52010DC0468

/* COM/2010/0468 final */ TA' RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Raba' Rapport Annwali tas-sena 2009 dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas- 27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Torka Ċiprijotta


MT

Brussel 20.9.2010

KUMM(2010) 468 finali

TA' RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Raba' Rapport Annwali tas-sena 2009 dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas- 27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Torka Ċiprijotta

1. DĦUL

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Torka Ċiprijotta [1] (minn hawn il-quddiem ir- "Regolament dwar l-Għajnuna ") ġie adottat fis-27 ta’ Frar, 2006. Fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, ġew allokati €259 miljun mill-baġit tal-Komunità għas-sena 2006.

Dan ir-raba’ rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2009.

2. IPPROGRAMMAR TAL-GĦAJNUNA

Taħt il-baġit tal-2009 € 2.5 miljun ġew ipprogrammati għall-boroż ta’ studju, skejjel u għajnuna teknika [2].

3. MEKKANIŻMI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli mill-amministrazzjoni tal-għajnuna primarjament permezz ta’ tmexxija ċentrali; uħud mill-proġetti huma bi tmexxija konġunta mal-UNDP (Il-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti). Il-programm jiġi implimentat fi Stat Membru tal-UE f’taqsima li ma taqax taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ dak l-Istat Membru u fejn l-applikazzjoni tal-acquis tal-UE tkun sospiża.

Fl-2006 ġie mwaqqaf Tim ta’ Appoġġ għall-Programm sabiex jimplementa l-programm fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tkabbir (DĠ Tkabbir). B’missjoni fit-tul f’Ċipru, dan jagħmel użu mill-Uffiċċju tal-UE ta'appoġġ għall-Programmi (EUPSO) imwaqqaf f’Settembru tal-2006, li jinsab fin-naħa ta’ fuq ta’ Nikosija. Dan l-uffiċċju jipprovdi post għal-laqgħat u seminars mal-partijiet Torok-Ċiprijotti interessati. Jippermetti wkoll superviżjoni diretta tal-kuntratturi. Il-loġistika tal-Uffiċju tkompli ssir minn kuntrattur privat (Deutsche Gesellschaft fur Technische Zusammenarbeit - GTZ) taħt kuntratt li jkompli sa Ġunju tal-2012. Ir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni f’Ċipru tipprovdi wkoll post għal-laqgħat u seminars.

Matul il-perjodu msemmi fir-rapport, il-persunal tat-Tim tal-Programm żdied bi ftit. Sa Diċembru tal-2009 kien magħmul minn 41 persuna inklużi 3 uffiċjali tal-Kummissjoni, 26 aġenti kuntrattwali u 12 il-persuna lokali pprovduti mill-GTZ għall-appoġġ amministrattiv u loġistiku.

4. IMPLIMENTAZZJONI MATUL IL-PERJODU TA' RAPPORTAR

4.1. Ħarsa ġenerali

Il-Kummissjoni timplimenta l-programm f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. Huma meħtieġa arranġamenti ad hoc sabiex jippermettu lill-Kummissjoni timplimenta l-programm filwaqt li jitħarsu l-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja soda.

Ġeneralment, fi programmi ta’ għajnuna ffinanzjati mill-UE, Ftehim ta’ Finanzjament mal-Gvern tal-pajjiż benefiċjarju jwaqqaf il-qafas legali taħt liema tiġi implimentata l-għajnuna, u jirregola aspetti bħal ma huma it-tassazzjoni u l-permessi tax-xogħol u residenza. Ebda ftehim bħal dan ma jeżisti taħt dan il-programm. Għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tiddependi fuq dak li hija tifhem li huma r-regoli u l-kundizzjonijiet attwalment applikabbli lokalment. Il-possibilitajiet ta’ infurzar għalhekk jafu jkunu diffiċli u jistgħu jinbidlu matul iż-żmien tal-kuntratt. In-nuqqas ta’ Ftehim ta’ Finanzjament ifisser li l-Kummissjoni, meta tidħol f’arranġament kuntrattwali mal-kuntratturi tagħha, titgħabba b’aktar riskji milli normalment tiltaqà magħhom.

Minħabba l-qagħda politika, l-infurzar ta’ ordnijiet għal ġbir lura ta’ ammonti li għandhom jinġabru lura mill-entitajiet Torok Ċiprijotti (f’każ ta’ nuqqas ta’ ħarsien tal-kundzzjonijiet tal-kuntratt) jaf ikun diffiċli. Il-Kummissjoni ħadet miżuri sabiex tnaqqas dan ir-riskju, inkluż appoġġ u monitoraġġ intensivi, kundizzjonijiet tal-ħlas riveduti, l-irbit tal-ħlasijiet minn qabel mal-prova ta’ kuntratti ta’ akkwist iffirmati u l-użu estensiv ta’ garanziji bankarji.

