|
7.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 91/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/541
tal-15 ta' Frar 2016
li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarja biex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (2015/1410) (1)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits pubbliċi eċċessivi u jistabbilixxi l-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta' defiċit eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn rapidu lejn pożizzjonijiet baġitarji solidi filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika. |
|
(2) |
Fis-27 ta' April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja. |
|
(3) |
Fl-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE (2) indirizzata lill-Greċja taħt l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 TFUE bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2014. Il-Kunsill stabbilixxa l-2014 bħala l-iskadenza għall-korrezzjoni tas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, u miri annwali għad-defiċit pubbliku. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/320/UE ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. Billi kellhom isiru aktar emendi, fl-interess taċ-ċarezza, din ġiet riformulata, fit-12 ta' Lulju 2011, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE (3). Sussegwentement, dik id-Deċiżjoni ġiet emendata b'mod sinifikattiv diversi drabi bejn it-8 ta' Lulju 2011 u Diċembru 2012 (4). |
|
(5) |
Id-deterjorament ferm gravi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Greċja wasslet lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jiddeċiedu li jipprovdu sostenn ta' stabbiltà, bil-għan li l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha tiġi salvagwardata, flimkien ma' assistenza multilaterali pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Minn Mejju 2010 sa Ġunju 2015, l-appoġġ provdut mill-Istati Membri taż-żona euro ħa l-forma kemm ta' Faċilità ta' Self bilaterali favur il-Greċja kif ukoll ta' self mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja ('EFSF'). Is-sostenn tal-kredituri kien akkumpanjat minn kondizzjonijiet estensivi ta' politika, inkluż ir-rispett min-naħa tal-Greċja tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE u l-emendi sussegwenti għaliha. |
|
(6) |
Fit-8 ta' Lulju 2015, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“MES”) fil-forma ta' self għal tliet snin, u fit-12 ta' Lulju 2015 ntlaħaq qbil fil-prinċipju dwar l-għoti ta' self sa massimu ta' EUR 86 000 miljun lill-Greċja. Fis-17 ta' Lulju, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES inkariga lill-Kummissjoni Ewropea, f'koordinament mal-Bank Ċentrali Ewropew, u mal-Fond Monetarju Internazzjonali, biex jinnegozja Memorandum ta' Qbil (“MtQ”) li jindika fid-dettall il-kondizzjonijiet ta' politika għal faċilità ta' assistenza finanzjarja li tkopri l-perjodu 2015-2018 skont l-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES. |
|
(7) |
F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu, Stat Membru li jitlob assistenza finanzjarja mill-MES ikollu jipprepara programm ta' aġġustament makroekonomiku (“il-Programm”) għall-approvazzjoni mill-Kunsill. Tali programm għandu jiżgura l-adozzjoni ta' sett ta' riformi meħtieġa għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-kuntest regolatorju. |
|
(8) |
Il-Programm imħejji mill-Greċja ġie approvat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 (6). |
|
(9) |
L-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi wkoll li, meta Stat Membru li jkun soġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku taħt l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament ikun ukoll soġġett għal deċiżjoni taħt l-Artikolu 126(9) TFUE għall-korrezzjoni ta' defiċit eċċessiv, il-miri baġitarji annwali tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu għandhom jiġu integrati fid-deċiżjoni li jingħata avviż taħt l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (7); barra minn hekk, il-miżuri li jwasslu għal dawk il-miri fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandhom wkoll ikunu integrati fid-deċiżjoni li jingħata avviż taħt l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Barra dan l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi li l-Istat Membru għandu jkun eżentat milli jippreżenta rapporti taħt l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Finalment, l-Artikolu 10(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi li l-monitoraġġ isir kif previst skont l-Artikolu 7(4) ta' dak ir-Regolament u l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-monitoraġġ taħt l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 u mill-monitoraġġ li jakkumpanja kull deċiżjoni skont l-Artikolu 6(2) ta' dak ir-Regolament. |
