Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2014/26/UE – Organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv – Artikolu 3(h) – Dħul mid-drittijiet, inkluż il-kumpens għal kopja privata u r-remunerazzjoni għas-self pubbliku – Artikolu 11(4) – Użu ta’ dan id-dħul għal finijiet oħra minbarra d-distribuzzjoni tiegħu lid-detenturi tad-drittijiet – Finanzjament ta’ servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi – Artikolu 12(4) – Tnaqqis imwettaq mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv – Artikolu 13(4) u (6) – Somom meqjusa li ma jistgħux jitqassmu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-promozzjoni ta’ xogħlijiet ta’ interess kulturali”
Fil-Kawża C‑840/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura
Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)
vs
TL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta ta’ Awla, B. Smulders (Relatur), E. Regan, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: F. Cathagne, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort), minn T. Winter, Rechtsanwalt,
– għal TL, minn T. von Plehwe, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, L. Hülsmann, u A. Sahner, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn B. Dourthe u H. Nunes da Silva, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u G. Kunnert, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Frar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28), kif ukoll tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72, rettifika fil-ĠU 2022, L 245, p. 71).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TL, li jaġixxi personalment kif ukoll bħala ċessjonarju tad-drittijiet ta’ OS, awturi ta’ xogħlijiet letterarji, u l-Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort) (iktar ’il quddiem “VG Wort”), organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, dwar il-finanzjament, minn din tal-aħħar, ta’ fond għall-promozzjoni tax-xjenza permezz ta’ dħul li ġej mill-immaniġġar tad-drittijiet tal-awtur.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/29
3 L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:
[…]
(b) rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;
[…]”
Id-Direttiva 2006/115
4 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115, intitolat “Deroga mid-dritt esklussiv ta’ self lill-pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt esklussiv previst fl-Artikolu 1 dwar is-self lill-pubbliku, sakemm ta’ l-anqas l-awturi jiksbu ħlas għal dan is-self. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu dan il-ħlas waqt li jikkunsidraw l-għanijiet ta’ promozzjoni kulturali tagħhom.”
Id-Direttiva 2014/26
5 Il-premessi 1, 3, 6 sa 9, 26 u 28 tad-Direttiva 2014/26 jipprovdu:
“(1) Id-Direttivi tal-Unjoni li ġew adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati diġà jipprovdu livell għoli ta’ ħarsien għad-detenturi tad-drittijiet u għaldaqstant qafas li fih jista’ jsir dan l-isfruttament ta’ kontenut protett b’dawk id-drittijiet. Dawk id-Direttivi jikkontribwixxu għall-iżvilupp u ż-żamma tal-kreattività. F’suq intern fejn il-kompetizzjoni mhijiex imfixkla, il-ħarsien tal-innovazzjoni u l-ħolqien intellettwali jħeġġeġ ukoll l-investiment fis-servizzi u l-prodotti innovattivi.
[…]
(3) Skont l-Artikolu 167 [TFUE], l-Unjoni [Ewropea] għandha tqis id-diversità kulturali fl-azzjoni tagħha u tikkontribwixxi biex il-kulturi tal-Istati Membri jiffjorixxu, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġi enfasizzat il-wirt kulturali komuni. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom u għandu jibqa’ jkollhom rwol importanti x’jaqdu bħala promoturi tad-diversità tal-espressjoni kulturali, kemm billi jagħmlu possibbli li r-repertorji żgħar u anqas popolari jkollhom aċċess għas-suq u kemm billi jipprovdu servizzi soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet tagħhom u tal-pubbliku.
[…]
(6) Il-ħtieġa li jittejjeb il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv diġà ġiet identifikata fir-Rakkomandazzjoni [tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta’ Mejju 2005 dwar il-ġestjoni kollettiva bejn il-pajjiżi tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi (ĠU 2006, L 349M, p. 475)]. Dik ir-Rakkomandazzjoni stabbilixxiet għadd ta’ prinċipji, bħal-libertà tad-detenturi tad-drittijiet li jagħżlu l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħhom, trattament indaqs tal-kategoriji tad-detenturi tad-drittijiet u tqassim ekwu tar-royalties. […] Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni ġiet segwita b’mod li ma kienx dejjem l-istess.
(7) Il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet terzi tirrikjedi li l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-immanġġjar tad-drittijiet tal-awtur u l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għandhom jiġu kkoordinati fejn l-Istati Membri jippermettu dawn l-operazzjonijiet bil-għan li jkun hemm garanziji ekwivalenti madwar l-Unjoni.
(8) L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tipprovdi għal koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-modalitajiet għall-governanza tagħhom, u l-qafas superviżorju tagħhom […]
(9) L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tistabbilixxi rekwiżiti applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv biex jiġi żgurat standard għoli ta’ governanza, immaniġġjar finanzjarju, trasparenza u rappurtar. Dan m’għandux, madankollu, iżomm lill-Istati Membri milli jkomplu jżommu jew milli jimponu, f’relazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom, standards aktar stretti minn dawk stabbiliti fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva, sakemm tali standards aktar stretti huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.
[…]
(26) L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġbru, jimmaniġġjaw u jqassmu d-dħul mill-isfruttament tad-drittijiet fdati lilhom mid-detenturi tad-drittijiet. Dak id-dħul fl-aħħar mill-aħħar huwa dovut lil detenturi tad-drittijiet, li jista’ jkollhom relazzjoni ġuridika diretta mal-organizzazzjoni, jew jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta’ entità li hija membru tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew permezz ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni. Għaldaqstant huwa importanti li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv teżerċita l-ogħla diliġenza fil-ġbir, l-immaniġġjar u t-tqassim ta’ dak id-dħul. It-tqassim preċiż huwa possibbli biss fejn l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv iżżomm rekords tajbin tal-membri, il-liċenzji u l-użu ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor. Id-dejta rilevanti li hija rikjesta għall-immaniġġjar kollettiv effiċjenti tad-drittijiet għandha tkun ipprovduta wkoll mid-detenturi tad-drittijiet u l-utenti u tkun verifikata mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.
