għall-iżvilupp ( 32 ). Dak ifisser li huma ma jkollhomx għalfejn jipprovdu għal proċedura waħda li fiha l-effetti ambjentali kollha ta’ proġett ikunu deċiżi permezz ta’ awtorizzazzjoni waħda. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Istati Membri huma intitolati jaqsmu d-diversi kompetenzi relatati mal-valutazzjoni ambjentali ta’ proġett fost diversi awtoritajiet differenti billi jagħtu lil kull waħda minnhom setgħat li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-materja ( 33 ). Isegwi li, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ proġett li jaqa’ taħt id-Direttiva SEA, inkluż fil-proċedura ta’ screening, jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet separati, li neċessarjament ikunu jfissru li huma jistgħu jkunu suġġetti għal kontestazzjoni fi stadji differenti skont id-dritt nazzjonali b’konformità mar-regoli proċedurali stabbiliti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawk il-kontestazzjonijiet. |
|
43. |
Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom skont ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva SEA u b’konformità sħiħa mal-għanijiet tad-Direttiva ( 34 ). B’mod partikulari, billi l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat espressament l-Artikolu 16 tad-Direttiva Habitat fis-sens li deroga mogħtija skont dik id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deċiżjoni preliminari għall-finijiet tal-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva SEA, li ma tistax tippreġudika d-deċiżjoni sussegwenti dwar kunsens għall-iżvilupp mogħtija mill-awtorità kompetenti, dik l-interpretazzjoni ma tistax tibqa’ limitata, fil-fehma tiegħi, għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura sostantiva, kif il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi. Kif ser nispjega hawn taħt, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Namur-Est Environnement għandha neċessarjament timplika konsegwenzi fuq livell proċedurali, inklużi r-regoli fir-rigward tal-perjodi ta’ dekadenza li japplikaw għall-kontestazzjonijiet miġjuba kontra deċiżjoni ta’ deroga, b’mod partikulari għall-pubbliku kkonċernat. |
|
44. |
Mill-bidunett, nosserva li l-Avukata Ġenerali Kokott tiddeskrivi fil-qosor dawk il-konsegwenzi fil-Konklużjonijiet tagħha f’Namur-Est Environnement, li jiena wkoll naqbel magħha ( 35 ). Fil-fehma tagħha, iċ-ċirkustanza li deċiżjoni ta’ deroga tkun provviżorja fin-natura tagħha timplika li jkollha tinġieb kull kontestazzjoni separata kontra dik id-deċiżjoni mingħajr ma jitqiesu l-konstatazzjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent magħmula biex jingħata kunsens għall-iżvilupp ( 36 ). Għalhekk, għandu jkun possibbli li tkun ikkontestata b’mod sħiħ il-valutazzjoni ambjentali, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA, malli l-awtorità kompetenti tkun ħadet id-deċiżjoni finali tagħha dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-proġett inkwistjoni ( 37 ). |
|
45. |
Kif diġà ntqal fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-pożizzjoni dikjarata hawn fuq neċessarjament testendi għal każ fejn ikun għall-Istat Membru, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva SEA, li jiddetermina jekk proġett ta’ żvilupp għandux ikun suġġett għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, billi dik id-deċiżjoni għandha titqies li tifforma parti mill-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp. Barra minn dan, fil-fehma tiegħi, approċċ differenti minn dak deskritt mill-Avukata Ġenerali Kokott fil-Konklużjonijiet tagħha jista’ jikser il-prinċipju ta’ effikaċja li japplika għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, kif rikonoxxuta mid-dritt tal-Unjoni. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dak il-prinċipju jeżiġi li l-Istati Membri ma jistabbilixxux restrizzjonijiet proċedurali li jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni ( 38 ). |
|
46. |
