Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 68(l) – Kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Suċċessjoni li tinkludi proprjetà immobiljari li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ taċ-ċertifikat – Ċertifikat mitlub għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tad-dritt għall-proprjetà relatat ma’ din il-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-ewwel Stat Membru – Obbligu tal-awtorità emittenti li tidentifika l-imsemmija proprjetà fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet fuq il-bażi biss li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jinkludix l-informazzjoni dwar il-proprjetà kkonċernata meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni – Sistema ta’ ‘suċċessjoni universali’ prevista mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru tal-artijiet li tipprevedi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat, għall-finijiet ta’ din ir-reġistrazzjoni, dokument intiż li jissupplimenta ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni meta dan ma jidentifikax il-proprjetà kkonċernata – Effett possibbli tal-applikazzjoni ta’ din is-sistema u tal-eżistenza ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-obbligu tal-awtorità emittenti li tidentifika l-proprjetà kkonċernata f’dan iċ-ċertifikat”
Fil-Kawża C‑873/24 [Marwanak] (i), ,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura
GK,
NU,
TZ,
MV,
UK,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen (Relatur), M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal GK, NU, TZ, MV u UK, minn S. Heidenhain, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann kif ukoll J. Simon, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn A. Pagáčová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn P. Pérez Zapico, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Ernst u S. Noë, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Frar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3, u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija fil-Ġermanja minn GK, NU, TZ, MV u UK għall-finijiet tal-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li jinkludi l-indikazzjoni espressa għal proprjetà immobiljari li tinsab fir-Repubblika Ċeka, sabiex dritt relatat ma’ din il-proprjetà jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet miżmum f’dan l-aħħar Stat Membru.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 650/2012
3 Il-premessi 7 sa 9, 18, 19, 67, 68, 71 u 80 tar-Regolament Nru 650/2012 huma fformulati kif ġej:
“(7) Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b'diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. [...] Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.
(8) Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-infurzabbiltà u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u tranżazzjonijiet ġudizzjarji u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
(9) Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.
[...]
(18) Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni f’reġistru ta’ dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitaelex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew in-nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. B’mod partikolari, l-awtoritajiet jistgħu jikkontrollaw li d-dritt tad-deċedut għall-proprjetà tas-suċċessjoni msemmija fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni huwa dritt li huwa rreġistrat bħala tali fir-reġistru jew li huwa muri mod ieħor skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru.Sabiex ma jiġux irduppjati dokumenti, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw tali dokumenti mfasslin fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija pprovduta f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrar ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni f’reġistru ta’ Stat Membru. Dan ma għandux jipprekludi l-awtoritajiet involuti fir-reġistrazzjoni milli jitolbu lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni biex tipprovdi tali informazzjoni addizzjonali jew tippreżenta tali dokumenti addizzjonali kif meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, bħala eżempju, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħlas ta’ dħul. L-awtorità kompetenti tista’ tindika lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni kif tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.
(19) L-effetti tar-reġistrar ta’ dritt f’reġistru għandhom wkoll jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru li tiddetermina jekk fil-fatt ir-reġistrar huwiex, bħala eżempju, dikjaratorju jew kostituttiv. B’hekk, fejn bħala eżempju, l-akkwist ta’ dritt fi proprjetà immobbli jeħtieġ li jiġi rreġistrat f’reġistru skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru sabiex jiġi żgurat l-effett erga omnes tar-reġistri jew biex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet legali, il-mument ta’ tali akkwist għandu jiġi rregolat mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
[...]
(67) Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni [Ewropea] tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. Biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat uniformi, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni [...] li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor. Sabiex jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post ta’ dokumenti interni li jistgħu jeżistu għal finijiet simili fl-Istati Membri.
(68) L-awtorità li toħroġ iċ-Ċertifikat għandha tqis il-formalitajiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli fl-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru. Għal dak il-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi skambju ta’ informazzjoni dwar tali formalitajiet bejn l-Istati Membri.
[...]
(71) Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha. Ma għandux ikun titolu ta’ infurzar fih innifsu iżda għandu jkollu effett evidenzjarju u għandu jkun preżunt li juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħal ma hija l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis. L-effett evidenzjarju taċ-Ċertifikat ma għandux jestendi għal elementi li mhumiex irregolati minn dan ir-Regolament, bħal pereżempju kwistjonijiet tal-affiljazzjoni jew il-kwistjoni dwar jekk assi partikolari kienx tad-deċedut jew le. [...] Jekk tali akkwist ta’ proprjetà minn persuna terza hux effettiv jew le, ma għandux jiġi determinat minn dan ir-Regolament.
[...]
(80) [...] [L]-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni, l-organizzazzjoni minn qabel miċ-ċittadini tas-suċċessjoni tagħhom f’kuntest tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, u ta’ persuni qrib id-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri [...]”
4 Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.
2. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:
[...]
k) in-natura tad-drittijiet in rem; u
l) kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru.”
5 L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
‘suċċessjoni’ tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato;
[...]
‘testment konġunt’ tfisser testment imfassal fi strument wieħed minn żewġ persuni jew aktar;
[...]”
6 Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Il-Liġi Applikabbli”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 38 ta’ dan ir-regolament.
7 L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regola ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.”
8 L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.”
9 L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.
2. Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari:
(a) il-kawżi, il-mument u l-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni;
(b) id-determinazzjoni tal-benefiċjarji, tas-sehem rispettiv tagħhom u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mid-deċedut, u d-determinazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ suċċessjoni, inklużi d-drittijiet ta’ suċċessjoni ta’ mart/żewġ jew tas-sieħba/sieħeb superstiti;
[...]
(e) it-trasferiment lill-eredi u, skont il-każ, lil-legatarji tal-assi, id-drittijiet u l-obbligi li jagħmlu parti mill-patrimonju, inklużi l-kondizzjonijiet u l-effetti tal-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni jew tal-legat;
[...]”
10 Il-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, jinkludi l-Artikoli 62 sa 73 ta’ dan ir-regolament.
11 Skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, intitolat “Fini taċ-ċertifikat”:
“1. Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is-setgħat tagħhom bħala eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju.
2. Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:
(a) l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;
(b) l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;
[...]”
12 L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Applikazzjoni għal Ċertifikat”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. Iċ-Ċertifikat għandu jinħareġ fuq applikazzjoni minn kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 63(1) (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-applikant’).
[...]
3. L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata hawn isfel, safejn l-applikant ikun jaf b’din l-informazzjoni u safejn hija tkun meħtieġa sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tiċċertifika l-elementi li l-applikant irid li jiġu ċertifikati, u għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti kollha jew fl-oriġinali jew kopji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66(2):
[...]
(f) il-fini intenzjonata taċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 63;
[...]
(h) l-elementi li fuqhom l-applikant jibbaża, kif meħtieġ, id-dritt pretiż tiegħu għall-proprjetà tas-suċċessjoni bħala benefiċjarju u/jew id-dritt tiegħu li jeżegwixxi t-testment tad-deċedut u/jew id-dritt li jamministra l-patrimonju tad-deċedut;
[...]”