Il-Kummissjoni tiddependi fuq l-appoġġ tal-komunità Torka Ċiprijotta sabiex dan il-programm ikun suċċess u b’mod partikolari sabiex tiżgura is-sostenibilità tiegħu fuq medda twila ta’ żmien. Kienu involuti esperti Torok Ċiprijotti fit-tħejjija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u termini ta’ referenza u ħadu sehem f’bordijiet għall-evalwazzjoni tal-offerti. Il-benefiċjarji Torok Ċiprijotti għandhom rwol ewlieni fil-kumitati ta’ tmexxija tal-proġett.

Fis-sena 2009, inħarġu l-kuntratti għall-parti l-kbira tal-allokazzjoni tà €259 il-miljun b’mod li r-rata ġenerali tal-ħrug ta’ kuntratti żdiedet għal 99% ibbażata fuq 880 -kuntratt separat.

€10 miljun mill-iffrankar mill-kuntratti u fondi maħsuba għal żewġ proġetti li ma setgħux jitkomplew ġew riallokati għall-infrastruttura tal-ilma, tħejjija sabiex jiġi implimentat l-acquis u appoġġ għall-SMEs.

Is-sostenibilità, partikolarment fir-rigward tà proġetti ta’ infrastruttura, tibqa’ sors ta’ tħassib.

Ġew indirizzati kwistjonijiet ta’ proprjetà għall-proġetti kollha ta’ infrastruttura fuq skala kbira, primarjament billi jitwettqu proġetti fuq art pubblika.

F’April tal-2009 kien hemm tibdil politiku fin-naħa ta’ fuq ta’ Ċipru minħabba l-Partit għall-Għaqda Nazzjonali (UBP) prevalenti fl-elezzjonijiet "parlamentari".

4.2. Progress skont l-objettivi

L-objettiv ġenerali tal-Programm għall-Għajnuna huwa sabiex tiġi faċilitata l-għaqda mill-ġdid tà Ċipru billi jiġi mħajjar l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Torka Ċiprijotta b’enfażi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE.

4.2.1. Objettiv 1: Żvilupp u ristrutturazzjoni tal-infrastruttura

It-Tim tal-Appoġġ għall-Programm offra u ħareg €72.6 -miljun f’kuntratti ta’ xogħol għal proġetti ta’ infrastruttura tal-ilma/skart tal-ilma fil-2009 b’mod li l-allokazzjoni sħiħa għas-settur tal-ilma telgħet għal madwar €84 miljun. Ix-xogħlijiet prinċipali li kellhom jiġu ffinanzjati kienu netwerks tad-drenaġġ u impjanti għat-trattament tal-iskart tal-ilma f’Famagusta u Morphou/Güzelyurt, u impjant għad-desalinazzjoni tal-ilma tal-baħar fi Sirianokhori/Kümkoy. Dan l-aħħar kuntratt ġie ffirmat b’kundizzjoni sospensiva sabiex ikun hemm żmien ħalli tiġi żgurata mit-tmexxija Torka Ċiprijotta assigurazzjoni biżżejjed fl-ewwel lok ta’ aċċess ħieles u mhux ristrett għall-post tal-kostruzzjoni u fit-tieni lok tal-assistenza tagħhom għal implimentazzjoni bla xkiel, effiċjenti u effettiva. Ġie ffirmat Ftehim ta’ Kontribuzzjoni mal-UNDP għall-iffinanzjar konġunt tal-impjant għat-trattament tal-iskart tal-ilma bi-komunali ġdid f’Mia Milia/Haspolat. Kuntratti oħra jinkludu t-tibdil ta’ pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma qodma u l-provvista ta’ apparat għal-laboratorju għall-ittestjar tal-ilma lokali.

Ix-xogħol mhux sodisfaċenti mill-konsulent tad-disinn fisser li x-xogħol sabiex jiġu ffinalizzati d-dokumenti tal-kuntratt, jitnedew u jiġu evalwati l-offerti, jiġu ffinalizzati l-baġits u negozjati l-kuntratti (inkluż dak mal-UNDP għall-impjant għat-trattament tal-iskart tal-ilma tà Nikosija) għall-proġetti tas-settur tal-ilma ġie fil-fatt ristrett f’anqas minn tmien xhur sad-data finali tal-kuntratt. Ukoll, it-tim għamel superviżjoni tal-finalizzazzjoni tad-disinni għall-proġetti ta’ investiment għall-iskart tal-ilma għal Nikosija, Kirenja u Lefke.

