1.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/214


P9_TA(2021)0361

L-istabbiliment ta' Żoni Marini Protetti (MPAs) fl-Antartiku u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-Oċean tan-Nofsinhar

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar l-istabbiliment ta' Żoni Marini Protetti (MPAs) fil-Baħar Antartiku u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-Oċean tan-Nofsinhar (2021/2757(RSP))

(2022/C 99/24)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, speċjalment l-SDGs 13 u 14,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), b'mod partikolari l-Parti XII,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (il-Konvenzjoni CAMLR),

—

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tal-31 ta' Mejju 2019,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel tal-24 ta' Settembru 2019 u r-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 oC tat-8 ta' Ottubru 2018,

—

wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “Missjoni Stilla tal-Baħar 2030: Nirristawraw l-ibħra u l-ilmijiet tagħna” tal-Bord tal-Missjoni tal-Kummissjoni għal Oċeani, Ibħra u Ilmijiet Interni u Kostali f'Saħħithom, ippubblikat fit-22 ta' Settembru 2020,

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

—

wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President von der Leyen fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 dikjarazzjoni konġunta UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

—

wara li kkunsidra l-komunikat tal-Mexxejja tal-G7 “Our Shared Agenda for Global Action to Build Back Better” (L-Aġenda Komuni Tagħha biex tittieħed Azzjoni Globali għal Bini Ġdid Aħjar) tat-13 ta' Ġunju 2021,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit UE-Stati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021“Towards a renewed Transatlantic partnership” (Lejn sħubija Transatlantika mġedda),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (1),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (3),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (4),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-impatt tal-iskart fil-baħar fuq is-sajd (5),

—

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Antartiku ffirmat fl-1 ta' Diċembru 1959,

—

wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Madrid dwar il-Ħarsien tal-Ambjent għat-Trattat dwar l-Antartiku ffirmat fl-4 ta' Ottubru 1991 (il-Protokoll ta' Madrid),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-istatus ekoloġiku tajjeb tal-Oċean huwa kritiku biex tiġi ssalvagwardjata l-bijodiversità u biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi tal-ekosistema tiegħu bħall-assorbiment tas-CO2 u l-produzzjoni tal-ossiġenu;

B.

billi l-Antartika u l-Oċean tan-Nofsinhar jospitaw ekosistema estremament rikka ta' flora u fawna selvaġġa, filwaqt li ċerti speċijiet jinsabu fil-lista ħamra tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura bi status ta' mhedda jew vulnerabbli;

C.

billi l-oċean huwa essenzjali biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima, u assorba aktar minn 90 % tas-sħana maqbuda mill-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tagħna; billi huwa l-akbar bir ta' karbonju attiv fid-dinja, wara li ssekwestra 'l fuq minn 30 % tal-karbonju minn dawk l-emissjonijiet (6);

D.

billi mill-1989 sal-2018 l-Antartika saħnet b'1,8 oC, li huwa tliet darbiet aktar mill-medja globali (7); billi s-Saffi tas-Silġ ta' Greenland u tal-Antartiku huma proġettati li jitilfu l-massa b'rata dejjem akbar matul is-seklu 21 u wara dan;

E.

billi l-krill tal-Antartiku huwa parti essenzjali mill-katina alimentari għal ħafna predaturi marini (il-pingwini, il-balieni, il-foki, il-ħut) fl-Oċean tan-Nofsinhar;

F.

billi r-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel (8), issottolinja kif il-mekkaniżmi klimatiċi jiddependu mis-saħħa tal-oċean u l-ekosistemi marini, li attwalment qed jiġu affettwati mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament eċċessiv tal-bijodiversità marina, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni u l-erożjoni tal-kosta;

G.

billi n-Nazzjonijiet Uniti pproklamaw id-Deċennju tax-Xjenza dwar l-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli (2021-2030) biex tiżdied ix-xjenza dwar l-oċeani u jinbena l-għarfien kollettiv;

H.

billi t-Trattat dwar l-Antartiku, li daħal fis-seħħ 60 sena ilu fit-23 ta' Ġunju 1961, fl-Artikolu IX jitlob il-preservazzjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin fl-Antartika; billi dawn l-isforzi huma ddefiniti mill-Protokoll ta' Madrid; billi dan il-Protokoll jistabbilixxi l-Antartika bħala “riżerva naturali ddedikata għall-paċi u għax-xjenza”, u jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi applikabbli għall-attivitajiet fl-Antartika;

I.

billi fit-28 ta' April 2021 l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Urugwaj ingħaqdu mill-Istati Uniti u New Zealand bħala sponsors għall-proposta biex jiġu stabbiliti żewġ MPAs fl-Oċean (Antartiku) tan-Nofsinhar, fl-Antartika tal-Lvant u fil-Baħar Weddell;