13 L-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami tal-applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 5 tiegħu:
“1. Meta tirċievi l-applikazzjoni l-awtorità emittenti għandha tivverifika l-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti u evidenza oħra pprovduti mill-applikant. Hija għandha twettaq l-inkjesti meħtieġa għal dik il-verifika minn jeddha fejn dan ikun previst jew awtorizzat mil-liġi tagħha proprja jew għandha tistieden lill-applikant jipprovdi kwalunkwe evidenza oħra li hija tqis meħtieġa.
2. Meta l-applikant ma jkunx jista’ jipproduċi kopji tad-dokumenti rilevanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li taċċetta forom oħra ta’ evidenza.
[...]
5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha, fuq talba, tipprovdi lill-awtorità emittenti ta’ Stat Membru ieħor l-informazzjoni miżmuma, b’mod partikolari, fir-reġistri tal-artijiet, fir-reġistri tal-istat ċivili u f’reġistri fejn jiġu rreġistrati d-dokumenti u l-fatti li jkunu ta’ rilevanza għas-suċċessjoni jew għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jew reġim ekwivalenti tal-proprjetà tad-deċedut, fejn dik l-awtorità kompetenti tiġi awtorizzata, skont il-liġi nazzjonali, biex tipprovdi lil awtorità nazzjonali oħra b’tali informazzjoni.”
14 L-Artikolu 67 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħruġ taċ-Ċertifikat”, jipprovdi fil-paragrafu 1:
“L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Hija għandha tuża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).
L-awtorità emittenti ma għandhiex toħroġ iċ-Ċertifikat b’mod partikolari jekk:
(a) l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu qed jiġu kkontestati; jew
(b) iċ-Ċertifikat ma jkunx konformi ma deċiżjoni li tkopri l-istess elementi.”
15 Skont l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Kontenut taċ-Ċertifikat”:
“Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:
[...]
(l) is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari;
[...]”
16 L-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Effetti taċ-Ċertifikat”, jipprovdi:
“1. Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.
2. Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, l-eżekutur tat-testment jew l-amministratur tal-patrimonju għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.
3. Kwalunkwe persuna li, waqt li taġixxi abbażi tal-informazzjoni ċċertifikata f’Ċertifikat, tagħmel ħlas jew tgħaddi proprjetà lil persuna msemmija fiċ-Ċertifikat kif awtorizzata biex taċċetta ħlas jew proprjetà għandha tiġi meqjusa li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna li għandha l-awtorità li taċċetta ħlas jew proprjetà, dment li ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.
4. Fejn persuna msemmija fiċ-Ċertifikat hija awtorizzata tiddisponi minn proprjetà fis-suċċessjoni tiddisponi minn tali proprjetà favur persuna oħra, dik il-persuna l-oħra għandha, jekk taġixxi fuq il-bażi tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat, titqies li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna bl-awtorità li tiddisponi mill-proprjetà kkonċernata, dment li din ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.
5. Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2).”
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1329/2014
17 L-Artikolu 1(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14), jipprovdi:
“Il-formola li trid tintuża għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni msemmi fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 5 bħala l-Formola V.”
18 Il-formola V li tinsab fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 hija intitolata “Ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni”.
19 Din il-formola V tindika l-annessi li jistgħu, skont il-każijiet, jiġu inklużi fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Fost dawn l-annessi hemm l-Anness IV, intitolat “Status u drittijiet tal-werriet(a)”.
20 Il-punt 9 ta’ dan l-Anness IV jinkludi l-indikazzjoni “Ass(i) attribwit(i) lill-werriet u li ntalbet ċertifikazzjoni għalih(om) (jekk jogħġbok speċifika l-ass(i) u indika d-dettalji ta’ identifikazzjoni rilevanti kollha)”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 li tirreferi għal dan il-punt 9 tipprovdi:
“F’każ ta’ ass irreġistrat, jekk jogħġbok indika l-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi tal-Istat Membru fejn jinżamm ir-reġistru sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tal-ass (eż. għal proprjetà immobbli, l-indirizz eżatt tal-proprjetà, ir-reġistru tal-art, il-ħabel art jew in-numru katastali, id-deskrizzjoni tal-proprjetà (jekk ikun meħtieġ ehmeż id-dokumenti rilevanti).”
Id‑dritt Ġermaniż
21 L-Artikolu 1922 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Suċċessjoni universali”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Mal-mewt ta’ persuna (ftuħ tas-suċċessjoni), il-patrimonju tagħha (suċċessjoni) jiġi ttrasferit kollu kemm hu lil persuna waħda jew iktar (il-werrieta).”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 Fl‑1 ta’ Marzu 2013, it-testatur ikkonċernat u martu għamlu testment konġunt li permezz tiegħu kull wieħed indika lill-ieħor bħala l-uniku werriet tat-testatur deċedut l-ewwel u ddikjaraw lil binthom bħala l-unika werrieta tal-aħħar superstiti fosthom.
23 Dan it-testatur, li l-aħħar residenza abitwali tiegħu kienet tinsab fil-Ġermanja, miet fil‑5 ta’ Ottubru 2015, filwaqt li bintu u martu mietu fil‑5 ta’ Jannar 2019 u fil‑21 ta’ Frar 2022 rispettivament. Is-suċċessjoni tal-imsemmi testatur (iktar ’il quddiem id-“deċedut”) kienet tinkludi, b’mod partikolari, proprjetà immobiljari li tinsab fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.
24 Fis‑27 ta’ April 2023, il-ħames rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jaġixxu fil-kwalità tagħhom ta’ ulied tat-tifla deċeduta tad-deċedut, adixxew lill-Amtsgericht Fürth (il-Qorti Distrettwali ta’ Fürth, il-Ġermanja) b’talba għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għall-finijiet, b’mod partikolari, tar-riżoluzzjoni tas-suċċessjoni fir-rigward ta’ din il-proprjetà immobiljari. Huma talbu, għal dan l-għan, li dan iċ-ċertifikat jindika lill-konjuġi tad-deċedut bħala l-unika werrieta tiegħu u li huma stess jiġu rrikonoxxuti bħala l-werrieta ta’ din il-konjuġi, kull wieħed minnhom b’sehem ta’ wieħed minn ħamsa tas-suċċessjoni. Barra minn hekk, huma talbu li l-imsemmija proprjetà immobiljari tiġi espressament identifikata fl-imsemmi ċertifikat, minħabba li tali identifikazzjoni kienet neċessarja, skont il-leġiżlazzjoni Ċeka applikabbli, sabiex is-suċċessjoni tkun tista’ tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-artijiet Ċek abbażi biss ta’ tali ċertifikat.