Dwar il-ħarsien tan-natura, l-ewwel ċiklu ta’ taħriġ twettaq skont kif titlob l-istrateġija ta’ taħriġ. Saru laqgħat pubbliċi ta’ tagħrif għas-sitt żoni kollha potenzjali ta’ Natura 2000. Tħejjew abbozzi ta’ pjani tà tmexxija għal ħames mis-sitt żoni potenzjali ta’ Natura 2000. L-għan tal-proġett ġie estiż sabiex ikopri t-tħejjija ta’ pjan ta’ tmexxija għas-seba' sit. Kuntratti għall-provvista ta’ apparat kif ukoll għall-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet għat-tmexxija u ħarsien ġew konklużi għal €3.5 miljun.

Fil-qasam tal-iskart solidu, l-attivitajiet prinċipali kienu mmirati lejn it-tħejjija tad-dokumenti għall-offerti u l-offerti għal erbgħa kuntratti ta’ xogħol u sitta ta’ provvista. Disgħa minn dawn l-għaxar offerti ġew imwettqa b’suċċess u ġew iffirmati l-kuntratti. L-għaxar kuntratt ser jitwettaq mill-UNDP. Ix-xogħol dwar it-tliet kuntratti tà kostruzzjoni ewlenin marbuta mar-rijabilitazzjoni tal-post qadim għat-tfigħ tal-iskart ħdejn Kato Dhikomo ġie sospiż sakemm jiġu riżolti l-kwistjonijiet kollha dwar proprjetà. Dan sejjer jikkawża tal-anqas sitt xhur dewmien fl-implimentazzjoni.

L-istħarriġ estensiv tal-post, studju tal-fattibilità u disinni kunċettwali għar-rijabilitazzjoni tal-postijiet użati fl-imgħoddi għat-tħaffir u pproċessar tal-ħadid fl-inħawi Talefke/Lefka ġew finalizzati fil-2009. Ġew identifikati soluzzjonijiet ta’ tiswija għal dawk l-inħawi b’mod li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Aktar xogħlijiet hemmhekk jiddependu fuq deċiżjonijiet fir-rigward tal-iżvilupp fil-ġejjieni tal-inħawi kif ukoll id-disponibilità ta’ fondi.

Fis-settur tal-enerġija, l-iffrankar ippermetta li fil-2009 jiġu akkwistati iżjed miters tal-elettriku. Sistema għall-Akkwist ta’ Dejta u Kontroll ta’ Superviżjoni (SCADA) ingħatat b’kuntratt b’mod li tippermetti f’ħin reali il-monitoraġġ u l-kontroll tan-netwerk tal-elettriku, bi speċifikazzjonijiet li jiżguraw il-kompatibilità u l-interoperabilità mas-sistema SCADA attwalment fis-seħħ f’żoni ikkontrollati mill-gvern. Ġie konkluż kuntratt għal impjant tal-enerġija solari pilota li jipprovdi aktar minn 1 MW ta’ kapaċità ta’ produzzjoni ta’ elettriku. Flimkien ma’ dan, sistema għall-assistenza tal-klijent, magħmula mis-softwer li għandu jiġi integrat fi u/jew marbuta mas-sistema eżistenti ta’ dejta tal-klijent tal-kumpanija li toffri servizzi tal-elettriku u l-ħardwer relatat kif ukoll sistema għall-kontroll tat-tniġġis u monitoraġġ tat-temp/riħ, għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-impjanti tal-enerġija fin-naħa ta' fuq ta' Ċipru u sabiex jiġi stabbilit l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, ingħataw b’kuntratt fil-2009.

Il-kuntratt ewlieni għall-investiment fit-telekomunikazzjonijiet ser jaġġorna u jieħu post in-netwerk attwali b’infrastruttura fundamentali moderna bbażata fuq l-internet u jissimplifika bil-kbir l-integrazzjoni tas-sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet madwar il-gżira kollha. Fl-2008 ingħata kuntratt għall-assistena teknika sabiex il-komunità Torka Ċiprijotta tiġi megħjuna tmexxi s-settur skont l-istandards tal-UE u l-aħjar prattika internazzjonali u sabiex jitwettaq programm komprensiv ta’ taħriġ fid-dawl tal-aġġornament tas-sistema. Dan il-kuntratt ġie estiż sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-appoġġ għas-settur minkejja dewmien fil-proċess ta’ riforma.

