|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6882 |
28.11.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Id-deforestazzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja – l-impatt fuq it-tibdil fil-klima u l-ambjent globali; konsegwenzi għall-kumpaniji, il-ħaddiema u l-popolazzjoni
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/6882)
Relaturi:
Josep PUXEU, Carlos SILVA, John COMER|
Konsulenti |
Mercedes BLAZQUEZ GARCIA-IBARROLA (konsulenta għar-relatur, Grupp II) Emmanuella DOUSSIS (konsulenta għar-relatur, Grupp III) Marta SCARPATO (konsulenta, Grupp II) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
18.1.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
17.7.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
19.9.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
590 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
130/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Ir-rabta bejn id-deforestazzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja u t-tibdil fil-klima hija kwistjoni ta’ tħassib għall-KESE. Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġu analizzati l-ixprunaturi ta’ din id-deforestazzjoni sabiex jiġu żviluppati politiki effettivi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-istess ħin jiġu rispettati l-imperattivi ta’ tranżizzjoni ġusta u d-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali u ambjentali tal-komunitajiet lokali. L-appoġġ għall-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u għall-komunitajiet indiġeni jrid ikun parti ċentrali mis-soluzzjonijiet għall-protezzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja waqt li jiġu promossi l-iżvilupp u l-kummerċ sostenibbli. |
|
1.2. |
L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tagħti ħarsa ġenerali lejn il-fehmiet tal-KESE dwar id-deforestazzjoni u l-impatt konsiderevoli tad-deforestazzjoni fuq it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-ambjent, kemm globalment kif ukoll fil-komunitajiet lokali, inklużi l-bdiewa, il-kumpaniji u speċjalment il-popli indiġeni. |
|
1.3. |
Il-miżuri biex tiġi indirizzata d-deforestazzjoni jridu jkopru l-komoditajiet ewlenin kollha ta’ riskju għall-foresti. Iridu jinvolvu azzjonijiet kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, li jirregolaw il-kummerċ kif ukoll il-produzzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm qbil dwarhom fi sħubija, u, sabiex ikunu effettivi, din trid tkun sħubija pluralistika li tinvolvi kemm lill-produtturi kif ukoll lill-konsumaturi tal-komoditajiet rilevanti. L-implimentazzjoni ser teħtieġ sistemi maqbula għall-monitoraġġ, it-traċċabbiltà u t-trasparenza sabiex kulħadd ikun jista’ jara liema prodotti bażiċi ssodisfaw l-istandards meħtieġa u liema ma għamlux dan. |
|
1.4. |
It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerka Latina huwa imperattiv ġeopolitiku, ambjentali u ġeoekonomiku għall-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li jkun hemm involviment mal-pajjiżi kollha li jikkondividu l-bijoma tal-Amażonja, speċjalment il-Brażil. Bijomi kritiċi oħra f’termini ta’ diversità bijoloġika, bħal Chaco, Cerrado u Pantanal, huma wkoll f’periklu kbir. |
|
1.5. |
L-iffirmar ta’ Trattat ibbilanċjat ta’ Sħubija Strateġika bejn MERCOSUR u l-UE joħloq qafas stabbli biex jitrawwem il-kummerċ waqt li jiġu żgurati l-aspetti ambjentali u tax-xogħol, inkluża l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni. Il-Ftehim bejn l-UE u l-Mercosur għandu jkun ibbażat fuq il-premessa li l-kummerċ ma għandux iseħħ a skapitu tal-ambjent jew tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda għandu jippromovi l-iżvilupp sostenibbli. Jeħtieġ li jrawwem integrazzjoni profonda bejn iż-żewġ partijiet, ktajjen tal-valur reġjonali moderni u sofistikati, spejjeż kummerċjali aktar baxxi u inqas inċertezza. |
