6.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/47


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1213

tal-4 ta' Lulju 2017

dwar l-istabbiliment tal-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta' Riċerka — Bijoloġija Strutturali Integrata (Instruct-ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2017) 4507)

(It-testi biċ-Ċek, id-Daniż, il-Franċiż, l-Ingliż, it-Taljan, l-Olandiż, il-Portugiż u s-Slovakk biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Iżrael, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u l-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Mokeolari (EMBL) talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka — Bijoloġija Strutturali Integrata (Instruct-ERIC). Il-Greċja, Spanja, l-Iżvezja u l-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekulari għamlu magħrufa d-deċiżjoni tagħhom li inizjalment jipparteċipaw f'INSTRUCT-ERIC bħala osservaturi. Huma qablu li r-Renju Unit ikun l-Istat Membru ospitanti ta' Intruct-ERIC.

(2)

Mid-29 ta' Marzu 2017, meta r-Renju Unit nnotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dan il-perjodu. Minħabba f'hekk, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-Deċiżjoni tapplika biss sakemm ir-Renju Unit jibqa' Stat Membru.

(3)

Jekk ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ftehim ta' rtirar possibbli, is-Sede Statutorja ta' INSTRUCT ERIC se tiġi rilokata fit-territorju ta' Stat Membru jew pajjiż assoċjat skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka — Bijoloġija Strutturali Integrata msejjaħ “Instruct-ERIC” huwa stabbilit.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, l-Istat ta' Iżrael, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TA' INSTRUCT-ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi li ġejjin tal-Artikoli tal-Istatuti ta' INSTRUCT-ERIC jipprovdu għall-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009

1.   Għanijiet u Attivitajiet

(Artikolu 4 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

L-għan ta' Instruct-ERIC hu li jistabbilixxi u jħaddem Infrastruttura tar-Riċerka pan-Ewropea mqassma, imsejħa Instruct, speċifikament:

a)

biex jiffaċilita l-avvanz tal-bijoloġija taċ-ċelloli strutturali integrattiva;

b)

biex jagħmel disponibbli aċċess immaniġġjat għall-aktar faċilitajiet Ewropej avvanzati u għal għarfien espert ta' speċjalisti tal-bijoloġija strutturali;

c)

biex ikompli l-iżvilupp tat-teknoloġija ta' Instruct; u

d)

biex jipprovdi taħriġ f'tekniki integrattivi fil-qasam tal-bijoloġija strutturali.

2.

Għal dan il-għan, Instruct-ERIC għandu jwettaq u jikkoordina varjetà ta' attivitajiet, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal:

a)

dawk offruti minn Ċentri ta' Instruct bħall-għoti tal-infrastruttura għall-komunità tal-utenti tal-bijoloġija strutturali u attivitajiet oħrajn ta' taħriġ, netwerking u tixrid ta' Instruct;

b)

il-ħolqien u t-tħaddim tal-Hub ta' Instruct li jipprovdi r-rwol ċentrali ta' koordinazzjoni għall-Attivitajiet kollha ta' Instruct offruti permezz taċ-Ċentri ta' Instruct;

c)

l-għoti ta' aċċess għall-infrastruttura tal-bijoloġija strutturali fiċ-Ċentri ta' Instruct bl-użu ta' portal tal-web ta' Instruct li jinkorpora l-evalwazzjoni bejn il-pari u l-iskedar għall-aċċess irriservat għall-utenti ta' Instruct minn Ċentru ta' Instruct;

d)

il-koordinazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma mill-Hub ta' Instruct dwar tekniki u metodi rilevanti għall-bijoloġija taċ-ċelloli strutturali, li tippermetti t-tixrid tal-għarfien espert, l-istimolu għall-iskambju u l-kożvilupp mal-industrija;

e)

il-koordinazzjoni ta' programmi konġunti mill-Hub ta' Instruct bejn Ċentri ta' Instruct li jappoġġjaw l-approċċi tekniċi u teknoloġiċi ġodda li jippermettu l-integrazzjoni aħjar fuq teknoloġiji tal-bijoloġija strutturali;

f)

il-koordinazzjoni ta' programmi ma' kumpaniji li jiżviluppaw teknoloġiji innovattivi tal-bijoloġija strutturali li jippermettu l-adozzjoni effettiva tagħhom miċ-Ċentri ta' Instruct, li tagħmel dawn disponibbli għall-aċċess għal riċerkaturi akkademiċi u industrijali fl-Ewropa;

g)

l-għaqda ta' komunitajiet tal-bijoloġija strutturali, taċ-ċelloli u tas-sistemi bil-koordinazzjoni ta' azzjonijiet konġunti, inkluż laqgħat, konferenzi u sessjonijiet ta' ħidma;

h)

kwalunkwe azzjoni oħra relatata li tgħin issaħħaħ ir-riċerka fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

3.

