Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Il-punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 – Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa – Post tax-xogħol effettiv differenti mill-post tax-xogħol fiss previst minn kuntratt ta’ xogħol – Ħin tal-ispostament lejn il-post tax-xogħol effettiv – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑420/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Iași (il-Qorti tal-Appell ta’ Iași, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Sindicatul Drumarilor “Elie Radu”, f’isem u għan-nom tal-membru tiegħu BZ,
vs
Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA – Direcția Regională de Drumuri și Poduri Iași,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA – Direcția Regională de Drumuri și Poduri Iași, minn G. Ene, O. M. Laicu, A. Romila u C. Șchiopu, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u E. A. Stamate, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sindicatul Drumarilor “Elie Radu” (is-Sindakat tal-Ħaddiema tas-Settur tat-Toroq “Elie Radu”, iktar ’il quddiem is-“sindakat”), li jaġixxi f’isem u għan-nom tal-membru tiegħu BZ, u l-Compania Națională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA – Direcția Regională de Drumuri și Poduri Iași (il-Kumpannija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni tal-Infrastruttura tat-Toroq SA — Direttorat Reġjonali għall-Pontijiet u għat-Toroq ta’ Iasi, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem iċ-“CNAIR”) dwar il-klassifikazzjoni tal-ħin tal-ispostament ta’ BZ lejn il-post tax-xogħol effettiv tiegħu.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
3 L-Artikolu 31 tal-Karta, intitolat “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”
Id-Direttiva 2003/88
4 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jistabbilixxi li:
“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
2. Din id-Diretiva tapplika għal:
a) il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u
b) ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.
3. Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE, [tat‑12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.
[...]”
5 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, bl-isem “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-punti 1 u 2:
“Għall-għaniijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;
2. ‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol.”
6 Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:
a) il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;
b) il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it‑48 siegħa.”
Id‑dritt Rumen
7 L-Artikolu 111 tal-Legea nr. 53/2003 privind Codul muncii (il-Liġi Nru 53/2003 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol), tal‑24 ta’ Jannar 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 72 tal‑5 ta’ Frar 2003), fil-verżjoni tagħha ppubblikata mill-ġdid li hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 345 tat‑18 ta’ Mejju 2011) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”) huwa fformulat kif ġej:
“Ħin tax-xogħol ifisser kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u fit-twettiq tal-attività jew tal-funzjonijiet tiegħu, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, tal-kuntratt kollettiv applikabbli u/jew tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”
8 L-Artikolu 112 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:
“(1) Il-ħin normali tax-xogħol, għall-ħaddiema impjegati full-time, huwa ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa, għal 8 sigħat kuljum.
[...]”
9 L-Artikolu 120 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:
(1) Ix-xogħol imwettaq barra l-ħin normali tax-xogħol fil-ġimgħa, previst fl-Artikolu 112, jitqies li huwa xogħol supplimentari.
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 Iċ-CNAIR hija impriża Rumena ta’ interess strateġiku nazzjonali li taħdem fis-settur tat-toroq, taħt l-awtorità tal-Ministerul Transporturilor (il-Ministeru għat-Trasport, ir-Rumanija). Din tinkludi seba’ sottounitajiet, imsejħa “direttorati reġjonali tat-toroq u tal-pontijiet”, kif ukoll ċentru ta’ studji u ta’ riċerka.
11 BZ ġie rreklutat miċ-CNAIR bħala kap tad-dipartiment “Investimenti, tiswijiet kbar u diżastri”. Il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien jistipula post ta’ impjieg fiss f’Iași (ir-Rumanija).
12 Mit‑8 sal‑15 ta’ Ġunju 2021, fuq istruzzjoni tad-direttur reġjonali tas-sottounità tad-Direttorat Reġjonali tat-toroq u tal-pontijiet ta’ Iași, BZ sposta ruħu diversi drabi sabiex jispezzjona siti ta’ kostruzzjoni li jinsabu fuq diversi partijiet tan-network tat-toroq nazzjonali f’Suceava (ir-Rumanija), f’Botoșani (ir-Rumanija) u f’Focșani (ir-Rumanija), bliet li jinsabu rispettivament 145 kilometru (km), 108 km u 204 km minn Iași, kif ukoll, f’okkażjoni waħda, fis-sede ċentrali taċ-CNAIR f’Bukarest (ir-Rumanija), belt li tinsab 421 km minn Iași.