25 Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2023, l-Amtsgericht Fürth (il-Qorti Distrettwali ta’ Fürth) ċaħdet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża sabiex tinkiseb l-identifikazzjoni espressa tal-proprjetà immobiljari li tinsab fir-Repubblika Ċeka fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
26 Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2023, din iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata mill-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nuremberg, il-Ġermanja). Din il-qorti qieset li indikazzjoni purament informattiva ta’ beni individwalizzati fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li la tikkontribwixxi għall-effett ta’ preżunzjoni u lanqas għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont ir-Regolament Nru 650/2012, tmur kontra l-għan tiegħu li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ strument uniformi, li jista’ jintuża faċilment fl-Istati Membri kollha. Hija żiedet li ma kienx previst li l-awtorità emittenti ta’ tali ċertifikat tkun obbligata tivverifika jekk id-deċedut kienx proprjetarju ta’ beni partikolari meta miet. Skont l-imsemmija qorti, is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet tista’ tiġi kompromessa jekk sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ werriet jiġu riprodotti f’dan iċ-ċertifikat u b’hekk jingħataw dehra ta’ awtentiċità uffiċjali.
27 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li jidentifika b’mod konkret il-proprjetà immobiljari li tinsab fir-Repubblika Ċeka.
28 Filwaqt li tesprimi dubji f’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li fil-Ġermanja teżisti diverġenza ta’ interpretazzjonijiet dwar in-neċessità li jiġu indikati beni tas-suċċessjoni speċifiċi f’tali ċertifikat. Skont l-ewwel argument, sostnut minn parti mill-ġurisprudenza u mid-duttrina legali, indikazzjoni bħal din tiġi eskluża fejn is-suċċessjoni tkun irregolata mid-dritt Ġermaniż, sa fejn dan id-dritt huwa bbażat fuq il-prinċipju tas-suċċessjoni universali, kif stabbilit fl-Artikolu 1922 tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Skont dawk li jsostnu dan l-argument, il-lista ta’ beni prevista fl-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 hija utli biss fil-kuntest ta’ suċċessjonijiet irregolati minn dritt barrani li jinvolvu diversi werrieta, li wieħed minnhom ikollu l-intenzjoni li jistabbilixxi d-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ beni li ġew attribwiti lilu individwalment. Madankollu, wara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras (C‑354/21, EU:C:2023:184), parti importanti mid-duttrina legali ssostni l-argument kuntrarju, fejn jiġi invokat li l-għan taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li jikkonsisti fis-semplifikazzjoni tar-regolament tas-suċċessjoni fl-Istati Membri, jimmilita favur in-neċessità li jiġu rreġistrati beni individwali f’tali ċertifikat.
29 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 jeżiġix li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jsemmi dettalji ta’ identifikazzjoni rilevanti ta’ proprjetà immobiljari li tinsab fi Stat Membru differenti għajr dak tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, meta l-werrieta kkonċernati jitolbu l-inklużjoni ta’ dawn l-elementi sabiex jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor bħala proprjetarji ta’ din il-proprjetà u meta l-imsemmija elementi jkunu meħtieġa, għall-finijiet ta’ tali reġistrazzjoni, mil-liġi ta’ dan l-aħħar Stat Membru (lex rei sitae). Hija tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, jekk tali obbligu jeżistix meta, skont din il-liġi, tali reġistrazzjoni tista’ ssir biss abbażi ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni sa fejn dan jinkludi l-identifikazzjoni tal-proprjetà kkonċernata. Hija tqis li, fl-affermattiv, l-għanijiet ta’ dan ir-regolament ma humiex issodisfatti sa fejn, minn naħa, id-drittijiet tal-werrieta jistgħu ma jiġux iggarantiti b’mod effettiv u, min-naħa l-oħra, il-ħruġ ta’ tali ċertifikat jista’ jagħti lok għal dewmien u għal spejjeż addizzjonali meta l-awtorità emittenti tiegħu jkollha dubji dwar l-appartenenza ta’ proprjetà immobiljari għas-suċċessjoni inkwistjoni u meta l-kisba ta’ pariri legali, il-ġbir ta’ provi kif ukoll it-traduzzjoni ta’ dokumenti jistgħu jkunu neċessarji.
30 Fit-tieni lok, din il-qorti tixtieq tiddetermina jekk il-fatt li, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni inkwistjoni (lex successionis), il-patrimonju tad-deċedut jiġi ttrasferit lill-werriet ikkonċernat taħt is-sistema ta’ “suċċessjoni universali”, għandux effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-obbligu li tissemma, fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, l-informazzjoni dwar proprjetà immobiljari, meħtieġa mil-lex rei sitae, jikkostitwixxix formaliżmu inutli f’tali każ, fejn, skont tali sistema, il-beni tad-deċedut jiġu rċevuti fl-intier tagħhom mill-werriet mal-mewt.
31 Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-portata, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda tagħha, tal-fatt li, skont il-lex rei sitae, ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobiljari fir-reġistru tal-artijiet tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà tista’ ssir meta Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa minn din il-liġi, iżda jkun akkumpanjat minn dokument li jinkludi dikjarazzjoni tal-werriet ikkonċernat, jew possibbilment tal-werrieta tiegħu stess, dwar din il-proprjetà. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, id-dritt Ċek applikabbli, b’mod partikolari l-Artikoli 66 u 69 tal-vyhláška č. 357/2013 Sb., o katastru nemovitostí (katastrální vyhláška) (Digriet Nru 357/2013, dwar ir-reġistru tal-artijiet (Digriet dwar ir-Reġistru tal-Artijiet)), jippermetti lill-werriet jissottometti dikjarazzjoni sabiex jikseb mingħand l-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet reġistrazzjoni ta’ beni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru tal-artijiet meta ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jindikax l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta’ din ir-reġistrazzjoni, peress li l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih ikun inħareġ dan iċ-ċertifikat ma jippermettix li tiġi inkluża tali indikazzjoni.
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Artikolu 68(1) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li, iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa mid-dritt intern tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-eredi bħala proprjetarju fir-reġistru tal-artijiet fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tifforma parti minn wirt u li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat tal-awtorità emittenti, meta l-eredi jkun talab l-inklużjoni ta’ din l-informazzjoni [f’dan iċ-ċertifikat] għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala proprjetarju fir-reġistru tal-artijiet tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà, u meta abbażi tad-dritt intern ta’ dak l-Istat, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet f’każijiet fejn iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni jkun l-uniku dokument ippreżentat insostenn tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista’ ssir biss jekk [l-istess ċertifikat] jkun jinkludi din l-informazzjoni?
2. Huwa rilevanti għall-finijiet tar-risposta tal-ewwel domanda, jekk taħt il-liġi tas-suċċessjoni applikabbli, it-trasferiment tas-suċċessjoni jsirx b’titolu universali?