|
(10) |
Attwalment huwa previst li l-attività ekonomika fil-Greċja ser tkun ferm aktar dgħajfa milli kien mistenni meta ġiet adottata l-aħħar emenda għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE f'Diċembru 2012. Kemm il-PGD reali kif ukoll dak nominali huma mistennija jkunu f'livelli ferm aktar baxxi fl-2015 u l-2016 milli kien mistenni fil-Previżjoni tar-Rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, minħabba l-inċertezza politika, in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-riformi, in-nuqqas fid-dħul pubbliku, l-għeluq tal-banek u l-impożizzjoni ta' kontrolli tal-kapital. Il-Kummissjoni aġġornat il-previżjoni tagħha għat-tkabbir tal-PGD f'Awwissu 2015, kif neċessarju bħala sostenn għan-negozjati għall-MtF meħtieġ għal programm tal-MES. Skont din il-Previżjoni, il-PGD reali fl-2015-2016 huwa pprojettat li jonqos bi 2,3 % u 1,3 % rispettivament, (meta mqabbel ma' tkabbir pożittiv ta' 0,5 % u 2,9 % fil-Previżjoni tar-Rebbiegħa tal-2015 għas-snin korrispondenti), qabel jikber b'2,7 % fl-2017 u 3,1 % fl-2018. Dan id-deterjorament notevoli tax-xenarju ekonomiku fl-2015-2016 jimplika deterjorament korrispondenti tal-prospettiva għall-finanzi pubbliċi jekk ma jinbidlux il-linji politiċi. |
|
(11) |
Huwa stmat li l-Greċja tejbet id-defiċit strutturali tagħha b'16-il punt perċentwali tal-PGD minn defiċit ta' 15,2 % fl-2009 għal stima ta' surplus ta' 1 % fl-2014, u b'hekk ġie żgurat titjib fil-bilanċ strutturali fl-2009-2014, li hu akbar b'mod sinifikanti minn dak ir-rekwiżit ta' mill-inqas 10 punti perċentwali tal-PGD matul il-perijodu rrakkomandat mill-Kunsill. Fl-2014, id-defiċit pubbliku laħaq 3,5 % tal-PGD, b'mod ċar fil-limitu tad-defiċit pubbliku ta' 4,5 % tal-PGD (abbażi tal-ESA2010) għall-2014 stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Madankollu, il-bilanċ primarju ta' 0,4 % tal-PGD kien sostanzjalment aktar dgħajjef milli mistenni u ma laħaqx il-mira stabbilita ta' 1,5 % tal-PGD minħabba kombinazzjoni ta' fatturi inkluż l-inverżjoni fiċ-ċiklu ekonomiku u impatt negattiv relatat mad-dħul tal-baġit, l-illaxkar fil-politika fiskali u aktar inċertezza ekonomika. L-indeboliment tal-kuntest makroekonomiku akkumpanjat b'miżuri fiskali temporanji li jiskadu fl-2015, madankollu, għamluha impossibbli li tintlaħaq il-mira tal-bilanċ primarju ta' 3 % tal-PGD fl-2015 prevista fl-aħħar emenda għad-Deċiżjoni 2011/734/UE li ġiet adottata f'Diċembru 2012. Il-miri fiskali ġew, għalhekk, riveduti 'l isfel b'mod sostanzjali, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi makroekonomiċi u s-sitwazzjoni fiskali attwali, biex jiġi evitat li l-politika fiskali tkun eċċessivament restrittiva fuq terminu qasir. |
|
(12) |
Il-Greċja għalhekk ser issegwi direzzjoni fiskali ġdida, ibbażata fuq miri ta' surplus primarju ta' – 0,25, 0,5, 1,75, u 3,5 % tal-PGD fl-2015, l-2016, l-2017 u l-2018 u lil hinn, rispettivament. It-trajettorja tal-miri fiskali hija konsistenti mar-rati ta' tkabbir mistennija tal-ekonomija Griega hekk kif tkun qed tirkupra mill-akbar reċessjoni tagħha qatt irreġistrata. Id-direzzjoni riveduta timplika li d-defiċit pubbliku ser jinżel taħt it-3 % tal-PGD fl-2017. |
|
(13) |
Skont il-previżjoni aġġornata tas-servizzi tal-Kummissjoni għat-tkabbir fil-PGD nominali, il-bilanċ primarju tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jilħaq defiċit ta' EUR 7 631 miljun (4,4 % tal-PGD) fl-2015, defiċit ta' EUR 6 166 miljun (3,6 % tal-PGD) fl-2016, defiċit ta' EUR 4 089 miljun (2,3 % tal-PGD) fl-2017 u defiċit ta' EUR 753 miljun (0,4 % tal-PGD) fl-2018. |
|
(14) |
