Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
9 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Kompetizzjoni – Futbol professjonali – Artikolu 101(1) TFUE – Projbizzjoni ta’ akkordji – Regolamenti ta’ federazzjoni tal-futbol nazzjonali – Xiri ta’ servizzi mingħand terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni – Attività tal-aġenti tal-plejers – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett – Eċċezzjoni għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE – Portata – Għanijiet imfittxija minn dawn ir-regolamenti – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali – Neċessità – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑428/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura
ROGON GmbH & Co. KG,
MVI Management GmbH,
DC
vs
Deutscher Fußball-Bund eV (DFB),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan (Relatur), D. Gratsias, u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal ROGON GmbH & Co. KG, MVI Management GmbH u DC, minn T. Bernhard, A. Fritzsche, S. Kirchgeßner u C. von Köckritz, Rechtsanwälte,
– għad-Deutscher Fußball-Bund eV (DFB), minn D. Bischoff u M. Stopper, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u T. Lechevallier, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, B. Cullen u G. Meeßen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, ROGON GmbH & Co. KG, MVI Management GmbH u DC u, min-naħa l-oħra, id-Deutscher Fußball-Bund eV. (DFB) li hija l-federazzjoni tal-futbol Ġermaniża (iktar ’il quddiem id-“DFB”), dwar il-legalità tar-regolamenti adottati minn din tal-aħħar dwar l-attività tal-aġenti tal-plejers.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 101(1) TFUE jipprovdi:
“Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ [...] assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:
a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,
b) il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment,
c) it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,
d) l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,
e) is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari-
4 Id-DFB hija organizzazzjoni umbrella li tiġbor flimkien 27 assoċjazzjoni tal-futbol Ġermaniża, fosthom, b’mod partikolari, id-Deutsche Fußball Liga eV. (DFL), li huwa l-lig tal-futbol Ġermaniż (iktar ’il quddiem id-“DFL”). Din tinkludi iktar minn 25 000 klabb u iktar minn 7 miljun membru.
5 ROGON hija kumpannija ta’ konsulenza għall-plejers professjonali tal-futbol u għat-talent żgħażugħ fil-Ġermanja, li twaqqfet minn DC. MVI Management hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt Awstrijak li l-attività tagħha tikkonsisti wkoll fl-allokazzjoni ta’ plejers.
6 Skont l-Artikolu 16a tal-istatuti tad-DFB, l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fl-ogħla żewġ ligijiet professjonali hija żgurata mid-DFL, li tikkostitwixxi assoċjazzjoni li tiġbor flimkien il-klabbs li jipparteċipaw f’dawn iż-żewġ ligijiet professjonali.
7 Il-klabbs li jipparteċipaw fil-kampjonat tal-Bundesliga jew tat-tieni lig Ġermaniż huma meħtieġa, fil-kwalità tagħhom ta’ membri ordinarji tad-DFL, josservaw l-istatuti tad-DFB u r-regolamenti obbligatorji adottati minnha. Sabiex ikunu jistgħu jevolvu fil-Bundesliga jew fit-tieni lig Ġermaniż, il-plejers għandhom jikkonkludu kuntratt ta’ liċenzja mad-DFL, kuntratt li jobbligahom jikkonformaw ruħhom mar-regoli stabbiliti mid-DFB. Bħala membru tal-Fédération internationale de football association (FIFA), id-DFB hija suġġetta għar-regoli ta’ din tal-aħħar u hija meħtieġa tapplika d-deċiżjonijiet tagħha.
8 Id-DFB adottat ir-Reglement für Spielervermittlung (ir-Regolamenti li Jirregolaw l-Attivitajiet tal-Aġenti tal-Plejers, iktar ’il quddiem ir-“RfSV”), li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2015. Dawn ir-regolamenti huma intiżi għall-klabbs u għall-plejers, li huma meħtieġa josservawhom. Ir-RfSV jirregolaw l-użu, mill-plejers u mill-klabbs, tas-servizzi ta’ aġent bil-għan tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ plejers professjonali u ta’ ftehimiet ta’ trasferiment. Fost affarijiet oħra, ir-RfSV:
– jimponu obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-aġenti (Artikolu 2(3) u Artikolu 3(2) u (3));
– jeħtieġu l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-aġent li tipprevedi s-sottomissjoni tiegħu għal diversi statuti, regolamenti u regoli tal-FIFA, tad-DFB u tad-DFL, inkluża s-sottomissjoni għall-ġuriżdizzjoni tad-DFB (Artikolu 2(2) u Artikolu 3(2) u (3) kif ukoll l-Annessi 1 u 2);
– jimponu obbligu addizzjonali ta’ reġistrazzjoni ta’ persuna fiżika fil-każ ta’ reġistrazzjoni ta’ persuna ġuridika (Anness 2);
– jipprojbixxu lill-aġent, fil-każ ta’ trasferiment ’il ġewwa, milli jkollu sehem mir-rikavat futur ta’ trasferiment tal-klabb (Artikolu 7(3));
– jipprojbixxu l-kummissjonijiet għas-servizzi tal-aġent fil-każ ta’ trasferiment ta’ minuri, (Artikolu 7(7)); u
– jimponu obbligu li jiġu żvelati remunerazzjonijiet imħallsa u ħlasijiet magħmula lill-aġenti tal-plejers (Artikolu 6(1)), u
– jipprevedu sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-obbligi li dawn jimponu (Artikolu 9).
