KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fis‑27 ta’ April 2023 ( 1 )
Kawża C‑746/21 P
Altice Group Lux Sàrl, li kienet New Altice Europe BV, fi stralċ
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 4(1) – Obbligu ta’ notifika minn qabel – Artikolu 7(1) – Obbligu ta’ sospensjoni – Artikolu 14(2) – Deċiżjoni li timponi multi għal nuqqas ta’ notifika u għal implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel ma ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Żnaturament tal-fatti”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Dan l-appell jikkonċerna każ ta’ “gun jumping” (aġir qabel il-waqt), jiġifieri tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tan-notifika u sospensjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (il-Konċentrazzjonijiet)) ( 2 ). Dak ir-regolament jirrikjedi mill-partijiet fil-konċentrazzjoni li jinnotifikaw konċentrazzjoni li taqa’ taħt ir-reġim dikjaratorju tassattiv lill-Kummissjoni Ewropea. Huwa jipprojbihom ukoll milli jimplimentaw konċentrazzjoni qabel ma tiġi approvata mill-Kummissjoni. Ir-Regolament Nru 139/2004 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi fuq partijiet li jiksru dawn iż-żewġ obbligi. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta lok għal dan l-appell. |
II. Il‑fatti, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u t‑talbiet
|
2. |
Fid‑9 ta’ Diċembru 2014, New Altice Europe BV (iktar ’il quddiem “Altice”) iffirmat ftehim tax-xiri tal-azzjonijiet ( 3 ) (iktar ’il quddiem “is-SPA”) ma’ Oi SA (iktar ’il quddiem “il-venditur”) fejn Altice akkwistat il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal (iktar ’il quddiem “l-impriża fil-mira”) fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Dak il-ftehim inkluda arranġamenti restrittivi, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(b) intiż li jirregola l-ġestjoni tal-impriża fil-mira bejn id-data tal-iffirmar u d-data tal-għeluq, u li skont it-termini tiegħu l-venditur qabel jastjeni jieħu ċertu atti u deċiżjonijiet kummerċjali mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ Altice (iktar ’il quddiem l-“arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim”) ( 4 ). |
|
3. |
Wara kuntatti mal-Kummissjoni qabel in-notifika, Altice nnotifikat il-konċentrazzjoni b’mod formali fil‑25 ta’ Frar 2015. Fl‑20 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ddikjaratha kompatibbli mas-suq intern, suġġetta għal impenji. |
|
4. |
Fl‑24 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 2418 final fil-Każ M.7993 – Altice/PT Portugal (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”). Hija mmultat lil Altice EUR 62250000 talli implimentat konċentrazzjoni qabel ma ġiet awtorizzata, u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, u EUR 62250000 talli implimentat konċentrazzjoni qabel ma ġiet innotifikata, li kienet ksur tal-Artikolu 4(1) tiegħu. ( 5 ) Il-Kummissjoni sabet li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim taw lil Altice l-abbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-impriża fil-mira, li Altice kienet effettivament eżerċitat dik l-influwenza u li kienet involuta f’serje ta’ skambji ta’ informazzjoni mal-mira f’dak il-kuntest ( 6 ). |
|
5. |
Altice talbet li tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021 ( 7 ), il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, naqqset il-multa għall-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għal EUR 56025000. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Il-punti 1 sa 29 tas-sentenza appellata jipprovdu dettalji dwar l-isfond tar-rikors. |
|
6. |
Fl-appell tagħha, Altice titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
7. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
8. |
Il-Kunsill, li indirizza l-ewwel aggravju biss, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. L-aggravji
|
9. |
Is-sitt aggravji jaqgħu fi tliet kategoriji. L-ewwel u t-tieni aggravju jikkontestaw il-legalità u applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-applikazzjoni tagħhom għall-fatti ta’ dan il-każ. It-tielet, raba’ u ħames aggravju jindirizzaw il-kwistjoni dwar jekk Altice implimentatx il-konċentrazzjoni. Is-sitt aggravju jikkontesta l-livell ta’ multi imposti mill-Kummissjoni. |
A. L‑ewwel u t‑tieni aggravjia: legalità u applikazzjoni tal‑Artikolu 4(1) u l‑Artikolu 14(2)(a) tar‑Regolament Nru 139/2004
1. Sommarju tal‑argumenti
|
10. |
Fl-ewwel aggravju tagħha, Altice tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet it-talba tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 277 TFUE, tikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 fuq il-bażi tal-illegalità tagħhom. |
|
11. |
Altice tissottometti li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jippermettux lill-Kummissjoni li timponi t-tieni multa fuq l-istess persuna għal aġir diġà ppenalizzat skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 14(2)(b) tiegħu. L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 huma sproporzjonati u superfluwi, u għalhekk illegali, għax l-Artikolu 7(1) jipprojbixxi kull implimentazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjoni u jsegwi l-istess oġġettiv tal-Artikolu 4(1). Dik l-anomalija oriġinat fir-riforma tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-formulazzjoni preċedenti tiegħu, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kien jipprevedi obbligu ta’ notifika filwaqt li fil-verżjoni preżenti tiegħu jinkludi obbligu ta’ sospensjoni. |
|
12. |
Fit-tieni aggravju tagħha, Altice tissottometti li, anke jekk l-oġġezzjoni tagħha skont l-Artikolu 277 TFUE kellha tfalli, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha li l-Kummissjoni setgħet timponi multi separati għal ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Hija tistrieħ fuq l-istess argumenti bħall-ewwel aggravju, jiġifieri li dawk id-dispożizzjonijiet isegwu l-istess oġġettivi u għalhekk jiksru l-projbizzjoni tal-piena doppja u liġijiet konkorrenti. Alternattivament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 isegwu oġġettivi awtonomi, il-prinċipju ta’ konkorrenza ta’ reati jostakola li jiġu imposti żewġ multi separati skont dawn id-dispożizzjonijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali missha wkoll ikkunsidrat il-proporzjonalità tal-multi. |
|
13. |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jaqblux ma dawn l-argumenti. |
2. Evalwazzjoni
|
14. |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi ( 8 ), il-verżjoni preċedenti tar-Regolament Nru 139/2004 jirrikjedi li konċentrazzjonijiet ikunu nnotifikati mhux iktar minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, jew l-avviż tal-offerta pubblika jew l-akkwist ta’ interess ta’ kontroll. Dak il-perijodu beda jiskorri meta l-ewwel minn dawk l-avvenimenti seħħ. L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 4064/89 jipprevedu li konċentrazzjoni ma għandhiex tkun implimentata jew qabel tkun notifikata jew fi żmien l-ewwel tliet ġimgħat ta’ wara, suġġetta għall-proroga ta’ dik il-projbizzjoni. L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 ta lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi minn ECU 1000 sa ECU 50000 fejn il-partijiet kienu naqsu milli jinnotifikaw konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament. L-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 4064/89 ippreveda li l-Kummissjoni setgħet timponi multi li ma jeċċedux l‑10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi kkonċernati għal ksur tal-Artikolu 7(1) jew (2) ta’ dak ir-regolament. |
|
15. |
Ir-Regolament Nru 139/2004 jinkludi obbligu ta’ notifika u obbligu ta’ sospensjoni (jew nuqqas ta’ implimentazzjoni), li jvarjaw minn dawk fil-verżjoni preċedenti fis-segwenti materji rispettivi. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet u riferenza qabel in-notifika fuq talba tal-partijiet li jagħmlu n-notifika”, jipprevedi li l-obbligu tan-notifika jirriżulta ladarba l-ftehim rilevanti jkun konkluż (jew l-offerta pubblika tkun ġiet iddikjarata) iżda l-implimentazzjoni ma tkunx bdiet. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”: permezz tal-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu, konċentrazzjoni ma għandhiex tkun implimentata jew qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq intern. Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ timponi multi li ma jeċċedux 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali għal nuqqas ta’ notifika ta’ impriża u għall-implimentazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjoni ( 9 ). |
|
16. |
Kuntrarjament għal dak li targumenta Altice, id-dispożizzjonijiet rilevanti għar-Regolament Nru 139/2004 huma sostanzjalment simili għal dawk fil-verżjoni preċedenti tal-leġiżlazzjoni: huma jiddistingwu bejn l-obbligu tan-notifika u l-obbligu li ma jkunx hemm implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u jippermettu l-impożizzjoni ta’ multi għal ksur ta’ kull waħda minn dawk l-obbligi. Id-differenzi bejn iż-żewġ verżjonijiet, fil-fehma tiegħi, ma jippermettux li jsiru inferenzi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 li jistgħu jappoġġjaw il-pożizzjoni sostnuta minn Altice. |