Il-kuntratt għall-ġestjoni tal-programm ta’ sigurtà fit-traffiku appoggja l-għoti b’kuntratt tal-komponenti tal-programm. L-assistenza teknika sabiex jinħoloq database effettiv ta’ tagħrif dwar aċċidenti u sistema ta’ ġbir ta’ dejta sabiex jissaħħaħ it-tagħrif dwar inċidenti tat-traffiku nbdiet kmieni fl-2009, bil-komponent ta’ provvista jingħata b’kuntratt lejn l-aħħar tas-sena. Il-konsulent għall-iżvilupp ta’ pjan ta’ ħidma għat-traffiku għall-komunitajiet lokali ukoll beda l-ħidma tiegħu fl-2009. Bosta mill-kuntratti ġew iffirmati lejn tmiem l-2009 u l-attivitajiet ser jibdew fil-2010. Dan kien il-każ għall-assistenza teknika u l-komponiment ta’ provvista għat-titjib tal-programm ta’ ispezzjonijiet tal-vetturi, l-assistenza għat-titjib fil-proċedura għall-għoti tal-liċenzji lis-sewwieqa kif ukoll il-kampanja ta’ edukazzjoni dwar is-sigurtà fit-traffiku sabiex titqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-traffiku u l-iżvilupp ta’ pjan għal highway prinċipali li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ mobilità attwali u futuri. Il-proġett immirat lejn l-eliminazzjoni ta’ “postijiet perikolużi” għall-inċidenti tat-traffiku ġie mgħoddi lill-UNDP għall-għoti b’kuntratt tiegħu u għall-implimentazzjoni.

4.2.2. Objettiv 2: Il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku

L-erba' timijiet ta’ assistenza teknika (It-tim ta’ Appoġġ għall-Iżvilupp Rurali, it-Trobbija tal-Annimali, it-Tabbir tal-Ħxejjex, l-Unità għat-Tmexxija tal-Programm), iffinanzjati bil-Programm tas-Settur għall-Iżvilupp Rurali għenu lill-Kummissjoni fit-tnedija u l-evalwazzjoni ta’ bosta skemi ta’ għotjiet. Huma taw assistenza teknika u taħriġ immirati lill-bdiewa, veterinarji, u esperti dwar l-iżvilupp rurali, partijiet ċentrali u lokali interessati. Fi ħdan l-iskema ta’ għotjiet għall-iżvilupp rurali “Titjib fil-produzzjoni agrikola” ġew iffirmati 142 -kuntratt għal valur totali ta’ madwar €5 miljun. Taħt l-iskema ta’ għotja “Appoġġ għall-intrapriża rurali” ingħataw 47 għotja għal valur ta’ €3.3 -miljun. Fi ħdan iż-żewġ skemi ta’ għotja "Żvilupp komunitarju permezz ta’ Inizjattivi tal-Irħula " ingħataw 37 kuntratt għal valur totali ta’ madwar €8 miljun. Ġew iffirmati wkoll 10 kuntratti ta’ provvista għal-laboratorji veterinarji u trobbija ta’ ħxejjex għal aktar minn €2 miljuni.

Fir-rigward tal-proġett dwar l-Aġġornament tal-infrastruttura Urbana u Lokali imwettaq bi tmexxija konġunta mal-UNDP, l-2009 rat it-twettiq tar-restawr iffinanzjat mill-UE tal-bini ta’ Bedestan, fin-naħa ta’ fuq tal-belt ta’ Nikosija imdawwra bil-ħitan. L-istudju u d-disinn għal dan ir-restawr ingħataw il-Premju Europa Nostra tal-2009 fit-taqsima tar-riċerka. Wara d-deċiżjoni tal-Mexxejja taż-żewġ komunitajiet f’Ċipru, l-UNDP wettqet l-istudju ta’ vijabilità għall-ftuħ tas-seba’ post ta’ qsim li jgħaqqad l-irħula ta’ Kato Pyrgos/Asagi Pirgo u Yeşilırmak/Limnitis. L-UE tat il-fondi għall-istudju tà vijabilità u allokat €2.5 -miljun għax-xogħlijiet.

Ingħataw 44 għotja għal valur totali ta’ madwar €1.6 miljun lil skejjel lokali taħt it-tieni u t-tielet sejħa għal proposti ffinalizzati fl-2009. Fost il-proġetti kien hemm il-provvista ta’ apparat (apparat informatiku, laboratorji tal-lingwi, eċċ.) u taħriġ relatat kif ukoll f’ċerti każijiet żjarat ta’ studju barra. Ingħatat assistenza teknika għar-riforma kontinwa tas-settur tal-edukazzjoni primarja u sekondarja. Ġew iffirmati kuntratti ta’ provvista għall-provvista ta’ apparat speċjalizzat għall-iskejjel vokazzjonali.