Instruct-ERIC għandu jibni u jopera fuq bażi mhux ekonomika, sabiex ikompli jippromwovi l-innovazzjoni kif ukoll jittrasferixxi l-għarfien u t-teknoloġija. Jistgħu jsiru attivitajiet ekonomiċi limitati, sakemm dawn ikunu marbuta mill-qrib mal-missjoni prinċipali tiegħu u li ma jipperikolawx il-kisbiet tiegħu.
2.   Stabbiliment ta' Instruct-ERIC

(Artikolu 2 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

Għandu jkun hemm Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka bl-isem ta' “Bijoloġija Strutturali Integrata”, minn hawn 'il quddiem imsejħa “Instruct”.

2.

Instruct għandu jkollu l-forma legali ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) inkorporata skont id-dispożizzjoni tar-Regolament ERIC (KE) Nru 723/2009 modifikat mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1261/2013 (1) u jkun imsejjaħ “Instruct-ERIC”.
3.   Sede

(Artikolu 3 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

Instruct-ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f'Oxford, ir-Renju Unit.

4.   Durata

(Artikolu 29 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

Instruct-ERIC għandu jeżisti għal perjodu ta' żmien indefinit. Jista' jiġi stralċat skont l-Artikolu 30.

5.   Stralċ

(Artikolu 30 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

L-istralċ ta' Instruct-ERIC għandu jsir wara li tittieħed deċiżjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 13.

2.

Instruct-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi stralċat Instruct-ERIC u darb'oħra fl-għeluq ta' Instruct-ERIC.

3.

L-assi li jifdal wara l-ħlas tad-djun ta' Instruct-ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri b'mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni annwali fi flus akkumulata tagħhom għal Instruct-ERIC. L-obbligazzjonijiet li jifdal wara l-istralċ, inklużi l-assi ta' Instruct-ERIC, għandhom jitqassmu bejn il-Membri b'mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni annwali fi flus akkumulata tagħhom għal Instruct-ERIC u ma jaqbżux l-ammont ta' kontribuzzjoni annwali waħda.

4.

Instruct-ERIC m'għandux jibqa' jeżisti mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
6.   Responsabbiltà

(Artikolu 21 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

Instruct-ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.

Il-Membri mhumiex responsabbli b'mod konġunt għad-djun ta' Instruct-ERIC.

3.

L-obbligazzjoni finanzjarja ta' kull Membru għad-djun u l-obbligazzjonijiet ta' Instruct-ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom li jingħataw lil Instruct-ERIC kif stabbilit fl-Anness 2.

4.

Instruct-ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-bini u t-tħaddim ta' Instruct-ERIC.
7.   Politika tal-Aċċess

(Artikolu 25 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

Kull Stat Membru li jkollu Ċentru ta' Instruct wieħed jew aktar għandu jipprovdi aċċess għall-infrastruttura, soġġett għall-proċedura ta' aċċess approvata, lill-applikant(i) li jintgħażel/jintgħażlu. Kull Ċentru ta' Instruct għandu jidentifika l-frazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tiegħu li ssir disponibbli għal proġetti ta' aċċess approvati minn Instruct. L-approvazzjoni tal-proposti għall-aċċess ta' Instruct-ERIC tingħata mill-Kumitat ta' Aċċess abbażi tar-reviżjoni tal-esperti internazzjonali xprunata qabelxejn bl-eċċellenza xjentifika, filwaqt li titqies ukoll il-fattibbiltà teknika u operattiva.

2.

L-għoti tas-servizzi ta' aċċess għandu jkun sorveljat mid-Direttur li jqis:

a)

l-evalwazzjoni (bejn il-pari) xjentifika tal-proġett;

b)

il-valutazzjoni loġistika mwettqa miċ-Ċentru/Ċentri ta' Instruct involut(i) fil-fattibbiltà teknika tal-proġett, l-iskeda ta' żmien mistennija u l-iskedar tax-xogħol fiċ-Ċentru; u

c)

ir-riżorsi finanzjarji u in natura li saru disponibbli miċ-Ċentru ta' Instruct u mill-Hub ta' Instruct biex jappoġġjaw l-aċċess mitlub, speċifikament il-kapaċità għall-aċċess ta' Instruct fiċ-Ċentru ta' Instruct mitlub, u biżżejjed fondi għall-aċċess ċentrali, immaniġġjati mill-Hub ta' Instruct.

3.

Instruct-ERIC għandu jaċċetta proposti minn kwalunkwe utent għall-aċċess għall-infrastruttura ta' Instruct-ERIC.

