European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3992

20.8.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja ta’ Malta

(C/2025/3992)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f’dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ‘l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Malta żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ REPowerEU.

(4)

Fit-13 ta’ Lulju 2021, Malta ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fil-5 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta (5), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fl-14 ta’ Lulju 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li Malta tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)

Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta’ Malta (7). Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba’ snin.

(6)

Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2025 ta’ Malta. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih ma identifikatx lil Malta bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (8) fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.

(7)

Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)

Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta’ pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.

(10)

Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għal Malta. F’dan ġie vvalutat il-progress ta’ Malta fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa Malta. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet Malta fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(11)

Fil-21 ta’ Jannar 2025 il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi li ġejjin ta’ tkabbir tan-nefqa netta għal Malta: 6,0 % fl-2025, 5,8 % fl-2026, 5,8 % fl-2027, u 6,1 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati massimi ta’ tkabbir kumulattiv ikkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 13,8 % fl-2025, 20,4 % fl-2026, 27,4 % fl-2027, u 35,1 % fl-2028. Fl-2025-2028, dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kif rakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (9). Fit-30 ta’ April 2025 Malta ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali (10) tagħha, dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv u jiġu implimentati riformi u investimenti li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Malta dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE, biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża. Din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025, mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri, u tqis l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha, f’konformità mat-Trattati.

(13)

Abbażi ta’ data validata mill-Eurostat (11), id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Malta naqas minn 4,7 % tal-PDG fl-2023 għal 3,7 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 47,9 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 47,4 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta ta’ 13,9 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali tal-2025, Malta tikkalkula t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 għal 14,3 %. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi kemm infiq iffinanzjat fil-livell nazzjonali kif ukoll infiq iffinanzjat mill-UE, kienet espansjonarja, b’1,2 % tal-PDG, fl-2024.

(14)

Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji minn Malta qed jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 4,0 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 2,3 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 4,1 % fl-2025 u ta’ 4,0 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP hija projettata li tkun 2,2 % fl-2025 u 2,1 % fl-2026.

(15)

Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni li jonqos għal 3,3 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG għandu jiżdied għal 48,4 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ -0,1 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 3,2 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti tnaqqis fi nfiq kapitali ieħor minħabba l-iskadenza ta’ kostijiet relatati mal-linja tal-ajru nazzjonali. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 0,8 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet ogħla ta’ tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali huma dovuti għal projezzjonijiet differenti għall-kofinanzjament nazzjonali ta’ programmi tal-UE u nfiq kapitali ieħor. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm infiq fil-livell nazzjonali kif ukoll infiq iffinanzjat mill-UE, hija pprojettata li tkun restrittiva, b’1,9 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni jiżdied għal 47,6 % sa tmiem l-2025.

(16)

In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,2 % tal-PDG mistennija tkun iffinanzjata b’appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, imqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tiffaċilita investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn ta’ Malta.

(17)

In-nefqa tal-gvern estiż fid-difiża f’Malta ammontat għal 0,5 % tal-PDG fl-2021, 0,5 % tal-PDG fl-2022 u 0,4 % tal-PDG fl-2023 (13). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 0,4 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Din tikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 0,1 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021.

(18)

Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta f’Malta hija pprojettata li tikber b’0,8 % fl-2025 u b’14,9 % b’mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta ta’ Malta fl-2025 hija pprojettata li tkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata mill-perkors korrettiv. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija pprojettata li tkun ‘il fuq mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni (14) ta’ 0,2 % tal-PDG. Id-devjazzjoni kumulattiva pprojettata ma taqbiżx il-limitu massimu ta’ 0,6 % tal-PDG għad-devjazzjoni kumulattiva, li lil hinn minnu jkun hemm presuppożizzjoni qawwija ta’ nuqqas ta’ azzjoni effettiva. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għal Malta tinżamm sospiża. Fl-istess ħin, Malta mistiedna tkun lesta tieħu miżuri ulterjuri biex tikkonforma mal-perkors korrettiv. Meta ssir disponibbli data tal-eżitu, titwettaq valutazzjoni aktar kompluta.

(19)

Barra minn dan, il-Kunsill irrakkomanda li Malta tneħħi l-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija qabel ix-xitwa tal-2024/2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, filwaqt li l-kost baġitarju nett (15) tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 1,1 % tal-PDG fl-2024, dan huwa pprojettat għal 1,0 % fl-2025. B’mod partikolari, it-tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija u s-sussidji għall-produzzjoni tal-enerġija biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku importat jibqgħu fis-seħħ. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija ma tneħħewx qabel ix-xitwa 2024/2025. Dan mhuwiex konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.