3. Huwa rilevanti għall-finijiet tar-risposta tal-ewwel domanda, jekk ir-reġistrazzjoni msemmija fl-ewwel domanda fir-reġistru tal-artijiet tal-post fejn tinsab il-proprjetà tistax issir, taħt id-dritt intern ta’ dak l-Istat, minflok bil-produzzjoni taċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni bl-informazzjoni indikata fl-ewwel domanda, anki permezz tal-produzzjoni mill-eredi jew, fil-każ tal-mewt tiegħu, mill-eredi tal-eredi, lir-reġistru tal-artijiet tal-post fejn tinsab il-proprjetà, minbarra ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni li ma jinkludix l-informazzjoni indikata fl-ewwel domanda, ta’ dokument ieħor li jinkludi dikjarazzjoni tal-eredi jew, fil-każ tal-mewt tiegħu, tal-eredi tal-eredi?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
33 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni hija obbligata tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni kkonċernata u li tinsab fi Stat Membru differenti għajr dak tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, meta l-applikanti jitolbu l-ħruġ ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tad-dritt għall-proprjetà relatat ma’ din il-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u meta l-leġiżlazzjoni tiegħu teżiġi li din l-informazzjoni tiġi indikata fl-imsemmi ċertifikat sabiex tali reġistrazzjoni tkun tista’ ssir abbażi ta’ dan id-dokument biss.
34 Għandu jitfakkar li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012, li jinsab fil-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, jiddetermina, kif jindika t-titolu tiegħu, il-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li jgawdi minn sistema legali awtonoma, stabbilita mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu VI (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet), C‑80/19, EU:C:2020:569, punt 70, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, dan l-Artikolu 68 jipprovdi li, meta jintalab tali ċertifikat, dan għandu jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-imsemmi Artikolu 68 “sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ”. Fost din l-informazzjoni hemm, skont il-punt (l) tal-istess artikolu, “is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari”.
35 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk mill-formulazzjoni tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012, u b’mod partikolari mill-użu tat-termini “jekk applikabbli” u “werriet speċifiku”, jirriżultax li din id-dispożizzjoni teħtieġ l-identifikazzjoni, f’Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, tal-proprjetà tas-suċċessjoni kkonċernata biss fil-każ li din il-proprjetà tiġi attribwita lil wieħed mill-werrieta fil-preżenza ta’ diversi kowerrieta.
36 Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 39).
37 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012, minn din il-formulazzjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li l-fatt li l-informazzjoni inkwistjoni hija “meħtieġ[a] għall-fini” imfittxija mill-applikant għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkostitwixxi fattur determinanti sabiex jiġu stabbiliti l-elementi li għandu jinkludi tali ċertifikat.
38 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li, speċjalment fil-każ fejn tali ċertifikat ikun intiż li jiġi ppreżentat bħala d-dokument li abbażi tiegħu tintalab ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobiljari tas-suċċessjoni, l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi minimu ta’ informazzjoni li għandha tkun inkluża f’dan iċ-ċertifikat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kontenut ta’ dan tal-aħħar jista’ jvarja minn każ għall-ieħor skont l-għanijiet li għalihom jinħareġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punt 45).
39 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandux jinkludi l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni immobbli li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, fil-każ fejn, minn naħa, l-applikant jitlob din l-indikazzjoni sabiex jikseb reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-ewwel Stat Membru u fejn, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni tiegħu tissuġġetta din ir-reġistrazzjoni, meta tintalab abbażi biss ta’ tali ċertifikat, għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar jiddeżinja l-proprjetà kkonċernata, b’mod li l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tkun neċessarja għall-finijiet tar-reġistrazzjoni mfittxija.
40 Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, li minnhom jirriżulta li l-indikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li taqa’ taħt is-suċċessjoni kkonċernata u li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tirriżulta neċessarja fid-dawl tal-għan li għalih jinħareġ dan iċ-ċertifikat, il-formulazzjoni tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 tippermetti interpretazzjoni li tgħid li l-awtorità emittenti tiegħu hija obbligata tinkludi fih l-elementi ta’ identifikazzjoni ta’ din il-proprjetà immobiljari.
41 Barra minn hekk, it-termini “jekk applikabbli” u “werriet speċifiku”, li jintużaw fil-punt (l) ta’ dan l-Artikolu 68, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li l-identifikazzjoni, f’Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ta’ proprjetà tas-suċċessjoni partikolari hija meħtieġa biss fil-każ ta’ attribuzzjoni ta’ din il-proprjetà lil wieħed mill-werrieta fost diversi kowerrieta, peress li tali identifikazzjoni tista’ tkun neċessarja wkoll f’sitwazzjonijiet oħra għall-għan imfittex mill-applikant għal dan iċ-ċertifikat. Dawn it-termini għandhom jinftiehmu bħala li jfissru li l-lista ta’ drittijiet u/jew beni li jagħmlu parti mis-suċċessjoni għandha tidher fl-imsemmi ċertifikat mhux sistematikament, iżda biss meta din il-lista tirriżulta neċessarja għall-għan li għalih jinħareġ.
42 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu rabta diretta bejn l-iskop tal-applikazzjoni għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u l-kontenut ta’ dan iċ-ċertifikat.
43 Għalhekk, l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 650/2012, dwar l-iskop taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan l-istrument huwa intiż li jintuża, b’mod partikolari, mill-werrieta li jixtiequ jinvokaw il-kwalità tagħhom jew jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fi Stat Membru ieħor. Il-paragrafu 2(a) u (b) ta’ dan l-Artikolu 63 jippreċiża li dan iċ-ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, sabiex tiġi pprovata l-kwalità ta’ werriet u/jew id-drittijiet kif ukoll is-sehem dovut lil kull wieħed mill-werrieta msemmija fih, kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ beni jew ta’ diversi beni partikolari li jagħmlu parti mis-suċċessjoni lill-werriet/a (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punt 43).
44 F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 65(3) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-iskop li għalih iċ-ċertifikat huwa intiż konformement mal-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, sakemm din l-informazzjoni tkun neċessarja sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tiċċertifika l-elementi ppreżentati mill-applikant għal dan l-għan. Barra minn hekk, din l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-oriġinal tad-dokumenti rilevanti, jew minn kopji tagħhom debitament awtentikati.
45 Sussegwentement, l-effett tal-iskop li għalih jintalab Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni fuq il-kontenut ta’ dan tal-aħħar huwa rifless ukoll fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 71 tiegħu, li telenka l-effetti legali prodotti minn dan iċ-ċertifikat fl-Istati Membri kollha. Minn dan l-Artikolu 69 jirriżulta li l-persuna indikata f’tali ċertifikat bħala l-werriet titqies li għandha l-kwalità msemmija f’dan iċ-ċertifikat u/jew id-drittijiet jew is-setgħat stabbiliti fl-imsemmi ċertifikat, li huwa preżunt li jattesta fedelment l-eżistenza ta’ elementi li ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Għalhekk, meta Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jinħareġ lil werriet fl-Istat Membru ta’ residenza abitwali tad-deċedut, dan il-werriet jista’ jużah fl-Istati Membri l-oħra fejn jinsabu l-proprjetajiet tad-deċedut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punt 44 u tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 52).
