Brussell, 16.4.2026

COM(2026) 163 final

2026/0089(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-18-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti tekniċi (CTE) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tar-reviżjoni tar-Regoli tal-Proċedura tas-CTE, tar-reviżjoni tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTP) applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – vaguni tal-merkanzija (UTP WAG) u għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS), tal-adozzjoni ta’ Format uniformi taċ-ċertifikati, tar-reviżjoni tal-UTP applikabbli għas-subsistema Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija (UTP TAF), u tal-Manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli Uniformi tal-APTU u tal-ATMF


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

L-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) hija organizzazzjoni intergovernattiva ddedikata għat-trasport internazzjonali bil-ferrovija. Tiżviluppa reġimi legali uniformi għat-trasport internazzjonali bil-ferrovija fi tliet oqsma ewlenin ta’ attività: l-interoperabbiltà u s-sikurezza, l-oġġetti perikolużi u l-liġi kuntrattwali ferrovjarja.

L-aspetti relatati mal-interoperabbiltà u s-sikurezza huma indirizzati, b’mod partikolari, mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-OTIF.

It-18-il sessjoni tas-CTE tal-OTIF se ssir f’Bern fid-9 ta’ Ġunju 2026. Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’dik is-sessjoni, b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-proposti li ġejjin:

–Modifika tar-Regoli tal-Proċedura tas-CTE;

–Reviżjoni tal-Preskrizzjoni Teknika Uniformi (UTP) applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” (UTP WAG);

–Reviżjoni tal-UTP applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS);

–Adozzjoni tal-Anness C tar-Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF), dwar Format uniformi taċ-ċertifikati;

–Modifika tal-Appendiċi I tal-UTP applikabbli għas-subsistema “Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija” (UTP TAF) (referenzi għad-dokumenti tekniċi);

–Modifiki tal-Manwal għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tar-Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintuża fit-Traffiku Internazzjonali (APTU) u tar-Regoli Uniformi tal-ATMF.

L-aġenda tal-laqgħa u d-dokumenti relatati mal-proposti għall-adozzjoni huma disponibbli fuq is-sit web tal-OTIF https://otif.org/en/?page_id=1025 .

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)

Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), hija ftehim internazzjonali li fih kemm l-Unjoni kif ukoll 25 Stat Membru 1 huma Partijiet Kontraenti.

Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OTIF dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“il-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF”) 2 .

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.

Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-OTIF għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull aspett, it-traffiku ferrovjarju internazzjonali, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tal-liġi b’rabta mat-traffiku ferrovjarju internazzjonali. Il-COTIF tirregola wkoll it-tmexxija tal-Organizzazzjoni, l-objettivi, l-attribuzzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Kontraenti u l-attivitajiet tagħha b’mod ġenerali.

Il-COTIF tittratta l-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar għadd ta’ kwistjonijiet ferrovjarji legali u tekniċi differenti li jinqasmu f’żewġ partijiet: il-Konvenzjoni nnifisha, li tirregola t-tmexxija tal-OTIF, u tmien Appendiċijiet tal-Konvenzjoni li jistabbilixxu liġi ferrovjarja uniformi:

–Appendiċi A – Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta’ Passiġġieri bil-Ferrovija (CIV)

–Appendiċi B – Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta’ Prodotti bil-Ferrovija (CIM)

–Appendiċi C – Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)

–Appendiċi D – Kuntratt tal-użu tal-vetturi fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUV)

–Appendiċi E – Kuntratt tal-użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUI)

–Appendiċi F – Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji maħsub li jintuża fit-Traffiku Internazzjonali (APTU UR)

–Appendiċi G – Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF UR)

–Appendiċi H – Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-operat sikur tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali (EST UR)

Hemm 18-il preskrizzjoni teknika uniformi (UTP) għall-interoperabbiltà teknika żviluppata fl-ambitu tal-APTU UR u tal-ATMF UR. Il-UTPs fil-qafas tal-COTIF huma standards tekniċi applikabbli għall-ammissjoni teknika ta’ materjal tal-ferroviji użat fit-traffiku internazzjonali. Għandhom l-istess skop bħall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (TSIs) tal-UE għall-ammissjoni għat-traffiku internazzjonali, kif definit fil-Kapitolu II tad-Direttiva (UE) 2016/797 3 .

