Brussell, 16.7.2025

COM(2025) 544 final

2025/0544(CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2028-2034, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni skont dak il-Programm, u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2021/764

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2025) 555 final} - {SWD(2025) 555 final} - {SWD(2025) 556 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li timplimenta Orizzont Ewropa, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2028-2034, u l-partijiet relevanti tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività. Hija kompletament konsistenti mar-Regolamenti li din timplimenta kif ukoll mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034.

Il-Programm Speċifiku stabbilit b’din id-Deċiżjoni tal-Kunsill huwa bbażat fuq l-Artikolu 182(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Kif stabbilit fl-Artikolu 182(4) tat-TFUE, il-Programm Qafas għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi speċifiċi li jistipulaw regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tiegħu, jiffissaw it-tul taż-żmien tiegħu u jipprevedu l-mezzi meqjusa neċessarji. Orizzont Ewropa se jiġi implimentat mill-Programm Speċifiku stabbilit b’din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proposta kumplessiva ta’ Orizzont Ewropa, ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-att bażiku tal-Programm Qafas [(Proposta għal Regolament li jistabbilixxi “Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni”).]

2.ELEMENTI OĦRA

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Bl-eċċezzjoni tal-appoġġ għall-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfien – l-edukazzjoni ogħla, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u n-negozju – madwar l-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Programm Speċifiku jsegwu l-istruttura tal-[Proposta għal Regolament li jistabbilixxi “Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni”.]

2025/0544 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2028-2034, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni skont dak il-Programm, u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2021/764

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 182(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)F’konformità mal-Artikolu 182(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2028-2034 (“Orizzont Ewropa”), stabbilit permezz tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, irid jiġi implimentat permezz ta’ Programmi Speċifiċi, li jiddefinixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tagħhom, jiffissa t-tul taż-żmien tagħhom u jipprevedi l-mezzi meqjusa neċessarji.

(2)Ir-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa] jistabbilixxi l-objettivi speċifiċi u ġenerali tal-Orizzont Ewropa, l-istruttura u l-linji ġenerali tal-attivitajiet li jridu jitwettqu, filwaqt li dan il-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa (il-“Programm Speċifiku”) jenħtieġ li jiddefinixxi l-objettivi operazzjonali u l-attivitajiet speċifiċi għall-partijiet ta’ Orizzont Ewropa. Id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament XXX japplikaw għalkollox għall-Programm Speċifiku.

(3)Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom 4 ġie kkonsultat dwar il-kontenut xjentifiku u teknoloġiku tal-Programm Speċifiku dwar l-azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC.

(4)Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi pakkett finanzjarju indikattiv għall-Programm Speċifiku.

(5)Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku permezz ta’ programmi ta’ ħidma, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

(6)Il-proċeduri ta’ eżami u konsultattivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jintużaw għall-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma, minħabba l-implikazzjonijiet finanzjarji importanti tal-Programm Speċifiku.

(7)Il-Programm Speċifiku jissostitwixxi l-Programm Speċifiku ta’ Orizzont Ewropa stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 6 . Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 jenħtieġ li titħassar.

(8)Jenħtieġ li l-Programm Speċifiku jiġi implimentat f’konformità mal-prinċipju tal-istat tad-dritt u d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jkun konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali li għalihom huma parti, inkluż l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

1.Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali (il-“QFP”) 2028-2034 (il-“Programm Speċifiku”) kif stabbilit fl-Artikolu 1(2), il-punt (a) tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa].

2.Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-baġit tal-Programm Speċifiku għall-perjodu 2028-2034, ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku u l-attivitajiet li jridu jitwettqu tul il-Programm Speċifiku.

3.Id-definizzjonijiet, l-objettivi, l-istruttura u l-baġit ta’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit fir-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa] japplikaw ukoll għall-Programm Speċifiku.

Artikolu 2

Objettivi operazzjonali

1.Il-Programm Speċifiku għandu jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi u ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa].

2.Il-Programm Speċifiku għandu l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)irawwem il-produzzjoni tar-riċerka xjentifika ta’ kwalità għolja u l-aqwa istituzzjonijiet tar-riċerka fid-dinja;

(b)jappoġġa l-mobbiltà u t-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi;

(c)jattira u jżomm riċerkaturi eċċellenti fl-Ewropa;

(d)irawwem il-kollaborazzjoni u l-multidixxiplinarjetà, inkluż max-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi (SSH) biex jiġġenera għarfien ġdid;

(e)itejjeb il-valorizzazzjoni tal-għarfien;

(f)jgħaqqad u jiżviluppa l-infrastrutturi tar-riċerka u t-teknoloġija madwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) kollha u jipprovdi aċċess transnazzjonali;

(g)jappoġġa l-ħolqien u l-espansjoni ta’ negozji ġodda tat-teknoloġija profonda u innovattivi;

(h)irawwem l-adozzjoni tat-teknoloġija u d-dimostrazzjoni tal-innovazzjoni rivoluzzjonarja;

(i)iżid il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjoni tar-riċerka mill-pajjiżi tat-twessigħ tal-parteċipazzjoni u mill-pajjiżi ta’ tranżizzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa];

(j)irawwem ix-xjenza miftuħa u jiżgura l-viżibbiltà għall-pubbliku u l-aċċess miftuħ għar-riżultati, meta dan ikun possibbli.

3.Il-Programm Speċifiku għandu jindirizza wkoll l-attivitajiet tar-riċerka kollaborattiva fit-twieqi ta’ politika tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività.

Artikolu 3

Baġit

1.B’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament .XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa], il-pakkett finanzjarju indikattiv għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku għall-perjodu 2028-2034 huwa stabbilit għal EUR 175 002 000 000 bi prezzijiet attwali.