|
17. |
Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ikun hemm l-obbligu tan-notifika (i) wara l-konklużjoni tal-ftehim, u (ii) qabel il-konċentrazzjoni tiġi implimentata. Dik id-dispożizzjoni ma timponix obbligu ta’ sospensjoni per se. It-titolu u l-formulazzjoni tagħha jiffokaw fuq l-obbligu tan-notifika, rekwiżit proċedurali li jiġi kkristallizzat ladarba ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija qabel jiġu ssodisfatti. Suġġett għal preskrizzjoni ta’ tliet snin ( 10 ), l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Kummissjoni li timponi multi jekk issib li dik id-dispożizzjoni nkisret. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fatti sabiex tistabbilixxi, inter alia, jekk, meta u kif seħħet l-implimentazzjoni, peress li dik hija fost il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Il-kundizzjoni l-oħra hija l-konklużjoni tal-ftehim rilevanti. |
|
18. |
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jiffoka fuq l-obbligu tas-sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet. Jipprevedi li l-partijiet ma jistgħux jimplimentaw konċentrazzjonijiet jew qabel ikunu nnotifikati jew sakemm ikunu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern. Suġġett għal preskrizzjoni ta’ ħames snin ( 11 ), l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Kummissjoni timponi multi għal ksur ta’ dik il-projbizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fatti sabiex taċċerta jekk, u meta, il-konċentrazzjoni ġiet implimentata. Il-grad u t-tul ta’ żmien ta’ implimentazzjoni huma fatturi rilevanti sabiex jiddeterminaw il-livell ta’ kwalunkwe multa li għandha tiġi imposta fil-każ tan-nuqqas li jiġi rispettat dak l-obbligu ( 12 ). Fil-kuntest ta’ ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-konklużjoni ta’ ftehim ma huwiex neċessarjament determinanti, peress li ma huwiex rekwiżit formali ta’ dik id-dispożizzjoni ( 13 ). |
|
19. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti multi separati meta l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jinkisru flimkien permezz tal-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel ma tkun innotifikata ( 14 ). Meta l-Kummissjoni tissuspetta li l-partijiet ikunu (i) naqsu li jinnotifikaw konċentrazzjoni fit-terminu previst, u (ii) implimentaw din il-konċentrazzjoni qabel ma ġiet approvata, huwa probabbli li jkun hemm sovrappożizzjoni bejn iċ-ċirkustanzi fattwali li għandha tinvestiga skont il-punti (i) u (ii), jiġifieri n-natura u ż-żmien tal-miżuri li ħadu l-partijiet li jistgħu jikkostitwixxu implimentazzjoni ( 15 ). |
|
20. |
Kif il-Qorti Ġenerali fil-punti 56, 57, 60, 63 u 64 tas-sentenza appellata osservat, fil-fehma tiegħi ġustament, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jimponu obbligi differenti: l-ewwel jirrikjedi notifika fit-terminu previst filwaqt li t-tieni jipprojbixxi implimentazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjoni; huma għalhekk għandhom oġġettivi awtonomi ( 16 ). Huma jittrattaw aġir differenti, għalkemm l-eżistenza ta’ dak l-aġir tista’ f’ċertu każijiet, tiġi stabbilita permezz ta’ riferiment għal uħud mill-istess fatti. |
|
21. |
Peress li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhom oġġettivi awtonomi, tal-ewwel ma jistax jitqies superfluwu fid-dawl tal-aħħar. Kif jinnotaw il-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ( 17 ) ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 mhux dejjem iwassal għal ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Fejn notifika tkun ġiet issottomessa fit-terminu previst, il-partijiet għal konċentrazzjoni jistgħu jieħdu passi sabiex jimplimentaw dik il-konċentrazzjoni wara li tiġi notifikata iżda qabel ma tiġi awtorizzata, f’liema każ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jkun rilevanti. |
|
22. |
L-għan li jiġu rregolati konċentrazzjonijiet huwa sabiex jiġi aċċertat li huma ma jwasslux għal bidliet fit-tul għall-istruttura tas-suq li jnaqqsu l-kompetizzjoni. Ir-Regolament Nru 139/2004 jistabbilixxi sistema ta’ kontroll esklussiv fuq konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja u tipprojbixxi dawk li jostakolaw il-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv. Li tiġi inċentivata l-konformità kemm mal-obbligu tan-notifika u l-obbligu ta’ sospensjoni billi tiġi permessa l-impożizzjoni ta’ multi meta wieħed jew it-tnejn mill-obbligi jinkisru, jaċċerta li konċentrazzjonijiet ma jibqgħux mhux individwati u jevita l-problemi li jqumu sabiex jinħallu dawk li jikkreaw problemi. L-importanza ta’ konformità ma’ kull wieħed minn dawk l-obbligi fil-kuntest tan-notifika obbligatorja u reġim ta’ awtorizzazzjoni minn qabel stabbiliti mir-Regolament Nru 139/2004 huwa għalhekk ċar ( 18 ). Altice ma għamlet l-ebda argument konvinċenti kapaċi li jikkontesta dak l-approċċ. Dik il-konklużjoni tirrifletti l-motivazzjoni fis-sentenza appellata u hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha tagħmel riferiment fis-sentenza appellata fiċ-ċaħda tagħha tal-eċċezzjoni ta’ Altice dwar illegalità fir-rigward tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
23. |
Fl-aħħar, ma naċċettax is-sottomissjoni ta’ Altice li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-argumenti tagħha u l-provi li pproduċiet relatati mal-projbizzjoni tat-tassazzjoni doppja u l-konkorrenza tal-liġijiet jew penali. Altice għamlet dawk l-argumenti quddiem il-Qorti Ġenerali allegatament fuq il-premessa li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 “[jipproteġu] l-istess interess ġuridiku” ( 19 ). Fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ttrattat dik il-premessa qabel ma ċaħdet dawk l-argumenti ( 20 ). |
|
24. |
Inżid ukoll li sa fejn jirreferu għal kunċetti bħal “il-konkorrenza ta’ liġijiet”, “il-konkorrenza falza (apparenti) ta’ ksur” u “l-prinċipju ta’ konsum”, l-argumenti ta’ Altice huma impreċiżi ( 21 ). Skont Altice, dawk il-kunċetti relatati, u l-projbizzjoni ta’ “sanzjoni ” li jidhru li jinvolvu, huma parti mit-tradizzjonijiet legali komuni tal-Istati Membri u għalhekk jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Bħala prova, Altice ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali ħames opinjonijiet legali sabiex turi kif l-ordinamenti ġuridiċi tal-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall jinterpretaw u japplikaw dawk il-kunċetti. Żewġ temi jemerġu minn dawn l-opinjonijiet. L-ewwel, l-ordinamenti ġuridiċi kriminali tal-Istati Membri jikkontjenu varjetà ta’ regoli applikabbli f’sitwazzjonijiet fejn, pereżempju, “l-istess aġir” jew “l-istess fatti” iwasslu għal ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet legali; dawn l-aġir huma konnessi minn “ness loġiku” jew “intenzjoni simili”; reat jinkapsula aġir li huwa indirizzat minn reat ieħor; “reati ġenerali” jaqgħu taħt, jew huma kkunsidrati sussidjarji għal, “reati speċjalizzati”; u “reati serji” jassorbu “reati inqas serji”. It-tieni, il-liġijiet nazzjonali applikabbli għal dawk is-sitwazzjonijiet huma bbażati fuq, jew huma espressjoni ta’, prinċipji ta’ ġustizzja proċedurali, legalità, proporzjonalità ta’ sanzjonijiet u ne bis in idem, ( 22 ) li dawn kollha huma stabbiliti sew fid-dritt tal-Unjoni ( 23 ). |
|
25. |
Bil-fatti kif inhuma preżentement, kważi r-riferimenti kollha għal kunċetti li fuqhom Altice tistrieħ jinsabu f’sentenzi relatati mal-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet. Huma biss numru żgħir ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani li bilkemm isemmuhom fil-kuntest ta’ riferimenti għad-dritt nazzjonali. Fl-assenza ta’ definizzjonijiet preċiżi u komuni ta’ dawk il-kunċetti, ta’ qbil li huma u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom huma parti mit-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri u ta’ indikazzjonijiet li huma jimlew lakuna identifikabbli fid-dritt tal-Unjoni, ma iniex persważ li huwa jew utli jew għaqli li jiġu applikati jew approvati dawn il-kunċetti fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
26. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-ewwel aggravju. |
|
27. |
Peress li Altice tressaq l-istess argumenti fil-kuntest tat-tieni aggravju, isegwi li dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet. |
|
28. |
Ser nindirizza l-argumenti ta’ Altice dwar il-proporzjonalità tal-multi taħt it-taqsima tas-sitt aggravju. |
B. It‑tielet, raba’ u ħames aggravju: l‑implimentazzjoni tal‑konċentrazzjoni
1. It‑tielet aggravju: il‑kunċett ta’ implimentazzjoni
a) Sommarju tal‑argumenti
|
29. |