13 Sabiex iwettaq dawn l-ispostamenti, il-persuna li timpjega lil BZ qiegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu vettura u, għall-ispostament lejn Bukarest, xufier. F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li BZ wettaq fi tmint ijiem, bejn it‑8 u l‑15 ta’ Ġunju 2021, spostamenti li jammontaw għal iktar minn 1 500 km, fil-kundizzjonijiet tat-toroq tar-Rumanija, li f’din iż-żona ġeografika, għandha biss toroq nazzjonali jew dipartimentali u mhux awtostradi. Wara kull wieħed mill-ispostamenti kkonċernati, BZ irritorna fl-istess jum f’Iași, bl-eċċezzjoni tal-ispostament tiegħu lejn Bukarest, minn fejn huwa rritorna biss l-għada. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li dawn l-ispostamenti seħħew, b’mod partikolari, barra mis-sigħat ta’ xogħol abitwali.
14 Wara li eżerċita l-funzjonijiet tiegħu matul ix-xahar ta’ Ġunju 2021, BZ stabbilixxa “rendikont tal-ħin”, li huwa ssottometta lill-persuna li timpjegah għall-validazzjoni. Madankollu, din tal-aħħar talbitu jemenda l-preżentazzjoni tiegħu u rrifjutat li tħallas għall‑31.5 siegħa li jikkorrispondu għall-ħin tal-ispostament lejn is-siti ta’ kostruzzjoni kkonċernati, għar-raġuni, essenzjalment, li BZ ma kienx wettaq xogħol addizzjonali matul il-vjaġġi tiegħu tat‑8, tal‑10, tat‑12 u tal‑14 ta’ Ġunju 2021. Skont iċ-CNAIR, ma jistax jitqies li dawn l-ispostamenti kienu jikkostitwixxu perijodu li matulu BZ kien qiegħed jeżerċita l-attività jew il-funzjonijiet tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 111 tal-Kodiċi tax-Xogħol.
15 Wara dan ir-rifjut taċ-CNAIR li tħallas għal dawn il‑31.5 sigħat, BZ, irrappreżentat mis-sindakat, ippreżenta rikors quddiem it-Tribunalul Iași (il-Qorti tal-Kontea ta’ Iași, ir-Rumanija).
16 Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2022, it-Tribunalul Iaşi (il-Qorti tal-Kontea ta’ Iaşi) ċaħdet dan ir-rikors, minħabba li l-provi prodotti sabiex jintwera li, matul l-ispostamenti kkonċernati, BZ kien jinsab għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah u fl-eżerċizzju tal-attività jew tal-funzjonijiet tiegħu kienu insuffiċjenti. Skont dik il-qorti, is-sempliċi reġistrazzjoni tas-sigħat tat-tluq u tal-wasla f’ordni ta’ missjoni, fl-assenza ta’ rapport ta’ attività jew ta’ pjan direzzjonali, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit it-twettiq ta’ sigħat ta’ xogħol supplimentari. Barra minn hekk, anki jekk is-sigħat ta’ xogħol supplimentari kienu effettivament twettqu, il-proċedura interna miftiehma bejn il-persuna li timpjega u s-sindakat kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol jobbligaw lill-ħaddiema jitolbu minn qabel li tali sigħat ta’ xogħol supplimentari jiġu kkumpensati permezz ta’ mistrieħ kumpensatorju. Skont din il-proċedura u dawn id-dispożizzjonijiet, huwa biss meta dan il-mistrieħ kumpensatorju ma jingħatax f’terminu stabbilit li l-ħaddiema kkonċernati jistgħu jitolbu remunerazzjoni għas-sigħat ta’ xogħol supplimentari.
17 Is-sindakat appella minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Iași (il-Qorti tal-Appell ta’ Iași, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talabha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari sabiex din tinterpreta l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Huwa jsostni li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li għandha quddiemha, dan il-kunċett għandu jinkludi l-ħin iddedikat għall-ispostamenti kkonċernati ta’ BZ.
