Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjoni għas-servizzi mwettqa bejn impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet fis-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi ta’ rtirar – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Vantaġġ – Selettività – Talba għal-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza”

Fil-Kawża C‑360/25 [Schoger II] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura

***X***

vs

Finanzamt für Großbetriebe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, I. Ziemele, A. Kumin, S. Gervasoni (Relatur) u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ***X***, minn P. Goeth, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn F. Koppensteiner, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Farley u L. Wildpanner, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ***X***, kumpannija Awstrijaka, u l-Finanzamt für Großbetriebe (l-Amministrazzjoni Fiskali għall-Impriżi Kbar, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar avviżi ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) riċevuti minn ***X*** għall-perijodu bejn l‑2013 u l‑2017 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tassazzjoni kontenzjuż”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi:

“Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. ”

4        Il-premessa 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), tipprovdi:

“Sistema ta’ VAT tikseb l-ogħla livell ta’ sempliċità u ta’ newtralità meta t-taxxa hi mħaddma f’manjiera ġenerali kemm jista’ jkun u meta tkun tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi. Hu għalhekk fl-interess tas-suq intern u ta’ l-Istati Membri li jadottaw sistema komuni li tapplika wkoll għall-kummerċ bl-imnut. ”

5        L-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, li jintroduċi t-Titolu IX tagħha, intitolat “Eżenzjonijiet”, jipprovdi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli. ”

6        L-Artikolu 135(1) tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;

(b)      l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

(ċ)      in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanziji ta’ kreditu jew kwalunkwe garanzija għall-flus oħra u l-immaniġġjar ta’ garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti l-kreditu;

(d)      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu;

(e)      transazzjoniet, inkluż negozjar, li jikkonċerna l-munita, karti tal-flus u muniti użati bħala valuta legali, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti tal-kollezzjoni, jiġifieri, deheb, fidda u muniti oħrajn tal-metall jew karti tal-flus li normalment m’humiex użati bħala valuta legali jew muniti b’interess numismatiku;

(f)      transazzjonijet, inkluż negozjar iżda mhux l-immaniġġjar jew iż-żamma fiż-żgur, f’ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijet, obbligazzjonijiet (debentures) u sigurtajiet oħrajn, iżda esklużi dokumenti li jistabbilixxu titolu għal merkanzija, u d-drittijiet jew sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 15(2);

(g)      l-imaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri;

[…] ”

7        L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT, li jippreċiża l-portata tad-dritt għal tnaqqis, jipprovdi li “[s]akemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas [il-VAT dovuta jew imħallsa rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu]”.

 Il-liġi Awstrijaka

8        L-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), tat‑23 ta’ Awwissu 1994 (BGBl. 663/1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), hija intiża biex tittrasponi d-Direttiva tal-VAT fid-dritt Awstrijak.

9        Skont il-punt 28 tal-Artikolu 6(1) tal-UStG:

“Fost it-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1(1), huma eżentati [mill-VAT]:

[…]

28.      is-servizzi l-oħra li gruppi ta’ impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi ta’ rtirar jipprovdu lill-membri tagħhom, sakemm dawn is-servizzi jintużaw direttament għat-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet eżenti u sakemm dawn il-gruppi sempliċement jitolbu mill-membri tagħhom ir-rimbors eżatt tas-sehem tagħhom fl-ispejjeż konġunti. Dan japplika wkoll għas-servizzi l-oħra pprovduti bejn impriżi li prinċipalment iwettqu tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi ta’ rtirar, sa fejn dawn is-servizzi jintużaw direttament għat-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet eżentati, kif ukoll għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal ta’ dawn l-impriżi għall-gruppi msemmija fl-ewwel sentenza”

10      Il-punti 7 u 8 tal-Artikolu 6(1) tal-UStG jipprevedu derogi oħra għall-issuġġettar għall-VAT, b’mod partikolari għal ċerti tranżazzjonijiet imwettqa minn korpi tas-sigurtà soċjali kif ukoll għall-għoti u għan-negozjar ta’ krediti.

11      Il-punt 2 tal-Artikolu 12(3) tal-UStG jipprevedi, barra minn hekk, esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fir-rigward ta’ servizzi oħra “sa fejn l-imprenditur juża dawn is-servizzi l-oħra biex iwettaq tranżazzjonijiet eżenti”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      ***X*** huwa bank Awstrijak, li huwa wkoll il-kumpannija omm ta’ unità fiskali Awstrijaka fil-qasam tal-VAT (grupp tal-VAT).