Il-baġit għall-2016 li għandu jiġi adottat mill-Parlament Grieg jifforma parti mill-Istrateġija Fiskali fuq Terminu Medju (MTFS) 2016-2019, bil-għan li jipprovdi konsolidazzjoni fiskali mdaqqsa u li titwettaq sa mill-bidu tal-Istrateġija, b'iffrankar ta' aktar minn EUR 6 900 miljun, qrib l-4 % tal-PGD. |
|
(15) |
Il-fatt li r-reviżjoni tal-programm finali tal-EFSF ma tkomplietx, il-pagamenti tas-servizz tad-dejn li ma sarux, l-iskadenza tal-programm tal-EFSF u l-introduzzjoni ta' kontrolli fuq il-kapital ħolqu ċirkostanzi ġodda li wasslu għal deterjorament qawwi ulterjuri fis-sostenibbiltà tad-dejn. Dan ġara minħabba stimi aktar baxxi, reviżjoni 'l isfel tal-miri tas-surplus primarju, reviżjoni 'l isfel tad-dħul mill-privatizzazzjoni, deterjorament qawwi tal-bżonnijiet ta' finanzjament tas-settur bankarju wara l-impożizzjoni tal-kontrolli kapitali, il-bżonn ta' likwidazzjoni ogħla tal-arretrati wara nuqqas ta' likwidità esperjenzata minħabba l-effetti sovrani u ta' valutazzjoni minħabba d-deprezzament tal-euro fir-rigward tad-drittijiet speċjali ta' prelevament. Bħala riżultat ta' dawn l-iżviluppi, ir-relazzjoni tad-dejn mal-PGD hija mistennija li tilħaq 198,3 % fl-2016, qabel ma tonqos għal 169,3 % fl-2020, 154,5 % fl-2022 u 115,9 % fl-2030 fix-xenarju bażi. |
|
(16) |
Meta jitqiesu dawk l-iżviluppi, jeħtieġ li d-direzzjoni ta' aġġustament lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tiġi aġġornata. L-impenn li ħadet il-Greċja jikkonċerna mhux biss il-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali, iżda wkoll dawk il-miżuri meħtieġa biex jissaħħaħ il-kuntest li jiffavorixxi t-tkabbir u li jiġi minimizzat kwalunkwe impatt soċjali negattiv. |
|
(17) |
Kull miżura stipulata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 hija strumentali fil-kisba tal-aġġustament baġitarju neċessarju. Xi miżuri għandhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni baġitarja tal-Greċja filwaqt li l-oħrajn huma miżuri strutturali li ser jirriżultaw f'titjib fil-governanza fiskali u sitwazzjoni baġitarja aktar solida fuq terminu medju. |
|
(18) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jidher li huwa neċessarju li ssir reviżjoni tal-miri baġitarji annwali preċedenti u tal-miżuri li wasslu għal dawk il-miri. Il-miri baġitarji annwali ġodda u miżuri li jwasslu għal dawk il-miri huma dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni attwali ta' defiċit eċċessiv malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-2017.
2. Id-direzzjoni ta' aġġustament lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandha tkun immirata biex jintlaħqu l-miri annwali tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika, kif stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 u ser tkun ibbażata fuq miri ta' surplus primarju ta' – 0,25, 0,5, 1,75 u 3,5 % tal-PGD fl-2015, l-2016, l-2017 u l-2018 u lil hinn, rispettivament. It-trajettorja tal-miri fiskali hija konsistenti mar-rati ta' tkabbir mistennija tal-ekonomija Griega hekk kif tkun qed tirkupra mill-akbar reċessjoni tagħha qatt irreġistrata. Id-direzzjoni riveduta timplika li d-defiċit pubbliku ser jinżel taħt it-3 % tal-PGD fl-2017.
3. Il-Greċja għandha tadotta u timplimenta bis-sħiħ il-miżuri kollha ta' aġġustament fiskali, ekonomiċi u strutturali inkorporati fil-programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju kif approvat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544.
4. Il-Greċja għandha tkun lesta tadotta miżuri ulterjuri jekk jimmaterjalizzaw riskji għall-pjanijiet baġitarji. Miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja għandhom jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
M.H.P. VAN DAM
(1) Dan l-att oriġinarjament ġie adottat bl-Ingliż biss u ppubblikat fil-ĠU L 219, 20.8.2015, p. 8.
(2) ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.
(3) ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/791/UE tat-8 ta' Novembru 2011 (ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/211/UE tat-13 ta' Marzu 2012 (ĠU L 113, 25.4.2012, p. 8), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/6/UE tal-4 ta' Diċembru 2012 (ĠU L 4, 9.1.2013, p. 40).
(5) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(6) Ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(7) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 10 Volum 001 p. 89).