Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva (UE) 2019/771 – Kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti – Artikolu 13(4)(c) – Rimedji tal-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità tal-oġġett – Kunċett ta’ ‘nuqqas ta’ konformità tant serju li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew il-ħall immedjat tal-kuntratt ta’ bejgħ’ – Nuqqas li jirrigwarda s-sigurtà tal-oġġett – Tqegħid f’konformità tal-oġġett bi spiża minima”

Fil-Kawża C‑307/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ April 2025, fil-proċedura

KFZ Kolak e.U.

vs

GF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin (Relatur), President tal-Awla, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal KFZ Kolak e.U., minn W. Reiser, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u E. Schmidt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU 2019, L 136, p. 28, rettifiki fil-ĠU 2019, L 305, p. 61 u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn KFZ Kolak e.U. u GF dwar il-ħall ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ vettura użata u l-ħlas lura sussegwenti tal-prezz imħallas.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 2, 52 u 53 tad-Direttiva 2019/771 jipprovdu:

“(2)      [...] Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb bilanċ tajjeb bejn il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiżgura r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

[...]

(52)      F’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun ġustifikat li l-konsumatur ikun intitolat għal roħs fil-prezz jew għat-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt. Meta l-bejjiegħ ikun ħa azzjoni biex iġib l-oġġetti f’konformità iżda sussegwentement ikun evidenti li hemm nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li jiġi determinat b’mod oġġettiv jekk il-konsumatur jenħtieġx li jaċċetta tentattivi oħra mill-bejjiegħ biex iġib l-oġġetti f’konformità, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ bħat-tip u l-valur tal-oġġetti u n-natura u s-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità. B’mod partikolari, għal oġġetti għaljin jew kumplessi jista’ jkun ġustifikat li l-bejjiegħ jitħalla jerġa’ jipprova jsib rimedju għan-nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li jitqies ukoll jekk il-konsumatur jistax ikun mistenni li jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità jew le, pereżempju minħabba li l-istess problema tidher darbtejn. Bl-istess mod, f’ċerti sitwazzjonijiet in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ta’ natura tant serja li l-konsumatur ma jkunx jista’ jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità, bħal fejn in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa b’mod gravi l-ħila tal-konsumatur li jagħmel użu normali mill-oġġetti u l-konsumatur ma jistax ikun mistenni li jkollu fiduċja li t-tiswija jew it-tibdil min-naħa tal-bejjiegħ ikunu se jsolvu l-problema.

(53)      Sabiex jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, jenħtieġ li l-konsumatur igawdi d-dritt li jittermina l-kuntratt f’każijiet biss fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx żgħir.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u skop”, huwa fformulat kif ġej:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, billi tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ konklużi bejn bejjiegħa u konsumaturi, b’mod partikolari regoli dwar il-konformità tal-oġġetti mal-kuntratt, rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità bħal din, il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dawk ir-rimedji, u dwar garanziji kummerċjali.”

5        Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konformità tal-oġġetti”:

“Il-bejjiegħ għandu jikkonsenja lill-konsumatur oġġetti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8, jekk applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9”.

6        L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva, intitolat “Responsabbiltà tal-bejjiegħ”, jipprevedi:

“Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti mal-konsenja tal-oġġetti u li jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn minn dakinhar. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(3), dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.”

7        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2019/771, intitolat “Rimedji għal nuqqas ta’ konformità”, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievi tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jittermina l-kuntratt, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

[...]

4.      Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt għal tnaqqis proporzjonat fil-prezz f’konformità mal-Artikolu 15 jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’konformità mal-Artikolu 16 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)      il-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni jew, jekk applikabbli, ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2) u (3), jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)      jitfaċċa nuqqas ta’ konformità minkejja li l-bejjiegħ ikun ipprova jġib l-oġġetti f’konformità;

(c)      in-nuqqas ta’ konformità tant ikun ta’ natura serja li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ;

(d)      il-bejjiegħ ikun iddikjara, jew ikun ċar miċ-ċirkustanzi, li l-bejjiegħ ma jkunx se jġib l-oġġetti f’konformità fi żmien raġonevoli, jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

5.      Il-konsumatur ma għandux ikollu d-dritt jittermina l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun biss wieħed minuri. Il-bejjiegħ għandu jkollu l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx wieħed minuri.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Fis‑27 ta’ Marzu 2023, GF xtara mingħand KFZ Kolak vettura użata, irreġistrata għall-ewwel darba fix-xahar ta’ Jannar 2015, għal prezz ta’ EUR 33 500. Fil-kuntratt ta’ bejgħ, il-vettura ġiet deskritta bħala “suffiċjentement f’kundizzjoni ta’ sewqan, klassi 3”. Fih ġie indikat ukoll li “l-vettura taqa’ fil-kategorija ta’ kundizzjoni 3, tinsab f’kundizzjoni ta’ sewqan u tista’ tiġi awtorizzata għall-użu fit-toroq”.

