Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Pjanti ħajjin u prodotti tal-florikultura – Direttiva 98/56/KE – Kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal għall-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali – Il-punt 3 tal-Artikolu 2 – Kunċetti ta’ ‘kummerċjalizzazzjoni’ u ta’ ‘li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen’ – Esklużjoni tat-tħawwil u tal-kultivazzjoni – Artikolu 3(1) – Projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal għal propagazzjoni li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva – Artikolu 3(2)(c) – Deroga għall-finijiet tal-konservazzjoni tad-diversità ġenetika – Portata – Artikolu 3(3) – Regoli għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga – Natura fakultattiva – Ebda regoli bħal dawn fil-livell tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑33/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura
T V.O.F.
vs
Stichting Bloembollenkeuringsdienst,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, N. Fenger, S. Rodin, O. Spineanu-Matei u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal T V.O.F., minn R. de Bondt, advocaat,
– għal Stichting Bloembollenkeuringsdienst, minn E. K. Pinxterhuis, direttur,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn P. P. Huurnink u J. Langer, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Koleva u M. ter Haar, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3(2)(c), tal-Artikolu 3(3) u tal-premessa 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE ta’ l‑20 ta’ Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 363), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 328, p. 126) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/56”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T V.O.F., soċjetà f’isem kollettiv stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u Stichting Bloembollenkeuringsdienst (il-Fondazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-Basal tal-Fjuri, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“BKD”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tat-Tuchtgerecht voor de Bloembollensector (il-Bord Dixxiplinari tas-Settur tal-Basal tal-Fjuri, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Bord Dixxiplinari”) li fiha ġie kkonstatat li din is-soċjetà kienet kisret, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 billi ħawlet lottijiet ta’ basal tat-tulipan parzjalment infettat b’virus u imponiet fuqha multa f’dan is-sens.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 3 u 8 sa 10 tad-Direttiva 98/56 jiddikjaraw:
“(3) Billi l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet armonizzati fil-livell [tal-Komunità Ewropea] għandu jassigura li x-xerrejja fil-Komunità kollha jirċievu materjal tal-propagazzjoni li huwa b’saħħtu u ta’ kwalità tajba.
[...]
(8) Billi fl-ewwel lok hija r-responsabbiltà tal-fornituri tal-materjal tal-propagazzjoni li jagħmlu ċert li l-prodott tagħhom iwettaq il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva;
(9) Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, meta jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet, għandhom jassiguraw li l-fornituri jwettqu dawk il-kondizzjonijiet.
(10) Billi għandhom ikunu introdotti miżuri ta’ kontrolli Komunitarji li jassiguraw l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.
[...]
4 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali fi ħdan il-Komunità [...]”
5 L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva fih id-definizzjonijiet li ġejjin:
“[...]
(1) ‘Materjal tal-propagazzjoni’: materjal tal-pjanti intiżi għal:
– propagazzjoni tal-pjanti ornamentali, jew
– il-produzzjoni tal-pjanti ornamentali; b’danakollu, fil-każ tal-produzzjoni minn pjanti sħaħ, din id-definizzjoni tapplika biss sa fejn il-pjanta ornamentali riżultanti hija intiża għall-marketing.
‘Propagazzjoni’: riproduzzjoni permezz tal-mezzi veġetattivi jew mezzi oħrajn.
(2) ‘Fornitur’: kull persuna naturali jew ġuridika involuta professjonalment fil-marketing jew fl-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni.
(3) ‘Marketing’: bejgħ jew konsenja minn fornitur lejn persuna oħra. ‘Bejgħ’ jinkludi li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen, jesebixxi bl-iskop ta’ bejgħ, jew li joffri għall-bejgħ.
[...]
(5) ‘lott’: numru ta’ unitajiet ta’ prodott wieħed, li jistgħu jiġu identifikati mill-omoġenità ta’ l-għamla u ta’ l-oriġini tagħhom.”
6 L-Artikolu 3 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-fornituri jistgħu jagħmlu l-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni biss jekk dan jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-materjali tal-propagazzjoni intiżi għal:
(a) provi jew skopijiet xjentifiċi,
(b) xogħol ta’ l-għażla, jew
(ċ) il-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.
3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.”
7 L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/56 jipprevedi:
“1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 u ta’ l-Artikolu 4, il-materjal tal-propagazzjoni għandu jkun marketed meta:
– irid ikun mill-anqas spezzjonat b’mod viżwali, ikun sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u li jnaqqsu l-kwalità, jew minn kull sinjali jew sintomi tagħhom, li jnaqqsu l-utilità tiegħu,
[...]
2. Xi materjal tal-propagazzjoni li, fuq il-bażi tas-sinjali jew tas-sintomi li jidhru, m’huwiex sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara, għandu jingħata trattament xieraq jew, meta xieraq, għandu jitneħħa.
[...]
4. Fil-każ ta’ basal tal-fjuri għandu wkoll jissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin:
– il-materjal tal-propagazzjoni irid ikun ġie dderivat minn materjal li, fl-istadju ta’ meta l-wiċċ tar-raba’ jkun għadu qiegħed jikber, ikun ġie kkontrollat u misjub li huwa sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, is-sinjali jew is-sintomi tagħhom.