|
1.6. |
Il-KESE jista’ jaqdi rwol ta’ appoġġ billi jissuġġerixxi rakkomandazzjonijiet għall-bini tal-fiduċja, jidentifika oqsma fejn l-UE u l-Brażil jistgħu jaħdmu flimkien u jipprovdu perkorsi għal sinerġija. Il-KESE jista’ jaqdi wkoll rwol ta’ faċilitatur billi jiżviluppa djalogu sinifikanti mal-kontropartijiet fil-pajjiżi tal-Amerka Latina u billi jibni l-fiduċja li t-tranżizzjoni lejn użu sostenibbli tal-art tista’ tkun pass lejn prosperità akbar. |
|
1.7. |
Fl-aħħar mill-aħħar, il-KESE jservi bħala pont bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili. Is-soċjetà ċivili organizzata, kif irrappreżentata fil-KESE, għandha vuċi sinifikanti dwar il-mod kif l-UE qed taħdem mal-pajjiżi tal-Amażonja biex tipproteġi l-foresta pluvjali tal-Amażonja waqt li tippromovi l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ u l-appoġġ għad-drittijiet tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u tal-komunitajiet indiġeni. |
|
1.8. |
L-impatt kritiku li d-deforestazzjoni għandha fuq is-soċjetà, fuq l-ambjent u fuq in-negozju ma jistax jiġi injorat. Il-Brażil, fejn tinsab l-akbar riżerva tal-Amażonja, għandu rwol kruċjali fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, b’mira ta’ żero deforestazzjoni illegali sal-2030. Il-Gvern il-ġdid ħa azzjoni determinata biex ipoġġi l-kwistjoni ambjentali fiċ-ċentru tal-aġenda politika tiegħu. Fl-2025, Belém do Pará ser tospita s-Summit dwar il-Klima (COP30). |
|
1.9. |
Il-KESE jemmen li għandhom jittieħdu miżuri li jirrispettaw is-sovranità tal-kontropartijiet tal-Amerka Latina, it-trasparenza u l-kumpens, peress li l-preservazzjoni tal-foresti tropikali hija responsabbiltà tal-pajjiżi kollha, li lkoll jibbenefikaw mill-foresti attwali. |
|
1.10. |
Il-miżuri biex jintlaħqu dawn l-objettivi jeħtieġu paradigma u mekkaniżmi ġodda fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina, ibbażati fuq l-iskambju xjentifiku u tal-għarfien. Il-KESE appella wkoll għal mekkaniżmu ta’ rispons urġenti sabiex jiġu appoġġjati n-nies u s-soċjetà ċivili li qed jipproteġu l-foresti fl-UE u lil hinn minnha, u sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ġusta ta’ dawn in-nies lejn perkorsi u prattiki aktar sostenibbli. Għadd dejjem akbar ta’ bdiewa u ta’ bdiewa b’azjenda agrikola żgħira huma involuti ma’ kontropartijiet lokali, Ewropej u internazzjonali fid-dokumentazzjoni ta’ prattiki responsabbli skont skemi ta’ ċertifikazzjoni jew inizjattivi tal-pajsaġġ. |
|
1.11. |
Il-KESE jemmen li l-akbar sfida għad-diplomazija tal-UE dwar il-klima hija l-ħidma flimkien mal-pajjiżi msieħba biex jiżiedu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħhom waqt li jiġu appoġġjati dawk l-aktar vulnerabbli. It-tibdil fil-klima jrid jitqies kemm bħala problema ambjentali kif ukoll bħala problema soċjali li għaliha jridu jinstabu soluzzjonijiet li jindirizzaw diversi sfidi, inklużi l-indirizzar tal-faqar u l-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u tal-ilma, it-telf tal-bijodiversità u l-kriżijiet tas-saħħa. |
|
1.12. |
