European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2510

25.9.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2510

tat-2 ta’ Mejju 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodi ta’ pagament u l-proċess ta’ ġbir għat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar prevista minn dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 18(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”), applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża li jkunu qed ifittxu li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri.

(2)

Skont l-Artikoli 18 u 24 tar-Regolament (UE) 2018/1240, sabiex jikkumpensaw għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet u l-manutenzjoni tal-ETIAS, l-applikanti huma, fil-prinċipju, meħtieġa jħallsu tariffa.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-metodi ta’ pagament li għandhom jintużaw u l-proċess għall-ġbir tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

(4)

Il-ġbir tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandu jitwettaq minn fornitur tas-servizzi tal-ħlas magħżul abbażi ta’ proċedura ta’ akkwist.

(5)

Bħala mezz biex tiġi akkomodata d-diversità ġeografika tal-applikanti u d-disponibbiltà li tvarja ta’ metodi ta’ pagament madwar id-dinja, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jenħtieġ li jaċċetta firxa wiesgħa ta’ metodi ta’ pagament għall-ħlas tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

(6)

Sabiex il-ħlas tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jitwettaq b’mod sigur u biex jitnaqqas, kemm jista’ jkun, ir-riskju ta’ frodi, it-tranżazzjonijiet ta’ pagament u l-metodi ta’ pagament użati jenħtieġ li jaderixxu strettament mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/389 (3).

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-ħlas tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ikun jista’ jkun marbut ma’ applikazzjoni speċifika, jenħtieġ li s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS tikkomunika identifikatur temporanju għall-fajl ta’ applikazzjoni msemmi fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2018/1240 lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament malli jiġi skattat il-proċess ta’ pagament.

(8)

Sabiex tiġi ssalvagwardjata d-data personali tal-applikanti għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS, jenħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ma jitlob l-ebda informazzjoni mill-applikanti għajr l-informazzjoni dwar il-pagament meħtieġa għall-ħlas b’suċċess tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

(9)

Wara l-ħlas b’suċċess tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar mill-applikant, jenħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jagħmel disponibbli n-numru ta’ referenza uniku tal-pagament imsemmi fl-Artikolu 19(3), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2018/1240 għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS flimkien mal-identifikatur temporanju għall-fajl tal-applikazzjoni, sabiex is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS tkun tista’ tivverifika, f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, jekk applikazzjoni jenħtieġx li titqies ammissibbli.

(10)

Sabiex tiġi żgurata rikonċiljazzjoni preċiża tal-pagamenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirċievi mingħand l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl- Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (“eu-LISA”) u mill-fornitur tas-servizzi ta’ pagament l-għadd totali ta’ pagamenti li rnexxew li tlestew u n-numri ta’ referenza uniċi tagħhom.

(11)

Billi r-Regolament (UE) 2018/1240 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk id-Danimarka hija marbuta b’dan ir-Regolament.

(12)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4). l-Irlanda għalhekk mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(13)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(14)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(15)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(16)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(17)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u ta opinjoni fis-27 ta’ April 2021.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-metodi ta’ pagament u l-proċess għall-ġbir tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, “ETIAS”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366.

Artikolu 3

Fornitur ta’ servizzi tal-ħlas

1.   Is-servizz ta’ akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament meħtieġa għall-ħlas tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1240 għandu jitwettaq minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament.

2.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu jintgħażel permezz ta’ proċedura ta’ akkwist f’konformità mal-Artikolu 164 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

Artikolu 4

Metodi ta’ pagament

1.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu jiżgura l-aċċettazzjoni ta’ metodi multipli ta’ pagament elettroniku użati b’mod internazzjonali għall-pagament tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

2.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu jaċċetta metodi ta’ pagament li jipprevedu saldu istantanju jew garanzija għall-eżekuzzjoni tal-pagament. Id-Direttiva (UE) 2015/2366 u r-Regolament Delegat (UE) 2018/389 għandhom japplikaw għal dawk il-metodi ta’ pagament.

3.   L-applikanti kollha għandhom jiġu infurmati b’mod ċar u inekwivoku dwar liema metodi ta’ pagament huma aċċettati.

Artikolu 5

Proċess ta’ ġbir ta’ tariffi

1.   Wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandha:

(a)

tidderiġi mill-ġdid l-applikanti li jkollhom bejn 18 u 70 sena fiż-żmien tal-applikazzjoni biex jipproċedu bil-pagament u jipprovdu lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament b’identifikatur temporanju għall-fajl tal-applikazzjoni korrispondenti;

(b)

tippermetti lill-applikanti li għandhom inqas minn 18 sena jew aktar minn 70 sena, jew applikanti li ddikjaraw li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1240, jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom mingħajr ma jiġu diretti mill-ġdid biex jipproċedu bil-ħlas.

2.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ma għandu jitlob l-ebda data personali mingħand l-applikanti għajr l-informazzjoni dwar il-pagament meħtieġa biex jiġi żgurat il-ħlas b’suċċess tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS.

3.   Ladarba jitlesta l-pagament, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu:

(a)

jikkonferma lis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS jekk il-pagament kienx ta’ suċċess;

(b)

jipprovdi lis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS bin-numru ta’ referenza uniku tal-pagament, imsemmi fl-Artikolu 19(3), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2018/1240, flimkien mal-identifikatur temporanju għall-fajl tal-applikazzjoni.

4.   Malli jinħoloq il-fajl ta’ applikazzjoni, is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandha tħassar immedjatament l-identifikatur temporanju.

5.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu jinforma lill-applikanti dwar il-ħlas b’suċċess tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS u jikkomunikalhom in-numru ta’ referenza uniku tal-pagament.

Artikolu 6

Obbligi ta’ rappurtar

1.   l-eu-LISA u l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jipprovdu dan li ġej lill-Kummissjoni, b’mod regolari u mill-inqas darba fil-ġimgħa:

(a)

l-għadd totali ta’ pagamenti b’suċċess imwettqa matul dak il-perjodu ta’ rapportar;

(b)

in-numri ta’ referenza uniċi, imsemmija fl-Artikolu 5(3), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, tal-pagamenti kollha ta’ suċċess imsemmija fil-punt (a).

2.   l-eu-LISA għandha tinforma lill-Kummissjoni, regolarment u mill-inqas darba fil-ġimgħa, dwar l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet bi ħlas u mingħajr pagament ippreżentati matul kull perjodu ta’ rapportar.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/389 tas-27 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur u standards miftuħin ta’ komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri (ĠU L 69, 13.3.2018, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/389/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).

(5)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(7)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).

(9)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2011/349/oj.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2510/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)