13      Wara verifika fuq il-post li wasslet għal rapport fl‑1 ta’ Diċembru 2021, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li ċerti servizzi transkonfinali pprovduti minn parti kontraenti ta’ ***X*** dwar distributuri awtomatiċi ta’ karti tal-flus ma kinux jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fil-punt 8(e) tal-Artikolu 6(1) tal-UStG. Konsegwentement, din l-amministrazzjoni emendat, abbażi ta’ trasferiment tad-dejn fiskali, l-avviżi ta’ impożizzjoni tal-VAT ta’ ***X*** dwar il-perijodu ta’ tassazzjoni kontenzjuż.

14      Peress li l-amministrazzjoni fiskali ma tatx sodisfazzjon lil ***X*** b’risposta għall-ilment tagħha mressaq fl‑20 ta’ Diċembru 2021 kontra dawn l-avviżi ta’ tassazzjoni, din talbet, permezz ta’ rikors tat‑13 ta’ Lulju 2022, li dan l-ilment jitressaq quddiem il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju.

15      Din il-qorti tindika li hija marbuta, skont l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-avviżi ta’ impożizzjoni tal-VAT li huma s-suġġett ta’ lment, li teżamina l-eventwali illegalitajiet tagħhom u li twettaq f’dan ir-rigward l-investigazzjonijiet fattwali neċessarji, u dan anki fl-assenza ta’ kontestazzjoni mill-persuni taxxabbli kkonċernati f’dan ir-rigward u inkluż, jekk ikun il-każ, jekk l-evalwazzjoni tagħha kellhiex twassal għal riżultat sfavorevoli għal dawn il-persuni taxxabbli.

16      F’dan il-każ, ***X*** kienet applikat l-eżenzjoni mill-VAT prevista fit-tieni sentenza tal-punt 28 tal-Artikolu 6(1) tal-UStG (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni inkwistjoni”) fid-dikjarazzjonijiet tagħha li taw lok għall-avviżi ta’ taxxa kontenzjużi. Issa, il-legalità tal-eżenzjoni inkwistjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk ma hijiex ikkontestata fil-kawża prinċipali, tqajjem dubji.

17      Għalhekk, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tindika li din l-eżenzjoni, li ma tagħmilx distinzjoni skont il-kontenut tal-provvista kkonċernata, hija nieqsa minn bażi legali fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, hija tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonforma ruħha magħha, peress li ma huwiex possibbli għaliha li tipproċedi għal applikazzjoni diretta ta’ din id-direttiva kontra r-rieda tal-persuna taxxabbli jew għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mal-imsemmija direttiva, liema interpretazzjoni hija contra legem.

18      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżenzjoni inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, peress li, b’mod partikolari, hija tista’ titqies li tikkostitwixxi intervent tal-Istat, fl-assenza ta’ bażi fid-Direttiva tal-VAT, li hija timplika r-rinunzja għar-riżorsi li l-Istat kieku kien jirċievi, li hija tibbenefika lil ***X*** u lid-destinatarji tal-provvisti tagħha, li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ banek Ewropej oħrajn, u li hija selettiva. Minn dan, din il-qorti tiddeduċi li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tal-eżenzjoni inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat. Hija tenfasizza wkoll li t-tħassir ta’ din l-eżenzjoni sa mill‑1 ta’ Jannar 2025 juri d-dubji tal-leġiżlatur Awstrijak stess dwar il-konformità tal-imsemmija eżenzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[L-eżenzjoni mill-VAT relattiva għas-]servizzi l-oħra pprovduti bejn impriżi li prinċipalment iwettqu tranżazzjonijiet relatati mal-banek, mal-assigurazzjoni jew ma’ fondi tal-pensjonijiet, sa fejn dawn is-servizzi jintużaw direttament għat-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet eżentati, kif ukoll għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal ta’ dawn l-impriżi għall-konċentrazzjonijiet [gruppi ]msemmija fl-ewwel sentenza [tal-punt 28 tal-Artikolu 6(1) tal-UStG tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE]?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