18 Iċ-CNAIR opponiet kemm l-ammissjoni ta’ dan l-appell kif ukoll tali rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi argumentat li l-ħin li BZ jiddedika sabiex imur fil-post tax-xogħol effettiv tiegħu u sabiex jerġa’ lura ma għandux jitqies bħala ħin tax-xogħol u li s-sigħat ta’ xogħol supplimentari ma jistgħux jiġu rremunerati matul dawn il-vjaġġi. Skont iċ-CNAIR, dawn tal-aħħar ma għandhomx jiġu konfużi mal-ħin tax-xogħol effettiv. Fil-fatt, iċ-CNAIR issostni li, skont l-Artikolu 111 tal-Kodiċi tax-Xogħol, il-ħin tax-xogħol jikkorrispondi biss għall-ħin li matulu ħaddiem iwettaq ix-xogħol tiegħu. Iċ-CNAIR qieset ukoll li r-riferiment għas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578), ma kienx rilevanti, peress li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, BZ kellu post tax-xogħol fiss.
19 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ħin ta’ spostament tal-ħaddiema lejn il-post tax-xogħol effettiv tagħhom. Minn naħa, skont l-ewwel linja ta’ ġurisprudenza, dan il-ħin għall-ispostament ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, u l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578), tapplika biss għall-ħaddiema li ma għandhomx post tax-xogħol fiss jew abitwali.
20 Min-naħa l-oħra, din il-qorti tafferma li, skont it-tieni linja ta’ ġurisprudenza, l-imsemmi ħin ta’ spostament jaqa’ taħt dan il-kunċett. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02 (EU:C:2003:437), tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728), kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578).
21 Il-qorti tar-rinviju tenfasizza għalhekk li l-kwistjoni tal-inklużjoni, fl-imsemmi kunċett, tal-ħin tal-ispostament tal-ħaddiema lejn u minn post tax-xogħol differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tagħhom, sabiex jeżerċitaw hemmhekk l-attività tagħhom konformement mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegahom, hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza nazzjonali diverġenti, peress li s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578), ma kellhiex l-effett li tarmonizza din il-ġurisprudenza. Din il-qorti tixtieq tkun taf kif għandha tapplika l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dik is-sentenza għat-tilwima li għandha quddiemha.
22 Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li l-Artikolu 31(2) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jistgħu jkunu applikabbli f’dan il-każ.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Iași (il-Qorti tal-Appell ta’ Iași) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2003/88] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-perijodu ta’ żmien li matulu ħaddiem jivvjaġġa, barra l-ħin normali tax-xogħol, lejn u minn post ieħor, differenti mill-post fiss jew tas-soltu tax-xogħol tiegħu, sabiex iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu f’dak il-post, konformement mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-persuna li timpjegah, jikkostitwixxi ‘ħin tax-xogħol’?
2) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(2) tal-[Karta] u d-dispożizzjonijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li permezz tagħha s-sigħat li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ vvjaġġar ta’ ħaddiem lejn u minn post ieħor, differenti mill-post fiss jew tas-soltu tax-xogħol tiegħu, sabiex iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu f’dak il-post, konformement mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-persuna li timpjegah, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ jekk intlaħaqx il-limitu tal-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa għall-kalkolu tas-sahra, fid-dawl tad-definizzjoni nazzjonali tas-sahra, li tinftiehem esklużivament bħala ‘xogħol imwettaq barra l-ħin normali tax-xogħol fil-ġimgħa’?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
24 Iċ-CNAIR tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija ssostni li l-leġiżlatur Rumen ma ttrasponiex formalment fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tagħhom, jiġifieri l-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar din it-talba, “sakemm it-test inkwistjoni ma jikkostitwixxix regola Ewropea direttament applikabbli fid-dritt tal-Istati Membri”.