Dan l-aggravju jirrelata mal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim. Jikkonsisti minn tliet fergħat. L-ewwel, Altice tissottometti li s-sentenza appellata tikkonfondi l-kunċett ta’ konċentrazzjoni fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-implimentazzjoni fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament. Tikkontendi li l-implimentazzjoni setgħet biss isseħħ mat-trasferiment tal-azzjonijiet fl-impriża fil-mira lil Altice, li seħħ wara li l-Kummissjoni kienet iddikjarat il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern. Dak il-fatt ikompli jintwera miċ-ċirkustanza li kieku l-Kummissjoni ipprojbixxiet il-konċentrazzjoni, jew kieku l-partijiet iddeċidew li jabbandunaw in-negozju, ma kien ikun hemm l-ebda ħtieġa għal miżuri skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni kompetittiva li kienet tipprevali qabel l-iffirmar tas-SPA ( 24 ). Is-sentenza appellata tiżnatura l-argumenti ta’ Altice dwar dak il-punt ( 25 ). |
|
30. |
It-tieni, il-Qorti Ġeneral wettqet żball meta, fis-sentenza appellata, tikkunsidra li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim jikkostitwixxu implimentazzjoni parzjali, għax il-Qorti Ġenerali ma rrifjutatx l-argument li dawk l-arranġamenti ma kkostitwewx bidla ta’ kontroll fit-tul. Huma damu inqas minn ħames xhur u s-SPA stabbilixxa data ta’ tmiem definita għalihom. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ukoll fil-liġi meta qalet li l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza fil-kawża Ernst & Young kienu irrelevanti. |
|
31. |
It-tielet, Altice tikkontendi li s-sentenza appellata kkunsidrat b’mod żbaljat li, sabiex ikunu anċillari fis-sens tat-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet ( 26 ) l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim għandhom jippreżervaw il-valur tan-negozju fl-impriża fil-mira. L-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim hawn waqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-avviż għax kellhom rwol leġittimu sabiex jaċċertaw l-integrità tan-negozju akkwistat bejn l-iffirmar u l-għeluq u ħejjew il-pedamenti għall-integrazzjoni tiegħu ma’ Altice ( 27 ). |
|
32. |
Il-Kummissjoni tosserva li Altice ma kkontestatx il-kunsiderazzjonijiet fis-sentenza appellata li jgħidu li kienet implimentat il-konċentrazzjoni billi effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq l-impriża fil-mira – kuntrarjament għall-kapaċità li tagħmel dan – qabel ma l-Kummissjoni kienet iddikjaratha kompatibbli mas-suq intern. Peress li l-kunsiderazzjonijiet relatati mal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw id-dispożittiv tas-sentenza appellata, jiġifieri li “l-kumplament tar-rikors huwa miċħud”, l-aggravju bbażat fuq il-kapaċità ta’ Altice li teżerċita influwenza deċiżiva huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud fuq dik il-bażi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha ta’ Altice li jsostnu t-tielet aggravju. |
b) Evalwazzjoni
|
33. |
Ma naqbilx mas-sottomissjoni tal-Kummissjoni li t-tielet aggravju huwa ineffettiv fl-intier jew parzjalment. Altice kkontestat il-kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim tawha l-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva. Il-motivazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq dak il-punt ma kinux inklużi għall-fini ta’ kompletezza u huma parti mir-raġunament li wassal għaċ-ċaħda tar-rikors ( 28 ). |
|
34. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi żewġ punti ewlenin dwar l-ewwel parti tat-tielet aggravju. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jillimita l-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ( 29 ). Skont id-dispożizzjoni tal-aħħar, konċentrazzjoni titqies li tirriżulta fejn ikun hemm bidla fil-kontroll fit-tul li tirriżulta minn konċentrazzjoni jew akkwist, dak il-kontroll ikun ikkostitwit mill-possibbiltà, mogħtija minn drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezzi oħra, li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq impriża. Konċentrazzjoni fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 tirriżulta minn meta l-partijiet li jingħaqdu jimplimentaw operazzjonijiet jew tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu għal bidla fit-tul fil-kontroll tal-impriża fil-mira ( 30 ). Dawk il-punti japplikaw ugwalment għall-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
35. |
Kontra għal dak li targumenta Altice, ma hemm xejn fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 139/2004, jew l-interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja li tindika li l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti tingħata biss minn trasferiment ta’ azzjonijiet tal-impriża fil-mira lix-xerrej. Dak l-istat ta’ affarijiet huwa, barra minn hekk, ċar mill-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Avviż ġurisdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi ( 31 ). Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet ġustament li bidla fil-kontroll tista’ tirriżulta għax is-SPA ta lil Altice il-possibilità li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-impriża fil-mira mid-data li ġie ffirmat. ( 32 ) |
|
36. |
L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-impriżi jxolju l-konċentrazzjoni permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet jew miżuri restorattivi oħra. Kif osservat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali ( 33 ), dik id-dispożizzjoni ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni. Kuntrarjament għal dak li tisħaq Altice, hija lanqas ma tagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ implimentazzjoni. Altice għalhekk tiżbalja meta ssostni, fuq dik il-bażi, li implimentazzjoni sseħħ biss f’dawk iċ-ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni tista’ teħtieġ miżuri ta’ xoljiment fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament 139/2004. |
|
37. |
Il-kontestazzjoni ta’ Altice li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, żnaturat l-argument tagħha hija wkoll mingħajr mertu. Altice tispjega li, fil-punt 47 tar-rikors tagħha lill-Qorti Ġenerali, kienet irreferiet għal implimentazzjoni, filwaqt li punt 87 tas-sentenza appellata tirreferi għall-argument ta’ Altice li huma biss tranżazzjonijiet li jeħtieġu miżuri ta’ xoljiment fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004 li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ konċentrazzjoni ( 34 ). Kif il-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet josserva, dik id-dispożizzjoni ma tagħtix definizzjoni tal-kunċetti ta’ konċentrazzjoni jew ta’ implimentazzjoni. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija, fi kwalunkwe każ, korretta anke jekk wieħed jissostitwixxi l-kelma “implimentazzjoni” mal-kelma “konċentrazzjoni” ( 35 ). |
|
38. |
Rigward it-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-punti 85 u 94 sa 97 tas-sentenza appellata jevalwaw it-tul ta’ żmien tal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi bejn miżuri li jikkontribwixxu għal bidla fil-kontroll, li ma għandhomx għalfejn ikunu fit-tul, u l-bidla fil-kontroll innifisha, li sabiex tikkostitwixxi konċentrazzjoni għandha tkun fit-tul. Dik l-analiżi hija korretta fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ). Huwa għalhekk immaterjali li Altice straħet fuq l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim sabiex teżerċita kontroll fuq l-impriża fil-mira għal erba’ xhur u ħdax-il jum. |
|
39. |
Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, kwalunkwe dubji dwar in-natura dejjiema tal-bidla ta’ kontroll huma eliminati mill-osservazzjoni li t-trasferiment tal-azzjonijiet wara li s-SPA wettaq bla xkiel il-bidla fil-kontroll fuq l-impriża fil-mira li seħħet meta ġie ffirmat is-SPA u Altice effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq aspetti tan-negozju tal-impriża fil-mira skont l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim. Meta l-azzjonijiet tal-impriża fil-mira ġew ittrasferiti lil Altice hija ma baqgħetx ikollha bżonn li tistrieħ fuq l-arranġamenti kuntrattwali sabiex tikkontrolla n-negozju tal-impriża fil-mira. Il-fatti għalhekk ma jsostnux il-kontestazzjoni ta’ Altice li l-bidla fil-kontroll kienet temporanja. |
|
40. |
Rigward l-argument ta’ Altice bbażat fuq l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-punt 49 tas-sentenza fil-kawża Ernst & Young, dak il-punt jgħid li l-implimentazzjoni ta’ tranżazzjonijiet li ma jippreżentawx ness dirett funzjonali mal-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni u huma għalhekk mhux meħtieġa sabiex tinkiseb bidla fil-kontroll, ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004. Altice targumenta li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim ma kinux meħtieġa, ma kellhom l-ebda ness funzjonali mat-trasferiment tal-azzjonijiet u għalhekk ma kinux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. |
|
41. |