[…]
(28) Billi d-detenturi tad-drittijiet huma intitolati li jitħallsu għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom, huwa importanti li t-tariffi tal-immaniġġjar ma jkunux ogħla mill-ispejjeż ġustifikati tal-immaniġġjar tad-drittijiet u li kwalunkwe tnaqqis, minbarra fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, pereżempju tnaqqis għal finijiet soċjali, kulturali jew edukattivi, għandu jiġi deċiż mill-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu trasparenti lejn id-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tar-regoli li jirregolaw tali tnaqqis, L-istess rekwiżiti għandhom japplikaw għal kwalunkwe deċiżjoni biex id-dħul mid-drittijiet jintuża għad-distribuzzjoni kollettiva, bħalma huma l-boroż ta’ studju. Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom aċċess, fuq bażi nondiskriminatorja, għal kwalunkwe servizz soċjali, kulturali jew edukattiv li jkun iffinanzjat permezz ta’ dan it-tnaqqis. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa it-tnaqqis skont il-liġi nazzjonali, bħalma hu t-tnaqqis għall-provvediment ta’ servizzi minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett li mhux regolat minn din id-Direttiva kemm-il darba tali tnaqqis ikun jirrispetta d-dritt tal-Unjoni.”
6 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn.”
7 L-Artikolu 3 tad-direttiva msemmija, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
(c) ‘detentur tad-drittijiet’ tfisser kull persuna jew entità, minbarra organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, li għandha dritt tal-awtur jew dritt relatat jew li, skont ftehim għall-isfruttament tad-drittijiet jew bil-liġi, hija intitolata għal sehem mid-dħul tad-drittijiet;
(d) ‘membru ‘ tfisser detentur tad-drittijiet jew entità li tirrappreżenta detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u assoċjazzjonijiet oħra ta’ detenturi tad-drittijiet, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u huma ammessi minnha;
[…]
(h) ‘dħul mid-drittijiet’ tfisser id-dħul miġbur minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv f’isem id-detenturi tad-drittijiet, kemm jekk joriġina minn dritt esklussiv, minn dritt għal remunerazzjoni jew minn dritt għal kumpens;
[…]”
8 L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, għat-territorji tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbilment kemm tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kemm tad-detentur tad-drittijiet. Kemm-il darba l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jkollhiex raġunijiet oġġettivament ġustifikati biex tirrifjuta mmaniġġjar, hija għandha tiġi obbligata timmaniġġja tali drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor, kemm-il darba l-immaniġġjar tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività tagħha.”
9 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/26, intitolat “Assemblea ġenerali tal-membri tal-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv”, jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:
“F’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II, l-assemblea ġenerali tal-membri għandha tiddeċiedi għall-anqas dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a) il-politika ġenerali tat-tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet;
(b) il-politika ġenerali dwar l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;
(c) il-politika ta’ investiment ġenerali fir-rigward tad-dħul mid-drittijiet u kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet;
(d) il-politika ġenerali dwar it-tnaqqis mid-dħul tad-drittijiet u minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet;
(e) l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;
[…]”
10 Il-Kapitolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Immaniġġjar tad-dħul mid-drittijiet”, li jifforma parti mit-Titolu II tagħha, huwa stess intitolat “Organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv”, fih l-Artikoli 11 sa 13.
11 L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ġbir u użu ta’ dħul mid-drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:
“Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tkun tista’ tuża d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment ta’ dħul mid-drittijiet għal finijiet li jmorru lil hinn mit-tqassim lid-detenturi tad-dritt, ħlief f’każijiet fejn tista’ tnaqqas jew tpaċi t-tariffi tal-immaniġġjar tagħha b’konformità ma’ deċiżjoni meħuda bi qbil mal-punt(d) tal-Artikolu 8(5) jew li tuża d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet b’konformità ma’ deċiżjoni meħuda bi qbil mal-Artikolu 8(5).”
12 Skont l-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Tnaqqis”:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta detentur tad-dritt jawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex timmaniġġja d-drittijiet tiegħu, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija mitluba tipprovdi lid-detentur tad-dritt b’informazzjoni dwar it-tariffi tal-immaniġġjar u tnaqqis ieħor mid-dħul mid-drittijiet u minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, qabel ma jinkiseb il-kunsens tiegħu għall-immaniġġjar tagħha tad-drittijiet tiegħu.
2. It-tnaqqis għandu jkun raġonevoli skont is-servizzi pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, inkluż, fejn xieraq, is-servizzi msemmija fil-paragrafu 4, u għandu jkun stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi.
3. It-tariffi tal-immaniġġjar ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż ġustifikati u dokumentati tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fl-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli għall-użu u t-trasparenza dwar l-użu tal-ammonti mnaqqsa jew paċuti fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar japplikaw għal kwalunkwe tnaqqis ieħor magħmul sabiex jiġu kopruti l-ispejjeż tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.
4. Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tipprovdi servizzi soċjali, kulturali u edukattivi ffinanzjati permezz ta’ tnaqqis mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti abbażi ta’ kriterji ġusti, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawk is-servizzi u l-estent tagħhom.”
13 L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/26, intitolat “Tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3, 4 u 6 tiegħu:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 15(3) u 28, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tqassam u tħallas l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet b’mod regolari, diliġenti u akkurat skont il-politika ġenerali dwar it-tqassim imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 8(5).
L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jew il-membri tagħhom li huma entitajiet li jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet iqassmu u jħallsu dawk l-ammonti lid-detenturi tad-drittijiet malajr kemm jistà jkun iżda mhux aktar minn disa’ xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja li tulha nġabar id-dħul mid-drittijiet, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari għar-rappurtar mill-utenti, l-identifikar tad-drittijiet, tad-detenturi tad-drittijiet jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħolijiet u materjal tematiku ieħor mad-detenturi tad-drittijiet li jipprevjenu l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew, fejn applikabbli, lill-membri tagħha milli jissodisfaw dik l-iskadenza.
[…]
3. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji, b’konformità mal-paragrafu 1, biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet. […]
[…]
4. Fejn l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu jitqassmu, wara tliet snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja fejn ikun sar il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet, u sakemm l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun ħadet il-miżuri neċessarji kollha biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 3, dawk l-ammonti għandhom jitqiesu bħala li ma jistgħux jitqassmu..
[…]
6. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-użi permessi ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu inter-alia billi jkun żgurat li tali ammonti jintużaw b’mod separat u indipendenti sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet.”
