SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Zona Franca da Madeira – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Portugall – Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità tal-iskema mad-Deċiżjonijiet C(2007) 3037 final u C(2013) 4043 final, li jiddikjaraw din l-iskema inkompatibbli mas-suq intern u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa bl-applikazzjoni tagħha – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘għajnuna eżistenti’ fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Assenza ta’ deroga għall-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali”

Fil-Kawża T‑462/22,

Millennium BCP Participações, SGPS, Sociedade Unipessoal, Lda, stabbilita f’Funchal (il-Portugall),

BCP África, SGPS, Lda, stabbilita f’Funchal,

irrappreżentati minn B. Santiago, L. do Nascimento Ferreira, P. Gouveia e Melo, D. Oda u A. Queiroz Martins, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Barcew u P. Caro de Sousa, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. Svenningsen, President, J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur) u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–

id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2023 li l-proċedura ma tiġix sospiża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-kawża li tat lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira) (C‑736/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2024:579),

–

il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑18 ta’ Lulju 2023 li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni l-komuikazzjonijiet u l-korrispondenza li hija skambjat mal-awtoritajiet Portugiżi fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi relatati mal-Każijiet N 421/2006 u SA.34160 (2011/N),

–

ir-risposti tal-Kummissjoni ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Awwissu 2023, li permezz tagħhom hija indikat li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunika d-dokumenti minħabba l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li jibbenefikaw minnha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat,

–

id-digriet tas‑26 ta’ Settembru 2023 li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali talbet il-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni permezz ta’ miżura istruttorja skont l-Artikolu 91(b) u l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

–

id-deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2023 li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar ir-rilevanza u l-assenza ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti prodotti b’applikazzjoni tad-digriet tas‑26 ta’ Settembru 2023 fid-dawl tal-anzjanità tagħhom ta’ iktar minn ħames snin u tal-assenza ta’ data partikolarment sensittiva,

wara s-seduta tal‑20 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Millennium BCP Participações, SGPS, Sociedade Unipessoal, Lda u BCP África, SGPS, Lda, jitolbu l-annullament tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III (ĠU 2022, L 217, p. 49) (ĠU 2022, L 217, p. 49, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn dawn japplikaw għas-sociedades gestoras de participações sociais (SGPS, kumpanniji ta’ ġestjoni tal-ishma ta’ kumpannija).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

L-iskema taż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (il-Portugal) iktar ’il quddiem iż-“ŻĦM”) tieħu l-forma ta’ diversi vantaġġi fiskali mogħtija fl-ambitu taċ-Centro Internacional de Negócios da Madeira (iċ-Ċentru Internazzjonali tan-Negozju ta’ Madeira, il-Portugall), tar-Registo Internacional de Navios da Madeira (ir-Reġistru Internazzjonali tat-Trasport Marittimu ta’ Madeira) u taż-Zona Franca Industrial (iż-Żona Ħielsa Industrijali).

3

Din l-iskema ġiet inizjalment approvata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas‑27 ta’ Mejju 1987 mogħtija fil-Każ N 204/86 (SG(87) D/6736) bħala għajnuna bi skop reġjonali kompatibbli mas-suq uniku. Il-proroga tagħha ġiet imbagħad awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Jannar 1992 mogħtija fil-Każ E 13/91 (SG(92) D/1118), sussegwentement permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Frar 1995 mogħtija fil-Każ E 19/94 (SG(95) D/1287).

4

L-iskema li ġiet warajha (iktar ’il quddiem “l-iskema II”) ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 mogħtija fil-Każ N 222A/01.

5

Abbażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna Nazzjonali b’għan Reġjonali għall-2007–2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13), it-tielet skema (iktar ’il quddiem “l-iskema III”) ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2007 mogħtija fil-Każ N421/2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2007”), għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni awtorizzat din l-iskema bħala għajnuna għall-funzjonament kompatibbli mas-suq intern intiża sabiex tippromwovi l-iżvilupp reġjonali u d-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika ta’ Madeira (il-Portugall), bħala reġjun ultraperiferiku fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE).

6

L-iskema III tieħu l-forma ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul applikabbli għall-persuni ġuridiċi (iktar ’il quddiem it-“TDPĠ”) fuq il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira (3 % mill‑2007 sal‑2009, 4 % mill‑2010 sal‑2012 u 5 % mill‑2013 sal‑2020), ta’ eżenzjoni mit-taxxi muniċipali u lokali kif ukoll ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli għall-ħolqien ta’ impriża fiż-ŻĦM, sa ammonti massimi ta’ għajnuna bbażati fuq il-limiti massimi tal-ammont taxxabbli applikabbli għall-ammont taxxabbli annwali tal-benefiċjarji. Dawn il-limiti massimi huma stabbiliti skont in-numru ta’ postijiet tax-xogħol miżmuma mill-benefiċjarju matul kull sena finanzjarja. F’ċerti ċirkustanzi, il-kumpanniji rreġistrati fiż-Żona Ħielsa Industrijali taż-ŻĦM jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis addizzjonali ta’ 50 % tat-TDPĠ.

7

L-aċċess għall-iskema III ġie ristrett għall-attivitajiet li kienu jinsabu fil-lista inkluża fid-deċiżjoni tal‑2007. Barra minn hekk, l-attivitajiet kollha ta’ medjazzjoni finanzjarja u ta’ assigurazzjoni u l-attivitajiet anċillari finanzjarji u tal-assigurazzjoni kif ukoll l-attivitajiet kollha tat-tip “servizzi intragrupp” (ċentri ta’ koordinazzjoni, teżor u distribuzzjoni), bħala “servizzi pprovduti prinċipalment lill-kumpaniji” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema III.

8

Verżjoni emendata tal-iskema III ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2013 mogħtija fil-Każ SA.34160 (2011/N) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2013”), għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2013. Din iżżomm l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti mill-iskema III, bla ħsara għal żieda ta’ 36.7 % tal-limiti massimi tal-ammont taxxabbli li għalih huwa applikabbli t-tnaqqis tat-TDPĠ.