2.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jitqassam fost il-partijiet kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa].

Artikolu 4

Programmi ta’ ħidma

1.Il-Programm Speċifiku għandu jiġi implimentat bil-programmi ta’ ħidma msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-programmi ta’ ħidma jistgħu b’mod partikolari jistabbilixxu:

(a)azzjonijiet u l-baġit assoċjat;

(b)kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għoti;

(c)rata ta’ kofinanzjament unika għal kull azzjoni;

(d)regoli applikabbli għal azzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn objettiv speċifiku wieħed;

(e)azzjonijiet li għalihom japplikaw regoli speċifiċi, b’mod partikolari dwar is-sjieda tar-riżultati, il-valorizzazzjoni u d-disseminazzjoni, it-trasferiment u l-liċenzjar kif ukoll id-drittijiet tal-aċċess għar-riżultati.

2.Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma separati, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fil-komponenti li ġejjin, kif stabbilit fl-Artikolu 1(3):

(a)il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC), li għalih l-abbozz tal-programm ta’ ħidma għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC skont l-Artikolu 7(9)(a)(ii), skont l-Artikolu 18(3). Il-Kummissjoni għandha titbiegħed mill-abbozz tal-programm ta’ ħidma stabbilit mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC biss f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4); f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta’ ħidma permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 18(4); il-Kummissjoni għandha debitament tagħti r-raġunijiet għal dan;

(b)il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), li għalih għandu jitħejja l-programm ta’ ħidma skont il-parir tal-Bord tal-EIC skont l-Artikolu 12(1)(b), f’konformità mal-Artikolu 18(4);

(c)L-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie (MSCA), l-isfidi soċjetali dinjin, il-Missjonijiet tal-UE, il-Faċilità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, l-ekosistemi tal-innovazzjoni, ir-riforma u t-tisħiħ tas-sistema Ewropea tar-R&I, l-infrastrutturi tar-riċerka u t-teknoloġija, it-twessigħ tal-parteċipazzjoni u t-tixrid tal-eċċellenza, f’konformità mal-Artikolu 18(4);

(d)il-JRC (Ċentru Konġunt tar-Riċerka), li għalih il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jikkunsidra l-opinjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom.

3.L-attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni msemmija fit-twieqi ta’ politika deskritti fil-Kapitoli IV sa VII tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività] għandhom jiġu inklużi f’parti ddedikata speċifika tal-programmi ta’ ħidma li jimplimentaw l-objettivi speċifiċi korrispondenti msemmija fl-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (d) tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività]. Dawk il-programmi ta’ ħidma għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikoli 15 u 84 tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività].

Artikolu 5

Is-Sħubijiet Ewropej

1.Is-Sħubijiet Ewropej għandhom iħaddmu approċċ ċar taċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż l-għażla, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom, u t-tranżizzjoni mir-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa] abbażi ta’ dan li ġej:

(a)Is-Sħubijiet Ewropej għandhom jintgħażlu wara proċedura kompetittiva, miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, abbażi tal-oqsma proposti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa], is-sħubijiet kandidati għandhom jikkonformaw mal-kriterji tal-għażla li ġejjin:

I.ir-rilevanza tal-portafoll: il-konsistenza u l-koerenza ġenerali tal-portafoll tas-sħubija għandhom jiġu żgurati, diment li l-kandidati jkunu jissodisfaw il-kriterji tal-għażla kollha u juru r-rilevanza bħala parti minn portafoll strateġiku tal-azzjonijiet;

II.il-massa kritika: il-baġit tas-sħubijiet (il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni u tas-sħab) għandu jaqbel mat-tul taż-żmien tagħhom, filwaqt li jiżgura biżżejjed riżorsi biex tiġi ffinanzjata mqar sejħa sostanzjali waħda fis-sena, kull waħda komparabbli fid-daqs għal sejħa medja ta’ Orizzont Ewropa fil-qasam tematiku rilevanti;

III.il-kompożizzjoni tas-sħab: sakemm ma jkunx debitament ġustifikat, hija meħtieġa l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi minn imqar ħames Stati Membri u entitajiet privati li jkunu jirrappreżentaw segmenti sostanzjali tal-ekosistemi rispettivi tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat involviment wiesa’ u bilanċjat tal-partijiet ikkonċernati ewlenin;

IV.rilevanza pan-Ewropea: is-sħubijiet għandu jkollhom rilevanza pan-Ewropea, riflessa f’distribuzzjoni ġeografika ekwilibrata tas-sħab fost l-Istati Membri;

V.l-orjentazzjoni tal-missjoni: is-sħubijiet għandhom jifformulaw objettivi ċari, li jistgħu jitkejlu u li jkunu marbuta biż-żmien skont it-tul tal-perjodu ta’ Orizzont Ewropa, li mbagħad jinfurmaw l-eżerċizzji tal-monitoraġġ, tal-valutazzjoni u tal-evalwazzjoni;

VI.pjan tan-negozju: is-sħab għandhom jiżviluppaw pjan tan-negozju ex ante, inkluż sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex isegwu l-progress u strateġija ta’ tranżizzjoni li tħares ’il quddiem, inkluż azzjonijiet għat-tneħħija gradwali mill-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa;

VII.ftuħ u trasparenza: is-sħubijiet għandhom juru ftuħ u trasparenza fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u l-objettivi – inkluż ir-riżultati u l-impatti mistennija – u l-involviment tas-sħab u tal-partijiet ikkonċernati tul il-katina kollha tal-valur u minn diversi setturi, sfondi, u dixxiplini, inkluż dawk internazzjonali rilevanti mingħajr ma jaffettwaw il-kompetittività Ewropea;