[...]”
8 L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“1. Il-fornituri involuti fil-produzzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni għandhom:
– jidentifikaw u jissorveljaw punti kritiċi fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom li jinfluwenzaw il-kwalità tal-materjal,
– iżommu l-informazzjoni, għall-eżami meta mitluba mill-korp uffiċjali responsabbli għas-sorveljanza stabbilit fl-ewwel inċiż,
– jieħdu kampjuni meta dawn ikunu meħtieġa għall-analiżi f’laboratorju b’faċilitajiet u b’esperjenza xierqa,
– jassiguraw li, waqt il-produzzjoni, lottijiet tal-materjal tal-propagazzjoni jibqgħu separatament identifikabbli.
2. Fil-każ li jitfaċċa, fuq il-fond ta’ fornitur involut fil-produzzjoni ta’ materjal tal-propagazzjoni, xi organiżmu li jagħmel il-ħsara [identifikat abbażi tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU 2016, L 317, p. 4)] jew [il-mira ta’] miżura [adottata] skond l-Artikolu 5(5), il-fornitur għandu jirraporta lejn il-korp uffiċjali responsabbli u għandu jwettaq kull miżura ordnata minn dak il-korp.
[...]”
9 L-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikoklu 17, għandhom ikunu stabbiliti l-ħtiġiet [rekwiżiti] fir-rigward tat-tikketta jew tad-dokument riferit fil-paragrafu 2. [...] Il-ħtiġiet dwar l-ippakkjar tal-materjal tal-propagazzjoni jistgħu jiġu adottati skond l-istess proċedura.”
10 L-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiggarantixxu l-konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-materjali tal-propagazzjoni jkunu spezzjonati uffiċjalment:
– ta’ mill-anqas permezz ta’ kontrolli bl-addoċċ [għal għarrieda], u
– ta’ mill-inqas fir-rigward tal-marketing minn persuni professjonalment involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni,
sabiex jivverifikaw jekk ikun hemm konformità mal-ħtiġiet. L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu kampjuni sabiex jivverifikaw jekk ikunx hemm il-konformità. Waqt li jwettqu s-superviżjoni u s-sorveljanza, il-korpi uffiċjali responsabbli għandu jkollhom aċċess ħieles għall-partijiet kollha ta’ l-istabbilimenti tal-fornituri matul ħinijiet raġonevoli.
[...]”
11 Skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 98/56:
“Jekk jinstab li xi materjal tal-propagazzjoni li jitpoġġa fis-suq minn fornitur partikolari ma jkunx konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li jittieħdu miżuri xierqa fil-konfront ta’ dak il-fornitur.”
12 L-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Il-Kummissjoni [Ewropea], waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17, għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-testijiet u provi komparattivi li għandhom jitwettqu. [...]”
13 L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni li jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva m’għandux ikun soġġett għall-ebda restrizzjonijiet fir-rigward tal-fornitur, tal-kwalità, tas-saħħa tal-pjanti, ta’ l-ittikkettjar u ta’ l-ippakkjar, apparti milli f’dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”
14 L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, inkluż fit-Titolu IX tagħha, intitolat “Il-Proċeduri tal-Kumitat”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 98/56, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).
Id-dritt Olandiż
15 L-Artikolu 1 tal-Landbouwkwaliteitsbesluit de 2007 (id-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli) tad‑19 ta’ Settembru 2007 (Stb. 2007, Nru 344), fil-verżjoni tiegħu li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli”), huwa fformulat kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet u tad-dispożizzjonijiet adottati abbażi tiegħu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
– kummerċjalizzazzjoni tfisser li kummerċjant iżomm disponibbli jew jaħżen, iqiegħed għall-bejgħ jew joffri għall-bejgħ, ibigħ, iżomm fil-pussess tiegħu bil-ħsieb li jbigħ, kif ukoll, bi ħlas jew mingħajr ħlas, jipprovdi, jikkunsinna jew jittrasferixxi;
[...]”
16 L-Artikolu 9 ta’ dan id-digriet jipprovdi:
“Il-materjal għall-propagazzjoni tal-basal għandu jiġi kkummerċjalizzat biss jekk jissodisfa l-Artikoli 3 sa 9 tad-[Direttiva 98/56] u r-regoli previsti f’dan id-digriet jew adottati bis-saħħa tiegħu.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkultiva u tikkummerċjalizza basal tat-tulipan fil-Pajjiżi l-Baxxi u hija affiljata mal-BKD, li hija responsabbli għall-kontroll tal-kummerċjalizzazzjoni tal-basal fuq bażi professjonali.
18 Permezz ta’ ħames deċiżjonijiet adottati bejn l‑20 ta’ April u l‑15 ta’ Ġunju 2020, il-BKD iddikjarat li ħames lottijiet ta’ basal tat-tulipan imħawwla mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux konformi, minħabba li dawn il-lottijiet kienu parzjalment ikkontaminati bil-virus tal-broken tulip.