Il-KESE jirrikonoxxi li mhux il-pajjiżi kollha għandhom il-kapaċitajiet finanzjarji u teknoloġiċi jew il-bini tal-kapaċità meħtieġ biex isegwu t-triq lejn it-tranżizzjoni klimatika. L-UE trid tiggwida l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi finanzjarji pubbliċi u privati biex tassisti lill-pajjiżi msieħba fil-ġestjoni tal-impatt tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, minn perspettiva ekonomika, ekoloġika u soċjali li ssawwar pjani ta’ tranżizzjoni ġusta. |
2. Għan tal-Opinjoni
|
2.1. |
L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tipprovdi l-perspettiva ġenerali tal-KESE dwar il-kwistjoni tad-deforestazzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja u tenfasizza l-impatt fuq it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-ambjent globali u l-konsegwenzi għall-biedja, il-kumpaniji, il-ħaddiema u l-komunitajiet lokali. L-Opinjoni tħares ukoll lejn il-konsegwenzi tal-interazzjoni bejn id-deforestazzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja u l-politiki dwar it-tibdil fil-klima fuq il-flussi ekonomiċi u kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mercosur. Hija indirizzata primarjament lill-membri tal-Parlament Ewropew li ġew eletti reċentement, lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida u lill-Kunsill. |
|
2.2. |
Il-KESE jixtieq jieħu pożizzjoni istituzzjonali u jipprovdi l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE dwar ir-rwol kruċjali li l-foresta pluvjali tal-Amażonja, id-dar tal-komunitajiet lokali u indiġeni tagħha, għandha fil-protezzjoni tal-bijodiversità, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-iżgurar tal-produzzjoni dinjija tal-ikel u l-assorbiment u l-iffissar tad-diossidu tal-karbonju. Il-preservazzjoni tal-foresti tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà agrikola u għall-konservazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma. Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni għandha tallinja mal-imperattivi tat-tranżizzjoni ġusta stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-2019, u tiggarantixxi li l-popli indiġeni jkunu jistgħu jiżviluppaw, f’konformità mal-Konvenzjoni 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f’Pajjiżi Indipendenti. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Skont l-FAO u l-ECLAC, iż-żona forestali tad-dinja hija 4,06 biljun ettaru, tkopri 31 % tas-superfiċje tal-art tal-pjaneta u fiha nofs l-ispeċijiet kollha. Aktar minn nofs (54 %) tinsab biss f’ħames pajjiżi: ir-Russja, il-Brażil (it-tieni pajjiż bl-aktar foresti), il-Kanada, l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Fil-Brażil hemm 53,3 % tal-foresti tal-Amerka t’Isfel (497 miljun ettaru) iżda l-pajjiż tilef 92,3 miljun ettaru f’dawn l-aħħar 30 sena. (Il-Paragwaj, ikklassifikat fit-tieni post, tilef 9,4 miljun ettaru). |
|
3.2. |
Bejn l-1990 u l-2020, il-foresti fl-Amerka Latina u fil-Karibew naqsu b’mod kostanti minn 53 % għal 46 %, u ntilfu 138 miljun ettaru, li huwa ekwivalenti għal nofs l-Arġentina. Id-deforestazzjoni waħedha tammonta għal 11 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-protezzjoni tal-ħamrija u l-minerali tagħha hija essenzjali għall-attivitajiet agrikoli u tal-bhejjem, kif ukoll għas-sopravivenza tal-bniedem. Id-deforestazzjoni tħalli impatt fuq it-tibdil fil-klima, u tikkawża d-deżertifikazzjoni, l-erożjoni tal-ħamrija, in-nirien, l-għargħar, in-nixfiet u l-mard li jinġarr mill-insetti. Studji xjentifiċi jwissu li bir-rata attwali tad-deforestazzjoni, l-Amażonja tista’ ssir savana sal-2050. |
|
3.3. |