20      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ssegwi l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa fit‑28 ta’ Ġunju 2024 u ddikjarata manifestament inammissibbli permezz tad-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2025, Schoger (C‑460/24, EU:C:2025:346), minħabba li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21      Fil-punti 20 sa 22 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, minn naħa, li l-espożizzjoni tas-suġġett u tal-fatti rilevanti tal-kawża prinċipali kienet qasira u inkompleta wisq biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-funzjoni tagħha li tagħti deċiżjoni preliminari. Min-naħa l-oħra, fil-punti 23 sa 27 tal-imsemmi digriet, hija qieset li kienu nieqsa l-elementi oġġettivi u konkordanti li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ rabta bejn it-tilwima konkreta pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li kienet mitluba l-interpretazzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod partikolari, li l-qorti tar-rinviju ma kinitx indikat ir-raġunijiet għalfejn l-elementi kollha tal-avviżi ta’ taxxa li kienu tressqu quddiemha fil-kawża prinċipali, indipendentement minn eventwali kontestazzjonijiet, kellhom ikunu s-suġġett ta’ eżami ex officio minn din l-aħħar qorti fir-rigward tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

22      Wara l-istedina tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens (digriet tal‑5 ta’ Mejju 2025, Schoger, C‑460/24, EU:C:2025:346, punt 29), il-qorti tar-rinviju pprovdiet, f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, elementi addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li hija kienet ipprovdiet fl-ewwel talba tagħha, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

23      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju issa tindika b’mod ċar l-istadji proċedurali li ppreċedew il-punt meta ġiet adita u tispjega għalfejn hija għandha tiddeċiedi dwar l-eżenzjoni inkwistjoni.

24      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tispeċifika s-suġġett tal-istħarriġ tagħha meta tiġi adita b’ilment li jikkontesta avviżi ta’ impożizzjoni tal-VAT. Hija tippreċiża b’mod partikolari, billi tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali u fuq il-ġurisprudenza nazzjonali li interpretathom, li hija tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-awtorità fiskali. Il-ġurisdizzjoni tagħha bħala qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li tippermettilha tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt kollha marbuta mal-ilment imressaq quddiemha, ma hijiex limitata għall-eżami ta’ dan l-ilment. Hija għandha twettaq eżami ex officio tal-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw mill-avviżi ta’ tassazzjoni kkontestati fil-kawża prinċipali, inkluża l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-eżenzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, u dan indipendentement minn eventwali kontestazzjonijiet f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-kawża prinċipali u anki jekk dan iwassal biex jinbidlu b’mod sfavorevoli d-drittijiet tal-persuni kkonċernati.

25      Filwaqt li ***X*** u l-Gvern Awstrijak jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari u billi ***X***, f’dan il-kuntest, jirrimarka wkoll li tali stħarriġ ex officio jista’ jiddisswadi lill-persuni taxxabbli milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali, dawn il-partijiet ma jpoġġux indiskussjoni l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest leġiżlattiv taħt ir-responsabbiltà tagħha u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega b’mod ċar għalfejn id-domanda tagħha tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat u mhux id-Direttiva tal-VAT, li l-UStG hija intiża li tittrasponi fid-dritt Awstrijak. Fil-fatt, hija tippreċiża r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ osservanza, mill-eżenzjoni inkwistjoni, tar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva sabiex jiġu stabbiliti eżenzjonijiet mill-VAT, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq id-duttrina nazzjonali. Minn dan hija tiddeduċi li interpretazzjoni konformi tal-UStG mad-Direttiva dwar il-VAT tkun contra legem u għalhekk eskluża, qabel ma żżid li hija ma tistax timponi direttament din id-direttiva fuq individwu sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni.

27      Fir-rigward tal-argument ta’ ***X*** li jgħid li eżami ex officio tal-kwalifika bħala “għajnuna mill-Istat” tal-eżenzjoni inkwistjoni jpoġġi indiskussjoni l-kompetenzi esklużivi tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li dawn jirrigwardaw biss l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura kkwalifikata bħala “għajnuna mill-Istat” mas-suq intern, filwaqt li l-qrati nazzjonali huma kompletament awtorizzati, upstream, li jinterpretaw il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, anki jekk, fil-każ ta’ dubju, jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, bħal dik imressqa mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 14, u tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 50). Għandu jingħad ukoll li l-intervent tal-qrati nazzjonali jirriżulta mill-effett dirett tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li testendi, b’mod partikolari, għal kull għajnuna li ġiet implimentata mingħajr ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Bl-istess mod, sa fejn, minn naħa, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi l-kuntest fattwali tat-tilwima li tagħti lok għad-domandi tagħha u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-evalwazzjoni magħmula f’dan ir-rigward minn din il-qorti (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata) u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssemmi n-natura kostanti tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni minn ***X***, huwa irrilevanti li, kif isostni l-Gvern Awstrijak, mingħajr barra minn hekk ma jressaq provi, kienet ġiet applikata eżenzjoni differenti mill-eżenzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, liema ħaġa pprekludiet l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni.

