IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.4.2021
COM(2021) 180 final
2021/0096(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjonijiet dwar għadd ta’ materji amministrattivi mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali: 1) ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni minn barra s-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport, 2) ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom, u 3) il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport
L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TCT, li ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-2017, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
2.2.Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 24 tat-TCT. Huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tat-TCT u għall-iżgurar tal-implimentazzjoni kif suppost tiegħu. Għal dan l-iskop, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-TCT. B’mod partikolari, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali:
(a) iħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali,
(b) jiddeċiedi dwar l-istabbiliment tal-kumitati tekniċi,
(c) jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet f’konformità mat-TCT,
(d) fir-rigward tal-atti tal-UE adottati dan l-aħħar, jieħu azzjoni xierqa, b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tal-Anness I tat-TCT,
(e) jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara konsultazzjoni mal-Kunsill Ministerjali,
(f) jista’ jaħtar wieħed jew iktar mid-Deputati Diretturi tas-Segretarjat Permanenti,
(g) jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,
(h) jista’ jirrieżamina, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet baġitarji,
(i) jadotta l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport,
(j) jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u għall-awditjar tal-kontijiet kif ukoll għall-ispezzjoni,
(k) jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,
(l) jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti mit-TCT jew skontu,
(m) jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Network Komprensiv,
(n) fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni, jistabbilixxi limiti ta’ żmien u mezzi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.
2.3.L-atti previsti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta deċiżjonijiet dwar 1) ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni minn barra s-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport, 2) ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom, u 3) il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.
Id-deċiżjonijiet previsti jsiru legalment vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TCT u għall-ġestjoni kif suppost tas-Segretarjat Permanenti. Peress li l-Unjoni hija parti għat-TCT, jeħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri t-TCT.
L-atti li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. F’konformità mal-Artikolu 30 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa li jistabbilixxi regoli tas-Segretarjat Permanenti, speċifikament għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-Segretarjat. Skont l-Artikolu 35 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit. Min-natura tagħhom, u bħala materja ta’ dritt internazzjonali li jirregola l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, dawk ir-regoli fihom elementi li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-partijiet għat-TCT u, għaldaqstant, anki tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali regoli jridu jitqiesu li jkollhom effetti legali.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tat-TCT.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-atti previsti huma meħtieġa għall-funzjonament xieraq tat-TCT. Min-naħa tiegħu, it-TCT isegwi l-objettivi u għandu komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ilmijiet navigabbli interni, li huma modalitajiet koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, modalità koperta mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
F’konformità mal-Artikolu 25(2) tat-TCT, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2021/0096 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat li jistabbilixxi t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport (“TCT”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
(2)F’konformità mal-Artikolu 24 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni kif suppost tat-TCT. Skont l-Artikoli 30 u 35 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-baġit.
(3)Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, matul il-laqgħa tiegħu f’Mejju 2021, għandu jadotta deċiżjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport; ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom; u l-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport. Jekk dawn il-kwistjonijiet ma jiġux ittrattati matul dik il-laqgħa, l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet tiġi skedata għal-laqgħa sussegwenti.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, peress li tali deċiżjonijiet huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport u se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport; ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom; u l-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dwar bidliet minuri fir-rigward ta’ dawk l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President