9 Fit‑12 ta’ Jannar 2018, Deutsche Fußball Liga GmbH (DFL GmbH), sussidjarja miżmuma 100 % mid-DFL, bagħtet iċ-Ċirkolari Nru 62 lill-persuni responsabbli mill-klabbs u mill-kumpanniji b’kapital azzjonarju tal-Bundesliga u tat-tieni lig Ġermaniż sabiex tinformahom, fost oħrajn, bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-aġenti tal-plejers awtorizzati minn klabbs fil-każ ta’ ftehim ta’ trasferiment ’il barra. B’mod partikolari, din iċ-ċirkulari kienet tenfasizza li r-remunerazzjoni tal-aġenti setgħet tiġi miftiehma jew fil-forma ta’ ħlas uniku ta’ somma f’daqqa, jew fil-forma ta’ remunerazzjoni progressiva, marbuta mal-ħlas għat-trasferiment miksub abbażi tas-servizz ta’ trasferiment ’il barra, bl-esklużjoni ta’ kull remunerazzjoni kkalkolata abbażi ta’ perċentwal ta’ dan il-ħlas.
10 Kull wieħed u waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) b’azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fir-rigward ta’ ċerti obbligi previsti mir-RfSV billi invokaw, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tal-akkordji illegali.
11 Peress li dik il-qorti laqgħet biss parzjalment din l-azzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw mis-sentenza mogħtija minnha quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) li, minn naħa, ikkundannat lid-DFB twaqqaf il-prattika li tikkonsisti f’li l-aġenti tal-plejers jistgħu jiġu rreġistrati biss bil-kundizzjoni li jissuġġettaw ruħhom għad-dispożizzjonijiet tal-FIFA, tad-DFB u tad-DFL li jirregolaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ aġenti tal-plejers u, min-naħa l-oħra, ipprojbixxiet lid-DFB, jew lil kull organizzatur tal-logħob fi ħdan lig tal-futbol, milli jillimitaw il-possibbiltà, għall-klabbs, li jiftiehmu dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-kummissjonijiet imħallsa lill-aġenti tal-plejers ibbażati fuq perċentwal tad-dħul li joriġina minn trasferimenti ulterjuri. Hija ċaħdet il-kumplament tal-appell, kif ukoll appell inċidentali ppreżentat mid-DFB.
12 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u d-DFB ippreżentaw quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, rikorsi għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) sabiex jiksbu, għal dawk tal-ewwel, it-tmiem tal-obbligi li jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom u, għat-tieni waħda, iċ-ċaħda tar-rikors.
13 Il-qorti tar-rinviju hija inklinata tqis li r-regoli previsti mir-RfSV iwasslu għal restrizzjoni li tista’ taffettwa l-kompetizzjoni bejn impriżi stabbiliti fi Stati Membri differenti. Ċertament, dawn ir-regoli ma jirrigwardawx direttament lill-aġenti tal-plejers, iżda huma indirizzati lill-klabbs u lill-plejers. Madankollu, peress li l-klabbs jinsabu fost dawk li jitolbu s-servizzi pprovduti mill-aġenti, tali regoli għandhom l-effett li jirrestrinġu l-libertà ta’ azzjoni ekonomika tagħhom.
14 Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn ir-regoli jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, hekk kif jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 101 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492), u jekk dawn jaqgħux għalhekk taħt eċċezzjoni.