L-agrikoltura tiddependi mill-bijodiversità; il-bijodiversità tiddependi mill-foresti. Aktar minn 75 % tal-għelejjel tal-ikel tad-dinja jiddependu mid-dakkir tal-annimali. Is-setturi industrijali jiddependu mid-diversità ġenetika u s-servizzi tal-ekosistema li huma essenzjali għall-produzzjoni (pereżempju tal-mediċini, inklużi l-antimikrobiċi). Aktar minn nofs il-PDG jiddependi min-natura, inklużi tliet setturi ekonomiċi (il-kostruzzjoni, l-agrikoltura kif ukoll l-ikel u x-xorb). |
|
3.4. |
Hemm evidenza dejjem akbar tal-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-ikel u n-nutrizzjoni. Analiżi komprensiva mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tiddokumenta l-impatt fuq l-agrikoltura u s-sajd minħabba l-bidliet fit-temperatura, il-preċipitazzjoni, l-avvenimenti estremi tat-temp u l-varjazzjoni fix-xejriet tal-pesti u l-mard, li jkomplu jxerrdu l-infezzjonijiet tal-bhejjem. |
|
3.5. |
L-Amażonja b’7,4 miljun km2 tirrappreżenta 4,9 % taż-żona kontinentali tad-dinja, bejn wieħed u ieħor id-daqs tal-EE-27, u tkopri partijiet mill-Bolivja, il-Brażil, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Guyana, il-Perù, is-Surinam u l-Venezwela. Il-baċir tal-Amażonja għandu l-akbar konċentrazzjoni ta’ foresti pluvjali fid-dinja (885 miljun ettaru), li 60 % minnhom jinsabu fil-Brażil. Il-Brażil huwa meqjus bħala l-ekosistema l-aktar sinjura fid-dinja f’termini ta’ bijodiversità. Huwa stmat li 28 miljun persuna jgħixu fl-Amażonja, li fiha jgħixu mill-inqas 400 poplu indiġenu li jitkellmu aktar minn 300 lingwa. |
|
3.6. |
Immaġnijiet satellitari mill-Proġett tal-Monitoraġġ bis-Satellita tad-Deforestazzjoni tal-Amażonja Legali (PRODES), tal-Istitut Nazzjonali Brażiljan għar-Riċerka Spazjali (INPE) bejn l-1988 u l-2020, juru b’mod ċar li l-foresti ġew sostitwiti bil-forestrija (żieda ta’ 274 % bejn l-1986 u l-2019), l-agrikoltura (160 %) u l-attivitajiet tal-bhejjem (ragħa) (li qed jonqsu mill-2000). L-industriji tal-estrazzjoni taż-żejt, tal-gass u tal-minerali kritiċi huma wkoll kawża ewlenija tad-deforestazzjoni tal-Amażonja. Fl-2023 intilfu 9 064 km2 ta’ foresta (tnaqqis ta’ 28,2 % wara żieda għal 5 snin). Ir-reġjuni Brażiljani li jbatu l-aktar mid-deforestazzjoni huma Pará, Amaonas u Mato Grosso. Bijomi kritiċi oħra huma wkoll f’periklu kbir, bħal Chaco, Pantanal u Cerrado (fejn id-deforestazzjoni żdiedet b’25 % fl-2022 u bi 3 % fl-2023). |
|
3.7. |
Id-deforestazzjoni għandha impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali sinifikanti u l-Brażil tradizzjonalment għandu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u t-tibdil fil-klima. Fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) tal-2023 f’Dubai, il-kwistjonijiet ambjentali u l-protezzjoni tal-foresti tropikali reġgħu tqiegħdu fil-qalba tal-aġenda tal-gvern Brażiljan. |
|
3.8. |
Il-President Brażiljan, Luiz Inácio Lula da Silva, u l-Ministru għall-Ambjent, l-ambjentalista Marina Silva, ikkonfermaw li l-Brażil huwa lest li jiġġieled it-tibdil fil-klima billi jaġġusta l-miri tiegħu u jnaqqas id-deforestazzjoni fl-Amażonja għal żero sal-2030. Id-dinamika attwali hija eċċellenti u l-COP30, li ser issir f’Belém do Pará fil-qalba tal-Amażonja Brażiljana, ser tkun opportunità storika biex tinfetaħ id-diskussjoni mal-Parlament Ewropew li għadu kif ġie elett. |
|
3.9. |