Il-Kummissjoni tinnota korrettament li s-sitwazzjoni prevista fil-punt 49 tas-sentenza Ernst & Young, li hija deskritta f’iktar dettal fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, hija waħda fejn konċentrazzjoni tinkiseb “permezz ta’ operazzjonijiet parzjali suċċessivi” u minn “operazzjonijiet li jkunu marbuta mill-qrib sa fejn ikunu s-suġġett ta’ rabta kundizzjonata jew jieħdu l-forma ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet f’titoli mwettqa fi żmien raġonevolment qasir”. Kif il-Qorti Ġenerali fil-punti 98 sa 100 tas-sentenza appellata josservaw, dik is-sitwazzjoni fattwali ma mmaterjalizzatx f’dan il-każ. Il-kriterji fil-punt 49 tas-sentenza Ernst & Young sabiex jevalwaw jekk tranżazzjonijiet anċillari jew preparatorji jikkostitwixxu implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni permezz ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet huma għalhekk irrilevanti. |
|
42. |
Fir-rigward it-tielet parti, ma naqbilx mal-kontestazzjoni ta’ Altice li s-sentenza appellata kkunsidrat b’mod żbaljat li, sabiex tkun anċillari fis-sens tat-tifsira tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet direttament relatati u meħtieġa għal konċentrazzjonijiet, l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim għandhom jippreżervaw il-valur tal-impriża fil-mira. Il-punti 102 u 103 tas-sentenza appellata ħallew miftuħa l-possibbiltà li jintużaw kriterji minbarra dik tal-preżervazzjoni tal-valur tal-impriża. Fil-punt 104, il-Qorti Ġenerali tosserva li Altice ma kinitx ipproduċiet provi li juru li kien hemm riskju għall-integrità kummerċjali tal-impriża fil-mira iktar milli għall-valur tagħha. L-argument ta’ Altice għalhekk jistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. |
|
43. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju. |
2. Ir‑raba’ aggravju: il‑kunċett tad‑drittijiet ta’ veto
a) Sommarju tal‑argumenti
|
44. |
Altice tissottometti li fil-punti 91 sa 169 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-eżami tagħha tal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim, li d-deċiżjoni kkontestata tikkaratterizza bħala li jagħtu lil Altice “drittijiet ta’ veto” fuq deċiżjonijiet strateġiċi li jaffettwaw l-impriża fil-mira. Altice tistrieħ fuq il-punti 18 u 54 tal-Avviż ġurisdizzjonali, li jgħid li kontroll jista’ jiġi akkwistat fuq bażi kuntrattwali biss meta l-impriża kkonċernata tgawdi “drittijiet ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ negozju”, jiġifieri “is-setgħa li [t]imblokka l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi”. Skont Altice, is-SPA ma tagħhiex dik is-setgħa peress li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim biss kienu jirrikjedu l-kunsens tagħha. Ir-rifjut ta’ dak il-kunsens ma setax “jipproduċi sitwazzjoni ta’ imblokk” għax l-unika rimedju għan-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim kien kumpens għat-telf. Il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball fil-liġi meta ċaħdet l-argument tagħha li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata. |
|
45. |
Għall-istess raġunijiet, Altice tissottometti, fl-alternattiv, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta kkonkludiet li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim taw drittijiet ta’ veto lil Altice. Dan, imbagħad, ifisser li l-evalwazzjoni fil-punti 170 sa 215 tas-sentenza appellata relatata mal-punt 4.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li sserraħ fuq il-konklużjoni li Altice kellha dritt ta’ veto fuq dawk id-deċiżjonijiet strateġiċi, hija skorretta. Il-Qorti Ġenerali għalhekk kienet żbaljata li tikkonkludi li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim ifissru għal implimentazzjoni fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
46. |
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma dawk l-argumenti. |
b) Evalwazzjoni
|
47. |
Dan l-aggravju jilmenta dwar żbalji fil-punti 91 sa 215 tas-sentenza appellata. Kuntrarjament għar-rekwiżiti proċedurali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ( 37 ) tali riferiment wiesa’ ma jippermettix li hija tidetermina liema punti tas-sentenza appellata qiegħda tikkontesta Altice ( 38 ). Waqt is-smigħ, Altice identifikat il-punti 111, 114, 123 sa 125 u 131 tas-sentenza appellata bħala l-punti prinċipali li kkontestat. |
|
48. |
Altice tistrieħ fuq il-paragrafi 18 u 54 tal-Avviż ġurisdizzjonali sabiex targumenta li l-Qorti Ġenerali, meta approvat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim taw drittijiet ta’ veto lil Altice f’ċertu oqsma, wettqet żball ta’ liġi. B’mod partikolari ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ drittijiet ta’ veto kif stabbilit f’dak l-avviż. |
|
49. |
L-Avviż ġurisdizzjonali jipprovdi gwida sabiex jippermetti impriżi li jistabbilixxu, qabel kwalunkwe kuntatt mal-Kummissjoni, jekk u sa liema punt ir-reġim ta’ kontroll fuq il-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni tista’ tkopri l-operazzjonijiet tagħhom. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti ( 39 ). |
|
50. |
L-ewwel ser nikkunsidra l-paragrafu 54 tal-Avviż ġurisdizzjonali, li jintroduċi t-taqsima li titratta l-akkwist tal-kontroll esklużiv. Qari bir-reqqa ta’ dik it-taqsima tindika li hija tanalizza żewġ sitwazzjonijiet distinti. Il-paragrafi 54 sa 60 jindirizzaw l-akkwist ta’ kontroll esklużiv fuq bażi de jure permezz ta’ drittijiet tal-votazzjoni, tipikament permezz tal-akkwist ta’ maġġoranza jew minoranza tal-kapital tal-azzjonijiet fil-mira. Il-paragrafu 61 jittratta l-akkwist tal-kontroll esklużiv fuq bażi de facto permezz tax-xiri tal-assi jew mezzi kuntrattwali. Ir-referenzi fil-paragrafu 54 għas-setgħa ta’ azzjonist li “jwaqqaf deċiżjonijiet strateġiċi”, “jimblokka l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi” u għal azzjonisti li jistgħu “jipproduċ[u] sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil” jidhru fil-kuntest ta’ drittijiet tal-votazzjoni assoċjati ma’ azzjonijiet. Huma għalhekk ma jippermettux li jipprovdu definizzjoni jew deskrizzjoni ta’ drittijiet ta’ veto determinattivi għall-evalwazzjoni tad-drittijiet ibbażati fuq kuntratt inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet ġustament li l-paragrafu 54 ta’ dak l-avviż huwa irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim ( 40 ). |
|
51. |
Il-paragrafu 18 tal-Avviż ġurisdizzjonali jgħid li sabiex jingħata kontroll fuq bażi kuntrattwali, “il-kuntratt għandu jwassal għal kontroll simili tal-ġestjoni u tar-riżorsi ta’ l-impriża l-oħra fil-każ ta’ l-akkwist ta’ l-ishma jew l-assi”. Diversi eżempji jingħataw, li l-aħħar minnhom jirreferi għal “drittijiet ta’ veto” fil-kuntest ta’ kuntratti li jwasslu “għal sitwazzjoni ta’ kontroll konġunt jekk kemm il-proprjetarju ta’ l-assi kif ukoll l-impriża li tikkontrolla l-ġestjoni jgawdu minn drittijiet ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi”. Żewġ deċiżjonijiet dwar konċentrazzjonijiet iċċitati fin-nota tal-qiegħ 22 ta’ dak l-avviż juru dik id-dikjarazzjoni. L-ewwel deċiżjoni tirrigwarda l-akkwist ta’ grupp ta’ lukandi. Impriża waħda, impriża konġunta, tkun il-proprjetarja tal-lukandi. L-impriża l-oħra tkun tiġġestihom skont kuntratt ta’ ġestjoni. L-impriżi kienu rikjesti japprovaw il-pjanijiet operattivi tal-kumpanija ta’ ġestjoni għal-lukandi. Jekk il-partijiet ma setgħux jaslu għal ftehim, huma kellhom jissottomettu t-tilwima quddiem arbitru estern, u għalhekk jevitaw il-possibbiltà ta’ sitwazzjoni ta’ imblokk ( 41 ). |
|
52. |
Huwa ċar minn dik il-ħarsa ġenerali li t-terminu “dritt ta’ veto” jintuża f’dik il-parti tal-Avviż ġurisdizzjonali sabiex jiddeskrivi sitwazzjoni fejn il-partijiet għal tranżazzjoni jaqblu li l-kunsens tax-xerrej huwa rikjest għal ċertu deċiżjonijiet kummerċjali li jaffettwaw l-impriża fil-mira. Sa fejn is-sentenza appellata approvat espressament jew b’mod impliċitu l-użu tat-terminu “dritt ta’ veto” fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiddeskrivi l-arranġamenti rilevanti fl-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim, ma tikkontjeni l-ebda żball. |
|
53. |
It-talba alternattiva ta’ Altice, ibbażata fuq argumenti simili, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, fil-verità titfa’ fid-dubju l-evalwazzjoni tal-fatti tal-qorti, li ma huwiex permess li jsir f’appell ( 42 ). Barra minn hekk, hija bbażata fuq il-premessa li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim ma tawx “drittijiet ta’ veto”, li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 51 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
54. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad ir-raba’ aggravju. |
3. Il‑ħames aggravju: skambji ta’ informazzjoni
a) Sommarju tal‑argumenti
|
55. |
Altice tressaq tliet linji ta’ argument sabiex tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ skambji ta’ informazzjoni. |
|
56. |