4.

Instruct-ERIC għandu jiżgura l-aċċess miftuħ għal riċerkaturi minn istituzzjonijiet fil-Membri inkluż l-aċċess għal data, għodod u servizzi offruti miċ-Ċentri ta' Instruct. L-utenti Membri għandhom ikunu eliġibbli biex japplikaw għal aċċess iffinanzjat minn Instruct-ERIC għal infrastruttura, korsijiet ta' taħriġ, sessjonijiet ta' ħidma, attendenza f'konferenzi jew kwalunkwe attività oħra offruta u appoġġjata minn Instruct-ERIC. L-aċċess għad-data u għall-għodod għandu jkun irregolat mill-Politiki tal-Ġestjoni tad-Data u tal-Bijoloġiċi ta' Instruct-ERIC u, fil-każ ta' xogħol kollaborattiv, minn ftehim bejn l-utenti kollha, kif definit fl-Artikolu 27.

5.

Utenti minn mhux Membri jistgħu japplikaw għall-aċċess bl-użu tas-sistema ta' proposti. Għal riċerka akkademika jew prekompetittiva, ser tiġi imposta tariffa akkademika għall-aċċess. Tariffi akkademiċi jistgħu jiġu imposti wkoll fuq utenti mhux kummerċjali li jitolbu l-aċċess permezz ta' Organizzazzjoni Intergovernattiva u li ma jinsabux f'wieħed mill-Membri.

6.

L-utenti li jitolbu aċċess għall-infrastruttura ta' Instruct għal riċerka proprjetarja għandhom iħallsu tariffa kummerċjali għall-aċċess. F'dan il-każ, id-data li tirriżulta mill-aċċess ser tappartjeni għall-utent u m'għandu jkun hemm l-ebda obbligu biex tiġi żvelata jew ippubblikata.

7.

Il-prijorità għall-aċċess dejjem għandha tingħata lill-Membri.

8.

Utenti tal-infrastruttura ta' Instruct-ERIC għal riċerka mhux proprjetarja għandhom jaqblu li jippubblikaw id-data li tirriżulta mill-aċċess u jagħmlu d-data disponibbli għall-pubbliku.
8.   Bord Konsultattiv Xjentifiku Indipendenti (ISAB)

(Artikolu 17 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

L-ISAB għandu jkun stabbilit biex jagħti pariri lill-Kunsill dwar kull kwistjoni xjentifika u strateġika rilevanti għal Instruct-ERIC. L-ISAB għandu jirrevedi l-prestazzjoni taċ-Ċentri ta' Instruct biex jipprovdi lill-Kunsill ta' Instruct b'rakkomandazzjonijiet għal approvazzjoni jew tneħħija ta' faċilitajiet ta' riċerka bħala Ċentri ta' Instruct u b'pariri dwar il-progress u l-għanijiet, il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet strateġiċi u xjentifiċi tal-futur, filwaqt li jqis il-kuntest globali.

2.

L-ISAB għandu jinkludi minimu ta' ħames u massimu ta' tmien esperti xjentifiċi u tekniċi maħtura mill-Kunsill. L-ISAB għandu jeleġġi President mill-membri tiegħu permezz ta' maġġoranza sempliċi. Il-mandat tal-President maħtur għandu jiġi awtomatikament estiż sabiex ikun jista' jissodisfa l-mandat tiegħu bħala President. Il-membri tal-ISAB m'għandhomx ikunu direttament involuti fil-ġestjoni ta' Instruct-ERIC, u normalment għandhom ikunu esperti minn barra l-Ewropa. Il-Membri tal-ISAB jistgħu jiġu proposti lill-Kunsill mid-Direttur. Kull kunflitt ta' interess potenzjali għandu jkun iddikjarat qabel jiġi kkunsidrat mill-Kunsill. Il-Membri tal-ISAB jinħatru għal mandat ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba b'sena sa tliet snin. Il-Membri tal-ISAB għandhom jintalbu jiffirmaw ftehim ta' kunfidenzjalità mhux aktar tard minn tletin ġurnata wara n-nomina tagħhom jew qabel tiġi skambjata kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali, skont liema tiġi l-ewwel.

3.

L-ISAB għandu jiltaqa' mill-inqas darba kull sena biex jivvaluta l-progress xjentifiku u strateġiku ġenerali li sar minn Instruct-ERIC fir-rigward tal-viżjoni xjentifika tiegħu u sfidi oħra.

4.