F’dak ir-rigward, huwa importanti jkun innotat li, anki għalkemm ma hemmx ħtieġa legali, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, biex il-pubbliku kkonċernat ikun involut fit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ deroga, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espressament, dwar proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA, li parteċipazzjoni pubblika fir-rigward ta’ dawk id-derogi għandha tkun żgurata b’mod effettiv qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp ( 39 ). Dan japplika għal deċiżjoni li għandha tittieħed skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva SEA, meta l-pubbliku kkonċernat għandu jkun involut għall-fini li jiżgura, bħal fil-każ ta’ valutazzjoni dwar l-impatt sħiħ, li l-fehmiet tal-pubbliku dwar l-effetti fuq l-ambjent jittieħdu inkonsiderazzjoni ( 40 ). |
|
47. |
Għalhekk, jekk deċiżjoni ta’ deroga ma tistax tiġi kkontestata wara li l-pubbliku kkonċernat ikun ġie kkonsultat fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li twassal għall-kunsens għall-iżvilupp, dak il-pubbliku jiġi mċaħħad kemm mid-drittijiet tiegħu ta’ parteċipazzjoni, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mad-Direttiva SEA, u mid-dritt tiegħu ta’ aċċess għal stħarriġ ġudizzjarju. Essenzjalment, dak ikun ifisser li l-għan li jkun żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA u fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni Aarhus ( 41 ), ma jinkisibx. |
|
48. |
Iktar minn hekk, billi deroga meħuda skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Habitat tikkostitwixxi deċiżjoni preliminari suġġetta għal valutazzjoni sussegwenti mill-awtorità kompetenti li tagħti kunsens għall-iżvilupp, dik id-deroga ma tkunx tista’ tilħaq l-iskop kollu tagħha, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, sakemm dik l-awtorità tkun ħadet id-deċiżjoni finali tagħha. Tabilħaqq, ikun biss f’dak l-istadju li l-liċenzja ta’ deroga jkollha tassew effett prattiku, kif l-Irlanda tidher li tirrikonoxxi fl-osservazzjonijiet tagħha, billi l-ebda attività ta’ żvilupp ma tista’ sseħħ qabel dan. |
|
49. |
Għaldaqstant, rekwiżit impost fuq il-pubbliku kkonċernat biex jikkontesta deċiżjoni ta’ deroga li tagħmel parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp qabel ma l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat jekk tkunx meħtieġa l-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva SEA ikollu r-riskju li jikser il-prinċipju ta’ effikaċja. Wara kollox, f’sitwazzjoni bħal din, il-pubbliku kkonċernat ikun meħtieġ jintervjeni quddiem qorti nazzjonali qabel iż-żmien mingħajr ma jkun jista’ jagħmel preżentazzjoni komprensiva tal-każ. Fl-istess waqt, hemm ukoll ir-riskju li dik il-qorti tista’ tagħmel valutazzjoni ġudizzjarja mhux kompluta. Dan kollu flimkien huma jaffettwa l-għan ġenerali li jiġi żgurat stħarriġ effettiv tal-aspetti rilevanti kollha li għandhom impatt fuq is-salvagwardja tal-ispeċi protetti strettament u, għalhekk, fuq wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-Direttiva SEA. |
|
50. |
Isegwi li, fejn deċiżjoni ta’ deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat tagħmel parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp stabbilita bid-Direttiva SEA, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-perijodu li fih tista’ tiġi kkontestata l-legalità ta’ dik id-deroga għall-pubbliku kkonċernat ma jkunx jista’ jintemm qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni finali ta’ kunsens għall-iżvilupp. Xort’oħra, mhux biss id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat ikunu mhedda, iżda tkun affettwata wkoll l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ deroga. |
|
51. |