19 Permezz ta’ ittra elettronika tal‑21 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet eżenzjoni mingħand il-BKD sabiex tiġi awtorizzata tħawwel dawn il-ħames lottijiet.
20 Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Jannar 2021, din tal-aħħar ordnat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali teqred tlieta mill-imsemmija ħames lottijiet fi żmien erbatax‑il jum, filwaqt li indikatilha li, jekk ma tagħmilx dan, hija kienet ser tadixxi lill-Bord Dixxiplinari. Min-naħa l-oħra, hija tatha eżenzjoni kkundizzjonata għaż-żewġ lottijiet l-oħra, filwaqt li indikatilha li l-Bord Dixxiplinari kien, fi kwalunkwe każ, ser jiġi adit minħabba li dawn il-lottijiet kienu tħawwlu qabel l-għoti ta’ din l-eżenzjoni u li t-talba relatata magħhom kienet tressqet tard.
21 Quddiem il-Bord Dixxiplinari, il-BKD allegat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisret l-Artikolu 9 tad-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56, billi ħawlet jew ikkultivat, fuq bażi professjonali, basal tat-tulipan li ma kienx idderivat direttament minn materjal ikkontrollat fl-istadju tal-kultivazzjoni u effettivament ħieles minn organiżmi li jagħmlu ħsara u mill-mard kif ukoll minn kull sinjal jew sintomu ta’ tali organiżmi u mard.
22 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2022, il-Bord Dixxiplinari qies li l-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu stabbiliti u kienu jikkostitwixxu ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u impona fuqha multa ta’ EUR 12 500. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet iddeċidiet li tħawwel il-lottijiet ikkonċernati minkejja li kienu nħarġulha dikjarazzjonijiet ta’ nonkonformità fir-rigward ta’ dawn il-lottijiet u minkejja li l-BKD kienet ħadet miżuri kontra tagħha. Barra minn hekk, huwa qies l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet diġà ġiet ikkundannata diversi drabi għal ksur simili bħala ċirkustanza aggravanti.
23 Din tal-aħħar adixxiet lill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.
24 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, minn naħa, li hija topera impriża li tispeċjalizza fil-kultivazzjoni u fil-kummerċ tat-tulipan, imwaqqfa fl‑1951, li x-xelta tagħha ta’ tulipan kienet tħaddan, fil-mument tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, 455 varjetà, u, min-naħa l-oħra, li hija l-unika waħda li tikkultiva wħud minn dawn il-varjetajiet għal finijiet ta’ konservazzjoni, u mhux ta’ kummerċjalizzazzjoni. Fil-każ ta’ marda jew ta’ virus, hija tipprijoritizza r-rimedju li jneħħi l-basal ikkontaminat sabiex tiġi evitata l-estinzjoni tal-varjetà kkonċernata, billi dan il-proċess iqum iktar mill-qerda tal-basal kollu.
25 F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħawlet il-ħames lottijiet kontenzjużi matul is-sena 2020 mingħajr il-ħsieb li tikkummerċjalizzahom u baqgħet proprjetarja ta’ dawn il-lottijiet matul il-perijodu kollu tal-kultivazzjoni tagħhom. Wara l-qlugħ tal-basal matul l‑2021, hija neħħiet il-basal ikkontaminat minn tnejn mill-ħames lottijiet u qerdet għalkollox it-tliet lottijiet l-oħra. Fil-fehma tagħha, dawn l-attivitajiet b’ebda mod ma jaqgħu fl-iskop ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, billi dan il-kunċett ikopri biss l-attivitajiet li jsiru wara l-ħsad.
26 Il-BKD issostni, min-naħa l-oħra, li t-tħawwil ta’ lottijiet ta’ basal iddikjarati mhux konformi jikser l-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56, u li dan jammonta għal “kummerċjalizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli u tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, minn xħin jitħawwel il-basal, billi dawn “jinżammu disponibbli” minn dan il-mument. Fil-fehma tal-BKD, il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” jkopri dak ta’ “li wieħed iżomm disponibbli”.
27 Barra minn hekk, hija ssostni li l-kunċett ta’ “konservazzjoni tad-diversità ġenetika”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva, bħala għan li jista’ jiġġustifika deroga mir-regola ġenerali stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma jkoprix il-“konservazzjoni ta’ varjetà partikolari” ta’ tulipan iżda jkopri biss “it-tulipan bħala speċi speċifika ta’ pjanti”. Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tal-BKD, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax tinvoka l-Artikolu 3(2)(ċ) tal-istess direttiva fin-nuqqas ta’ regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(3) tagħha. Interpretazzjoni kuntrarja tagħmilha possibbli għal “kull kultivatur” li jaħrab il-kontroll tal-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/56 billi juża materjal għal propagazzjoni għal finijiet ta’ konservazzjoni.