15 Madankollu, din l-eċċezzjoni ġiet applikata biss f’każijiet li għandhom karatteristiċi partikolari li jirrigwardaw esklużivament, minn naħa, regolamenti adottati minn federazzjonijiet professjonali fuq bażi legali u minn entità li ngħatat espressament kompetenza regolatorja, u min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u tal-federazzjonijiet sportivi, regoli dwar l-organizzazzjoni tal-attività sportiva jew l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet, li kollha kienu jaqgħu taħt il-kompetenza proprja tal-federazzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet interni tagħhom.
16 Barra minn hekk, skont parti mid-duttrina, din l-eċċezzjoni ma hijiex applikabbli meta r-regolamenti inkwistjoni jkunu jirregolaw swieq li ma jkunux jikkonċernaw direttament il-kompetizzjoni sportiva fiha nnifisha u jkunu jkopru l-attività ta’ impriżi li ma jkunux membri tal-federazzjoni sportiva kkonċernata. Madankollu, skont parti oħra ta’ din id-duttrina, l-imsemmija eċċezzjoni hija intiża li tapplika sa fejn tista’ tiġi stabbilita kwalunkwe rabta materjali bejn ir-regolamenti inkwistjoni u l-organizzazzjoni kif ukoll l-iżvolġiment tajjeb ta’ kompetizzjoni sportiva.
17 F’dan il-każ, għalkemm ir-RfSV huma indirizzati lill-klabbs u lill-plejers, dawn ikopru wkoll lill-aġenti tal-plejers, li ma humiex membri tad-DFB. Dawn ir-regolamenti għalhekk jipproduċu effetti fuq suq upstream tal-attività sportiva, b’mod li r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni li dawn jinvolvu ma jistgħux jiġu ġġustifikati biss mill-awtonomija tal-federazzjonijiet sportivi.
18 Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi dedott mingħajr ekwivoku jekk, f’tali sitwazzjoni, regolamenti li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-libertà ta’ azzjoni ta’ operaturi tas-suq mhux affiljati ma’ federazzjoni jistgħux jaqgħu barra l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492).
19 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) u tat‑18 ta’ Lulju 2006 Meca Medina u Majcen (C‑519/04 P, EU:C:2006:492) japplikaw għar-regoli ta’ federazzjoni sportiva li huma indirizzati lill-membri tal-federazzjoni u li jirregolaw l-użu ta’ servizzi pprovduti minn impriżi [terzi] li ma humiex membri tal-federazzjoni f’suq upstream tal-attivitajiet tal-federazzjoni, liema prinċipji, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ akkordji,
– għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ġenerali li fih id-deċiżjoni inkwistjoni ttieħdet jew tipproduċi l-effetti tagħha, u b’mod partikolari l-għan tagħha,
– u għandu jiġu eżaminat ukoll jekk l-effetti antikompetittivi assoċjati mad-deċiżjoni humiex neċessarjament relatati mat-twettiq tal-għanijiet iddikjarati,
– u jekk humiex proporzjonati għal dawk l-għanijiet [...]?
2) Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: F’dan il-każ, [dawn il-prinċipji] għand[hom] jiġ[u] applikat[i] għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dawn ir-regoli, jew jiddependi fuq kriterji sostantivi, bħall-prossimità jew id-distanza tad-dispożizzjonijiet individwali għall-attività sportiva tal-federazzjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
20 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jfittxu għan leġittimu ta’ interess ġenerali, kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492), tista’ tapplika għal regolamenti adottati minn federazzjoni sportiva li, filwaqt li huma indirizzati lill-membri tagħha, jirregolaw l-użu tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni.
21 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn l-eżerċizzju ta’ sport jikkostitwixxi attività ekonomika, huwa jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli għal tali attività (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 29).
22 Huma biss ċerti regoli speċifiċi li, minn naħa, ġew adottati esklużivament għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika u li, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw kwistjonijiet li jirrigwardaw biss l-isport fih innifsu li għandhom jitqiesu bħala estranji għal kull attività ekonomika. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-każ ta’ dawk ir-regoli li jirrigwardaw l-esklużjoni tal-plejers barranin mill-formazzjoni tat-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw il-pajjiż tagħhom jew li jirrigwardaw l-iffissar tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni użati għall-għażla tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet fuq bażi individwali (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 30).
23 Bl-eċċezzjoni ta’ dawn ir-regoli speċifiċi, ir-regoli adottati mill-assoċjazzjonijiet sportivi u, b’mod iktar wiesa’, l-aġir ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 31).
24 F’dan ir-rigward, ir-regolamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jagħmlux parti mir-regoli li għalihom tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, liema eċċezzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha u li ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi eskluża kull attività sportiva mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt ekonomiku tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 32).
