|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1874 |
15.9.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1874
tat-12 ta’ Settembru 2025
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2024/2383 fir-rigward tal-ħatra ta’ Koordinaturi Ewropej għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport tal-Atlantiku, ir-Renu – id-Danubju u l-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew u l-istabbiliment tal-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u l-kompiti tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-kurituri Ewropej tat-Trasport bħala strumenti li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni koordinata tan-network ewlieni u tan-network ewlieni estiż huma previsti fil-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2024/1679 u elenkati fl-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2024/1679, il-Koordinaturi Ewropej jinħatru biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni koordinata tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport, tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Rail Traffic Management System) u tal-Ispazju Marittimu Ewropew. |
|
(3) |
Ir-rwol tal-Koordinaturi Ewropej huwa ta’ importanza ewlenija għall-iżvilupp tal-kurituri u l-kooperazzjoni matul il-Kurituri Ewropej tat-Trasport. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2383 (2) ħatret il-Koordinaturi Ewropej għal 7 minn 9 Kurituri Ewropej tat-Trasport. Il-karigi tal-Koordinaturi Ewropej għall-Kurituri tat-Trasport Ewropew tar-Renu – id-Danubju u l-Baħar Baltiku –il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew baqgħu vakanti u għandhom jimtlew. |
|
(5) |
Bi qbil mal-Koordinatur Ewropew ikkonċernat, qed jiġi propost ukoll li l-Koordinatur Ewropew għall-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Atlantiku jiġi sostitwit. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2024/1679, ġew ikkonsultati l-Istati Membri, il-pajjiżi ġirien li huma parti mill-Kurituri Ewropej tat-Trasport ikkonċernati, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-Istati Membri kkonċernati esprimew il-qbil tagħhom mal-ħatra tal-Koordinaturi Ewropej, filwaqt li l-Parlament Ewropew ħareġ opinjoni pożittiva f’Lulju 2025 u l-Kunsill, f’Lulju 2025. |
|
(7) |
Minħabba li bħallissa hemm żewġ karigi għal Koordinaturi Ewropej vakanti, huwa urġenti li jinħatru. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2383 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 2(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: “Madankollu, il-mandat tal-Koordinaturi Ewropej għall-Atlantiku, il-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew u l-Kurituri Ewropej tat-Trasport tar-Renu – Danubju għandu jibda fis-16 ta’ Settembru 2025 u għandu jintemm erba’ snin wara dik id-data.”; |
|
(2) |
L-Anness I huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni; |
|
(3) |
fl-Anness II, jiżdiedu l-ittri ta’ mandat għall-Koordinaturi Ewropej għall-Kuritur Ewropew tat-Trasport tar-Renu – id-Danubju u l-Kurituri Ewropej tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj.
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2383 tas-6 ta’ Settembru 2024 li tahtar il-Koordinaturi Ewropej għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport, is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-Ispazju Marittimu Ewropew (EMS) u l-istabbiliment tal-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u l-kompiti tagħhom (ĠU L, 2024/2383, 9.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2383/oj).
ANNESS I
Il-Ħatra tal-Koordinaturi Ewropej għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport, l-ERTMS u l-Ispazju Marittimu Ewropew
|
Il-Baħar tat-Tramuntana – il-Baltiku |
Catherine TRAUTMANN (FR) |
|
Skandinavu – Mediterran |
Pat COX (IE) |
|
L-Atlantiku |
François BAUSCH (LU) |
|
Il-Baħar tat-Tramuntana – Renu – Mediterran |
Paweł WOJCIECHOWSKI (PL) |
|
Il-Mediterran |
Mathieu GROSCH (BE) |
|
Il-Baħar Baltiku – il-Baħar Adrijatiku |
Anne Elisabet JENSEN (DK) |
|
Il-Balkani tal-Punent – Lvant tal-Mediterran |
Marian-Jean MARINESCU (RO) |
|
ERTMS |
Matthias RUETE (DE) |
|
L-Ispazju Marittimu Ewropew |
Gesine MEISSNER (DE) |
|
Il-Kuritur bejn ir-Renu u d-Danubju |
Margarida MARQUES (PT) |
|
Il-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew |
Mario MAURO (IT) |
ANNESS II
Ittra ta’ mandat għall-Koordinatur Ewropew għall-
Il-Kuritur Ewropew tat-Trasport Renu – Danubju
Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi l-ħatra ta’ Koordinaturi Ewropej responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u taż-żewġ prijoritajiet orizzontali, jiġifieri l-Ispazju Marittimu Ewropew u s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Railway Traffic Management System).