Il-fehma deskritta hawn fuq hija bla ħsara, l-ewwel, għar-rekwiżit li destinatarju tad-deċiżjoni ta’ deroga, bħal żviluppatur, jikkontesta l-validità ta’ dik id-deċiżjoni fi stadju iktar bikri. Pereżempju, ninnota li s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Hellfire Massy Residents Association (C‑166/22, EU:C:2023:545) kienet dwar leġislazzjoni nazzjonali li, essenzjalment, tikkriminalizza l-istess attivitajiet bħal dawk elenkati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva Habitat ħlief fejn tkun ingħatat deċiżjoni ta’ deroga. F’każ bħal dan, regola proċedurali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkalkula t-terminu għall-kontestazzjoni tal-validità ta’ dik id-deċiżjoni mid-data li fiha tkun ittieħdet jew li fiha setgħet tkun magħrufa, m’għandhiex tkun imqiegħda f’dubju u dan skont il-prinċipju ta’ effikaċja. Iżda, għar-raġunijiet spjegati diġà fil-punti 46 sa 50 iktar ’il fuq, li jirreferu għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni pubblika u għad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja tal-pubbliku kkonċernat, regoli nazzjonali dwar il-kalkolu tat-termini għandhom jiżguraw li dak il-pubbliku għandu l-opportunità li jieħu azzjoni quddiem qorti wara li jkun ittieħed il-kunsens għall-iżvilupp. |
|
52. |
It-tieni, fil-fehma tiegħi, il-konklużjoni milħuqa f’din l-analiżi ma tistax titqiegħed f’dubju b’riferiment għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Wara kollox, billi jkun żgurat li kontestazzjonijiet miġjuba mill-pubbliku kkonċernat kontra deċiżjoni ta’ deroga jistgħu iseħħu biss (i) malli l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat, minn perspettiva ġenerali, jekk proġett jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u (ii) malli tkun ġiet żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku kkonċernat, tista’ tingħata iktar ċertezza legali lill-proċedura fl-intier tagħha. |
|
53. |
It-tielet, għall-fini ta’ din l-analiżi, iċ-ċirkustanza mqajma mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx id-deċiżjoni ta’ permess għall-ippjanar abbażi tad-difetti tad-deċiżjoni ta’ deroga tidher irrilevanti fil-fehma tiegħi. Inkwantu d-deċiżjoni ta’ deroga tifforma parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp, kif ġie argumentat f’dawn il-Konklużjonijiet, l-invalidità ta’ dik id-deċiżjoni għandha neċessarjament ikollha impatt fuq l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp, li ma jistax jitwettaq mingħajr dik id-deċiżjoni. |
|
54. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jiena tal-fehma li Artikolu 11(2) tad-Direttiva SEA għandu jkun interpretat fis-sens li, fejn deċiżjoni ta’ deroga meħuda skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat tagħmel parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp stabbilita fid-Direttiva SEA, il-perijodu li fih tista’ ssir kontestazzjoni tal-legalità ta’ dik id-deroga ma jkunx jista’ jintemm għall-pubbliku kkonċernat qabel id-data tad-deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp. |
|
55. |
Safejn it-tielet domanda rinvjata hija bbażata fuq il-premessa li l-perijodu li fih tista’ ssir kontestazzjoni tal-legalità ta’ liċenzja ta’ deroga jista’ jintemm qabel dik id-data, ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għal dik id-domanda dwar, kif intqal fil-punt 30 hawn fuq, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(5) tad-Direttiva SEA. |
B. Ir-raba’ u l-ħames domanda
|
56. |
Isegwi mill-analiżi tal-ewwel u tat-tieni domanda rinvjati li, fejn japplikaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Namur-Est Environnement, il-perijodu li fih tista’ tkun ikkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ deroga ma jistax jintemm għall-pubbliku kkonċernat qabel id-data tal-kunsens għall-iżvilupp. Minħabba li din hija l-premessa li fuqha huma bbażati r-raba’ u l-ħames domanda rinvjati, jekk il-Qorti taqbel mal-analiżi tiegħi, hija jkollha tagħti risposta wkoll għal dawk domandi. |
|
57. |
Biex infakkar, permezz tar-raba’ u l-ħames domanda rinvjati, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiċċara l-kundizzjonijiet li għandhom jitħarsu, mill-aspett sostantiv, bil-għan li tingħata deċiżjoni ta’ deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk dik id-dispożizzjoni teżiġix eżami effettiv ta’ soluzzjonijiet alternattivi għad-deroga mitluba, pereżempju dwar fejn ikunu jinsabu l-ispeċi kkonċernati jew sempliċement l-alternattiva li ma tingħata xejn dik id-deroga. It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat jipprekludix awtorità kompetenti milli tieħu deċiżjoni ta’ deroga biex jitwettaq proġett ta’ żvilupp għar-raġuni li dak il-proġett ikun fl-interessi tal-protezzjoni ta’ fawna u flora selvaġġa u tal-konservazzjoni ta’ habitati naturali, bħalma l-awtorità kompetenti għamlet fil-każ fil-kawża prinċipali. |