VIII.legat: meta s-sħubijiet kandidati jkunu jibnu fuq inizjattivi preċedenti, dawn għandhom juru l-effiċjenza, l-effettività u l-impatt tas-sħubijiet preċedenti;

IX.tul l-implimentazzjoni tagħhom, is-Sħubijiet Ewropej għandhom jiżguraw:

I.arranġamenti trasparenti interni ta’ governanza u regoli interni, inkluż kodiċijiet ta’ kondotta, li jiżguraw il-funzjonament tagħhom b’mod miftuħ u trasparenti;

II.ftuħ kontinwu tal-inizjattiva bi kriterji ċari u trasparenti ta’ adeżjoni u ta’ ħruġ, inkluż b’sejħiet miftuħa għal organizzazzjonijiet sħab ġodda potenzjali;

III.flessibbiltà b’reviżjonijiet fil-ħin tad-dokumenti ewlenin bħall-Aġendi Strateġiċi tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (SRIAs) u l-istrateġiji ta’ tranżizzjoni, adattati kif meħtieġ biex ikunu żgurati r-rilevanza u l-fattibbiltà;

IV.il-monitoraġġ kontinwu għandu jinkludi t-traċċar tal-progress favur sett ta’ indikaturi komuni speċifiċi għas-sħubija, inkluż il-kontributi tas-sħab, il-kosteffiċjenza, u l-ftuħ għal sħab ġodda. L-indikaturi komuni speċifiċi għas-sħubija għandhom jibnu fuq l-indikaturi komuni definiti skont ir-Regolament XXX [referenza għar-Regolament tal-Prestazzjoni] u stabbiliti fir-rapporti ta’ monitoraġġ biennali dwar il-prestazzjoni tas-Sħubijiet Ewropej tul Orizzont Ewropa 2021-2027;

V.Is-Sħubijiet Ewropej għandhom iniedu s-sejħiet finali tagħhom qabel il-31 ta’ Diċembru 2034. Is-Sħubijiet Ewropej għandhom jiddeterminaw u jimplimentaw l-aqwa mod ta’ tranżizzjoni. Filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji ta’ tranżizzjoni mħejjija ex ante, is-Sħubijiet għanda ssirilhom valutazzjoni indipendenti li tiddetermina jekk l-objettivi tagħhom intlaħqux, l-adegwatezza tal-approċċ tas-Sħubija, u r-rilevanza kontinwa tagħhom għall-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tinkludi rakkomandazzjoni għall-aktar mod effettiv ta’ intervent ta’ politika għal kwalunkwe azzjoni fil-futur.

(b)Jekk ma jkunx hemm tiġdid, is-Sħubijiet Ewropej għandhom jimplimentaw miżuri xierqa li jkunu bbażati fuq l-azzjonijiet ta’ tneħħija gradwali tagħhom identifikati fl-istrateġiji ta’ tranżizzjoni tagħhom.

Kapitolu II

Xjenza Eċċellenti

Artikolu 6

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-“ERC”) għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Parti I “Xjenza Eċċellenti” tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa] li huma relatati mal-ERC. L-ERC għandu jkun is-suċċessur tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764.

2.L-ERC għandu jkun magħmul mill-Kunsill Xjentifiku indipendenti tal-ERC previst fl-Artikolu 7 u l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC li hija prevista fl-Artikolu 8.

3.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jkollu President (President tal-ERC) li għandu jintgħażel minn fost xjenzati veterani u rispettati fil-livell internazzjonali.

4.Il-President tal-ERC għandha taħtru l-Kummissjoni wara proċess trasparenti ta’ reklutaġġ li jkun jinvolvi lil kumitat dedikat indipendenti ta’ tiftix. Il-proċess tar-reklutaġġ u l-kandidat magħżul għandu japprovahom il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC. Il-mandat tal-President tal-ERC għandu jkun limitat għal erba’ snin, u jista’ jiġġedded darba.

5.Il-President tal-ERC għandu jippresiedi l-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u jiżgura t-tmexxija tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u l-kollegament ta’ dan mal-istruttura tal-implimentazzjoni ddedikata tal-ERC, u għandu jirrappreżenta lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC fid-dinja tax-xjenza.

6.Il-President għandu jkun assistit minn tliet Viċi Presidenti magħżula mill-Kunsill Xjentifiku minn fost il-membri tiegħu.

7.L-ERC għandu jopera skont il-prinċipji ewlenin tiegħu li huma l-eċċellenza xjentifika, ix-xjenza miftuħa, l-awtonomija, l-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tar-riċerka, filwaqt li jirrispetta l-politiki korporattivi tal-Kummissjoni Ewropea. Għandu jiżgura kontinwità mal-azzjonijiet tal-ERC mwettqa skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764.

8.Bl-attivitajiet tiegħu, l-ERC għandu jappoġġa, minn isfel għal fuq, ir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien imwettqa fl-oqsma kollha minn investigaturi prinċipali u t-timijiet tagħhom f’kompetizzjoni fil-livell Ewropew, inkluż lir-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera.

9.Il-Kummissjoni għandha taġixxi ta’ garanti tal-awtonomija u l-integrità tal-ERC u għandha tiżgura l-eżekuzzjoni kif suppost tal-kompiti fdati lilu.

10.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-ERC tkun konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu kif ukoll mal-istrateġija kumplessiva għall-ERC, imsemmija fl-Artikolu 7(4)(a), stabbilita permezz tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.