25 Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, dawn ir-regolamenti mhux biss huma indirizzati direttament lill-klabbs u lill-plejers, billi jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom dawn tal-aħħar jista’ jużaw is-servizzi tal-aġenti tal-plejers, iżda huma jirrigwardaw wkoll indirettament lil dawn l-aġenti billi jimponulhom ċerti obbligi li huma għandhom jikkonformaw magħhom sabiex jirrappreżentaw l-imsemmija klabbs u l-imsemmija plejers fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet. Issa, peress li tali attività tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas u li jirrigwardaw l-allokazzjoni ta’ sportivi, hija għandha tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika.
26 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tapplika biss fir-rigward ta’ “akkordji [...] bejn impriżi”, ta’ “deċiżjonijiet [...] ta’ [...] assoċjazzjonijiet bejn impriżi” jew ta’ “prattiċi [...] miftiehma”.
27 Skont ġurisprudenza stabbilita, kull entità li teżerċita attività ekonomika li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi f’suq partikolari, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha jew min-natura ta’ lukru tal-għan imfittex minnha, tikkostitwixxi impriża għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni , C‑666/20 P, EU:C:2022:225, punt 69, kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2022, altijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga, C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punt 68).
28 Għalhekk, l-Artikolu 101(1) TFUE huwa applikabbli għal kull entità meta hija teżerċita attività ekonomika u li, għal dan il-għan, għandha tiġi kklassifikata bħala “impriża”, inkluża kull entità li hija kkostitwita fil-forma ta’ assoċjazzjoni li, skont l-istatuti tagħha, għandha bħala għan assoċjattiv tagħha l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ sport partikolari, sakemm hija teżerċita attività ekonomika relatata ma’ dan l-isport. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll għal kull entità li, għalkemm mhux neċessarjament tikkostitwixxi impriża, tista’ tiġi kklassifikata bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi”, peress li tiġbor fiha operaturi attivi f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 112 sa 114).
29 Ċertament, għandhom jitqiesu li ġew adottati minn assoċjazzjoni jew minn korp privat, li jaġixxu mhux bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, iżda bħala awtorità pubblika, regolamenti li jirriżultaw minn organizzazzjoni professjonali jew minn federazzjoni meta din taġixxi fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tipiċi tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et, C‑128/21, EU:C:2024:49, punti 61 u 71) jew, tal-inqas, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa regolatorja li ġiet espressament fdata lilha mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm ikunu jeżistu indizji li juru li din l-organizzazzjoni professjonali jew din il-federazzjoni hija meħtieġa taġixxi għal dan il-għan fl-interess pubbliku ġenerali u taħt il-kontroll effettiv tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 49; tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punti 30 u 31, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et, C‑128/21, EU:C:2024:49, punti 72 sa 75 u 81).
30 Fil-fatt, anki f’tali każijiet, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li tali assoċjazzjoni jew tali organizzazzjoni professjonali ma tadottax regolamenti li jċaħħdu r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi mill-effett utli billi jinċentivaw lil dawn tal-aħħar jadottaw b’mod volontarju aġir antikompetittiv. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet obbligatorji hekk adottati ma jaqgħux, fihom innifishom, taħt l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li huma ma jirriżultawx minn deċiżjoni meħuda minn entità li taġixxi bħala impriża jew bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi.
31 Konsegwentement, għalkemm, hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ċerti regolamenti adottati minn federazzjoni professjonali fuq bażi legali jistgħu jaqgħu barra l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li dan huwa dovut għall-fatt li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ delega ta’ kompetenzi li għandu l-awtur ta’ dawn ir-regolamenti, dawn jistgħu jitqiesu li ġew adottati minn federazzjoni li, minkejja li għandha tiġi kklassifikata bħala impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi għal uħud mill-attivitajiet tagħha, ma tistax titqies bħala tali, meta hija tkun eżerċitat, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-imsemmija regolamenti, setgħa regolatorja li kienet ġiet espressament fdata lilha mill-Istat Membru kkonċernat jew prerogattivi tipiċi tal-awtorità pubblika.
32 F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-DFB tiġbor flimkien 27 assoċjazzjoni tal-futbol Ġermaniża, li l-membri tagħhom jinkludu klabbs li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li jikkonsistu fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi fi swieq differenti, bħal dawk tal-biljetti sportivi, tal-isponsorizzazzjoni jew ukoll tal-merchandising. Għaldaqstant, id-DFB tista’ titqies li għandha, kemm f’dawn is-swieq kif ukoll fis-swieq li jinsabu upstream tagħhom, bħal dawk tar-reklutaġġ tal-plejers jew tal-kowċijiet jew ukoll tas-servizzi ta’ aġenti bil-għan tat-trasferiment tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali minn klabb għal ieħor, l-istatus ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.