9

Sussegwentement, il-proroga sat‑30 ta’ Ġunju 2014 tal-iskema III emendata ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Novembru 2013 mogħtija fil-Każ SA.37668 (2013/N). L-estensjoni tal-imsemmija skema sal-aħħar tal‑2014 ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2014 mogħtija fil-Każ SA.38586 (2014/N).

10

Fit‑12 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni bdiet, abbażi tal-Artikolu 108(1) TFUE u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 108 TFUE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), eżerċizzju ta’ sorveljanza tal-iskema III għall‑2012 u l‑2013.

11

Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Portugiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-iskema III (ĠU 2019, C 101, p. 7).

12

Din il-proċedura nfetħet minħabba d-dubji tal-Kummissjoni dwar, minn naħa, l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet fiskali fuq id-dħul li joriġina minn attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira (iktar ’il quddiem ir-“RAM”) u, min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn l-ammont tal-għajnuna u l-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol effettivi f’Madeira.

13

Fi tmiem l-imsemmija proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożittiv tagħha huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-iskema ta’ għajnuna ‘Zona Franca da Madeira (ZFM) [Żona Ħielsa ta’ Madeira) (ŻĦM)] – Skema III’ sal-punt li ġiet implimentata mill-Portugall bi ksur tad-Deċiżjoni [tal‑2007] u tad-Deċiżjoni [tal‑2013] ġiet implimentata illegalment mill-Portugall bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], u hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, meta tingħata, tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/1588 li huwa applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fiż-żmien li tingħata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jew stabbiliti minn regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament […] 2015/1588, hija kompatibbli mas-suq intern sal-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli għal dak it-tip ta’ għajnuna.

Artikolu 4

1.   Il-Portugall għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

[…]

4.   Il-Portugall għandu jabolixxi l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli sal-punt imsemmi fl-Artikolu 1 u għandu jħassar il-pagamenti ta’ għajnuna pendenti kollha b’effett mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien tmien xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

[…]”

14

Ir-rikorrenti huma SGPS stabbiliti fir-RAM u għalhekk huma suġġetti għar-regoli applikabbli tad-dritt Portugiż.

15

Konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Decreto-Lei N 495/88 (id-Digriet-Liġi Nru 495/88), tat‑30 ta’ Diċembru 1988, li jiddefinixxi is-sistema legali tas-SGPS, dawn tal-aħħar għandhom bħala għan waħdieni l-ġestjoni tal-ishma ta’ kumpanniji oħra.

16

Ir-rikorrenti ngħataw liċenzja sabiex joperaw fiż-ŻĦM fl‑1998 għall-impriża predeċessur ta’ Millennium BCP Participações u fl‑1996 għall-impriża predeċessur ta’ BCP África. Huma ma baqgħux koperti mill-iskema III fil‑31 ta’ Diċembru 2020 u l-liċenzji tagħhom sabiex joperaw fiż-ŻĦM inżammu sa nofs l‑2021.

17

Matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-iskema II, ir-rikorrenti ma kellhomx impjegati.

It‑talbiet tal‑partijiet

18

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla l-Artikolu 1 u l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn japplikaw għas-SGPS;

–

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id‑dritt

20

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni inkludiet is-SGPS fil-benefiċjarji kollha suġġetti għall-obbligu ta’ rkupru fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

21

Ir-rikorrenti jsostnu li, bħala kumpanniji benefiċjarji tal-iskema III, huma potenzjalment ikkonċernati mill-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna previst fil-premessi 213 u 214, li jidentifikaw il-benefiċjarji li mingħandhom għandha tiġi rkuprata l-għajnuna, u fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, l-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ kwalunkwe riferiment speċifiku għall-benefiċjarji tal-iskema III li n-natura ġuridika tagħha tikkorrispondi għas-SGPS tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

22

Ir-rikorrenti jirrilevaw li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-premessa 36, għall-iskambji li seħħew bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li matulha l-awtoritajiet Portugiżi sostnew li, għas-SGPS, l-aċċess għall-iskema III ma kienx suġġett għall-osservanza tal-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM. Fil-fatt, din id-deroga tinsab fl-abbozz ta’ skema ta’ għajnuna kkomunikata lill-Kummissjoni fit‑28 ta’ Ġunju 2006 u fl-annessi tagħha (iktar ’il quddiem il-komunikazzjoni tal‑2006”) u, b’mod iktar partikolari, fl-Estatuto dos Benefícios Fiscais (l-lstatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa) propost mill-abbozz ta’ digriet-liġi li jakkumpanja l-imsemmija komunikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ digriet-liġi kkomunikat”).

23

B’hekk, peress li l-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-approċċ tal-awtoritajiet Portugiżi, hija kellha tipprovdi indikazzjoni, għall-inqas sommarja, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi essenzjali li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-SGPS.

24

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

25

Skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tagħmel ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tadotta l-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li tiġi adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 213 u 214 kif ukoll fl-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet Portugiżi l-indikazzjonijiet neċessarji, iżda wkoll suffiċjenti, li jippermettulhom jidentifikaw il-benefiċjarji tal-iskema III, kif implimentata, u jiddeterminaw huma stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, l-ammont tal-għajnuna li għandha titħallas lura minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2022, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (Zone Franche de Madeira), T‑95/21, taħt appell, EU:T:2022:567, punt 231, u tal‑21 ta’ Ġunju 2023, Região Autónoma da Madeira vs Il‑Kummissjoni, T‑131/21, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:348, punt 178).

27

Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu ta’ rkupru ma jirrigwardax l-għajnuna individwali kollha mħallsa skont l-iskema III, iżda biss dik li kienet tħallset bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, u dan sakemm il-benefiċjarji tagħha ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’regolament de minimis jew regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

28

F’dan ir-rigward, kif previst fil-premessi 213 u 214 tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jiddeterminaw jekk, bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2014, kull benefiċjarju tal-iskema III osservax il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-imsemmija skema, kif approvata fid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

29

Minn naħa, dan jimplika li tiġi ddeterminata l-parti mid-dħul tal-benefiċjarju li kienet marbuta ma’ “attività effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”, bl-esklużjoni tad-dħul iġġenerat minn attivitajiet imwettqa barra mir-RAM, u dan anki jekk dan jiġi eżerċitat minn kumpanniji stabbiliti f’dan ir-reġjun. Min-naħa l-oħra, huma l-awtoritajiet Portugiżi li għandhom jiddeterminaw, abbażi ta’ metodu oġġettiv, in-numru ta’ impjiegi maħluqa jew miżmuma f’Madeira minn kull benefiċjarju.