J.

billi għaddejjin negozjati fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) biex jiġu stabbiliti dawn iż-żewġ MPAs ġodda, li jkollhom daqs ikkombinat ta' madwar 3 miljun km2; billi l-approvazzjoni ta' dawn l-MPAs tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-impenji tal-UE u dawk globali dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità marina;

K.

billi l-MPAs huma għodda importanti għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-oċean peress li jistgħu jżidu d-diversità u l-abbundanza tal-ispeċijiet filwaqt li jtejbu r-reżiljenza tal-oċean għall-impatti ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima;

L.

billi l-mexxejja tal-G7 iddikjaraw li huma jappoġġjaw b'mod sħiħ l-impenn tas-CCAMLR li tiżviluppa sistema rappreżentattiva ta' MPAs fiż-Żona tal-Konvenzjoni CAMLR fl-Oċean tan-Nofsinhar abbażi tal-aqwa xjenza disponibbli;

M.

billi l-UE u l-Istati Uniti esprimew impenn sħiħ biex jippromwovu qafas globali ta' suċċess u ambizzjuż għall-bijodiversità għal wara l-2020 fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-appoġġ sħiħ tagħhom għad-deżinjazzjoni ta' MPAs ġodda fl-Oċean tan-Nofsinhar, u li jkomplu jikkooperaw biex jippromwovu l-ekonomija blu sostenibbli, is-sajd sostenibbli u l-prevenzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

N.

billi l-Parlament esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għal azzjoni ambizzjuża biex tiġi protetta u rrestawrata l-bijodiversità marina, b'mod partikolari fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna u fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

O.

billi l-Parlament talab lill-Kummissjoni tippromwovi mudell ta' governanza internazzjonali ambizzjuż dwar il-bijodiversità marina lil hinn mill-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali, u tirrikonoxxi l-ibħra kollha u l-oċean bħala ġid komuni globali; billi, barra minn hekk, huwa talab lill-UE tistinka għall-adozzjoni ta' trattat globali ambizzjuż dwar l-oċeani biex tiġi protetta l-bijodiversità marina f'żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali madwar id-dinja fis-sessjoni li jmiss tal-Konferenza Intergovernattiva dwar il-Bijodiversità Lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali;

P.

billi għaddejjin negozjati fin-Nazzjonijiet Uniti għal ftehim ta' implimentazzjoni biex tiġi protetta d-diversità bijoloġika marina f'żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali skont l-UNCLOS, li tipprevedi l-istabbiliment ta' MPAs fl-ibħra internazzjonali;

1.

Jenfasizza li l-Antartika u l-Oċean tan-Nofsinhar fihom ekosistemi u bijodiversità ta' valur u importanza xjentifika eċċezzjonali, u li l-Baħar Weddell huwa kruċjali għaċ-ċirkolazzjoni globali tal-oċeani u għall-klima tad-dinja; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni rapida u effettiva tagħhom;

2.

Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi li saru mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, in-Norveġja, ir-Renju Unit, l-Urugwaj, l-Istati Uniti u New Zealand biex jiġu stabbiliti żewġ MPAs ġodda fl-Antartiku tal-Lvant u fil-Baħar Weddell fl-Oċean Antartiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bi tħejjija għal-laqgħa annwali tas-CCAMLR tal-2021, biex jintensifikaw l-isforzi bilaterali u multilaterali tagħhom biex jiżguraw appoġġ għall-istabbiliment ta' dawn l-MPAs fix-xhur li ġejjin, u b'mod partikolari biex jagħmlu enfasi fuq il-membri tas-CCAMLR li esprimew oppożizzjoni għall-proposti dwar MPAs;

3.

Ifakkar li skont l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, l-UE għandha tuża l-kapaċitajiet diplomatiċi kollha tagħha ta' influwenza u kuntatt biex tgħin ħalli jintlaħaq ftehim dwar id-deżinjazzjoni ta' MPAs vasti fl-Oċean tan-Nofsinhar;

4.

Ifakkar fl-impenn tal-Unjoni dwar il-protezzjoni marina biex tipproteġi legalment minimu ta' 30 % taż-żona tal-baħar tal-UE, inkluża l-protezzjoni stretta ta' 10 % tal-ibħra tagħha; ifakkar li l-UE għandha tiżgura li l-qafas globali għal wara l-2020 jinkludi miri globali ambizzjużi għall-2030 f'konformità mal-impenji tal-UE; itenni, barra minn hekk, il-pożizzjoni tiegħu li l-UE għandha taġixxi bħala mexxejja globali u tinsisti għal livell għoli ta' ambizzjoni, li jaqbel ma' dak tagħha stess jew li jaqbżu, matul in-negozjati għall-qafas globali, li għandu jinkludi miri ta' restawr u protezzjoni globali legalment vinkolanti ta' mill-inqas 30 % sal-2030; jissottolinja li ż-żoni protetti jeħtieġ li jiġu protetti b'mod effettiv;

5.