33 Barra minn hekk, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-regolamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew formalment adottati fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tipiċi ta’ awtorità pubblika jew, tal-inqas, ta’ setgħa regolatorja mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat lid-DFB. Għall-kuntrarju, mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż indika, essenzjalment, li d-DFB ma kienet irċeviet ebda awtorizzazzjoni espressa mil-leġiżlatur Ġermaniż għal dan il-għan.
34 Għaldaqstant, dawn ir-regolamenti jistgħu jaqgħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.
35 L-Artikolu 101(1) TFUE jiddikjara li kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u kull prattika miftiehma, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew bħala effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern.
36 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew kull prattika miftiehma li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi li jkunu partijiet f’dan il-ftehim jew li jkunu suġġetti għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni, jew li jipparteċipaw f’din prattika mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taħtu jaqgħu wħud minn dawn il-ftehimiet, minn dawn id-deċiżjonijiet u minn dawn il-prattiki jista’ jwassal għall-konstatazzjoni, l-ewwel nett, li dawn huma ġġustifikati mit-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li fihom innifishom ma humiex ta’ natura antikompetittiva, it-tieni nett, li l-mezzi konkreti użati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan il-għan u, it-tielet nett, li, anki jekk jirriżulta li dawn il-mezzi għandhom bħala effett inerenti li joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni, minn tal-inqas potenzjali, tal-kompetizzjoni, dan l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 91).
37 Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ aġir li, minflok ma sempliċement ikollu bħala “effett” inerenti li jirrestrinġi, tal-inqas potenzjalment, il-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, ikun jippreżenta, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, livell ta’ noċività li jkun jiġġustifika li jitqies li dan għandu bħala “għan” stess il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 92).
38 Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżit li l-aġir inkwistjoni għandu jkun, fis-sens strett, neċessarju u proporzjonat, għandu jiġi rrilevat li l-eżami ta’ dan ir-rekwiżit jimplika, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, qabelxejn, li jiġi ddeterminat jekk il-mezzi konkreti li jintużaw, f’każ partikolari, sabiex jintlaħaq għan leġittimu ta’ interess ġenerali humiex xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan il-għan, sussegwentement, li jiġi evalwat jekk l-użu ta’ dawn il-mezzi huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, fatt li jimplika li ma jkunux jeżistu miżuri oħra li jkunu daqstant effettivi għal dan il-għan filwaqt li jkunu inqas restrittivi għall-kompetizzjoni, u, fl-aħħar nett, li jiġi vverifikat li l-effetti restrittivi kkawżati mill-miżuri adottati ma humiex sproporzjonati meta mqabbla ma’ tali għan, b’mod partikolari billi tiġi eliminata kull kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 98).
39 Madankollu, sa fejn il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza tippermetti li ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jevitaw il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, l-applikazzjoni tiegħu għal regolamenti adottati minn federazzjoni sportiva li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirregolaw l-użu mill-membri tagħha tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni, tippreżupponi, minn qabel, li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti fir-rigward ta’ tali regolamenti.
40 Issa, sabiex dan ikun il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, regolamenti għandhom, l-ewwel nett, jikkostitwixxu ftehim jew prattika miftiehma bejn diversi impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, it-tieni nett, ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, it-tielet nett, ikollhom bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.
41 Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-aġir li jista’ jkun ikkonċernat jista’ jkollu natura differenti u jippreżenta ruħu f’forom differenti.
42 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li d-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tikkonsisti fl-adozzjoni jew fl-implimentazzjoni ta’ regolamenti li għandhom effett dirett fuq il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika tal-impriżi li huma direttament jew indirettament membri ta’ din l-assoċjazzjoni jistgħu jikkostitwixxu tali “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 119).
43 Issa, huwa preċiżament fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din in-natura li l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri deċiżjoni li permezz tagħha federazzjoni sportiva nazzjonali adottat u implimentat ġabra ta’ regoli li hija intiża, ċertament, li tiddefinixxi sistema ġuridika applikabbli għall-aġenti tal-plejers, iżda li madankollu ma hijiex mingħajr effett fuq l-attività ekonomika li jeżerċitaw il-membri ta’ din il-federazzjoni, jiġifieri l-klabbs tal-futbol.