Artikolu 7

Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC

1.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jkun magħmul minn 22 membru li jkunu xjenzati, inġiniera u akkademiċi indipendenti tal-aqwa reputazzjoni u bl-għarfien espert meħtieġ, inkluż nisa kif ukoll irġiel minn gruppi differenti tal-età, u filwaqt li jiġu żgurati d-diversità tal-oqsma tar-riċerka u varjetà fir-rigward tal-oriġini ġeografika. Dawn għandhom jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom u indipendentement minn interessi estranji. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandha taħtarhom il-Kummissjoni, wara proċedura indipendenti u trasparenti għall-identifikazzjoni tagħhom maqbula mal-Kunsill Xjentifiku, inkluż konsultazzjoni miftuħa tal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.Il-mandat tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jkun ta’ mhux aktar minn erba’ snin, li jista’ jiġi estiż darba għal mhux aktar minn sentejn, abbażi ta’ sistema ta’ rotazzjoni li għandha tiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.

3.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jeleġġi tliet Viċi Presidenti minn fost il-membri tiegħu, u dawn għandhom jassistu lill-President tal-ERC fir-rappreżentanza tiegħu u fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu. Għandu jkollhom it-titlu ta’ Viċi President tal-ERC. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandhom jingħataw kumpens għax-xogħol li jwettqu permezz ta’ onorarju u, meta xieraq, jingħataw rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

4.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jeżerċita l-kompiti tiegħu biss u esklussivament fl-ambitu u għall-finijiet tal-Programm Speċifiku. F’dak il-kuntest, dan għandu jistabbilixxi:

(a)l-istrateġija kumplessiva tal-ERC;

(b)il-programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ERC;

(c)il-metodi u l-proċeduri għar-rieżaminazzjoni bejn il-pari u l-evalwazzjoni tal-proposta li abbażi tagħhom jiġi determinat liema proposti għandhom jiġu ffinanzjati;

(d)il-pożizzjoni tiegħu dwar xi materja li minn perspettiva xjentifika tista’ ttejjeb il-kisbiet u l-impatt tal-ERC u l-kwalità tar-riċerka mwettqa;

(e)kodiċi ta’ kondotta li jkopri, fost materji oħra, l-evitar tal-kunflitt ta’ interess;

(f)il-proċedura għall-elezzjoni tal-Viċi Presidenti tal-ERC.

Il-Kummissjoni għandha titbiegħed mill-pożizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC f’konformità mal-ewwel subparagrafu biss jekk ikun jidhirilha li din id-Deċiżjoni ma tkunx ġiet rispettata. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri biex iżżomm il-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku u l-kisbiet tal-objettivi tiegħu, filwaqt li tistabbilixxi, u debitament tagħti r-raġunijiet għal, il-punti tat-tbegħid mill-pożizzjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.

5.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar xejriet tar-riċerka, data u materji rilevanti għat-tfassil tal-politika u jista’ jwettaq analiżi f’dan ir-rigward.

6.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u l-Kummissjoni għandhom jiltaqgħu mqar darbtejn fis-sena biex iwettqu skambju wiesa’ u fil-ħin tal-fehmiet fil-kuntest tal-iżvilupp tal-istrateġija tal-ERC u t-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni.

7.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC huwa l-garanti tal-kwalità tal-attività mill-perspettiva xjentifika u għandu awtorità sħiħa fuq id-deċiżjonijiet dwar it-tip ta’ riċerka li għandha tiġi ffinanzjata.

8.Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jaġixxi esklużivament fl-interess tal-ERC, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(7). Għandu jaġixxi b’integrità u bl-onestà, u jwettaq ħidmitu bl-effiċjenza u bl-akbar trasparenza possibbli.

9.Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku u sabiex iwettaq dawn il-kompiti, l-attivitajiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)fir-rigward tal-istrateġija xjentifika:

I.jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika globali għall-ERC, fid-dawl tal-opportunitajiet xjentifiċi u l-ħtiġijiet xjentifiċi Ewropej;

II.jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma u jiżviluppa t-taħlita ta’ miżuri ta’ appoġġ tal-ERC b’konformità mal-istrateġija xjentifika tiegħu;

III.jistabbilixxi l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali meħtieġa, inkluż attivitajiet ta’ tixrid tal-għarfien, biex tiżdied il-viżibbiltà tal-ERC għall-aqwa riċerkaturi mill-bqija tad-dinja, bi qbil mal-istrateġija xjentifika tiegħu;

(b)fir-rigward tal-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità xjentifiċi:

I.jiżgura sistema ta’ rieżami bejn il-pari ta’ livell dinji bbażata fuq l-eċċellenza xjentifika u fuq trattament għalkollox trasparenti, ġust u imparzjali tal-proposti, billi jistabbilixxi pożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-sejħiet għal proposti, kriterji ta’ evalwazzjoni, proċessi ta’ reviżjoni bejn il-pari, inkluż l-għażla tal-esperti, il-metodi għar-reviżjoni bejn il-pari u l-evalwazzjoni tal-proposti u r-regoli u l-linji gwida ta’ implimentazzjoni neċessarji, li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi ddeterminat liema proposti se jiġu ffinanzjati bis-superviżjoni tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

II.jagħmel proposta li abbażi tagħha għandhom jinħatru l-esperti fil-każ ta’ azzjonijiet tar-riċerka tal-ERC fil-fruntieri tal-għarfien;

III.jiżgura li l-għotjiet tal-ERC jiġu implimentati b’konformità ma’ proċeduri sempliċi u trasparenti li jibqgħu ffokati fuq l-eċċellenza, iħeġġu l-inizjattiva, u jikkombinaw il-flessibbiltà mar-responsabbiltà billi jimmonitorjaw b’mod kontinwu l-kwalità tal-operat u l-implimentazzjoni;

IV.jirrieżamina u jivvaluta l-kisbiet tal-ERC u l-kwalità u l-impatt tar-riċerka ffinanzjata mill-ERC u jagħmel rakkomandazzjonijiet u linji gwida għal azzjonijiet korrettivi jew futuri skont dan;

V.jistabbilixxi pożizzjonijiet dwar materji oħra li jaffettwaw il-kisbiet u l-impatt tal-attivitajiet tal-ERC u l-kwalità tar-riċerka mwettqa skont din il-parti ta’ Orizzont Ewropa.