46 Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 dwar iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u r-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lil Stat Membru milli jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobiljari, konformement mal-premessa 18 ta’ dan ir-regolament li tirreferi għal lex rei sitae. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2)(l), l-Artikolu 68(l) u l-Artikolu 69(5) tal-imsemmi regolament ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobiljari fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi miċħuda meta l-uniku dokument ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni jkun Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jidentifikax din il-proprjetà immobiljari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punti 47 sa 53).
47 Barra minn hekk, is-sitwazzjoni li fiha l-identifikazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni hija neċessarja sabiex tippermetti lil werriet jistabbilixxi l-attribuzzjoni ta’ din il-proprjetà, b’mod partikolari meta din l-identifikazzjoni hija meħtieġa mil-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru kkonċernat, hija wkoll prevista fil-punt 9 tal-Anness IV tal-Formola V li tinsab fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, li l-użu tiegħu huwa obbligatorju għall-awtorità emittenti għall-finijiet tal-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. l’utilisation est obligatoire pour l’autorité émettrice aux fins de la délivrance d’un certificat successoral européen (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif previst fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dan l-Anness IV.
48 Mid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 650/2012 imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-prova tal-attribuzzjoni ta’ beni tas-suċċessjoni speċifiċi lill-werriet/a kkonċernati tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet li għalihom jista’ jinħareġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Minn dan jirriżulta wkoll li l-kontenut tiegħu jiddependi, b’mod partikolari, min-natura neċessarja tal-indikazzjoni mitluba mill-applikant fir-rigward tal-għan li għalih jinħareġ dan iċ-ċertifikat. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-indikazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni immobbli li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat, meta din l-indikazzjoni tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, bħal fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
49 Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 650/2012 jikkonsistu b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessi 7, 8 u 80 tiegħu, fl-għajnuna lill-werrieta sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom, li għandhom jiġu ggarantiti b’mod effettiv, fil-kuntest ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 35; tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 50, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2025, Ławida, C‑57/24, EU:C:2025:217, punt 37).
50 B’mod iktar speċifiku, il-premessa 67 ta’ dan ir-regolament tindika li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni nħoloq sabiex jippermetti lill-werrieta, b’mod partikolari, jattestaw faċilment l-istatus u/jew id-drittijiet u s-setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, pereżempju dak fejn jinsabu beni tas-suċċessjoni, bl-għan li jirregolaw malajr, faċilment u effiċjentement tali suċċessjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 36; tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punt 42, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 51).
51 Minn dan isegwi li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa maħsub sabiex jippermetti lill-werrieta jinvokaw id-drittijiet tagħhom fi Stat Membru wieħed jew iktar għajr dak li fih ġie maħruġ u, għalhekk, sabiex jiġi evitat il-bżonn li japplikaw quddiem diversi awtoritajiet f’dawn l-Istati Membri. Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 fis-sens li l-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jiddependi mill-iskop li għalih jinħareġ dan iċ-ċertifikat tippermetti li jiġi ssalvagwardjat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-interessi tal-werrieta kkonċernati, u billi jiġi ggarantit it-twettiq tal-għanijiet hekk imfittxija minn dan ir-regolament, b’mod ġenerali, u miċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, b’mod partikolari.
52 F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-natura inkompleta ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tista’ tostakola l-użu tiegħu għall-iskop li għalih intalab, jiġifieri f’dan il-każ, l-attestazzjoni tal-akkwist tad-dritt għall-proprjetà dwar il-beni kkonċernat. Għalhekk, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-awtorità emittenti hija obbligata tinkludi l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari f’tali ċertifikat meta dan jintalab bil-għan ta’ reġistrazzjoni f’reġistru tal-artijiet li, skont il-liġi tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà u fejn jinżamm dan ir-reġistru, ma tistax, mingħajr l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, titwettaq abbażi biss ta’ dan iċ-ċertifikat. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata din l-implimentazzjoni u sabiex jiġi ssalvagwardat l-effett utli tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 650/2012, tali obbligu tal-awtorità emittenti ma jistax jiġi limitat biss għall-każijiet imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jiġifieri fejn din il-proprjetà tiġi attribwita lil wieħed mill-werrieta meta jkun hemm diversi kowerrieta.
53 Għaldaqstant, huwa konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012, mal-kuntest li taqa’ fih din id-dispożizzjoni u mal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament li din tiġi interpretata fis-sens li teżiġi lil awtorità emittenti ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata proprjetà immobiljari ttrasferita lil werriet jew lill-werrieta fil-każ fejn din l-informazzjoni tkun neċessarja għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni, fuq din il-bażi biss, fir-reġistru tal-artijiet tal-Istat Membru li tkun tinsab fih din il-proprjetà.
54 Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 ma tistax tiġi invalidata mid-dubji ta’ natura prattika espressi mill-qorti tar-rinviju, li jgħidu li l-imsemmija interpretazzjoni twassal lill-awtorità emittenti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, jekk ikun il-każ, tieħu passi sabiex tiddetermina jekk il-proprjetà immobiljari kkonċernata taqax effettivament taħt is-suċċessjoni fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà. Skont dik il-qorti, tali passi jistgħu jagħtu lok għal spejjeż u termini addizzjonali li jirriskjaw li jikkompromettu l-għanijiet ta’ sempliċità kif ukoll ta’ ħeffa mfittxija minn dan ir-regolament u dawn l-ostakoli ma jkunux megħluba mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
55 Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li tali verifika tista’ twassal għal spejjeż u termini addizzjonali, l-assenza ta’ identifikazzjoni, mill-awtorità emittenti ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ta’ proprjetà immobiljari bħala li taqa’ taħt is-suċċessjoni jkollha l-inkonvenjent kbir li jiġi kompromess l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-werriet ikkonċernat. Madankollu, konformement mal-premessa 7 tar-Regolament Nru 650/2012, hemm lok li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jaffaċċjaw diffikultajiet sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali, u li jiġu ggarantiti b’mod effettiv, fost l-oħrajn, id-drittijiet tal-werrieta. Min-naħa l-oħra, il-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa mid-dritt tal-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà kkonċernata u r-reġistru tal-artijiet jitqies li jċaħħad lill-werriet ikkonċernat mill-possibbiltà li jagħmel użu utli minn dan iċ-ċertifikat.
56 Barra minn hekk, mill-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa preċiżament mekkaniżmi ta’ investigazzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jivverifika l-elementi pprovduti mill-persuna li titlob Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Brisch, C‑102/18, EU:C:2019:34, punt 35). B’mod partikolari, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 66 jippermetti lill-awtorità emittenti taċ-ċertifikat, meta d-dritt nazzjonali tagħha jawtorizzaha tagħmel dan, twettaq l-investigazzjonijiet li hija tqis neċessarji jew teżiġi l-produzzjoni ta’ provi addizzjonali. Il-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 66 jipprevedi li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tikkomunika lill-awtorità emittenti, fuq talba tagħha, l-informazzjoni li tinsab f’reġistri fejn jiġu rreġistrati d-dokumenti u l-fatti rilevanti għas-suċċessjoni. Il-premessa 68 ta’ dan ir-regolament tindika wkoll li dan jorganizza skambju ta’ informazzjoni dwar il-formalitajiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobiljari fl-Istat Membru fejn jinżamm ir-reġistru. Minn dan isegwi li d-diffikultajiet prattiċi bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju ttieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li l-imsemmi regolament jipprevedi mekkaniżmi intiżi sabiex jingħelbu.