Id-dritt Ġermaniż
14 Skont l-Artikolu 27(1) tal-Gesetz über die Wahrnehmung von Urheberrechten und verwandten Schutzrechten durch Verwertungsgesellschaften (il-Liġi dwar l-Immaniġġar tad-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati mill-Organizzazzjonijiet ta’ Mmaniġġar Kollettiv), tal‑24 ta’ Mejju 2016 (BGBl. 2016 I, p. 1190), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“VGG”), l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar għandha tistabbilixxi regoli fissi li jeskludu kull arbitrarjetà fit-tqassim tad-dħul mid-drittijiet (pjan ta’ distribuzzjoni).
15 L-Artikolu 32(1) tal-VGG jipprovdi:
“L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għandhom jippromwovu xogħlijiet u prestazzjonijiet ta’ interess kulturali.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 VG Wort hija organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv inkarigata li tuża d-drittijiet tal-awtur tal-awturi ta’ testi u tal-edituri tagħhom li ngħatawlha permezz ta’ kuntratt. Hija tgawdi minn monopolju f’dan ir-rigward fil-Ġermanja.
17 TL u OS huma awturi ta’ xogħlijiet letterarji, li huma membri ta’ VG Wort u kkonkludew kuntratti ta’ ġestjoni ma’ din tal-aħħar. Matul il-perijodu kontenzjuż, jiġifieri mill‑1 ta’ Jannar 2016 sat‑30 ta’ Settembru 2019, huma ddikjaraw xogħlijiet differenti lil VG Wort u rċevew ħlasijiet li ġejjin mid-dħul irċevut minn din tal-aħħar.
18 Dawn il-kuntratti jistipulaw li l-kalkolu u l-ħlas tas-sehem tad-detenturi tad-drittijiet f’dan id-dħul huma rregolati mill-istatuti u mill-pjan ta’ distribuzzjoni ta’ VG Wort.
19 L-istatuti ta’ VG Wort, fil-verżjonijiet tagħhom fis-seħħ matul il-perijodu kontenzjuż, kienu jirregolaw ukoll il-ħlas ta’ sussidju lill-Förderungsfonds Wissenschaft (il-Fond għall-Promozzjoni tax-Xjenza, iktar ’il quddiem il-“FFW”), fond li jappartjeni lil kumpannija li VG Wort hija l-unika azzjonista tagħha.
20 Skont l-istatuti tiegħu, il-FFW għandu bħala għan il-promozzjoni tax-xjenza u tar-riċerka, permezz tal-finanzjament tal-ispejjeż tal-istampar marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet xjentifiċi u speċjalizzati, ta’ riċerka li tista’ tagħti lok għal tali xogħlijiet kif ukoll ta’ azzjonijiet oħra ta’ promozzjoni tal-letteratura xjentifika u speċjalizzata. Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sussidju mħallas lill-FFW kien iffinanzjat minn tnaqqis mid-dħul irċevut, b’mod partikolari, bħala kumpens għal kopja privata u l-ħlas għas-self pubbliku ta’ xogħlijiet xjentifiċi, tekniċi u speċjalizzati.
21 TL jikkontesta, abbażi tad-drittijiet tiegħu stess u tad-drittijiet li ġew ittrasferiti lilu minn OS, l-għoti minn VG Wort lill-FFW ta’ somom li ġejjin mid-dħul li din il-kumpannija rċeviet matul il-perijodu kontenzjuż, li b’hekk naqqas il-ħlasijiet magħmula lil TL u lil OS abbażi tad-drittijiet tal-awtur. Fl-ewwel istanza, TL talab li jiġi kkonstatat li VG Wort ma hijiex awtorizzata, sabiex tiffinanzja lill-FFW, li tnaqqas somom mid-dħul li għandu jitħallas lid-detenturi tad-drittijiet f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, TL talab li jingħata informazzjoni dwar l-ammont tas-somom imħallsa lill-FFW. Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) laqgħet it-talba għal konstatazzjoni u t-talba għal informazzjoni, kompletament favur OS u biss parzjalment favur TL.
22 Il-qorti tal-appell ikkonfermat din id-deċiżjoni favur OS. F’dan ir-rigward, din il-qorti qieset li l-pjanijiet ta’ distribuzzjoni ta’ VG Wort, integrati fil-kuntratti ta’ mmaniġġar, kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet ġenerali li d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-ħlasijiet magħmula lill-FFW huma nulli skont id-dritt nazzjonali, sa fejn dawn imorru kontra l-prinċipji fundamentali tal-VGG kif ukoll tal-leġiżlazzjoni li ppreċediet il-VGG, sa fejn persuna tkun interessata fil-ħlasijiet meta hija ma kellhiex dritt għalihom. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti ċaħdet kompletament ir-rikors ta’ TL, minħabba li ma kienx ġie stabbilit li l-ħlasijiet favurih kienu tnaqqsu.
23 Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li l-eżitu tal-appell ippreżentat quddiemha jiddependi mill-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-pjanijiet ta’ distribuzzjoni relatati mal-pagamenti li għandhom isiru lill-FFW humiex effettivament nulli sa fejn jipprevedu ħlasijiet lil persuna li ma għandhiex dritt għalihom.
24 F’dan ir-rigward, din il-qorti tesponi li, anki jekk il-qorti tal-appell qieset, konformement mal-ġurisprudenza nazzjonali, li organizzazzjoni ta’ mmaniġġar għandha tqassam id-dħul mill-attività tagħha esklużivament bejn id-detenturi tad-drittijiet, ma jistax jiġi eskluż li l-ħlasijiet imwettqa favur il-FFW ikunu konformi mal-Artikolu 32(1) tal-VGG, li jipprovdi li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv huma mitluba jippromwovu xogħlijiet u servizzi ta’ interess kulturali. Skont l-imsemmija qorti, din id-dispożizzjoni ma tillimitax iċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din il-promozzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, iżda tippermetti wkoll li jiġi promoss il-ħolqien futur ta’ xogħlijiet u l-provvista futura ta’ servizzi. Għaldaqstant, huwa possibbli li dawn il-ħlasijiet favur il-FFW ma għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu interess illegali ta’ persuna li ma jkollhiex dritt għalihom. Madankollu, tali konklużjoni tiddependi mill-konformità tad-dispożizzjoni msemmija mad-dritt tal-Unjoni.