29      Fl-aħħar nett, l-argument imressaq mill-Gvern Awstrijak u, inċidentalment, minn ***X***, li jqiegħed f’dubju l-eżistenza ta’ vantaġġ li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni tat lil din il-kumpannija, jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li dwarha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, u mhux taħt l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza tal-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju sabiex tippermetti l-evalwazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet meħtieġa sabiex miżura tiġi kkwalifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, għandu jitfakkar li meta d-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku jkollha nuqqasijiet, u b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tirrispondi bil-preċiżjoni mixtieqa għal ċerti domandi li jkunu sarulha, huwa dejjem possibbli għaliha li tiddeċiedi filwaqt li tħalli miftuħa ċerti aspetti tar-risposti għad-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 25).

30      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

32      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi identifikat preċiżament il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

33      L-imsemmija eżenzjoni hija prevista fit-tieni sentenza tal-punt 28 tal-Artikolu 6(1) tal-UStG, li tipprovdi li huma eżentati mill-VAT “is-servizzi l-oħra pprovduti bejn impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi ta’ rtirar, sakemm dawn is-servizzi jintużaw direttament għat-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet eżentati, kif ukoll għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal ta’ dawn l-impriżi lill-gruppi [ta’ impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati ma’ dan is-settur]”.

34      L-eżenzjoni inkwistjoni tħassret b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2025, iżda kienet fis-seħħ matul il-perijodu ta’ tassazzjoni kontenzjuż.

35      Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-prattika, l-impriżi li għalihom kienet tapplika l-eżenzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-“impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi ta’ rtirar”, kienu mifhuma b’mod wiesa’ u kienu jinkludu wkoll l-impriżi li ma għandhomx awtorizzazzjoni bankarja. Barra minn hekk, fid-dawl tad-diffikultà li jiġi vverifikat l-użu tas-servizzi pprovduti minn dawn l-impriżi “għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet eżenti [relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi tal-irtirar]”, l-awtoritajiet fiskali Awstrijaċi kellhom bħala prassi komuni, tal-inqas matul il-perijodu ta’ tassazzjoni kontenzjuż, li jeżentaw is-servizzi kollha pprovduti bejn l-impriżi msemmija li ma kinux diġà eżentati skont dispożizzjoni oħra tal-UStG. Il-qorti tar-rinviju ssemmi, bħala eżempju, il-provvisti ta’ servizzi informatiċi, il-provvisti ta’ servizzi ta’ konsulenza jew ukoll il-provvisti ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni jew ta’ kustodja tat-tfal.

36      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi, li ma humiex eżentati mod ieħor, ipprovduti bejn impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi tal-irtirar, tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37      Il-kwalifika bħala ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat” teħtieġ li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. It-tielet nett, dan għandu jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni. Ir-raba’ nett, dan għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      L-ewwel nett, fir-rigward tal-oriġini statali tal-eżenzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li din l-eżenzjoni ma taqa’ taħt ebda waħda mill-eżenzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti mid-Direttiva tal-VAT u li għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK), C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-Artikolu 135 tad-Direttiva tal-VAT, li jipprevedi l-unika eżenzjoni permessa għall-impriżi tas-settur bankarju, tal-assigurazzjoni u tal-fondi ta’ rtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 59), tkopri biss ċerti tranżazzjonijiet imwettqa minn dawn l-impriżi, bħat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni jew l-għoti, in-negozjar u l-ġestjoni ta’ krediti jew il-ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment komuni, li t-tranżazzjonijiet tagħhom koperti mill-eżenzjoni inkwistjoni, kif implimentata mill-amministrazzjoni fiskali Awstrijaka, ma jifformawx parti minnhom.