Taħt l-ewwel parti tal-ħames aggravju, Altice tissottometti li fil-punti 226, 235 u 236 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali żnaturat it-tifsira tal-premessi 470, 479 u 482 tad-deċiżjoni kkontestata billi qalet li dawk il-premessi ma ddikjarawx li skambji ta’ informazzjoni bejn Altice u l-impriża fil-mira kisru l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ dawk il-premessi hija irraġonevoli għax il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma manifestament li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-iskambji ta’ informazzjoni, bħala tali, ikkostitwew eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. |
|
57. |
Taħt it-tieni parti tal-ħames aggravju, Altice tissottometti li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li skambji ta’ informazzjoni jistgħu jiksru l-Artikolu 101 TFUE, li jipprevedi sistema ta’ infurzar ex post. Il-konklużjoni li skambji ta’ informazzjoni jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll ex ante fir-Regolament Nru 139/2004 fejn huma jseħħu f’sitwazzjonijiet li fl-aħħar iwasslu għal konċentrazzjoni, iżda jinbidlu fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE fejn ma jkunx hemm bidla fil-kontroll, hija anomala u inkonsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 ma għandux jillimita dak tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] ( 43 ). |
|
58. |
It-tielet parti tal-ħames aggravju jgħid li s-sentenza appellata ma tispjegax kif l-iskambji ta’ informazzjoni kienu jkunu meħtieġa biex tintlaħaq bidla ta’ kontroll fit-tul jew biex tippreżenta ness dirett mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni meta Altice akkwistat l-azzjonijiet fl-impriża fil-mira. Il-Qorti Ġenerali għalhekk naqset milli tosserva r-rekwiżiti tal-punt 49 tas-sentenza mogħtija fil-kawża Ernst & Young. |
|
59. |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawk l-argumenti. |
b) Evalwazzjoni
|
60. |
Fir-rigward tal-allegat żnaturament ta’ provi, hija r-responsabbiltà tal-Qorti Ġenerali biss sabiex tistabbilixxi l-fatti. Sakemm ma hemmx ineżattezza sostantiva fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, ma hemm l-ebda żball ta’ liġi li għandha tevalwa l-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ). |
|
61. |
Il-premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata tosserva li “l-irċevuta ta’ tali informazzjoni sensittiva u ddettaljata […] barra kwalunkwe ftehim ta’ clean teams qiegħdet lil Altice f’pożizzjoni daqs li kieku diġà tikkontrolla [l-impriża fil-mira] u għalhekk kienet intitolata li tistaqsi għal u tirċievi tali informazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata, il-paragrafu tal-aħħar tat-taqsima li tinkludi l-premessa 470, tgħid: “il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-fatt li Altice titlob u tirċievi informazzjoni strateġika fuq IEP [indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni] tal-impriża fil-mira u strateġija futura dwar il-prezzijiet jikkontribwixxi sabiex juri li Altice eżerċitat influwenza deċiżiva […]” ( 45 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
62. |
Il-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata hija l-ewwel paragrafu fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Konklużjoni dwar ksur tal-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 139/2004]”. Hija tgħid li d-dispożizzjonijiet tas-SPA u l-kondotta ta’ Altice mid-data tal-iffirmar, kif deskritti fit-taqsima 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, ifissru implimentazzjoni bikrija tat-tranżazzjoni. It-taqsima 4.2, intitolata “L-influwenza ta’ Altice fuq l-Impriża fil-Mira”, tibda mill-premessa 178 sa 478. Dak il-punt l-ewwel jikkunsidra l-irwol ta’ Altice fid-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża fil-mira (taqsima 4.2.1., premessi 178 sa 377) u mbagħad l-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn Altice u l-impriża fil-mira (punt 4.2.2., premessi 378 sa 478). Il-premessa 482 tikkonkludi li l-kondotta kollha deskritta fit-taqsima 4.2 tikkostitwixxi l-eżerċizzju attwali ta’ influwenza deċiżiva. |
|
63. |
Huwa għalhekk ċar mill-formulazzjoni tal-premessi 470, 479 u 482 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ma kkonkludietx li skambji ta’ informazzjoni bejn Altice u l-impriża fil-mira fihom innifishom kisru l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Il-kuntest li fih jidhru dawk il-premessi jikkonferma dik il-fehma. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma żnaturatx il-fatti meta kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ikkonkludiet li l-iskambji ta’ informazzjoni kienu biżżejjed, fihom innifishom, sabiex jistabbilixxu ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ( 46 ) u li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet ġustament fil-premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata li l-iskambji ta’ informazzjoni kienu kkontribwew sabiex juru li Altice kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq ċertu aspetti tan-negozju tal-impriża fil-mira ( 47 ). |
|
64. |
L-argumenti li tqajjem Altice fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, huma fundamentalment żbaljati. Minbarra l-kontestazzjoni bbażata fuq l-allegat żnaturament ta’ provi fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad, Altice ma kkontestatx il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-iskambji ta’ informazzjoni jikkontribwixxu sabiex juru li Altice kienet eżerċitat influwenza deċiżiva fuq aspetti tan-negozju tal-impriża fil-mira. L-iskambji ta’ informazzjoni kienu inerenti għall-operat tal-arranġamenti ta’ kunsens fl-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim u kienu aspett integrali tal-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva ta’ Altice fuq l-impriża fil-mira ( 48 ). Ikun illoġiku, jekk mhux anki illegali, ( 49 ) għall-Kummissjoni li tinjora l-iskambji ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kondotta l-oħra skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u minflok tevalwahom separatament skont l-Artikolu 101 TFUE. |
|
65. |
L-argument dwar l-applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 49 tas-sentenza Ernst & Young għalhekk għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames aggravju. |
C. Is‑sitt aggravju: l‑evalwazzjoni ta’ multi
|
67. |
Altice tissuddividi dan is-sitt aggravju f’erba’ partijiet. Huma jistgħu jiġu kkategorizzati taħt erba’ intestaturi wiesgħa: (i) jekk il-ksur kienx twettaq b’mod negliġenti; (ii) ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali; (iii) l-affermazzjoni li peress li l-ksur huma differenti, speċjalment fit-termini tat-tul tagħhom, l-ammonti tal-multi għandhom ikunu differenti; u (iv) il-proporzjonalità tal-multi, ikkunsidrati separatament u b’mod kumulattiv. |
1. L‑ewwel parti: ksur imwettaq b’mod negliġenti
a) Sommarju tal‑argumenti
|
68. |
Altice tissottometti li, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 279 sa 296 tas-sentenza appellata, il-ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma kienx imwettaq b’mod negliġenti. Il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma huwiex ċar. L-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim fi ftehim ta’ xiri ta’ azzjonijiet huma prattika standard f’konċentrazzjonijiet u akkwisti. Din kienet ukoll l-ewwel darba li l-Kummissjoni kienet iddikjarat li dawk it-tip ta’ arranġamenti u skambji ta’ informazzjoni fil-perijodu bejn l-iffirmar tas-SPA u t-trasferiment tal-azzjonijiet fl-impriża fil-mira, jikkostitwixxu implimentazzjoni. Altice tkompli tissottometti li hija ma fixklitx il-kapaċità tal-Kummissjoni li tiskopri konċentrazzjoni għax hija ssottomettiet l-abbozz tas-SPA lill-Kummissjoni mal-abbozz tal-Formola CO. |
|
69. |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawk l-argumenti. |
b) Evalwazzjoni
|
70. |
Fil-punti 279 sa 296 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat l-argumenti ta’ Altice li l-multi kienu illegali minħabba l-assenza ta’ xi negliġenza jew intenzjoni min-naħa tagħha. Wara sommarju qasir tal-argumenti fil-punt 279 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 139/2004, multi jistgħu jiġu imposti għal ksur imwettaq intenzjonalment jew b’mod negliġenti. Hi mbagħad stabbiliet kif il-ġurisprudenza kienet interpretat dik id-dispożizzjoni. Fil-punti 284 sa 290 tas-sentenza appellata evalwat il-fatturi u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li Altice kienet negliġenti. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ Altice li jikkontestaw dik l-evalwazzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet fil-punti 284 sa 290 tas-sentenza appellata ma humiex inkwistjoni f’dan l-appell. Altice tikkontesta biss il-kunsiderazzjonijiet fil-punti 292 u 293, li jikkunsidraw l-argumenti tagħha li d-dispożizzjoni legali inkwistjoni għandha nuqqas ta’ ċarezza kif ukoll assenza ta’ preċedenti. |
|
71. |