L-approċċ tal-kuritur jippermetti kooperazzjoni effiċjenti bejn l-atturi ewlenin fil-ġestjoni ta’ proġetti kemm transfruntiera kif ukoll nazzjonali b’rilevanza Ewropea li tinsab fil-kuritur. Il-Kurituri Ewropej tat-Trasport jinkludu l-modi kollha tat-trasport, bl-għan li tiżdied l-effiċjenza fuq skala wiesgħa tas-sistema Ewropea tat-trasport. Għalhekk, l-użu tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandu rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-Unjoni tat-tranżizzjoni ta’ trasport sostenibbli u tissaħħaħ l-ekonomija Ewropea.
Inti aċċettajt ir-responsabbiltà bħala l-Koordinatur Ewropew għall-Kuritur bejn ir-Renu u d-Danubju. Mill-portijiet tat-Tramuntana tal-Ġermanja ta’ Wilhelmshaven, Bremen, Hamburg u Rostock, diversi assi multimodali li jwasslu lejn Berlin, Hannover, Leipzig u Dresden, u lejn Praga, fejn l-assi tal-kuritur tat-Tramuntana jiltaqa’ mal-assi aktar tal-Punent li jibda fil-belt Franċiża ta’ Strasburgu u jmur fil-bliet Ġermaniżi ta’ Frankfurt u Stuttgart u jkompli fil-Lvant lejn Praga u Munich rispettivament. Imbagħad iwassal mill-Awstrija, is-Slovakkja u l-Ungerija għall-portijiet Rumeni ta’ Constanta u Galati. L-assi li jipprovdi konnessjoni ta’ kuritur lis-Slovakkja jkompli jestendi sa Lviv fl-Ukrajna. Dan ikopri l-ferroviji, it-toroq, l-ajruporti, il-portijiet, it-terminals stradali-ferrovjarji u s-sistema tal-passaġġi fuq l-ilma interni tax-xmara prinċipali Elbe, il-Kanal Elbe Lateral, parti mill-Elbe Mittellandkanal, Weser, Geesthacht Schleusenkanal, u Vltava fil-parti tat-Tramuntana tal-kuritur u l-Main, il-Kanal Main-Danubju, id-Danubju kollu fid-direzzjoni tax-xmara ta’ Kelheim u x-xmajjar Váh, Sava u Tisza. Il-proġetti ewlenin huma t-tneħħija tal-konġestjonijiet tan-navigazzjoni tul id-Danubju u passaġġi fuq l-ilma interni oħra kif ukoll is-sezzjonijiet transfruntiera ferrovjarji bejn Dresden u Praga, Praga u Vjenna/Bratislava u Budapest, u Budapest u Bukarest, kif ukoll sezzjonijiet nazzjonali ewlenin, inkluż bejn Stuttgart u Ulm.
Il-Kummissjoni hija konvinta li l-appoġġ tiegħek, li fuqu qed tgħodd ħafna, se jkun kruċjali għas-suċċess kontinwu tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u l-prijoritajiet orizzontali.
Missjoni
Il-ħidma tal-Koordinatur Ewropew għandha l-għan li tavvanza l-iżvilupp ġenerali tal-kuritur permezz ta’ attivitajiet ta’ koordinazzjoni mmirati, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment fil-proġetti (is-sinkronizzazzjoni tax-xogħlijiet, l-allokazzjoni tal-finanzjament nazzjonali u tal-Unjoni) u, kif xieraq, azzjonijiet speċifiċi oħra għall-promozzjoni ta’ sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi. Għal dan il-għan, il-Koordinatur Ewropew għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati u jiggwida l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-Forum tal-Kurituri kif ukoll jappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2024/1679, abbażi tal-pjanijiet ta’ ħidma tal-kurituri msemmija fl-Artikolu 54 ta’ dak ir-Regolament.