Mill-50 Stat li huma Partijiet fil-COTIF, 43, inkluż il-25 Stat Membru tal-UE diġà msemmija, japplikaw l-APTU UR u l-ATMF UR.

Hemm erba’ Annessi żviluppati fl-ambitu tal-EST UR. Dawn l-Annessi jikkonċernaw il-metodi komuni tas-sikurezza applikabbli għat-traffiku ferrovjarju internazzjonali. Għandhom l-istess skop bħall-metodi komuni tas-sikurezza (CSMs) tal-UE għall-ammissjoni għat-traffiku internazzjonali, kif definit fil-Kapitolu II tad-Direttiva (UE) 2016/798 4 . Id-dħul fis-seħħ tal-EST UR għadu qed jistenna l-approvazzjoni minn żewġ terzi tal-Istati li huma parti għall-OTIF.

2.2.Il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-OTIF

Is-CTE huwa stabbilit bl-Artikolu 13(1)(f) tal-COTIF. Huwa magħmul mill-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw l-APTU u l-ATMF.

Is-CTE huwa kompetenti fil-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà u s-sikurezza tat-traffiku ferrovjarju internazzjonali. Dan jiżviluppa l-APTU, l-ATMF, l-EST u l-Annessi rispettivi tagħhom, kif ukoll il-gwida korrispondenti, li japplikaw għall-ammissjoni tal-materjal u tal-infrastruttura tal-ferroviji maħsuba għall-użu fit-traffiku internazzjonali u għall-operat tagħhom. Dan jikkonċerna b’mod partikolari:

–L-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi u standards tekniċi;

–il-proċeduri dwar il-valutazzjoni tal-konformità tal-materjal u tal-infrastruttura tal-ferroviji ma’ dawn il-preskrizzjonijiet u l-istandards;

–id-dispożizzjonijiet dwar il-manutenzjoni tal-materjal u tal-infrastruttura tal-ferroviji;

–ir-responsabbiltajiet għall-operat sikur u d-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju;

–l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq.

Is-CTE bħalissa għandu grupp ta’ ħidma permanenti (WG TECH) li huwa responsabbli għat-tħejjija tas-CTE.

F’konformità mal-Artikolu 16(10) tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Skont l-Artikolu 20(1)(b) tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 6(1) tal-APTU, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta jew li jemenda l-UTPs rispettivi. F’konformità mal-Artikolu 20(1)(e) tal-COTIF u mal-Artikolu 21(1) tal-ATMF, is-CTE għandu l-kompetenza wkoll li jadotta jew li jemenda l-UTPs rispettivi tiegħu. Dawn l-emendi jsiru f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 16, 20 u 33(6) tal-COTIF, u jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 35.

Fl-aħħar nett, f’konformità mal-Artikolu 20(1)(e) tal-COTIF, u skont l-Artikolu 21(4) tal-ATMF, is-CTE għandu l-kompetenza wkoll li jirrakkomanda metodi u prattiki relatati mal-ammissjoni teknika ta’ materjal tal-ferroviji użat fit-traffiku internazzjonali.

2.3.L-atti previsti li għandhom jiġu adottati mis-CTE

Fid-9 ta’ Ġunju 2026, matul it-18-il sessjoni tiegħu, is-CTE għandu jadotta dan li ġej:

–modifika tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu tas-CTE;

–reviżjoni tal-UTP applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – vaguni tal-merkanzija” (UTP WAG);

–reviżjoni tal-UTP applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS);

–l-Anness C tal-ATMF dwar Format uniformi taċ-ċertifikati;

–modifika tal-Appendiċi I tal-UTP applikabbli għas-subsistema “Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija” (UTP TAF) (referenzi għad-dokumenti tekniċi);

–modifika tal-Manwal għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tar-Regoli Uniformi tal-APTU u tal-ATMF.

2.3.1.Modifika tar-regoli tal-proċedura tas-CTE

Fit-tmien sessjoni tiegħu, li saret fl-4 ta’ Diċembru 2025, il-Kumitat ad hoc tal-OTIF għall-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali approva d-dispożizzjonijiet rakkomandati li għandhom l-għan li jarmonizzaw ir-regoli tal-proċedura fil-korpi kollha tal-OTIF fir-rigward tad-drittijiet tal-membri, tal-membri assoċjati u tal-osservaturi.