28 Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi evalwat jekk il-Bord Dixxiplinari stabbilixxiex ġustament li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisret l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/56, moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) tagħha, billi ħawwlet mill-ġdid ħames lottijiet ta’ basal li kienu ġew iddikjarati mhux konformi minħabba kontaminazzjoni parzjali bil-virus tal-broken tulip, l-imsemmija qorti għandha tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi ħawwlet mill-ġdid dawn il-lottijiet, żammithomx disponibbli u, għaldaqstant, ikkummerċjalizzathomx, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u, fit-tieni lok, jekk dan it-tħawwil mill-ġdid, fid-dawl tal-konservazzjoni ta’ varjetà partikolari ta’ tulipan, jaqax fl-iskop tal-kunċett ta’ “konservazzjoni tad-diversità ġenetika”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dik il-qorti tistaqsi jekk l-imsemmi tħawwil mill-ġdid jistax jiġi awtorizzat taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar fin-nuqqas ta’ “regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ [dan il-]paragrafu 2”, li jirreferi għalihom il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 3.
29 Sa fejn għandha x’taqsam l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tiffavorixxi interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ”, li jinsab fit-tieni sentenza tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56, konformi mal-kunċett usa’ ta’ “kummerċjalizzazzjoni” msemmi fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, hekk li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-basal tal-fjuri li jkunu għadhom fl-istadju tal-kultivazzjoni u li, għaldaqstant, ikunu għadhom ma jikkostitwixxux prodott lest. Dik il-qorti tqis li tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-materjal għal propagazzjoni għandu jkun suġġett għal kontrolli uffiċjali “tal-inqas fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni”, u dan jippreżupponi, fil-fehma tal-imsemmija qorti, l-eżistenza ta’ fażi li tiġi qabel din tal-aħħar, hekk li tinkludi bilfors l-istadju tat-tħawwil.
30 Li kellu jitqies li l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” li jinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix l-istadju tat-tħawwil ta’ dan il-materjal, l-istess qorti għandha dubju jekk huwiex possibbli għal Stat Membru li jinkludi t-tħawwil tal-imsemmi materjal fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, meta jittrasponi din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu. Fl-aħħar nett, hija għandha dubju wkoll jekk l-Istati Membri jistgħux jipprevedu l-impożizzjoni ta’ multi fuq il-fornituri fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva,
31 Sa fejn għandha x’taqsam it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Direttiva 98/56 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “diversità ġenetika” u ma tippermettix, għalhekk, li jiġi ddeterminat jekk dan jirreferix biss għall-ispeċijiet ta’ pjanti jew jekk jirreferix ukoll għall-varjetajiet partikolari fi ħdan speċi. Madankollu, hija tiffavorixxi interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva fis-sens li l-konservazzjoni tad-“diversità ġenetika” tkopri mhux biss il-konservazzjoni ta’ speċi ta’ pjanti, iżda wkoll dik ta’ varjetà partikolari ta’ speċi ta’ pjanti.
32 Barra minn hekk, hija tqis, għall-kuntrarju tal-BKD, li ma huwiex possibbli li jiġi dedott mid-Direttiva 98/56 li l-Artikolu 3(2) tagħha jista’ jiġi invokat minn fornitur biss jekk ir-“regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2”, li jirreferi għalihom il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, ikunu ġew adottati minn qabel.
33 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) L-espressjoni ‘li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen’ li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 98/56] għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika wkoll meta materjal tal-propogazzjoni fil-forma ta’ basal tal-fjuri jkun tħawwel iżda ma jkunx għadu nħasad, b’tali mod li t-tħawwil tal-basal tal-fjuri jimplika wkoll li dan il-basal ikun ikkummerċjalizzat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?
(2) L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 tapplika wkoll fil-każ ta’ kultivatur ta’ basal tal-fjuri għall-konservazzjoni ta’ [varjetà] partikolari?
(3) L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 tista’ tiġi invokata wkoll anki meta ma tkun ġiet adottata l-ebda modalità ddettaljata msemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva?
(4) Fid-dawl b’mod partikolari tal-premessa 10 tagħha, id-Direttiva 98/56 tippermetti lill-Istati Membri, fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva li jagħmlu riferiment għall-Artikoli 3 sa 9 tal-imsemmija direttiva, jagħtu lill-kunċett ta’ ‘kummerċjalizzazzjoni’ tifsira iktar wiesgħa mid-definizzjoni inkluża fil-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li t-tħawwil ta’ basal tal-fjuri jitqies ukoll bħala ‘kummerċjalizzazzjoni’, u l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u r-raba’ domanda
34 Permezz tal-ewwel u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, iddefinit f’din id-dispożizzjoni, u, b’mod partikolari, l-element tiegħu li jirreferi għal “li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen”, ikopri t-tħawwil ta’ materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali qabel il-ħsad tagħhom u, fin-negattiv, jekk l-Istati Membri jistgħux, fit-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, jagħtu tali portata lil dawn il-kunċetti u jipprevedu l-impożizzjoni ta’ multi fuq il-fornituri ta’ dan il-materjal li jiksru r-rekwiżiti tal-istess direttiva.