39      Minn dan isegwi li l-eżenzjoni inkwistjoni hija imputabbli lill-Istat Awstrijak. Fil-fatt, eżenzjoni fiskali stabbilita minn Stat Membru hija imputabbli lill-Unjoni Ewropea, u mhux lil dan l-Istat, biss jekk din tillimita ruħha biex tirriproduċi obbligu ċar u preċiż previst f’direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Puffer, C‑460/07, EU:C:2009:254, punt 70), li ma huwiex il-każ hawnhekk.

40      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-għoti tal-eżenzjoni inkwistjoni permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li għandha wkoll tiġi ssodisfatta biex tiġi adottata l-kwalifika bħala “għajnuna mill-Istat” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-kunċett ta’ “għajnuna” huwa iktar ġenerali minn dak ta’ “sussidju”, peress li jinkludi mhux biss servizzi pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. Minn dan jirriżulta li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji tagħha f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ persuni taxxabbli oħra, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      L-impatt fuq ir-riżorsi tal-Istat ma jitpoġġix indiskussjoni mill-allegat piż fiskali ogħla li jaqa’ fuq ***X*** minħabba l-assenza ta’ dritt għal tnaqqis marbut mal-eżenzjoni inkwistjoni.

42      Ċertament, l-eżistenza ta’ eżenzjoni mill-VAT, bħall-eżenzjoni inkwistjoni, teskludi d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input eventwalment imħallsa, konformement mal-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jillimita t-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi għall-każijiet fejn dawn l-oġġetti u dawn is-servizzi jintużaw għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, u mal-punt 2 tal-Artikolu 12(3) tal-UStG, li ttraspona dan l-Artikolu 168 fid-dritt Awstrijak. B’mod konkret, dan ifisser li l-VAT imħallsa minn ***X*** fuq eventwali oġġetti jew servizzi użati biex jiġu pprovduti servizzi eżenti tibqa’ r-responsabbiltà tiegħu.

43      Madankollu, minn naħa, il-verifika tal-għoti ta’ miżura permezz ta’ riżorsi tal-Istat għandha tiġi evalwata mid-definizzjoni tagħha prinċipalment fil-livell tal-Istat ikkonċernat u tal-baġit tiegħu u mhux tas-sitwazzjoni individwali tal-benefiċjarju ta’ din il-miżura. F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk id-dħul fiskali tal-Istat jonqosx. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat hija interpretata bħala li tinkludi l-każijiet ta’ riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet fuq il-baġit tal-Istat (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine, C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, huwa l-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ dan id-dħul li jittieħed inkunsiderazzjoni u mhux ir-realtà tiegħu fil-fatti.

44      Issa, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fix-xogħlijiet preparatorji tal-liġi li pprevediet it-tħassir tal-eżenzjoni inkwistjoni b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2025, il-leġiżlatur Awstrijak stess enfasizza d-dħul addizzjonali mill-VAT favur ir-Repubblika tal-Awstrija li jirriżulta minn dan it-tħassir għall-2025 u s-snin segwenti.

45      It-tieni nett, fir-rigward tal-vantaġġ li tagħti l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni u tan-natura selettiva ta’ dan il-vantaġġ, għandu jitfakkar li l-kriterju tal-vantaġġ jinftiehem b’mod wiesa’ mill-ġurisprudenza, bħala li jinkludi l-interventi kollha li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta skema fiskali ta’ għajnuna tapplika fuq bażi annwali jew perjodika, il-Kummissjoni għandha turi biss li din l-iskema ta’ għajnuna hija ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji tagħha billi tivverifika li din, ikkunsidrata globalment, tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi għaliha, twassal, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, għal tassazzjoni inqas meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni ġenerali, mingħajr ma jkun jimporta li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, din l-istituzzjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tiddetermina, minn qabel u għal kull sena fiskali, il-livell preċiż ta’ tassazzjoni relatat magħha. Huwa fl-istadju tal-irkupru eventwali tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-imsemmija skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni hija obbligata biex tiddetermina jekk din effettivament tatx vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha meħuda individwalment, peress li tali rkupru jeżiġi li jiġi ddefinit l-ammont eżatt tal-għajnuna li dawn tal-aħħar kellhom it-tgawdija effettiva tagħha f’kull sena fiskali (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punti 87 u 88).