L-għan ta’ din il-proposta ta’ modifika tar-regoli tal-proċedura tas-CTE huwa li jiġu allinjati l-prattiki tal-korpi kollha tal-OTIF, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ad hoc għall-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi xi allinjamenti addizzjonali mal-prattiki ta’ korpi oħrajn.

2.3.2.Reviżjoni tal-Preskrizzjoni Teknika Uniformi (UTP) applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” (UTP WAG)

Il-UTP WAG tistabbilixxi r-rekwiżiti funzjonali u tekniċi biex il-vaguni tal-merkanzija jiġu ammessi fit-traffiku internazzjoni fit-territorji tal-Istati Kontraenti kollha tal-COTIF, f’konformità mal-ATMF. Din tkopri r-rekwiżiti tekniċi tad-disinn u tal-produzzjoni u l-proċeduri ta’ verifika.

L-għan ta’ din il-proposta li tiġi riveduta l-UTP WAG huwa li din tinżamm allinjata mal-iżviluppi legali fl-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari ma’ dawk introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2064 5 . F’dak il-kuntest, il-proposta tispeċifika r-rekwiżiti għall-vaguni tal-merkanzija li jikkonċernaw it-tagħmir għall-ilqugħ tax-xrar għas-sikurezza kontra n-nirien, it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija, u l-apparati għall-ankraġġ tas-semitrejlers mal-vaguni u l-marki relatati.

2.3.3.Reviżjoni tal-Preskrizzjoni Teknika Uniformi (UTP) applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS)

Il-UTP LOC&PAS tistabbilixxi r-rekwiżiti funzjonali u tekniċi biex il-lokomottivi u l-vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri jiġu ammessi fit-traffiku internazzjonali fit-territorji tal-Istati Kontraenti kollha tal-COTIF, f’konformità mal-ATMF. Din tkopri r-rekwiżiti tekniċi tad-disinn u tal-produzzjoni u l-proċeduri ta’ verifika.

L-għan ta’ din il-proposta li tiġi riveduta l-UTP LOC&PAS huwa li din tinżamm allinjata mal-iżviluppi legali fl-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari ma’ dawk introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/675 6 . F’dak il-kuntest, il-proposta tispeċifika r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-traffiku internazzjonali ta’ vetturi li ma jġorrux passiġġieri li huma maħsuba biex jittrasportaw il-persunal.

2.3.4.Adozzjoni tal-Anness C tal-ATMF UR dwar Format uniformi taċ-ċertifikati

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiddefinixxi l-istruttura u l-kontenut taċ-ċertifikati tekniċi skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tal-ATMF UR, u l-proċeduri għall-ħruġ, għall-aġġornament, għall-irtirar u għas-sospensjoni tagħhom, kif ukoll il-proċeduri li jikkonċernaw l-aċċess għalihom. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-konsistenza u l-kompatibbiltà tal-informazzjoni bejn l-Istati Kontraenti tal-COTIF, u l-kompatibbiltà tagħha mar-reġistri tal-vetturi u tat-tipi tal-vetturi stabbiliti skont ir-regoli tal-OTIF jew tal-UE, jiġifieri dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE 7 u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 8 , kif emendati l-aħħar.

Sabiex tiġi promossa l-armonizzazzjoni u tiġi ffaċilitata d-diġitalizzazzjoni ferrovjarja, huwa mistenni li l-informazzjoni li tinsab f’dawn iċ-ċertifikati tikkorrispondi mal-informazzjoni meħtieġa fir-reġistri tal-vetturi u fir-reġistri tat-tipi tal-vetturi skont ir-regoli tal-OTIF u tal-UE, inkluża l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu l-kontrolli tal-kompatibbiltà tar-rotot.

2.3.5.Modifika tal-UTP dwar Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija (UTP TAF)

Il-UTP TAF tistabbilixxi rekwiżiti dwar il-proċess ta’ komunikazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura, il-bażijiet tad-data maħsuba li jintużaw ħalli jiġu traċċati l-ferroviji u l-movimenti tal-vaguni u l-informazzjoni li għandha titwassal lill-klijenti tal-merkanzija.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li r-referenzi jiġu allinjati mad-dokumenti tekniċi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF.