|
58. |
Kif isegwi mill-punti 5 u 6 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, l-Artikolu 12 tad-Direttiva Habitat jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni stretta għall-ispeċi ta’ annimali elenkati fl-Anness IV (a) tagħha. L-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li jkunu żgurati s-sopravvivenza u l-protezzjoni ta’ speċi ta’ annimali vulnerabbli billi jkunu pprojbiti attivitajiet li jistgħu jagħmlu ħsara lilhom jew lill-habitati tagħhom. B’mod partikulari, huwa jipprojbixxi d-deterjorament jew il-qerda ta’ postijiet ta’ tgħammir u ta’ mistrieħ ta’ dawk l-annimali. |
|
59. |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, min-naħa tiegħu, jiddeskrivi fil-qosor il-kundizzjonijiet li bihom Stati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjonijiet għall-miżuri ta’ protezzjoni stretti għal ċerti speċi ta’ annimali u b’hekk jidderogaw mill-Artikolu 12 ta’ dik id-direttiva. Dawk id-derogi huma permessi f’ċirkustanzi speċifiċi, elenkati b’mod preċiż u eżawrjenti, bħal dawk għall-protezzjoni ta’ fawna u flora selvaġġa ( 42 ), jew għal motivi imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika ( 43 ). |
|
60. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki għalkemm l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-Artikolu 12 tagħha, deroga meħuda fuq dik il-bażi, sakemm tkun tippermetti lil dawk l-Istati Membri jiskansaw mill-obbligi skont is-sistema ta’ protezzjoni stretta ta’ speċi naturali, tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u li dik id-deroga ma tkunx ta’ ħsara għaż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni fil-firxa naturali tagħhom ( 44 ). |
|
61. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-piż li tipproduċi prova li dawk il-kundizzjonijiet jeżistu għal kull deroga huwa fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni ta’ deroga. ( 45 ) Barra minn dan, minħabba li l-Artikolu 16 tad-Direttiva Habitat jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ protezzjoni mogħtija minn dik id-direttiva, huwa għandu jkun interpretat restrittivament ( 46 ). Dik id-dispożizzjoni għandha bżonn ukoll tkun applikata sewwa biex tittratta rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi ( 47 ). |
|
62. |
Fl-ewwel lok, wieħed jista’ faċilment jiġi dedott minn dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fejn l-awtorità kompetenti tkun beħsiebha tagħti deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, dik l-awtorità għandha teżamina, bħala pass preliminari, jekk l-għan segwit minn dik id-deroga jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ alternattiva sodisfaċenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat inekwivokament f’dak ir-rigward li deroga tista’ tingħata biss jekk l-għan mitlub mid-deroga ma jkunx jista’ jinkiseb b’mod sodisfaċenti b’soluzzjoni alternattiva ( 48 ). L-obbligu li jkunu eżaminati soluzzjonijiet alternattivi fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal deroga huwa tal-ikbar importanza, minħabba li, skont il-kliem tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, l-assenza ta’ dawk l-alternattivi u ċ-ċirkustanza li l-proġett propost ma jkunx ta’ ħsara għaż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni fil-firxa naturali tagħhom huma kundizzjonijiet minn qabel għal dik id-deroga ( 49 ), li jfisser li tali applikazzjoni għandha tkun miċħuda jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jitħarsux ( 50 ). |
|
63. |