Id-dmirijiet tiegħek, li jirriżultaw minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 52(5), (6) u (7) tar-Regolament (UE) 2024/1679 se jinkludu:
|
— |
l-analiżi tal-istat ta’ konformità u l-appoġġ għall-implimentazzjoni koordinata tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport Renu – Danubju, f’konformità mal-istandards tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); |
|
— |
f’konformità mal-Artikolu 54(1), u 54(2) tar-Regolament (UE) 2024/1679, it-tfassil ta’ pjan ta’ ħidma, sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Lulju 2026 u kull 4 snin minn hemm ’il quddiem, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati u, fejn rilevanti, f’konsultazzjoni mal-pajjiżi ġirien, li huma parti mill-Kuritur Ewropew tat-Trasport bejn ir-Renu u d-Danubju; |
|
— |
il-preżentazzjoni ta’ rapport annwali dwar l-istatus lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport bejn ir-Renu u d-Danubju; dak ir-rapport annwali dwar l-istatus għandu jiffoka fuq il-progress li jkun sar fuq il-prijoritajiet u l-investimenti ewlenin, jiddeskrivi n-natura tal-problemi ffaċċjati fl-implimentazzjoni tagħhom u jissuġġerixxi soluzzjonijiet; |
|
— |
l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri, u, fejn xieraq, lill-pajjiżi ġirien rilevanti, fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma; |
|
— |
f’konformità mal-Artikolu 53 (2) tar-Regolament (UE) 2024/1679, l-istabbiliment u l-presidenza formali tal-Forum tal-Kurituri, magħmul minn partijiet ikkonċernati tal-ġestjoni tal-infrastruttura. Il-Forum għandu jiltaqa’ regolarment matul il-mandat tiegħek; |
|
— |
il-konsultazzjoni mal-Forum tal-Kurituri rigward il-pjan ta’ ħidma u l-informazzjoni regolari lill-Forum dwar l-implimentazzjoni tiegħu; |
|
— |
kull fejn ikun meħtieġ, l-istabbiliment u l-presidenza ta’ għadd ta’ gruppi ta’ ħidma li jirrapportaw lill-Forum tal-Kurituri, f’konformità mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament (UE) 2024/1679; |
|
— |
it-twettiq tal-missjonijiet kollha meħtieġa fil-bliet kapitali, ir-reġjuni u n-nodi urbani rilevanti li jinsabu fil-kuritur tat-trasport; |
|
— |
is-segwitu tal-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-pjan ta’ ħidma u l-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuqu kif ukoll atti ta’ implimentazzjoni speċifiċi oħra għas-sezzjonijiet transfruntiera fejn applikabbli; |
|
— |
il-konsultazzjoni, fejn xieraq, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, mal-maniġers tal-infrastruttura u mal-operaturi tat-trasport, b’mod partikolari dawk li huma membri tal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, l-industrija tal-provvista, l-utenti tat-trasport u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fir-rigward tal-pjan ta’ ħidma u l-implimentazzjoni tiegħu; |
|
— |
ir-rappurtar lill-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-pajjiżi ġirien li huma parti mill-Kuritur Ewropew tat-Trasport bejn ir-Renu u d-Danubju, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni, kif ukoll lil kwalunkwe entità oħra involuta fl-iżvilupp tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport bejn ir-Renu u d-Danubju, dwar id-diffikultajiet iffaċċjati u s-soluzzjonijiet proposti; |
|
— |
il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija biex jiġu identifikati l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet ta’ investiment għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fuq il-linji tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport bejn ir-Renu u d-Danubju, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji pprovduti lin-network trans-Ewropew tat-trasport u d-dati ta’ tlestija ġenerali kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1679, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija skont ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni u l-finanzjament tal-infrastruttura; |
|
— |
il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, u l-identifikazzjoni ta’ ostakli potenzjali, bħal dawk tekniċi, amministrattivi u operazzjonali, b’enfasi partikolari fuq id-dimensjoni transfruntiera, u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, fejn rilevanti; |
|
— |