(c)fir-rigward tal-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni:

I.itejjeb il-profil u l-viżibbiltà globali tal-ERC billi jwettaq attivitajiet tal-komunikazzjoni u tat-tixrid tal-għarfien, inkluż konferenzi xjentifiċi biex jippromwovi l-attivitajiet u l-kisbiet tal-ERC u r-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-ERC mal-komunità xjentifika, il-partijiet ikkonċernati prinċipali u l-pubbliku ġenerali;

II.meta xieraq, jikkonsulta mal-komunità xjentifika, tal-inġiniera u tal-akkademiċi, aġenziji tal-finanzjament tar-riċerka reġjonali u nazzjonali u partijiet ikkonċernati oħrajn;

III.jirrapporta b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 8

Struttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC

1.L-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni ta’ dan il-komponent tal-Programm Speċifiku.  B’mod partikolari, din l-istruttura għandha timplimenta l-proċeduri tal-evalwazzjoni, ir-reviżjoni bejn il-pari u l-proċess tal-għażla f’konformità mal-istrateġija stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u għandha tiżgura l-ġestjoni finanzjarja u xjentifika tal-għotjiet. 

L-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC għandha tappoġġa lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC fit-twettiq tal-kompiti kollha tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 7, inkluż l-iżvilupp tal-istrateġija xjentifika tiegħu, il-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tiegħu, u r-rieżami u l-valutazzjoni tal-kisbiet tal-ERC, kif ukoll l-attivitajiet tal-komunikazzjoni u t-tixrid tal-għarfien. L-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC għandha tipprovdi wkoll aċċess għad-dokumenti neċessarji u għad-data fil-pussess tagħha, u żżomm lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC infurmat dwar l-attivitajiet tagħha.

Biex tiġi żgurata kollaborazzjoni effettiva mal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC dwar kwistjonijiet ta’ strateġija u operattivi, it-tmexxija tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u d-Direttur tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC għandhom jorganizzaw laqgħat ta’ koordinazzjoni regolari.

2.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC issegwi strettament, b’mod effiċjenti u bil-flessibbiltà meħtieġa l-objettivi u r-rekwiżiti tal-ERC biss. Biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha kif stipulati fl-Artikoli 6 u 7 u f’dan l-Artikolu, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tagħha stess għall-eżekuzzjoni tal-baġit, il-Kummissjoni għandha:

(a)tiżgura l-kontinwità u t-tiġdid tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u tipprovdi appoġġ għal Kumitat ta’ Identifikazzjoni permanenti għall-identifikazzjoni ta’ membri futuri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

(b)tiżgura l-kontinwità tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC u d-delegar lilha ta’ kompiti u responsabbiltajiet, b’konsiderazzjoni tal-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

(c)tiżgura li l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC twettaq il-firxa sħiħa tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha;

(d)taħtar lid-Direttur u lill-membri tal-maniġment tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC, b’konsiderazzjoni tal-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

(e)tiżgura l-adozzjoni fil-ħin tal-programm ta’ ħidma, il-pożizzjonijiet fir-rigward tal-metodoloġija tal-implimentazzjoni u r-regoli tal-implimentazzjoni neċessarji, inkluż ir-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-mudell tal-ftehim ta’ għotja tal-ERC, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC; u l-politiki korporattivi tal-Kummissjoni implementati permezz tal-Programm Speċifiku;

(f)peress li hi responsabbli mill-implimentazzjoni ġenerali tal-Programm, timmonitorja l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għall-ERC u tivvaluta l-prestazzjoni tagħha.

Artikolu 9

L-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie

1.L-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie (MSCA) għandhom jiffukaw fuq riċerka mmexxija mir-riċerkaturi bbażata esklużivament fuq l-eċċellenza xjentifika biex jappoġġaw il-karriera, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera.

2.L-MSCA għandhom ikunu miftuħa għal kull dominju xjentifiku skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Jekk ifeġġu ħtiġijiet speċifiċi, l-MSCA jistgħu jimmiraw ċerti attivitajiet fi prijoritajiet tematiċi speċifiċi, tipi ta’ istituzzjonijiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni, jew postijiet ġeografiċi biex jirrispondu għar-rekwiżiti u l-ħtiġijiet evolventi tal-Unjoni fir-rigward tal-ħiliet, it-taħriġ fir-riċerka, l-iżvilupp tal-karriera u l-kondiviżjoni tal-għarfien, biex tinkiseb l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.