(20)

Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix il-projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tal-bilanċ tal-gvern estiż fl-2026 prinċipalment jirrifletti tnaqqis ulterjuri fis-sussidji. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5,3 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm infiq iffinanzjat fil-livell nazzjonali kif ukoll infiq iffinanzjat mill-UE, hija pprojettata li tkun restrittiva b’0,8 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 47,3 % sa tmiem l-2026.

Sfidi ta’ politika ewlenin

(21)

L-indirizzar tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa jibqa’ kruċjali biex jittejbu l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistemi fiskali. Fid-dawl tal-effetti kollaterali ta’ strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa bejn l-Istati Membri, azzjoni koordinata biex tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE permezz ta’ politiki nazzjonali mill-Istati Membri kollha hija ta’ importanza kbira. Malta ħadet passi biex tindirizza l-prattiki ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa billi implimentat inizjattivi internazzjonali u Ewropej maqbula preċedentement, u billi implimentat riformi li kienet ħadet l-impenn li twettaq fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, bħall-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment, li saret applikabbli minn Jannar 2024. Madankollu, sakemm Malta tapplika taxxi f’ras il-għajn - jew miżuri difensivi ekwivalenti - fuq il-pagamenti ta’ mgħax, dividendi u royalties magħmula minn kumpaniji bbażati f’Malta lil ġuriżdizzjonijiet b’rata żero u b’rata baxxa ta’ taxxa (b’dan maħsuba li tfisser kwalunkwe ġuriżdizzjoni b’rata tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu statutorja ta’ inqas minn 9 %, l-aktar rata tat-taxxa korporattiva statutorja baxxa fl-Unjoni) biex jiġi żgurat li d-ditti ma jkunux jistgħu jmexxu l-profitti tagħhom lejn pajjiżi mhux tal-UE mingħajr ma jkunu intaxxati, ir-riskju ta’ nontassazzjoni doppja ta’ dawk il-profitti jibqa’ għoli. Barra minn hekk, it-trattament ta’ kumpaniji residenti mhux domiċiljati jkompli joħloq riskju ta’ nontassazzjoni doppja kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-individwi.

(22)

F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u mal-Anness V, il-kriterju 2.2 ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Belġju permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta’ Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta’ ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)

L-implimentazzjoni tal-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK) qabdet ritmu aktar mgħaġġel f’Malta. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Malta diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, Malta qed tkompli tiffaċċa sfidi, inkluż dawk marbuta man-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet, l-aċċellerar tat-tranżizzjoni tal-enerġija, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-ilma u l-immaniġġar sostenibbli tal-ilma. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Malta - bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi ta’ politika ta’ koeżjoni - hija mitluba tagħmel rieżami ta’ kull programm u tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 (16) jestendu l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ valutazzjoni - għal kull programm - tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma ta’ prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f’teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f’setturi ta’ prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+.

(24)

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta’ investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta’ 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Malta tista’ tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(25)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE, jenħtieġ li Malta tindirizza b’mod effettiv l-isfidi li fadal relatati mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni, it-trasport bit-triq, u r-riċerka u l-innovazzjoni.

(26)

Huwa kruċjali li Malta ttejjeb l-eżiti tal-innovazzjoni biex iżżomm it-tkabbir fil-produttività tagħha u timxi lejn ekonomija aktar reżiljenti u mmexxija mill-għarfien. In-nefqa totali ta’ Malta fuq ir-R&Ż bħala perċentwal tal-PDG hija t-tieni l-aktar baxxa fl-UE (0,64 % tal-PDG fl-2023 vs il-medja tal-UE ta’ 2,24 %), u ilha tonqos matul l-aħħar deċennju. Din tikkonċerna kemm in-nefqa pubblika kif ukoll dik privata fir-R&Ż. L-investiment pubbliku fir-R&Ż bħala perċentwal tal-PDG huwa iktar baxx minn dak ta’ 10 snin ilu u ferm taħt il-medja tal-UE (0,27 % tal-PDG fl-2023 vs il-medja tal-UE ta’ 0,72 %). Is-sitwazzjoni hija simili għall-investiment privat fir-R&Ż (0,37 % tal-PDG vs il-medja tal-UE ta’ 1,49 %). In-nuqqas ta’ investiment għandu impatt fuq l-eċċellenza tas-sistema tar-riċerka pubblika u r-riżultati tal-innovazzjoni. Ikun ta’ benefiċċju għal Malta kieku kellha tippromwovi l-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż, partikolarment billi timplimenta inċentivi tat-taxxa mmirati.