30

Din il-metodoloġija tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessi 167 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni mir-Repubblika Portugiża tal-iskema III, fir-rigward tal-kundizzjonijiet relatati, minn naħa, mal-oriġini tal-profitti li għalihom japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ u, min-naħa l-oħra, mal-ħolqien jew maż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM, kienet tikser id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

31

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM, li hija l-unika kontestazzjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni qabel kollox irrilevat, fil-premessa 169 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li mid-deċiżjoni tal‑2007 (ara, b’mod partikolari, il-premessa 64 tagħha) u d-Deċiżjoni tal‑2013 (ara, b’mod partikolari, il-premessa 28 tagħha) kien jirriżulta espressament li din il-kundizzjoni kienet kundizzjoni għall-aċċess għall-iskema III u ġiet integrata fil-metodu ta’ kalkolu tal-ammonti ta’ għajnuna skont l-iskema taż-ŻĦM, kif ikkomunikata mir-Repubblika Portugiża u approvata minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

32

Sussegwentement, fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li n-numru ta’ postijiet tax-xogħol kien mod kif titkejjel il-kontribuzzjoni tal-iskema III għall-iżvilupp reġjonali tar-RAM. F’dan ir-rigward, fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 jirriżulta li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-proporzjonalità tal-imsemmija skema twettqet fid-dawl ta’ din il-kundizzjoni.

33

Barra minn hekk, fil-premessi 175 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-metodu adottat mill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jikkalkolaw in-numru ta’ postijiet tax-xogħol ma kienx jippermettilhom jivverifikaw il-ħin effettivament iddedikat mill-persuna li tokkupa kariga għal dan l-impjieg. Issa, mingħajr ma jimponu metodu speċifiku ta’ kalkolu tan-numru ta’ postijiet tax-xogħol maħluqa jew miżmuma fir-RAM minn kull benefiċjarju, id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 kienu jeżiġu madankollu l-użu ta’ metodu oġġettiv li jippermetti li jiġu vverifikati r-realtà u l-permanenza tal-postijiet tax-xogħol iddikjarati mill-benefiċjarji tal-iskema III.

34

Barra minn hekk, mill-premessi 36 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet konxja mill-perspettiva tal-awtoritajiet Portugiżi li d-deċiżjoni tal‑2007 kienet impliċitament approvat id-dispożizzjonijiet kollha tal-abbozz tad-Digriet-Liġi kkomunikat, inkluż, konsegwentement, id-deroga għas-SGPS mill-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

35

Mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta b’mod suffiċjentement komprensibbli li l-Kummissjoni impliċitament, iżda neċessarjament, qieset li l-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM kienet tapplika għall-impriżi kollha rreġistrati fiż-ŻĦM, inkluż għalhekk għas-SGPS u, għaldaqstant, li d-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 ma kinux awtorizzaw xi deroga minn din il-kundizzjoni.

36

Din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti jevalwaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

37

Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), għall-għajnuna mħallsa skont l-iskema III mingħajr ma osservat il-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM, fin-nuqqas, fil-fehma tagħha, li tawtorizza kwalunkwe deroga minn din il-kundizzjoni favur is-SGPS.

38

B’hekk, peress li qieset li l-iskema III, kif awtorizzata, kienet ġiet implimentata skont modalitajiet sostanzjalment differenti minn dawk meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern, il-Kummissjoni kklassifikat l-iskema III, kif implimentata, bħala “għajnuna illegali” u, għaldaqstant, bħala “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, imħallsa bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

39

Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni ġustament qisitx li hija ma kinitx awtorizzat xi deroga għall-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM u, konsegwentement, li l-għajnuna mħallsa lis-SGPS kienet ingħatat bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, taqa’ taħt il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għalhekk ma kisritx it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

41

Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il‑Kummissjoni inkludiet lis‑SGPS fil‑benefiċjarji kollha koperti mill‑obbligu ta’ rkupru fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal‑kundizzjoni dwar il‑ħolqien jew iż‑żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir‑RAM

42

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-SGPS ma humiex suġġetti għall-kundizzjoni ta’ aċċess għall-iskema III dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn is-SGPS huma inklużi fil-benefiċjarji kollha koperti mill-obbligu li jirkupraw l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema III.

43

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, bħalma ġie deċiż fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2021 tas-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), mehmuża mal-Anness A.10 tar-rikors, għandu jiġi kkunsidrat li l-abbozz ta’ digriet-liġi kkomunikat lill-Kummissjoni fl‑2006 u sussegwentement approvat kien jinkludi d-deroga għas-SGPS għall-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

44

B’hekk, skont ir-rikorrenti, din id-deroga kienet tagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna li ġiet approvata mill-Kummissjoni, li huwa koerenti mal-fatt li l-applikabbiltà tal-iskema III għas-SGPS ma kienet is-suġġett ta’ ebda nuqqas ta’ qbil, ta’ ebda riżerva u lanqas ta’ analiżi awtonoma min-naħa tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

45

F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat effettivament li s-SGPS kienu obbligati jissodisfaw il-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema III, u li għalhekk kellhom ikunu koperti mill-ordni ta’ rkupru li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, kien ikun neċessarju li dan ikun espressament indikat fl-imsemmija deċiżjoni.

46

It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu, bħalma ġie deċiż fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2021 tas-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li l-fatt li l-aċċess għall-iskema III tas-SGPS ikun suġġett għall-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM ma jagħmilx sens fid-dawl tan-natura tal-attività eżerċitata mis-SGPS. Fil-fatt, il-provvista ta’ tali xogħol hija kompletament inutli għat-twettiq tal-għan tal-kumpannija tagħhom, jiġifieri l-ġestjoni tal-ishma ta’ kumpannija.