25 Skont il-qorti tar-rinviju, mit-tagħlim mislut mis-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan (C‑277/10, EU:C:2012:65), u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515), jirriżulta li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li għandhom dritt għall-kumpens ġust dovut abbażi tal-eċċezzjoni għal kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u għall-ħlas dovut għas-self pubbliku, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, għandhom neċessarjament jirċievu dan id-dħul, iżda xejn ma jipprekludi li parti mid-dħul intiża għall-kumpens ġust titħallas lilhom indirettament, permezz ta’ stabbilimenti soċjali u kulturali stabbiliti għall-benefiċċju tagħhom. Din il-qorti tippreċiża li din ir-regola kultant tinftiehem bħala li ma tippermettix li jiġu interessati persuni li ma humiex id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, sa fejn dawn tal-aħħar ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għaliha. Għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/26, adottata wara din il-ġurisprudenza, għandhiex madankollu tiġi aċċettata l-promozzjoni ta’ finijiet soċjali, kulturali jew edukattivi għall-benefiċċju ta’ benefiċjarji li ma jifformawx jew, fi kwalunkwe każ, għadhom ma jifformawx parti miċ-ċirku tad-detenturi tad-drittijiet.
26 F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li l-Artikolu 8(5)(d), l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26, moqrija fid-dawl tal-premessi 3 u 28 ta’ din id-direttiva, jidhru li jindikaw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv (iktar ’il quddiem l-“OMK”), sakemm deċiżjoni f’dan is-sens tkun ittieħdet mil-laqgħa ġenerali tal-membri tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jipprovdu servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi, inkluż favur benefiċjarji li ma humiex id-detenturi tad-drittijiet. L-appoġġ mogħti lil kreaturi li ma humiex jew li għadhom ma humiex detenturi ta’ drittijiet jista’ għalhekk jitqies li jikkostitwixxi użu legali “għal finijiet li jmorru lil hinn” mit-tqassim tad-dħul mid-drittijiet lid-detenturi tad-drittijiet, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(4), bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni meħuda mil-laqgħa ġenerali tal-membri tipprevedi dan.
27 L-istess qorti hija wkoll tal-fehma li tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 13(6) ta’ din id-direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jirregolaw l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu sabiex jiffinanzjaw benefiċċji soċjali, kulturali jew edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet, peress li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax tnaqqis, iżda ammonti li ma jistgħux jitqassmu.
28 Madankollu, fil-każ fejn is-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi msemmija fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26 jistgħu jiġu pprovduti legalment biss lil detenturi ta’ drittijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(c) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi ddeterminat jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-provvista ta’ dawn is-servizzi tiddependix minn dritt attwali għal remunerazzjoni li l-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi huwa d-detentur tiegħu jew jekk huwiex biżżejjed li jkun detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat li attwalment ma jagħtix lok għal remunerazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-legalità ta’ dawn is-servizzi hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ kuntratt ta’ mmaniġġar mal-OMK. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jkun li detentur ta’ drittijiet ikollu dritt għal ħlas attwali jew li jkollu sempliċement dritt protett mid-drittijiet tal-awtur, mingħajr dritt għal ħlas attwali. Barra minn hekk, tista’ ssir distinzjoni skont jekk id-detentur tad-drittijiet ikunx ikkonkluda kuntratt ta’ mmaniġġar mal-OMK jew le. Għandu jiġi ċċarat jekk dawn iċ-ċirkustanzi jaffettwawx il-legalità tal-forniment ta’ servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi skont l-Artikolu 12(4) tad-direttiva msemmija.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Huwa kompatibbli mal-Artikolu 5(2)(b) tad-[Direttiva 2001/29], mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2006/115] kif ukoll mal-Artikoli 11(4) u 12(4) tad-[Direttiva 2014/26] li, skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva [organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv] tingħata r-rwol li tippromwovi xogħlijiet ta’ importanza kulturali bil-konsegwenza li minn din il-promozzjoni jgawdu wkoll benefiċjarji li ma jkunux jagħmlu parti (jew li jkunu għadhom ma jagħmlux parti) mill-grupp ta’ detenturi ta’ dritt?
2) Fil-każ li s-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi fis-sens tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26 ikunu jistgħu jiġu pprovduti legalment biss lil detenturi ta’ dritt: il-legalità tal-provvista ta’ tali servizzi tiddependi minn jekk il-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi jkollux dritt attwali għal remunerazzjoni, jew inkella huwa suffiċjenti l-fatt li wieħed ikun detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati li attwalment ma jagħtux dritt għal remunerazzjoni? Il-legalità tal-provvista ta’ tali servizzi tiddependi mill-eżistenza ta’ kuntratt ta’ ġestjoni mas-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva?”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Marzu 2026, TL talab li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.
31 Insostenn ta’ din it-talba, TL, filwaqt li jenfasizza li l-lista tar-raġunijiet eventwali għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li tinsab f’dan l-Artikolu 83 hija biss indikattiva, isostni li l-Avukat Ġenerali mmotiva l-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fis‑26 ta’ Frar 2026 permezz ta’ teżijiet “mhux mistennija u sorprendenti” dwar il-kontenut u l-għan tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kif ukoll dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-OMK. Skont din il-parti, dawn l-argumenti ma humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija essenzjalment tesponi li l-Avukat Ġenerali, billi jibbaża ruħu fil-konklużjonijiet tiegħu fuq teorija dwar in-natura tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, isostni kunċett eżaġerat tal-missjonijiet u tal-kompetenzi tal-OMK. Insostenn tal-interpretazzjoni tagħha stess tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija parti tirreferi, barra minn hekk, għall-argumenti esposti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
32 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Keladis I u Keladis II, C‑72/24 u C‑73/24, EU:C:2026:51, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
33 F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà għall-partijiet jew għall-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil ta’ parti jew ta’ tali parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li jkun eżamina hemmhekk, ma jistax, konsegwentement, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Keladis I u Keladis II, C‑72/24 u C‑73/24, EU:C:2026:51, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 Għalhekk, sa fejn it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, imressqa minn TL, hija intiża biex tippermettilu jirrispondi għall-pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, din ma tistax tintlaqa’.
35 Ċertament, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura jew tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
36 Madankollu, f’dan il-każ, l-osservazzjonijiet ta’ TL ippreżentati fit-talba tiegħu msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza ma jiżvelaw ebda argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet u lanqas fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża.
37 Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji biex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hija tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
38 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha. F’din il-perspettiva, għanda tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għanda tirriformula d-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija din għandha toħroġ mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tas‑16 ta’ April 2026, Stichting de Thuiskopie, C‑496/24, EU:C:2026:296, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, kif ukoll tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26.