B’mod partikolari, il-modifiki tad-dokumenti tekniċi msemmija fl-Appendiċi I tal-UTP TAF huma neċessarji biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji, jitqies il-feedback, jinżamm il-pass mal-progress tekniku u tinżamm l-ekwivalenza mal-ispeċifikazzjonijiet iddefiniti fid-dokument tekniku tal-ERA, ERA-TD-105: TAF TSI — Annex D.2: Appendix F — TAF TSI Data and Message Model.

2.3.6.Aġġornament tal-manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-APTU u tal-ATMF

Il-manwal jiddeskrivi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tal-APTU u tal-ATMF għat-trasport internazzjonali bil-ferrovija, u jiddeskrivi d-diversi rwoli u responsabbiltajiet b’rabta mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni. Huwa maħsub li jservi bħala referenza prattika għall-membri tal-OTIF u l-istati interessati li jaderixxu mal-COTIF, b’mod partikolari għall-awtoritajiet, l-entitajiet u l-atturi fis-setturi ferrovjarji rispettivi tagħhom.

Il-manwal ma huwiex legalment vinkolanti skont il-COTIF, iżda madankollu huwa rakkomandazzjoni għall-implimentazzjoni, li kapaċi tipproduċi effetti legali. Is-CTE għandu s-setgħa li jadotta l-manwal u l-modifiki tagħhom bħala rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 21(4) tal-ATMF. Il-manwal (u għalhekk l-emenda prevista tiegħu) jinforma l-mod kif l-UE trid timplimenta l-obbligi tagħha skont il-COTIF.

L-aġġornament tal-manwal għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tal-APTU u tal-ATMF huwa meħtieġ biex titqies l-esperjenza miksuba tal-Istati Kontraenti tal-COTIF.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Il-kompetenza u d-drittijiet tal-vot tal-Unjoni

Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF:

“1. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri tagħha skont il-Konvenzjoni.

2. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvutaw l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

3. Soġġett għall-Artikolu 26, il-paragrafu 7, tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandu jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw”.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-impenji internazzjonali li għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-COTIF, inklużi l-istrumenti legali adottati skontha, meta jkun hemm ir-riskju li tali impenji jaffettwaw ir-regoli eżistenti tal-Unjoni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

L-objettiv tad-deċiżjonijiet proposti huwa li:

–jimmodifikaw ir-Regoli tal-Proċedura tas-CTE, sabiex jallinjawhom mar-regoli tal-proċedura ta’ korpi oħra tal-OTIF;

–jirrieżaminaw il-UTP WAG, sabiex jallinjawhom mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2064;

–jirrieżaminaw il-UTP LOC&PAS, sabiex jallinjawhom mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/675;

–jadottaw Anness C ġdid tal-ATMF UR dwar Format uniformi taċ-ċertifikati, filwaqt li jiżguraw il-kompatibbiltà tiegħu mar-reġistri tal-vetturi u tat-tipi tal-vetturi stabbiliti skont ir-regoli tal-OTIF u tal-UE, jiġifieri dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614;

–jimmodifikaw il-UTP dwar Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija (UTP TAF), sabiex jallinjaw ir-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tal-ERA elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF mal-aktar aġġornamenti reċenti ppubblikati mill-ERA;

–jaġġornaw il-manwal għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tal-APTU u tal-ATMF, sabiex jallinjawh mal-esperjenza miksuba mill-Istati Kontraenti tal-COTIF, inklużi l-Istati Membri tal-UE.

Dawn id-deċiżjonijiet kollha jaqgħu fil-qasam tal-interoperabbiltà u tas-sikurezza tat-traffiku ferrovjarju internazzjonali. Dan il-qasam huwa fil-biċċa l-kbira kopert mir-regoli tal-Unjoni li għalhekk jirriskjaw li jiġu affettwati jew mibdula bl-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Għalhekk, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

3.2.Konklużjonijiet proposti

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet dettaljati fil-paragrafi 2.3.1 sa 2.3.6 hawn fuq, l-Unjoni għandha tivvota kif propost hawn taħt.

3.2.1.Modifika tar-regoli tal-proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi

L-Unjoni Ewropea għandha tivvota favur il-modifika tar-Regoli tal-Proċedura tas-CTE kif proposta mis-Segretarjat tal-OTIF fid-dokument TECH-26018-CTE18-4. Madankollu, għandha tiġi proposta l-modifika li ġejja.