44 Fil-fatt, minn naħa, il-provvisti ta’ servizzi mill-aġenti jikkostitwixxu dħul għall-impriżi li huma l-klabbs, b’tali mod li l-ispiża ta’ dawn is-servizzi tista’ tinfluwenza l-profittabbiltà ta’ dawn il-klabbs. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni kompetittiva reċiproka tal-imsemmija klabbs fid-diversi swieq li fihom dawn huma preżenti, bħal dawk tal-biljetti sportivi, tal-isponsorizzazzjoni jew ukoll tal-merchandising, tiddependi prinċipalment mill-prestazzjonijiet imwettqa waqt il-parteċipazzjoni tagħhom f’kompetizzjonijiet sportivi, li huma marbuta mill-qrib mal-kompożizzjoni tat-timijiet u li fir-rigward tagħhom l-aġenti jeżerċitaw ċerta influwenza.
45 Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li teżiġi li l-ftehim bejn impriżi, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika inkwistjoni jkunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li regolamenti ta’ oriġini privata li jestendu għat-territorju kollu ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jkunu ta’ natura li jissodisfaw din il-kundizzjoni, sakemm huma jkollhom l-effett li jikkonsolidaw it-taqsim tas-swieq fuq bażi nazzjonali, u b’hekk jostakolaw l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 95, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 50).
46 F’dan il-każ, għalkemm ir-regolamenti inkwistjoni jista’ jkollhom biss effett fuq is-suq nazzjonali tar-reklutaġġ tal-plejers, peress li s-suq internazzjonali tar-reklutaġġ tal-plejers huwa rregolat, min-naħa tiegħu, mill-FIFA, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ir-regolamenti jaffettwaw qabel kollox is-suq tas-servizzi ta’ aġent b’rabta mal-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġt iswieq. Issa, f’dan l-aħħar suq, jistgħu jintervjenu fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra li, minħabba r-regolamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu dissważi milli joffru s-servizzi tagħhom fis-suq nazzjonali. B’dan il-mod, regolamenti li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma intiżi li jirregolaw l-attività ta’ aġent għandhom jitqies li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
47 Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ speċifiku, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju, konformement mal-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, li jintwera jew li dawn għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li dan l-aġir għandu tali effett (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 36).
48 F’dan ir-rigward, għalkemm, fih innifsu, il-fatt li regolamenti adottati minn federazzjoni sportiva huma indirizzati lill-membri tagħha, filwaqt li jirregolaw l-użu tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni ma jidhirx li huwa ta’ natura li jeskludi li dawn ir-regolamenti jista’ jkollhom bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-regolamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx l-għan jew l-effett li jistabbilixxu tali restrizzjoni tal-kompetizzjoni.
49 Barra minn hekk, sabiex il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza tkun applikabbli, jeħtieġ ukoll li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, imfakkra fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza, ikunu ssodisfatti wkoll.
50 Madankollu, ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li għandha, espliċitament jew impliċitament, l-effett li teskludi mill-benefiċċju tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza r-regolamenti kollha adottati minn federazzjoni sportiva li, filwaqt li huma indirizzati lill-membri tagħha, jirregolaw l-użu tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni.
51 Qabelxejn, is-sempliċi fatt li regolamenti adottati minn federazzjoni sportiva huma indirizzati lill-membri tagħha, filwaqt li jirregolaw l-użu tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni, ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi karatteristika li tippermetti li jiġi konkluż li dawn ir-regolamenti għandhom ikunu marbuta ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li hija, fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, partikolarment ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali.
52 Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” jirreferi għal kull ftehim bejn impriżi, għal kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew għal kull prattika miftiehma li għandhom karatteristiċi li jippermettu li dawn jintrabtu ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, min-natura tagħhom stess, għandhom jitqiesu li huma ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN vs BIC Português et, C‑298/22, EU:C:2024:638, punti 43, 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
53 Sussegwentement, tali karatteristika ma tistax titqies li hija ta’ natura li teskludi li dawn ir-regolamenti jistgħu jfittxu għan jew diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li ma humiex, fihom innifishom, ta’ natura antikompetittiva, u lanqas li teskludi li dawn ir-regolamenti huma xierqa sabiex jitwettaq tali għan.
54 Barra minn hekk, din il-karatteristika ma tistax, bħala tali, tostakola li jiġi kkonstatat li ma jeżistux mezzi oħra li jistgħu jilħqu b’mod daqstant effikaċi l-għanijiet inkwistjoni.