40 Filwaqt li l-ewwel żewġ dispożizzjonijiet jagħtu drittijiet lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, jiġifieri dritt għal kumpens xieraq għal kopja privata u dritt għal ħlas għas-self pubbliku, l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-ġestjoni minn OMK tad-dħul li ġej mill-użu tad-drittijiet tal-awtur. B’mod partikolari, l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jikkonċerna, b’mod iktar ġenerali, l-użu ta’ dan id-dħul, filwaqt li l-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva jikkonċerna, b’mod partikolari, it-tnaqqis magħmul minn dan id-dħul sabiex jiġu ffinanzjati servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi pprovduti mill-OMK.
41 Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-ħlas, mill-OMK inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ parti mid-dħul li hija rċeviet f’isem id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet letterarji, li joriġinaw mill-isfruttament tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn id-detenturi, lil fond li jappartjeni lil kumpannija miżmuma 100 % minn din l-OMK, sabiex jiffinanzja attivitajiet ta’ promozzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi ta’ interess kulturali, meqjusa minn din il-qorti bħala li jaqgħu taħt is-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità, fid-dawl ta’ din id-direttiva, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil OMK tiddedika parti mid-dħul provenjenti mill-użu tad-drittijiet tal-awtur għall-finanzjament ta’ tali servizzi, meta dawn jibbenefikaw lil persuni li ma humiex, jew li għadhom ma humiex, detenturi ta’ dawn id-drittijiet.
42 Minn dan isegwi li l-kawża prinċipali tikkonċerna biss l-immaniġġar tad-dħul li ġej mill-użu tad-drittijiet tal-awtur u, b’mod partikolari, l-użu ta’ dan id-dħul u t-tnaqqis magħmul minnu sabiex jiġu ffinanzjati servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi.
43 Ċertament, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dħul ikkonċernat mill-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali joriġina minn dak irċevut bħala kumpens għal kopja privata, imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll minn dak irċevut bħala ħlas għas-self pubbliku, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, fid-dawl tad-Direttiva 2014/26, dan id-dħul jifforma parti mid-dħul li ġej mill-użu tad-drittijiet tal-awtur, imsemmi fl-Artikolu 3(h) ta’ din id-direttiva.
44 Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li d-“dħul mid-drittijiet” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2014/26 bħala “[d]-dħul miġbur minn [OMK] f’isem id-detenturi tad-drittijiet, kemm jekk joriġina minn dritt esklussiv, minn dritt għal remunerazzjoni jew minn dritt għal kumpens”.
45 Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali.
46 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-OMK għandhom jippromwovu xogħlijiet ta’ interess kulturali, l-istatuti ta’ OMK jipprevedu li parti mid-“dħul mid-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) ta’ din id-direttiva, tkun iddedikata għall-finanzjament ta’ servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi, meta dawn is-servizzi jibbenefikaw lil persuni li ma humiex detenturi ta’ drittijiet tal-awtur.
47 L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2014/26 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li OMK ma tistax tuża d-dħul mid-drittijiet għal finijiet oħra għajr id-distribuzzjoni tagħhom lid-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, din id-dispożizzjoni ssemmi żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Minn naħa, dan id-dħul jista’ jintuża għat-tnaqqis jew għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-OMK, bil-kundizzjoni li tali użu jkun awtorizzat skont deċiżjoni meħuda konformement mal-Artikolu 8(5)(d) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-OMK jistgħu jużaw l-imsemmi dħul għal finijiet differenti mid-distribuzzjoni tagħhom lid-detenturi tad-drittijiet, bil-kundizzjoni li dan l-użu jkun awtorizzat skont deċiżjoni meħuda konformement mal-Artikolu 8(5) tal-imsemmija direttiva.
48 F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, din it-tieni eċċezzjoni, l-unika waħda rilevanti f’dan il-każ fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-laqgħa ġenerali tal-membri tal-OMK għandha tiddeċiedi konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/26, li jikkonċerna l-immaniġġar tad-dħul mid-drittijiet u huwa kkostitwit mill-Artikoli 11 sa 13 ta’ din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-laqgħa ġenerali tikkonkretizza, permezz tad-deċiżjonijiet tagħha adottati skont dan l-Artikolu 8(5), ir-regoli dwar l-użu tad-dħul mid-drittijiet, għat-tnaqqis fuq dan id-dħul u għad-distribuzzjoni tas-somom dovuti, previsti fl-imsemmija Artikoli 11 sa 13, fil-limiti ddeterminati minnhom.
49 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tnaqqis fuq id-dħul mid-drittijiet, li jsir direttament fuq dan id-dħul qabel l-allokazzjoni tas-somom dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/26 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li, meta detentur tad-drittijiet jawtorizza lil OMK tamministra d-drittijiet tiegħu, din l-organizzazzjoni tkun marbuta li tipprovdilu informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ mmaniġġar u t-tnaqqis l-ieħor imwettaq fuq id-dħul mid-drittijiet u fuq kull dħul li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, qabel ma tikseb il-kunsens tiegħu biex tamministra d-drittijiet tiegħu. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li tnaqqis għal finijiet differenti mill-ispejjeż ta’ mmaniġġar imwettqa fuq dawn id-dħul huwa, bħala prinċipju, permess. Għalhekk, l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva jsemmi espliċitament il-finanzjament, permezz ta’ tnaqqis magħmul fuq l-imsemmi dħul, ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi.
50 Madankollu, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ffinanzjati minn tnaqqis imwettaq fuq id-dħul mid-drittijiet, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u l-premessa 28 ta’ din id-direttiva, jindika li dawn is-servizzi għandhom jibbenefikaw biss lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
51 Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2014/26 jipprovdi li t-tnaqqis għandu jkun raġonevoli, fir-rigward tas-servizzi pprovduti mill-OMK lid-detenturi tad-drittijiet, inkluż, jekk ikun il-każ, mas-servizzi msemmija fil-paragrafu 4, u stabbiliti fuq kriterji oġġettivi. Konsegwentement, it-termini ta’ dan l-Artikolu 12(2) jipprevedu biss l-ipoteżi ta’ servizzi pprovduti lil dawn id-detenturi u jinkludu f’dawn is-servizzi dawk imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.