Kif josservaw korrettament il-punti 282, 292 u 293 tas-sentenza appellata, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjoni ta’ negliġenza hija ssodisfatta fejn l-impriża kkonċernata ma tistax ma tkunx konxja tan-natura tal-aġir tagħha, irrispettivament mill-għarfien tagħha li qiegħda tikser regoli tal-Unjoni ( 50 ). Il-fatt li aġir bl-istess karatteristiċi ma kienx eżaminat fil-passat ma jfissirx li impriża ma tistax tiġi miżmuma responsabbli talli kienet involuta f’tali aġir ( 51 ). |
|
72. |
Altice ma tikkontestax li hija għandha esperjenza sinjifikattiva f’konċentrazzjonijiet. Iktar importanti, provi dokumentarji kontemporanji juru li hija kienet ingħatat parir dwar ir-riskju li l-aġir tagħha jikkostitwixxi “gun jumping” (aġir qabel il-waqt), jew, fi kliem ieħor, “tantiċipa deċiżjoni tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u taġixxi b’mod daqs li kieku ngħatat l-awtorizzazzjoni”[traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 52 ). Hemm biżżejjed provi li jsostnu l-konklużjoni li l-partijiet tal-konċentrazzjoni kellhom l-intenzjoni li u, fil-fatt implimentaw il-ftehim qabel in-notifika u l-awtorizzazzjoni, injoraw parir espliċitu li jkunu qegħdin jiksru r-regoli applikabbli. Il-passi mittieħda kienu iktar minn preparatorji u marru lil hinn mill-ippreżervar tal-valur tal-impriża fil-mira. Huma ma kinux suġġetti għal salvagwardji bħal ftehim ta’ nondivulgazzjoni jew l-użu ta’ clean teams. Is-suġġeriment ta’ Altice li l-metodu ta’ proċediment huwa prattika normali f’konċentrazzjonijiet u akkwisti huwa inkwetanti u jistħoqqlu l-attenzjoni tal-Kummissjoni. |
|
73. |
L-argument li Altice ma fixklitx il-kapaċità tal-Kummissjoni li tinduna b’konċentrazzjoni għax hija ssottomettiet l-abbozz tas-SPA flimkien mal-abbozz tal-Formola CO huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk il-ksur kienx kommess b’mod negliġenti. L-iktar, jista’ jkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tal-obbligu tan-notifika skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. ( 53 ) |
2. It‑tieni parti: motivi għall‑impożizzjoni ta’ multi
a) Sommarju tal‑argumenti
|
74. |
Altice tissottometti li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni biżżejjed motivazzjoni fir-rigward tal-ammont tal-multi skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Ir-raġunament fil-punti 297 sa 362 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari – kif ikkjarifikat waqt is-seduta – fil-punti 314 sa 324 tagħha, ma huwiex biżżejjed u huwa kontradittorju. Il-Qorti Ġenerali kellha tispjega għaliex, jekk il-Kummissjoni setgħet timponi żewġ multi separati għall-ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, ma kellhiex għalfejn tevalwa l-livell ta’ kull multa separatament. |
|
75. |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara dak l-argument inammissibbli għax ma huwiex konformi mar-rekwiżit li appell għandu jindika preċiżament l-elementi tas-sentenza kkontestati li Altice qiegħda tfittex li tannulla u l-argumenti legali li tressaq speċifikament sabiex issostnih ( 54 ). |
b) Evalwazzjoni
|
76. |
Il-Kummissjoni tinnota ġustament li l-argument ta’ Altice huwa konċiż. Madankollu jikkontjeni biżżejjed dettal li jippermetti l-Kummissjoni tibni difiża għalih u għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwah. |
|
77. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni li jirrikjedi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun xierqa għall-miżura inkwistjoni u għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku l-motivazzjoni li segwiet. Dik id-dikjarazzjoni ma għandhiex bżonn tindirizza l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha peress li l-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet tissodisfax dawk ir-rekwiżiti hija evalwata kemm fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha u tal-kuntest li fih ġiet adottata ( 55 ). |
|
78. |
Il-punti 315 sa 324 tas-sentenza appellata jikkontjenu l-motivazzjoni għaċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tal-argument ta’ Altice li l-multi huma illegali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali l-ewwel tfakkar li, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ timponi multi li ma jeċċedux 10 % mill-valur tal-bejgħ totali tal-impriża kkonċernata u li, skont l-Artikolu 14(3) tiegħu, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura, il-gravità u t-tul ta’ kwalunkwe ksur meta tiffissa l-ammont tal-multa. Fil-punt 319 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali tgħid li l-Kummissjoni spjegat in-natura, il-gravità u t-tul ta’ dak il-ksur fil-premessi 568 sa 599 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punti 320 sa 322 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiġbor fil-qosor il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 323 tikkonkludi li l-motivazzjoni kienet biżżejjed għax ippermettiet lil Altice tiddefendi lilha nnifisha u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. |
|
79. |
Il-formulazzjoni tal-punti 320 sa 323 tas-sentenza appellata jagħmluha ċara li l-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li l-Kummissjoni kienet evalwat in-natura, il-gravità u t-tul ta’ kull waħda minn dawk il-ksur separatament. Il-Kummissjoni kkunsidrat li ż-żewġ ksur imminaw l-effettività tar-Regolament Nru 139/2004; li t-tnejn kienu serji u kienu mwettqa mill-inqas b’mod negliġenti, iżda t-tul tagħhom kien differenti. |
|
80. |
Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkunsidrat l-elementi komuni tal-ksur flimkien u evalwat l-elementi diverġenti separatament. Dak l-approċċ kien wieħed xieraq li tieħu l-Qorti Ġenerali. Dan ma jikkontradixxix il-konklużjoni tagħha li kien possibbli għall-Kummissjoni li timponi żewġ multi. Fl-assenza ta’ linji gwida dettaljati dwar il-kalkolu ta’ multi, li jistabbilixxu, pereżempju, il-piż attribwit lit-tliet kriterji differenti u l-punti ta’ tluq jew fatturi ta’ multiplikazzjoni għal waħda jew iktar minnhom, il-Qorti Ġenerali ġustament approvat ir-raġunament fid-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt bħala suffiċjenti ( 56 ). |
|
81. |
Nagħmel is-segwenti osservazzjonijiet bħala tweġiba għal sottomissjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx trasparenti fil-kalkulazzjoni tal-multi li imponiet skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004. Sal-lum, il-Kummissjoni imponiet tali multi fi ftit każijiet, li jfisser li għamlet hekk f’firxa limitata ta’ ċirkustanzi fejn impriżi kisru l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ( 57 ). Id-dannu li jirriżulta minn tali ksur huwa diffiċli sabiex jiġi kkwantifikat f’termini purament monetarji ( 58 ). Kieku l-Kummissjoni kellha tadotta approċċ ibbażat fuq id-dannu, l-implimentazzjoni illegali ta’ konċentrazzjoni problematika tkun, probabbilment, punita iktar severament minn dik ta’ konċentrazzjoni mhux problematika. Dak l-approċċ jista’ jkun kunfliġġenti mal-prinċipju li peress li l-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni Komunitarja għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern qabel ma jiġu implimentati, kull ksur ta’ dik ir-regola għandhom jiġu puniti bl-istess mod. Konċentrazzjonijiet huma avvenimenti eċċezzjonali fil-ħajja ta’ impriża. Huma jinvolvu riskju finanzjarju u reputazzjonali konsiderevoli u jqumu ħafna flus fis-sens ta’ spejjeż ta’ akkwist, finanzjament, tariffi u ħin ġestjonali ( 59 ). Kieku kien possibbli li jiġi evalwat il-livell ta’ multi bi preċiżjoni, impriżi jistgħu jinkludu r-riskju assoċjat man-nuqqas ta’ konformità fl-analiżi ta’ spejjeż u benefiċċji ta’ konċentrazzjoni. Barra minn hekk, li tinduna bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma huwiex sempliċi. Filwaqt li ċertu materji, bħall-pubbliċità u r-reklamar, jistgħu jaslu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni permezz ta’ informazzjoni fid-dominju pubbliku, strateġiji ta’ implimentazzjoni bikrija oħra jinvolvu bidliet li ma huwiex possibbli li jiskopruhom terzi ( 60 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jenfasizzaw l-importanza ta’ deterrent meta l-Kummissjoni tasal sabiex tiffissa l-livell ta’ multi għal aġir ipprojbit f’dan il-qasam. Id-deterrent huwa bla dubju ikbar fejn hemm grad ta’ imprevedibbiltà fir-rigward tal-ammont ta’ multi li l-Kummissjoni tista’ timponi f’każ individwali. Bil-fatti kif inhuma bħalissa, sakemm il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni josserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u r-rekwiżit ta’ motivazzjoni, u li r-riżultati tiegħu huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, ma nikkunsidrax li ż-żamma ta’ strutturi ta’ suq kompetittiv u konformità sħiħa mar-reġim ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jkunu approfonditi permezz ta’ iktar trasparenza fil-kalkolu ta’ multi għal ksur tar-Regolament Nru 139/2004. ( 61 ) |
3. It‑tielet parti: differenzi bejn il‑ksur rifless fl‑ammont tal‑multi
a) Sommarju tal‑argumenti
|
82. |