47

It-tielet nett, il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp reġjonali tar-RAM għall-finijiet tal-iskema III setgħet tieħu forom oħra minbarra l-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, u titkejjel, pereżempju, f’termini ta’ stimolu tal-ekonomija lokali permezz tal-għajnuna mogħtija u tad-dħul fiskali ġġenerat.

48

Ir-raba’ nett, minn naħa, minn analiżi letterali tad-deċiżjoni tal‑2007 jirriżulta li din tal-aħħar issemmi espressament li l-bażi legali tal-iskema III hija l-abbozz tad-digriet-liġi kkomunikat, li kien jinkludi d-deroga għas-SGPS. Barra minn hekk, l-istandards effettivament adottati li introduċew l-iskema III kollha jsemmu li din l-iskema hija approvata skont id-Deċiżjoni tal‑2007. Min-naħa l-oħra, l-elementi tal-kuntest ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni tal‑2007 u l-emendi ulterjuri tal-iskema III ma kinux ikopru d-deroga prevista għas-SGPS.

49

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-attività tagħhom tinsab fil-lista tal-attivitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema III.

50

Minn naħa, skont il-premessa 25 tad-Deċiżjoni tal‑2007, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema III kien limitat għal numru ta’ attivitajiet ekonomiċi, fosthom l-“attivitajiet ta’ proprjetà immobbli, kirjiet u servizzi pprovduti lill-impriżi (Taqsima K, kodiċi 70–74)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea (NACE) li kienu fis-seħħ dak iż-żmien.

51

Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, waħda mill-kategoriji msemmija fid-Diviżjoni 74 tan-NACE applikabbli fid-data tad-deċiżjoni tal‑2007 hija l-klassi “74.15. Amministrazzjoni ta’ impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tikkorrispondi għall-għan tal-kumpannija tar-rikorrenti.

52

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

Fuq it‑tieni motiv

53

Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-għajnuna li tħallset lilhom taħt l-iskema III tikkorrispondi għall-għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni fl‑2007 u fl‑2013, peress li huma jqisu li, b’applikazzjoni ta’ deroga għas-SGPS li jagħmlu parti integrali mill-iskema III, kif ikkomunikata, huma ma kinux suġġetti, bħala SGPS, għall-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

54

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, meta rikorrent iqis li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ikkunsidrat li l-modalitajiet ta’ ħlas ta’ għajnuna individwali skont skema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel ma kinux konformi ma’ din l-awtorizzazzjoni minn qabel, l-argument ta’ din il-parti għandu jinftiehem bħala li jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tirrikonoxxi lill-imsemmija għajnuna l-klassifikazzjoni legali bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri dik ta’ skemi ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2022, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira), T‑95/21, taħt appell, EU:T:2022:567, punt 100).

55

Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jinftiehem bħala li huwa intiż sabiex jikkontesta l-fatt li, fil-premessi 150 sa 180 u 228 kif ukoll l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma assimilatx l-iskema III, kif implimentata, bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, li l-kompatibbiltà tagħha kellha tiġi evalwata fl-ambitu tal-eżami kostanti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, previst fl-Artikolu 108(1) TFUE, iżda kklassifikatha, fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “għajnuna illegali” u, għaldaqstant, “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

Fuq il‑mertu tat‑tieni motiv

56

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, sabiex jiġi evalwat jekk l-għajnuna individwali mħallsa lis-SGPS taħt l-iskema III, kif implementata, tikkorrispondix għall-għajnuna awtorizzata bid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, il-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina mhux biss it-test stess ta’ dawn id-deċiżjonijiet, iżda wkoll il-kontenut tan-notifika magħmula mir-Repubblika Portugiża (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑200/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:165, punt 27). Bl-istess mod, talba għal informazzjoni supplimentari, li biha l-Kummissjoni titlob tagħrif komplementari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna kkomunikata minn Stat Membru, kif ukoll ir-risposta tal-awtoritajiet nazzjonali lil din it-talba, għandhom jitqiesu li huma parti indiviżibbli mill-iskema ta’ għajnuna kkomunikata (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 45).

57

Hemm lok, barra minn hekk, li Stat Membru li jitlob li jkun jista’ jagħti għajnuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat għandu d-dmir jikkollabora mal-Kummissjoni. Fit-twettiq ta’ dak id-dmir, dan irid b’mod partikolari jipprovdi l-informazzjoni kollha biex jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tivverifika li l-kundizzjonijiet għad-deroga mfittxija huma ssodisfatti (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). Dan id-dmir huwa rifless espressament fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 659/1999, applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, li tipprevedi li “f’konformità ma’ l-Artikolu [4(3) TUE], Stati Membri huma taħt obbligu li jikkoperaw mal-Kummissjoni u li jipprovduha bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jippermettu lill-Kummissjoni taqdi dmirijietha taħt [l-imsemmi] Regolament”.

58

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn il-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel jikkontestaw li din l-iskema ġiet implementata skont modalitajiet sostanzjalment differenti minn dawk awtorizzati, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna eżistenti” jew bħala “għajnuna ġdida” tal-għajnuna li tħallset lilhom tiddependi mhux biss mit-test stess tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, iżda wkoll mill-kontenut tal-komunikazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta minnu. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-aġir ta’ dan l-Istat Membru fil-komunikazzjoni tal-imsemmija skema, fid-dawl tad-dmir tiegħu ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni.

59

Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li r-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika meta hija qieset li l-iskema III kienet ġiet implimentata skont modalitajiet sostanzjalment differenti minn dawk awtorizzati jekk, waqt il-komunikazzjoni tal-iskema III fl‑2006 u fl‑2011, ir-Repubblika Portugiża naqset milli tipprovdi lil din l-istituzzjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ deroga mill-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

60

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

– Fuq il‑portata tad-Deċiżjoni tal‑2007

61

L-argument prinċipali tar-rikorrenti huwa, essenzjalment, l-ewwel nett, li r-riforma tal-lstatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa li segwiet id-deċiżjoni tal‑2007 irriproduċiet il-formulazzjoni tal-abbozz ta’ digriet-liġi li kien jakkumpanja, f’dokument mehmuż, il-komunikazzjoni tal‑2006 u, it-tieni nett, li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ikkonfermat permezz tas-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2021 li l-lstatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa kif emendat kellu jiġi interpretat bħala li jinkludi d-deroga inkwistjoni.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, permezz tas-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2021, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), fil-fatt, qieset li l-lstatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa fis-seħħ wara d-deċiżjoni tal‑2007, kif ikkomunikata lill-Kummissjoni fl‑2006, kien jinkludi deroga mill-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM għas-SGPS u li, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal‑2007 li approvat l-iskema III, kif ikkomunikata, ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għal kwalunkwe deroga għall-benefiċċju ta’ dawn il-kumpanniji.