Is-Sur Lula jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għal “deforestazzjoni illegali żero” fil-Brażil sal-2030, permezz ta’ mekkaniżmi bħas-sħubija mħabbra reċentement mal-Fond tal-Amażonja u Floresta+, li ser tgħaddi R$ 730 miljun (madwar EUR 132 miljun) lill-muniċipalitajiet biex jiġġieldu d-deforestazzjoni u n-nirien fil-foresti fl-Amażonja. Dan il-proġett huwa parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Brażil għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tad-Deforestazzjoni fl-Amażonja Legali (PPCDAm), li ser jorbot mal-muniċipalitajiet li jikkontribwixxu l-aktar għad-deforestazzjoni b’appoġġ finanzjarju. 11,6 % tal-Brażil hija art indiġena; matul l-aħħar sena u nofs, 10 territorji indiġeni ġew demarkati. L-inizjattivi juru rieda mġedda biex is-sitwazzjoni titreġġa’ lura. |
|
3.10. |
Il-Pjani ta’ Azzjoni tal-Brażil għall-2023-2027 jenfasizzaw l-espansjoni tal-erja tal-foresti pubbliċi federali taħt konċessjoni b’sa 5 miljun ettaru sal-2027, aktar riżorsi umani għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali għat-traċċar mill-bogħod tar-reati ambjentali. Il-pilastri ewlenin tal-azzjoni jiddependu minn alternattivi sostenibbli u ekonomiċi, il-kontroll u l-monitoraġġ ambjentali, l-ippjanar territorjali u tal-użu tal-art u miżuri leġiżlattivi u ekonomiċi biex titrażżan id-deforestazzjoni, bħas-suq tal-karbonju. |
|
3.11. |
Il-KESE jilqa’ dawn l-iżviluppi pożittivi u jittama li l-politiki kontra d-deforestazzjoni jkunu jistgħu jiksbu riżultat pożittiv, billi jitqiesu t-trasparenza meħtieġa, ir-rispett għas-sovranità u l-kumpens għall-kontropartijiet tal-Amerka Latina fl-interess reċiproku tal-preservazzjoni tal-Amażonja. Il-KESE jemmen ukoll li l-preservazzjoni tal-foresti m’għandhiex titqies bħala rinunzja għat-tkabbir ekonomiku u s-sigurtà tal-ikel. Id-diffikultajiet ewlenin jinsabu fir-rikonċiljazzjoni tal-protezzjoni tal-Amażonja u d-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali mar-rilanċ tal-ekonomija, it-tnaqqis tal-faqar u l-kisba ta’ tranżizzjoni ġusta li tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. |
|
3.12. |
Il-foresta pluvjali tipprovdi għajxien għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli. Madankollu, fuq skala akbar, il-kontribut tagħha bħala riżorsa għall-ekonomiji nazzjonali tas-sottoreġjun għadu baxx ħafna, inqas minn 2 % tal-PNG, ħlief għall-Brażil, fejn huwa stmat li huwa 5 %. Madankollu, fl-ekonomija informali, b’mod partikolari f’insedjamenti rurali u nattivi, il-foresti għandhom rwol kruċjali bħala s-sors ewlieni tal-għajxien tal-popolazzjoni, inkluż l-ikel, l-ilma, il-materjali tad-djar u prodotti oħra tal-foresti. Madwar 28 miljun persuna jgħixu u jaħdmu f’din il-bijoma u jeħtieġu jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz ta’ impjieg stabbli, deċenti, ta’ kwalità tajba, garantit u b’attivitajiet li għandhom valur miżjud li jvarjaw mill-agroekoloġija sal-attivitajiet ekonomiċi ġodda derivati mill-mediċina tal-futur, f’liema qasam il-konservazzjoni tal-foresta hija fundamentali. Iridu jiġu ggarantiti u ppreservati prezzijiet ġusti u impjiegi stabbli għall-għajxien tagħhom. |
|
3.13. |
Għalhekk, jeħtieġ li tinħoloq relazzjoni ġdida bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun tal-Amażonja, ibbażata fuq għarfien tekniku u xjentifiku, bil-għan li jiġu miġġielda l-effetti sekondarji tal-attivitajiet illegali f’dawn il-foresti, bħat-traffikar tad-drogi, il-qtugħ tas-siġar għall-injam u l-estrazzjoni illegali. Il-kumpens finanzjarju internazzjonali jista’ jipprovdi fondi għar-riċerka parteċipattiva, l-edukazzjoni għolja bbażata fuq teknoloġiji ġodda u l-ftuħ ta’ spazji għad-djalogu bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE u l-gruppi lokali li jbatu minn din is-sitwazzjoni. Id-djalogu bejn il-KESE u l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Sostenibbli tal-Brażil, li reġa’ beda dan l-aħħar, huwa punt tat-tluq tajjeb f’dan ir-rigward. |