Bħala għajnuna lill-miżuri ta’ tagħlim matul il-ħajja, l-inklużjoni soċjali u s-suq tax-xogħol attiv, ingħataw 21 għotja lil SMEs, kmamar u għaqdiet oħra ta’ taħriġ taħt it-tieni u tielet sejħa għal valur totali ta’ madwar €1 miljun. Ingħatat assistenza teknika għall-iżvilupp u t-tmexxija ’l quddiem tal-edukazzjoni vokazzjonali u sistemi ta’ taħriġ, miżuri ta’ tagħlim matul il-ħajja u s-suq attiv tax-xogħol, inkluż żjarat ta’ studju barra fil-Ġermanja u Malta.

Il-proġett ta’ €9 miljuni "Programm ta’ self lil intrapriżi żgħar u żgħar ħafna " ma setax jitmexxa minħabba diffikultajiet fl-ilħuq ta’ ftehim ma’ Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW) dwar il-kundizzjonijiet speċjali li jeżistu fin-naħa ta’ fuq ta’ Ċipru. Ġew rijallokati fondi partikolarment lil proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat.

Fir-rigward tal-appoġġ lill-SMEs, ġew imedija żewġ programmi ta’ għotja li waslu għal 33 kuntratt li jiswew €4.5 miljuni. Barra minn hekk ingħata b’kuntratt matul il-perjodu ta' rappurtar proġett ta’ assistenza teknika (€2.7-il miljun) immirat lejn L-istituzzjonijiet u l-azzjonijiet ewlenin fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku u informatiku.

4.2.3. Objettiv 3: Tħaddin tar-rikonċiljazzjoni, miżuri ta’ tisħiħ tal-kunfidenza, u appoġġ lis-soċjetà ċivili

Ir-rikonċiljazzjoni, miżuri ta’ tisħiħ tal-kunfidenza u appoġġ lis-soċjetà ċivili ikkonċentraw primarjament fuq it-tisħiħ tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Ingħataw €4.8 miljun lil 44 proġett taħt tliet skemi ta’ għotja imsejħa Soċjetà Ċivili Ċiprijotta fl-Azzjoni. It-Tim ta’ Appoġġ għas-Soċjetà Ċivili (tim ta’ assistenza teknika) ipprovda gwida u appoġġ lill-applikanti li jorganizzaw taħriġ għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Ingħataw €2 miljuni lill-Kumitat għall-Persuni Nieqsa (CMP). Flimkien ma’ għotja preċedenti ta’ €1.5 miljun, l-UE hija l-akbar donatriċi waħdanija lil dan il-proġett bi-komunali.

It-tneħħija tal-mini daħlet fl-aħħar fażi tagħha; il-buffer zone kollha mistennija tiġi dikjarata ħielsa mill-mini sa’ April tal-2011. Ġiet iffirmata kontribuzzjoni tal-UE b’żieda ta’ € 2.5 miljun sabiex jiġi żgurat il-kofinanzjament sa tmiem il-proġett flimkien ma’ allokazzjoni ta’ ammont simili mir-Repubblika tà Ċipru.

Il-proġett Akkademja tal-Istudji Politiċi, implimentat mill-Kunsill tal-Ewropa, ikkonċentra fuq li jiżviluppa ħsieb komuni fost il-mexxejja żgħażagħ Ċiprijotti dwar kwistjonijiet prinċipali għall-ġejjieni tal-gżira fi ħdan Ewropa integrata. Il-grupp ta’ mexxejja żgħażagħ magħżul miż-żewġ naħat tal-gżira ħadu sehem fi 3 seminars.

4.2.4. Objettiv 4: Sabiex il-komunità Torka Ċiprijotta titqarreb lejn l-Unjoni Ewropea

Għas-sena akkademika 2009/10, it-tielet sena tal-Programm Boroż ta' Studju tal-Komunità, ingħata għadd totali ta' 203-borża ta’ studju (121 gradwat, 27 sottogradwati, 55 għalliem). L-istudenti u l-għalliema kienu liberi li jagħżlu l-programmi ta’ studju, għalkemm ingħatat preferenza lil ċerti oqsma (l-Ekonomija, id-Dritt, l-istudji Ewropej, l-oqsma kollha tal-Inġinerija, l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Finanzi Pubbliċi, eċċ) fejn hemm nuqqas ta’ professjonisti ta’ ħila fil-komunità Torka Ċiprijotta. Il-pajjiżi ospitanti kienu r-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Isvezja, il-Litwanja, l-Estonja, l-Awstrija, il-Portugall u l-Greċja.