55 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata fis-sens strett tal-effetti restrittivi kkawżati fid-dawl tal-għan jew tal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija karatteristika ma tistax, bħala tali, titqies li hija ta’ natura li teskludi li din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, peress li, minn naħa, l-osservanza tagħha tiddependi min-natura tal-għan jew tal-għanijiet imfittxija, u min-naħa l-oħra, tali karatteristika ma hijiex ta’ natura, fiha nnifisha, li telimina kull kompetizzjoni fis-suq li fih joperaw dawn l-impriżi terzi kkonċernati.
56 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax li, sabiex ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, regolamenti għandhom ikunu jistgħu jipproduċu effetti biss fir-rigward tal-membri tal-assoċjazzjoni jew tal-federazzjoni li tkun adottathom.
57 Fil-fatt, il-fatt li regolamenti adottati minn assoċjazzjoni bħad-DFB jipproduċu wħud mill-effetti tagħhom mhux biss fir-rigward tal-membri ta’ din il-federazzjoni jew ta’ din l-assoċjazzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta’ impriżi, li, għalkemm terzi, għandhom relazzjonijiet mal-imsemmija membri, jista’ jirriżulta li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq għan jew sabiex jintlaħqu diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li ma humiex, fihom innifishom, ta’ natura antikompetittiva.
58 Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta, sabiex jitwettqu tali għanijiet, federazzjoni sportiva jkollha tadotta regolamenti li jista’ jkollhom implikazzjonijiet għall-ekosistema li huma jirregolaw u jikkontrollaw.
59 Issa, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-settur tal-futbol professjonali u semi‑professjonali, kategoriji differenti ta’ operaturi ekonomiċi, bħall-klabbs, il-federazzjonijiet nazzjonali, il-plejers u l-aġenti, għandhom jinteraġixxu u, sa ċertu punt, jikkollaboraw sabiex jiżguraw il-vijabbiltà tas-settur u l-attraenza tiegħu għall-partitarji u għall-ispettaturi. Fil-fatt, jekk is-servizzi finali li huma l-logħob u t-turnew ma kinux attraenti biżżejjed, u lanqas ma kienu s-suġġett ta’ xandir adegwat, dawn il-kategoriji differenti kollha ta’ operaturi ekonomiċi jkunu negattivament affettwati.
60 F’dawn iċ-ċirkustanzi, regolamenti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu li huma estranji għall-għan ta’ interess ġenerali relatat mal-integrità tal-kompetizzjonijiet sportivi għas-sempliċi fatt li huma jipproduċu wkoll effetti fuq l-attività tal-aġenti tal-plejers.
61 Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li, f’setturi oħra ta’ attivitajiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza tista’ tapplika fir-rigward ta’ regolamenti adottati minn organizzazzjoni li tiġbor flimkien il-membri ta’ professjoni u li jirrigwardaw l-onorarji minimi dovuti mill-klijenti tagħhom, sakemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punti 53 u 54, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 53 sa 55). Issa, minkejja li tali regolamenti kienu intiżi għall-membri tal-organizzazzjoni kkonċernata, huma xorta waħda kienu jaffettwaw lill-klijenti tagħhom, li kienu terzi għal din l-organizzazzjoni.
62 Għaldaqstant, regolamenti adottati minn federazzjoni sportiva ma jistgħux jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza għas-sempliċi raġuni li, filwaqt li huma indirizzati lill-membri ta’ din il-federazzjoni, dawn ir-regolamenti jirregolaw l-użu tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni. Għall-kuntrarju, huwa imperattiv li jiġi żgurat, b’mod konkret, li regolamenti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ftehim bejn impriżi jew bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, huma ġġustifikati mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali li fir-rigward tiegħu dawn jidhru adegwati, neċessarji u proporzjonati fis-sens strett.
63 F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-regolamenti inkwistjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, kif imfakkra fil-punti 36 sa38 ta’ din is-sentenza.
64 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jfittxu għan leġittimu ta’ interess ġenerali, bħal dik stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492), tista’ tapplika għal regolamenti adottati minn federazzjoni sportiva li, filwaqt li huma indirizzati lill-membri tagħha, jirregolaw l-użu tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni, sakemm dawn ir-regolamenti:
– ikunu ġew adottati mill-imsemmija federazzjoni li taġixxi, għal dan il-għan, bħala impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, u jkunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri;
– ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ftehim bejn impriżi jew bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, u
– ifittxu għan jew diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li ma humiex, fihom innifishom, ta’ natura antikompetittiva, u jkunu proporzjonati mat-tfittxija ta’ dan il-għan jew ta’ dawn l-għanijiet, fatt li jimplika, l-ewwel nett, li r-regolamenti jkunu adatti sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan il-għan jew ta’ dawn l-għanijiet, it-tieni nett, li dawn ir-regolamenti ma jeċċedux dak li huwa neċessarju, fis-sens li ebda miżura inqas restrittiva ma tippermetti li l-imsemmi għan jew l-imsemmija għanijiet jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi u, it-tielet nett, li l-imsemmija regolamenti ma jipproduċux effetti fuq il-kompetizzjoni li jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-interess ġenerali li jitwettaq l-istess għan jew li jitwettqu l-istess għanijiet, b’mod partikolari billi tiġi eliminata kull kompetizzjoni.