il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati tgħin fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet ta’ investiment għal-linji ferrovjarji tal-passiġġieri tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport Renu – Danubju; |
|
— |
il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri, u l-identifikazzjoni ta’ ostakli potenzjali, bħal dawk tekniċi, amministrattivi u operazzjonali, b’enfasi partikolari fuq id-dimensjonijiet transfruntiera, u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, fejn rilevanti; |
|
— |
il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex jiġu ffaċilitati, fejn rilevanti, il-kuntatti u l-koordinazzjoni bejn ir-rappreżentanti marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni bil-ħsieb li jiżdiedu s-sinerġiji tagħhom; |
|
— |
il-verifika dwar jekk il-proġetti proposti mill-Istati Membri, jew mill-pajjiżi ġirien, fejn applikabbli, għall-kofinanzjament bħala parti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), humiex konsistenti mal-prijoritajiet tal-pjan ta’ ħidma; |
|
— |
il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien u l-involviment tagħhom fl-attivitajiet tal-kurituri, bħall-Forum tal-Kurituri jew gruppi ta’ ħidma; |
|
— |
il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, għal attivitajiet relatati mal-kuritur li jestendu għall-pajjiżi ġirien li huma membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet internazzjonali. |
Minħabba f’hekk, il-kompitu tiegħek bħala Koordinatur Ewropew se jkun ta’ natura diversa ħafna u ta’ importanza kbira għall-Unjoni u għall-proġett ġenerali fil-kuntest tal-ipprogrammar tal-finanzjament u d-djalogu politiku mal-Istati Membri biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jegħlbu kwalunkwe diffikultà biex iwettqu d-diversi proġetti ta’ infrastruttura.
Ir-regoli u l-proċeduri
Il-kompitu tiegħek bħala Koordinatur Ewropew se jkun għal perjodu ta’ 4 snin li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1874 (3) u jista’ jiġġedded bi ftehim reċiproku.
Id-durata tal-mandat tiegħek tista’ tinbidel fi kwalunkwe żmien mill-Kummissjoni fuq inzjattiva proprja tagħha jew fuq talba tiegħek. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrevoka l-mandat tiegħek fi kwalunkwe ħin.
Matul it-twettiq tal-kompiti tiegħek ma għandekx tagħmel impenji f’isem il-Kummissjoni mingħajr il-qbil tagħha bil-miktub minn qabel. Għaldaqstant, inti għandek taġixxi b’mod imparzjali, b’mod indipendenti u kunfidenzjali u tapplika bl-aħjar mod possibbli l-għarfien u l-ħiliet professjonali tiegħek fl-interessi tal-Unjoni biss.
Għandek tevita kwalunkwe sitwazzjoni li twassal għal kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-oqsma li fihom inti mitlub tintervjeni. Inti għandek tinforma minnufih lill-Kummissjoni b’kull kunflitt ta’ interess li jinqala’ matul il-mandat tiegħek.
Barra minn hekk, ma għandek tuża jew tiżvela ebda dokument jew informazzjoni li ssir taf biha waqt il-qadi ta’ dmirijietek, sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà fid-dominju pubbliku. Ir-riżultati kollha prodotti minnek għandhom ikunu l-proprjetà tal-Unjoni, li tista’ tużahom jew tippubblikahom kif jidhrilha xieraq.
Matul it-twettiq tal-kompitu tiegħek, għandek tingħata indennizz b’rata fissa ta’ EUR 3 000 fix-xahar biex tkopri l-kostijiet relatati mal-assistenza segretarjali, meta din ma tkunx ipprovduta direttament mis-servizzi tal-Kummissjoni, (il-komunikazzjoni, l-għamara tal-uffiċċju mixxellanja, l-ispazju tal-uffiċċju), u l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar fir-rigward tar-rappreżentanza tal-missjonijiet f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni.
Id-Direttur għall-Investiment, it-Trasport Innovattiv u Sostenibbli huwa l-persuna ta’ kuntatt tiegħek fid-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport. Il-Kummissjoni tista’ tassigurak minn qabel li se jkollok l-appoġġ sħiħ tad-Direttur u tal-membri tal-persunal maħtura biex jgħinuk fuq bażi ta’ kuljum dwar kwistjonijiet tekniċi u amministrattivi fl-implimentazzjoni tal-kompiti tiegħek.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport se jorganizza laqgħat regolari bejn il-Koordinaturi Ewropej biex jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi.