Ingħataw €0.8 miljuni lil 15-il proġett taħt iż-żewġ skemi ta’ għotjiet għall-Promozzjoni ta’ Skambji ta’ Żgħażagħ u Kuntatti personali oħra. L-għan huwa li t-Torok Ċiprijotti jiġu megħjuna jtejbu l-fehma tagħhom dwar il-valuri Ewropej, esperjenzi u tradizzjonijiet multikulturali. L-assorbiment ta’ għotjiet taħt dan il-proġett kien inqas milli mistenni.

Ġie mwaqqaf l-InfoPoint u beda l-ħidma tiegħu f’Ġunju tal-2009 billi pprovda tagħrif dwar l-UE, b’mod partikolari l-programm tal-għajnuna, lill-komunità Torka Ċiprijotta u billi nieda avvenimenti viżibbli b’kooperazzjoni mar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Ċipru.

4.2.5. Objettiv 5: Tħejjija tal-komunità Torka Ċiprijotta fl-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis communautaire

L-istrument tal-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar Assistenza Teknika (TAIEX) tal-Kummissjoni Ewropea intuża bħala l-għodda prinċipali sabiex titwassal l-assistenza f’dan il-qasam. Fil-2009, 237 attività ta’ assistenza teknika bħal ma huma korsijiet ta’ taħriġ, laqgħat ta’ studju jew seminars ġew organizzati għat-Torok Ċiprijotti permezz tal-programm TAIEX, b’449 okkażjoni fejn ġew mobilizzati esperti mill-Istati Membri tal-UE.

L-attivitajiet ikkonċentraw prinċipalment fuq l-iżvilupp tal-Programm għall-Applikazzjoni fil-Ġejjieni tal-Acquis (PFAA). Il-PFAA jipprovdi qafas ċar għall-ippjanar u t-twassil ta’ assistenza teknika u taħriġ bil-għan li t-Torok Ċiprijotti jiġu megħjuna jħejju għat-tneħħija tas-sospensjoni tal-acquis wara riunifikazzjoni. Ingħatat assistenza fi 13-il settur tal-PFAA bħal ma huma l-agrikoltura, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-ambjent, l-istatistika u s-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur [3]. Saru sforzi intensivi sabiex l-istrument TAIEX jiġi adattat għall-kuntest u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunità Torka Ċiprijotta. L-għan kien sabiex wieħed iqarreb aktar lejn assistenza strutturata għaż-żmien medju u imsejsa fuq proġett bħala bażi aktar soda sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm. Sal-aħħar tas-sena, wara eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri kollha tal-UE, TAIEX għażel madwar 70 espert tal-Istati Membri tal-UE biex jgħinu lit-Torok Ċiprijotti jwettqu proġetti fuq żmien medju.

TAIEX ipprovda wkoll taħriġ dwar it-tħejjija ta' testi legali allinjati mal-acquis sabiex dawn ikunu applikabbli minnufih mad-dħul fis-seħħ ta' ftehim komprensiv tal-problema ta' Ċipru. Bl-istess mod, marbut mal-amministrazzjoni fil-ġejjieni ta’ fondi tal-UE, ingħata taħriġ fil-qasam tal-amministrazzjoni tan-nefqa pubblika.

Ingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-kummerċ lil hinn mil-Linja l-Ħadra. Esperti mill-Istati Membri tal-UE kienu qed jiġu kontinwament mobilizzati permezz ta’ TAIEX sabiex iwettqu spezzjonijiet veterinarji u ta’ natura fitosanitarja tal-patata u l-ħut.

Sabiex jiġi żgurat li kien hemm fondi biżżejjed għat-tkomplija tal-assistenza TAIEX matul l-2010, u l-ħtieġa akbar għall-assistenza f’każ tà ftehim, €5.5 miljuni b’żieda ġew rijallokati lill-istrument TAIEX. Mill-2007 dan tella’ l-baġit totali għal dik l-assistenza teknika għal €14.5-il miljun li minnhom €8.3 miljuni ġew imwegħda lil attivitajiet speċifiċi sal-aħħar tal-2009.

4.2.6. Assistenza Teknika mhux allokata u l-Faċilità ta’ Programm ta’ Riżerva

Il-Faċilità ta’ Programm ta’ Riżerva intużat għal aktar appoġġ lill-CMP (€2 miljuni) u tneħħija ta’ mini (€1.5 miljuni) [4]. Ir-riżerva tal-Assistenza Teknika mhux allokata (€1.2 miljuni) intużat biex tkopri l-attivitajiet TAIEX.