|
3.14. |
Il-programm tal-UE li tnieda reċentement Amazonia+, f’kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel li jikkondividu din il-bijoma, ser jibni fuq inizjattivi reġjonali permezz ta’ mekkaniżmu li jinvolvi l-komunitajiet lokali, inklużi l-popli indiġeni, fil-governanza tal-foresti u l-ekoloġizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista. Barra minn hekk, l-użu ta’ fondi mill-Global Gateway jista’ jiġi mħeġġeġ f’mekkaniżmi ta’ kumpens mal-komunitajiet lokali, biex jiġi żgurat li l-preservazzjoni tal-foresti tibqa’ profittabbli. Eżempju li jikkombina l-progress mal-konservazzjoni tal-foresti huwa t-Tropical Forest Forever Fund. |
|
3.15. |
L-UE ilha żmien twil tikkontribwixxi għad-deforestazzjoni billi tikkonsma sehem sinifikanti ta’ prodotti assoċjati. Wara li ġew adottati l-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-2019 u l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, l-UE ħadet azzjoni ulterjuri. Skont l-istatistika tal-UE, l-Ewropa hija waħda mill-akbar importaturi ta’ materja prima marbuta mad-deforestazzjoni, inklużi 50 % tal-kafè u 60 % tal-kawkaw fil-livell globali. L-istudji tal-valutazzjoni tal-impatt stmaw li l-konsum ta’ dawn il-prodotti, fl-UE biss, iżid id-deforestazzjoni b’madwar 248 000 ettaru fis-sena sal-2030. L-UE impenjat ruħha li tipproteġi l-ekosistemi billi tikkontrolla l-prodotti marbuta mad-deforestazzjoni fil-fruntieri tagħha. |
|
3.16. |
Din l-azzjoni tinkludi r-Regolament dwar il-Prodotti Ħielsa mid-Deforestazzjoni dwar it-tqegħid fis-suq tal-UE u l-esportazzjoni mill-UE ta’ prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, jiġifieri: żejt tal-palm, is-soja, l-injam, il-kakaw, il-kafè, il-baqar u l-lastku, iżda l-lista tista’ tiġi estiża. Ir-Regolament jistabbilixxi sistema bi tliet livelli għall-valutazzjoni ta’ pajjiżi jew partijiet minnhom fi tliet kategoriji ta’ riskju, jipprevedi mekkaniżmu ta’ kontroll u monitoraġġ u jiddelega s-setgħa ta’ kontroll lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. L-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ikunu komponenti essenzjali ta’ dawn il-politiki. |
|
3.17. |
L-effetti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE fuq il-ktajjen tal-valur ikkonċernati jistgħu jkunu diversi u diffiċli li jitbassru, peress li jiddependu minn diversi fatturi: it-tħejjija ta’ kull katina tal-valur, l-aċċess għat-teknoloġija jew il-finanzjament, il-klassifikazzjoni tar-riskju ta’ kull pajjiż, id-deċiżjonijiet meħuda mill-produtturi u n-negozjanti, l-elastiċità tal-prezzijiet, id-domanda minn swieq oħra mhux tal-UE, eċċ. Il-flussi kummerċjali jistgħu jiġu affettwati serjament, u l-esportazzjonijiet tal-komoditajiet jistgħu jiġu diretti mill-ġdid lejn swieq li qed jikbru aktar malajr. Il-kumpaniji mikro u żgħar ser ikunu l-aktar vulnerabbli minħabba d-diffikultà tagħhom biex jikkonformaw mat-traċċabbiltà, ir-rekwiżiti ambjentali u l-ispejjeż relatati. |
|
3.18. |