57 Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-formulazzjoni tal-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 tidher li teskludi li s-saħħa probatorja marbuta maċ-Ċertifikat Ewropew tas-Succesjoni tiġi estiża għall-kwistjoni dwar jekk proprjetà speċifika kienet tappartjeni lid-deċedut. Hija tqis li mill-Artikolu 66(1), mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) u mill-Artikolu 69(2) sa (4) ta’ dan ir-regolament jidher li jirriżulta li, fil-każ li beni jkollu jiġi identifikat f’tali ċertifikat, l-awtorità emittenti tkun obbligata tivverifika li dan il-beni kien effettivament jaqa’ taħt il-patrimonju tad-deċedut.
58 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 tindika li s-saħħa probatorja marbuta maċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma għandhiex testendi għall-kwistjoni dwar jekk proprjetà speċifika kinitx tappartjeni lid-deċedut, peress li tali kwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu. Mill-premessa 18 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jżomm ir-reġistru jistgħu jivverifikaw li d-dritt tad-deċedut għall-proprjetà tas-suċċessjoni msemmija fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni huwa dritt li huwa rreġistrat bħala tali fir-reġistru jew li ġie attesta b’mod ieħor skont id-dritt tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru. Għaldaqstant, il-fatt li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma għandux saħħa probatorja fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk proprjetà speċifika kinitx tappartjeni lid-deċedut ma jaffettwax l-obbligu impost fuq l-awtorità emittenti li tidentifika beni f’dan iċ-ċertifikat, meta tali identifikazzjoni tkun neċessarja għall-iskop li għalih dan jinħareġ.
59 L-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 71 tiegħu, jipprovdi li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa preżunt li jattesta b’mod preċiż biss elementi li ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, indikat mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħall-validità sostantiva tad-dispożizzjonijiet causa mortis. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 69 iżid li tali ċertifikat jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, bla ħsara għall-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2)(k) u (l) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punti 44 u 47).
60 Barra minn hekk, l-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 650/2012 jeżiġu li l-awtorità emittenti li teżamina applikazzjoni għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, minn naħa, tivverifika l-informazzjoni, id-dikjarazzjonijiet u l-provi pprovduti mill-applikant u, min-naħa l-oħra, toħroġ dan iċ-ċertifikat biss meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Għalhekk, is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija bbażata fuq il-premessa li tali ċertifikat jinħareġ meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew debitament stabbiliti skont il-liġi applikabbli għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑18 ta’ Diċembru 2025, BNP Paribas Fortis (Rinviju għal deċiżjoni preliminari minn prattikant notarili awtorizzat sostitut), C‑240/24, EU:C:2025:1019, punt 46).
61 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li, sabiex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, huwa imperattiv li dan l-istrument, li għandu s-saħħa probatorja stabbilita fl-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 650/2012 u li jipproduċi l-effetti stabbiliti fl-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, jinħareġ biss, konformement mal-Artikolu 67 tiegħu, fl-assenza ta’ kwalunkwe kontestazzjoni kontra elementi li għandhom jiġu ċċertifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 43, 44 u 63 sa 65). Dan ir-rekwiżit huwa iktar u iktar importanti peress li tali ċertifikat jipproduċi effetti fir-rigward tal-persuni kollha msemmija fih, b’mod partikolari l-werrieta kollha, anki jekk dawn il-persuni ma jkunux talbu huma stess il-ħruġ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2021, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank C‑301/20, EU:C:2021:528, punt 45).
62 Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 650/2012 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni l-obbligu li tiċċertifika elementi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, bħall-kwistjoni dwar jekk proprjetà speċifika kinitx effettivament tappartjeni lid-deċedut.
63 Minn dan isegwi li l-awtorità emittenti hija obbligata tindika, fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, l-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni kkonċernata meta l-iskop li għalih jinħareġ dan iċ-ċertifikat jeżiġi dan, anki jekk dan l-obbligu jista’ jimplika, jekk ikun il-każ, li jsiru l-verifiki meħtieġa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati. Barra minn hekk, din l-awtorità għandha tirrifjuta l-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat fil-preżenza ta’ kontestazzjonijiet li jirrigwardaw dawn l-elementi.
64 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni hija obbligata tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni kkonċernata u li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, meta l-applikanti jitolbu l-ħruġ ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tad-dritt għall-proprjetà relatat ma’ din il-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u meta l-leġiżlazzjoni tiegħu teżiġi li din l-informazzjoni tiġi indikata fl-imsemmi ċertifikat sabiex tali reġistrazzjoni tkun tista’ ssir abbażi ta’ dan id-dokument biss.
Fuq it-tieni domanda
65 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-trasferiment tal-patrimonju tad-deċedut ikkonċernat ikun suġġett, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni inkwistjoni, għas-sistema tas-“suċċessjoni universali”, li tipprovdi li l-patrimonju tad-deċedut jiġi ttrasferit lill-werrieta fl-intier tiegħu, jista’ jeżenta lill-awtorità emittenti ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni mill-obbligu li tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti minn din is-suċċessjoni u li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat meta l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fl-imsemmi ċertifikat tirriżulta neċessarja għall-iskop li għalih dan jinħareġ, bħar-reġistrazzjoni, fuq din il-bażi biss, tad-dritt għall-proprjetà relatat ma’ din il-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru.
66 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessi 18 u 19 tiegħu, jipprovdi li kull reġistrazzjoni f’reġistru ta’ drittijiet ta’ proprjetà immobiljari jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali applikabbli għal tali reġistrazzjoni kif ukoll l-effetti tar-reġistrazzjoni jew tan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li dawn il-kwistjonijiet huma rregolati mil-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru jew, fir-rigward tal-proprjetajiet immobbli, mil-lex rei sitae. Min-naħa l-oħra, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament il-kundizzjonijiet li fihom jinkisbu tali drittijiet. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 23(1) u (2) ta’ dan l-istess regolament, li minnu jirriżulta li l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, iddeterminata konformement mal-Artikolu 21 jew mal-Artikolu 22 tiegħu, tirregola s-suċċessjoni kkonċernata fl-intier tagħha, b’mod partikolari, “it-trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi lill-werrieta” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punti 53 sa 55).
67 Għaldaqstant, kif irrileva l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, hija l-liġi indikata mir-Regolament Nru 650/2012 bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni li tirregola l-metodu ta’ trasferiment tal-patrimonju tad-deċedut u hija din il-liġi li tiddetermina, f’dan il-każ, jekk dan it-trasferiment jitwettaqx b’mod universali jew le.