(a)Fl-Artikolu 9(3), “8 ġimgħat” għandha tiġi sostitwita bi “12-il ġimgħa”. Din il-proposta hija maħsuba biex tiffaċilita l-proċeduri interni meħtieġa li jippermettu t-tħejjija u l-adozzjoni f’waqthom tal-pożizzjonijiet rispettivi tal-Unjoni.

3.2.2.Reviżjoni tal-Preskrizzjoni Teknika Uniformi (UTP) applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” (UTP WAG)

L-Unjoni Ewropea għandha tivvota favur ir-reviżjoni tal-UTP WAG kif proposta mis-Segretarjat tal-OTIF fl-Anness 2 tad-dokument TECH-26003-CTE18-5.1, soġġett għall-emendi elenkati hawn taħt. F’każ li dawn l-emendi ma jiġux introdotti, l-Unjoni Ewropea għandha tivvota kontra r-reviżjoni proposta tal-UTP WAG.

(a)Iż-żewġ paragrafi introduttorji fil-punt 4.2.6.1.2.1, li issa huma spjegati f’aktar dettall fil-punt 4.2.6.1.2.1.1, għandhom jitħassru;

(b)Fil-punt 5.3.6, l-ewwel paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-apparati għall-ankraġġ tas-semitrejlers għandhom jiġu ddisinjati u vvalutati għal kull waħda mill-kundizzjonijiet tal-użu li ġejjin:

–is-semitrejlers kompatibbli li għalihom huwa maħsub l-apparat;

–l-interfaċċa kompatibbli tal-unità li fuqha l-apparat jista’ jiġi mmuntat b’mod sikur”.

3.2.3.Reviżjoni tal-Preskrizzjoni Teknika Uniformi applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS)

L-Unjoni Ewropea għandha tivvota favur ir-reviżjoni tal-UTP LOC&PAS kif proposta mis-Segretarjat tal-OTIF fl-Anness 2 tad-dokument TECH-26004-CTE18-5.2, soġġett għall-emenda elenkata hawn taħt. F’każ li din l-emenda ma tiġix introdotta, l-Unjoni Ewropea għandha tivvota kontra r-reviżjoni proposta tal-UTP LOC&PAS.

(a)fil-punt 7.1.1.6.1, il-punt (12) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “L-unità għandha tkun mgħammra b’apparati ta’ awtosalvataġġ għall-persuni kollha abbord, li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ EN 13794:2002 u jew EN 402:2003 jew EN 403:2004”.

3.2.4.Adozzjoni tal-Anness C tal-ATMF UR dwar Format uniformi taċ-ċertifikati

Id-deċiżjoni prevista biex jiġi adottat Anness C ġdid tal-ATMF dwar Format uniformi taċ-ċertifikati ma hijiex meqjusa bħala kompletament konformi mad-dritt u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni. Bħala eżempju ġeneriku, l-użu tat-terminu “ċertifikat” iwassal għal konfużjoni, peress li jintuża għal skopijiet differenti fl-oqfsa tal-UE u tal-COTIF.

Meta titqies il-firxa tal-emendi tad-deċiżjoni prevista li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat l-allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE, l-Unjoni Ewropea għandha tivvota kontra l-adozzjoni tal-Anness C tal-ATMF UR dwar Format uniformi taċ-ċertifikati, kif propost mis-Segretarjat tal-OTIF fid-dokument TECH-26005-CTE18-5.3, u għandha titlob ir-rieżami tiegħu mid-WG TECH tal-OTIF sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE.

3.2.5.Modifika tal-UTP dwar Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija (UTP TAF)

L-Unjoni Ewropea għandha tivvota favur il-modifiki tal-UTP TAF, kif proposti mis-Segretarjat tal-OTIF fid-dokument TECH-26006-CTE18-5.4.

3.2.6.Aġġornament tal-manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-APTU u tal-ATMF

L-Unjoni Ewropea għandha tivvota favur il-modifiki tal-manwal kif proposti mis-Segretarjat tal-OTIF fid-dokument TECH-26009-CTE18-6.3, soġġett għall-emendi elenkati hawn taħt. F’każ li dawn l-emendi ma jiġux introdotti, l-Unjoni Ewropea għandha tivvota kontra l-aġġornament propost tal-manwal.