Il-Ftehim bejn l-UE u l-Mercosur għandu jkun ibbażat fuq il-premessa li l-kummerċ ma għandux iseħħ a skapitu tal-ambjent jew tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda għandu jippromovi l-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jitlob li dan il-Ftehim jiggarantixxi qafas stabbli għar-regolamentazzjoni tar-regoli dwar il-flussi kummerċjali, l-istandards ambjentali u d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-kisbiet ekonomiċi tal-Ftehim iridu jiġu bbilanċjati mid-dimensjonijiet soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jrawwem integrazzjoni profonda bejn l-UE u l-Amerka Latina, l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur reġjonali moderni u sofistikati, spejjeż kummerċjali aktar baxxi u inqas inċertezza. Mill-perspettiva ġeoekonomika, l-UE ser tkun l-ewwel imsieħba kummerċjali prinċipali li tifformalizza ftehim mal-MERCOSUR: la l-Istati Uniti u lanqas iċ-Ċina ma għandha ftehim kummerċjali simili, u l-importanza ġeopolitika, ġeoambjentali u ġeoekomonika tiegħu ma għandhiex tiġi injorata. |
|
3.19. |
Il-Brażil għandu rwol kritiku fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tad-deforestazzjoni, b’mod partikolari fl-Amażonja Brażiljana. Ir-ratifika tal-Ftehim tista’ tiżgura żvilupp sostenibbli u qafas legali stabbli u affidabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra d-deforestazzjoni. Fl-istess ħin, għandha tiggarantixxi li t-talbiet leġittimi tas-soċjetà ċivili ser jiġu ssodisfati u ser jiġu żgurati d-drittijiet tal-bniedem, soċjali u tax-xogħol tal-atturi vulnerabbli, f’konformità mal-mekkaniżmi stabbiliti fil-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, speċifikament dawk relatati ma’ xogħol deċenti. Tirrappreżenta wkoll opportunità f’termini ta’ kooperazzjoni għat-trasferiment tal-għarfien, il-kooperazzjoni teknoloġika u innovazzjoni akbar għall-kumpaniji tal-Amerka Latina u Ewropej. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Il-KESE diġà esprima tħassib dwar l-impatt ekonomiku u soċjali tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-politiki tal-UE dwar id-deforestazzjoni b’mod partikolari. Fl-istess waqt, it-tnaqqis tal-faqar kif ukoll l-offerta u t-tisħiħ ta’ opportunitajiet biex ikun hemm aċċess għal għajxien deċenti u dinjituż, inklużi impjiegi ta’ kwalità tajba u investiment fl-iżvilupp taż-żoni rurali ser ikollhom impatt dirett fuq id-deforestazzjoni. Il-KESE rrikonoxxa wkoll li meta titnaqqas id-deforestazzjoni trid titqies l-importanza kulturali tal-foresta, speċjalment għall-komunitajiet rurali u tal-foresti. |
|
4.2. |
Fl-Opinjoni dwar Minimizzazzjoni tar-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati mal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, il-KESE enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi biex l-UE tiġi appoġġjata fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni. |
|
4.3. |
Il-KESE appella għal mekkaniżmu ta’ rispons urġenti sabiex jiġu appoġġjati n-nies u s-soċjetà ċivili li qed jipproteġu l-foresti fl-UE u lil hinn minnha. Il-maġġoranza l-kbira tal-bdiewa u tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira ma jinvolvux ruħhom fi prattiki illegali jew fid-deforestazzjoni. Għadd dejjem akbar ta’ bdiewa u ta’ bdiewa b’azjenda agrikola żgħira huma involuti ma’ kontropartijiet lokali, Ewropej u internazzjonali fid-dokumentazzjoni ta’ prattiki responsabbli skont skemi ta’ ċertifikazzjoni jew inizjattivi tal-pajsaġġ. L-UE trid tinvolvi ruħha mal-pajjiżi produtturi biex tappoġġja t-tranżizzjoni ġusta ta’ dawn in-nies lejn perkorsi u prattiki aktar sostenibbli. Il-Kummissjoni Ewropea trid tipprovdi b’mod urġenti linji gwida ċari biex issolvi l-problemi maħluqa mill-anomaliji fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar id-Deforestazzjoni fl-Unjoni Ewropea. |
|
4.4. |