3.L-implimentazzjoni tal-MSCA għandha:

(a)toffri kundizzjonijiet u opportunitajiet attraenti għall-progress fil-karriera, li jgħinu biex jiġu indirizzati kwistjonijiet sistemiċi ta’ instabbiltà fil-karriera u prekarjetà fis-settur tar-riċerka. L-MSCA għandhom jappoġġaw b’mod attiv il-prinċipji stabbiliti fil-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi li jippromwovu reklutaġġ ġust, proċeduri trasparenti, u avvanz ibbażat fuq il-mertu 7 ;

(b)jiżguraw sinerġiji strateġiċi mal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) iżda anki mal-istrumenti tal-Unjoni li jrawmu l-innovazzjoni, bħall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) u l-attivitajiet li jrawmu l-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien – l-edukazzjoni ogħla, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u n-negozju – madwar l-Unjoni kif ukoll programmi tal-Unjoni oħrajn bħall-Erasmus+;

(c)jippromwovu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-diversità u l-inklużjoni, filwaqt li jistabbilixxu standards għoljin għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Artikolu 10

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

1.L-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) għandhom ikunu komplementari għall-azzjonijiet indiretti li jappoġġaw objettivi ta’ politika aktar fit-tul. Biex dan jinkiseb, il-JRC jaħdem ma’ partijiet ikkonċernati internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż bi ftehimiet ta’ kollaborazzjoni xjentifika.

L-attivitajiet tal-JRC għandhom:

–ikunu flessibbli u jwieġbu għall-bżonnijiet evolventi ta’ politika.

–jiżguraw sinerġija ma’ investimenti oħra tal-UE.

–jiffokaw fuq l-oqsma li ġejjin:

I.l-appoġġ xjentifiku u tekniku għall-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni, b’mod partikolari (iżda mhux limitat għal) dawk definiti fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività u dawk definiti għall-partijiet I, II, III u IV tal-Programm Orizzont Ewropa;

II.l-integrazzjoni tal-għarfien u l-impatt tal-politika;

III.l-iżvilupp territorjali u l-appoġġ tal-Istati Membri;

IV.l-eċċellenza xjentifika u l-kollaborazzjoni internazzjonali;

V.ix-xjenza miftuħa, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-bini tal-kapaċitajiet.

Kapitolu III

Kompetittività u Soċjetà

Artikolu 11

Riċerka kollaborattiva

L-attivitajiet tar-riċerka kollaborattiva msemmija fil-Kapitolu I tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa] għandhom ikopru, b’mod partikolari, l-attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni li ġejjin:

(a)f’“Kompetittività”, attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni tat-twieqi ta’ politika deskritti fil-Kapitoli IV sa VII tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività:

(b)f’“Soċjetà”, attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni, bħal:

(i)attivitajiet immirati biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-isfidi soċjetali dinjin:

–it-tisħiħ tal-valuri u l-pedamenti demokratiċi, l-involviment ċiviku, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, billi jitrawmu soċjetajiet reżiljenti u pluralistiċi, u l-integrità tal-ispazju tal-informazzjoni u tal-midja u l-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni, id-diżinformazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, id-diskriminazzjoni, u l-ksenofobija, f’dinja ta’ bidliet ġeopolitiċi mill-aktar evolventi;

–il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-trasformazzjonijiet soċjali u ekonomiċi, soċjetajiet inklużivi u l-koeżjoni soċjali, u l-indirizzar tal-inugwaljanzi biex jinħolqu opportunitajiet għal kulħadd, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet taż-żoni rurali, jiġu indirizzati t-tibdil demografiku u l-ġustizzja interġenerazzjonali, inkluż migrazzjoni u mobbiltà ġestiti tajjeb, jiġu appoġġati s-saħħa mentali u l-benesseri tas-soċjetà, inkluż għaż-żgħażagħ;

–it-trawwim ta’ Ewropa bbażata fuq il-valuri u kompetittiva billi jitkattru l-ħiliet validi għall-futur, u tiġi xprunata innovazzjoni inklużiva li tagħti r-riedni f’idejn in-nies, tiffaċilita l-aċċettazzjoni soċjetali tat-teknoloġiji, u tappoġġa tkabbir sostenibbli li jkun ta’ ġid għal kulħadd.

(ii)il-Missjonijiet tal-UE: attivitajiet li jappoġġaw il-Missjonijiet tal-UE msemmija fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament XXX [referenza għar-Regolament ta’ Orizzont Ewropa].

(iii)l-attivitajiet fil-kuntest tal-Faċilità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB), stabbilita bil-Pjan Strateġiku ta’ Orizzont Ewropa 2025-2027 8 , għandhom jilħqu l-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ appoġġ li jrawmu l-iżvilupp u jwessgħu s-soluzzjonijiet innovattivi tar-riċerka biex il-viċinati jinbidlu f’postijiet sostenibbli, inklużivi u sbieħ.

Kapitolu IV

Innovazzjoni

Artikolu 12

Il-Bord tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni

1.Il-Bord tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (Bord tal-EIC) għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar:

(a)l-istrateġija ġenerali għall-komponent tal-EIC fil-Parti III “Innovazzjoni” ta’ Orizzont Ewropa, filwaqt li tqis il-komplementarjetajiet mal-Fond Ewropew għall-Kompetittività;

(b)il-programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-EIC, inkluż il-kriterji għall-valutazzjoni tal-proposti u l-bilanċ xieraq bejn it-tipi differenti ta’ appoġġ ta’ finanzjament;

(c)l-identifikazzjoni ta’ xejriet teknoloġiċi emerġenti mill-portafolli tal-EIC u l-portafolli strateġiċi tal-proġetti;

(d)il-profil tal-Maniġers tal-Programm tal-EIC;

(e)koordinazzjoni mal-Bord Konsultattiv dwar il-Garanziji tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività, l-Istrumenti Finanzjarji u l-Operazzjonijiet ta’ Taħlit stabbiliti skont il-Fond Ewropew għall-Kompetittività.