47      Fir-rigward ta’ eżenzjoni mill-VAT bħall-eżenzjoni inkwistjoni, għandu jitqies li l-applikazzjoni tagħha tista’ tagħti vantaġġ lill-impriżi li jipprovdu s-servizzi koperti minn din l-eżenzjoni, li huma, fin-nuqqas ta’ elementi li jirriżultaw mill-proċess fis-sens kuntrarju, legalment il-benefiċjarji tal-eżenzjoni msemmija. Dawn l-impriżi huma vvantaġġati meta mqabbla mal-impriżi li għalihom ma tapplikax l-eżenzjoni inkwistjoni, u li għalhekk huma obbligati li jiffatturaw il-VAT, f’dak li jirrigwarda l-provvista tal-istess servizzi lil impriżi li, bħal f’dan il-każ, ma għandhomx id-dritt li jnaqqsu l-VAT tal-input imħallsa, fid-dawl tal-eżenzjoni tan-numru tas-servizzi tagħhom skont l-Artikolu 135 tad-Direttiva tal-VAT u tal-UStG.

48      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok, fl-istadju tal-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” u fil-każ ta’ skema fiskali potenzjali ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi vverifikat, f’kull każ konkret, l-effett tal-impossibbiltà li titnaqqas il-VAT tal-input imħallsa li tkun marbuta mal-eżenzjoni inkwistjoni, u għalhekk li jiġi żgurat li t-tnaqqis tal-oneru fiskali li jirriżulta minn din l-eżenzjoni ma jiġix ikkumpensat, jew saħansitra kkumpensat iżżejjed, mill-piż fiskali marbut mal-VAT imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi użati biex jiġu pprovduti s-servizzi eżentati, sal-punt li jkun żvantaġġuż għall-impriżi kkonċernati. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li tali kumpens u l-portata tiegħu jiddependu mill-okkorrenza ta’ ċirkustanzi aleatorji u varjabbli skont il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari, f’dan il-każ, l-użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi suġġetti għall-VAT u l-portata ta’ dan ir-rikors.

49      Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti japplikaw kemm meta l-Kummissjoni tkun inkarigata tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona (C‑362/19 P, EU:C:2021:169), kif ukoll meta l-qorti nazzjonali jkollha tivverifika l-eżistenza ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, peress li l-ġustifikazzjoni mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza hija applikabbli wkoll għall-qorti nazzjonali. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, għandu jiġi evitat li l-Istati Membri li jimplimentaw skemi ta’ għajnuna mingħajr ma jinnotifikawhom minn qabel, bi ksur tal-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 108(3) TFUE, jiġu ffavoriti meta mqabbla ma’ dawk li jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu, li jkun il-każ jekk il-Kummissjoni jew il-qorti nazzjonali jkunu obbligati biex jivverifikaw, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, abbażi ta’ data miġbura wara l-adozzjoni ta’ din l-iskema, jekk il-vantaġġ effettivament immaterjalizzax ruħu jew ġiex ikkumpensat bi żvantaġġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 93).

50      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza u sabiex tingħata risposta għall-argument tal-Gvern Awstrijak li jgħid li l-eżenzjoni inkwistjoni tikkumpensa piżijiet speċifiċi dovuti għall-iżvantaġġi strutturali imposti fuq ċerti impriżi kkonċernati, għandu jitfakkar li l-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk prevalenti f’oħrajn ma jistax ineħħi n-natura ta’ għajnuna minn dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata) Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Gvern Awstrijak jindika li l-banek, l-assigurazzjonijiet u l-fondi ta’ rtirar żgħar kif ukoll il-gruppi, l-assoċjazzjonijiet u l-kooperattivi bankarji organizzati b’mod deċentralizzat li ma jistgħux jifformaw grupp tal-VAT jintlaqtu minn dawn l-iżvantaġġi strutturali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni bl-ebda mod ma huwa limitat għal dawn il-kategoriji ta’ impriżi u li, f’dan il-każ, ***X*** jifforma preċiżament parti minn grupp tal-VAT bħala kumpannija omm.