(a)Għandhom jiġu rieżaminati l-kontroreferenzi bejn il-partijiet differenti tal-Manwal (eż. il-punti 106, 137 u 200 jirreferu għal numerazzjoni tat-taqsimiet li fil-fatt ma tintużax fil-Manwal);

(b)Fil-punti 112 u 202, l-aħħar sentenzi għandhom jiġu kkompletati kif ġej: “, jekk ikun permess mir-regoli applikabbli relatati mas-suq stabbiliti fil-livell domestiku jew tal-UE, kif xieraq.”;

(c)Fil-punt 201, fit-tielet sentenza, “Vetturi” għandha tiġi sostitwita b’“Vetturi fit-traffiku internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ATMF UR”.

Barra minn hekk, għandu jiġi investigat ukoll jekk l-espressjoni “Stat Kontraenti” għandhiex tiġi sostitwita bi “Stat Membru” fid-dokument kollu, sabiex tiġi allinjata mat-terminoloġija riveduta proposta għar-Regoli tal-Proċedura tas-CTE.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 9 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Is-CTE huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-COTIF, b’mod partikolari l-Artikolu 13(1)(f).

L-atti elenkati hawn fuq li s-CTE huwa mitlub jadotta matul it-18-il sessjoni tiegħu jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. Peress li l-Unjoni hija parti kontraenti sħiħa għall-COTIF, l-atti previsti se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 6(1) tal-APTU, mal-Artikolu 21(1) tal-ATMF u mal-Artikolu 35, il-paragrafi 3 u 4 tal-COTIF.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas ma jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mat-trasport internazzjonali bil-ferrovija.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2026/0089 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-18-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti tekniċi (CTE) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tar-reviżjoni tar-Regoli tal-Proċedura tas-CTE, tar-reviżjoni tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTP) applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – vaguni tal-merkanzija (UTP WAG) u għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS), tal-adozzjoni ta’ Format uniformi taċ-ċertifikati, tar-reviżjoni tal-UTP applikabbli għas-subsistema Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija (UTP TAF), u tal-Manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli Uniformi tal-APTU u tal-ATMF

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (il-“COTIF”), f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE 10 u mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni COTIF 11 .

(2)Skont l-Artikolu 13(1)(f) tal-COTIF, ġie stabbilit il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (“CTE”) tal-OTIF.

(3)Skont l-Artikolu 16(10) tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta u li jemenda r-regoli tal-proċedura tiegħu.

(4)Skont l-Artikolu 20(1)(b) tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali (APTU) — l-Appendiċi F tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta jew li jemenda, inter alia, il-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTP) applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” (UTP WAG), għas-subsistema “vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS), u għas-subsistema Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija (UTP TAF).

(5)Skont l-Artikolu 20(1)(e) tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF UR) — Appendiċi G tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta Annessi ta’ dak l-Appendiċi, inkluż dwar il-format uniformi taċ-ċertifikati.

(6)Skont l-Artikolu 20(1)(e) tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 21(4) tal-ATMF UR, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta jew li jemenda, inter alia, il-Manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli Uniformi tal-APTU u tal-ATMF.

(7)Is-CTE, matul it-18-il sessjoni tiegħu fid-9 ta’ Ġunju 2026, se jadotta deċiżjonijiet biex jirrevedi r-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-UTP WAG, il-UTP LOC&PAS, biex jadotta Anness C tal-ATMF dwar Format uniformi taċ-ċertifikati, biex jimmodifika l-Appendiċi I tal-UTP TAF, u biex jaġġorna l-Manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli Uniformi tal-APTU u tal-ATMF.

(8)Jixraq li jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fis-CTE, billi d-deċiżjonijiet proposti se jkunu vinkolanti għall-Unjoni, skont l-Artikolu 6(1) tal-APTU, l-Artikolu 21(1) tal-ATMF u l-Artikolu 35, il-paragrafi 3 u 4 tal-COTIF.

(9)L-objettivi ta’ dawk id-deċiżjonijiet huma li jimmodifikaw ir-Regoli tal-Proċedura tas-CTE, sabiex jallinjawhom mar-regoli tal-proċedura ta’ korpi oħra tal-OTIF, li jallinjaw il-UTP WAG u l-UTP LOC&PAS mar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2064 12 u (UE) 2025/675 13 rispettivament, li jadottaw Anness C ġdid tal-ATMF dwar Format uniformi taċ-ċertifikati, filwaqt li jiżguraw il-kompatibbiltà tiegħu mar-reġistri tal-vetturi u mar-reġistri tat-tipi tal-vetturi stabbiliti skont ir-regoli tal-OTIF u tal-UE, jiġifieri dawk stabbiliti fl-aħħar emendi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/665/UE 14 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 15 , li jallinjaw ir-referenzi għad-dokumenti tekniċi tal-ERA elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF, u li jaġġornaw il-Manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-APTU u l-ATMF, filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba mill-Istati Kontraenti tal-COTIF, inklużi l-Istati Membri tal-UE.