Ifakkar fl-impenn tas-CCAMLR li sal-2012 tinħoloq sistema rappreżentattiva ta' MPAs fiż-Żona tal-Konvenzjoni CAMLR li tipproteġi eżempji rappreżentattivi ta' ekosistemi, bijodiversità u ħabitats marini;

6.

Jissottolinja li l-Protokoll ta' Madrid jipprojbixxi attivitajiet relatati mar-riżorsi minerali tal-Antartiku ħlief għal skopijiet ta' riċerka xjentifika; jitlob li din id-dispożizzjoni kruċjali tinżamm fi ftehimiet futuri;

7.

Jirrimarka li l-iżolament ġeografiku tal-Oċean tan-Nofsinhar jagħmel l-operazzjonijiet ta' monitoraġġ fiż-Żona tal-Konvenzjoni CAMLR kumplessi u diffiċli;

8.

Jissottolinja li aktar minn 80 % ta' qiegħ il-baħar għadu mhux esplorat (9), u li hija meħtieġa aktar riċerka oċeanografika, speċjalment dwar l-impatti tat-tniġġis u t-tibdil fil-klima fuq l-ekosistemi;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri flimkien mas-sħab globali jsaħħu n-network ta' MPAs fuq livell globali permezz ta' ġestjoni msaħħa, ippjanar spazjali, evalwazzjonijiet u infurzar aħjar sabiex tiżdied il-koerenza ekoloġika u l-konnettività tal-MPAs;

10.

Jissottolinja li l-attivitajiet tas-sajd IUU jirrappreżentaw theddida konsiderevoli għas-sajd sostenibbli u għar-reżiljenza tal-ekosistemi marini;

11.

Jissottolinja li t-turiżmu fl-Antartika jrid isir b'mod sostenibbli; jitlob għalhekk lis-CCAMLR tiżgura li t-turiżmu jsir skont dan u li ma jkollux impatt negattiv fuq l-ekosistema;

12.

Jissottolinja li l-istabbiliment ta' dawn iż-żewġ MPAs ġodda jkun kontribut importanti għad-dimensjoni globali tal-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-istabbiliment ta' dawn l-MPAs bħala bażi fin-negozjati globali skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fil-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità tal-COP15 f'Kunming, fiċ-Ċina;

13.

Jinnota li l-istabbiliment ta' MPAs li jkopru aktar minn 3 miljun km2 fl-Antartiku tal-Lvant u fil-Baħar Weddell joħloq waħda mill-akbar żoni ta' protezzjoni marina fl-istorja;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri tas-CCAMLR.

(1)  ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0277.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0015.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2021)0096.

(6)  Bindoff, N. et al., “Observations: Oceanic Climate Change and Sea Level” (Osservazzjonijiet: It-tibdil fil-klima u l-livell tal-baħar tal-oċean), Climate Change 2007: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Fourth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change, Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, USA, 2007. https://www.ipcc.ch/site/assets/uploads/2018/02/ar4-wg1-chapter5-1.pdf; Rhein, M. et al., “Observations: Ocean” (Osservazzjonijiet: l-Oċean), Climate Change 2013: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Fifth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change, Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, USA, 2013. https://www.ipcc.ch/site/assets/uploads/2018/02/WG1AR5_Chapter03_FINAL.pdf;

Cheng L, et al., 2019, “Record-Setting Ocean Warmth Continued in 2019” (L-Akbar Sħana Rreġistrata fl-Oċean Tkompli fl-2019), Advances in Atmospheric Sciences, Vol. 37, Frar 2020, https://link.springer.com/article/10.1007/s00376-020-9283-7

(7)  Kyle R. Clem, Ryan L. Fogt, John Turner, Benjamin R. Lintner, Gareth J. Marshall, James R. Miller, James A. Renwick, “Record warming at the South Pole during the past three decades” (Tisħin rekord fil-Pol tas-Sud matul l-aħħar tliet deċennji), Nature Climate Change, 2020; DOI: 10.1038/s41558-020-0815-z.

(8)  IPCC Special Report on the Ocean and Cryosphere in a Changing Climate. Summary for Policymakers, 2019. https://www.ipcc.ch/srocc/chapter/summary-for-policymakers/

(9)  National Ocean Service, 2021: https://oceanservice.noaa.gov/facts/exploration.html