9        Fis‑6 ta’ April 2023, l-Österreichische Automobil-, Motorrad- und Touring Club (ÖAMTC) (il-Klabb Awstrijak tal-Karozzi, tal-Muturi u tal-Ivvjaġġar bit-Triq) wettaq kontroll tal-vettura li żvela telf ta’ żejt tal-magna minħabba tnixxija mill-magna. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi, skont l-ÖAMTC, nuqqas serju ta’ sigurtà fl-użu u tas-sigurtà fit-toroq, li kien jeżisti qabel il-kunsinna tal-vettura lil GF u jista’ jiġi rrimedjat bi spiża minima.

10      KFZ Kolak indikat lil GF li kienet lesta ssewwi l-vettura. Madankollu, GF talab quddiem il-qrati Awstrijaċi l-ħall tal-kuntratt ta’ bejgħ u r-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-vettura inkambju għar-restituzzjoni tagħha, kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż l-oħra li huwa kien sostna fil-kuntest ta’ dan ix-xiri. KFZ Kolak ikkontestat din it-talba billi sostniet li GF kien irrifjuta mingħajr raġuni t-tiswija proposta u għalhekk ma kellux dritt għall-ħall tal-kuntratt ta’ bejgħ.

11      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba ta’ GF abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2019/771 minħabba li kien faċli li jsir t-tqegħid f’konformità tal-oġġett ikkonċernat u li KFZ Kolak kienet lesta twettaq it-tiswija tal-vettura.

12      Il-qorti tat-tieni istanza, min-naħa tagħha, laqgħet l-appell ta’ GF. Hija ddeċidiet li, skont din il-leġiżlazzjoni, il-konsumatur huwa intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew għall-ħall tal-kuntratt biss jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun tant serju li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew ix-xoljiment immedjat tal-kuntratt. Jitqies bħala nuqqas serju ta’ konformità, nuqqas li jippreġudika serjament il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel użu normali mill-oġġett u li jkollu impatt negattiv sinjifikattiv fuq is-sigurtà. Huwa irrilevanti li n-nuqqas ta’ konformità jkun jista’ jiġi rrimedjat faċilment u bi spiża minima.

13      KFZ Kolak adixxiet lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell.

14      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dritt Awstrijak, sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx tant serju li jiġġustifika l-ħall immedjat tal-kuntratt, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq it-telf ta’ fiduċja fl-oġġett akkwistat u mhux neċessarjament fiċ-ċedent bħala persuna. Skont id-duttrina Awstrijaka, tali telf ta’ fiduċja jseħħ meta l-konsumatur ma jistax jagħmel użu normali mill-oġġett u n-nuqqas jippreġudika s-sigurtà tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jsir magħruf jekk l-oġġett jistax isir konformi u jekk il-bejjiegħ huwiex negliġenti. Barra minn hekk, skont din il-qorti, mix-xogħlijiet preparatorji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva 2019/771 jirriżulta wkoll li t-telf ta’ fiduċja ma għandux neċessarjament u prinċipalment jikkonċerna l-bejjiegħ bħala persuna, iżda jista’, għall-kuntrarju, jiġi dedott min-natura tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ tali approċċ, huwa irrilevanti jekk it-tqegħid f’konformità tal-oġġett ikunx jista’ jsir bi prezz baxx jew jekk jistax isir b’faċilità għaċ-ċedent.

15      L-imsemmija qorti tirrileva madankollu li, fid-dritt Ġermaniż, sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex tant serju li jiġġustifika l-ħall immedjat tal-kuntratt ta’ bejgħ, ikollha ssir evalwazzjoni in concreto, billi jiġu bbilanċjati l-interessi kunfliġġenti tal-konsumatur u tal-professjonist. Id-duttrina Ġermaniża tqis li t-telf ta’ fiduċja jista’ jiġi evalwat kemm fir-rigward tal-persuna tal-bejjiegħ stess kif ukoll tal-inkonvenjenzi li t-tqegħid f’konformità jwassal għalihom a posteriori għall-konsumatur. Dan it-telf ta’ fiduċja jista’ jirriżulta wkoll direttament min-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni. F’dan il-kuntest, huwa rilevanti li jiġi ddeterminat jekk dan jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ intervent tal-bejjiegħ relattivament limitat.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li difett li jaffettwa s-sigurtà tal-oġġett (f’dan il-każ, telf ta’ żejt f’vettura bil-mutur, li jwassal għar-riskju ta’ ħsara fil-magna), anki fl-assenza ta’ kundizzjonijiet oħra, bħalma huwa aġir oġġezzjonabbli tal-bejjiegħ (pereżempju, għemil doluż), tant huwa serju li jiġġustifika immedjatament tnaqqis fil-prezz jew ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ bejgħ?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)      Dan ikun jħodd ukoll meta d-difett ikun jista’ jiġi rrimedjat bi spiża finanzjarja relattivament żgħira?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva 2019/771 għandux jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jirrigwarda s-sigurtà ta’ oġġett u li jista’ jsir konformi bi spiża relattivament baxxa għandu neċessarjament jiġi kklassifikat bħala nuqqas ta’ konformità tant serju li jiġġustifika tnaqqis immedjat tal-prezz tal-bejgħ jew il-ħall immedjat tal-kuntratt ta’ bejgħ.