51      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura kkonċernata lill-benefiċjarji tagħha, hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex miżura fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifikata bħala “selettiva”, għandu jiġi identifikat, fl-ewwel lok, il-qafas ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u li jintwera, fit-tieni lok, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn dan il-qafas ta’ referenza, sa fejn tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex minn dan tal-aħħar, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzjazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li huma, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri, fit-tielet lok, li din id-differenzjazzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jifformaw parti minnha dawn il-miżuri (sentenza tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca, C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Il-partijiet ikkonċernati u l-qorti tar-rinviju jaqblu li, f’dan il-każ, il-qafas ta’ referenza huwa kkostitwit mis-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-VAT, jiġifieri qafas ta’ referenza armonizzat li jnaqqas l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri.

53      F’dan il-każ, id-deroga minn dan il-qafas ta’ referenza armonizzat tinsab fil-fatt li, skont it-tieni sentenza tal-punt 28 tal-Artikolu 6(1) tal-UStG, li ma għandux bażi fid-Direttiva dwar il-VAT, provvisti ta’ servizzi pprovduti minn kategorija speċifika ta’ impriżi lill-istess kategorija ta’ impriżi, jiġifieri l-“impriżi li jwettqu prinċipalment transazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi tal-irtirar”, huma eżentati mill-VAT, filwaqt li dawn il-provvisti ta’ servizzi huma suġġetti għall-VAT meta jiġu pprovduti minn impriżi li ma jaqgħux taħt din il-kategorija. Issa, l-impriżi benefiċjarji tal-eżenzjoni inkwistjoni huma fir-rigward tas-servizzi kkonċernati, jiġifieri dawk kollha, barra minn hekk, mhux eżentati, ipprovduti lil dan it-tip ta’ impriżi, bħal dawk imsemmija, bħala eżempju, fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, fl-istess sitwazzjoni bħall-fornituri l-oħra kollha li jipprovdu dawn is-servizzi.

54      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 35 u 38 ta’ din is-sentenza, il-benefiċjarji tal-eżenzjoni inkwistjoni jinftiehmu bħala li ma jinkludux biss l-impriżi li għandhom awtorizzazzjoni bankarja u suġġetti għal dan l-għan għal regoli u għal restrizzjonijiet partikolari, a fortiori fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li ma għandhomx neċessarjament rabta ma’ tranżazzjonijiet bankarji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-fatt li dawn il-benefiċjarji ma għandhomx id-dritt li jnaqqsu l-VAT imħallsa fuq it-tranżazzjonijiet tal-input lanqas ma jippermetti li dawn jiġu distinti mill-fornituri l-oħra ta’ servizzi kkonċernati, peress li din l-assenza ta’ dritt għal tnaqqis hija preċiżament marbuta mal-eżenzjoni inkwistjoni. Issa, konsegwenza legali li tirriżulta, għall-fornituri benefiċjarji biss, mill-applikazzjoni tal-miżura eżaminata ma hijiex ta’ natura li turi li huma jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-fornituri mhux benefiċjarji ta’ din il-miżura.

55      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tad-differenzjazzjoni kkonċernata min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li taħtha taqa’ l-eżenzjoni inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 5 tad-Direttiva tal-VAT, “[s]istema ta’ VAT tikseb l-ogħla livell ta’ sempliċità u ta’ newtralità meta t-taxxa hi mħaddma f’manjiera ġenerali kemm jista’ jkun u meta tkun tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi”.

56      Għalhekk, anki jekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ eventwali ġustifikazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża li għandha quddiemha, il-preżervazzjoni tan-newtralità fiskali, il-prevenzjoni tal-kumulu ta’ taxxi u s-semplifikazzjoni amministrattiva mressqa mill-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu ma jidhrux li jistgħu jiġġustifikaw id-differenzjazzjoni inkwistjoni. Tali ġustifikazzjonijiet huma fil-fatt assoċjati mid-Direttiva tal-VAT ma’ ġbir tal-VAT l-iktar ġeneralizzat possibbli u mhux mal-possibbiltà li jiġu previsti eżenzjonijiet, filwaqt li barra minn hekk huwa ppreċiżat li, kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, ebda waħda mill-eżenzjonijiet tal-VAT previsti b’mod limitat minn din id-direttiva ma tikkorrispondi għall-eżenzjoni inkwistjoni.

57      Minn dan jirriżulta li l-kundizzjoni dwar in-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura kkonċernata lill-benefiċjarji tagħha hija ssodisfatta mill-eżenzjoni inkwistjoni.