52 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, meta OMK tipprovdi servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi ffinanzjati minn tnaqqis magħmul mid-dħul mid-drittijiet u minn kull dħul mill-investiment ta’ dan id-dħul, dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti abbażi ta’ kriterji ġusti, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal dawn is-servizzi u l-portata tagħhom. Issa, f’dan ir-rigward, il-premessa 28 tad-Direttiva 2014/26, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, issemmi espliċitament li d-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom aċċess, fuq bażi nondiskriminatorja, għal kull servizz soċjali, kulturali jew edukattiv. Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva jillimita l-possibbiltà li l-OMK jagħmlu tnaqqis għal servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi, sa fejn dawn għandhom jibbenefikaw esklużivament lid-detenturi tad-drittijiet.
53 Tali interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kumpens għal kopja privata, previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, u mal-ħlas għas-self pubbliku, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, li jifformaw parti mid-“dħul mid-drittijiet”, kif jirriżulta mid-definizzjoni stess ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2014/26 imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.
54 Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kumpens għal kopja privata, previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium (C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li, peress li dan il-kumpens huwa intiż biex jikkumpensa d-dannu mġarrab mid-detenturi tad-drittijiet minħabba r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, persuni li ma humiex detenturi tad-drittijiet u li għalhekk ma jġarrbu ebda dannu minħabba tali riproduzzjoni ma jistgħux jibbenefikaw minn dan il-kumpens meta tali benefiċċju jkollu l-konsegwenza li jċaħħad lil dawn id-detenturi tad-drittijiet mill-imsemmi kumpens kollu jew parti minnu. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 49 sa 54), il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, iddeċidiet li d-Direttiva 2001/29 ma timponix li jiġi żgurat lill-persuni intitolati għall-kumpens għal kopja privata l-ħlas fi flus tat-totalità tiegħu u lanqas ma tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jipprevedu li parti minn dan il-kumpens titħallas indirettament lill-persuni intitolati, permezz ta’ stabbilimenti soċjali u kulturali stabbiliti għall-persuni intitolati tagħhom. Madankollu, hija enfasizzat li, minn naħa, il-fatt li parti mid-dħul iddestinat għall-imsemmi tpaċija tkun intiża għal dawn l-istabbilimenti huwa kompatibbli mal-għan tal-istess tpaċija biss sa fejn l-imsemmija stabbilimenti jibbenefikaw effettivament lill-imsemmija persuni intitolati. Min-naħa l-oħra, anki jekk parti mill-kumpens għal kopja privata tista’ titħallas indirettament lil dawn tal-aħħar, hija għandha tibbenefika b’mod sħiħ lid-detenturi tad-drittijiet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma jkunx konformi mal-għan ta’ dan il-kumpens li dawn l-organizzazzjonijiet jagħtu l-benefiċċju tiegħu lil persuni li ma humiex il-persuni intitolati.
55 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ħlas għas-self pubbliku msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm, fil-kuntest tad-Direttiva 2006/115, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża t-terminu “ħlas” minflok dak ta’ “kumpens” użat mid-Direttiva 2001/29, dan l-ewwel kunċett għandu wkoll l-għan li jistabbilixxi kumpens għall-awturi, peress li dan jintervjeni biex jikkumpensa dannu kkawżat lil dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 103). Għaldaqstant, sa fejn din ir-remunerazzjoni għandha titqies bħala li tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ dan id-dannu, hija għandha, konformement mat-tagħlim tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tingħata b’mod sħiħ, direttament jew indirettament, lill-persuni intitolati għaliha.
56 Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza tikkorrobora għalhekk l-interpretazzjoni msemmija fil-punt 52 tagħha. Fil-fatt, interpretazzjoni li tippermetti tnaqqis imwettaq fuq id-dħul mid-drittijiet sabiex jiġu ffinanzjati servizzi li jibbenefikaw minnhom persuni li ma humiex detenturi ta’ drittijiet ikollha l-effett li ċċaħħad lil dawn id-detenturi minn parti minn dan id-dħul. Din il-konklużjoni tgħodd, barra minn hekk, indipendentement mill-bażi kuntrattwali jew legali ta’ dan id-dħul.
57 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/26 ma riditx tikser il-prinċipji stabbiliti fid-direttivi preċedenti adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, bħad-Direttivi 2001/29 u 2006/115. Fil-fatt, id-Direttiva 2014/26 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jissostitwixxu jew iħassru dawk ta’ dawn l-aħħar direttivi. Għall-kuntrarju, il-premessa 1 ta’ din id-direttiva tagħmel riferiment għaliha. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessi 6 sa 9 tal-imsemmija direttiva, din hija intiża biex tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, li jinkludi, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(h) tal-istess direttiva, il-ġestjoni tad-dħul irċevut b’mod partikolari bħala kumpens għal kopja privata previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, u tar-remunerazzjoni għas-self pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115. Għaldaqstant, il-fatt li d-Direttiva 2014/26 ġiet adottata wara l-għoti tas-sentenzi ċċitati fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza ma għandux effett fuq l-interpretazzjoni tagħha u bl-ebda mod ma jaffettwa r-rilevanza ta’ dawn is-sentenzi għal din l-interpretazzjoni.
58 Konsegwentement, mill-elementi preċedenti jirriżulta li t-tnaqqis imwettaq mill-OGC fuq id-dħul mid-drittijiet, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/26, u, għaldaqstant, qabel ma dan id-dħul jiġi allokat u ddistribwit lid-detenturi tad-drittijiet, jista’ jsir sabiex jiġu ffinanzjati s-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi msemmija fl-Artikolu 12(4) biss jekk dawn is-servizzi jibbenefikaw, jekk ikun il-każ b’mod indirett, esklużivament lil dawn id-detenturi.
59 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-użu tad-dħul mid-drittijiet fil-kuntest tat-tqassim tas-somom dovuti, dan għandu, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, isir lid-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, dan l-Artikolu 11(4) jippermetti lill-OMK jużaw id-dħul mid-drittijiet għal finijiet differenti mid-distribuzzjoni tagħhom lid-detenturi tad-drittijiet, bil-kundizzjoni li dan l-użu jkun awtorizzat skont deċiżjoni meħuda konformement mal-Artikolu 8(5) tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 8(5)(b) u (e) tal-istess direttiva, il-laqgħa ġenerali tal-membri tal-OMK għandha tiddeċiedi dwar il-politika ġenerali ta’ użu tal-ammonti li ma jistgħux jitqassmu u dwar l-użu ta’ dawn is-somom.