Il-Membri tal-ISAB għandhom jingħataw rimborż minn Instruct-ERIC għal spejjeż raġonevoli tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, kif ordnat mill-Kunsill.
9.   Politika tat-Tixrid

(Artikolu 26 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

Instruct-ERIC għandu jkun faċilitatur tar-riċerka, u bħala regola ġenerali, għandu jħeġġeġ l-aktar aċċess liberu possibbli għal data ta' riċerka. Irrispettivament minn dan il-prinċipju, Instruct-ERIC għandu jippromwovi r-riċerka ta' kwalità għolja u għandu jappoġġja kultura tal-“aħjar prattika” permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ.

2.

Instruct-ERIC ġeneralment għandu jħeġġeġ lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati fir-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku u għandhom jitolbu lill-utenti kollha li jirrikonoxxu Instruct-ERIC skont dan.

3.

Il-politika ta' tixrid għandha tiddeskrivi d-diversi gruppi fil-mira, u Instruct-ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, bħal portals tal-Internet, bullettin, sessjonijiet ta' ħidma, preżenza f'konferenzi, artikli f'rivisti, gazzetti ta' kuljum u midja soċjali.

4.

Pubblikazzjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet appoġġjati minn Instruct-ERIC għandhom jirrikonoxxu l-appoġġ tal-persunal u l-użu ta' riżorsi sperimentali ta' Instruct-ERIC.
10.   Politiki tal-Ġestjoni tad-Data, tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Bijoloġiċi

(Artikolu 27 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

Sors ġeneralment miftuħ u prinċipji ta' aċċess miftuħ għandhom ikunu ppreferuti.

2.

Id-data kollha ġġenerata bħala riżultat tal-attivitajiet ta' Instruct-ERIC għandha, fl-ewwel każ, tibqa' l-proprjetà tax-xjentist li ħoloqha jew l-istituzzjoni li timpjega lilu/lilha. L-Utenti tal-infrastruttura ta' Instruct, li jkunu soġġetti għal obbligazzjonijiet li diġà kienu jeżistu, inkluż diversi stabbilimenti, aġenziji li jagħtu finanzjament jew partijiet terzi oħrajn, jistgħu jitolbu ftehimiet biex id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu fis-seħħ qabel jibda x-xogħol. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għall-Utenti għandha tkun ir-responsabbiltà unika tal-utenti.

3.

Fejn l-aċċess għall-infrastruttura ta' Instruct-ERIC jingħata għal proġetti kollaborattivi, l-utenti għandhom jaqblu dwar sjieda konġunta tad-data jew materjali sperimentali qabel jibda x-xogħol ta' aċċess. Il-protezzjoni kondiviża tal-proprjetà intellettwali għall-utenti kollha fix-xogħol kollaborattiv hi r-responsabbiltà tal-utenti.

4.

Instruct-ERIC għandu jagħti gwida (fil-forma tal-Politiki tal-Ġestjoni tad-Data u tal-Bijoloġiċi tiegħu) lill-utenti tal-infrastruttura ta' Instruct-ERIC biex jiġi żgurat li r-riċerka li ssir bl-użu ta' materjal li sar aċċessibbli permezz ta' Instruct-ERIC għandha ssir fi ħdan qafas li jirrikonoxxi, sal-punt applikabbli taħt il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ospitanti tiegħu, id-drittijiet ta' sidien tad-data u l-privatezza tal-individwi, u s-sjieda tad-data u l-għodod iġġenerati bħala riżultat tal-attività ta' Instruct-ERIC iridu jkunu definiti b'mod ċar.
11.   Politika tal-Impjiegi

(Artikolu 28 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

1.

Instruct-ERIC jista' jimpjega persunal li għandu jinħatar u jitkeċċa mid-Direttur.

2.

Il-Kunsill għandu japprova l-pjan tal-persunal imħejji mid-Direttur filwaqt li japprova l-pjan ta' ħidma.

3.

Id-Direttur għandu jipprovdi lill-Kunsill b'informazzjoni minn qabel dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti u l-pjan tal-persunal. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema pożizzjonijiet jitolbu l-approvazzjoni tiegħu f'termini ta' kandidati magħżula.

4.

Il-proċeduri tal-għażla għal pożizzjonijiet tal-persunal ta' Instruct-ERIC għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji, jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs għax-xogħol u azzjoni affermattiva konsistenti mal-liġijiet tax-xogħol applikabbli. Fejn jiġu offruti kuntratti ta' impjieg, dawn għandhom isegwu l-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż li fih hu impjegat il-persunal.
12.   Politika dwar l-Akkwist

(Artikolu 24 (1) tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC)

Il-Kunsill għandu japprova regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-kriterji tal-akkwist li Instruct-ERIC għandu jkun obbligat li jsegwi. Din il-politika dwar l-akkwist għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tar-rikonoxximent reċiproku, tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1261/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (ĠU L 326, 6.12.2013, p. 1).