2.Il-Bord tal-EIC jista’, meta jintalab mill-Kummissjoni, jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar:

(a)materji li minn perspettiva tal-innovazzjoni jistgħu jtejbu u jrawmu ekosistemi tal-innovazzjoni madwar l-Unjoni, il-kisbiet u l-impatt tal-objettivi tal-EIC u l-kapaċità ta’ kumpaniji innovattivi li joħorġu bis-soluzzjonijiet tagħhom;

(b)l-identifikazzjoni, b’kooperazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u entitajiet rilevanti oħra, ta’ ostakli regolatorji possibbli li jiffaċċjaw l-intraprendituri, b'mod partikolari dawk li jingħataw appoġġ mill-EIC;

(c)programmazzjoni f’partijiet oħra tal-Programm Speċifiku.

3.Il-Bord tal-EIC għandu jaġixxi bl-interess li jintlaħqu l-objettivi tal-EIC. Għandu jaġixxi b’integrità u bl-onestà, u jwettaq ħidmitu b’mod effiċjenti u trasparenti.

4.Il-Bord tal-EIC għandu jkun magħmul minn 15 sa 20 individwu indipendenti ta’ livell għoli, li jintgħażlu minn partijiet differenti tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-Ewropa, inkluż intraprendituri, mexxejja korporattivi, investituri, esperti fl-innovazzjoni, riċerkaturi innovattivi, u esperti fit-trasferiment tat-teknoloġija. Il-Bord tal-EIC għandu jikkontribwixxi għal azzjonijiet ta’ tixrid tal-għarfien, u l-membri tiegħu għandhom jaħdmu biex itejbu l-prestiġju ta’ ismu.

5.Il-membri tal-Bord tal-EIC għandha taħtarhom il-Kummissjoni, wara sejħa miftuħa għan-nomini jew espressjonijiet ta’ interess, u b’konsiderazzjoni tal-ħtieġa ta’ bilanċ fl-għarfien espert, il-ġeneru, l-età u d-distribuzzjoni ġeografika.

6.Il-mandat tagħhom għandu jkun limitat għal sentejn, u jista’ jiġġedded darbtejn.

7.Il-Bord tal-EIC għandu jkollu President li għandu jkun persuna pubblika ta’ profil għoli marbuta mad-dinja tal-innovazzjoni, b’għarfien tajjeb fl-iżvilupp tal-innovazzojnijiet mir-riċerka sas-suq u l-espansjoni.

8.Il-President tal-Bord tal-EIC għandu jkollu l-istatus ta’ konsulent speċjali indipendenti u għandha taħtru l-Kummissjoni wara proċess trasparenti tar-reklutaġġ. Il-mandat tal-President tal-Bord tal-EIC għandu jkun limitat għal sentejn, u jista’ jiġġedded darba sa mhux aktar minn sentejn.

9.Il-President tal-Bord tal-EIC għandu jippresiedi l-Bord tal-EIC, jipprepara l-laqgħat tiegħu, jassenja l-kompiti lill-membri u jista’ jistabbilixxi sottogruppi dedikati. Il-President tal-Bord tal-EIC għandu jirrappreżenta l-fehmiet tal-Bord tal-EIC fid-dinja tal-innovazzjoni u jaġixxi bħala interlokutur mal-Kummissjoni.

10.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kodiċi ta’ kondotta tal-Bord tal-EIC li jindirizza, b’mod partikolari, l-evitar tal-kunflitti ta’ interess u l-ksur tal-kunfidenzjalità. Malli jinħatru, il-membri tal-Bord tal-EIC għandhom jesprimu l-qbil tagħhom li jimxu f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta.

11.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Bord tal-EIC u lill-President tal-Bord tal-EIC.

Artikolu 13

Ekosistemi tal-Innovazzjoni

Il-Programm Speċifiku għandu jappoġġa:

(a)l-istabbiliment u l-appoġġ ta’ ċentri konnessi madwar l-Unjoni, li lill-innovaturi, lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu jagħtuhom aċċess għar-riżorsi, għas-servizzi u għas-sħab, inkluż opportunitajiet ta’ investiment, l-ewwel xerrejja tar-R&I u soluzzjonijiet innovattivi, korporattivi, faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni, infrastrutturi tar-riċerka u tat-teknoloġija, talent intraprenditorjali, ikkowċjar u mentoraġġ;

(b)attivitajiet għall-iżvilupp ta’ ekosistemi pan-Ewropej tal-innovazzjoni f’oqsma tematiċi ewlenin, l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet fl-innovazzjoni u l-bini tar-riskju fi stadju bikri, it-trawwim tal-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien – l-edukazzjoni ogħla, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u n-negozju – madwar l-Unjoni;

(c)programmi li jappoġġaw lill-SMEs innovattivi, lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu, biex jikbru u jaċċessaw is-swieq internazzjonali bi studji dwar il-vijabbiltà tas-suq, għodod tal-innovazzjoni bbażati fuq il-post, riċerka u innovazzjoni kollaborattivi, skambju tat-talenti, mentoraġġ imfassal apposta, aċċess għal networks dinjin tal-investituri, gwida regolatorja, appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni lokalizzat, u servizzi ta’ “soft-landing” fil-pajjiżi fil-mira;

(d)azzjonijiet oħra li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ekosistemi tal-innovazzjoni u l-konnettività, inkluż studji, valutazzjonijiet komparattivi, tagħlim reċiproku bejn l-atturi tal-innovazzjoni, u koordinazzjoni tal-politiki tal-innovazzjoni.

Kapitolu V

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka

Artikolu 14

Riforma u titjib tas-sistema Ewropea tar-R&I

Biex jappoġġa t-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), il-Programm Speċifiku għandu jassisti lill-Istati Membri fil-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa 9 , billi jappoġġa azzjonijiet allinjati mal-objettivi taż-ŻER u l-oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta, u billi jippromwovi r-rispett tal-valuri u l-prinċipji taż-ŻER, kif stabbiliti fil-Patt.