4.2.7. Assistenza finanzjarja biex tkopri n-nefqa amministrattiva taħt l-Artikolu 4(3) tar-regolament dwar l-għajnuna

Total ta’ €18.65 miljun (jiġifieri 7.2% tal-allokazzjoni finanzjarja kollha) ġie mwarrab għall-implimentazzjoni tal-programm biex ikopri l-ispejjeż tal-persunal involut (sa €9.65 miljun) kif ukoll attivitajiet ta’ assistenza teknika aktar mifruxa (€9 miljuni). Ġie miftiehem mal-Bank Dinji €1 miljun Fond ta’ Trust sabiex jitwettqu studji fi ħdan "Programm ta’ analiżi ekonomika għat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli"

Mill-2010 l-ispejjeż tal-persunal ser jiġu ffinanzjati mil-linja ġenerali tal-baġit amministrattiv tat-DĠ Tkabbir.

4.3. Twettiq finanzjarju (kuntratti u ħlasijiet)

4.3.1. Għoti ta' kuntratti

Matul il-perjodu msemmi fir-rapport, €181 miljun ingħataw b’kuntratt taħt il-parti operazzjonali tal-programm.

Sad-data finali kuntrattwali ta’ Diċembru, 2009, €247.6 jiġifieri 99.38% (minn total ta’ €249.15 miljun tal-parti operazzjonali tal-Programm ta’ Għajnuna) ingħataw b’kuntratt. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-fondi ingħataw b’kuntratt fl-aħħar tliet xhur tas-sena.

Fir-rigward tal-komponent ta’ persunal u missjoni tal-programm (jiġifieri €9.85 miljuni), €2.8 miljuni baqgħu ma ntużawx minħabba d-deċiżjoni li jsir użu mill-krediti amministrattivi għall-ispejjeż tal-persunal aktar milli krediti operazzjonali kif maħsub fil-bidu.

4.3.2. Ħlasijiet

Matul il-perjodu msemmi ta' rappurtar, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet €42 miljun. Dan kien ferm anqas minn kif kien maħsub fil-pjanijiet tal-bidu għall-baġit tal-2009 li wassal għall-ħtieġa li jiġu trasferiti €42 miljun ta’ krediti ta’ ħlas lil linji oħra tal-baġit. L-attività baxxa fil-ħlasijiet primarjament kienet dovuta għall-iffirmar aktar tard milli ppjanat ta’ bosta kuntratti li wassal sabiex attivitajiet mill-2009 jidħlu fil-2010.

Mill- €259 miljun, total ta’ €75.8 miljun (30%) inħarġu sal-aħħar tal-2009.

4.4. Monitoraġġ

Il-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni Provviżorja (IRM) iservi bħala forum fejn jiġi diskuss fid-dettal mal-benefiċjarji t-twettiq tal-programm. Saret laqgħa tal-IRM matul il-perjodu msemmi fir-rapport (Ġunju 2009).

4.5. Verifika u kontrolli

Saret verifika interna fl-2008 mill-Unità dwar il-Kapaċita għall-Verifika Interna tad-DĠ Tkabbir. Twettqu r-rakkomandazzjonijiet prinċipali li jikkonċentraw l-iżgurar ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda fiċ-ċirkostanzi speċifiċi legali eżistenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Ċipru (ħlief għal rakkomandazzjoni waħda, li jiġu impjegati uffiċjali addizzjonali minħabba nuqqas ta’ postijiet.

4.6. Evalwazzjoni.

F’Ġunju tal-2009 twettqet evalwazzjoni ad hoc minn tim ta’ esperti esterni. Ir-rapport tal-evalwazzjoni irrakomanda it-tkomplija tal-assistenza lill-komunità Torka Ċiprijotta u wasal għall-konklużjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati fl-ipprogrammar ta’ assistenza fil-ġejjieni bħal ma huma t-tkomplija ta’ skemi ta’ għotja lill-SMEs u miżuri ta’ rikonċiljazzjoni.

4.7. Tagħrif, Pubbliċità u Viżibilità

Matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ, ġew ippubblikati 33 stqarrija tal-istampa dwar aspetti marbuta mal-programm. Ġew organizzati 85 avvenimenti pubbliċi. It-Tim tal-Programm u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni kkoperaw sabiex titkabbar il-viżibilità tal-programm. Twettqu kampanji ta’ informazzjoni bl-użu tal-mezzi tax-xandir, l-aktar għall-iskemi ta’għotja. Il-kooperazzjoni mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru għat-tifrix tal-istqarrijiet tal-istampa, intervisti fil-mezzi tax-xandir u passi oħra ikkontribwew ukoll sabiex titkabbar il-viżibilità.

