European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2783

29.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2783

tad-29 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1).

(2)

Fil-31 ta’ Jannar 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna bil-qawwa t-twaqqigħ tal-gvern tal-Myanmar elett demokratikament mill-forzi militari tal-Myanmar bi ksur sfaċċat tar-rieda tal-poplu kif espressa fl-elezzjoni ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2020. Dak l-att illeġittimu reġġa’ lura t-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż u wassal għal konsegwenzi umanitarji, soċjali, ta’ sigurtà, ekonomiċi u tad-drittijiet tal-bniedem diżastrużi.

(3)

L-Unjoni tibqa’ mħassba ħafna dwar l-eskalazzjoni kontinwa tal-vjolenza u l-evoluzzjoni fil-Myanmar/Burma.lejn kunflitt fit-tul b’implikazzjonijiet reġjonali. L-Unjoni tikkundanna l-ksur gravi u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi armati tal-Myanmar, inkluż it-tortura, il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, il-persekuzzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti, u l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, inkluż il-minoranzi etniċi u reliġjużi.

(4)

Fin-nuqqas ta’ progress rapidu fis-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma, l-Unjoni esprimiet diversi drabi li hija tinsab lesta tadotta miżuri restrittivi ulterjuri kontra dawk responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedemli qed iseħħu f’dak il-pajjiż.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi li qed tippersisti fil-Myanmar/Burma, jenħtieġ li jiżdiedu tliet persuni u entità fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/184/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta’ April 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista stabbilita fit-Taqsima A (Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikoli 5(1) u 6(1)):

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“104.

Saw Chit Thu

(magħruf ukoll bħala Saw San Myint, Maung Chit Thu, Chit Thu)

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Inn village, Hlaingbwe, Karen State, Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Kurunell;

Entità assoċjata: Chit Linn Myaing Group

Il-Kurunell Saw Chit Thu huwa kmandant militari u negozjant f’Karen/Kayin. Huwa membru fundatur u s-Segretarju Ġenerali tal-Forzi tal-Gwardja tal-Fruntiera ta’ Karen/Kayin (BGF)/Karen National Army (KNA), grupp armat affiljat mat-Tatmadaw (il-Forzi Armati tal-Myanmar). Taħt it-tmexxija ta’ Chit Thu, il-BGF/KNA huwa responsabbli għal ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni ċivili fiż-żoni tal-operazzjonijiet tiegħu, inkluż kumplessi għall-frodi online bħal Shwe Kokko. Il-kumplessi huma ċentri reġjonali għall-kriminalità tranżnazzjonali, inkluż il-frodi online, it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin. Fil-kumplessi għall-frodi online jseħħ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ix-xogħol furzat u t-tortura, u b’hekk jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Myanmar/Burma.

Biex jikkontrolla l-kumplessi għall-frodi online, il-BGF/KNA jikkollabora mat-Tatmadaw, pereżempju billi jgħaddi informazzjoni lit-Tatmadaw dwar l-avversarji tal-gvern u billi jirrekluta suldati bil-forza, u b’hekk ikompli jikkontribwixxi għat-theddid tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

Saw Chit Thu huwa l-fundatur u l-eks president ta’ Chit Linn Myaing Group (CLM), grupp ta’ kumpaniji mmexxija mill-familja tiegħu f’kooperazzjoni mal-BGF, li huwa involut ukoll f’Shwe Kokko u jagħmel profitt minnu. Saw Chit Thu ilu mill-2017 ’l hawn jiżviluppa Yatai New City fi Shwe Kokko f’kooperazzjoni ma’ Yatai International Holding Group.

Bħala membru fundatur u Segretarju Ġenerali tal-BGF/KNA u minħabba l-involviment tiegħu fil-kumplessi għall-frodi online, Saw Chit Thu huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma u barra minn hekk huwa involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, huwa assoċjat mal-Forzi Armati ta’ Myanmar (Tatmadaw).

29.10.2024

105.

Mote Thun

(magħruf ukoll bħala Saw Mote Thun, Mote Thone)

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Logutenent Kurunell;

Funzjoni: Viċi Segretarju Ġenerali tal-Forzi tal-Gwardja tal-Fruntiera ta’ Karen/Kayin/l-Armata Nazzjonali ta’ Karen (BGF/KNA); membru fundatur tal-BGF ta’ Karen/Kayin;

Individwu assoċjat: Saw Chit Thu

Il-Logutenent Kurunell Mote Thun huwa membru fundatur u l-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Forzi tal-Gwardja tal-Fruntiera ta’ Karen/Kayin (BGF/Karen National Army (KNA), grupp armat affiljat mat-Tatmadaw (il-Forzi Armati tal-Myanmar). Huwa partikolarment b’saħħtu fin-Nofsinhar tat-township ta’ Myawaddy fil-fruntiera ta’ bejn it-Tajlandja u l-Myanmar, fejn jinsabu ħafna ċentri għall-frodi online. Il-kumplessi ewlenin taħt il-kontroll ta’ Mote Thun jinkludu Wan Kuok-Koi’s (magħruf ukoll bħala Broken Tooth) u Dongmei Zone. Mote Thun huwa involut ukoll fil-Proġett KK Park. Il-kumplessi huma ċentri reġjonali għall-kriminalità tranżnazzjonali, inkluż il-frodi online, it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin. Fil-kumplessi għall-frodi online jseħħ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ix-xogħol furzat u t-tortura, u b’hekk jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Myanmar/Burma.