Barra minn dan, huwa importanti jkun innotat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-awtorità kompetenti jkollu jkun akkumpanjat bit-tneħħija ta’ obbligu formali rilevanti ieħor. Tabilħaqq, meta tiġi biex tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal deroga, awtorità kompetenti għandha tagħmel dikjarazzjoni preċiża u adegwata tal-motivi b’riferiment għall-motivi, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat ( 51 ) u, b’mod partikulari, tal-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra li tippermetti li l-objettivi li fuqhom tkun imsejsa d-deroga inkwistjoni jkunu jistgħu jintlaħqu ( 52 ). Huwa importanti jitfakkar li dan l-obbligu huwa kruċjali, inter alia, biex ikun eżerċitat, mill-pubbliku kkonċernat, id-dritt għal aċċess għall-ġustizzja, kif deskritt fl-ewwel parti ta’ dawn il-Konklużjonijiet. Wara kollox, konformità mal-obbligu li jkunu ddikjarati motivi għandha tħalli lil dak il-pubbliku, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi, jifhem il-bażi li fuqha l-awtorità kompetenti ħadet id-deċiżjoni tagħha wara li l-proċedura ta’ deroga tkun tlestiet u b’hekk jiddeċiedi, skont l-aħjar kundizzjonijiet possibbli u b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi, jekk iressaq azzjoni quddiem qorti. Fl-istess waqt, id-dikjarazzjoni tal-motivi għandha tippermetti lil dik il-qorti teżerċita s-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju u li teżamina, b’mod partikulari, jekk id-deċiżjoni tkunx vizzjata jew le b’xi żball ( 53 ). |
|
64. |
F’din il-kawża, isegwi mill-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju li ma kienet eżaminata ebda soluzzjoni alternattiva b’inqas impatt fuq speċi protetti b’mod strett, jew sempliċement l-alternattiva li ma tingħata xejn l-awtorizzazzjoni għall-proġett. Il-qorti tar-rinviju tinnota speċifikament li d-deċiżjoni ta’ deroga inkwistjoni fil-kawża prinċipali qalet biss li “[ma kien hemm] ebda soluzzjoni sodisfaċenti”. Għalkemm huwa għal dik il-qorti li twettaq il-valutazzjoni finali f’dak ir-rigward, wieħed jista’ jiddeduċi minn dik l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tidher li naqset b’mod ċar li twettaq l-obbligi lijoriġinaw mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat, jiġifieri l-obbligu li tkun eżaminata l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti u l-obbligu li tingħata dikjarazzjoni preċiża u adegwata tal-motivi f’dak ir-rigward, kif huwa espressament meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 54 ). |
|
65. |
Fit-tieni lok, dwar jekk awtorità kompetenti tistax tikkonkludi, f’deċiżjoni ta’ deroga, li jkun fl-interess tal-protezzjoni ta’ fawna u flora selvaġġa u tal-konservazzjoni ta’ habitati naturali li hija tawtorizza żviluppatur jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva Habitat, nosserva li dik id-dikjarazzjoni tirreferi, b’mod partikulari, għall-motivi għal deroga stabbiliti fl-Artikolu 16(1)(a) ta’ dik id-direttiva. |
|
66. |
S’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha l-opportunità tinterpreta t-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni fil-ġurisprudenza tagħha. Madankollu, isegwi mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Habitat li l-għoti ta’ deroga għal dik ir-raġuni jitlob li jkun hemm x’juri li d-deroga inkwistjoni ġeneralment tippromwovi l-protezzjoni ta’ fawna u flora selvaġġa u l-konservazzjoni ta’ habitati naturali. Essenzjalment, l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Habitat jipprovdi mekkaniżmu għal bilanċ tal-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ ċerti speċi u habitati mal-ħtieġa potenzjali li jiġu ġestiti speċi jew habitati oħra li jistgħu jkunu mhedda. Dan jippermetti approċċ flessibbli għall-konservazzjoni, billi jkun rikonoxxut li, f’ċerti kuntesti, ikunu meħtieġa interventi biex tkun żgurata s-saħħa fit-tul ta’ ekosistemi. Kif diġà ntqal, peress li l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Habitat jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ protezzjoni mogħtija b’dik id-direttiva, huwa għandu jkun interpretat restrittivament u, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-prinċipju prekawzjonarju ( 55 ). |
|
67. |