Il-qrati Belġjani għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni esklużiva li jiddeċiedu dwar kwalunkwe tilwima li tirrigwarda l-validità, l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-kuntratt. Dan il-kuntratt huwa rregolat mil-liġi Belġjana.
Ittra ta’ mandat għall-Koordinatur Ewropew għall-
il-kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew
Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi l-ħatra ta’ Koordinaturi Ewropej responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u taż-żewġ prijoritajiet orizzontali, jiġifieri l-Ispazju Marittimu Ewropew u s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Railway Traffic Management System).
L-approċċ tal-kuritur jippermetti kooperazzjoni effiċjenti bejn l-atturi ewlenin fil-ġestjoni ta’ proġetti kemm transfruntiera kif ukoll nazzjonali b’rilevanza Ewropea li jinsabu fil-kuritur. Il-Kurituri Ewropej tat-Trasport jinkludu l-modi kollha tat-trasport, bl-għan li tiżdied l-effiċjenza fuq skala wiesgħa fis-sistema Ewropea tat-trasport. Għalhekk, l-użu tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandu rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-Unjoni tat-tranżizzjoni ta’ trasport sostenibbli u tissaħħaħ l-ekonomija Ewropea.
Inti aċċettajt ir-responsabbiltà bħala l-Koordinatur Ewropew għall-Kuritur tat-Trasport bejn il-Baħar Baltiku u l-Baħar Adrijatiku. Fit-Tramuntana l-kuritur jestendi minn Ħelsinki fil-Finlandja, madwar l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja minn Gdansk u Varsavja san-Nofsinhar tal-Polonja. From there, the network leads to Lviv in Ukraine and Chișinău in Moldova to the Ukrainian Black Sea port city of Odesa. Medda oħra twassal mis-Slovakkja u l-Ungerija sar-Rumanija u tkompli tikkonnettja mal-Bulgarija u l-Greċja. Ċipru huwa konness ukoll permezz ta’ link tal-Ispazju Marittimu Ewropew. Il-kuritur ikopri ferroviji, toroq, ajruporti, portijiet u terminals ferrovjarji. Il-proġetti ewlenin huma l-proġett Rail Baltica u l-konnessjoni mal-Ukrajna u l-Moldova.
Il-Kummissjoni hija konvinta li l-appoġġ tiegħek, li fuqu qed tgħodd ħafna, se jkun kruċjali għas-suċċess kontinwu tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u l-prijoritajiet orizzontali.
Missjoni
Il-ħidma tal-Koordinatur Ewropew għandha l-għan li tavvanza l-iżvilupp ġenerali tal-kuritur permezz ta’ attivitajiet ta’ koordinazzjoni mmirati, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment fil-proġetti (is-sinkronizzazzjoni tax-xogħlijiet, l-allokazzjoni tal-finanzjament nazzjonali u tal-Unjoni) u, kif xieraq, azzjonijiet speċifiċi oħra għall-promozzjoni ta’ sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi. Għal dan il-għan, il-Koordinatur Ewropew għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, jiggwida l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-Forum tal-Kurituri kif ukoll jappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2024/1679, abbażi tal-pjanijiet ta’ ħidma tal-kurituri msemmija fl-Artikolu 54 ta’ dak ir-Regolament.