63

F’dan il-kuntest, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk l-assenza ta’ riferiment, fid-Deċiżjoni tal-2007, għal skema derogatorja applikabbli għas-SGPS tfissirx li, billi awtorizzat l-implimentazzjoni tal-iskema III, kif ikkomunikata fl‑2006, il-Kummissjoni kkonstatat il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ din l-iskema derogatorja u, għaldaqstant, awtorizzatx ukoll l-implimentazzjoni tagħha għall-benefiċċju tas-SGPS.

64

F’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza jirriżulta li, ċertament, meta l-Kummissjoni tikkonstata, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li l-miżura kkomunikata tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, li permezz tagħha tiddikjara li din il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 64).

65

Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ deċiżjoni adottata wara eżami preliminari previst mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista’ biss tapprova proġett ta’ għajnuna kif ikkomunikat u ma tista’ timponi jew tipprojbixxi xejn lill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 72).

66

Madankollu, kif tfakkar fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-interpretazzjoni tal-portata ta’ tali deċiżjoni ma tistax tiddependi esklużivament mill-kontenut tagħha, iżda għandha ssir ukoll fid-dawl tal-kontenut tal-komunikazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat.

67

B’hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-bażi legali li tikkostitwixxi l-bażi ġuridika tal-miżura kkomunikata jagħmlu parti integrali mill-proġett ta’ għajnuna kif ikkomunikat. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda l-miżura kkomunikata fil-veru sens tal-kelma u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali meħuda flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, FIH Holding u FIH vs Il‑Kummissjoni, T‑386/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:623, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u b’suppożizzjonijiet liema huma l-elementi li setgħu tressqu quddiemha waqt il-proċedura amministrattiva (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 104).

69

B’hekk, għandu jiġi analizzat jekk l-awtoritajiet Portugiżi kkomunikawx b’mod validu, fl‑2006, id-deroga inkwistjoni u jekk, b’dan il-mod, ippermettewx lill-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

70

F’dan ir-rigward, mill-komunikazzjoni kollha tal‑2006 kif ukoll mill-korrispondenza sussegwenti skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi jirriżulta li d-deroga inkwistjoni ssemmiet biss fil-bażijiet legali li kienu jakkumpanjaw il-komunikazzjoni.

71

Fil-fatt, l-uniċi riferimenti għad-deroga inkwistjoni fil-komunikazzjoni tal‑2006, li jammontaw għal tnejn, jinsabu, l-ewwel waħda, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 34(5) tal-lstatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa inklużi fid-Digriet-Liġi Nru 163/2003, li kienu jeżistu qabel, tal‑24 ta’ Lulju 2003 (Anness 1 tal-komunikazzjoni tal‑2006), u t-tieni waħda, imsemmija fl-istess termini, fl-Artikolu 34(5) tal-istess statut propost mill-abbozz tad-Digriet-Liġi kkomunikat (Anness 2 tal-komunikazzjoni tal‑2006).

72

B’hekk, l-Artikolu 34A(1) sa (5) tal-Istatut tal-Vantaġġi Fiskali li jinsabu fl-abbozz tad-Digriet-Liġi kkomunikat lill-Kummissjoni u li kkostitwixxa l-bażi legali tal-iskema III huwa fformulat kif ġej:

“(Arranġamenti speċjali għall-entitajiet awtorizzati fiż-Żona Ħielsa ta’ Madeira mill‑1 ta’ Jannar 2007)

1.   Id-dħul tal-entitajiet awtorizzati, mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2013, sabiex jeżerċitaw attivitajiet industrijali, kummerċjali, ta’ trasport marittimu u ta’ servizzi oħra mhux esklużi minn din l-iskema, li josservaw il-kundizzjonijiet rispettivi stabbiliti fl-Artikolu 33(1), għandhom ikunu suġġetti għat-[TDPĠ] sal‑31 ta’ Diċembru 2020, skont il-modalitajiet li ġejjin:

a)

Mill‑2007 għall‑2009, b’rata ta’ 3 %;

b)

Mill‑2010 għall‑2012, b’rata ta’ 4 %;

c)

Fl‑2013 u s-snin ta’ wara, b’rata ta’ 5 %.

[…]

5.   Id-dħul tal-kumpanniji ta’ ġestjoni tal-ishma tal-kumpannija awtorizzati fl‑1 ta’ Jannar 2007 u sal‑31 ta’ Diċembru 2013 huwa suġġett għat-[TDPĠ] fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni ta’ dawk miksuba fit-territorju Portugiż, bl-eċċezzjoni taż-żoni ħielsa, jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, li huma imposti fil-kundizzjonijiet ġenerali.”

73

Min-naħa l-oħra, din id-deroga ma ssemmietx fil-formola ta’ komunikazzjoni tal‑2006 u lanqas fil-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaha.

74

L-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 34A(5) tal-Istatut tal-Vantaġġi Fiskali kif propost mill-abbozz ta’ Digriet-Liġi kkomunikat ma jirriżultax espressament li l-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol ma hijiex applikabbli għas-SGPS. Fil-fatt, l-imsemmi paragrafu sempliċement jindika li d-dħul tas-SGPS approvat fl‑1 ta’ Jannar 2007 u sal‑31 ta’ Diċembru 2013 huwa suġġett għat-TDPĠ fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ dak miksub fit-territorju Portugiż barra miż-żoni ħielsa, jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, li huwa ntaxxat skont il-kundizzjonijiet ġenerali.

75

It-tieni nett, qari tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tad-Digriet-Liġi kkomunikat kif ukoll tal-paragrafi 1, 2 u 5 tal-Artikolu 34(A) u tal-Artikolu 33(1)(g) tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa proposti mill-imsemmi abbozz ta’ Digriet-Liġi jippermetti raġonevolment li jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM, bħala kundizzjoni ta’ aċċess għall-iskema III, tapplika wkoll għas-SGPS.