Fuq it-tieni domanda
65 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni stabbilita mis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492), tapplikax, il-kundizzjonijiet relatati magħha għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti inkwistjoni, jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji relatati mal-livell ta’ rabta bejn dawn id-diversi dispożizzjonijiet u l-organizzazzjoni u l-eżerċizzju tal-attività sportiva tal-federazzjoni.
66 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, sabiex tkun tapplika, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza timplika l-eżistenza ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali kif ukoll relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn, minn naħa, il-miżuri previsti mir-regolamenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dawn l-għanijiet.
67 Peress li d-dispożizzjonijiet tal-istess regolamenti jistgħu jfittxu għanijiet differenti jew jipproduċu effetti distinti, hemm lok, f’tali ipoteżi, li jsir eżami awtonomu tal-proporzjonalità ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet, jew ukoll ta’ sett ta’ dispożizzjonijiet li jfittxu għan distint jew li jipproduċu effett distint.
68 Għall-kuntrarju, jekk kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom ikun artifiċjali li sett ta’ dispożizzjonijiet jinqasam, jew minħabba n-natura inseparabbli tagħhom, jew għaliex xi wħud minnhom ikunu anċillari għal oħrajn.
69 Fir-rigward tal-livell ta’ rabta bejn id-diversi dispożizzjonijiet tal-istess regolamenti u l-organizzazzjoni u l-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni jew l-għan soċjali tal-federazzjoni li tkun adottathom, dan ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza għandhomx jiġu eżaminati fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jew fir-rigward ta’ sett ta’ dispożizzjonijiet, jew ukoll tar-regolamenti kollha li jistabbilixxuhom.
70 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni stabbilita mis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492) tapplikax, il-kundizzjonijiet relatati magħha ma għandhomx neċessarjament jiġu evalwati fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti inkwistjoni, iżda fir-rigward ta’ kull sett ta’ dispożizzjonijiet li jfittxu għan distint jew li jipproduċu effett distint.
Fuq l-ispejjeż
71 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jfittxu għan leġittimu ta’ interess ġenerali, bħal dik stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492), tista’ tapplika għal regolamenti adottati minn federazzjoni sportiva li, filwaqt li huma indirizzati lill-membri tagħha, jirregolaw l-użu tas-servizzi ta’ impriżi terzi li ma humiex membri ta’ din il-federazzjoni, sakemm dawn ir-regolamenti:
– ikunu ġew adottati mill-imsemmija federazzjoni li taġixxi, għal dan il-għan, bħala impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, u jkunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri;
– ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ftehim bejn impriżi jew bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, u
– ifittxu għan jew diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li ma humiex, fihom innifishom, ta’ natura antikompetittiva, u jkunu proporzjonati mat-tfittxija ta’ dan il-għan jew ta’ dawn l-għanijiet, fatt li jimplika, l-ewwel nett, li r-regolamenti jkunu adatti sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan il-għan jew ta’ dawn l-għanijiet, it-tieni nett, li dawn ir-regolamenti ma jeċċedux dak li huwa neċessarju, fis-sens li ebda miżura inqas restrittiva ma tippermetti li l-imsemmi għan jew l-imsemmija għanijiet jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi u, it-tielet nett, li l-imsemmija regolamenti ma jipproduċux effetti fuq il-kompetizzjoni li jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-interess ġenerali li jitwettaq l-istess għan jew li jitwettqu l-istess għanijiet, b’mod partikolari billi tiġi eliminata kull kompetizzjoni.
2) L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni stabbilita mis-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492) tapplikax, il-kundizzjonijiet relatati magħha ma għandhomx neċessarjament jiġu evalwati fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti inkwistjoni, iżda fir-rigward ta’ kull sett ta’ dispożizzjonijiet li jfittxu għan distint jew li jipproduċu effett distint.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.