35 Kif jirriżulta mit-titolu tagħha u mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 98/56 għandha l-għan li tirregola l-“kummerċjalizzazzjoni” fi ħdan l-Unjoni Ewropea tal-“materjal għal propagazzjoni”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jiġifieri materjal tal-pjanti għall-propagazzjoni jew għall-produzzjoni ta’ pjanti ornamentali. Il-kunċett ta’ “propagazzjoni” huwa ddefinit fih bħala “riproduzzjoni permezz tal-mezzi veġetattivi jew mezzi oħrajn”.
36 Il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” huwa ddefinit fil-punt 3 ta’ dan l-Artikolu 2 bħala “bejgħ jew kunsinna minn fornitur lil persuna oħra”, liema bejgħ jinkludi, b’mod partikolari, “li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen”.
37 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha, u dan kif jitolbu r-rekwiżiti li jirriżultaw kemm mill-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza – interpretazzjoni li għandha ssir skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2024, LivaNova, C‑713/22, EU:C:2024:642, punt 61, u tal‑10 ta’ Lulju 2025, Farmacija, C‑715/23, EU:C:2025:548, punt 47).
38 Sa fejn għandu x’jaqsam, fl-ewwel lok, il-kliem użat fid-definizzjoni ta’ “kummerċjalizzazzjoni” li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dawn la jsemmu espliċitament l-attività ta’ “tħawwil” u lanqas ebda attività ekwivalenti oħra. Min-naħa l-oħra, is-sens abitwali tal-kunċetti ta’ “kummerċjalizzazzjoni” u ta’ “bejgħ” fil-lingwaġġ ta’ kuljum ma jkoprix l-attività ta’ “tħawwil”, f’dan il-każ ta’ materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali, iżda jkopri pjuttost prodotti lesti, f’dan il-każ dawk li jirriżultaw minn ħsad li jsir iktar ’il quddiem.
39 Fejn jidħol, b’mod iktar speċifiku, il-kunċett ta’ “li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen”, għandu jiġi enfasizzat li dan huwa espliċitament marbut, fil-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, mal-kunċett ta’ “bejgħ”, li, kif ġie kkonstatat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ma jkoprix l-attività ta’ “tħawwil”.
40 Mill-premess jirriżulta li, skont interpretazzjoni letterali tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jkoprix it-tħawwil ta’ materjal għal propagazzjoni.
41 Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-analiżi tal-kuntest li minnu tagħmel parti l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri l-istadju tat-tħawwil jew tal-kultivazzjoni, huwa għamel dan b’mod espliċitu, mingħajr, madankollu, ma wessa’ l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” għall-attivitajiet li jsiru f’dan l-istadju.
42 B’hekk, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 jipprevedi li, fil-każ ta’ basal tal-fjuri, il-materjal għal propagazzjoni għandu jkun idderivat direttament minn materjal li jkun ġie kkontrollat “fl-istadju tal-kultivazzjoni” u li jkun effettivament ħieles minn kwalunkwe organiżmi li jagħmlu l-ħsara u mill-mard, kif ukoll mis-sinjali jew mis-sintomi tagħhom. Kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa l-materjal missier (jew sors) (parent material) li għandu jiġi kkontrollat fl-istadju tal-kultivazzjoni u jkun effettivament ħieles minn dawn l-organiżmi, mard, sinjali u sintomi, indipendentement mill-kwistjoni jekk dan il-materjal missier ikunx ser jiġi kkummerċjalizzat jew le, filwaqt li l-materjal għal propagazzjoni dderivat minnu, maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat, għandu jirriżulta minn materjal missier li jikkonforma ma’ din il-kundizzjoni fitosanitarja.
43 Barra minn hekk, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva – li jipprovdi li l-materjal għal propagazzjoni għandu jkun suġġett għal kontrolli uffiċjali “tal-inqas fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni” –, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippreżupponi fażi li tiġi qabel il-“kummerċjalizzazzjoni”. Għalhekk, dan l-“istadju preliminari” ma jistax jiġi konfuż ma’ dak, sussegwenti, tal-“kummerċjalizzazzjoni”.
44 Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess direttiva jikkonċerna speċifikament il-każ partikolari tal-“fornituri”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, li, minbarra li jkunu involuti “professjonalment fil-marketing jew fl-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni”, fis-sens tal-punt 1 ta’ dan l-Artikolu 2, ikunu jipproduċu wkoll dan il-materjal. Dan l-Artikolu 7(1) u (2) jimponi fuq dawn il-kultivaturi tal-basal tal-fjuri diversi obbligi fitosanitarji li ma jaqgħux fl-iskop tal-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” kif ippreċiżat fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza.
45 Fost dawn l-obbligi, hemm dak li jiġu identifikati u ssorveljati l-punti kritiċi tal-proċess ta’ produzzjoni li jkollhom riperkussjonijiet fuq il-kwalità tal-materjal, dak li jiġi żgurat li l-lottijiet ta’ materjal għal propagazzjoni, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56, jistgħu jibqgħu jiġu identifikati b’mod separat matul il-produzzjoni, jew dak, fil-każ li jfeġġ, “fl-installazzjonijiet ta’ fornitur li jipproduċi materjal ta’ propagazzjoni”, organiżmu li jagħmel ħsara, li dan il-fatt jiġi ssenjalat lill-organu uffiċjali responsabbli u li jiġu applikati l-miżuri kollha li jipprevedi dan tal-aħħar.