(27)

Malta tkompli tiffaċċa sfidi biex tikseb tkabbir ekonomiku ekoloġiku, li jfisser l-ibbilanċjar bejn l-iżvilupp ekonomiku u s-sostenibbiltà ambjentali. It-tranżizzjoni ekoloġika tal-pajjiż hija miżmuma lura mir-rwol dominanti tal-fjuwils fossili fis-sistema tal-enerġija tiegħu. Malta tagħti sussidji konsiderevoli għall-fjuwils fossili mingħajr ebda tneħħija gradwali ppjanata qabel l-2030. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas it-tħassib ġenwin marbut mas-sigurtà tal-enerġija, jostakolaw l-elettrifikazzjoni tat-trasport u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali jistgħu jitqiesu bħala prijorità li jitneħħew gradwalment. F’Malta, is-sussidji għall-fjuwils fossili – bħal ma hu l-appoġġ kontinwu lill-Enemalta, is-sussidji għall-prodotti tal-petroleum, speċjalment il-petrol u d-diżil, u t-tnaqqis tad-dazji tas-sisa fuq il-petrol u d-diżil – huma ekonomikament ineffiċjenti u jaġixxu bħala diżinċentivi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli u d-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi. Barra minn dan, huma jirrappreżentaw piż baġitarju fuq il-finanzi pubbliċi ta’ Malta. Barra minn dan, is-sehem ta’ Malta ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija kien biss ta’ 15 % fl-2023, waħda mill-iktar rati baxxi fl-użu ta’ sorsi rinnovabbli fl-UE. Filwaqt li kważi l-kapaċità kollha ta’ enerġija rinnovabbli installata hija solari fuq l-art, Malta għandha potenzjal sinifikanti biex tespandi t-taħlita ta’ enerġija rinnovabbli tagħha permezz ta’ proġetti eoliċi u solari fuq skala kbira lil hinn mill-kosta. Il-kapaċità ta’ Malta li tuża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha tiddependi wkoll fuq il-progress tajjeb tagħha fil-bini tat-tieni interkonnettur tal-elettriku mal-Italja, bl-appoġġ ċentrali tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE 2021-2027, u fuq it-tkomplija tat-tisħiħ u l-modernizzar tal-grilja domestika tal-elettriku tagħha, inkluż billi tagħmilha aktar flessibbli. Barra minn dan, filwaqt li hemm xi miżuri ta’ appoġġ fis-seħħ biex jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll investimenti fir-rinnovazzjoni ta’ bini tas-settur pubbliku u privat skont il-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza, il-konsum finali tal-enerġija fil-bini residenzjali żdied bi 13,5 % bejn l-2018 u l-2022. Malta tista’ tibbenefika jekk tieħu aktar azzjoni biex tippromwovi t-titjib fl-effiċjenza fis-settur tal-bini, li kieku jgħin ukoll biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi.

(28)

L-indirizzar tal-konġestjoni tat-traffiku u tal-emissjonijiet għolja mit-trasport bit-triq huwa kruċjali biex jittejbu l-kompetittività, il-kwalità tal-ħajja u l-appoġġ lil segmenti vulnerabbli tal-popolazzjoni f’Malta. Kien hemm żieda fl-użu tat-trasport pubbliku skedat bit-triq minn mindu saret l-estensjoni, f’Ottubru 2022, tat-trasport pubbliku bit-triq bla ħlas għar-residenti Maltin kollha, iżda kien hemm ukoll żieda sinifikanti fl-għadd ta’ karozzi tal-passiġġieri liċenzjati kuljum minn dakinhar ‘l hawn. Is-settur tat-trasport huwa l-akbar emittent tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’Malta li jaqa’ fil-qafas tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Bejn l-2005 u l-2022, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu bi 32 %. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ miżuri li jindirizzaw il-konġestjoni tat-traffiku billi jiġu offruti servizzi ta’ kwalità ta’ trasport bit-triq kollettiv biex jitnaqqas l-użu tal-karozzi tal-passiġġieri privati u miżuri li jiskoraġġixxu l-użu tal-karozzi tal-passiġġieri privati. Iż-żieda fil-kwalità u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku bit-triq, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni ta’ korsiji ddedikati għall-karozzi tal-linja, u investimenti akbar f’infrastruttura ta’ mobbiltà attiva, inklużi bankini mtejba, jistgħu jappoġġaw bidla akbar lejn modi iktar sostenibbli ta’ trasport u jiżguraw is-sikurezza tan-nies u kwalità ta’ ħajja aħjar, inkluż għal dawk b’mobbiltà mnaqqsa.