68 Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li teħid inkunsiderazzjoni, mill-awtorità emittenti ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, tas-sistema ta’ “suċċessjoni universali” prevista mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, sabiex jiġi evitat l-obbligu li tiġi inkluża f’tali ċertifikat l-informazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament Nru 650/2012, ma huwiex konformi mal-Artikolu 68 tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 37 u 48 ta’ din is-sentenza, il-kontenut ta’ dan iċ-ċertifikat għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-kriterju li l-informazzjoni elenkata f’dan l-Artikolu 68 tkun “meħtieġ[a] għall-fini li għalih jinħareġ [l-imsemmi ċertifikat]”, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tinkludi, għal dan l-għan, riferiment għad-dritt tal-Istati Membri.
69 Barra minn hekk, il-frażi “fejn applikabbli”, li tintuża fil-punt (l) tal-imsemmi Artikolu 68, ma tistax, mingħajr ma jiġi kompromess l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mill-ħolqien taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, tiġi interpretata fis-sens li timplika li l-kategoriji ta’ informazzjoni li għandhom jidhru f’tali ċertifikat jistgħu jvarjaw skont il-kontenut tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kkonċernata u, b’mod partikolari, skont is-sistema li skontha jitwettaq, konformement ma’ din il-liġi, it-trasferiment tal-patrimonju tad-deċedut.
70 Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ma tirrigwarda sistema ta’ suċċessjoni partikolari, bħas- “suċċessjoni universali” stabbilita mid-dritt nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, jew tipprevedi li tali sistema tista’ tinfluwenza l-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li huwa rregolat mill-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessi 7 u 9 tiegħu, jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jinkludi kull tip ta’ suċċessjoni causa mortis b’implikazzjonijiet transkonfinali kif ukoll l-aspetti kollha tad-dritt ċivili relatati, li għalihom l-imsemmi regolament huwa intiż li jistabbilixxi sistema uniformi, u b’mod partikolari kull metodu ta’ trasferiment tal-beni jew tad-drittijiet u tal-obbligi tad-deċedut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis), C‑277/20, EU:C:2021:708, punt 33). Peress li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom għalhekk portata ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tvarja skont is-sistema tas-suċċessjoni kkonċernata.
71 Fit-tielet lok, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, minn naħa, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa strument tad-dritt tal-Unjoni li jgawdi minn sistema legali awtonoma, stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, u li, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament jikkostitwixxi att tad-dritt tal-Unjoni li huwa direttament applikabbli. Għaldaqstant, ir-regoli tad-dritt tas-suċċessjoni ta’ Stat Membru, bħal dawk li jistabbilixxu sistema ta’ “suċċessjoni universali”, ma jistgħux jinfluwenzaw b’mod restrittiv l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li jirregolaw il-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
72 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li l-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jiddependix mill-partikolaritajiet tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali dwar is-suċċessjonijiet hija konformi mal-għanijiet ta’ semplifikazzjoni mfittxija mir-Regolament Nru 650/2012 u, b’mod partikolari, mal-għanijiet intiżi bil-ħolqien ta’ dan iċ-ċertifikat. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament u l-imsemmi ċertifikat huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jgħinu lill-werrieta jinvokaw effettivament id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali u, għal dan l-għan, sabiex jippermettulhom jistabbilixxu faċilment id-drittijiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari f’dak fejn tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni inkwistjoni.
73 Din il-kunsiderazzjoni għandha importanza partikolari fil-każ ta’ suċċessjonijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali li huma ta’ natura kumplessa, bħal suċċessjonijiet suċċessivi li jimplikaw, bħal f’dan il-każ, diversi ġenerazzjonijiet ta’ werrieta.
74 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-trasferiment tal-patrimonju tad-deċedut ikkonċernat ikun suġġett, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni inkwistjoni, għas-sistema tas-“suċċessjoni universali”, li tipprovdi li l-patrimonju tad-deċedut jiġi ttrasferit lill-werrieta fl-intier tiegħu, ma tistax teżenta lill-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni mill-obbligu li tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti minn din is-suċċessjoni u li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat meta l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fl-imsemmi ċertifikat tirriżulta neċessarja għall-iskop li għalih dan jinħareġ, bħar-reġistrazzjoni, fuq din il-bażi biss, tad-dritt għall-proprjetà relatat ma’ din il-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru.
Fuq it-tielet domanda
75 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni hija eżentata mill-obbligu li tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni, meta l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tintalab għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà, fil-każ fejn, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, din ir-reġistrazzjoni tista’ tinkiseb abbażi ta’ dokument addizzjonali, ippreżentat flimkien ma’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jinkludix tali indikazzjoni.
76 Din il-qorti tqis li, anki jekk jitqies li l-ewwel domanda tagħha għandha tingħata risposta fl-affermattiv, l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tista’ madankollu tiġi eżentata milli tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari meta d-dritt tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà jipprevedi mezz alternattiv, li jippermetti li tinkiseb reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat Membru permezz ta’ dokument li jissupplimenta ċ-ċertifikat tas-suċċessjoni li ma jinkorporax tali informazzjoni. Fil-fehma tagħha, la s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras (C‑354/21, EU:C:2023:184), u lanqas is-sitt u s-seba’ sentenza tal-premessa 18 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jeskludu li l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-għan tista’ tirriżulta minn tali dokument addizzjonali. L-imsemmija qorti tindika li, f’dan il-każ, mill-Artikoli 66 u 69 tad-digriet dwar ir-reġistru tal-artijiet Ċek jirriżulta li l-werrieta jew l-aventi kawża ta’ werriet deċedut għandhom il-possibbiltà li jissottomettu dikjarazzjoni li tissupplimenta ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jinkludix l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, b’mod li l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tista’, fil-fehma tagħha, ma tkunx utli.
Fuq l-ammissibbiltà
77 Mingħajr ma jqajmu formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiddikjaraw li, fil-każ li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jinkludix l-elementi ta’ identifikazzjoni tal-proprjetà immobiljari kkonċernata, huma ma jistgħux jibbenefikaw mill-possibbiltà prevista, fil-fehma tagħhom, fid-dritt Ċek, biss għall-werrieta diretti, li jissottomettu dikjarazzjoni li tissupplimenta tali ċertifikat sabiex jiksbu reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet Ċek, peress li huma aventi kawża tat-tieni grad tad-deċedut. Dan l-argument jista’ jinftiehem bħala li jikkontesta l-interpretazzjoni tal-lex rei sitae adottata mill-qorti tar-rinviju u, konsegwentement, bħala li huwa intiż li jikkontesta l-utilità ta’ din it-tielet domanda fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li din hija ta’ natura ipotetika.
78 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom (sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine, C‑50/21, EU:C:2023:448, punti 42 u 43, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2026, Almirall, C‑589/24, EU:C:2026:217, punt 25).
79 Għalhekk, f’din il-kawża, hemm lok li jingħata bidu mill-premessa adottata mill-qorti tar-rinviju li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek applikabbli jistgħu jippermettu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiksbu reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet Ċek billi jissottomettu, flimkien ma’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, dikjarazzjoni intiża sabiex tissupplimenta tali ċertifikat meta dan ma jinkludix l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dan l-għan.