(10)Il-modifiki previsti għar-Regoli tal-Proċedura tas-CTE huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ad hoc tal-OTIF dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali, u jiżguraw allinjament u konsistenza ulterjuri bejn il-prattiki ta’ dan il-korp u ta’ korpi oħra tal-OTIF. Madankollu, ir-regoli biex id-dokumenti ta’ ħidma jsiru disponibbli qabel il-laqgħat tas-CTE għadhom jistabbilixxu skadenzi qosra ħafna, li jista’ jkun li ma jkunux biżżejjed biex jippermettu l-proċeduri interni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, filwaqt li l-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura jenħtieġ li jiġu appoġġati, jenħtieġ li l-Unjoni Ewropea tipproponi wkoll li tiġi estiża l-iskadenza biex id-dokumenti ta’ ħidma jsiru disponibbli qabel il-laqgħat tas-CTE, sabiex tkun tista’ ssir it-tħejjija u l-adozzjoni f’waqthom tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni.

(11)Id-deċiżjonijiet previsti biex jiġu riveduti l-UTP WAF u l-UTP LOC&PAS u biex jiġi modifikat l-Appendiċi I tal-UTP TAF ġeneralment huma konformi mad-dritt u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, u jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, uħud mill-bidliet proposti mis-Segretarjat tal-OTIF jenħtieġ li jiġu allinjati mad-dritt rilevanti tal-UE. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu proposti emendi tad-deċiżjonijiet previsti tal-OTIF, sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa d-deċiżjonijiet previsti soġġetti għall-kundizzjoni li dawn l-emendi jiġu introdotti.

(12)Id-deċiżjoni prevista biex jiġi adottat Anness C ġdid tal-ATMF dwar Format uniformi taċ-ċertifikati ma hijiex kompletament konformi mad-dritt u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni. Bħala eżempju ġeneriku, l-użu tat-terminu “ċertifikat” iwassal għal konfużjoni, peress li jintuża għal skopijiet differenti fl-oqfsa tal-UE u tal-COTIF. Meta titqies il-firxa tal-emendi tad-deċiżjoni prevista li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat l-allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE, l-Unjoni jenħtieġ li topponi l-adozzjoni tad-deċiżjoni prevista, u titlob xogħol ulterjuri mill-grupp ta’ ħidma permanenti tas-CTE (WG TECH) fuq il-kwistjoni, sabiex tiżgura l-allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE.

(13)Id-deċiżjoni prevista biex jiġi aġġornat il-Manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-ATMF u tal-APTU ġeneralment hija konformi mad-dritt u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, u tikkontribwixxi għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li jiġu introdotti xi modifiki f’dan il-manwal, b’mod partikolari biex jiġi ċċarat li l-aċċettazzjoni reċiproka tal-korpi ta’ valutazzjoni mill-Istati Kontraenti kollha għall-fini tal-ATMF UR tkun strettament limitata għall-vetturi maħsuba biex jintużaw fit-traffiku internazzjonali. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu proposti emendi tad-deċiżjoni prevista, sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE u li jitqiesu r-regoli applikabbli marbuta mas-suq stabbiliti fil-livell domestiku jew tal-UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa d-deċiżjoni prevista, soġġetta għall-kundizzjoni li dawn l-emendi jiġu introdotti.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-18-il sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980 dwar il-modifika tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, dwar ir-reviżjoni tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – vaguni tal-merkanzija” (UTP WAG), tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għas-subsistema “vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” (UTP LOC&PAS), dwar l-adozzjoni ta’ Anness C tar-Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF UR) dwar Format uniformi taċ-ċertifikati, dwar modifika tal-Appendiċi I tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għas-subsistema “Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija” (UTP TAF), u dwar aġġornament tal-Manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-APTU u l-ATMF għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(1)li tivvota favur il-modifiki proposti għar-Regoli tal-Proċedura tas-CTE, kif jinsabu fid-dokument TECH-26018-CTE18-4. Mingħajr preġudizzju għal din il-pożizzjoni, li tipproponi wkoll l-emenda li ġejja:

(a)Fl-Artikolu 9(3), “8 ġimgħat” għandha tiġi sostitwita bi “12-il ġimgħa”;

(2)li tivvota favur ir-reviżjoni proposta tal-UTP WAG, kif tinsab fl-Anness 2 tad-dokument TECH-26003-CTE18-5.1, soġġetta għall-emendi li ġejjin:

(a)fil-punt 4.2.6.1.2.1, jitħassru ż-żewġ paragrafi introduttorji;

(b)fil-punt 5.3.6, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-apparati għall-ankraġġ tas-semitrejlers għandhom jiġu ddisinjati u vvalutati għal kull waħda mill-kundizzjonijiet tal-użu li ġejjin:

— is-semitrejlers kompatibbli li għalihom huwa maħsub l-apparat;

— l-interfaċċa kompatibbli tal-unità li fuqha l-apparat jista’ jiġi mmuntat b’mod sikur”.

(3)li tivvota favur ir-reviżjoni proposta tal-UTP LOC&PAS, kif tinsab fl-Anness 2 tad-dokument TECH-26004-CTE18-5.2, soġġetta għall-emenda li ġejja:

(a)fil-punt 7.1.1.6.1, il-punt (12) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “L-unità għandha tkun mgħammra b’apparati ta’ awtosalvataġġ għall-persuni kollha abbord, li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ EN 13794:2002 u jew EN 402:2003 jew EN 403:2004”.

(4)li tivvota kontra l-adozzjoni proposta ta’ Anness C tal-ATMF dwar Format uniformi taċ-ċertifikati, kif jinsab fid-dokument TECH-26005-CTE18-5.3, u li titlob xogħol ulterjuri tal-grupp ta’ ħidma permanenti tas-CTE (WG TECH) dwar il-kwistjoni, sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE.

(5)li tivvota favur il-modifika proposta tal-Appendiċi I tal-UTP TAF, kif tinsab fid-dokument TECH-26006-CTE18-5.4.

(6)li tivvota favur l-aġġornament propost tal-manwal għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-APTU u l-ATMF, kif jinsab fid-dokument TECH-26009-CTE18-6.3, soġġett għall-emendi li ġejjin:

(a)Fit-test kollu, jiġu rieżaminati l-kontroreferenzi bejn il-partijiet differenti tal-Manwal, u jiġu allinjati mal-aktar werrej reċenti;

(b)Fil-punti 112 u 202, l-aħħar sentenza tiġi kkomplementata b’dan li ġej: “, jekk ikun permess mir-regoli applikabbli relatati mas-suq stabbiliti fil-livell domestiku jew tal-UE, kif xieraq.”;

(c)Fil-punt 201, fit-tielet sentenza, “Vetturi” tiġi sostitwita b’“Vetturi fit-traffiku internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ATMF UR”.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-laqgħa tas-CTE jistgħu jaqblu fuq xi tibdil minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ċipru u Malta biss mhumiex Partijiet Kontraenti.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/103(1)/oj ).
(3)    Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (riformulazzjoni) (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj ).
(4)    Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (riformulazzjoni) (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/798/oj ).
(5)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2064 tal-14 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 321/2013 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (“WAG TSI”) (ĠU L, 2025/2064, 15.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2064/oj ).
(6)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/675 tal-4 ta’ April 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1302/2014 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“Vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/665/UE dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati (ĠU L, 2025/675, 7.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/675/oj ).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati (ĠU L 264, 8.10.2011, pp. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/665/oj ).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 26.10.2018, pp. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1614/oj ).
(9)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/103(1)/oj ).
(11)    ĠU L 51, 23.2.2013, p. 8.
(12)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2064 tal-14 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 321/2013 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (“WAG TSI”) (ĠU L, 2025/2064, 15.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2064/oj ).
(13)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/675 tal-4 ta’ April 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1302/2014 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“Vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/665/UE dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati (ĠU L, 2025/675, 7.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/675/oj ).
(14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati (ĠU L 264, 8.10.2011, pp. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/665/oj ).
(15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 26.10.2018, pp. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1614/oj ).