Artikolu 15

Twessigħ tal-parteċipazzjoni u tixrid tal-eċċellenza

Il-Programm Speċifiku għandu jappoġġa ekosistema tar-riċerka u tal-innovazzjoni verament integrata u koeżiva fl-Unjoni, filwaqt li jindirizza b’mod speċjali t-tielet u r-raba’ oqsma ta’ prijorità tal-Patt għar-R&I, ikattar l-aċċess għall-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni, u jipprijoritizza l-investimenti u r-riformi. Id-disparitajiet bejn il-pajjiżi ewlenin u dawk inqas avvanzati f’termini ta’ prestazzjoni tar-R&I għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ attivitajiet li jibnu bażi xjentifika soda li jgħaqqdu l-atturi u l-ekosistemi, u li jinkoraġġixxu riformi tal-politika strutturali fil-livell nazzjonali u reġjonali mmirati favur, ngħidu aħna, it-titjib tal-attraenza tal-karrieri fir-riċerka, l-internazzjonalizzazzjoni, l-effettività tal-ġestjoni u l-governanza tal-istituzzjonijiet tar-R&I jew it-tlaqqigħ tal-attivitajiet mal-inizjattivi tal-Unjoni.

Artikolu 16

Infrastrutturi tar-riċerka

1.Il-Programm Speċifiku għandu jappoġġa l-kostruzzjoni, l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka ta’ interess għall-Unjoni Ewropea.

2.L-attivitajiet tal-infrastrutturi tar-riċerka għandhom jiffukaw fuq:

(a)l-iżvilupp, il-konsolidazzjoni u s-simplifikazzjoni tax-xenarju tal-Unjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka, inkluż il-koordinazzjoni bejn il-kapaċitajiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali u l-kontribuzzjoni sa 20% tal-kostijiet biex jinbnew kapaċitajiet kritiċi ġodda ta’ livell dinji;

(b)it-tisħiħ tal-aċċess transnazzjonali għall-infrastrutturi tar-riċerka fl-oqsma u s-setturi kollha, u l-adattament għal komunitajiet ġodda ta’ utenti emerġenti;

(c)infrastrutturi tar-riċerka aktar reżiljenti u sostenibbli, li jimxu paripassu mal-avvanzi teknoloġiċi rapidi;

(d)l-iżvilupp ta’ network b’data tar-riċerka traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli, riużabbli (FAIR) u li tista’ titħaddem minn magna, inkluż bit-twessigħ u l-konsolidazzjoni tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa bħala l-ispazju tad-data tar-riċerka tal-Ewropa;

(e)ir-rinfurzar tal-politika dwar l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Artikolu 17

Infrastrutturi tat-teknoloġija

1.Il-Programm Speċifiku għandu jtejjeb il-kapaċitajiet tal-infrastruttura tat-teknoloġija fl-Unjoni u jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi integrati ta’ dan it-tip ta’ infrastrutturi għall-kumpaniji innovattivi, inkluż għan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu.

2.L-attivitajiet għandhom jiffokaw fuq:

l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ infrastruttura tat-teknoloġija ġdida;

(a)it-titjib fil-viżibbiltà u l-adozzjoni tas-servizzi tal-infrastruttura tat-teknoloġija;

(b)programm ta’ aċċess għall-SMEs, in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu għall-infrastrutturi tat-teknoloġija madwar l-Unjoni;

(c)kollaborazzjoni u n-networking fost l-infrastrutturi, it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-persunal tagħhom;

(d)it-tisħiħ tal-politika Ewropea dwar l-infrastruttura teknoloġika.

Kapitolu VI

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

Artikolu 18

Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Il-Kumitat jista’ jiltaqa’ fil-konfigurazzjonijiet li ġejjin, skont is-suġġett li jkun se jiġi diskuss:

·Konfigurazzjoni ġenerali: ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku;

·l-ERC;

·l-MSCA;

·l-isfidi soċjetali dinjin, il-Missjonijiet tal-UE, il-Faċilità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

·l-EIC u l-ekosistemi tal-innovazzjoni;

·l-infrastrutturi tar-riċerka u tat-teknoloġija;

·ir-riforma u t-titjib tas-sistema Ewropea tar-R&I u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tal-eċċellenza.

3.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 

5.Meta l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu li jsir hekk.

6.F’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, ir-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jiġu mistiedna bħala osservaturi fil-laqgħat tal-kumitat tal-Programm Speċifiku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, filwaqt li titqies is-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha.

Artikolu 19

Tħassir

Id-Deċiżjoni (UE) Nru 764/2021 titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2028.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet konċernati, sal-għeluq tagħhom, skont id-Deċiżjoni (UE) 2021/764, li għandha tkompli tapplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.Il-pakkett finanzjarju għall-Programm Speċifiku jista’ jkopri wkoll spejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva li jkunu meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm Speċifiku u l-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni (UE) 2021/764 tiegħu.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2028.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom tal-10 ta’ April 1996 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/282/oj ).
(5)    Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13-18).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167I, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/764/oj ).
(7)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2023 dwar qafas Ewropew biex jiġu attirati u miżmuma t-talenti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u intraprenditorjali fl-Ewropa (C/2023/1640). https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2023/1640/oj/eng?eliuri=eli%3AC%3A2023%3A1640%3Aoj&locale=mt .
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024) 1741 tal-20 ta’ Marzu 2024 dwar l-adozzjoni tal-pjan strateġiku għar-riċerka u l-innovazzjoni 2025-2027 taħt il-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
(9)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa, ĠU L 431, 2.12.2021, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reco/2021/2122/oj .