60 Skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2014/26, is-somom dovuti lil detenturi ta’ drittijiet li ma jistgħux jitqassmu fi żmien tliet snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja li matulha jkun inġabar id-dħul mid-drittijiet, filwaqt li l-OMK tkun ħadet il-miżuri kollha neċessarji biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva, jitqiesu li ma jistgħux jitqassmu. Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li, peress li dawn is-somom jirriżultaw mid-dħul mid-drittijiet fis-sens tal-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2014/26, dawn jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, kemm dħul mill-kumpens għal kopja privata, previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll mir-remunerazzjoni għas-self pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115.
61 Għalhekk, meta ma jkunx possibbli li jitqassam id-dħul mid-drittijiet lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, peress li dan ma setax jiġi identifikat u lokalizzat, il-laqgħa ġenerali tal-membri, skont l-Artikolu 11(4), moqri flimkien mal-Artikolu 8(5)(b) u (e) tad-Direttiva 2014/26, tista’ tiddeċiedi dwar il-politika ġenerali ta’ użu kif ukoll tiddetermina l-użu ta’ dan id-dħul.
62 Issa, dan l-użu jista’ jirrigwarda servizzi soċjali, kulturali u edukattivi li jibbenefikaw, jekk ikun il-każ, lil persuni li ma humiex id-detenturi tad-drittijiet.
63 Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(6) tad-direttiva msemmija, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jiddefinixxu l-użi permessi tal-ammonti li ma jistgħux jitqassmu billi jiżguraw li dawn is-somom jintużaw b’mod separat u indipendenti sabiex jiġu ffinanzjati servizzi soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2014/26 tawtorizza, bħala prinċipju u fl-assenza ta’ intervent f’sens kuntrarju mill-Istat Membru kkonċernat, lill-laqgħa ġenerali tal-membri ta’ OMK, tawtorizza l-użu tad-dħul mid-drittijiet li ma setgħux jitqassmu lid-detenturi tad-drittijiet, fis-sens tal-Artikolu 13(4) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġu ffinanzjati servizzi soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju ta’ persuni oħra minbarra d-detenturi tad-drittijiet.
64 Għaldaqstant, fl-assenza ta’ tali intervent tal-Istat Membru kkonċernat, l-OMK tkun tista’, skont l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8(5)(b) u (e), u mal-Artikolu 13(6) tagħha, tuża dan id-dħul biex tiffinanzja dawn is-servizzi għall-benefiċċju ta’ persuni li ma humiex, jew għadhom ma humiex, detenturi ta’ drittijiet, bil-kundizzjoni li l-laqgħa ġenerali tal-membri tkun iddeċidiet f’dan is-sens.
65 Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni, ma jistax jitqies li d-detenturi ta’ drittijiet huma mċaħħda mis-somom dovuti lilhom, peress li huwa, ipotetikament, impossibbli li dawn jiġu identifikati u għalhekk li jiġu attribwiti somom lil dawn id-detenturi.
66 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(4), moqri flimkien mal-Artikolu 12(4) u mal-Artikolu 13(4) u (6) tad-Direttiva 2014/26, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jipprekludi li, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-OMK għandhom jippromwovu xogħlijiet ta’ interess kulturali, l-istatuti ta’ OMK jipprevedu li parti mid-“dħul mid-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) ta’ din id-direttiva, ikun iddedikat għall-finanzjament tas-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi li jibbenefikaw minnhom persuni li ma humiex detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, meta dan il-finanzjament isir permezz ta’ tnaqqis magħmul fuq dan id-dħul u, min-naħa l-oħra, ma jipprekludix dawn l-istatuti meta l-imsemmi finanzjament isir permezz ta’ “ammonti li ma jistgħux jitqassmu”, fis-sens tal-Artikolu 13(4) tal-imsemmija direttiva.
Fuq it-tieni domanda
67 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fir-rigward tas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi pprovduti minn OMK u ffinanzjati minn tnaqqis fuq id-“dħul mid-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2014/26, l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li dawn is-servizzi jistgħu jibbenefikaw biss lid-detenturi tad-drittijiet li għandhom dritt attwali għal remunerazzjoni jew li kkonkludew kuntratt ta’ ġestjoni ma’ din l-OMK.
68 Kif jirriżulta mill-punti 47 sa 52 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26, l-OMK jistgħu jiffinanzjaw servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi, permezz ta’ tnaqqis imwettaq fuq dan id-dħul, sakemm dan l-użu tad-dħul ikun awtorizzat skont deċiżjoni meħuda konformement mal-Artikolu 8(5) ta’ din id-direttiva u sakemm dawn is-servizzi jibbenefikaw esklużivament lid-detenturi tad-drittijiet.
69 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk detentur ta’ drittijiet għandux jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dritt attwali għal remunerazzjoni, fis-sens li għandu d-dritt ta’ parteċipazzjoni fid-distribuzzjoni tad-dħul mid-drittijiet matul il-perijodu li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali meħuda skont l-Artikolu 8(5) tal-imsemmija direttiva, sabiex ikun jista’ jibbenefika minn dawn is-servizzi, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “detentur tad-drittijiet”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/26, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(c), tad-Direttiva 2014/26 bħala kull persuna jew entità, minbarra OMK, detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat jew li lilha ftehim ta’ użu tad-drittijiet jew il-liġi jagħti sehem mid-dħul mid-drittijiet.
70 Minn din id-definizzjoni jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi pprovduti minn OMK u ffinanzjati minn tnaqqis fuq id-dħul mid-drittijiet, huwa biżżejjed li persuna jew organizzazzjoni tkun taqa’ taħt il-kunċett ta’ “detentur tad-drittijiet”, mingħajr ma jkunu meħtieġa kundizzjonijiet addizzjonali, bħall-eżistenza ta’ dritt “attwali” għal remunerazzjoni.
71 F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, is-somom dovuti lid-detenturi tad-drittijiet għandhom jitqassmu u jitħallsu mill-OMK fl-iqsar żmien possibbli u, bħala prinċipju, mhux iktar tard minn disa’ xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja li matulha jkun inġabar id-dħul mid-drittijiet. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva ma tinkludix dispożizzjoni dwar il-perijodu li matulu għandhom jiġu pprovduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 12(4) tagħha.