Altice tissottometti li fil-punti 320 sa 324 tas-sentenza appellata hemm żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali sostniet li l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ żewġ multi separati f’ammonti identiċi għal żewġ allegati ksur awtonomi, minkejja n-natura, il-gravità u t-tul differenti tagħhom. Altice tikkunsidra li ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa inqas serju milli ksur tal-Artikolu 7(1) tiegħu, peress li ta’ qabel huwa istantanju filwaqt li tal-aħħar huwa kontinwu. Il-punt 343 tas-sentenza appellata jonqos milli jispjega għala t-tul taż-żewġ ksur ma jistax jiġi mqabbel. Barra minn hekk, dik il-kunsiderazzjoni hija żbaljata fil-liġi peress li ma hemm xejn fir-Regolament Nru 139/2004 sabiex isostniha. Jekk multa ta’ EUR 62250000 hija proporzjonata għal ksur li dam 137 ġurnata, il-multa għal ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li dam għal ġurnata biss, ma għandhiex tkun għola minn EUR 450000. |
|
83. |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawk l-argumenti. |
b) Evalwazzjoni
|
84. |
L-argumenti ta’ Altice huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-punti 320 sa 324 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali evalwat l-adegwatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa ċar mill-intestatura qabel il-punt 312 u mill-formulazzjoni ta’ dak il-punt, li jqassar l-argumenti ta’ Altice. Huwa ċar ukoll mill-punt 314, li jirreferi għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, mill-ġurisprudenza li tinterpreta dak l-artikolu, u miż-żewġ paragrafi tal-aħħar f’dik it-taqsima, punti 319 u 323, li jikkonkludu li r-raġunament fid-deċiżjoni kkontestata kien biżżejjed. |
|
85. |
Il-punti fis-sentenza appellata li Altice tikkontesta ma jikkunsidrawx il-validità sostantiva tar-raġunijiet iddikjarati fid-deċiżjoni kkontestata. Huma għalhekk ma jistgħux jiġu kkontestati fuq il-bażi li huma jikkontjenu żball ta’ liġi ta’ dik in-natura. |
|
86. |
Fir-rigward l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fil-punt 343 tas-sentenza appellata, dak il-punt, li jidher fit-taqsima li tikkunsidra jekk il-multi kienu illegali fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiddikjara li l-paragun huwa impossibbli għax “ksur instantanju […] ma għandux tul ta’ żmien”. Dak ir-raġunament, għalkemm fil-qosor, jispjega d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq dik il-kwistjoni u jippermetti li jiġi kkontestat f’appell, kif għamlet Altice. |
|
87. |
Sabiex tikkontesta din il-konklużjoni fil-mertu, Altice tissottometti li ma hemm xejn fir-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1), l-Artikolu 7(1) jew l-Artikolu 14(2) tiegħu, li jsostni l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali. Ma naqbilx ma’ dan. Kif jispjega l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rekwiżit tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex konċentrazzjoni tiġi nnotifikata huwa obbligu proċedurali li jikkristallizza meta ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Huwa għalhekk korrett li jingħad li l-ksur ta’ dik id-dispożizzjoni huwa instantanju u ma għandu l-ebda tul, li jagħmilha impossibbli li jiġi pparagunat ma’ ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għax, kif tirrikonoxxi Altice, dak l-aħħar ksur għandu tul. Fid-dawl ta’ dik il-konklużjoni, l-argument tagħha li l-multa għall-ksur tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-regolament għandha titnaqqas għal EUR 450,000 ma jistax jintlaqa’ ( 62 ). |
4. Ir‑raba’ parti: il‑proporzjonalità tal‑multi, ikkunsidrati separatament u b’mod kumulattiv
a) Sommarju tal‑argumenti
|
88. |
Altice tikkontendi li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ EUR 62250000 għal ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li huwa l-istess ksur punit skont l-ewwel parti tal-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-regolament, hija sproporzjonata. Hija tkompli tissottometti li kull waħda minn dawk il-multi hija sproporzjonata peress li l-Kummissjoni preċedentement kienet imponiet multi ħafna inqas għal ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Altice fl-aħħar tissottometti li l-Qorti Ġenerali fil-punt 308 tas-sentenza appellata ddikjarat b’mod żbaljat li l-fatt li hija kienet innotifikat it-tranżazzjoni u pproponiet impenji qabel ma ffirmat lis-SPA “ma jistax inaqqas il-fatt li l-imġiba tagħha kienet tikkostitwixxi ksur”. Dik id-dikjarazzjoni tiżnatura l-affermazzjoni ta’ Altice li, fit-twettiq tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura u l-gravità ta’ kull ksur, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni dawk iċ-ċirkustanzi. |
|
89. |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawk l-argumenti. |
b) Evalwazzjoni
|
90. |
Il-ġurisprudenza ma ssostnix l-allegazzjoni ta’ Altice li, fejn żewġ multi jiġu imposti f’deċiżjoni waħda, huwa meħtieġ li tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ kull waħda minnhom ( 63 ). Fid-dawl tal-motivazzjoni li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta sabiex tiċħad l-ewwel żewġ aggravji, l-argument li Altice qiegħda tiġi punita darbtejn għall-istess aġir għalhekk ma jistax jintlaqa’ ( 64 ). |
|
91. |
Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 139/2004 il-multi massimi ma jistgħux jeċċedu 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq minn impriża. Il-Kummissjoni tinnota li l-multi li imponiet fuq Altice jirrappreżentaw 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq fis-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Altice ma kkontestax il-preċiżjoni jew relevanza li l-Kummissjoni ħadet dik il-kunsiderazzjoni inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-multa fid-dawl tar-rekwiżit ta’ deterrent. Huwa ċar li multi preċedenti għal ksur simili ma kellhomx effett ta’ deterrent biżżejjed fuq Altice, u għalhekk l-argument tagħha li l-impożizzjoni ta’ multi konsiderevolment ogħla hija sproporzjonata għandu jfalli. Lanqas tista’ l-prattika tal-Kummissjoni f’deċiżjonijiet preċedenti sservi bħala qafas legali għall-impożizzjoni ta’ multi fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni ( 65 ). |
|
92. |
L-argument ta’ Altice li l-Qorti Ġenerali naqset li “taċċerta il-proporzjonalità tal-multi” hija manifestament infondata għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, fil-punti 332 sa 349 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali evalwat l-argument ta’ Altice li l-multi kienu illegali fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minbarra l-punt 343 Altice ma tikkontesta l-ebda element ta’ dik l-evalwazzjoni ( 66 ). It-tieni, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, evalwat l-applikazzjoni għal tnaqqis tal-multa fi ħdan il-kuntest tat-talba ta’ Altice li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha l-Qorti Ġenerali osservat li kienet marbuta “teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma huwiex fi proporzjon mal-gravità u mat-tul tal-ksur”, “billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ” sabiex “tiddetermina l-ammont tal-multa li jkun proporzjonat, fir-rigward tal-kriterji li hija tqis adegwati, għall-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u li jkun ukoll suffiċjentement dissważiv” ( 67 ). Huwa ċar minn dan ta’ hawn fuq li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta wettqet l-istħarriġ tagħha tal-multi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha. Altice ma tikkontesta l-ebda element partikolari ta’ dik l-analiżi. L-allegazzjoni tagħha li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx kull ksur separatament hija skorretta fil-fatt, peress li sabet li ċ-ċirkustanza attenwanti applikat biss għall-multa tal-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
93. |
Altice allegat li l-punt 308 tas-sentenza appellata tiżnatura l-affermazzjoni tagħha li, fl-evalwazzjoni tan-natura u gravità ta’ kull ksur, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Altice kienet innotifikat it-tranżazzjoni u pproponiet impenji qabel ma ffirmat lis-SPA. Peress li Altice ma pprovdietx dettalji oħra jew argument legali sabiex issostni dak l-allegat żball, ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tiġi miċħuda għal dik ir-raġuni ( 68 ). |
|
94. |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt aggravju u, għalhekk, l-appell sħiħ. |
IV. Spejjeż
|
95. |
Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 184(1) u (2) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
|
96. |
Peress li Altice tilfet, u l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż tagħha, hemm lok li Altice tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, kif mitlub mill-Kummissjoni, u dawk tal-Kummissjoni, relatati ma’ dawn il-proċeduri. |
|
97. |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 184(1) u (2) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
98. |
Il-Kunsill għandu għaldaqstant jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu f’dan l-appell. |
V. Konklużjoni
|
99. |
Għar-raġunijiet premessi nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40.