25 Iċ-CNAIR tqis li l-imsemmija talba tirrigwarda aspetti li jikkonċernaw id-dritt Rumen, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna remunerazzjoni dovuta lill-impjegat li kien fi spostament lejn u minn post differenti mill-post tax-xogħol fiss tiegħu barra mill-ħin normali tax-xogħol u li ma talabx lill-persuna li timpjega tagħtih mistrieħ kumpensatorju, peress li dan tal-aħħar huwa l-unika miżura rregolata fil-livell Ewropew, filwaqt li l-ħlas ta’ “somma ta’ flus ekwivalenti ma hijiex prevista mid-[Direttiva 2003/88] u għalhekk ma jistax jiġi analizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-mertu”.
26 Għandu jitfakkar li, ċertament, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, peress li dan jaqa’ esklużivament taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et, C‑331/21, EU:C:2023:812, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
27 Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Statut tal-giudici di pace Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
28 Għalhekk, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Statut tal-giudici di pace Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
29 F’dan ir-rigward, sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġi, b’mod partikolari, li t-talba għal deċiżjoni preliminari jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
30 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħin li ħaddiem jiddedika sabiex jisposta ruħu, inkluż barra mill-ħin tax-xogħol abitwali tiegħu, lejn u minn post tax-xogħol stabbilit mill-persuna li timpjegah, differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu, sabiex jeżerċita hemmhekk l-attività jew il-funzjonijiet tiegħu konformement mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah, għandu jitqies li huwa “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni sabiex tiddetermina n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol supplimentari li għandhom, jekk ikun il-każ, jitħallsu fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha. Is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima teħtieġ, fil-fehma tagħha, li jiġi ddeterminat jekk il-ħin iddedikat għal tali spostamenti għandux jiġi kkalkolat bħala “ħin tax-xogħol”, kif iddefinit minn din id-dispożizzjoni.
31 Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tispjega għaliex is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima tiddependi mill-punt dwar jekk il-ħin iddedikat għal dawn il-vjaġġi għandux jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Hija tippreċiża li, għalkemm il-kwistjoni tar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, is-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima teħtieġ li l-ewwel tiġi ddeterminata n-natura ġuridika tal-ħin iddedikat għall-imsemmija spostamenti.
32 Peress li l-qorti tar-rinviju tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntest fattwali u ġuridiku li taqa’ fih l-ewwel domanda u peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali la tidher ipotetika u lanqas fittizja, għandu jiġi kkunsidrat li r-rilevanza ta’ din id-domanda hija stabbilita.
33 Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.
34 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħin ta’ spostament ta’ ħaddiem lejn u minn post tax-xogħol differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu sabiex jiġi stabbilit il-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa għall-kalkolu tas-sigħat ta’ xogħol supplimentari.
35 Fir-rigward ta’ din id-domanda, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżiti esposti fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza.
36 Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma tinkludix l-espożizzjoni tar-raġunijiet li jwasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta u lanqas dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
37 Għalkemm din il-qorti tindika li hija tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 f’sitwazzjoni li fiha d-dritt Rumen ma jipprevedi ebda soluzzjoni fil-każ ta’ spostamenti ta’ ħaddiem lejn u minn post tax-xogħol differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu, l-imsemmija qorti ma tindikax kif il-kunċett ta’ “medja tal-ħin tax-xogħol”, kif previst f’din id-dispożizzjoni, huwa rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
38 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax ir-relazzjoni li hija tistabbilixxi bejn l-Artikolu 31(2) tal-Karta u s-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti tal-klassifikazzjoni tal-ħin li BZ jiddedika għall-ispostamenti lejn u minn post tax-xogħol differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu fuq il-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ BZ u l-kalkolu tas-sigħat ta’ xogħol supplimentari ta’ dan tal-aħħar.
39 Minn dan jirriżulta li t-tieni domanda ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura u li hija, konsegwentement, inammissibbli.
Fuq l-ewwel domanda
40 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħin li ħaddiem jiddedika sabiex jisposta ruħu, inkluż barra mill-ħin tax-xogħol abitwali tiegħu, lejn u minn post tax-xogħol stabbilit mill-persuna li timpjegah, differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu, sabiex jeżerċita hemmhekk l-attività jew il-funzjonijiet tiegħu konformement mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah, għandu jitqies li huwa “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
41 Għandu jitfakkar, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala li jfisser “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu”. Għall-kuntrarju, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol” (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 20).