80 Fit-tieni lok, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża prinċipali u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss meta jkun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab, C‑423/23, EU:C:2026:32, punt 24).
81 F’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju li hija miġbura fil-qosor fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 mitluba minn din il-qorti ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u lanqas li l-problema legali mqajma fil-kuntest tat-tielet domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika.
82 Konsegwentement, it-tielet domanda hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
83 Għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkostitwixxi strument awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-kontenut ta’ dan iċ-ċertifikat għandu jiġi ddeterminat biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 650/2012 u, b’mod iktar speċifiku, fid-dawl tal-Artikolu 68 tiegħu, li jiddefinixxi l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fih.
84 Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta r-Regolament Nru 650/2012 jirreferi espressament għalihom. Kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tal-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru jew, fir-rigward tal-proprjetajiet immobbli, tal-lex rei sitae, kif jistabbilixxu l-premessi 18 u 19 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fir-rigward tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, iddeżinjata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 tiegħu.
85 Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi espressament li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandu jsemmi s-sehem dovut lil kull werriet u, jekk ikun il-każ, il-lista tad-drittijiet u/jew tal-beni dovuti lil werriet partikolari, sa fejn din l-indikazzjoni hija neċessarja għall-għan li għalih jinħareġ iċ-ċertifikat.
86 Kif jirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata fil-punti 37 sa 53 u 64 ta’ din is-sentenza, l-obbligu, għall-awtorità emittenti, li tinkludi f’Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni jiddependi mill-għan li għalih jinħareġ dan iċ-ċertifikat. Għaldaqstant, dan l-obbligu ma jistax jieqaf jeżisti minħabba s-sempliċi fatt li d-dritt tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà u fejn jinżamm ir-reġistru tal-artijiet rilevanti jipprevedi mezz alternattiv, li jippermetti li tinkiseb ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà tal-imsemmija proprjetà f’dan ir-reġistru tal-artijiet permezz ta’ dokument supplimentari intiż li jikkumpensa n-nuqqas ta’ tali informazzjoni fl-imsemmi ċertifikat.
87 Fit-tielet lok, għandu jiġi ppreċiżat li tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-kontenut tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras (C‑354/21, EU:C:2023:184). Fil-fatt, din is-sentenza kienet tirrigwarda, kif jirriżulta mill-punti 35, 39 u 45 sa 53 tagħha, l-osservanza tar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fir-rigward tad-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti insostenn tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà ta’ proprjetà immobiljari fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat, b’mod partikolari fil-każ fejn jiġi ppreżentat biss Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għal dan l-għan. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-kwistjoni, li hija preċiżament is-suġġett ta’ din id-domanda, dwar liema informazzjoni relatata ma’ tali beni l-awtorità emittenti ta’ dan iċ-ċertifikat hija obbligata li tinkludi fih meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tagħti l-possibbiltà lill-applikant jippreżenta dokument supplimentari.
88 Fir-raba’ u fl-aħħar lok, l-imsemmija interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessi 7, 67 u 80 tar-Regolament Nru 650/2012 li skonthom l-adozzjoni tiegħu u l-ħolqien taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni kellhom bħala għanijiet, b’mod partikolari, li jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-werrieta u li jiġu ssemplifikati l-passi li dawn għandhom iwettqu fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment tad-drittijiet tagħhom fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni kkonċernata. Għalhekk, meta l-werrieta jitolbu l-ħruġ ta’ tali ċertifikat għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, dan għandu jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja f’dan ir-rigward u dawn il-werrieta ma jistgħux jitqiegħdu f’sitwazzjoni li fiha, minkejja l-kisba tal-imsemmi ċertifikat, huma jkunu obbligati, minħabba n-natura inkompleta tiegħu meta mqabbla mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, jippreżentaw dokument supplimentari sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet.
89 Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju, li l-ewwel, is-sitt u s-seba’ sentenza tal-premessa 18 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdu, minn naħa, li l-awtorità inkarigata mir-reġistrazzjoni ta’ dritt ta’ proprjetà immobiljari jew mobbli f’reġistru tista’ titlob lill-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni tipprovdi l-informazzjoni addizzjonali jew dokumenti supplimentari meħtieġa skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinżamm dan ir-reġistru u, min-naħa l-oħra, li tali awtorità tista’ tindika lil din il-persuna l-mod kif hija tista’ tikseb l-informazzjoni jew id-dokumenti neqsin. Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 68(l) ta’ dan ir-regolament u tal-għanijiet imfittxija kemm mill-imsemmi regolament kif ukoll miċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, kif imfakkra b’mod partikolari fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-indikazzjonijiet li jinsabu f’din il-premessa 18 ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li jeżentaw lill-awtorità emittenti milli tinkludi f’dan iċ-ċertifikat l-informazzjoni meħtieġa minn dan id-dritt nazzjonali għall-finijiet ta’ tali reġistrazzjoni.
90 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma hijiex eżentata mill-obbligu li tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni, meta l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tintalab għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà, fil-każ fejn, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, din ir-reġistrazzjoni tista’ tinkiseb abbażi ta’ dokument supplimentari, ippreżentat flimkien ma’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jinkludix tali indikazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
91 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 68(l) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
2) l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni hija obbligata tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni kkonċernata u li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, meta l-applikanti jitolbu l-ħruġ ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tad-dritt għall-proprjetà relatat ma’ din il-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u meta l-leġiżlazzjoni tiegħu teżiġi li din l-informazzjoni tiġi indikata fl-imsemmi ċertifikat sabiex tali reġistrazzjoni tkun tista’ ssir abbażi ta’ dan id-dokument biss.
3) L-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-fatt li t-trasferiment tal-patrimonju tad-deċedut ikkonċernat ikun suġġett, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni inkwistjoni, għas-sistema tas-“suċċessjoni universali”, li tipprovdi li l-patrimonju tad-deċedut jiġi ttrasferit lill-werrieta fl-intier tiegħu, ma tistax teżenta lill-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni mill-obbligu li tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti minn din is-suċċessjoni u li tinsab fi Stat Membru għajr dak tal-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat, meta l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fl-imsemmi ċertifikat tirriżulta neċessarja għall-iskop li għalih dan jinħareġ, bħar-reġistrazzjoni, fuq din il-bażi biss, tad-dritt għall-proprjetà relatat ma’ din il-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru.
4) L-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-awtorità li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma hijiex eżentata mill-obbligu li tinkludi fih l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ proprjetà immobiljari li tagħmel parti mis-suċċessjoni, meta l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tintalab għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tal-Istat Membru li fih tinsab din il-proprjetà, fil-każ fejn, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, din ir-reġistrazzjoni tista’ tinkiseb abbażi ta’ dokument supplimentari, ippreżentat flimkien ma’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jinkludix tali indikazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta' ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.