( 3 ) Fid-deċiżjoni kkontestata, dan il-kuntratt huwa msejjaħ “il-Ftehim ta’ Tranżazzjoni” (iddefinit fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 4 ) Ara l-premessi 58 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata għal iktar dettal.
( 5 ) Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 6 ) Premessi 479 sa 491 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 7 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, Altice Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑425/18, EU:T:2021:607) (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”).
( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31.
( 9 ) Ir-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi derogi varji minn, u eċċezzjonijiet għall-obbligi ta’ notifika u ta’ sospensjoni, li huma irrilevanti għal dan l-appell.
( 10 ) L-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2988/74 tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 1974 li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 7, Vol 1, p. 61).
( 11 ) Ibid.
( 12 ) Premessa 595 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 13 ) Dan ma jfissirx li ma jistax jittieħed kont tat-termini tal-ftehim fejn huma rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk seħħitx l-implimentazzjoni.
( 14 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C-10/18 P, EU:C:2020:149, punt 106).
( 15 ) Ara, pereżempju, il-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tistrieħ fuq prova prodotta fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex tevalwa jekk l-obbligu fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 inkisirx.
( 16 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punti 103 u 104). Altice tosserva li l-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhom l-oġġettiv li jaċċertaw il-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet. Kif jinnota l-Kunsill, huwa iktar preċiż li dak jiġi deskritt bħala l-oġġettiv ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004. L-approċċ ta’ Altice ma jgħinx fl-evalwazzjoni ddettaljata dwar jekk l-obbligi fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) isegwux oġġettivi awtonomi.
( 17 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punti 101, 102 u 109).
( 18 ) Ara l-wieħed u għoxrin u s-sitta u għoxrin premessa tar-Regolament 4064/89. Ara wkoll is-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem “is-sentenza mogħtija fil-kawża Ernst & Young”), u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C-10/18 P, EU:C:2020:149, punt 109).
( 19 ) Punt 51 tas-sentenza appellata.
( 20 ) Punti 51 sa 67 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tindirizza l-eċċezzjoni ta’ illegalità.
( 21 ) Nifhem li Altice ma tikkontestax punti 326 sa 330 tas-sentenza appellata fejn tindirizza l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-dritt Ġermaniż ta’ tpaċija (Anrechnungsprinzip).
( 22 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-prinċipju ne bis in idem ma japplikax meta l-istess awtorità timponi penali għal ksur tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 f’deċiżjoni waħda, kif kien il-każ hawnhekk (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 78). Meta mitluba tikkummenta fuq dik is-sentenza, Altice infurmat ’il-Qorti Ġenerali li ma kinitx qiegħda żżomm iktar l-aggravju tagħha bbażat fuq il-prinċipju ta’ ne bis in idem.
( 23 ) Ara, b’effett simili, il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-approssimazzjoni, rikonoxximent reċiproku u infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea (COM/2004/0334 final), punt 3.1.1.7.
( 24 ) Punti 69 sa 89, 96, 132 u 144 tas-sentenza appellata.
( 25 ) Punt 87 tas-sentenza appellata.
( 26 ) ĠU 2005, C 56, p. 24.
( 27 ) Punti 102 sa 105, 117, 120, 121, 130 u 131 tas-sentenza appellata.
( 28 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li l-Kummissjoni setgħet waslet għall-istess konklużjoni dwar il-ksur tar-Regolament Nru 139/2004 mingħajr ma tistrieħ fuq il-kapaċità ta’ Altice li teżerċita influwenza deċiżiva hija kwistjoni oħra.
( 29 ) Sentenza mogħtija fil-kawża Ernst & Young, punti 43 u 44.
( 30 ) Sentenza mogħtija fil-kawża Ernst & Young, punti 45 sa 47 u 52.
( 31 ) ĠU 2008 C 95, p. 1, punti 18 sa 21 u 61 (iktar ’il quddiem “l-Avviż ġurisdizzjonali”).
( 32 ) Punti 77 u 84, l-aħħar sentenza, tas-sentenza appellata.
( 33 ) Punt 87 tas-sentenza appellata.
( 34 ) Enfasi miżjuda minni.
( 35 ) Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza iċċitata).
( 36 ) Sentenza fil-kawża Ernst & Young, punt 52.
( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Dik l-osservazzjoni tapplika ugwalment għat-tieni parti tas-sitt aggravju.
( 39 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il‑Kummissjoni (C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punti 67 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Punti 123 sa 125 tas-sentenza appellata.
( 41 ) Każ COMP/M.3858 – Lehman Brothers/SCG/Starwood/Le Meridien tal‑20 ta’ Lulju 2005, punti 7 sa 10. It-tieni deċiżjoni dwar konċentrazzjoni li għaliha hemm referenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 tal-Avviż ġurisdizzjonali (Każ IV/M.126 – Accor/Wagon-Lits tat‑28 ta’ April 1992) ma huwiex iddettaljat biżżejjed sabiex jippermetti li wieħed jasal għal xi konklużjonijiet utli minnu għall-finijiet ta’ dan l-appell.
( 42 ) Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 8, Vol 2, p. 205.
( 44 ) Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-premessi 477 u 478 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 46 ) Punt 226 tas-sentenza appellata.
( 47 ) Punt 235 tas-sentenza appellata.
( 48 ) Premessi 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 49 ) Ara l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004.
( 50 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et (C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 164) u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 43).
( 52 ) Punti 286 sa 289 tas-sentenza appellata u l-premessa 582 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 53 ) Dan huwa konformi mal-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 364 sa 368 tas-sentenza appellata.
( 54 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni (C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza iċċitata)
( 57 ) Ara, f’dak is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:23, punti 44 u 45). Il-Kummissjoni imponiet multi simboliċi fil-Każ IV/M.920, Samsung/AST, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Frar 1998, u fil-Każ IV/M.969, A.P. Møller, deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Frar 1999. Fil-Każ COMP/M.4994, Electrabel/Compagnie Nationale du Rhône tal‑10 ta’ Ġunju 2009, u fil-Każ Nru. COMP/M.6850, Marine Harvest/Morpol tat‑30 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni imponiet multi totali ta’ EUR 20 miljun.
( 58 ) Iż-żewġ ċirkustanzi jikkuntrastaw mas-sitwazzjoni fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.
( 59 ) Skont l-informazzjoni li tinsab fuq is-sit elettroniku ta’ Altice, l-impriża fil-mira kellha valur ta’ impriża EUR 7.4 biljuni fuq bażi ta’ flus u bla dejn. Flus kontanti kienu EUR 5.6 biljuni. Tariffi tranżazzjonali kienu EUR 122 miljun.
( 60 ) Ir-reġim skont l-Artikolu 101 TFUE tal-għoti tal-immunità minn, jew nuqqas ta’, multi għal whistleblowers u impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni, li fuqu l-Kummissjoni tistrieħ sabiex iressqu għall-attenzjoni tagħha ksur possibbli ta’ dik id-dispożizzjoni, ma jkunx jaħdem fil-kuntest ta’ konċentrazzjonijiet.
( 61 ) Għal fehma kontrarja, ara, pereżempju, Memeti, N., “Monetary Fines in EU Mergers: In Need for More Regulation”, Market and Competition Law Review, April 2019, Volum III, Nru. 1, p. 209 sa 233.
( 62 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 115).
( 63 ) Sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2019:283, punti 38 u 39).
( 64 ) Ara punti 14 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punt 20, u s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 116).
( 65 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 66 ) Ara l-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 67 ) Punti 350, 354, 355 u 363 tas-sentenza appellata.
( 68 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.