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, essenzjalment, mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/771 jirriżulta li l-bejjiegħ għandu jikkunsinna lill-konsumatur oġġett li, b’mod partikolari, għandu jkun konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ.

19      Skont l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-kunsinna tal-oġġett u li jsir apparenti fi żmien sentejn minn dak il-mument. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jelenka d-drittijiet li l-konsumatur jista’ jinvoka fil-konfront tal-bejjiegħ fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, jiġifieri t-tqegħid f’konformità tal-oġġetti, tnaqqis proporzjonali fil-prezz jew il-ħall tal-kuntratt.

20      Mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tiegħu, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest ta’ tali dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tad‑29 ta’ Frar 2024, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Konverżjoni reliġjuża sussegwenti), C‑222/22, EU:C:2024:192, punt 25).

21      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva 2019/771, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-konsumatur għandu dritt għat-tnaqqis immedjat tal-prezz tal-bejgħ jew għall-ħall immedjat tal-kuntratt ta’ bejgħ meta n-nuqqas ta’ konformità jkun tant serju li jiġġustifika tali tnaqqis jew tali ħall. Għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tas-sens abitwali tal-kelma “serju”, imsaħħaħ bl-użu tal-avverbju “tant”, li l-frażi “nuqqas ta’ konformità tant serju” tirreferi, f’din id-dispożizzjoni, għal nuqqas ta’ importanza kbira ħafna u li jista’ jiġi distint min-nuqqasijiet ta’ konformità ta’ importanza iżgħar.

22      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 13(4)(c) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 13(5) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 53 tagħha, jirriżulta li l-ħall tal-kuntratt huwa limitat għall-każijiet li fihom in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx minuri, b’tali mod li huwa biss nuqqas ta’ konformità sinjifikattiv li jista’ jagħti d-dritt, lil konsumatur, għall-ħall tal-kuntratt.

23      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 13(4) tal-istess direttiva jirriżulta li, bl-eċċezzjoni taċ-ċirkustanza msemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu (4), konsumatur għandu dritt jew għal tnaqqis proporzjonali tal-prezz tal-bejgħ, jew għall-ħall tal-kuntratt ta’ bejgħ, biss meta l-oġġett ma jistax jew ma setax jitqiegħed f’konformità. Għalhekk, il-każijiet iddefiniti f’dan l-Artikolu 13(4)(a), (b) u (d) ta’ dan l-artikolu jkopru, essenzjalment, is-sitwazzjonijiet li fihom, minn naħa, il-bejjiegħ ma jkunx wettaq, volontarjament jew le, it-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġett, jew ikun impossibbli għalih li jrendi l-oġġett konformi f’terminu raġonevoli jew mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur u, min-naħa l-oħra, minkejja l-intervent tal-bejjiegħ, isir apparenti nuqqas ta’ konformità. Minn dan isegwi li n-“nuqqas ta’ konformità tant serju” msemmi fl-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva 2019/771 għandu jiġi distint minn nuqqasijiet oħra ta’ konformità msemmija f’dan il-paragrafu (4).

24      Barra minn hekk, mill-premessa 52 ta’ din id-direttiva, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-Artikolu 13(4) tagħha, jirriżulta li huwa ġġustifikat li konsumatur ikollu d-dritt immedjat għat-tnaqqis tal-prezz jew għall-ħall tal-kuntratt meta n-nuqqas ta’ konformità jkun tant serju li l-konsumatur ma jistax jibqa’ jafda fil-kapaċità tal-bejjiegħ li jrendi l-oġġett konformi. Din il-premessa żżid li dan jista’ jkun il-każ meta n-nuqqas ta’ konformità jippreġudika serjament il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel użu normali mill-oġġett u l-konsumatur ma jistax ikun mistenni li jkun ċert li t-tiswija jew is-sostituzzjoni mill-bejjiegħ jistgħu jsolvu l-problema. Konsegwentement, huwa biss nuqqas ta’ konformità li jilħaq ċertu livell ta’ gravità li jista’ jbiddel il-kapaċità tal-oġġett li jintuża konformement mal-użu abitwali tiegħu u, għaldaqstant, il-fiduċja tal-konsumatur, li jista’ jiġġustifika l-ħall immedjat tal-kuntratt.