(29)

In-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati kif ukoll l-ispariġġ fil-ħiliet qed ifixklu t-tkabbir u l-kompetittività futuri u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti hija fost l-ogħla fl-UE, b’nuqqasijiet akuti fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), l-arti, id-divertiment u r-rikreazzjoni, is-setturi tal-kostruzzjoni, partijiet tas-settur tas-servizzi, kif ukoll fost il-professjonisti tas-saħħa u tal-kura fit-tul u l-għalliema, fost affarijiet oħrajn. Barra minn hekk, 64 % tad-ditti jemmnu li l-forza tax-xogħol lokali mhijiex imħejjija b’mod adegwat għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità karbonika. Għalkemm qed jitjieb u huwa f’konformità mal-medja tal-UE, it-tagħlim għall-adulti għadu ferm sew taħt il-mira nazzjonali għall-2030 ta’ 57,6 %, fejn adulti b’livell għoli ta’ edukazzjoni qed jinvolvu ruħhom fit-tagħlim b’rata ferm ogħla mill-adulti b’livelli iktar baxxi ta’ edukazzjoni. Ir-reġistrazzjoni f’korsijiet fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) għadha ferm taħt il-medja tal-UE, u fil-livell sekondarju għoli, madwar student wieħed biss minn kull tlieta għażlu li jirreġistraw fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fl-2023, taħt il-medja tal-UE. Is-sehem ta’ studenti terzjarji li għażlu suġġetti STEM huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE bi 13,9 %, b’5,1 % biss fl-ICT, u huwa saħansitra iktar baxx fost in-nisa. Il-persistenza ta’ ħiliet bażiċi insuffiċjenti tindika nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema tal-edukazzjoni. Minħabba nuqqas ta’ persunal tat-tagħlim kwalifikat b’mod adegwat u prattiki ta’ tagħlim u kurrikuli ineffettivi, is-sistema ma taqdix b’mod suffiċjenti lit-tfal kollha, inkluż l-istudenti b’diżabbiltà. Wieħed minn kull tliet studenti ta’ 15-il sena ma għandux il-ħiliet bażiċi fil-matematika, il-qari u x-xjenza, u madwar nofs l-istudenti fit-tmien sena (bejn 12 u 13-il sena) għandhom nuqqas ta’ ħiliet diġitali. Minkejja titjib fis-snin reċenti, madwar wieħed minn kull għaxar studenti xorta jitlaq kmieni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ, li jżid l-għadd diġà kbir ta’ adulti b’ħiliet baxxi. It-tisħiħ tal-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-ħiliet bażiċi tal-istudenti u t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema kif ukoll bil-promozzjoni ta’ dħul f’korsijiet tal-ETV u għat-tagħlim għall-adulti għall-persuni b’ħiliet baxxi, huma kruċjali biex jittejbu l-eżiti edukattivi baxxi u jitnaqqas in-nuqqas gravi fil-ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet, anke fl-oqsma STEM u t-tranżizzjoni ekoloġika.

(30)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal Malta, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:

1.

Jissaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir ta’ nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, bil-għan li ttemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. Tneħħi l-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija. Tindirizza r-riskji li għad hemm ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa, tintroduċi taxxa f’ras il-għajn fuq pagamenti li jkunu ħerġin jew miżuri difensivi ekwivalenti, u temenda r-regoli dwar il-kumpaniji mhux domiċiljati.

2.

Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+, FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Isir użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività.

3.

Tippromwovi l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi żżid l-investiment pubbliku fir-R&Ż u tistimola l-investiment privat fir-R&Ż, pereżempju permezz ta’ inċentivi tat-taxxa marbuta mar-R&Ż.

4.

Taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli billi tippromwovi proġetti fuq skala kbira u investimenti fuq skala żgħira fil-produzzjoni u l-konsum diretti tal-enerġija. Tnaqqas id-domanda tal-enerġija permezz ta’ effiċjenza fl-enerġija mtejba fil-bini. Tnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq u tindirizza l-konġestjoni tat-traffiku billi tippromwovi trasport pubbliku effiċjenti u ta’ kwalità, iżżid l-investimenti fl-infrastruttura tal-mobbiltà attiva u tiskoraġġixxi l-użu tal-karozzi. Tneħħi gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili.

5.

Issaħħaħ il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex tindirizza l-eżiti edukattivi baxxi kif ukoll in-nuqqas kbir ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet, anke fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u t-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari billi trawwem il-ħiliet bażiċi tal-istudenti, it-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema kif ukoll il-promozzjoni tar-reġistrazzjoni f’edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u t-taħriġ għall-adulti għal dawk b’ħiliet baxxi. Issaħħaħ l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta (ST 11941/2021 INIT; ST 11941/2021 ADD 1).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta (ST 11202/2023 INIT, ST 11202/2023 ADD 1).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta’ Malta (ĠU C, C/2025/649, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/649/oj).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv f’Malta, ST 5036/25.

(10)  Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(11)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.

(12)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(13)  Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista’ tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.

(14)  Mill-2026 dawn iċ-ċifri ser jidhru fil-kont ta’ kontroll stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(15)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti straordinarji mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(16)   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu - COM(2025) 123 final.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3992/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)