F’dak l-isfond, u kif targumenta l-Kummissjoni, jidher li huwa diffiċli tkun tal-fehma li proġett ta’ żvilupp, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, maħsub biex jinbnew plots residenzjali li ser iġib miegħu l-qerda tas-siti ta’ mistrieħ ta’ kolonja ta’ speċi protetta, jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-motiv għal deroga stabbilit fl-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Habitat. Dan huwa iktar minnu jekk jitqies il-fatt li, kuntrarjament għall-obbligi li japplikaw għal awtoritajiet kompetenti, kif diġà tfisser fil-punt 63 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, ma tingħata ebda raġuni li tfisser kif il-proġett inkwistjoni jista’ jgħin biex jitħarsu fawna u flora selvaġġa u l-konservazzjoni ta’ habitati naturali. Isegwi li, skont kif il-qorti tar-rinviju tirraġuna, dawk l-elementi kollha, meħudin flimkien, jindikaw żball ċar mill-awtorità kompetenti f’dak li qalet dwar il-motiv xieraq għad-deroga applikata għall-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
68. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nikkonkludi li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitat għandu jkun interpretat fis-sens li eżami effettiv ta’ soluzzjonijiet alternattivi għandu jsir minn awtorità kompetenti biex tagħti deroga skont dik id-dispożizzjoni u li dik l-awtorità għandha tiddikjara r-raġunijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ġiet applikata d-deroga. Barra minn dan, awtorità kompetenti ma tistax tibbaża ruħha fuq ir-raġuni tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Habitat biex tawtorizza proġett ta’ żvilupp, b’mod partikulari fejn ma jingħatawx raġunijiet li jispjegaw kif dak il-proġett jippromwovi l-protezzjoni ta’ fawna u flora selvaġġa u l-konservazzjoni ta’ habitati naturali. |
V. Konklużjoni
|
69. |
Abbażi tal-analiżi magħmula hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi rinvjati mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102); iktar ’il quddiem id-“Direttiva Habitat”).
( 3 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44; iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).
( 4 ) iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”.
( 5 ) iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ żvilupp”.
( 6 ) Ara wkoll Il-Kummissjoni Ewropea, “Pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni għall-konservazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ friefet il-lejl fl-Unjoni Ewropea (2018‑2024) u “Dokument komplementari”, 13 ta’ Jannar 2023, disponibbli fi https://circabc.europa.eu/ui/group/3f466d71-92a7-49eb-9c63-6cb0fadf29dc/library/2b8bfe05-4fa6-43d5-b82a-c6d484cb82e4/details.
( 7 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali,
iffirmata f’Aarhus (id-Danimarka) fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17; iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).
( 8 ) iktar ’il quddiem is-“sentenza Namur-Est Environnement”.
( 9 ) Iktar ’il quddiem ir-“RQS”.
( 10 ) Iktar ’il quddiem “ Drumakilla” jew “l-iżviluppatur”.
( 11 ) L-għoti ta’ permess ta’ ippjanar għandu jinftiehem li jirreferi għall-kunċett ta’ “kunsens għall-iżvilupp”, kif definit fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva SEA.
( 12 ) Ara l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA.
( 13 ) Ara l-Artikolu 1(2)(g) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva SEA.
( 14 ) Ara l-premessa 8 tad-Direttiva SEA.
( 15 ) Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA. Valutazzjoni sistematika tal-impatt fuq l-ambjent tkun meħtieġa biex proġetti bħal stazzjonijiet ta’ enerġija nukleari, linji tal-ferrovija għal distanzi twal, awtostradi, toroq espressi, installazzjonijiet għar-rimi tal-iskart għal skart perikoluż u digi ta’ ċerta kapaċità. Pereżempju, dik id-dispożizzjoni kienet tapplika għall-proġett ikkonċernat skont is-sentenza Namur-Est Environnement.
( 16 ) Ara l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva SEA, li jipprovdi li tali determinazzjoni tista’ ssir b’analiżi każ b’każ jew permezz ta’ limiti jew kriterji.