46 Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni fis-sens li l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56, ma jkoprix it-tħawwil ta’ materjal għall-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet li tfittex li tilħaq din id-direttiva.
47 Fil-fatt, il-premessa 3 ta’ din tal-aħħar, li tiddikjara li l-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet armonizzati tiggarantixxi li x-“xerrejja” fit-territorju kollu tal-Unjoni jirċievu materjal għal propagazzjoni fi stat fitosanitarju tajjeb u ta’ kwalità tajba, tikkonferma li, għalkemm id-Direttiva 98/56 għandha l-għan li tapplika għall-materjal għal propagazzjoni maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat hemmhekk, fiha wkoll dispożizzjonijiet, bħal dawk eżaminati fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, li jikkonċernaw il-fażi tat-tħawwil jew tal-kultivazzjoni ta’ dan il-materjal mingħajr, madankollu, ma tikkonfondiha mal-fażi ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.
48 Mill-premess jirriżulta li l-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” ddefinit fih, u, b’mod partikolari, l-element tiegħu li jirreferi għal “li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen”, ma jkoprix it-tħawwil ta’ materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali qabel il-ħsad tagħhom.
49 Dwar il-kwistjoni jekk l-Istati Membri jistgħux iwessgħu dawn il-kunċetti sabiex ikopru dak ta’ tħawwil jew ta’ kultivazzjoni ta’ dan il-materjal għal propagazzjoni, meta jittrasponu din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15 tagħha, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal għal propagazzjoni konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva ma hija suġġetta għal ebda restrizzjoni sa fejn għandhom x’jaqsmu l-fornitur, il-kwalità, l-aspetti fitosanitarji, l-ittikkettjar u l-imballaġġ, minbarra dawk previsti fl-istess direttiva. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/56, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa limitat għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni tal-materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali.
50 Għalhekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva 98/56 tipprevedi armonizzazzjoni kompleta biss fejn tidħol il-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni ta’ materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali.
51 Dan ifisser, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-determinazzjoni tar-rekwiżiti fitosanitarji u tar-rekwiżiti ta’ kwalità li għandu jissodisfa l-materjal għal propagazzjoni li ma jkunx maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri, billi dawn ir-rekwiżiti ma humiex irregolati mid-Direttiva 98/56 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Almirall, C‑589/24, EU:C:2026:217, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 B’hekk, huwa possibbli għall-Istati Membri li jadottaw regoli nazzjonali li jipprevedu rekwiżiti fitosanitarji u rekwiżiti ta’ kwalità li japplikaw għall-materjal għal propagazzjoni li ma jkunx maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat, jekk ikun hemm bżonn identiċi jew analogi għar-rekwiżiti previsti fid-Direttiva 98/56 li jirregolaw il-materjal għall-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat. Min-naħa l-oħra, dawn ir-regoli nazzjonali ma jistgħux iwessgħu l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, sabiex ikopri t-tħawwil u l-kultivazzjoni ta’ materjal għal propagazzjoni. Fil-fatt, li l-Istati Membri tingħatalhom il-possibbiltà li jalteraw il-portata ta’ dan il-kunċett armonizzat jimmina r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.
53 Fl-aħħar nett, dwar jekk il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 98/56 jistax jiġi ssanzjonat bl-impożizzjoni ta’ multi, mill-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jadottaw “miżuri xierqa” kontra fornituri li jikkummerċjalizzaw materjal għal propagazzjoni li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu multi, u dan kemm‑il darba l-impożizzjoni tagħhom, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fejn jidħlu s-sanzjonijiet li japplikaw fil-każ li ma tiġix osservata s-sistema legali kkonċernata, issir b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu u, konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 23; tal‑21 ta’ Novembru 2024, Ekostroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 41, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2025, Staatssecretaris Jeugd, Preventie en Sport (Sigaretti elettroniċi), C‑665/24, EU:C:2025:960, punt 42).
54 Min-naħa l-oħra, sa fejn għandu x’jaqsam materjal għal propagazzjoni li ma jkunx maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat, u li jkun suġġett fl-Istat Membru kkonċernat għal regoli nazzjonali li jistabbilixxu ċerti rekwiżiti fitosanitarji u rekwiżiti ta’ kwalità, is-sanzjonijiet li jistgħu japplikaw fil-każ li ma jiġux osservati dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkunu bbażati biss fuq id-dritt nazzjonali.