Il-proġett InfoPoint appoġġa l-viżibilità tal-programm ta’ għajnuna fost il-komunità Torka Ċiprijotta.

Iż-żewġ avvenimenti prinċipali ta’ viżibilità kienu 1) il-ftuħ tal-Bedestan f’Nikosija li għalih attendew bil-kbir iż-żewġ komunitajiet ta’ Ċipru u 2) iċ-ċerimonja li tfakkar fondi mill-UE b’żieda ta’ €2 miljun għall-CMP bil-preżenza tal-Mexxejja taż-żewġ komunitajiet f’Ċipru.

4.8. Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru

Saru laqgħat mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, partikolarment meta uffiċjali tal-Kummissjoni żaru l-gżira. Laqgħat fuq livell ta’ ħidma saru wkoll mar-rappreżentanti tal-ministeri ewlenin, partikolarment fl-oqsma tal-ambjent, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, bil-għan li jiġu kkunsidrati aspetti ta’ ppjanar għall-gżira kollha.

Fir-rigward tal-verifika tas-sidien tal-art, il-Kummissjoni fil-2010 serħet fuq il-kooperazzjoni kontinwa mas-servizzi relevanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.

5. Konklużjonijiet

Matul il-perjodu ta' rappurtar, l-attivitajiet ikkonċentraw fuq:

(1) għoti ta’ kuntratti: ingħata b’kuntratt aktar mis-60% tal-parti operazzjonali tal-programm matul iż-żmien ta' rappurtar.

(2) implimentazzjoni: monitoraġġ tal-użu tà fondi tal-UE minn kuntratturi u dawk li ħadu l-għotjiet.

Għad hemm uħud mill-isfidi imsemmija fir-rapporti ta’ qabel. Fiż-żmien imsemmi fir-rapport daħlu fl-aspetti li jolqtu l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Għajnuna:

(1) Kooperazzjoni bejn il-komunitajiet Torok Ċiprijotti u Griegi Ċiprijotti: dan hu l-qofol għas-suċċess tal-programm.

(2) Kapaċità ta’ assorbiment baxx mill-komunità li bbenefikat: il-komunità Torka Ċiprijotta hija żgħira u li tirċievi riżorsi daqstant kbar għal proġetti mogħtija b’kuntratt fuq medda ta’ żmien hekk konċentrata hija sfida prinċipali. Madanakollu, ġiet innotata kapaċità aħjar matul l-2009.

(3) Kwistjoni ta’ twassil: Iż-żmien meħtieġ sabiex jiġu mħejjija, mogħtija b’kuntratt u implimentati l-proġetti affettwa sa ċertu punt il-kredibilità tat-twassil tal-appoġġ finanzjarju mill-UE. Din il-problema ser tiġi sostanzjalment indirizzata bil-livell għoli ta’ twassil mistenni fil-2010 wara l-livell għoli ta’ għoti ta’ kuntratti fl-2009.

(4) Kwistjoni ta’ proprjetà: Id-drittijiet tas-sidien privati ġew rispettati rigorożament. B’mod partikolari dan affettwa l-implimentazzjoni tas-settur tal-ġestjoni tal-iskart fejn ġew iffirmati tliet kuntratti ta’ kostruzzjoni bi klawżola sospensiva li tħalli żmien biżżejjed biex jiġu regolarizzati il-kwistjonijiet ta’ proprjetà kollha.

(5) Kwistjoni ta’ sostenibilità: f’oqsma ewlenin (telekomunikazzjoni, enerġija), hemm il-ħtieġa li l-komunità Torka Ċiprijotta tiġi konvinta mill-importanza ta’ riforma. Dan itawwal l-implimentazzjoni u jpoġġi fir-riskju s-sostenibilità tal-investiment.

[1] ĠU L65, 7.3.2006, p.5.

[2] Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2009)7569 tat-8 ta’ Ottubru, 2009.

[3] Lista sħiħa tat-13 il-settur PFAA attivi: Moviment Ħieles tal-Kapital; Appalti Pubblici; Liġi tal-Kumpaniji; Politika tal-Kompetizzjoni; Kontroll Finanzjarju; Servizzi Finanzjarji; Agrikolu u Żvilupp Rurali; Sigurtà fl-Ikel, Politika Veterinarja u Fitosanitarja; Trasport; Statistika; Politika Soċjali u Impieg; Ambjent; Protezzjoni tal-Konsumatur u Saħħa

[4] Approvata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni nru 2928 (2009) tat- 22 ta’ April 2009.

--------------------------------------------------