( 17 ) Ara l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva SEA u l-Annessi II u II.A tagħha.
( 18 ) Is-sentenza Namur-Est Environnement, paragrafu 52.
( 19 ) Ara l-premessi 16, 17 u l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva SEA.
( 20 ) Ara l-Artikolu 11(1) u (3) tad-Direttiva SEA.
( 21 ) Ara l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva SEA moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(b) tagħha. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Namur-Est Environment (C‑463/20, EU:C:2021:868, punti 48 u 49).
( 22 ) Is-sentenza Namur-Est Environnement, punti 62 u 65.
( 23 ) Ibid., punt 59.
( 24 ) Ibid., punt 59.
( 25 ) Ibid., punt 62.
( 26 ) Ibid., punt 1 tad-dispożittiv.
( 27 ) Ara s-sentenza Namur-Est Environnement, punt 48.
( 28 ) Ara l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva SEA. Ara wkoll, bħala element ta’ interpretazzjoni f’dan ir-rigward, l-Artikolu 11 TFUE, li jipprovdi li rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati inter alia fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni.
( 29 ) Ara, dwar dan, il-premessa 7 tad-Direttiva SEA.
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 3 ta’ dan l-anness, intitolat “It-tip u l-karatteristiċi tal-impatt potenzjali”.
( 31 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punti 72 sa 74).
( 33 ) Is-sentenza Namur-Est Environnement, punt 56.
( 34 ) Is-sentenza Namur-Est Environnement, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 35 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Namur-Est Environnement (C‑463/20, EU:C:2021:868).
( 36 ) Ibid., punt 73.
( 37 ) Ibid., punt 74.
( 38 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, M.K. (C‑324/23, EU:C:2025:324, punt 51).
( 39 ) Is-sentenza Namur-Est Environnement, punt 79 u punt 2 tad-dispożittiv. B’mod partikulari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-parteċipazzjoni pubblika tkun effettiva f’dak ir-rigward meta, l-ewwel, isseħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti dwar kunsens għall-iżvilupp għal dak il-proġett; it-tieni, jippermetti lill-pubbliku jesprimi l-fehmiet tiegħu b’mod siewi u komprensiv dwar l-effetti ambjentali kollha ta’ dak il-proġett; u, t-tielet, l-awtorità kompetenti għall-għoti tal-kunsens għall-proġett tista’ tqis bis-sħiħ dik il-parteċipazzjoni.
( 40 ) Ara, għal dan l-għan u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 46 sa 49), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-parteċipazzjoni pubblika għandha tkun żgurata bħala parti mill-proċedura biex jiġi deċiż dwar l-effetti ambjentali.
( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, f’Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 37).
( 42 ) Ara l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Habitat.
( 43 ) Ara l-Artikolu 16(1)(c) tad-Direttiva Habitat.
( 44 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et (C‑601/22, EU:C:2024:595, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Ibid., punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 46 ) Ibid., punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 47 ) Ibid., punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 48 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 47).
( 49 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑508/04, EU:C:2007:274, punt 115).
( 50 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 31).
( 51 ) Ibid., punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 52 ) Ibid., punt 30.
( 53 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 33). Barra minn dan, id-dikjarazzjoni tal-motivi hija rilevanti wkoll għall-awtorità inkarigata li twettaq il-valutazzjoni ambjentali ta’ proġett u li tieħu d-deċiżjoni ta’ kunsens għall-iżvilupp skont id-Direttiva SEA, kif spjegat fl-ewwel parti ta’ dawn il-Konklużjonijiet.
( 54 ) Dan huwa preċiżament l-approċċ deskritt mil-Gvern tal-Irlanda, fil-“Gwida dwar il-protezzjoni stretta ta’ ċerti annimali u speċi ta’ pjanti skont id-Direttiva Habitat fl-Irlanda”, p. 11 u 12, disponibbli fi https://www.npws.ie/sites/default/files/files/strict-protection-of-certain-animal-and-plant-species.pdf.
( 55 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punti 66 u 69).