25      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, huwa minnu li skont l-Artikolu 1 tagħha, din hija intiża li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, kif tiddikjara, essenzjalment, il-premessa 53 tal-istess direttiva, din hija intiża wkoll sabiex iżżomm bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti. Issa, tali bilanċ ma jistax jintlaħaq jekk kull nuqqas ta’ konformità, irrispettivament minn kemm ikun sinjifikattiv, li jirrigwarda s-sigurtà ta’ oġġett kellu neċessarjament jiġi kklassifikat bħala nuqqas ta’ konformità tant serju li jiġġustifika tnaqqis immedjat tal-prezz tal-bejgħ jew il-ħall immedjat tal-kuntratt ta’ bejgħ. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tqiegħed inkwistjoni d-distinzjoni stabbilita mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2019/771 bejn il-każijiet li fihom il-konsumatur għandu dritt għat-tqegħid f’konformità tal-oġġetti, għal tnaqqis proporzjonali tal-prezz jew għall-ħall tal-kuntratt u, b’dan il-mod, tippreġudika l-bilanċ stabbilit minn din id-direttiva bejn id-drittijiet tal-konsumatur u dawk tal-bejjiegħ.

26      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sempliċi fatt li nuqqas ta’ konformità jippreġudika s-sigurtà tal-oġġett ma huwiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxi tali nuqqas tant serju li jiġġustifika immedjatament tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ jew il-ħall tal-kuntratt ta’ bejgħ, b’tali mod li l-bejjiegħ jiġi miċħud minn kull possibbiltà li jrendi l-oġġett konformi. Għall-kuntrarju, sabiex tiġi evalwata l-l-gravità tan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett, għandu jiġi ddeterminat jekk il-konsumatur jistax oġġettivament jibqa’ kunfidenti dwar il-kapaċità tal-bejjiegħ li jrendi l-oġġett konformi. Għal dan l-għan, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura ta’ dan in-nuqqas, l-oġġett ikkonċernat, il-kundizzjonijiet li fihom dan jista’ jitqiegħed f’konformità, kif ukoll il-fatt li dan in-nuqqas ippreġudika, jew le, is-sigurtà tal-konsumatur jew ta’ terz.

27      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kawża prinċipali, jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex ta’ gravità tali li jiġġustifika immedjatament tnaqqis fil-prezz jew il-ħall tal-kuntratt ta’ bejgħ, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 58, u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Nárokuj, C‑755/22, EU:C:2024:10, punt 42).

28      Għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ konformità fil-kawża prinċipali huwa marbut ma’ sitwazzjoni ta’ telf ta’ żejt tal-magna f’vettura, li jista’ jwassal għal ħsara fil-magna. Għalkemm tali difett jista’, skont il-każ, jippreġudika l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel użu normali mill-oġġett ikkonċernat, il-gravità tiegħu għandha madankollu tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

29      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li jeżistu raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li l-konsumatur ma jistax jibqa’ jafda fil-kapaċità tal-bejjiegħ li jrendi l-oġġett konformi. Ċertament, in-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni kien diġà preżenti fil-mument ta’ kunsinna tal-vettura, li jista’ jaffettwa l-fiduċja tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ. Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li l-oġġett huwa vettura użata ta’ iktar minn tmien snin, li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-bejjiegħ kien wettaq azzjonijiet frawdolenti jew aġir oġġezzjonabbli ieħor u li l-bejjiegħ indika lix-xerrej li kien lest li jsewwi l-vettura, u li l-ispiża ta’ dan it-tqegħid f’konformità hija, skont l-ÖAMTC, relattivament baxxa.

30      Għaldaqstant, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li n-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa tant serju li jiġġustifika tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ jew il-ħall tal-kuntratt ta’ bejgħ immedjatament.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva 2019/771 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jirrigwarda s-sigurtà ta’ oġġett u li jista’ jsir konformi bi spiża relattivament baxxa ma għandux neċessarjament jiġi kklassifikat bħala nuqqas ta’ konformità tant serju li jiġġustifika tnaqqis immedjat tal-prezz tal-bejgħ jew il-ħall immedjat tal-kuntratt ta’ bejgħ.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13(4)(c) tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

nuqqas ta’ konformità li jirrigwarda s-sigurtà ta’ oġġett u li jista’ jsir konformi bi spiża relattivament baxxa ma għandux neċessarjament jiġi kklassifikat bħala nuqqas ta’ konformità tant serju li jiġġustifika tnaqqis immedjat tal-prezz tal-bejgħ jew il-ħall immedjat tal-kuntratt ta’ bejgħ.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.