55 Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, iddefinit f’din id-dispożizzjoni, u, b’mod partikolari, l-element tiegħu li jirriferi għal “li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen”, ma jkoprix it-tħawwil ta’ materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali qabel il-ħsad tagħhom. Għalkemm l-Istati Membri ma jistgħux iwessgħu dan il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” sabiex jinkludi fih it-tħawwil ta’ materjal għal propagazzjoni, huma jistgħu, madankollu, jadottaw regoli nazzjonali, jekk ikun hemm bżonn identiċi jew analogi għal dawk previsti fl-imsemmija direttiva, li jimponu rekwiżiti fitosanitarji u rekwiżiti ta’ kwalità fuq il-materjal għal propagazzjoni mhux ikkummerċjalizzat. Is-sanzjonijiet li jistgħu jkunu previsti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dawn ir-regoli, li japplikaw għall-materjal għal propagazzjoni mhux ikkummerċjalizzat, jaqgħu esklużivament fl-iskop tad-dritt nazzjonali.
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
56 Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 għandux jiġi interpretat fis-sens li fornitur jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jikkummerċjalizza materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali li ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva meta dan il-materjal ikun maħsub għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, inkluż fin-nuqqas ta’ regoli iddettaljati għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni adottati fil-livell tal-Unjoni – li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva – jew fil-livell nazzjonali.
57 Skont l-għan tad-Direttiva 98/56, li tiġi rregolata l-kummerċjalizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni ta’ materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-fornituri jistgħu jikkummerċjalizzaw tali materjal biss jekk dan ikun jissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. Kif tiddikjara l-premessa 8 tagħha, huma, fl-ewwel lok, il-fornituri ta’ materjal għal propagazzjoni li għandhom jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istess direttiva.
58 L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/56 jeħtieġ, b’mod partikolari, li, fil-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, il-materjal għal propagazzjoni jkun, tal-inqas minn eżami viżiv, essenzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu ħsara li jaffettwaw il-kwalità tiegħu kif ukoll minn kull sinjal jew sintomi ta’ tali organiżmi li jnaqqsu l-utilità tiegħu u essenzjalment ħieles minn kull difett li jista’ jaffettwa l-kwalità tiegħu bħala materjal għal propagazzjoni. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jeħtieġ li kull materjal għal propagazzjoni li jippreżenta sinjali jew sintomi viżibbli tal-preżenza ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara jittieħed ħsieb tiegħu kif jixraq jew, jekk ikun il-każ, jitneħħa.
59 B’deroga mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/56, il-paragrafu 2(ċ) ta’ dan l-artikolu jippermetti lill-fornituri jikkummerċjalizzaw materjal għal propagazzjoni li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti meta dan il-materjal ikun maħsub għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.
60 Fid-dawl tad-dubji tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, qabel xejn, li, skont is-sens abitwali ta’ dan il-kliem fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “diversità ġenetika” jinkludi l-varjazzjonijiet ereditarji kollha li jeżistu fi ħdan speċi partikolari, b’mod partikolari dawk li jimmanifestaw ruħhom fil-varji varjetajiet li jikkomponu din l-ispeċi. Dan ifisser li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-BKD, il-kunċett ta’ “konservazzjoni tad-diversità ġenetika”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56, ikopri mhux biss il-konservazzjoni ta’ speċi ta’ pjanti iżda wkoll il-konservazzjoni ta’ varjetà partikolari ta’ speċi ta’ pjanti.
61 Dan premess, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, bħala deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/56, l-Artikolu 3(2)(ċ) tagħha għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 162, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 53).
62 F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-konservazzjoni ta’ varjetà li ma tkunx mhedda b’estinzjoni ma tistax titqies bħala neċessarja għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika tal-pjanta ornamentali kkonċernata, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(2)(ċ). Fil-fatt, interpretazzjoni fis-sens li d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata għall-finijiet tal-konservazzjoni ta’ kull varjetà ta’ pjanta ornamentali, mingħajr ma jingħata kas tar-riskju ta’ estinzjoni tagħha, tkun tali li ċċaħħad r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/56 mill-effett utli tagħha, billi tippermetti lill-fornituri jinvokaw din id-deroga għal kull materjal għal propagazzjoni.
63 Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 105 u 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan tal-aħħar, bħall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jirregola l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal għal propagazzjoni u jippermetti lill-fornituri jikkummerċjalizzaw materjal għal propagazzjoni li ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-imsemmija direttiva, kemm‑il darba dan il-materjal ikun maħsub għal wieħed mill-għanijiet elenkati fih, jiġifieri għal finijiet sperimentali jew xjentifiċi, għal xogħol ta’ għażla jew għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika. Din id-deroga tista’ tiġi invokata minn fornitur biss fejn jidħol il-materjal għal propagazzjoni maħsub sabiex jiġi kkummerċjalizzat.
64 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Olandiż allega li wieħed mill-ħames lottijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie kkummerċjalizzat – allegazzjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikaha. Huwa biss fil-każ ta’ tali kummerċjalizzazzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/56 huma maħsuba sabiex japplikaw fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.
65 Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/56, ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, kif interpretat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, “jistgħu jiġu adottati” skont l-hekk imsejħa proċedura ta’ “kumitat” prevista fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva.