Id-dmirijiet tiegħek, li jirriżultaw minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 52(5), (6) u (7) tar-Regolament (UE) 2024/1679 se jinkludu:
|
— |
l-analiżi tal-istat ta’ konformità u l-appoġġ għall-implimentazzjoni koordinata tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew, f’konformità mal-istandards tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); |
|
— |
f’konformità mal-Artikolu 54(1), u 54(2) tar-Regolament (UE) 2024/1679, it-tfassil ta’ pjan ta’ ħidma, sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Lulju 2026 u kull erba’ snin minn hemm ’il quddiem, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati u, fejn rilevanti, f’konsultazzjoni mal-pajjiżi ġirien, li huma parti mill-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew; |
|
— |
il-preżentazzjoni ta’ rapport annwali dwar l-istatus lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew; dak ir-rapport annwali dwar l-istatus għandu jiffoka fuq il-progress li jkun sar fuq il-prijoritajiet u l-investimenti ewlenin, jiddeskrivi n-natura tal-problemi ffaċċjati fl-implimentazzjoni tagħhom u jissuġġerixxi soluzzjonijiet; |
|
— |
l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri, u, fejn xieraq, lill-pajjiżi ġirien rilevanti, fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma; |
|
— |
f’konformità mal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) 2024/1679, l-istabbiliment u l-presidenza formali tal-Forum tal-Kurituri, magħmul minn partijiet ikkonċernati tal-ġestjoni tal-infrastruttura. Il-Forum għandu jiltaqa’ regolarment matul il-mandat tiegħek; |
|
— |
il-konsultazzjoni mal-Forum tal-Kurituri rigward il-pjan ta’ ħidma u l-informazzjoni regolari lill-Forum dwar l-implimentazzjoni tiegħu; |
|
— |
kull fejn ikun meħtieġ, l-istabbiliment u l-presidenza ta’ għadd ta’ gruppi ta’ ħidma li jirrapportaw lill-Forum tal-Kurituri, f’konformità mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament (UE) 2024/1679; |
|
— |
it-twettiq tal-missjonijiet kollha meħtieġa fil-bliet kapitali, ir-reġjuni u n-nodi urbani rilevanti li jinsabu fil-kuritur tat-trasport; |
|
— |
is-segwitu tal-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-pjan ta’ ħidma u l-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuqu kif ukoll atti ta’ implimentazzjoni speċifiċi oħra għas-sezzjonijiet transfruntiera fejn applikabbli; |
|
— |
il-konsultazzjoni, fejn xieraq, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, mal-maniġers tal-infrastruttura, mal-operaturi tat-trasport, b’mod partikolari dawk li huma membri tal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, l-industrija tal-provvista, l-utenti tat-trasport u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fir-rigward tal-pjan ta’ ħidma u l-implimentazzjoni tiegħu; |
|
— |
ir-rappurtar lill-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-pajjiżi ġirien li huma parti mill-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni, kif ukoll lil kwalunkwe entità oħra involuta fl-iżvilupp tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew, dwar id-diffikultajiet iffaċċjati u s-soluzzjonijiet proposti; |
|
— |
il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija biex jiġu identifikati l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet ta’ investiment għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fuq il-linji tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji pprovduti lin-network trans-Ewropew tat-trasport u d-dati ta’ tlestija ġenerali kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1679; mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija skont ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni u l-finanzjament tal-infrastruttura; |
|
— |
jimmonitorjaw il-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, u jidentifikaw ostakli potenzjali, bħal dawk tekniċi, amministrattivi u operazzjonali, b’enfasi partikolari fuq id-dimensjoni transfruntiera, u jagħmlu rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, fejn ikun rilevanti; |
|
— |
il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati tgħin fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet ta’ investiment għal-linji ferrovjarji tal-passiġġieri tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew; |
|
— |
jimmonitorjaw il-prestazzjoni tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri, u tidentifika ostakli potenzjali, bħal dawk tekniċi, amministrattivi u operazzjonali, b’enfasi partikolari fuq id-dimensjoni transfruntiera, u jagħmlu rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, fejn ikun rilevanti; |
|
— |
il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex jiġu ffaċilitati, fejn rilevanti, il-kuntatti u l-koordinazzjoni bejn ir-rappreżentanti marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni bil-ħsieb li jiżdiedu s-sinerġiji tagħhom; |
|
— |
il-verifika dwar jekk il-proġetti proposti mill-Istati Membri, jew mill-pajjiżi ġirien, fejn applikabbli, għall-kofinanzjament bħala parti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), humiex konsistenti mal-prijoritajiet tal-pjan ta’ ħidma; |
|
— |
il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien u l-involviment tagħhom fl-attivitajiet tal-kurituri, bħall-Forum tal-Kurituri jew gruppi ta’ ħidma; |
|
— |
il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, għal attivitajiet relatati mal-kuritur li jestendu għall-pajjiżi ġirien li huma membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet internazzjonali. |
Il-kompitu tiegħek bħala Koordinatur Ewropew konsegwentement se jkun ta’ natura diversa ħafna u ta’ importanza kbira għall-Unjoni u għall-proġett ġenerali fil-kuntest tal-ipprogrammar tal-finanzjament u d-djalogu politiku mal-Istati Membri biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jegħlbu kwalunkwe diffikultà biex iwettqu d-diversi proġetti ta’ infrastruttura.