42 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/88 ma tipprevedix kategorija intermedja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ mistrieħ, peress li dawn iż-żewġ kategoriji jeskludu lil xulxin (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u għall-iskop ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċja sħiħa kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma jidhirx fost id-dispożizzjonijiet tagħha li hija permessa deroga minnhom (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat jekk it-tliet elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, kif stabbiliti fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda l-ħin ta’ spostament ta’ ħaddiem lejn u minn post tax-xogħol differenti mill-post tax-xogħol fiss tiegħu, peress li l-fatt li dan il-ħin ta’ spostament iseħħ barra mis-sigħat ta’ xogħol abitwali ta’ dan il-ħaddiem ma jaffettwax il-klassifikazzjoni bħala ħin tax-xogħol.
46 L-ewwel nett, fir-rigward tal-element kostituttiv ta’ dan il-kunċett, li jgħid li l-ħaddiem għandu jkun qiegħed jeżerċita l-attivitajiet tiegħu jew il-funzjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħaddiema għandhom jitqiesu li huma fl-eżerċizzju tal-attivitajiet jew tal-funzjonijiet tagħhom matul il-vjaġġi lejn u minn post tax-xogħol li huma obbligati jwettqu f’ħin iddefinit mill-persuna li timpjegahom u b’vettura li tappartjeni lilha, sabiex imorru minn post preċiż, iddeterminat minn din il-persuna li timpjega, fil-post fejn tiġi pprovduta l-prestazzjoni karatteristika prevista mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn dawn il-ħaddiema u l-imsemmija persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 38).
47 Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan il-każ, BZ, waqt il-vjaġġi tiegħu, għandu jikkonforma ruħu mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah. Din tal-aħħar tistabbilixxi l-missjonijiet li għandhom jitwettqu mill-membri tal-persunal tagħha. Din il-persuna li timpjega hija awtorizzata tiddetermina jew tbiddel, fid-diskrezzjoni tagħha, id-destinazzjoni kif ukoll il-modalitajiet tal-ivvjaġġar professjonali ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, anki meta l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jipprevedi post tax-xogħol fiss jew abitwali. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jista’ jiġi dedott li l-ispostamenti ta’ BZ lejn is-siti ta’ kostruzzjoni tat-toroq li huwa inkarigat li jikkontrolla u l-modalitajiet ta’ dawn l-ispostamenti huma deċiżi mill-imsemmija persuna li timpjega. Din tal-aħħar tistabbilixxi l-ordnijiet ta’ missjoni u tikkontrolla l-pjan direzzjonali. Għalhekk, b’mod partikolari, il-mezz ta’ trasport użat minn BZ għall-finijiet tal-imsemmija spostamenti, li l-punt tat-tluq u ta’ ritorn tagħhom jinsab fil-post tax-xogħol abitwali tiegħu, jiġifieri Iași, huwa ddeterminat mill-istess persuna li timpjega.
48 Konsegwentement, BZ għandu neċessarjament jisposta ruħu sabiex jipprovdi s-servizzi previsti mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ din il-persuna li timpjega, filwaqt li josserva l-modalitajiet ta’ spostament imposti minnha.
49 Minn dan jirriżulta li tali spostamenti għandhom jitqiesu li huma marbuta b’mod inseparabbli mal-funzjonijiet ta’ BZ u, bħala tali, inerenti għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu.
50 Konsegwentement, BZ għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu matul il-ħin ta’ spostament lejn u minn post tax-xogħol differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 28).