Biex jikkontrollaw il-kumplessi għall-frodi online, il-BGF/KNA jikkollabora mat-Tatmadaw, pereżempju billi jgħaddi informazzjoni lit-Tatmadaw dwar l-avversarji tal-gvern u billi jirrekluta suldati bil-forza, u b’hekk ikompli jikkontribwixxi għat-theddid tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

Bħala membru fundatur u Viċi Segretarju Ġenerali tal- BGF/KNA u minħabba l-involviment tiegħu fil-kumplessi għall-frodi online, il-Logutenent Kurunell Mote Thun huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma u barra minn hekk huwa involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, huwa assoċjat mal-Forzi Armati ta’ Myanmar (Tatmadaw).

29.10.2024

106.

Tin Win

(magħruf ukoll bħala Saw Tin Win)

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Maġġur;

Funzjoni: Subordinat dirett tal-Kurunell Saw Chit Thu fl-Armata Nazzjonali ta’ Karen (KNA), eks membru tal-Forzi tal-Gwardja tal-Fruntiera;

Individwu assoċjat: Saw Chit Thu

Il-Maġġur Tin Win huwa subordinat dirett tal-Kurunell Saw Chit Thu fil-Forzi tal-Gwardja tal-Fruntiera ta’ Karen/Kayin (BGF)/Karen National Army (KNA), grupp armat affiljat mat-Tatmadaw (il-Forzi Armati tal-Myanmar).

Taħt il-kmand dirett tal-Kurunell Saw Chit Thu, Tin Win jappoġġa u jibbenefika minn kumplessi għall-frodi online qrib Myawaddy, bħal Shwe Kokko, il-Proġett KK Park u l-Proġett Huanya. Dawn huma ċentri reġjonali għall-kriminalità tranżnazzjonali, inkluż il-frodi online, it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin. Fil-kumplessi għall-frodi online jseħħ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ix-xogħol furzat u t-tortura, u b’hekk jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Myanmar/Burma.

Biex jikkontrolla l-kumplessi għall-frodi online, il-BGF/KNA jikkollabora mat-Tatmadaw, pereżempju billi jgħaddi informazzjoni lit-Tatmadaw dwar l-avversarji tal-gvern u billi jirrekluta suldati bil-forza, u b’hekk ikompli jikkontribwixxi għat-theddid tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

Fir-rwol tiegħu fil-BGF/KNA u minħabba l-involviment tiegħu fil-kumplessi għall-frodi online, il-Maġġur Tin Win huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u barra minn hekk huwa involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, huwa assoċjat mal-Forzi Armati ta’ Myanmar (Tatmadaw).

29.10.2024”.

(2)

L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista stabbilita fit-Taqsima B (Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6(1)):

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“22.

Chit Linn Myaing Group (CLM)

Post tar-reġistrazzjoni: Myanmar/Burma;

Post prinċipali tan-negozju: Shwe Kokko, Myawaddy Township, Myawaddy District, Kayin State, Myanmar/Burma

Chit Linn Myaing Group (CLM) huwa grupp ta’ kumpaniji kkontrollat mill-Kurunell Saw Chit Thu, li huwa membru fundatur u s-Segretarju Ġenerali tal-Forzi tal-Gwardja tal-Fruntiera ta’ Karen/Kayin (BGF/Karen National Army (KNA), grupp armat affiljat mat-Tatmadaw (il-Forzi Armati tal-Myanmar), u mill-familja tiegħu. CLM huwa involut u jagħmel profitt finanzjarju minn attivitajiet f’kumplessi għall-frodi online, ikkontrollati mill-BGF/KNA, fiż-żona tat-township ta’ Myawaddy (il-fruntiera ta’ bejn it-Tajlandja u l-Myanmar), inkluż, fost l-oħrajn, il-belt ta’ Shwe Kokko. Shwe Kokko huwa ċentru għall-kriminalità tranżnazzjonali, inkluż il-frodi online, it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin. Fil-belt għall-frodi online jseħħ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ix-xogħol furzat u t-tortura, u b’hekk thedded il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Myanmar/Burma.

Biex jikkontrolla il-kumplessi għall-frodi online, il-BGF/KNA jikkollabora mat-Tatmadaw, pereżempju billi jgħaddi informazzjoni lit-Tatmadaw dwar l-avversarji tal-gvern u billi jirrekluta suldati bil-forza, u b’hekk ikompli jikkontribwixxi għat-theddid tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

Għalhekk, Chit Linn Myaing Group huwa involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma u barra minn hekk qed jibbenefika mill-Forzi Armati tal-Myanmar. Chit Linn Myaing Group huwa assoċjat mal-Forzi Armati ta’ Myanmar (Tatmadaw).

29.10.2024”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2783/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)