76

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tad-Digriet-Liġi kkomunikat tindika li l-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ aċċess għall-iskema III.

77

Sussegwentement, skont l-Artikolu 34(1) tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa propost mill-abbozz tad-Digriet-Liġi kkomunikat, l-iskema III hija intiża li tapplika mhux biss għall-impriżi awtorizzati jeżerċitaw attivitajiet industrijali, kummerċjali u ta’ trasport marittimu, iżda wkoll għall-impriżi li jipprovdu “servizzi oħra mhux esklużi minn din l-iskema”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, bħala SGPS, kienu jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tal-ishma ta’ kumpanniji oħra, li setgħu raġonevolment jitqiesu bħala servizzi oħra mhux esklużi mill-iskema III msemmija fl-Artikolu 34(1) tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa kif propost mill-abbozz ta’ digriet-liġi kkomunikat.

78

Issa, l-Artikolu 34A(1) tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa li jinsabu fl-abbozz tad-digriet liġi kkomunikat jissuġġetta lill-impriżi awtorizzati jeżerċitaw attivitajiet industrijali, kummerċjali u ta’ trasport marittimu, iżda wkoll lill-impriżi li jipprovdu “servizzi oħra mhux esklużi mill-iskema [III]” għall-kundizzjoni li jikkonformaw ruħhom mal-“kundizzjonijiet rispettivi previsti fl-Artikolu 33(1)[,] ” ta’ dan l-istess statut. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(1)(g) tal-Istatut dwar il-Benefiċċji Fiskali jagħmel riferiment espliċitu għall-kundizzjonijiet applikabbli għas-SGPS.

79

Barra minn hekk, l-Artikolu 34(2) tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa propost mill-abbozz tad-digriet-liġi kkomunikat jindika li l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu huma suġġetti għall-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema III. B’hekk, peress li mill-punt int 78 iktar ’il fuq jirriżulta li l-attivitajiet tar-rikorrenti jistgħu jitqiesu bħala “servizzi oħra mhux esklużi mill-iskema [III]” u għalhekk huma koperti mill-paragrafu 1, minn dan il-paragrafu 2 jiġi dedott loġikament li s-SGPS huma suġġetti għall-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

80

Fl-aħħar nett, mill-istruttura tal-Artikolu 34A(5) tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa propost mill-abbozz ta’ digriet-liġi kkomunikat jirriżulta li l-profitti miksuba mis-SGPS fit-territorju Portugiż barra miż-żoni ħielsa, jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, huma ntaxxati skont il-kundizzjonijiet ġenerali u għalhekk ma jistgħux jagħmlu parti mid-dħul li għalih jista’ japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-komunikazzjoni mir-Repubblika Portugiża tal-abbozz tad-digriet-liġi kkomunikat, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tinterpreta l-Artikolu 34 A tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa fis-sens li, bħall-impriżi kollha msejħa sabiex jibbenefikaw mill-iskema III, is-SGPS kienu suġġetti għall-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

82

It-tielet nett, mill-komunikazzjoni tal‑2006 jirriżulta li l-intenzjoni tal-awtoritajiet Portugiżi kienet li jobbligaw lil kull impriża li tixtieq tibbenefika mill-iskema III toħloq jew iżżomm postijiet tax-xogħol fir-RAM. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi speċifikaw, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal‑2006, li, mill-iskema II, il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM kien obbligatorju u kien jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ aċċess għall-iskema ta’ għajnuna applikabbli fiż-ŻĦM, kif ukoll mill-espożizzjonijiet tal-motivi tad-digriet-liġi kkomunikat preeżistenti u tal-abbozz ta’ digriet-liġi kkomunikat, li jindikaw espliċitament li l-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-aċċess għall-iskemi II u III u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi ma pprovdewx spjegazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni eċċezzjonali tas-SGPS.

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtoritajiet Portugiżi qatt ma ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-abbozz tad-digriet-liġi kkomunikat seta’ jiġi applikat fis-sens li kien jippermetti lis-SGPS jibbenefikaw mill-iskema III mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM. B’hekk, permezz tal-komunikazzjoni tal‑2006 u tal-iskambji ulterjuri, ir-Repubblika Portugiża ma pprovdietx lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja li kienet tippermettilha, qabel kollox, li tikkonstata li, skont l-abbozz ta’ digriet-liġi kkomunikat, is-SGPS jistgħu jibbenefikaw minn deroga mill-kundizzjoni tal-ħolqien u taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM sabiex jibbenefikaw mill-iskema III. Minħabba f’hekk, din l-istituzzjoni la ġiet mistiedna u lanqas tqiegħdet f’pożizzjoni li teżamina l-kompatibbiltà ta’ tali deroga mat-Trattat FUE u, sussegwentement, li tifforma opinjoni f’dan ir-rigward, minkejja li d-deroga applikabbli għas-SGPS kienet twassal, fil-prattika, lil dawn l-impriżi sabiex jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat mogħtija f’kundizzjonijiet sinjifikattivament iktar vantaġġużi minn dawk previsti mill-iskema ġenerali applikabbli għall-impriżi l-oħra.

84

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-interpretazzjoni ulterjuri mogħtija lill-bażi legali tal-iskema III permezz tas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2021 tas-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

85

Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-punt 56 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa mhux biss il-bażi legali kkunsidrata waħedha, kif għamlet is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), iżda l-komunikazzjoni tal‑2006 u l-annessi kollha tagħha kif ukoll il-korrispondenza sussegwenti, peress li l-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-bażi legali li tikkostitwixxi l-bażi legali tal-miżura kkomunikata jagħmlu parti integrali mill-proġett ta’ għajnuna kif ikkomunikat.