51 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li l-ħaddiem għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah matul dan il-ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fattur determinanti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa obbligat li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjega u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi immedjatament is-servizzi xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Għalhekk, sabiex ħaddiem ikun jista’ jitqies li huwa għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, dan il-ħaddiem għandu jkun f’sitwazzjoni fejn huwa obbligat, legalment, li jsegwi l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah u li jwettaq l-attività tiegħu f’isimha (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà, għall-ħaddiema, li jiġġestixxu l-ħin tagħhom b’inqas limiti u li jiddedikaw ruħhom għall-interessi tagħhom huwa element ta’ natura li juri li l-perijodu ta’ żmien ikkunsidrat ma jikkostitwixxix ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 F’dan il-każ, kif diġà ġie indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, matul l-ispostamenti inkwistjoni, BZ huwa obbligat jikkonforma ruħu mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah. Huwa la jista’ jbiddel id-data u lanqas id-destinazzjoni ta’ dawn il-vjaġġi. Għaldaqstant, huwa għandu josserva d-deċiżjonijiet meħuda minn din il-persuna li timpjega, anki meta din tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu vettura misjuqa minn xufier. Barra minn hekk, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, matul l-imsemmija spostamenti, BZ ma għandux il-possibbiltà li juża kif irid il-ħin tiegħu u li jużah għall-interessi tiegħu, b’mod li huwa għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/88 ma tipprevedi ebda kategorija intermedja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ mistrieħ.
55 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fost l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88, ma jinsabux l-intensità tax-xogħol imwettaq mill-impjegat jew ir-rendiment ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Ramavić, C‑373/24, EU:C:2025:842, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Għalhekk, bla ħsara għal verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, matul l-ispostamenti kkonċernati, BZ għandu jitqies li huwa għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, b’tali mod li dan l-element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, huwa ssodisfatt.
57 It-tielet nett, fir-rigward tal-element kostituttiv tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, li jgħid li l-ħaddiem għandu jkun jaħdem matul il-perijodu kkunsidrat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta ħaddiem li ma għandux post tax-xogħol fiss jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu matul l-ispostament li huwa jwettaq lejn jew mill-post fejn jinsab klijent, dan il-ħaddiem għandu wkoll jitqies li huwa x-xogħol matul dan l-ispostament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 43).
58 Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, peress li l-vjaġġi huma parti integrali tal-kwalità ta’ ħaddiem li ma għandux post tax-xogħol fiss jew abitwali, il-post tax-xogħol ta’ tali ħaddiema ma jistax jiġi llimitat għall-postijiet ta’ intervent fiżiku ta’ dawn il-ħaddiema għand il-klijenti tal-persuna li timpjegahom (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS-IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ BZ jipprevedi post tax-xogħol fiss. Madankollu, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li BZ huwa regolarment inkarigat minn missjonijiet u li t-twettiq ta’ kontrolli jew iż-żamma ta’ laqgħat barra minn dan il-post tax-xogħol fiss jagħmlu parti integrali mill-funzjonijiet abitwali tiegħu. Minn dan jirriżulta wkoll li l-ispostamenti ta’ BZ jikkostitwixxu element inerenti għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, kif iddefiniti mill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.
60 Barra minn hekk, xejn ma jippermetti li wieħed jaħseb, fid-dawl tal-elementi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ħaddiem bħal BZ jista’ jiddedika lilu nnifsu għall-interessi tiegħu matul il-ħin tal-ispostament, peress li għandu jibqa’ ’l bogħod mill-ambjent soċjali u familjari tiegħu u jibbenefika minn possibbiltà minima ta’ ġestjoni tal-ħin meta s-servizzi tiegħu ma humiex mitluba (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Ramavić, C‑373/24, EU:C:2025:842, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li dan l-element tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, huwa ssodisfatt ukoll.
62 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħin li ħaddiem jiddedika sabiex jisposta ruħu, inkluż barra mill-ħin tax-xogħol abitwali tiegħu, lejn u minn post tax-xogħol stabbilit mill-persuna li timpjegah, differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu, sabiex jeżerċita hemmhekk l-attività jew il-funzjonijiet tiegħu konformement mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah, għandu jitqies li huwa “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
63 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
il-ħin li ħaddiem jiddedika sabiex jisposta ruħu, inkluż barra mill-ħin tax-xogħol abitwali tiegħu, lejn u minn post tax-xogħol stabbilit mill-persuna li timpjegah, differenti mill-post tax-xogħol fiss jew abitwali tiegħu, sabiex jeżerċita hemmhekk l-attività jew il-funzjonijiet tiegħu konformement mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah, għandu jitqies li huwa “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.