72 Għaldaqstant, l-issuġġettar tal-benefiċċju ta’ dawn is-servizzi għall-possibbiltà li jiġi invokat dritt attwali għal remunerazzjoni jkollu l-effett li jistabbilixxi rabta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jistabbilixxi bejn il-perijodu li matulu tali servizzi jistgħu jiġu pprovduti lil detentur ta’ drittijiet u dak relatat mal-ġbir, minn dan id-detentur, tad-dħul li joriġina mid-drittijiet tiegħu.
73 Minn dan isegwi li detentur ta’ drittijiet, kif iddefinit fl-Artikolu 3(c) tad-Direttiva 2014/26, ma għandux jistabbilixxi li huwa għandu dritt “attwali” għal remunerazzjoni abbażi ta’ dritt tal-awtur, sabiex ikun jista’ jibbenefika mis-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi pprovduti minn OMK u ffinanzjati minn tnaqqis fuq id-“dħul mid-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) ta’ din id-direttiva.
74 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk kuntratt ta’ mmaniġġar mal-OMK li jipprovdi dawn is-servizzi huwiex meħtieġ sabiex detentur ta’ drittijiet ikun jista’ jibbenefika minnu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(2) u (4) tad-Direttiva 2014/26 jirrigwarda servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi pprovduti minn OMK lid-detenturi tad-drittijiet, u ma jinkludix iktar preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, għandu jiġi osservat li dan huwa wkoll il-każ ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha, li jipprevedi li l-OMK ma humiex awtorizzati jużaw id-dħul mid-drittijiet għal finijiet oħra għajr id-distribuzzjoni tagħhom lid-detenturi tad-drittijiet.
75 Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 12(2) u (4) tagħha u ffinanzjati minn tnaqqis mid-dħul mid-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet jinftiehmu bħala dawk li l-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom jaqa’ taħt l-attività tal-OMK ikkonċernata. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-oqsma ta’ attività tal-OMK huma ddefiniti skont it-tip ta’ oġġetti protetti jew il-kategoriji ta’ drittijiet, kif jipprevedi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/26, tali servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi pprovduti minn dawn l-organi jistgħu jibbenefikaw biss lil detenturi ta’ drittijiet li l-immaniġġar tagħhom jaqa’ taħt l-attività tal-OMK ikkonċernata. Fil-każ kuntrarju, il-persuni intitolati għal dan id-dħul jiġu mċaħħda mis-somom dovuti lilhom minħabba l-isfruttament tad-drittijiet tagħhom.
76 F’dan il-kuntest dwar in-natura tar-rabta bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-OMK, għandu barra minn hekk jiġi osservat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, peress li l-kumpens għal kopja privata, previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, u r-remunerazzjoni għas-self pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, huma dovuti skont il-liġi nazzjonali, fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel użu mill-possibbiltà offruta lilu minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-amministrazzjoni ta’ tali drittijiet, minn OMK, tista’, bħala prinċipju, isseħħ mingħajr ma tkun neċessarja relazzjoni kuntrattwali bejn din l-organizzazzjoni u d-detentur ta’ dawn id-drittijiet.
77 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 26 tad-Direttiva 2014/26. Fil-fatt, dik il-premessa tipprovdi li d-dħul fl-aħħar mill-aħħar huwa dovut lid-detenturi tad-drittijiet, li jista’ jkollhom relazzjoni ġuridika diretta mal-OMK, jew jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta’ entità li hija membru tal-OMK jew permezz ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni. Minn dan isegwi li relazzjoni kuntrattwali diretta, bħal kuntratt ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tiegħu relatati ma’ xogħol speċifiku wieħed jew iktar, bejn id-detentur tad-drittijiet u l-OMK ikkonċernata, ma hijiex meħtieġa.
78 Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-legalità, fid-dawl tad-Direttiva 2014/26, tal-provvista ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju ta’ “detenturi tad-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(c) ta’ din id-direttiva, iffinanzjati permezz ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva ma tiddependix mill-eżistenza, fir-rigward ta’ dawn id-detenturi ta’ drittijiet, ta’ dritt għal remunerazzjoni attwali jew tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ mmaniġġar mal-OMK.
79 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fir-rigward tas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi pprovduti minn OMK u ffinanzjati minn tnaqqis fuq id-“dħul mid-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2014/26, l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn is-servizzi jistgħu jibbenefikaw lil “detenturi tad-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tal-imsemmija direttiva, indipendentement mill-fatt jekk dawn id-detenturi għandhomx jew le dritt attwali għal remunerazzjoni jew jekk ikkonkludewx jew le kuntratt ta’ mmaniġġar ma’ din l-OMK, sa fejn, b’mod dirett jew indirett, l-immaniġġar tad-drittijiet f’isem l-imsemmija detenturi taqa’ taħt l-attività tal-OMK ikkonċernata.
Fuq l-ispejjeż
80 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 11(4), moqri flimkien mal-Artikolu 12(4) u mal-Artikolu 13(4) u (6) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
minn naħa, jipprekludi li, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għandhom jippromwovu xogħlijiet ta’ interess kulturali, l-istatuti ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv jipprevedu li parti mid-“dħul mid-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) ta’ din id-direttiva, ikun iddedikat għall-finanzjament tas-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi li jibbenefikaw minnhom persuni li ma humiex detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, meta dan il-finanzjament isir permezz ta’ tnaqqis magħmul fuq dan id-dħul u, min-naħa l-oħra, ma jipprekludix dawn l-istatuti meta l-imsemmi finanzjament isir permezz ta’ “ammonti li ma jistgħux jitqassmu”, fis-sens tal-Artikolu 13(4) tal-imsemmija direttiva.
2) L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/26
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
fir-rigward tas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi pprovduti minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv u ffinanzjati minn tnaqqis fuq id-“dħul mid-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) ta’ din id-direttiva, dawn is-servizzi jistgħu jibbenefikaw lil “detenturi tad-drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tal-imsemmija direttiva, indipendentement mill-fatt jekk dawn id-detenturi għandhomx jew le dritt attwali għal remunerazzjoni jew jekk ikkonkludewx jew le kuntratt ta’ mmaniġġar ma’ din l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv, sa fejn, b’mod dirett jew indirett, l-immaniġġar tad-drittijiet f’isem l-imsemmija detenturi taqa’ taħt l-attività tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv ikkonċernata.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.