86

It-tieni nett, jekk is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) waslet sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza tad-deroga inkwistjoni, dan kien speċifikament għaliex l-awtoritajiet fiskali Portugiżi kkunsidraw fl‑2011 li s-SGPS, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema III, kellhom, bħal kull entità awtorizzata u li topera fiż-ŻĦM, josservaw il-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM u għalhekk ma kinux jibbenefikaw mid-deroga inkwistjoni. Barra minn hekk, minn din is-sentenza jirriżulta li l-awtoritajiet Portugiżi stess ċaħdu, fl‑2017, l-eżistenza, fl-abbozz tad-digriet-liġi kkomunikat fl‑2006 u finalment approvat mill-Kummissjoni, tad-deroga favur is-SGPS, pożizzjoni li huma żammew matul il-proċedura quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

87

It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), l-opinjoni maħruġa mir-rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kienet favur li jintlaqa’ r-rikors ippreżentat mir-rappreżentant tat-Teżor Pubbliku Portugiż fir-rigward tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, il-Portugall), u għalhekk favur interpretazzjoni li s-SGPS ma kienu jibbenefikaw minn ebda deroga għall-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM. Il-fatt li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) finalment għażlet, fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2021, is-soluzzjoni kuntrarja juri b’mod suffiċjenti li, sa dik id-data, diverġenzi ta’ interpretazzjoni kienu mhux biss possibbli, iżda wkoll reali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

88

Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 83 iktar ’il fuq lanqas ma hija kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti bbażati, essenzjalment, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni ma wettqitx eżami diliġenti tal-komunikazzjoni tal‑2006.

89

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija ċertament, obbligata, fl-interess ta’ applikazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri investigati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkun jista’ jkollha, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli għal dan il-għan (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li ma hemm ebda riferiment għad-deroga mill-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM għas-SGPS fil-formola ta’ komunikazzjoni tal‑2006 u lanqas fil-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaha. B’hekk, minn naħa, l-awtoritajiet Portugiżi ma qegħdux lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li tkun taf li tali deroga kienet ġiet sottomessa lilha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Portugiżi ma spjegawx kif id-deroga kienet proporzjonali mal-għan imfittex mill-għajnuna u kompatibbli mas-suq intern, filwaqt li l-kundizzjoni tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol kienet tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ aċċess għall-iskema III, b’mod partikolari sa fejn din kienet isservi sabiex tikkwantifika l-kontribuzzjoni għall-għan tal-iżvilupp reġjonali kif ukoll il-livell u l-proporzjonalità tal-vantaġġi mogħtija.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jew li naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li dispożizzjoni li fuqha l-awtoritajiet Portugiżi ma kinux ipprovdew spjegazzjonijiet setgħet tiġi interpretata bħala li tippermetti deroga mill-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

92

Għandu jiġi konkluż li kieku l-awtoritajiet Portugiżi kellhom l-intenzjoni li jissuġġettaw id-deroga għall-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol għas-SGPS għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali impost fuqhom kellu jwassalhom sabiex jiġbdu iktar l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-eżistenza ta’ tali deroga, li tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u, sussegwentement, sabiex jipprovdu spjegazzjonijiet dwar din il-kompatibbiltà.

93

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, peress li ma ġietx ikkomunikata b’mod validu, deroga mill-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM ma tistax titqies li ġiet awtorizzata mid-deċiżjoni tal‑2007. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta rrifjutat li tassimila ma’ “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 l-għajnuna mħallsa lis-SGPS taħt l-iskema III, kif awtorizzata fl‑2007, mingħajr ma osservat din il-kundizzjoni.

– Fuq il‑portata tad-Deċiżjoni tal‑2013

94

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mid-Deċiżjoni tal‑2007, id-Deċiżjoni tal‑2013 tinkludi, fil-premessa 19 tagħha, ir-riferiment għal impenn tar-Repubblika Portugiża li “telimina kull trattament preferenzjali ta’ entitajiet bħas-[SGPS] meta jiġi kkonfermat li t-trattament tagħhom fiż-ŻĦM effettivament jagħti vantaġġ meta mqabbel mal-iskema ġenerali Portugiża applikabbli għas-SGPS” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

95

F’dan ir-rigward, mill-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi jirriżulta li dan l-impenn isegwi t-talba għal informazzjoni supplimentari magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad‑29 ta’ Frar 2012, li permezz tagħha hija stiednet lir-Repubblika Portugiża tieħu pożizzjoni dwar il-fatt li mis-sit internet taċ-Ċentru Internazzjonali tan-Negozju ta’ Madeira jirriżulta li s-SGPS setgħu jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-iskema III mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

96

B’risposta, ir-Repubblika Portugiża indikat b’mod partikolari, fl-ittra tagħha tat‑30 ta’ April 2013, li hija kienet qed taċċetta li tissuġġetta l-għajnuna mħallsa lis-SGPS għall-applikazzjoni tal-limiti massimi previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li dawn il-limiti massimi kienu ffissati skont in-numru ta’ postijiet tax-xogħol miżmuma minn benefiċjarju matul kull sena fiskal. (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

97

Fid-dawl ta’ dan l-impenn tar-Repubblika Portugiża, li jagħmel parti b’mod inseparabbli mill-iskema ta’ għajnuna kkomunikata u li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-deċiżjoni tal‑2013, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika meta rrifjutat li tassimila ma’ “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 l-għajnuna mħallsa lis-SGPS taħt l-iskema III, kif awtorizzata fl‑2013, mingħajr ma osservat il-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

98

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipji tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u taċ‑ċertezza legali

99

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni impliċitament awtorizzat id-deroga applikabbli għas-SGPS sa fejn din hija inkluża fl-abbozz ta’ digriet-liġi li kien jikkostitwixxi l-bażi legali tal-iskema III kif ikkomunikata lill-Kummissjoni fl‑2006 u sanċita fil-verżjoni finali ta’ dan l-istandard li ġiet ippubblikata fid-Diário da República (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Portugiża).