66 La mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva u lanqas minn dik tal-Artikolu 3(3) tagħha ma jirriżulta li l-applikabbiltà tad-deroga prevista fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija suġġetta għall-adozzjoni tar-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni li tirreferi għalihom it-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, l-użu, fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 3, tal-kliem “jistgħu jiġu adottati” jindika, ċar u tond, li l-adozzjoni ta’ tali regoli ta’ applikazzjoni hija waħda fakultattiva.
67 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn paragun tal-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 3(3) ma’ dik tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 14(3) u (4) tad-Direttiva 98/56. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar jużaw, għall-kontra tal-ewwel waħda, formulazzjonijiet li jfissru obbligu li tittieħed azzjoni. Huma jipprevedu, rispettivament, li, “[b]’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikoklu 17, għandhom ikunu stabbiliti l-ħtiġiet fir-rigward tat-tikketta jew tad-dokument riferit fil-paragrafu 2”, iżda mhux fir-rigward tal-imballaġġ tal-materjal għal propagazzjoni, li fil-każ tiegħu “jistgħu jiġu adottati skont l-istess proċedura”, u li “[i]l-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17, għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-testijiet u provi komparattivi li għandhom jitwettqu”, u b’hekk jikkonfermaw, għall-kuntrarju, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel l-adozzjoni tar-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 3(3) waħda fakultattiva, billi juża l-kliem “jistgħu jiġu adottati”.
68 Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Elleniku sostnew li, fin-nuqqas ta’ regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni adottati fil-livell tal-Unjoni, l-applikabbiltà tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 hija suġġetta għall-adozzjoni ta’ tali regoli fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari sabiex jiġi rregolat il-lok tal-lottijiet li jibbenefikaw minn din id-deroga u r-regoli li jisseparaw dawn il-lottijiet mil-lottijiet ġirien suġġetti għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern Olandiż iddikjara li tali regoli kienu ġew adottati fil-livell nazzjonali, liema dikjarazzjoni hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikaha.
69 Għalkemm l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/56 jirreferi għall-proċedura ta’ “kumitat” prevista fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, huwa possibbli wkoll għall-Istati Membri li jadottaw regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, għalkemm dan l-Artikolu 3(3) jidentifika l-proċedura ta’ adozzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw tali regoli jekk l-Unjoni ma tkunx użat l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-imsemmi Artikolu 3(3).
70 Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din id-deroga ma tistax tiddependi mill-adozzjoni ta’ tali regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni, la fil-livell tal-Unjoni u lanqas fil-livell nazzjonali.
71 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħad il-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. B’hekk, fejn is-sens ta’ tali dispożizzjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tagħha stess, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Banca Mediolanum, C‑92/24 sa C‑94/24, EU:C:2025:599, punt 31).
72 Issa, inkwantu l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/56 jipprevedi, b’mod ċar u preċiż, sempliċi possibbiltà, l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma tistax tiddependi mill-eżistenza ta’ regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni.
73 Barra minn hekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 116 u 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, Stat Membru ma jistax jostakola l-applikabbiltà ta’ din id-deroga billi jżomm ruħu milli jadotta tali regoli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/56 huwa preċiż u inkundizzjonat biżżejjed sabiex jitqies li għandu effett dirett. Dan ifisser li, anki fin-nuqqas ta’ regoli ta’ applikazzjoni adottati fil-livell nazzjonali, id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata minn fornitur u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istati Membri.
74 Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jikkummerċjalizza materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali li ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva meta dan il-materjal ikun maħsub għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, inkluż fin-nuqqas ta’ regoli iddettaljati għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni adottati fil-livell tal-Unjoni – li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva – jew fil-livell nazzjonali.
Fuq l-ispejjeż
75 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal ta' propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, kif emendata,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, iddefinit f’din id-dispożizzjoni, u, b’mod partikolari, l-element tiegħu relatat ma’ “li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen”, ma jkoprix it-tħawwil ta’ materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali qabel il-ħsad tagħhom. Għalkemm l-Istati Membri ma jistgħux iwessgħu dan il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” sabiex jinkludi fih it-tħawwil ta’ materjal għal propagazzjoni, huma jistgħu, madankollu, jadottaw regoli nazzjonali, jekk ikun il-każ identiċi jew analogi għal dawk previsti fl-imsemmija direttiva, kif emendata, li jimponu rekwiżiti fitosanitarji u rekwiżiti ta’ kwalità fuq il-materjal għal propagazzjoni mhux ikkummerċjalizzat. Is-sanzjonijiet li jistgħu jkunu previsti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dawn ir-regoli li japplikaw għall-materjal għal propagazzjoni mhux ikkummerċjalizzat jaqgħu esklużivament fl-iskop tad-dritt nazzjonali.
2) L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/56, kif emendata bir-Regolament Nru 652/2014,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
fornitur jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jikkummerċjalizza materjal għall-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali li ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, kif emendata, fejn dan il-materjal ikun maħsub għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, anki fin-nuqqas ta’ regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni adottati fil-livell tal-Unjoni Ewropea – li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, kif emendata – jew fil-livell nazzjonali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.