Ir-regoli u l-proċeduri
Il-kompitu tiegħek bħala Koordinatur Ewropew se jkun għal perjodu ta’ 4 snin li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1874 (6) jista’ jiġġedded bi ftehim reċiproku .
Id-durata tal-mandat tiegħek tista’ tinbidel fi kwalunkwe żmien mill-Kummissjoni fuq inzjattiva proprja tagħha jew fuq talba tiegħek. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrevoka l-mandat tiegħek fi kwalunkwe ħin.
Matul it-twettiq tal-kompiti tiegħek ma għandekx tagħmel impenji f’isem il-Kummissjoni mingħajr il-qbil tagħha bil-miktub minn qabel. Għaldaqstant, inti għandek taġixxi b’mod imparzjali, b’mod indipendenti u kunfidenzjali u tapplika bl-aħjar mod possibbli l-għarfien u l-ħiliet professjonali tiegħek fl-interessi tal-Unjoni biss.
Għandek tevita kwalunkwe sitwazzjoni li twassal għal kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-oqsma li fihom inti mitlub tintervjeni. Inti għandek tinforma minnufih lill-Kummissjoni b’kull kunflitt ta’ interess li jinqala’ matul il-mandat tiegħek.
Barra minn hekk, ma għandek tuża jew tiżvela ebda dokument jew informazzjoni li ssir taf biha waqt il-qadi ta’ dmirijietek, sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà fid-dominju pubbliku. Ir-riżultati kollha prodotti minnek se jkunu l-proprjetà tal-Unjoni, li tista’ tużahom jew tippubblikahom kif jidhrilha xieraq.
Matul it-twettiq tal-kompitu tiegħek, għandek tingħata indennizz b’rata fissa ta’ EUR 3 000 fix-xahar biex tkopri l-kostijiet relatati mal-assistenza segretarjali, meta din ma tkunx ipprovduta direttament mis-servizzi tal-Kummissjoni, (il-komunikazzjoni, l-għamara tal-uffiċċju mixxellanja, l-ispazju tal-uffiċċju), u l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar fir-rigward tar-rappreżentanza tal-missjonijiet f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni.
Id-Direttur għall-Investiment, it-Trasport Innovattiv u Sostenibbli huwa l-persuna ta’ kuntatt tiegħek fid-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport. Il-Kummissjoni tista’ tassigurak bil-quddiem li se jkollok l-appoġġ sħiħ tad-Direttur u tal-membri tal-persunal maħtura biex jgħinuk fuq bażi ta’ kuljum dwar kwistjonijiet tekniċi u amministrattivi fl-implimentazzjoni tal-kompiti tiegħek.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport se jorganizza laqgħat regolari bejn il-Koordinaturi Ewropej biex jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi.
Il-qrati Belġjani għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni esklużiva li jiddeċiedu dwar kwalunkwe tilwima li tirrigwarda l-validità, l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-kuntratt. Dan il-kuntratt huwa rregolat mil-liġi Belġjana.”
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/913/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1874 tat-12 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2024/2383 fir-rigward tal-ħatra ta’ Koordinaturi Ewropej għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport tal-Atlantiku, ir-Renu – id-Danubju u l-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew u l-istabbiliment tal-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u l-kompiti tagħhom (ĠU L, 2025/1874, 15.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1874/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/913/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1874 tat-12 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2024/2383 fir-rigward tal-ħatra ta’ Koordinaturi Ewropej għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport tal-Atlantiku, ir-Renu – id-Danubju u l-Baħar Baltiku – il-Baħar l-Iswed – il-Baħar Eġew u l-istabbiliment tal-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u l-kompiti tagħhom (ĠU L, 2025/1874, 15.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1874/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1874/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)