Barra minn hekk, fl-Opinjoni dwar “Diplomazija tal-UE dwar il-klima”, il-KESE ddikjara li l-akbar sfida għad-diplomazija tal-UE dwar il-klima hija l-ħidma flimkien mal-pajjiżi msieħba biex jiżdiedu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħhom waqt li jiġu appoġġjati dawk l-aktar vulnerabbli. Il-KESE afferma wkoll li jippromovi approċċ olistiku. Huwa jqis it-tibdil fil-klima mhux biss bħala problema ambjentali li teħtieġ soluzzjonijiet tekniċi jew ta’ mġiba, iżda wkoll bħala problema soċjali fejn is-soluzzjonijiet jespandu biex jinkludu bidliet ekonomiċi, politiċi, kulturali u istituzzjonali. Xi wħud minn dawn is-soluzzjonijiet għandhom il-potenzjal li jittrasformaw is-soċjetà b’modi li jindirizzaw diversi sfidi, relatati mat-tibdil fil-klima u l-bini tar-reżiljenza, inklużi l-indirizzar tal-faqar u l-inugwaljanza, l-insigurtà tal-ikel, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ilma, it-telf tal-bijodiversità u l-kriżijiet tas-saħħa. Fl-istess ħin, is-soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi jistgħu jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Għal din ir-raġuni, id-diplomazija dwar il-klima għandha tkun parti integrali minn strateġija globali, skont l-impenji tal-UE biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. |
|
4.5. |
Il-KESE jirrikonoxxi li mhux il-pajjiżi kollha għandhom il-kapaċitajiet finanzjarji u teknoloġiċi jew il-bini tal-kapaċità meħtieġ biex isegwu t-triq lejn it-tranżizzjoni klimatika. Sabiex jittejbu l-kapaċità u l-ħiliet, il-KESE jappoġġja ftehimiet bejn l-universitajiet li jippromovu teknoloġiji nodfa u jibnu karrieri relatati mal-isfruttament b’saħħtu tal-foresti, fost l-oħrajn. L-UE għandha tmexxi u tiżviluppa perkorsi ta’ infrastruttura, finanzjament u governanza billi timmobilizza sorsi finanzjarji pubbliċi u privati biex tgħin lill-pajjiżi msieħba jimmaniġġjaw l-impatt tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, trawwem id-diversifikazzjoni ekonomika tagħhom, issawwar pjani ta’ tranżizzjoni ġusta u tappoġġja proġetti ta’ adattament u ġestjoni tar-riskju sabiex tipprevjeni u tnaqqas ir-riskji ta’ fraġilità klimatika. |
|
4.6. |
Aktar reċentement, l-UE nediet il-Global Gateway, inizjattiva li ser tiżgura EUR 300 biljun f’investimenti għall-perjodu 2021-2027. Il-Global Gateway tindirizza l-isfidi globali ewlenin permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali u bilaterali. Is-sħubijiet prijoritarji mal-Amerka Latina u l-Brażil b’mod partikolari għandhom l-għan li jiġġieldu t-tibdil fil-klima, jagħtu spinta lit-tranżizzjoni tal-enerġija u diġitali, u jipproteġu l-foresti. L-Amerka Latina għandha t-tieni l-akbar baġit tal-Global Gateway u huwa essenzjali li wieħed ikun jaf liema perċentwal ser jiġi allokat għal proġetti li jinvolvu lis-soċjetà ċivili u li huma destinati għalihom. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni bilaterali (Amazonia+, Orizzont Ewropew, EUROsociAL+, EUROCLIMA+, Green Al Invest, eċċ.) ser jgħinu biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u tinkiseb tranżizzjoni ġusta lejn perkorsi aktar sostenibbli. |
|
4.7. |
L-UE hija determinata li ttaffi l-effetti tal-implimentazzjoni tar-regolamenti ambjentali reċenti, permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali. Għal dak il-għan, l-UE nediet l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali għall-perjodu 2021-2027. L-NDICI għandu baġit globali ta’ EUR 79 biljun, u għadd ta’ għodod li jippermettu lill-UE timmobilizza l-investimenti tagħha, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+). |
Brussell, id-19 ta’ Settembru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6882/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)