58      It-tielet nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li tgħid li l-miżura kkonċernata għandha toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, hemm lok, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, mhux li tiġi stabbilita distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din il-miżura tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali distorsjoni tal-kompetizzjoni tirriżulta, f’dan il-każ, mill-vantaġġ li jibbenefikaw minnu l-impriżi eżentati, bħal barra minn hekk l-impriżi klijenti, li joperaw kollha f’settur liberalizzat. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, vantaġġ mogħti lil impriża li topera f’settur kompetittiv huwa ta’ natura li jikkaratterizza effett reali jew potenzjali tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, fl-assenza ta’ regoli jew ta’ restrizzjonijiet partikolari imposti fuq l-impriżi li jipprovdu s-servizzi inkwistjoni, dawn jistgħu jitqiesu li huma pprovduti f’ambjent kompetittiv.

59      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li tgħid li l-miżura kkonċernata għandha tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, din tirriżulta f’dan il-każ mill-vantaġġ mogħti mill-eżenzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi meta pparagunata ma’ dik ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati minn din l-għajnuna (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-fatt li l-eżenzjoni inkwistjoni tibbenefika wkoll lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra ma huwiex ta’ natura li jpoġġi indiskussjoni l-fatt li din tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, l-impriżi kollha li jipprovdu servizzi lill-impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi ta’ rtirar u li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni inkwistjoni, kemm jekk ikunu stabbiliti fl-Awstrija jew fi Stati Membri oħra, jaraw jonqsu l-opportunitajiet tagħhom li joffru s-servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 34 u 35).

61      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi, li barra minn hekk ma humiex eżentati, ipprovduti bejn impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi tal-irtirar tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

62      Il-Gvern Awstrijak jitlob li l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza jkunu limitati għall-fatti li seħħew wara d-data ta’ din is-sentenza. Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għandha konsegwenzi sinjifikattivi għas-settur Awstrijak tal-banek u tal-assigurazzjoni, peress li t-tranżazzjonijiet kollha eżentati skont l-eżenzjoni inkwistjoni għandhom jiġu evalwati mill-ġdid, fatt li barra minn hekk jista’ jwassal għal ħafna kawżi quddiem il-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, l-operaturi kkonċernati aġixxew in bona fide u b’osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li ilha fis-seħħ għal għexur ta’ snin.

63      Għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ dawn ir-regoli, kif għandhom jew kif kellhom jinftiehmu u jiġu applikati mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tista’, fl-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tintalab biex tillimita l-possibbiltà, lil kull persuna kkonċernata, li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tpoġġi indiskussjoni relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji, peress li dawn il-kriterji huma kumulattivi (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 132 u 136 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti f’bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa biex jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva għal dak li jirrigwarda l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kien eventwalment ikkontribwixxa l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fir-rigward tal-kriterju dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, għandu jitfakkar li huwa l-Istat Membru li jitlob limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza mogħtija b’mod preliminari li għandu jipproduċi, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċifri li jistabbilixxu r-riskju ta’ tali riperkussjonijiet (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Issa, f’dan il-każ, il-Gvern Awstrijak sempliċement isemmi konsegwenzi importanti, mingħajr ebda preċiżazzjoni dwar il-portata tas-servizzi bejn impriżi li jaqgħu taħt is-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi tal-irtirar, li jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni, u għalhekk tal-impatt potenzjali ta’ obbligu ta’ ħlas tal-VAT relatata ma’ dawn is-servizzi fuq dan is-settur.

67      Fi kwalunkwe każ, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-snin fiskali magħluqa definittivament ma għandhomx jinfetħu mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji nazzjonali wara din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, DNB Banka, C‑326/15, EU:C:2017:719, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tista’ u għandha tiġi applikata għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari meta, barra minn hekk, ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari fil-qasam tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717 punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kriterju dwar ir-riskju ta’ diffikultajiet serji ma huwiex issodisfatt, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kriterju dwar il-bona fide tal-persuni kkonċernati huwiex issodisfatt.

69      Għalhekk, ma hemmx lok li jiġu llimitati l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tas-servizzi, li barra minn hekk ma humiex eżentati, ipprovduti bejn impriżi li jwettqu prinċipalment tranżazzjonijiet relatati mas-settur tal-banek, tal-assigurazzjoni jew tal-fondi tal-irtirar tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.