100

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ma qajmet ebda dubju jew oġġezzjoni dwar din id-deroga fid-deċiżjoni tal‑2007, il-Kummissjoni ħolqot, fir-rigward tas-SGPS benefiċjarji tal-iskema III, l-aspettattivi leġittimi li l-imsemmija deroga kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

101

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

Fuq il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

102

Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq dan il-prinċipju jassumi li jkunu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-parti kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

Minn dan jirriżulta qabelxejn li l-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi setgħu taw assigurazzjonijiet ma setax, fi kwalunkwe każ, joħloq xi aspettattivi leġittimi favur ir-rikorrenti, peress li dawn il-garanziji ma setgħux isibu l-oriġini tagħhom fl-aġir tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Barra minn hekk, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tan-natura mandatorja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE, minn naħa, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi li l-għajnuna hija regolari biss jekk din tkun ingħatat skont il-proċedura prevista f’dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku u diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan ir-rigward, sabiex issir l-evalwazzjoni tal-leġittimità tal-aspettattivi allegati, il-qorti tal-Unjoni tibbaża ruħha fuq operatur raġonevolment prudenti, infurmat u diliġenti (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrewx li, fir-rigward tal-għajnuna mogħtija bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, li, minħabba f’hekk, kienu tħallset bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni tathom assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, iżda wkoll konformi mar-regoli applikabbli, ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi fil-ħsieb tagħhom, kif teżiġi l-ġurisprudenza.

107

Fil-fatt, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM, għandu jitfakkar li din il-kundizzjoni hija kundizzjoni ta’ aċċess għall-iskema III u parametru tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-iskema III, meta mqabbla mal-ispejjeż addizzjonali li din l-iskema kellha tikkumpensa, twettqet fid-dawl ta’ din il-kundizzjoni.

108

Sa fejn id-deċiżjoni tal‑2007 ma kienet tinkludi ebda eċċezzjoni intiża sabiex is-SGPS jiġu eżentati mill-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma tal-postijiet tax-xogħol sabiex jibbenefikaw mill-iskema III, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li pprovdiet assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-iskema III għas-SGPS, bħar-rikorrenti, mingħajr ma dawn ikunu obbligati li joħolqu u li jżommu postijiet tax-xogħol fir-RAM.

109

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal‑2013, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tinkludi espressament l-impenn tar-Repubblika Portugiża li ma tittrattax b’mod iktar favorevoli s-SGPS, b’tali mod li r-rikorrenti ma jistgħu jinvokaw ebda aspettattiva leġittima li jibbenefikaw mill-iskema III mingħajr ma josservaw il-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

110

Għaldaqstant, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni taċ-ċertezza legali.

Fuq il‑prinċipju ta’ ċertezza legali

111

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa differenti mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 83), dan jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni, C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punt 77).

112

F’dak li jirrigwarda l-eventwali nuqqas ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà tad-Deċiżjoni tal‑2007, l-argument tar-rikorrenti li s-sempliċi preżenza tad-deroga inkwistjoni fil-bażi legali annessa mal-komunikazzjoni tal‑2006 hija biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li d-Deċiżjoni tal‑2007 tkopri l-imsemmija deroga ma jistax jintlaqa’.

113

Għandu jitfakkar li kemm il-formulazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll dik tad-Deċiżjoni tal‑2013 juru li l-kuntest li fih jinsabu, iżda wkoll l-għanijiet tal-iskema III ma jħallu l-ebda post għad-dubju dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-ħolqien u ż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol.

114

F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tal‑2007, il-Kummissjoni ma tikkonstatax l-eżistenza tad-deroga inkwistjoni, b’mod partikolari għaliex mill-komunikazzjoni kollha tal‑2006 jirriżulta b’mod ċar li d-deroga inkwistjoni ma ġietx debitament sottomessa għall-evalwazzjoni tagħha, u li għalhekk ma jistax jiġi konkluż li din ġiet approvata. B’hekk, in-nuqqas ta’ riferiment speċifiku għal xi partikolarità ta’ trattament għas-SGPS fid-deċiżjoni tal‑2007 ma jistax jiġi interpretat bħala approvazzjoni impliċita tad-deroga inkwistjoni.

115

Il-fatt li d-Deċiżjoni tal‑2013 tfakkar fil-premessa 19 l-impenn tal-awtoritajiet Portugiżi li jneħħu kull trattament preferenzjali tas-SGPS ma jikkontestax din il-konklużjoni. Din il-konstatazzjoni dwar l-impenn li jitneħħa trattament preferenzjali lis-SGPS tevoka l-implimentazzjoni tal-għajnuna u ma tistax tippreżumi l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jingħata tali trattament preferenzjali. Fil-fatt, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal‑2007, li ma tinkludi ebda impenn ta’ din in-natura, minn din id-deċiżjoni kollha jirriżulta li l-Kummissjoni kienet fehmet li kull impriża li tixtieq tibbenefika mill-iskema III kellha toħloq jew iżżomm postijiet tax-xogħol fir-RAM, peress li dan l-obbligu huwa kundizzjoni neċessarja sabiex jinkiseb l-aċċess għall-iskema III.

116

Fi kwalunkwe każ, eventwali dubju dwar iċ-ċarezza tas-sistema legali applikabbli f’dak li jirrigwarda d-deroga inkwistjoni ma setax jinħoloq permezz tad-Deċiżjoni tal‑2007, iżda pjuttost bl-aġir tal-awtoritajiet Portugiżi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa, kif jirriżulta mill-punti 86 u 87 iktar ’il fuq.

117

Għaldaqstant, ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jista’ jiġi kkonstatat u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

118

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

119

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

120

Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Millennium BCP Participações, SGPS, Sociedade Unipessoal, Lda u BCP África, SGPS, Lda huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Svenningsen

Martín y Pérez de Nanclares

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Novembru 2024.

Firem

Werrej ( 1 )

 

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

It‑talbiet tal‑partijiet

 

Id‑dritt

 

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

 

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il‑Kummissjoni inkludiet lis‑SGPS fil‑benefiċjarji kollha koperti mill‑obbligu ta’ rkupru fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal‑kundizzjoni dwar il‑ħolqien jew iż‑żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir‑RAM

 

Fuq it‑tieni motiv

 

Fuq il‑mertu tat‑tieni motiv

 

– Fuq il‑portata tad-Deċiżjoni tal‑2007

 

– Fuq il‑portata tad-Deċiżjoni tal‑2013

 

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipji tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u taċ‑ċertezza legali

 

Fuq il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

 

Fuq il‑prinċipju ta’ ċertezza legali

 

Fuq l‑ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

( 1 ) Il-werrej għandu jiġi aġġornat.